EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0045

Direttiva tal-Kummissjoni 2012/45/UE tat- 3 ta’ Diċembru 2012 li tadatta għat-tieni darba l-Annessi tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi għall-progress xjentifiku u tekniku Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 332, 4.12.2012, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 023 P. 164 - 165

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/45/oj

4.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/18


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/45/UE

tat-3 ta’ Diċembru 2012

li tadatta għat-tieni darba l-Annessi tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi għall-progress xjentifiku u tekniku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness I, it-Taqsima I.1, l-Anness II, it-Taqsima II.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE jirreferu għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi fuq it-triq, bil-ferrovija u fuq passaġġi tal-ilma interni kif definit fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet internazzjonali jiġu aġġornati kull sentejn. Konsegwentement, il-verżjonijiet li ġew emendati l-aħħar ta’ dawn il-ftehimiet għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2013, b’perjodu tranżitorju sat-30 ta’ Ġunju 2013.

(3)

L-Anness I, it-Taqsima I.1, l-Anness II, it-Taqsima II.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan:

(4)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2008/68/KE

Id-Direttiva 2008/68/KE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Anness I, it-Taqsima I.1 tinbidel b’dan li ġej:

‘I.1.   ADR

L-Annessi A u B tal-ADR, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, kif mifhum illi l-frażi ‘parti kontraenti’ tinbidel bi ‘Stat Membru’ kif xieraq.’

2.

Fl-Anness II, it-Taqsima II.1 tinbidel b’dan li ġej:

‘II.1.   RID

L-Anness tar-RID, li jidher fl-Appendiċi C tal-COTIF, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, kif mifhum illi l-frażi ‘Stat Kontraenti RID’ tinbidel bi ‘Stat Membru’ kif xieraq.’

3.

Fl-Anness III, it-Taqsima III.1 tinbidel b’dan li ġej:

‘III.1.   ADN

Ir-Regolamenti annessi tal-ADN, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, kif ukoll l-Artikoli 3(f), 3(h), 8(1), 8(3) tal-ADN, kif mifhum illi l-frażi ‘parti kontraenti’ tinbidel bi ‘Stat Membru’ kif xieraq.’

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2013. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.


Top