EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0545

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 545/2012 tal- 25 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

OJ L 165, 26.6.2012, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 18 Volume 012 P. 210 - 211

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/545/oj

26.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/23


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 545/2012

tal-25 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/206/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Jannar 2012 il-Kunsill adotta Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (2) bil-għan li jdaħħal fis-seħħ il-parti l-kbira tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2011/782/PESK (3). Dak ir-Regolament jipprojbixxi, inter alia, l-għoti ta’ ċertu finanzjament u ċerta għajnuna finanzjarja relatati ma’ merkanzija suġġetta għall-projbizzjoni ta’ esportazzjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2012/322/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK (4), tiżviluppa aktar l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi relatati ma’ għajnuna finanzjarja fil-kuntest tal-embargo kontra l-armi.

(3)

Dawk il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effikaċi, dan ir-Regolament għandu jidħol is-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   Huma pprojbiti:

(a)

l-għoti, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*) (“Lista Militari Komuni”) jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għal użu fis-Sirja;

(b)

l-għoti, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir, oġġetti jew teknoloġija li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna jew għall-manifattura u l-manutenzjoni ta’ prodotti li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna kif elenkati fl-Anness I jew IA, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għal użu fis-Sirja;

(c)

l-għoti, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, jew fl-Anness I jew IA, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti, jew għal kwalunkwe għoti ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għal użu fis-Sirja;

(d)

il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u b'mod intenzjonat, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).

(*)  ĠU C 86, 18.3.2011, p. 1.”;"

(2)

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 3 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“4.   Għandha tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru relevanti, kif identifikat fil-websajts imsemmija fl-Anness III, għall-għoti ta’:

(a)

għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir, oġġetti jew teknoloġija elenkati fl-Anness IX u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawn it-tagħmir, oġġetti u teknoloġija, b'mod dirett jew indirett, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għal użu fis-Sirja;

(b)

finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija imsemmija fl-Anness IX, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti u teknoloġija, jew għal kwalunkwe għoti ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għal użu fis-Sirja;

L-awtoritajiet kompetenti ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, jekk huma jkollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li dawk it-tranżazzjonijiet huma jew jistgħu jkunu maħsuba sabiex jikkontribwixxu għal repressjoni interna jew għall-manifattura u l-manutenzjoni ta' prodotti li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 110, 24.4.2012, p. 36.

(2)  ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 319, 2.12.2011, p. 56.

(4)  Ara paġna 45 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top