EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0119

2012/119/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Frar 2012 li tistipula r-regoli rigward gwida dwar il-ġbir tad-dejta u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom imsemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (notifikata bid-dokument numru C(2012) 613) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 63, 2.3.2012, p. 1–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 012 P. 273 - 311

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/119/oj

2.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Frar 2012

li tistipula r-regoli rigward gwida dwar il-ġbir tad-dejta u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom imsemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 613)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/119/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/75/UE jesiġi li l-Kummissjoni torganizza skambju ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali bejnha u l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-ħarsien ambjentali sabiex jiġi ffaċilitat it-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) kif iddefiniti fl-Artikolu 3(11) ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2010/75/UE, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jindirizza, fost l-oħrajn, il-prestazzjoni ambjentali tal-installazzjonijiet u tat-tekniki, il-monitoraġġ assoċjat u l-aqwa tekniki disponibbli u t-tekniki emerġenti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2011 li tistabbilixxi forum għall-iskambju tal-informazzjoni skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (2) stabbilixxiet forum magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-ħarsien ambjentali.

(4)

Skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2010/75/UE, fit-13 ta’ Settembru 2011 il-Kummissjoni kisbet l-opinjoni (3) ta’ dak il-forum dwar il-gwida rigward il-ġbir tad-dejta u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom inkluż dwar kemm huma xierqa l-kontenut u l-format tagħhom, u għamlet din l-opinjoni pubblikament disponibbli.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-gwida dwar il-ġbir tad-dejta u t-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom inkluż dwar kemm huma xierqa l-kontenut u l-format tagħhom kif imsemmi fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2010/75/UE hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(2)  ĠU C 146, 17.5.2011, p. 3.

(3)  http://circa.europa.eu/Public/irc/env/ied/library?l=/ied_art_13_forum/opinions_article


ANNESS

GWIDA

dwar l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE u li tinkludi l-ġbir ta’ dejta u t-tfassil ta’ dokumenti ta’ referenza tal-BAT u l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom

KAPITLU 1: PROĊEDURA GĦAT-TFASSIL U R-REVIŻJONI TAD-DOKUMENTI TA’ REFERENZA TAL-AQWA TEKNIKI DISPONIBBLI (BAT) (BREF) 6

1.1.

Kuntest 6

1.1.1.

X’inhu BREF u x’inhu l-għan tiegħu 6

1.1.2.

BREFs “orizzontali” u “vertikali” 7

1.2.

Proċedura għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs 7

1.2.1.

Proċedura ġenerali għat-tfassil ta’ BREF ġdid 7

1.2.2.

Proċedura ġenerali għar-reviżjoni ta’ BREF 7

1.2.3.

L-objettiv ta’ reviżjoni ta’ BREF 7

1.2.4.

Il-fluss tax-xogħol tipiku għat-tfassil u r-reviżjoni ta’ BREFs 8

1.3.

Opinjoni tal-Forum stabbilit skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE 11

1.4.

Adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT u pubblikazzjoni tal-BREF 11
KAPITLU 2: KONTENUT U AMBITU TA’ BREF 11

2.1.

Introduzzjoni 11

2.2.

Struttura ta’ BREF 11

2.3.

Il-kontenut ta’ BREF 12

2.3.1.

Informazzjoni ġenerali dwar il-kontenut ta’ BREF 12

2.3.2.

Daħla 12

2.3.3.

Ambitu 12 12

2.3.4.

Informazzjoni ġenerali dwar is-settur ikkonċernat 13

2.3.5.

Proċessi u tekniki applikati 13

2.3.6.

Livelli attwali ta’ emissjoni u konsum 13

2.3.7.

Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT 14

2.3.7.1.

Informazzjoni ġenerali dwar it-tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT 14

2.3.7.2.

Informazzjoni mogħtija dwar kull teknika 14

2.3.7.2.1.

Deskrizzjoni 15

2.3.7.2.2.

Deskrizzjoni teknika 15

2.3.7.2.3.

Il-benefiċċji ambjentali miksuba 15

2.3.7.2.4.

Dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali 15

2.3.7.2.5.

Effetti transmedjali 15

2.3.7.2.6.

Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabilità 16

2.3.7.2.7.

Ekonomija 16

2.3.7.2.8.

Il-forza li tmexxi l-implimentazzjoni 17

2.3.7.2.9.

Eżempji ta’ impjanti 17

2.3.7.2.10.

Riċensjoni ta’ referenza 17

2.3.8.

Konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) 17

2.3.9.

Tekniki emerġenti 17

2.3.10.

Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura 18

2.3.11.

Referenzi 18

2.3.12.

Glossarju tat-termini u tat-taqsiriet 18

2.3.13.

Annessi 18
KAPITLU 3: KONKLUŻJONIJIET TAL-BAT 18

3.1.

Introduzzjoni 18

3.2.

Elementi f’konklużjoni ta’ BAT individwali 19

3.2.1.

Ġenerali 19

3.2.2.

Deskrizzjoni tat-tekniki 19

3.2.3.

Informazzjoni għall-valutazzjoni tal-applikabbiltà tat-tekniki 19

3.3.

Konklużjonijiet ta’ BAT individwali b’livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati 20

3.3.1.

Konklużjonijiet ta’ BAT individwali bil-livelli ta’ emissjoni assoċjati 20

3.3.2.

Konklużjonijiet tal-BAT individwali assoċjati mal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali minbarra l-livelli ta’ emissjoni 21

3.4.

Konklużjonijiet ta’ BAT individwali mingħajr il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT 21
KAPITLU 4: ORGANIZZAZZJONI TAL-ISKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI 22

4.1.

Introduzzjoni 22

4.2.

Ir-rwol tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE 22

4.3.

Ir-rwol tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/75/UE 22

4.4.

Ir-rwol tal-gruppi ta’ ħidma tekniċi (TWGs) 22

4.4.1.

L-istabbiliment tat-TWGs 22

4.4.2.

Responsabbiltajiet u kompiti tat-TWG 23

4.4.3.

Is-sottogruppi tat-TWG 24

4.4.4.

Żjarat fuq il-post 24

4.4.5.

Involviment tal-fornituri tat-tagħmir fl-iskambju tal-informazzjoni 24

4.5.

Ir-rwol tal-EIPPCB 24

4.6.

Miri għall-iskambju ta’ informazzjoni 25

4.6.1.

Stabbiliment tal-“lista ta’ xewqat” 25

4.6.2.

Laqgħat tat-TWG 26

4.6.2.1.

Ġenerali 26

4.6.2.2.

Il-laqgħa tal-bidu 26

4.6.2.3.

Laqgħa finali tat-TWG 27

4.6.2.3.1.

Ġenerali 27

4.6.2.3.2.

Opinjonijiet diverġenti 27

4.6.3.

L-ewwel serje ta’ ġbir ta’ dejta wara l-laqgħa tal-bidu 27

4.6.4.

Talbiet għal informazzjoni addizzjonali (Requests for additional information, RAI) 28

4.6.5.

Dokumenti ta’ ħidma u abbozzi formali ta’ BREF 28

4.6.5.1.

Abbozzi formali 28

4.6.5.2.

Abbozzi ta’ ħidma 28

4.6.6.

Kummenti dwar l-abbozzi formali tal-BREFs 28

4.7.

Għodda għall-iskambju ta’ informazzjoni 29

4.7.1.

Sistema ta’ informazzjoni tal-BAT (BATIS) 29

4.7.2.

Il-websajt tal-EIPPCB 29

4.8.

Sigurtà tad-dejta personali 30
KAPITLU 5: ĠBIR U SOTTOMISSJONI TA’ DEJTA 30

5.1.

Introduzzjoni 30

5.2.

Prinċipji ġenerali għall-ġbir u s-sottomissjoni tad-dejta għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs 30

5.2.1.

Tip ta’ dejta 31

5.2.2.

Format tad-dejta 31

5.2.3.

Kwalità tad-dejta 31

5.3.

Kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità 31

5.4.

Id-dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali meħtieġa għall-kapitli tal-BREF intitolati “Tekniki li jridu Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” u “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” 32

5.4.1.

Informazzjoni ġenerali dwar id-dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali 32

5.4.2.

Konsum 32

5.4.2.1.

Informazzjoni ġenerali dwar il-konsum 32

5.4.2.2.

Konsum ta’ materja prima u ta’ materjal/materjal għall-produzzjoni awżiljarja 32

5.4.2.3.

L-użu tal-ilma 32

5.4.2.4.

L-użu tal-enerġija 33

5.4.3.

Emissjonijiet fl-ilma 33

5.4.4.

Emissjonijiet fl-arja 34

5.4.5.

Residwi/skart 34

5.4.6.

Informazzjoni oħra 35

5.4.7.

Informazzjoni ta’ referenza li għandha takkumpanja d-dejta ta’ emissjoni 35

5.4.7.1.

Ġenerali 35

5.4.7.2.

Monitoraġġ 35

5.4.7.3.

Medji, firxiet u distribuzzjonijiet tal-valuri ta’ emissjoni 35

5.5.

Kwistjonijiet speċifiċi taħt il-mandat ta’ kull grupp ta’ ħidma tekniku 36
KAPITLU 6: ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ TAT-TFASSIL U R-REVIŻJONI TAL-BREFS 37
APPENDIĊI 1: SISTEMA TA’ KLASSIFIKAZZJONI TAL-KWALITÀ TAD-DEJTA 38
APPENDIĊI 2: IL-FLUSS TAX-XOGĦOL TIPIKU GĦAT-TFASSIL U R-REVIŻJONI TA’ BREFS 39

KAPITLU 1

Proċedura għat-tfassil u r-reviżjoni tad-dokumenti ta’ referenza tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) (BREF)

1.1.   Kuntest

1.1.1.   X’inhu BREF u x’inhu l-għan tiegħu

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/75/UE jesiġi li l-Kummissjoni torganizza skambju ta’ informazzjoni bejnha u l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovi l-protezzjoni ambjentali sabiex tfassal, tirrevedi u, fejn ikun hemm bżonn, taġġorna dokumenti ta’ referenza tal-BAT (minn hawn ’il quddiem “BREFs”).

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva, jesiġi wkoll li dak l-iskambju ta’ informazzjoni għandu, b’mod partikolari, jindirizza dan li ġej:

(a)

il-prestazzjoni tal-installazzjonijiet u tat-tekniki f’termini ta’ emissjonijiet, imfissra bħala medji fuq perjodu qasir u twil, fejn xieraq, u l-kundizzjonijiet ta’ referenza assoċjati, il-konsum u n-natura tal-materja prima, il-konsum tal-ilma, l-użu tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tal-iskart;

(b)

it-tekniki użati, il-monitoraġġ assoċjat, l-effetti minn mezz għall-ieħor, il-vijabilità ekonomika u teknika u l-iżviluppi fihom;

(c)

l-aqwa tekniki disponibbli u t-tekniki emerġenti identifikati wara li jkunu ġew ikkunsidrati l-kwistjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

Dokument ta’ referenza tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) (BREF), li jirriżulta minn dan l-iskambju ta’ informazzjoni, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(11) tad-Direttiva 2010/75/UE. Dan huwa dokument imfassal għal attivitajiet iddefiniti li jiddeskrivi, b’mod partikolari, it-tekniki applikati, il-livelli attwali ta’ emissjoni u tal-konsum, it-tekniki meqjusin għad-determinazzjoni tal-BAT kif ukoll il-konklużjonijiet tal-BAT u kwalunkwe teknika emerġenti, b’kunsiderazzjoni speċjali għall-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2010/75/UE. Għalhekk, bħala definizzjoni, BREF huwa dokument deskrittiv u dan ma jistipulax l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika, u lanqas ma jinterpreta d-Direttiva 2010/75/UE.

L-aqwa tekniki disponibbli (BAT) huma ddefiniti fl-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 2010/75/UE bħala l-istadju l-aktar effettiv u avvanzat fl-iżvilupp tal-attivitajiet u l-metodi tagħhom ta’ tħaddim li jindika l-adegwatezza prattika ta’ tekniki partikolari biex tiġi pprovduta l-bażi għall-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet u kundizzjonijiet oħra tal-permessi maħsuba biex jipprevjenu u, fejn dan ma jkunx prattiku, inaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent inġenerali.

a.

It-“Tekniki” jinkludu kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod li bih l-installazzjoni tkun iddisinjata, mibnija, imħaddma u dekummissjonata.

b.

“Tekniki disponibbli” tfisser dawk żviluppati fuq skala li tkun tippermetti l-implimentazzjoni fis-settur rilevanti industrijali, taħt kundizzjonijiet ekonomiċi u teknikament vijabbli, waqt li jitqiesu l-ispejjeż u l-vantaġġi, sew jekk it-tekniki jintużaw u jkunu prodotti ġewwa l-Istat Membru inkwistjoni sew jekk le, sakemm dawn ikunu raġonevolment aċċessibbli għall-operatur

c.

“L-aqwa” tfisser l-aktar waħda effettiva biex jinkiseb livell ġenerali għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

L-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2010/75/UE jiddefinixxi wkoll “il-konklużjonijiet tal-BAT” bħala l-partijiet ta’ dokument ta’ referenza tal-BAT li jistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli, id-deskrizzjoni tagħhom, l-informazzjoni biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħhom, il-livelli ta’ emissjoni assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli, il-monitoraġġ assoċjat, il-livelli ta’ konsum assoċjati u, fejn xieraq, il-miżuri rilevanti ta’ rimedjazzjoni tas-sit. Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jiġu adottati permezz tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 75(2) tad-Direttiva 2010/75/UE. Għandhom ikunu r-referenza biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-permessi għall-installazzjonijiet koperti bid-Direttiva 2010/75/UE.

L-għan ta’ BREF huwa li jiġu ddeterminatu l-BAT, u biex jiġu llimitati żbilanċi fl-Unjoni fir-rigward tal-livell ta’ emissjonijiet minn attivitajiet industrijali. Il-BREFs għandhom jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, lill-operaturi industrijali, lill-Kummissjoni u lill-pubbliku inġenerali dwar liema BAT u tekniki emerġenti huma għall-attivitajiet koperti bid-Direttiva 2010/75/UE. Il-proċess għad-determinazzjoni tal-BAT u t-tekniki emerġenti għandu jkun trasparenti u oġġettiv, ibbażat fuq informazzjoni teknika u ekonomika affidabbli. BREF għandu jservi wkoll bħala xprunatur lejn prestazzjoni ambjentali mtejba madwar l-Unjoni.

Sabiex iservi l-iskop ewlieni tiegħu u żgur ikun faċli biex jintuża, il-kontenut tal-BREF għandu jkun limitat għall-informazzjoni rilevanti li tippermetti d-determinazzjoni tal-BAT u l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati kif stabbiliti fil-Kapitlu 3 (1) u t-tekniki emerġenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE. BREF mhuwiex maħsub bħala ktieb akkademiku dwar it-tekniki għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis. Dwar dan is-suġġett teżisti riċensjoni estensiva li l-BREF jista’ jirreferi għaliha fejn meħtieġ. Madankollu, huwa essenzjali li l-BREF jipprovdi informazzjoni dwar it-tekniki ewlenin li ġew ikkunsidrati mill-grupp ta’ ħidma tekniku (TWG – technical working group), (ara t-Taqsima (2) 4.4) għad-determinazzjoni tal-BAT, u dwar ir-raġunijiet għall-konklużjonijiet dwar il-BAT milħuqa mit-TWG.

1.1.2.   BREFs “orizzontali” u “vertikali”

BREFs jistgħu jew ikunu ristretti għal kwistjonijiet relatati ma’ attivitajiet industrijali partikolari (BREFs “vertikali”) jew jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet bejn is-setturi (BREFs “orizzontali” (3)).

BREFs “orizzontali” u “vertikali” għandhom jiġu żviluppati sabiex ikunu kumplimentari għall-iskop tal-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ permess għall-installazzjonijiet koperti bid-Direttiva 2010/75/UE. Il-BREFs “vertikali” jistgħu jinkludu informazzjoni dwar tekniki li jistgħu jgħinu lit-TWGs fid-derivazzjoni ta’ BAT għal setturi oħra. Il-BREFs “orizzontali” għandhom jinkludu informazzjoni ta’ natura ġenerika li tista’ tintuża f’ħafna attivitajiet li jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva 2010/75/UE. Fil-BREFs “orizzontali” għandha tiġi inkluża informazzjoni fejn din tkun tissupplimenta l-informazzjoni li hemm fil-BREFs “vertikali” dwar aspetti li jolqtu ħafna setturi industrijali. Dan ma għandux jirriżulta f’konklużjonijiet kunfliġġenti bejn BREFs “vertikali” u “orizzontali”. Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu kemm tal-BREFs “vertikali” kif ukoll ta’ dawk “orizzontali” b’mod kumplimentari, iridu jsiru kontroreferenzi xierqa f’BREF għal BREFs “vertikali” u “orizzontali” oħra rilevanti.

1.2.   Proċedura għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs

Il-Kummissjoni torganizza u tikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-involviment tal-Uffiċċju Ewropew tal-IPPC (EIPPCB) (fiċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka) u d-DĠ Ambjent. Il-partijiet interessati involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni kif ipprovdut fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/75/UE (l-Istati Membri, l-industriji konċernati, l-NGOs ambjentali, u l-Kummissjoni) jissorveljaw il-proċess permezz tal-Forum stabbilit skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2010/75/UE. Dawn jikkontribwixxu għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs billi jipparteċipaw fil-gruppi ta’ ħidma tekniċi (TWGs). Aktar informazzjoni dwar r-rwol tal-partijiet interessati u l-funzjonament tal-Forum u t-TWGs tingħata fil-Kapitlu 4.

Id-deċiżjoni li jitfassal BREF jew li tinbeda reviżjoni ta’ BREF tittieħed mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 13(3)(b), din tikkunsidra l-opinjoni tal-Forum dwar il-programm ta’ ħidma għall-iskambju ta’ informazzjoni.

1.2.1.   Proċedura ġenerali għat-tfassil ta’ BREF ġdid

Peress li wħud mill-attivitajiet li huma inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 2010/75/UE ma kinux inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jeħtieġ li jitfasslu BREFs ġodda.

Il-fluss tax-xogħol għat-tfassil ta’ BREF ġdid jippreżenta ħafna similaritajiet mal-fluss tax-xogħol għar-reviżjoni ta’ BREF deskritt fit-Taqsima 1.2.4. Id-differenzi ewlenin huma li għal BREFs imfassla ġodda jistgħu ma jkunux meħtieġa “xewqat” (ara t-Taqsima 4.6), li jkun meħtieġ il-ġbir ta’ aktar informazzjoni u li ġeneralment żewġ abbozz formali tal-BREF ġeneralment ikunu mistennija qabel ma ssir il-laqgħa finali tat-TWG.

1.2.2.   Proċedura ġenerali għar-reviżjoni ta’ BREF

Ir-reviżjoni tal-BREFs hija proċess kontinwu, minħabba n-natura dinamika tal-BAT. Pereżempju, jistgħu joħorġu miżuri u tekniki ġodda, ix-xjenza u t-teknoloġiji qed jiżviluppaw kontinwament, u proċessi ġodda jew emerġenti qed jiġu introdotti b’suċċess fl-industrija. Sabiex jirriflettu tali bidliet u l-konsegwenzi tagħhom għall-BAT, il-BREFs jridu jiġu riveduti perjodikament u, jekk ikun hemm bżonn, aġġornati skont dan. Dan huwa indirizzat espliċitament fil-Premessa 13 tad-Direttiva 2010/75/UE, li tindika li l-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li taġġorna l-BREFs mhux aktar tard minn tmien snin wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti.

Id-deċiżjoni li ssir reviżjoni ta’ BREF għandha tikkunsidra l-informazzjoni fil-Kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki Emerġenti” u fit-Taqsima tal-BREF “Rimarki u Rakkomandazzjonijiet tal-Aħħar għall-Ħidma tal-Ġejjieni” (ara t-Taqsima 2.2) flimkien ma’ fatturi oħra bħal indikazzjoni li tekniki ġodda jistgħu jkunu disponibbli, il-bżonn li jiġi estiż l-ambitu tal-BREF, u l-bżonn li jiġu inklużi prodotti/sustanzi jew proċessi li kienu għadhom ma ġewx koperti.

1.2.3.   L-objettiv ta’ reviżjoni ta’ BREF

L-objettiv ta’ reviżjoni ta’ BREF huwa li jiġu identifikati evoluzzjonijiet fil-BAT. Dan jinkiseb primarjament bl-eżami tal-partijiet tal-BREF li jistabbilixxu l-konklużjonijiet tal-BAT u billi dawk il-konklużjonijiet jiġu riveduti jew aġġornati fejn ikun hemm informazzjoni ġdida li tippermetti li dan isir.

Ir-reviżjoni ta’ BREF, għalhekk, mhijiex mistennija li tinvolvi kitba mill-ġdid jew modifika kompleta tal-BREF kollu. Huwa, madankollu, rikonoxxut li f’ċerti każijiet l-ewwel reviżjonijiet tal-BREFs jistgħu jinvolvu ferm aktar modifiki mir-reviżjonijiet sussegwenti.

Huwa ċar li l-informazzjoni l-ġdida l-aktar rilevanti li teħtieġ tiġi identifikata, miġbura u sottomessa fil-qafas tal-iskambju ta’ informazzjoni għal reviżjoni ta’ BREF hija dik li tista’ twassal għal konklużjonijiet riveduti jew aġġornati tal-BAT. Għal dan l-iskop, huwa kruċjali li d-dejta tinġabar abbażi tal-gwida stabbilita fil-Kapitlu 5.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni ta’ BREF għandha tinkludi:

1.

l-aġġornament u l-ikkumplimentar tal-informazzjoni ta’ sfond qadima abbażi ta’ dejta aktar riċenti;

2.

it-tneħħija ta’ informazzjoni skaduta;

3.

il-korrezzjoni ta’ żbalji u t-tneħħija ta’ kwalunkwe inkonsistenza ma’ BREFs oħra.

Ir-reviżjoni ta’ BREF għandha tiffoka l-aktar fuq il-Kapitli tal-BREF intitolati “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT”, “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (NAT)’ u “Tekniki Emerġenti” u, sa ċertu punt tiffoka inqas, fuq il-Kapitli tal-BREF intitolati “Proċessi u tekniki applikati” (fil-każ ta’ bidliet importanti f’dan il-Kapitlu) u “Livelli attwali ta’ emissjonijiet u konsum”. Ir-reviżjoni tal-Kapitli l-oħra tal-BREF għandha tingħata inqas prijorità.

B’mod ġenerali, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-informazzjoni kollha li tibqa’ fil-BREF tkun aġġornata, b’mod kemm jista’ jkun konsistenti u preċiż sa punt li jkun raġonevolement possibbli.

1.2.4.   Il-fluss tax-xogħol tipiku għat-tfassil u r-reviżjoni ta’ BREFs

Il-fluss tax-xogħol tipiku għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs (ara l-Appendiċi 2) jinkludi bħala miri ewlenin laqgħa tal-bidu, abbozz formali wieħed jew tnejn tal-BREF u laqgħa finali tat-TWG (ara t-Taqsima 4.6.2.3). Skont it-tip ta’ proċess (tfassil jew reviżjoni ta’ BREF), jeżistu l-varjanti tal-fluss tax-xogħol li ġejjin:

1.

għal BREF ġdid, jew reviżjoni ta’ BREF b’espansjoni kbira tal-ambitu, ġeneralment ikun hemm bżonn ta’ żewġ abbozzi formali; il-proċess ġenerali f’dawn il-każijiet għandu jieħu bejn 31 u 39 xahar;

2.

għall-ewwel reviżjoni ta’ BREF mingħajr espansjoni kbira tal-ambitu, jista’ jkun hemm bżonn ta’ żewġ abbozzi formali, għalkemm bħala regola ġenerali abbozz wieħed formali tal-BREF huwa mistenni li jkun biżżejjed; u għalhekk il-proċess ġeneralment jieħu bejn 24 u 29 xahar (fil-każ ta’ abbozz formali wieħed jew bejn 29 u 39 xahar fil-każ ta’ żewġ abbozzi formali);

3.

għal reviżjonijiet sussegwenti ta’ BREF mingħajr espansjoni kbira tal-ambitu, abbozz wieħed formali huwa mistenni li jkun biżżejjed u l-proċess għandu jieħu bejn 24 u 29 xahar.

Dawn il-varjanti tal-fluss tax-xogħol huma punti ta’ referenza għat-TWGs. Dawn jistgħu jiġu adattati mill-EIPPCB wara konsultazzjoni tat-TWG dwar l-ispeċifiċitajiet ta’ BREF partikolari, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-esperjenza miksuba mit-tfassil u r-reviżjoni ta’ BREFs oħra. Il-passi ewlenin għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs u l-iskedi ta’ żmien tagħhom huma deskritti f’aktar dettall fit-Tabella 1.

Dawn il-passi jikkunsidraw l-għan stabbilit fil-Premessa 13 tad-Direttiva 2010/75/UE li l-BREFs għandhom jiġu aġġustati mhux aktar tard minn tmien snin wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti.

L-iskedi ta’ żmien indikati hawn fuq għandhom jitqiesu bħala rappreżentattivi ta’ BREF “vertikali” tipiku (ara t-Taqsima 1.1.2).

Il-passi eżatti u l-iskeda taż-żmien tax-xogħol għal kull BREF għandhom jiddependu minn għadd ta’ fatturi, inkluż l-ambitu tal-BREF (u l-estensjoni possibbli tal-ambitu fil-każ ta’ reviżjonijiet tal-BREFs), l-għadd u l-kumplessità ta’ suġġetti li jeħtieġ li jiġu indirizzati, ir-riżorsi tal-EIPPCB (minħabba r-rwol ċentrali fil-proċess tal-iskambju tal-informazzjoni) u, fuq kollox, il-livell ta’ parteċipazzjoni attiva u effettiva tat-TWG. Il-flessibilità li teżisti għall-adattament tal-fluss tax-xogħol għall-ispeċifiċitajiet ta’ BREF partikolari tapplika mingħajr preġudizzju għall-objettiv ġenerali li x-xogħol jiġi kompletat fil-limiti ta’ żmien indikati hawn fuq.

Huwa mistenni li, fil-prinċipju, żewġ laqgħat plenarji tat-TWG għandhom isiru matul ir-reviżjoni ta’ BREF (il-laqgħa tal-bidu u l-laqgħa finali (ara t-Taqsima 4.6.2)). Madankollu, f’ċertu każijiet eċċezzjonali (pereżempju fejn tkun ġiet ipprovduta ħafna informazzjoni ġdida, jew fejn id-determinazzjoni tal-BAT hija partikolarment kontroversjali), tista’ ssir laqgħa plenarja addizzjonali tat-TWG. Minbarra dawn il-laqgħat plenarji tat-TWG, jistgħu jiġu organizzati laqgħat ta’ sottogruppi sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol (ara t-Taqsima 4.4.3).

Barra minn hekk, huwa mistenni li, fil-prinċipju, jiġi ppubblikat abbozz formali wieħed qabel il-laqgħa plenarja finali tat-TWG (ara t-Taqsima 4.6.2.3), minbarra fil-każ ta’ BREF ġdid, jew reviżjoni partikolarment kumplessa, inkluż, pereżempju, reviżjoni b’espansjoni kbira tal-ambitu, fejn it-tieni abbozz formali jkun neċessarju. Minbarra dan (dawn) l-abbozz(i) formali, l-abbozzi ta’ ħidma jistgħu jiġu ddistribwiti sabiex jiffaċilitaw ix-xogħol (ara t-Taqsima 4.6.5).

Sabiex isir l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi minn dawk kollha involuti fit-tfassil jew ir-reviżjoni ta’ BREF, jeħtieġ li jkun hemm punt ta’ waqfien ċar għas-sottomissjoni tal-maġġoranza tal-informazzjoni mwiegħda jew identifikata fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.2.2). L-informazzjoni sottomessa wara din id-data ta’ skadenza se tiġi aċċettata biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, wara konsultazzjoni mat-TWG, u se titqies biss mill-EIPPCB meta tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għad-derivazzjoni jew l-aġġornament tal-konklużjonijiet tal-BAT.

Jekk ikun hemm bżonn, l-EIPPCB se jissottometti talbiet għal informazzjoni addizzjonali (RAI -requests for additional information) lit-TWG sabiex jiġbor kwalunkwe informazzjoni importanti nieqsa li titqies neċessarja b’mod partikolari għad-derivazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT skont il-gwida stabbilita fil-Kapitli 3 u 5 (ara t-Taqsima 4.6.4).

Tabella 1

Passi ewlenin għat-tfassil u r-reviżjoni ta’ BREF

Pass Nru

Pass ta’ reviżjoni ta’ BREF

Żmien mistenni għall-pass

(xhur)

Żmien akkumulat

(xhur)

Kummenti

0

Preparazzjoni għar-reviżjoni

 

 

Wara li jiġi finalizzat BREF, l-EIPPCB jorganizza l-forum BATIS għal dan il-BREF (ara t-Taqsima 4.7.1), b’mod partikolari dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu għar-rakkomandazzjonijiet għall-ħidma futura li jsiru fil-BREF (ara t-Taqsima 2.3.10) u minħabba r-reviżjoni futura tal-BREF. BATIS għandu jservi bħala forum għad-diskussjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bħala appoġġ tal-proċess ta’ reviżjoni li jmiss.

1

(Ri)attivazzjoni tat-TWG u sejħa għax-xewqat

2

2

L-EIPPCB jattiva/jirriattiva t-TWG (billi jitlob konferma tas-sħubija u d-dettalji tal-kuntatt). Fil-każ ta’ reviżjoni ta’ BREF, l-EIPPCB jitlob lill-membri tat-TWG jissottomettu x-xewqat tagħhom dwar informazzjoni li jixtiequ li tiġi kkunsidrata matul il-proċess ta’ reviżjoni jew modifiki/korrezzjonijiet li jixtiequ li jaraw introdotti fit-test eżistenti (ara t-Taqsima 4.6.1).

2

Il-laqgħa tal-bidu

3

5

Fil-każ ta’ reviżjoni ta’ BREF, l-EIPPCB jistruttura u jistabbilixxi lista konsolidata ta’ xewqat u, fejn ikun hemm bżonn, jiżviluppa mudelli standard għal kull kwistjoni fuq il-lista ta’ xewqat, sabiex it-TWG jipprovdi informazzjoni b’mod strutturat, effiċjenti u li tista’ tintuża direttament.

L-EIPPCB jorganizza laqgħa (ara t-Taqsima 4.6.2.2) tat-TWG sabiex jiċċara l-proċess, jiddiskuti l-lista ta’ xewqat (fil-każ ta’ reviżjoni ta’ BREF), biex jaqbel dwar l-ambitu tar-reviżjoni u biex jaqbel dwar id-dejta li trid tinġabar u l-forma tagħha abbażi tal-gwida dwar il-ġbir tad-dejta pprovduta fil-Kapitlu 5.

It-TWG jaqbel dwar proċedura abbażi tal-gwida ġenerali tal-EIPPCB biex jittratta kwistjonijiet bħal informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni, il-kunflitti ta’ interess u kwistjonijiet oħrajn relatati.

3

Informazzjoni ġdida (data tal-iskadenza)

6

11

It-TWG jiġbor u jissottometti l-informazzjoni mwiegħda jew identifikata fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-bidu. L-informazzjoni disponibbli tiġi sottomessa lill-EIPPCB mingħajr dewmien sabiex l-abbozzar ikun jista’ jibda malajr kemm jista’ jkun wara l-laqgħa tal-bidu.

Matul dan il-perjodu, l-EIPPCB jista’:

jipparteċipa fi żjarat fuq il-post, li jista’ jsir qbil dwarhom matul jew wara l-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.2.2);

jirriċerka l-informazzjoni;

jibda jfassal l-abbozz bl-użu tal-informazzjoni disponibbli sottomessa kmieni.

L-informazzjoni sottomessa mill-membri tat-TWG u miġbura mill-EIPPCB tinqasam mal-membri tat-TWG fil-“ħin reali” permezz ta’ BATIS skont it-Taqsimiet 4.7.1 u 5.3. Il-membri tat-TWG jistgħu jikkummentaw dwar l-informazzjoni sottomessa u jikkondividu l-kummenti permezz tal-BATIS.

4

Elaborazzjoni tal-ewwel abbozz formali

4 – 6

15 – 17

L-EIPPCB jipproduċi l-ewwel abbozz formali tal-BREF (jew tal-partijiet riveduti tal-BREF fil-każ ta’ reviżjoni ta’ BREF) għal konsultazzjoni formali tat-TWG (ara l-Kapitlu 2 u t-Taqsimiet 4.6.5.1 u 4.6.6).

Huwa mistenni li l-informazzjoni sottomessa matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni tipprovdi normalment l-isfond meħtieġ biex jinkiseb livell għoli ta’ kunsens dwar il-kapitli tal-BREF intitolati “Livelli attwali ta’ emissjoni u konsum” (ara t-Taqsima 2.3.6), “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7), fejn il-Kapitlu tal-BREF intitolat “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” (ara t-Taqsima 2.3.8) se jiġi inkluż fl-ewwel abbozz formali ta’ reviżjoni ta’ BREF.

5

Kummenti tat-TWG

2 – 3

17 – 20

Il-kummenti tat-TWG dwar l-abbozz għandhom jaslu fi żmien xahrejn. Meta l-konsultazzjoni tkun prevista għas-sajf jew għall-vaganzi ta’ tmiem is-sena, il-perjodu ta’ konsultazzjoni jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ tliet xhur.

6

Elaborazzjoni tat-tieni abbozz formali

(mhux obbligatorji)

3 – 7

[20 – 27]

L-EIPPCB jikkunsidra l-kummenti kollha u l-informazzjoni sottomessa. L-EIPPCB jagħmel abbozz ta’ dokument ta’ sfond inkluż valutazzjoni tal-kummenti ewlenin riċevuti u jipproduċi t-tieni abbozz formali li jkun fih mill-inqas verżjoni aġġornata tal-kapitlu tal-BREF intitolat “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” u l-aħħar verżjoni tal-kapitli tal-BREF intitolati “Livelli Attwali ta’ Emissjoni u Konsum” (ara t-Taqsima 2.3.6) u “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7).

7

Kummenti tat-TWG

(mhux obbligatorji)

2 – 3

[22 – 30]

It-tieni abbozz formali jinħareġ għal konsultazzjoni formali sabiex il-kummenti tat-TWG jiġu riċevuti fi żmien xahrejn. Meta l-konsultazzjoni tkun prevista għas-sajf jew għall-vaganzi ta’ tmiem is-sena, il-perjodu ta’ konsultazzjoni jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ tliet xhur.

8

Laqgħa finali

3 – 5

20 – 25

[25 – 35]

L-EIPPCB janalizza l-kummenti kollha u jipprepara għall-aħħar laqgħa tat-TWG. L-EIPPCB jagħmel abbozz ta’ dokument ta’ sfond inkluż valutazzjoni tal-kummenti ewlenin riċevuti (ara t-Taqsima 4.6.6), u jipprovdi mill-inqas l-aħħar verżjoni tal-kapitli tal-BREF intitolati “Livelli Attwali ta’ Emissjoni u Konsum” (ara t-Taqsima 2.3.6), “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7) u “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” (ara t-Taqsima 2.3.8).

Din il-laqgħa finali tat-TWG tfittex kunsens għal abbozz finali (ara t-Taqsima 4.6.2.3).

9

Abbozz finali

4

24 – 29

[29 – 39]

L-abbozz finali jiġi prodott għal perjodu qasir fejn jiġu riċevuti l-kummenti tat-TWG li għandu jiffoka fuq il-bidliet li jkunu saru bħala riżultat tal-konklużjonijiet tal-aħħar laqgħa. L-EIPPCB jiżgura li jingħata feedback lit-TWG dwar kif dawk il-kummenti ġew ikkunsidrati.

L-abbozz finali aġġornat u l-valutazzjoni tal-aħħar kummenti riċevuti jitpoġġew għad-disponibbiltà tal-Forum mill-inqas tmien ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Forum.

10

Preżentazzjoni f’laqgħa tal-Forum

 

 

L-abbozz finali aġġornat jiġi ppreżentat lill-Forum, li jintalab jipprovdi l-opinjoni tiegħu dwar id-dokument (ara t-Taqsima 1.3).

Il-Kummissjoni tagħmel l-opinjoni tal-Forum disponibbli pubblikament.

NB: Il-ħin bejn il-parentesi kwadri jirreferi għall-każijiet fejn jiġu ddistribwiti żewġ abbozz formali.

Sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-preparazzjoni tax-xogħol, l-EIPPCB għandu jinforma lill-Forum (ara t-Taqsima 4.3) kemm jista’ jkun kmieni bid-dati/bil-perjodu li fihom TWG huwa mistenni li jiġi riattivat jew stabbilit. Fl-istess mod, l-EIPPCB għandu jinforma lill-membri tat-TWG bil-passi li jmiss u bid-dati tal-iskadenzi possibbli.

1.3.   Opinjoni tal-Forum stabbilit skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE

Wara l-finalizzazzjoni tax-xogħol fit-TWG, l-abbozz finali aġġornat ta’ BREF għandu jintbagħat lill-Forum stabbilit skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE (ara t-Taqsima 4.3), li jintalab jipprovdi l-opinjoni tiegħu dwar id-dokument. Id-dokument għandu jiġi diskuss matul laqgħa tal-Forum. Il-Membri tal-Forum għandhom jintalbu jissottomettu l-kummenti tagħhom kollha dwar l-abbozz tal-verżjoni finali tal-BREF bil-miktub qabel il-laqgħa.

Il-Forum jista’ jindirizza, fost affarijiet oħra:

1.

kwistjonijiet li jirriżultaw fit-TWG li għalihom, l-opinjoni diverġenti tal-membru tat-TWG ikkonċernat mhijiex riflessa b’mod preċiż fit-test tal-abbozz finali;

2.

proposti motivati tal-membri tal-Forum għat-tneħħija jew il-modifika ta’ opinjoni diverġenti mfissra mir-rappreżentant tat-TWG stess;

3.

kjarifika tat-test, li mhuwiex ċar minħabba żbalji fil-lingwa Ingliża fl-abbozz finali;

4.

reviżjonijiet testwali li jirriflettu b’mod aktar preċiż il-konklużjoni milħuqa mit-TWG;

5.

korrezzjonijiet ta’ żbalji tipografiċi fl-abbozz finali;

6.

proposti biex jiġu inklużi kwistjonijiet importanti, li huma diġà rapportati fil-korp tal-BREF, fit-Taqsima “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura” (ara t-Taqsima 2.3.10).

Skont l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2010/75/UE, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-opinjoni tal-Forum dwar il-kontenut propost tal-BREF disponibbli pubblikament u se tikkunsidra l-proċeduri għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT fil-BREF finali ppubblikat.

1.4.   Adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT u pubblikazzjoni tal-BREF

L-abbozz tad-deċiżjoni dwar il-konklużjonijiet tal-BAT (ara t-Taqsima 2.3.8 u l-Kapitlu 3) se jiġi sottomess mill-Kummissjoni lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 75(2) tal-tad-Direttiva 2010/75/UE (ara t-Taqsima 4.2).

Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-“Konklużjonijiet tal-BAT”, l-EIPPCB jimmodifika, jekk ikun hemm bżonn, il-BREF skont id-deċiżjoni adottata dwar il-konklużjonijiet tal-BAT u, mingħajr dewmien, jagħmel il-verżjoni bl-Ingliż tal-BREF finali disponibbli pubblikament. Id-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jiġu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

KAPITLU 2

Kontenut u ambitu ta’ BREF

2.1.   Introduzzjoni

BREF huwa dokument tekniku li jippreżenta informazzjoni fattwali teknika u ekonomika, li jirrifletti r-riżultat tal-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE u li fih l-elementi neċessarji li jwasslu għall-konklużjonijiet tal-BAT għall-attivitajiet ikkonċernati.

Fejn TWG jidentifika kwistjonijiet li mhumiex fl-ambitu tal-BREF jew tad-Direttiva 2010/75/UE, dawn il-kwistjonijiet ma għandhomx jiġu inklużi fil-BREF.

Jekk iservi l-iskop speċifiku li jgħin lill-qarrej ifittex informazzjoni ulterjuri dwar kwistjoni, il-kumpaniji (jiġifieri installazzjonijiet jew fornituri), l-ismijiet kummerċjali, il-kontributuri jew il-membri tat-TWG jistgħu jissemmew fi BREF sakemm dan ma jmurx kontra l-liġijiet tal-kompetizzjoni.

2.2.   Struttura ta’ BREF

Id-definizzjoni ta’ BREF mogħtija fl-Artikolu 3(11) tad-Direttiva 2010/75/UE tistipula li BREF jiddeskrivi, b’mod partikolari, it-tekniki applikati, il-livelli attwali ta’ emissjoni u konsum, it-tekniki kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-aqwa tekniki disponibbli kif ukoll il-konklużjonijiet tal-BAT u kwalunkwe teknika emerġenti.

BREF għandu b’mod ġenerali jkun fih il-partijiet mogħtija fit-tabella hawn taħt:

 

Daħla

 

Ambitu

 

Kapitlu: Informazzjoni Ġenerali dwar is-settur ikkonċernat

 

Kapitlu: Proċessi u Tekniki Applikati

 

Kapitlu: Livelli Attwali ta’ Emissjoni u Konsum

 

Kapitlu: Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT

 

Kapitlu: Konklużjonijiet tal-Aqwa tekniki Disponibbli (BAT)

 

Kapitlu: Tekniki emerġenti

 

Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura

 

Referenzi

 

Glossarju tat-termini u tat-taqsiriet

 

Annessi (skont ir-rilevanza għas-settur u d-disponibbiltà tal-informazzjoni)

L-istruttura tal-BREFs kollha għandha ssegwi l-prinċipji ġenerali stabbiliti f’din it-taqsima. Madankollu, l-ordni tal-kapitli mogħti hawnhekk huwa illustrattiv u kwalunkwe BREF jista’ jiġi strutturat b’mod differenti fejn dan huwa aktar xieraq għas-suġġett tal-BREF. Il-BREFs “orizzontali” (ara t-Taqsima 1.1.2) jista’ jkollhom arranġament sostanzjalment differenti u ċerti kapitli jistgħu ma jkunu rilevanti xejn. Madankollu, ukoll għall-BREFs “orizzontali”, it-TWG għandu jipprova jiftiehem fuq il-konklużjonijiet tal-BAT safejn dawn ikunu rilevanti u possibbli.

Jekk BREF ikopri sottosetturi differenti jew passi ta’ proċess distinti b’mod ċar fi ħdan settur, jista’ jkun aktar xieraq li jkun hemm kapitli separati għal kull wieħed minn dawn is-setturi jew passi ta’ proċess u li tiġi applikata l-istruttura msemmija qabel (“Informazzjoni ġenerali” sa “Tekniki emerġenti”) ta’ kull wieħed minn dawn il-kapitli.

2.3.   Il-kontenut ta’ BREF

2.3.1.   Informazzjoni ġenerali dwar il-kontenut ta’ BREF

It-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs għandu jkollhom l-għan li jirrilaxxaw dokumenti konċiżi, li jiffokaw fuq il-konklużjonijiet tal-BAT u jżommu l-partijiet deskrittivi fil-qosor kemm jista’ jkun. Sabiex tiġi minimizzata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni, jistgħu jsiru kontroreferenzi għal BREFs oħra (jew suġġetti f’dawn id-dokumenti).

2.3.2.   Daħla

It-taqsima standard konċiża tal-BREF intitolata “Daħla” għandha tiddeskrivi l-istruttura tad-dokument, tfakkar fil-qosor il-kuntest leġiżlattiv (mingħajr ma tinterpreta d-Direttiva 2010/75/UE), u l-mod kif id-dokument ġie abbozzat (pereżempju kif inġabret u ġiet ivvalutata l-informazzjoni). It-test għandu jitfassal biex jirrifletti l-istruttura individwali ta’ kull BREF.

2.3.3.   Ambitu

It-taqsima ġeneralment konċiża tal-BREF intitolata “Ambitu” għandha tiddeskrivi b’mod kemm jista’ jkun preċiż liema attivitajiet huma koperti mid-dokument.

Din għandha tinkludi mill-inqas referenza għad-deskrizzjonijiet tal-attivitajiet rilevanti elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2010/75/UE. Fejn rilevanti, dettalji ulterjuri dwar il-proċessi u s-sottoproċessi tal-produzzjoni koperti bid-dokument għandhom jiġu inklużi.

Din it-taqsima għandha tindika wkoll l-attivitajiet/proċessi li huma esklużi b’mod intenzjonali mill-ambitu tal-BREF, filwaqt li jingħataw ir-raġunijiet għat-tali esklużjonijiet. Din għandha ssemmi wkoll l-attivitajiet ewlenin “assoċjati direttament” koperti bid-dokument, anki meta dawn ma jkunux fihom infushom attivitajiet tal-Anness I.

Ir-rilevanza ta’ BREFs oħra għandha tissemma meta dan jitqies neċessarju, permezz ta’ kontroreferenza għal dawn il-BREFs rilevanti (jew is-suġġetti fihom).

Meta l-ambitu ta’ BREF ikun jew usa’ jew idjaq mill-ambitu tal-attività/attivitajiet korrispondenti tal-Anness I skont id-Direttiva 2010/75/UE dan għandu jiġi ddefinit b’mod ċar. Id-definizzjoni tal-ambitu ta’ BREF ma tikkostitwixxix interpretazzjoni legali tad-deskrizzjonijiet tal-attivitajiet fl-Anness I għad-Direttiva 2010/75/UE.

Għall-BREFs “orizzontali”, il-kwistjonijiet koperti għandhom jiġu deskritti kif ukoll l-applikabilità tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fl-Anness I għad-Direttiva 2010/75/UE.

2.3.4.   Informazzjoni ġenerali dwar is-settur ikkonċernat

Dan il-kapitlu introduttorju qasir tal-BREF intitolat “Informazzjoni ġenerali dwar is-settur ikkonċernat” għandu jipprovdi informazzjoni ġenerali riċenti dwar is-settur tal-industrija indirizzat mill-BREF f’termini tal-għadd u d-daqs tal-installazzjonijiet, id-distribuzzjoni ġeografika, il-kapaċità u l-ekonomija tal-produzzjoni. Dan għandu jagħti indikazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali prinċipali għas-settur, fejn possibbli, b’ċertu dejta ġenerali dwar l-emissjonijiet u l-konsum (li tiffoka fuq il-kwistjonijiet ambjentali prinċipali) bħala informazzjoni ta’ sfond.

Dan il-kapitlu introduttorju ma għandux ikun l-attenzjoni prinċipali għat-tfassil jew ir-reviżjoni ta’ BREF.

2.3.5.   Proċessi u tekniki applikati

Dan il-kapitlu tal-BREF intitolat “Proċessi u tekniki applikati” għandu jiddeskrivi fil-qosor il-proċessi ta’ produzzjoni applikati bħalissa fis-settur(i) industrijali kopert(i) mill-BREF flimkien ma’ indikazzjoni tat-tekniki użati għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet.

L-attivitajiet koperti għandhom jinkludu l-attivitajiet deskritti fl-Anness I għad-Direttiva u l-“attivitajiet assoċjati direttament” filwaqt li titqies ir-rilevanza ta’ BREFs oħra għal ċerti aspetti ta’ wħud mill-“attivitajiet assoċjati”. Għandu jkun hemm deskrizzjonijiet tal-varjanti tal-proċessi, it-tendenzi tal-iżvilupp u l-proċessi alternattivi safejn dawn ikunu rilevanti għad-determinazzjoni tal-BAT. Biex titqassar, id-deskrizzjoni tkun appoġġata minn dijagrammi jew dijagrammi tal-fluss.

Dan il-Kapitlu għandu jirrifletti l-passi sekwenzjali f’unità tipika tal-manifattura. Uħud mill-kwistjonijiet li ġejjin jew kollha kemm huma (possibbilment aġġustati biex jissodisfaw il-pekuljarità tal-unitajiet tal-ipproċessar jew tal-irziezet) għandhom jiġu inklużi, għaliex dawn jistgħu jkunu rilevanti fid-determinazzjoni tal-BAT:

materja prima (inkluż sekondarja/irriċiklata) u oġġetti konsumabbli użati, inkluż ilma u enerġija,

sustanzi/materjali awżiljari użati,

preparazzjoni tal-materja prima (inkluż il-ħżin u l-manipulazzjoni),

proċessar tal-materjali,

manifattura tal-prodott,

finitura tal-prodott,

tekniki applikati għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tal-emissjonijiet,

ħżin u manipulazzjoni tal-prodott intermedju u finali,

manipulazzjoni u destin tal-prodotti sekondarji u r-residwi/l-iskart.

Ir-relazzjonijiet u r-rabtiet attwali jew possibbli bejn l-attivitajiet/il-passi tal-proċessi differenti għandhom jiġu deskritti, b’mod partikolari fejn dawn jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni ambjentali ġenerali (pereżempju fejn il-prodotti sekondarji jew ir-residwi/l-iskart minn attività waħda jistgħu jintużaw bħala materja prima għal oħra).

2.3.6.   Livelli attwali ta’ emissjoni u konsum

Dan il-kapitlu tal-BREF intitolat “Livelli Attwali ta’ Emissjoni u Konsum” għandu jirrapporta dwar il-firxa ta’ livelli attwali osservati ta’ emissjoni u konsum għall-proċess (jew proċessi) ġenerali u s-sottoproċessi tagħhom flimkien ma’ indikazzjoni tat-tekniki użati. L-informazzjoni fis-settijiet tad-dejta msemmija fit-Taqsima 5.2 tista’ tintuża għal dan l-iskop. Sabiex tingħata idea tal-prestazzjoni ambjentali relattiva tal-attivitajiet komparabbli, hemm bżonn ta’ informazzjoni dwar il-livelli ta’ produzzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu mfissra l-livelli ta’ emissjoni/konsum għal kull unità ta’ produzzjoni.

L-informazzjoni għandha tinkludi l-użu attwali osservat ta’ enerġija, ilma u materja prima. Id-dejta għandha tinkludi l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa prinċipali fl-arja u fl-ilma u l-ġenerazzjoni ta’ residwi/skart li jirriżultaw mill-attivitajiet kif ukoll indikazzjoni tal-emissjonijiet ta’ storbju u rwejjeħ, fejn rilevanti. Safejn l-informazzjoni tkun disponibbli, l-inputs għas-sottoproċessi u l-produzzjoni minnhom għandhom jiġu indikati, biex b’hekk jiġu enfasizzati s-sottoproċessi l-aktar sinifikanti f’termini ta’ ambjent u jiġu indirizzati l-għażliet għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-materjali fil-proċess sħiħ jew lil hinn. L-informazzjoni u d-dejta f’dan il-Kapitlu jipprovdu l-bażi għall-valutazzjoni tal-effetti u l-interdipendenzi ewlenin bejn mezz u ieħor.

Id-dejta dwar l-emissjoni u l-konsum ippreżentata f’dan il-kapitlu tal-BREF għandha tkun kwalifikata kemm jista’ jkun bid-dettalji dwar il-kundizzjonijiet tat-tħaddim (pereżempju l-perċentwal tal-kapaċità sħiħa, l-inklużjoni jew l-esklużjoni ta’ kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali, il-kundizzjonijiet ta’ referenza), il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni u metodi analitiċi. Il-preżentazzjonijiet statistiċi (pereżempju li juru l-firxiet medji, massimi u minimi) jistgħu jintużaw għal dan l-iskop.

2.3.7.   Tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT

2.3.7.1.   Informazzjoni ġenerali dwar it-tekniki li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT

Il-kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” huwa kruċjali fl-iżvilupp tal-konklużjonijiet tal-BAT. Dan għandu jipprovdi katalgu ta’ tekniki u l-monitoraġġ assoċjati użati:

għall-prevenzjoni tal-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma (inkluż l-ilma ta’ taħt l-art) u fil-ħamrija jew, fejn dan mhuwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tal-emssjonijiet,

għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart.

It-tekniki deskritti f’dan il-kapitlu tal-BREF huma meqjusin l-aktar rilevanti għad-determinazzjoni tal-BAT għall-attivitajiet ikkonċernati. Dawn għandhom jinkludu kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet huma ddisinjati, mibnija, miżmuma, mħaddma u dekummissjonati.

It-tekniki deskritti għandhom ikopru dawk li jnaqqsu l-użu tal-materja prima, l-ilma u l-enerġija, kif ukoll il-miżuri użati għall-prevenzjoni jew għal-limitazzjoni tal-konsegwenzi ambjentali tal-aċċidenti u l-inċidenti u l-miżuri ta’ rimedjazzjoni tas-siti. Dawn għandhom ikopru wkoll il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tat-tniġġis taħt kundizzjonijiet li mhumiex kundizzjonijiet normali tat-tħaddim (bħall-bidu u t-tmiem tat-tħaddim, tnixxigħat, ħsara, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim).

It-tekniki skaduti ma għandhomx jiġu ppreżentati.

Minħabba li l-BREFs mhumiex maħsuba biex ikunu kotba akkademiċi dwar it-tekniki ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tat-tniġġis, it-tekniki f’dan il-kapitlu għandhom jiġu deskritti b’mod konċiż.

Jekk metodu tekniku diġà huwa deskritt b’mod xieraq f’BREF ieħor, tista’ ssir kontroreferenza għal dak il-BREF. Meta jeżistu varjazzjonijiet speċifiċi għas-settur, dawn għandhom jiġu rrapportati taħt l-intestatura “Deskrizzjoni teknika” fil-BREF li jkun qiegħed jiġi aġġornat. Il-BREF għandu jinkludi wkoll informazzjoni speċifika għas-settur taħt l-intestaturi “Dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali”, “Applikabilità’ u “Eżempji ta’ impjanti”.

Dan ir-raggruppament ta’ tekniki possibbli għandu jkopri l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tat-tniġġis, filwaqt li jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tal-emissjonijiet, fejn prattikabbli, hija ppreferuta għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Prattiki tat-tħaddim tajba għandhom jiġu indirizzati u għandhom jitqiesu s-sistemi ta’ manutenzjoni (preventiva), il-metodi ta’ kontroll tal-proċessi u d-dispożizzjonijiet ta’ kontinġenza. It-tekniki li huma emerġenti fil-prattika fi ħdan is-settur u li huma tekniki stabbiliti f’setturi oħra għandhom jiġu inklużi fejn rilevanti.

Dan il-kapitlu tal-BREF għandu jkollu l-għan li jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex issir valutazzjoni ta’ jekk il-metodu tekniku jikkwalifikax, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, bħala BAT għas-settur ikkonċernat, kif ukoll sabiex tiġi vvalutata l-applikabilità tiegħu fis-settur. F’dan il-kapitlu, kull metodu tekniku għandu jiġi diskuss mingħajr preġudizzju għal jekk jissodisfax il-kriterji tal-BAT kollha (cf. l-Artikolu 3(10) u l-Anness III tad-Direttiva 2010/75/UE).

Għandu jiġi speċifikat jekk it-tekniki preżentati japplikawx għall-impjanti eżistenti, jew jekk japplikawx biss għal impjanti ġodda jew kemm għall-impjanti ġodda kif ukoll għal dawk eżistenti. Il-firxa ta’ tekniki ppreżentati għandu jkollha l-għan li tinkludi kemm tekniki bi spejjeż baxxi kif ukoll dawk bi spejjeż għoljin.

2.3.7.2.   Informazzjoni mogħtija dwar kull teknika

L-informazzjoni dwar kull teknika għandha preferibbilment tinkludi l-elementi kollha murija fit-tabella hawn taħt.

 

Deskrizzjoni

 

Deskrizzjoni teknika

 

Il-benefiċċji ambjentali miksuba

 

Dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali

 

Effetti transmedjali

 

Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabilità

 

Ekonomija

 

Il-forza li tmexxi l-implimentazzjoni

 

Eżempji ta’ impjanti

 

Riċensjoni ta’ referenza

Il-prinċipji ġenerali għall-ġbir tad-dejta inkluż l-informazzjoni msemmija hawn fuq huma stabbiliti fil-Kapitlu 5.

2.3.7.2.1.   Deskrizzjoni

Deskrizzjoni fil-qosor tat-teknika bil-għan li tintuża fil-konklużjonijiet tal-BAT (ara t-Taqsima 3.2) għandha tiġi inkluża.

2.3.7.2.2.   Deskrizzjoni teknika

Għandha tiġi inkluża deskrizzjoni teknika aktar dettaljata iżda konċiża li tuża, fejn xieraq, ekwazzjonijiet kimiċi jew oħrajn, dijagrammi u dijagrammi skematiċi (flow-charts).

2.3.7.2.3.   Il-benefiċċji ambjentali miksuba

Il-benefiċċji ambjentali potenzjali ewlenin li għandhom jinkisbu permezz tal-implimentazzjoni tat-teknika (inkluż it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija; it-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-ilma, fl-arja u fl-art; l-iffrankar tal-materja prima; kif ukoll żidiet fil-produzzjoni, tnaqqis tal-iskart, eċċ.) għandhom jiġu rapportati.

2.3.7.2.4.   Dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali

Id-dejta attwali tal-prestazzjoni speċifika għall-impjant (5) (inkluż il-livelli ta’ emissjoni (6), il-livelli ta’ konsum – tal-materja prima, l-ilma, l-enerġija – u l-ammonti ta’ residwi/skart ġenerati) minn impjanti bi prestazzjoni tajba (fir-rigward tal-ambjent fl-intier tiegħu) li japplikaw it-teknika akkumpanjata bl-informazzjoni kuntestwali rilevanti kif deskritt fit-Taqsima 5.4, għandha tissemma.

Kwalunkwe informazzjoni oħra utli dwar il-punti li ġejjin għandha tiġi inkluża:

kif tiġi ddisinjata, mħaddma, miżmuma, ikkontrollata u dekummissjonata t-teknika (ara wkoll it-Taqsima 5.4),

kwistjonijiet ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet relatati mal-użu tat-teknika (ara wkoll it-Taqsima 5.4.7),

is-sensittività u d-durabilità tat-teknika,

kwistjonijiet li jirrigwardaw il-prevenzjoni tal-aċċidenti ambjentali.

Ir-rabtiet bejn l-inputs (pereżempju n-natura u l-kwantità ta’ materja prima u l-karburanti, l-enerġija u l-ilma) u l-produzzjoni (emissjonijiet, residwi/skart, prodotti) għandhom jiġu enfasizzati, b’mod partikolari fejn dawn huma rilevanti għat-titjib tal-fehim tal-impatti ambjentali differenti u l-interazzjoni tagħhom, pereżempju fejn ċertu kumpens ikun sar bejn produzzjonijiet differenti u b’hekk ċerti livelli ta’ prestazzjoni ambjentali ma jistgħux jinkisbu fl-istess ħin.

Id-dejta tal-emissjoni u tal-konsum għandha tkun kwalifikata kemm jista’ jkun bid-dettalji tal-kundizzjonijiet ta’ tħaddim rilevanti (pereżempju l-perċentwal tal-kapaċità sħiħa, il-kompożizzjoni tal-karburanti, in-nuqqas ta’ użu tat-teknika (ta’ eliminazzjoni), l-inklużjoni jew l-esklużjoni ta’ kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali, il-kundizzjonijiet ta’ referenza), il-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analitiċi, u l-preżentazzjonijiet statistiċi (pereżempju l-medji, il-firxiet u d-distribuzzjonijiet fuq perjodu qasir u fit-tul, ara b’mod partikolari t-Taqsima 5.4.7).

L-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet/ċirkostanzi li jfixklu l-użu tat-teknika (ta’ eliminazzjoni) fil-kapaċità sħiħa u/jew li jeħtieġu l-evitar sħiħ jew parzjali tat-teknika (ta’ eliminazzjoni) u l-miżuri meħudin sabiex tiġi rrestawrata l-kapaċità (ta’ eliminazzjoni) sħiħa għandha tiġi inkluża.

L-informazzjoni f’din il-parti tal-BREF hija essenzjali għad-derivazzjoni tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT (ara t-Taqsima 3.3).

2.3.7.2.5.   Effetti transmedjali

L-effetti ambjentali negattivi rilevanti minħabba l-implimentazzjoni tat-teknika, li jippermetti paragun tat-tekniki sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq l-ambjent b’mod ġenerali għandhom jissemmew. Dawn jistgħu jinkludi kwistjonijiet bħal:

il-konsum u n-natura tal-materja prima u l-ilma,

il-konsum tal-enerġija u l-kontribuzzjoni għat-tibdil fil-klima,

il-potenzjal ta’ tnaqqis tal-ożonu stratosferiku,

il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ ożonu fotokimiku,

l-aċidifikazzjoni li tirriżulta mill-emissjonijiet fl-arja,

il-materja partikulata fl-arja ambjentali (inkluż mikropartikoli u metalli),

l-ewtrofikazzjoni tal-art u tal-ilmijiet li tirriżulta mill-emissjonijiet fl-arja jew fl-ilma,

il-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ ossiġenu fl-ilma,

il-komponenti persistenti/tossiċi/bijokumulattivi (inkluż metalli),

il-ġenerazzjoni ta’ residwi/skart,

il-limitazzjoni tal-kapaċità għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ tar-residwi/l-iskart,

il-ġenerazzjoni ta’ storbju u/jew irwejjaħ,

iż-żieda tar-riskju ta’ aċċidenti.

Id-Dokument ta’ Referenza dwar l-Ekonomija u l-Effetti Transmedjali (ECM - Economics and Cross-media Effects) huwa dokument li għandu jiġi kkunsidrat fejn hemm effetti sinifikanti transmedjali.

2.3.7.2.6.   Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabilità

Jekk it-teknika tista’ tiġi applikata mas-settur industrijali kollu kopert mill-BREF (ara t-Taqsima 2.3.3), dan għandu jiġi indikat. Inkella, ir-restrizzjonijiet tekniċi ġenerali ewlenin fuq l-użu tat-teknika fis-settur għandhom jiġu indikati.

Ir-restrizzjonijiet ewlenin speċifiċi għas-settur li huma mistennija li jiġu ċitati huma:

indikazzjoni tat-tip ta’ impjanti jew proċessi fis-settur li għalihom ma tistax tiġi applikata t-teknika,

limitazzjonijiet għall-implimentazzjoni f’ċerti każijiet ġeneriċi, b’kunsiderazzjoni ta’, pereżempju:

o jekk dan jikkonċernax impjant ġdid jew eżistenti, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi involuti fir-rikonfigurazzjoni (pereżempju d-disponibbiltà ta’ spazju) u interazzjonijiet ma’ tekniki diġà installati,

id-daqs, il-kapaċità (kbira jew żgħira) jew il-fattur tat-tagħbija tal-impjant,

il-kwantità, it-tip jew il-kwalità tal-prodott immanifatturat,

it-tip ta’ karburant jew materja prima użati,

il-benesseri tal-annimali,

il-kundizzjonijiet klimatiċi.

Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu indikati flimkien mar-raġunijiet għalihom.

Dawn ir-restrizzjonijiet mhumiex maħsuba bħala lista tal-kundizzjonijiet lokali possibbli li jistgħu jaffettwaw l-applikabilità tat-teknika għal impjant individwali.

2.3.7.2.7.   Ekonomija

L-informazzjoni dwar l-ispejjeż tat-tekniki (kapital/investiment, operat u manutenzjoni inkluż dettalji dwar kif dawn l-ispejjeż ġew ikkalkulati/stmati) u kwalunkwe tfaddil possibbli wara l-applikazzjoni tagħhom (pereżempju tnaqqis fil-konsum tal-materja prima jew tal-enerġija, l-imposti fuq l-iskart, it-tnaqqis tal-ħin għall-ħlas lura meta mqabbel ma’ tekniki oħra), id-dħul jew benefiċċji oħra inklużi dettalji dwar kif dawn ġew ikkalkulati/stmati għandhom jiġu inklużi.

Id-dejta dwar l-ispejjeż għandha preferibbilment tingħata f’euro (EUR). Jekk issir konverżjoni minn munita oħra, id-dejta fil-munita oriġinali u s-sena meta d-dejta tkun inġabret għandhom jiġu indikati. Dan huwa importanti għaliex ir-rati tal-kambju jvarjaw maż-żmien. Il-prezz/spiża tat-tagħmir jew tas-servizz għandu jkun akkumpanjat mis-sena li fih ikun inxtara.

Id-dejta dwar l-ispejjeż għandha preferibbilment tingħata fil-forma ta’ spejeż marġinali sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-bidla fl-ispejjeż totali.

L-informazzjoni dwar is-suq għas-settur għandha tiġi indikata fejn disponibbli sabiex l-ispejjeż tat-tekniki jitpoġġew fil-kuntest tagħhom.

L-informazzjoni rilevanti kemm għall-impjanti ġodda kif ukoll għal dawk eżistenti għandha tiġi inkluża. Din għandha tippermetti l-valutazzjoni, fejn possibbli, tal-vijabilità ekonomika tat-teknika għas-settur ikkonċernat u l-limitazzjonijiet ekonomiċi possibbli għall-applikabilità tagħha.

L-informazzjoni dwar il-kosteffikaċja tat-teknika (pereżempju f’EUR għal kull massa ta’ sustanza niġġiesa eliminata) għandha tiġi rrapportata fejn rilevanti sabiex issir valutazzjoni tal-vijabilità ekonomika, skont l-Artikolu 3(10)(b) tad-Direttiva 2010/75/UE.

Id-Dokument ta’ Referenza dwar l-Ekonomija u l-Effetti Transmedjali (ECM) u d-Dokument ta’ Referenza dwar il-Prinċipji Ġenerali ta’ Monitoraġġ (MON - General Principles of Monitoring) għandhom jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-aspetti ekonomiċi u l-ispejjeż ta’ monitoraġġ, rispettivament.

Fejn iqumu kwistjonijiet rigward kunfidenzjalità, dawn għandhom jiġu ttrattati kif stabbilit fit-Taqsima 5.3.

2.3.7.2.8.   Il-forza li tmexxi l-implimentazzjoni

Fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet lokali speċifiċi, ir-rekwiżiti (pereżempju l-leġiżlazzjoni, il-miżuri tas-sikurezza) jew il-kawżi mhux ambjentali (pereżempju ż-żieda fil-produzzjoni, it-titjib fil-kwalità tal-prodott, l-inċentivi ekonomiċi – pereżempju s-sussidji, il-ħelsien mit-taxxa) li mexxew jew stimulaw l-implimentazzjoni tat-teknika sal-lum għandhom jiġu inklużi.

Din il-parti tal-BREF għandha tkun qasira ħafna u tuża listi b’punti “bullet”.

L-eżempji ta’ informazzjoni li għandhom jiġu sottomessi f’dan il-kuntest jinkludu:

informazzjoni dwar it-tip/kwalità ta’ ilmijiet riċevituri (pereżempju t-temperatura, is-salinità),

informazzjoni dwar l-istandards tal-kwalità ambjentali,

informazzjoni dwar iż-żieda fil-produzzjoni jew fil-produttività.

2.3.7.2.9.   Eżempji ta’ impjanti

Referenza/i għall-impjant(i) fejn ġiet implimentata t-teknika u li minnhom inġabret l-informazzjoni u ntużat fl-abbozzar tat-taqsima tal-BREF rigward dik it-teknika għandhom jiġu elenkati, inkluża indikazzjoni rigward kemm it-teknika qiegħda tintuża fl-Unjoni jew fid-dinja.

Iċ-ċitazzjoni tal-ismijiet tal-impjanti taħt din it-taqsima tal-BREF hija meqjusa utli ħafna u b’mod ġenerali ma għandhiex timponi diffikultajiet fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità (ara t-Taqsima 5.3).

2.3.7.2.10.   Riċensjoni ta’ referenza

Ir-riċensjoni jew materjal ieħor ta’ referenza (pereżempju kotba, rapporti, studji) li ntużaw fil-kitba tat-taqsima u li fihom informazzjoni dettaljati dwar it-teknika għandhom jiġu inklużi. Meta l-materjal ta’ referenza jikkonsisti minn għadd kbir ta’ paġni, għandha ssir referenza għall-paġna/i jew għat-taqsima/taqsimiet rilevanti.

Ir-riċensjoni ta’ referenza għandha tkun disponibbli permezz tal-BATIS fejn dan ikun possibbli.

2.3.8.   Konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT)

Il-kapitlu tal-BREF intitolat “Il-Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Possibbli (BAT)” għandu jistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar xiex huma bbażati l-BAT għas-settur abbażi tal-informazzjoni skambjata kif rifless fil-kapitli preċedenti u filwaqt li tiġi kkunsidrata d-definizzjoni tal-Artikolu 3(10) tal-“aqwa tekniki disponibbli” flimkien mal-kriterji elenkati fl-Anness III għad-Direttiva 2010/75/UE. Fil-proċess ta’ stabbiliment ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-BAT, il-kriterji ewlenin tal-prestazzjoni ambjentali tat-tekniki, inkluż l-implikazzjonijiet transmedjali, kif ukoll l-ispejjeż tagħhom, huma kkunsidrati fir-rigward tas-settur tal-industrija.

Dan il-kapitlu għandu jiġi abbozzat b’mod li ma tkun meħtieġa ebda bidla sostanzjali għall-inklużjoni tiegħu f’dokument xieraq biex jiġi adottat skont l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2010/75/UE u jiġi użat bħala “konklużjonijiet tal-BAT” kif iddefinit fl-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2010/75/UE.

Għandu jiġi nnotat li l-evidenza (jiġifieri informazzjoni teknika u ekonomika li hija affidabbli) biex tappoġġj teknika bħala BAT tista’ tiġi minn installazzjoni waħda jew iżjed minn waħda li japplikaw it-teknika x’imkien fid-dinja. Fil-każijiet fejn l-informazzjoni dwar it-teknika tiġi minn installazzjoni waħda biss u/jew installazzjonijiet li jinsabu f’reġjuni terzi, għandha ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-applikabilità fis-settur mit-TWG.

Aktar informazzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-BAT u l-elementi li għandhom jinkludu skont l-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2010/75/UE tingħata fil-Kapitlu 3.

2.3.9.   Tekniki emerġenti

L-Artikolu 3(14) tad-Direttiva 2010/75/UE jiddefinixxi “teknika emerġenti”, bħala teknika ġdida għal attività industrijali li, jekk żviluppata kummerċjalment, tista’ tipprovdi jew livell ġenerali ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent jew mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni tal-ambjent u ffrankar akbar mill-aqwa tekniki disponibbli eżistenti.

Il-kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki emerġenti” għandu jidentifika tali tekniki emerġenti. Għandu jingħata każ li jiġu inklużi biss tekniki li huma fi stadju ta’ żvilupp avvanzat biżżejjed sabiex ikun hemm ċans tajjeb li dawn jistgħu jsiru BAT fil-futur (qrib).

Bħala minimu, l-informazzjoni għal kull teknika emerġenti għandha tinkludi d-deskrizzjoni tagħha, il-prestazzjoni potenzjali tagħha meta mqabbla mal-aqwa tekniki disponibbli eżistenti, stima preliminari tal-kost imqabbel mal-benefiċċji, u indikazzjoni tal-iskala ta’ żmien ta’ meta t-teknika tista’ ssir “disponibbli” kummerċjalment.

Dan il-kapitlu jista’ jinkludi wkoll tekniki li jindirizzaw il-kwistjonijiet ambjentali li għadhom kif kisbu interess fir-rigward tas-settur ikkonċernat.

It-tekniki diġà applikati fuq skala industrijali għandhom jiġu ppreżentati fil-kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7) u mhux fil-kapitlu “Tekniki Emerġenti”.

2.3.10.   Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura

Din it-taqsima qasira tal-BREF intitolata “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura” għandha tagħti d-data tal-bidu u d-dewmien tal-proċess sa meta tfassal jew ġie analizzat il-BREF kif ukoll il-miri ewlenin (pereżempju l-laqgħat tat-TWG, l-abbozzi formali tad-dokumenti maħruġa).

Għandhom jissemmew l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet rappreżentati fit-TWG li kkontribwixxew attivament għall-iskambju ta’ informazzjoni u tas-sorsi prinċipali ta’ informazzjoni li fuqha ġie bbażat il-BREF, b’enfasi fuq kwalunkwe rapport jew sottomissjoni partikolarment notevoli li kkontribwixxew għall-affidabilità tar-riżultati.

Il-livell ta’ kunsens milħuq fl-iskambju ta’ informazzjoni għandu jiġi indikat permezz tar-rappurtar tal-opinjonijiet diverġenti validi (7) mfissra mill-membri tat-TWG u l-livell ta’ appoġġ għalihom mill-membri tat-TWG.

Referenza għall-opinjoni tal-Forum dwar il-kontenut propost tal-BREF u indikazzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni li kellha tiġi solvuta matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jingħataw f’din it-taqsima.

Kwalunkwe kwistjoni miftuħa ewlenija jew nuqqas ta’ għarfien għandhom jiġu identifikati. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu inklużi għal riċerka jew ġbir ta’ informazzjoni ulterjuri għar-reviżjoni li jmiss tad-dokument.

2.3.11.   Referenzi

It-taqsima tal-BREF intitolata “Referenzi” għandha telenka s-sorsi ta’ informazzjoni użati mill-EIPPCB fl-abbozzar tad-dokument u b’mod partikolari d-dokumenti pprovduti mill-membri tat-TWG għall-iskambju ta’ informazzjoni. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-membri tat-TWG permezz tal-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1), sakemm ma jkunx fihom informazzjoni kunfidenzjali (ara t-Taqsima 5.3) jew sakemm ma jkunux jistgħu jiġu ddistribwiti ulterjurment minħabba drittijiet tal-awtur.

2.3.12.   Glossarju tat-termini u tat-taqsiriet

It-taqsima tal-BREF intitolata “Glossarju tat-termini u tat-taqsiriet”, bi struttura u introduzzjoni standard, għandha tagħti fil-qosor u tiddefinixxi t-termini tekniċi speċifiċi u tiddefinixxi l-akronomi kollha użati fid-dokument.

2.3.13.   Annessi

Skont ir-rilevanza għas-settur u d-disponibbiltà tal-informazzjoni, il-parti ewlenija tal-BREF tista’ tiġi ssupplimentata bl-annessi li fihom informazzjoni ta’ appoġġ meħuda mir-riċensjoni u/jew mill-istudju tal-każijiet.

Sommarji tal-leġiżlazzjoni ma għandhomx jiġu inklużi fil-BREF. Sommarji tar-referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, sottomessi mill-membri tat-TWG jistgħu jsiru disponibbli permezz tal-websajt tal-EIPPCB.

KAPITLU 3

Konklużjonijiet tal-BAT

3.1.   Introduzzjoni

Il-“Konklużjonijiet tal-BAT” huma ddefiniti fl-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2010/75/UE bħala li jfissru “dokument li jinkludi l-partijiet ta’ dokument ta’ referenza tal-BAT li jistabbilixxi l-konklużjonijiet dwar l-aħjar [aqwa] metodi tekniċi [tekniki] disponibbli, id-deskrizzjoni tagħhom, l-informazzjoni biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħhom, il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar [aqwa] metodi tekniċi [tekniki] disponibbli, il-monitoraġġ assoċjat, il-livelli ta’ konsum assoċjati u, fejn adatt, il-miżuri rilevanti ta’ rimedjazzjoni tas-sit”.

Il-kapitlu tal-BREF intitolat “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” għalhekk għandu jiġi abbozzat b’mod li jkopri l-aspetti kollha msemmija hawn fuq u ebda bidla sostanzjali ma hija meħtieġa għall-inklużjoni tiegħu f’dokument adattat biex jiġi adottat skont l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2010/75/UE u użat bħala konklużjonijiet tal-BAT kif iddefiniti fl-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2010/75/UE (ara t-Taqsima 2.3.8).

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, l-attivitajiet soġġetti għall-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jiġu ddefiniti b’mod mhux ambigwu fid-dokument. Barra minn hekk, għandu jissemma li l-lista ta’ tekniki deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT la hija preskrittiva u lanqas eżawrjenti. Tekniki oħra jistgħu jintużaw li jiżguraw tal-anqas livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ambjentali. Definizzjonijiet speċifiċi għas-settur ta’ “impjant/installazzjoni ġdida” u “impjant/installazzjoni eżistenti” jistgħu jiġu inklużi wkoll jekk dan ikun meħtieġ.

Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jikkonsistu minn għadd ta’ konklużjonijiet individwali li jindikaw liema teknika(i) jew il-kombinazzjoni(jiet) ta’ tekniki huma l-BAT għall-ilħiq ta’ objettiv ambjentali partikolari. Dawk it-tekniki għandhom jissemmew fil-kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT”.

Kull BAT individwali tista’ tissemma b’livell ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjat jew mingħajru. Il-livell ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjat jista’ jew ikun livell ta’ emissjoni jew inkella tip ieħor ta’ livell ta’ prestazzjoni.

Il-konklużjonijiet tal-BAT jista’ jkun fihom ukoll, meta meqjusin utli għall-awtoritajiet u l-operaturi kompetenti, dikjarazzjonijiet li jindikaw meta ċerti tekniki mhumiex BAT u b’hekk ġew esklużi deliberatament mill-konklużjonijiet tal-BAT minħabba fatturi bħal prestazzjoni ambjentali baxxa jew mhux kredibbli, in-nuqqas ta’ disponibilità, l-ekonomija, kunsiderazzjonijiet tekniċi u/jew ekonomiċi għal retrofitting, l-effetti transmedjali, jew l-affidibilità operattiva.

Skont l-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2010/75/UE, il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jindirizzaw ukoll il-monitoraġġ assoċjat mal-BAT (frekwenza u metodi ta’ monitoraġġ). Dan jista’ jsir jew billi jiġu inklużi konklużjonijiet separati dwar il-monitoraġġ jew bħala parti minn konklużjonijiet oħra bħal pereżempju fejn tingħata firxa ta’ prestazzjoni ambjentali.

Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom jindirizzaw kundizzjonijiet oħra minbarra l-kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim (bħall-bidu u t-tmien tat-tħaddim, tnixxigħat, ħsarat, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim) fejn dawn jitqiesu ta’ tħassib fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali.

Il-konklużjonijiet tal-BAT huma strutturati b’mod li ħafna konklużjonijiet individwali huma raggruppati skont karatteristiċi komuni, pereżempju kwistjonijiet ambjentali, passi tal-proċessi ta’ produzzjoni, jew il-prodott(i) finali, skont kif ikun meqjus xieraq.

3.2.   Elementi f’konklużjoni ta’ BAT individwali

3.2.1.   Ġenerali

Kull konklużjoni ta’ BAT individwali għandha tiġi ppreżentata bl-użu ta’ format standard, liema struttura tiddependi minn jekk livell ta’ prestazzjoni ambjentali jiġix assoċjat mal-BAT.

Kull konklużjoni tal-BAT individwali għandha tiġi nnumerata sabiex jiġi ffaċilitat ir-referenzjar u għandha tibda bl-indikazzjoni tal-objettiv(i) jew benefiċċju/i ambjentali mmirat(i) (pereżempju prevenzjoni/tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ trab, prevenzjoni/tnaqqis tal-konsum tal-ilma, prevenzjoni/tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart) u segwita b’“L-aqwa teknika disponibbli (BAT) hija meta tintuża/jintuża/jintużaw” u t-teknika jew kombinazzjoni ta’ tekniki li jistgħu jintużaw għall-ilħiq ta’ dan/dawn l-objettiv(i).

Kull konklużjoni tal-BAT għandu jkun fiha deskrizzjoni tat-teknika/tekniki jew kombinazzjoni ta’ tekniki għas-sodisfazzjon tal-objettiv(i) jew benefiċċju/i ambjentali msemmija u għandha tinkludi l-informazzjoni għall-valutazzjoni tal-applikabilità fis-settur ikkonċernat.

3.2.2.   Deskrizzjoni tat-tekniki

Id-deskrizzjoni tat-tekniki se tkun qasira iżda informattiva biżżejjed sabiex tkun utli għall-awtoritajiet u l-operaturi kompetenti. Akronomi u kliem tekniku mhux iddefinit għandhom jiġu evitati. Id-deskrizzjonijiet fil-qosor tat-tekniki inklużi fil-kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7) għandhom jipprovdu l-bażi għad-deskrizzjonijiet fil-konklużjonijiet tal-BAT.

Fejn rilevanti, din id-deskrizzjoni għandha tkopri wkoll l-aspetti msemmija fid-definizzjoni tal-BAT (pereżempju l-manutenzjoni, id-disinn, it-tħaddim, id-dekumissjonar).

3.2.3.   Informazzjoni għall-valutazzjoni tal-applikabbiltà tat-tekniki

Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, it-tekniki msemmija fil-konklużjonijiet tal-BAT huma ġeneralment applikabbli għall-attività konċernata. Fejn hemm restrizzjonijiet fuq l-applikabilità għal ċertu teknika, dan għandu jissemma b’mod espliċitu. L-informazzjoni inkluża fil-kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7, speċjalment informazzjoni taħt l-intestaturi “Kunsiderazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-applikabilità”, “L-Ekonomija” u “Effetti Transmedjali”) għandha tipprovdi l-bażi għall-indikazzjonijiet tal-kwistjonijiet ta’ applikabilità fil-konklużjonijiet tal-BAT.

L-informazzjoni għall-valutazzjoni tal-applikabilità ta’ tekniki partikolari għandha b’mod partikolari tindirizza dan li ġej, jekk rilevanti: impjanti/installazzjonijiet “ġodda” versus dawk “eżistenti”, id-daqs tal-impjant/installazzjoni, it-tip ta’ proċess użat, it-tip ta’ karburant jew materja prima użati, il-livelli ta’ konsum, il-fattur tat-tagħbija, il-produzzjoni jew il-produttività, il-kundizzjonijiet klimatiċi u l-ħtiġijiet tal-ispazju. Ebda effett transmedjali ma għandu jissemma sakemm ma jirriżultax f’restrizzjonijiet fl-applikabilità.

3.3.   Konklużjonijiet ta’ BAT individwali b’livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati

Il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT jistgħu jinkludu:

il-livelli tal-emissjonijiet,

il-livelli tal-konsum,

livelli oħra (pereżempju l-effiċjenza tal-eliminazzjoni).

Livell ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjat mal-BAT għandu jiġi inkluż fejn hemm bażi tajba għal dan. Dan għandu jsir abbażi tal-iskambju tal-informazzjoni mit-TWG filwaqt li jitqiesu l-kwantità u l-kwalità tad-dejta speċifika għall-impjant riċevuta matul l-iskambju tal-informazzjoni.

Il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT għandhom jitfissru bħala firxiet, minflok bħala valuri uniċi. Firxa tista’ tirrifletti d-differenzi f’ċerti tipi ta’ installazzjoni (pereżempju d-differenzi fil-grad/purità u l-kwalità tal-prodott finali, id-differenzi fid-disinn, il-kostruzzjoni, id-daqs u l-kapaċità tal-installazzjoni) li jirriżultaw f’varjazzjonijiet fil-prestazzjoni ambjentali miksuba meta tiġi applikata l-BAT.

Huwa preferibbli li tintuża firxa vera minflok espressjoni tat-tip ’< X’, minħabba li din tagħti inqas informazzjoni. Huwa aċċettabbli li tintuża espressjoni tat-tip ’< X għal Y’ (jiġifieri. ’< X’ għal-limitu l-aktar baxx tal-firxa, Y għal-limitu l-aktar għoli), fejn il-limitu l-aktar baxx tal-firxa ma jistax jiġi ddefinit b’mod preċiż, pereżempju meta d-dejta rrapportata fl-iskambju ta’ informazzjoni tkun viċin il-limitu ta’ individwazzjoni.

L-EIPPCB u t-TWG għandhom jivvalutaw id-dejta miġbura matul l-iskambju ta’ informazzjoni (ara l-Kapitlu 5) biex jagħmlu derivazzjoni tal-limitu l-aktar baxx u dak l-aktar għoli tal-firxa.

Għad-definizzjoni tal-limitu l-aktar baxx tal-firxa, jeħtieġ li tittieħed il-prestazzjoni tal-impjant(i) miksuba taħt il-kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bil-BAT li tikseb l-aqwa prestazzjoni ambjentali kif ipprovdut fl-iskambju ta’ informazzjoni (il-kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki li għandhom Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT”), sakemm din il-prestazzjoni mhijiex eskluża mill-firxa mit-TWG. F’dak il-każ, għandu jkun hemm spjegazzjoni fil-BREF dwar għaliex din ġiet miċħuda, b’kunsiderazzjoni li l-impjant li kiseb l-aħjar prestazzjoni għal ċertu indikatur ambjentali jista’ ma jkunx dak bl-aqwa prestazzjoni għal indikaturi oħra.

Il-limitu l-aktar għoli tal-firxa tal-prestazzjoni ambjentali assoċjata mal-BAT huwa miksub bil-kunsiderazzjoni tal-firxa ta’ prestazzjoni assoċjata mal-BAT (8) taħt kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim.

Meta jiġu ddefiniti l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT, jistgħu jintużaw valuri sħaħ għall-kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet tad-dejta miġbura jew tal-kwistjonijiet tekniċi (pereżempju l-użu ta’ metodi ta’ monitoraġġ differenti, l-inċertezza tal-qisien).

3.3.1.   Konklużjonijiet ta’ BAT individwali bil-livelli ta’ emissjoni assoċjati

L-Artikolu 3(13) tad-Direttiva 2010/75/UE jiddefinixxi “l-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli” bħala “l-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet miksubin f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim bl-użu tal-aqwa teknika disponibbli jew taħlita tal-aqwa tekniki disponibbli, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT, imfissra bħala medja fuq perjodu ta’ żmien stabbilit f’kundizzjonijiet ta’ referenza speċifikati”.

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2010/75/UE jiddefinixxi “emissjoni” bħala “ir-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn sorsi individwali jew diffużi fl-installazzjoni għal ġewwa l-arja, l-ilma jew l-art”.

L-Artikolu 14(1)(f) jindika l-bidu u t-tmien tat-tħaddim, tnixxigħat, ħsara, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim bħala eżempji ta’ “kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali”.

Konklużjoni ta’ BAT individwali bil-livelli ta’ emissjoni assoċjati mal-BAT (BAT-AELs - BAT-associated emission levels) għandu jkun fiha firxa numerika tal-livelli ta’ emissjoni. L-unitajiet, il-kundizzjonijiet ta’ referenza (pereżempju l-livell ta’ ossiġenu tal-gass maħruq, it-temperatura, il-pressjoni) – jekk applikabbli – u l-perjodu tal-medja (pereżempju medja fis-siegħa/kuljum/fil-ġimgħa/fix-xahar, annwali) għandhom jiġu ddefiniti b’mod mhux ambigwu. Jekk jitqies xieraq, u jekk id-dejta sottomessa tippermetti dan, BAT-AELs jistgħu jiġu espressi bħala medji fuq terminu medju u terminu twil (ara wkoll it-Taqsima 5.4.7)

Tista’ tiżdied informazzjoni li tispjega taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jinkisbu l-valuri l-aktar baxxi tal-BAT-AELs jew biex jiġu riflessi l-prestazzjonijiet differenti tat-tekniki differenti.

Eżempju ta’ konklużjoni ta’ BAT individwali li tinkludi l-livelli tal-emissjoni assoċjati mal-BAT huwa pprovdut fid-Dijagramma 3.1: Eżempju ta’ konklużjoni ta’ BAT individwali li tinkludi l-livelli tal-emissjoni assoċjati mal-BAT (BAT-AELs).

Dijagramma 3.1

Eżempju ta’ konklużjoni ta’ BAT individwali li tinkludi l-livelli tal-emissjoni assoċjati mal-BAT (BAT-AELs)

42.

Sabiex jitnaqqsu l-emissjoni tal-VOC minn proċess AA, il-BAT hija li tintuża teknika waħda jew kombinazzjoni tat-tekniki li ġejjin.

 

Teknika

Deskrizzjoni

Applikabilità

a

aa

[deskrizzjoni]

impjanti ġodda

b

bb

 

impjanti eżistenti

c

cc

 

 

Il-BAT – AELs għall-VOC huma:

Għall-installazzjonijiet ġodda: 10–20 mg C/Nm3 bħala medja ta’ kuljum taħt il-kundizzjonijiet ta’ referenza xx, yy, …

Għall-installazzjonijiet eżistenti: 20–30 mg C/Nm3 bħala medja ta’ kuljum taħt il-kundizzjonijiet ta’ referenza xx, yy, …

Il-BAT-AELs jistgħu jiġu espressi b’mod wieħed jew aktar skont l-informazzjoni li tkun disponibbli, inklużi l-modi mogtħija hawn taħt.

Bħala konċentrazzjonijiet (massa tas-sustanza niġġiesa rilaxxata għal kull volum). Dan ġeneralment huwa l-mod l-aktar komuni biex jitfissru l-livelli ta’ emissjoni, iżda l-kundizzjonijiet ta’ referenza u l-perjodi tal-medja huma kruċjali għall-komparabilità tagħhom.

Bħala tagħbijiet speċifiċi (massa ta’ sustanza niġġiesa rilaxxata għal kull massa tal-prodott immanifatturat jew massa ta’ materja prima użata). F’ċerti każijiet, it-tagħbijiet speċifiċi huma indikatur aħjar tal-prestazzjoni mill-konċentrazzjonijiet, pereżempju fejn il-konċentrazzjonijiet tas-sustanza niġġiesa huma miżjuda bħala riżultat ta’ miżuri għat-tnaqqis tal-volumi ta’ effluwent u għall-konservazzjoni tal-enerġija, pereżempju għeluq taċ-ċirkwiti tal-ilma. Barra minn hekk f’dan il-każ, il-perjodi tal-medja huma kruċjali għall-komparabilità.

3.3.2.   Konklużjonijiet tal-BAT individwali assoċjati mal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali minbarra l-livelli ta’ emissjoni

Il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali minbarra l-livelli ta’ emissjoni jistgħu jiġu assoċjati ma’ ċerti BAT. Eżempji jinkludu l-konsum tal-materjal, tal-ilma jew tal-enerġija, il-ġenerazzjoni tal-iskart, l-effiċjenza tal-eliminazzjoni tas-sustanzi niġġiesa u d-dewmien tal-emissjonijiet viżibbli.

Il-livelli ta’ konsum assoċjati mal-BAT għandhom preferibbilment jitfissru f’konsum (pereżempju ta’ materja prima, enerġija, ilma) għal kull massa tal-prodott immanifatturat (pereżempju f’kg/t, MJ/t).

Għall-konsum tal-enerġija u tal-ilma, il-livelli ta’ prestazzjoni assoċjati mal-BAT jistgħu jitfissru wkoll f’konsum għal kull massa ta’ materja prima (pereżempju MJ/t, m3/t).

Fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-iskart, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT għandhom preferibbilment jitfissru f’massa ta’ skart iġġenerata għal kull massa ta’ prodott immanifatturat (pereżempju f’kg/t ta’ prodott). Dawn jistgħu jitfissru wkoll f’modi oħra bħal f’massa ta’ skart iġġenerat għal kull massa ta’ materja prima (pereżempju f’kg/t).

Il-konklużjonijiet tal-BAT individwali inkluż il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati minbarra l-livelli ta’ emissjoni għandu jkollhom struttura simili għal dik murija fid-Dijagramma 3.1: Eżempju ta’ konklużjoni ta’ BAT individwali li tinkludi l-livelli tal-emissjoni assoċjati mal-BAT (BAT-AELs). (b’livelli oħra ta’ prestazzjoni ambjentali minflok tal-BAT-AELs).

3.4.   Konklużjonijiet ta’ BAT individwali mingħajr il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT

Il-konklużjonijiet tal-BAT individwali mingħajr il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT, pereżempju li jikkonċernaw il-monitoraġġ, ir-rimedju tas-sit jew is-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali, għandhom ikunu strutturati b’mod simili għal dak muri fid-Dijagramma 3.1: Eżempju ta’ konklużjoni ta’ BAT individwali li tinkludi l-livelli tal-emissjoni assoċjati mal-BAT (BAT-AELs), bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT.

KAPITLU 4

Organizzazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni

4.1.   Introduzzjoni

Il-passi differenti fil-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT stipulati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE huma deskritti fit-Taqsima 1.2.4.

Dan il-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni ħafna drabi jissejjaħ bħala “l-proċess ta’ Sevilja” minħabba l-fatt li huwa kkoordinat mill-EIPPCB ibbażat f’Sevilja, Spanja.

Ir-rwoli tal-parteċipanti ewlenin involuti fil-proċess huma deskritti fit-Taqsimiet 4.2 sa 4.5.

Il-miri importanti tal-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni, l-għodod tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kwistjonijiet tas-sigurtà tad-dejta personali huma deskritti fit-Taqsimiet 4.6 sa 4.8.

4.2.   Ir-rwol tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE

L-Artikolu 75 tad-Direttiva 2010/75/UE jipprovdi għall-istabbiliment ta’ kumitat, li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha, biex jassisti lill-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE.

L-Artikolu 13(5) tal-IED jipprovdi li deċiżjonijiet dwar konklużjonijiet tal-BAT għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għaldaqstant, il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE għandu jkun involut fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT li jirriżultaw mill-iskambju tal-informazzjoni.

Skont l-Artikolu 13(3), dak il-kumitat huwa involut ukoll fid-diskussjoni u fl-adozzjoni tal-gwida dwar il-ġbir ta’ dejta’ u l-“gwida dwar it-tfassil ta’ dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom inkluża l-adegwatezza tal-kontenut u l-format tagħhom” (jiġifieri dan id-dokument).

4.3.   Ir-rwol tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/75/UE

Il-Forum stabbilit skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE huwa grupp ta’ esperti konvenut u ppresedut mill-Kummissjoni u jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali. Il-ħatra tal-membri fil-Forum titwettaq skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 146/03 tas-16 ta’ Mejju 2011 li tistabbilixxi l-Forum (10), li tistabbilixxi wkoll il-kompitu tal-Forum.

Ir-rwol tal-Forum, kif deskritt fil-Premessa 14 u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE, huwa li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effettiv, attiv u trasparenti li jirriżulta fi BREFs ta’ kwalità għolja billi jiddiskuti u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni.

Il-kompitu ewlieni tal-Forum huwa li jevalwa r-riżultat tal-iskambju ta’ informazzjoni tal-BAT b’kunsiderazzjoni ta’ dan id-dokument ta’ gwida u li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kontenut propost tal-BREFs li jirriżulta mill-ħidma mwettqa fil-livell tekniku (ara t-Taqsima 1.3). Il-membri tal-Forum huma responsabbli għan-nominazzjoni tar-rappreżentanti tagħhom fit-TWGs (ara b’mod partikolari t-Taqsima 4.4.2 li tindirizza l-kompiti u l-profil tal-membri tat-TWG) u biex iżommu kuntatt magħhom matul il-proċess ta’ abbozzar sabiex jiżguraw skambju ta’ informazzjoni attiv u effettiv.

Speċifikament, skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2010/75/UE, il-Forum għandu jipprovdi l-opinjoni tiegħu dwar:

1.

ir-regoli ta’ proċedura tal-Forum;

2.

il-programm ta’ ħidma għall-iskambju ta’ informazzjoni;

3.

gwida dwar il-ġbir tad-dejta;

4.

gwida dwar it-tfassil ta’ dokumenti ta’ referenza tal-BAT u dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom inkluża l-adegwatezza tal-kontenut u l-format tagħhom.

Il-Forum huwa wkoll il-lok fejn il-kwistjonijiet ġenerali relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni jiġu diskussi. Tul il-Forum, il-partijiet interessati jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni. Il-Forum jista’, jekk meqjus neċessarju, jissuġġerixxi aspetti speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati matul it-tfassil jew ir-reviżjoni ta’ BREF.

4.4.   Ir-rwol tal-gruppi ta’ ħidma tekniċi (TWGs)

4.4.1.   L-istabbiliment tat-TWGs

Għat-tfassil jew ir-reviżjoni ta’ dokument BREF, jiġi stabbilit (jew riattivat) TWG mill-Kummissjoni. Kull TWG jikkonsisti minn esperti tekniċi li jirrappreżentaw lill-Istati Membri, industriji, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali u l-Kummissjoni.

Il-membri tat-TWG huma nnominati biex jipparteċipaw fl-iskambju ta’ informazzjoni primarjament abbażi tal-kompetenza teknika, ekonomika, ambjentali jew regolatorja tagħhom (speċjalment fl-għoti ta’ permessi jew fl-ispezzjonar ta’ installazzjonijiet industrijali) kif ukoll tal-kapaċità tagħhom li jġibu fil-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni l-perspettiva tal-utent aħħari tal-BREF.

L-esperti ta’ kull TWG huma nnominati mir-rappreżentanti fil-Forum. Għal dan il-għan, il-membri tal-Forum jibagħtu l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tan-nominati għat-TWG tagħhom lill-EIPPCB.

Sabiex titjieb l-effiċjenza tal-parteċipazzjoni tas-setturi industrijali konċernati fit-TWGs, in-nominazzjoni tagħhom tista’ tiġi kkoordinata mill-assoċjazzjonijiet industrijali Ewropej.

4.4.2.   Responsabbiltajiet u kompiti tat-TWG

It-TWG ifassal jew jirrevedi dokument ta’ BREF u jirreġistra r-riżultat tal-iskambju ta’ informazzjoni għal ċertu settur.

It-TWG huwa s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għat-tfassil u r-reviżjoni ta’ BREF. Għalhekk huwa essenzjali li l-membri tat-TWG jkunu attivi fl-iskambju ta’ informazzjoni. Jekk jingħaqdu mat-TWG, il-membri jimpenjaw ruħhom li jiġbru u jagħtu attivament informazzjoni sal-iskadenzi miftiehma mit-TWG jew proposti mill-EIPPCB, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-membri tat-TWG huma responsabbli għar-rappurtar lura lir-rappreżentant tal-Forum li nnominah/a. b’mod partikolari meta jqumu kwistjonijiet rigward l-iskambju ta’ informazzjoni.

Il-kompiti ewlenin ta’ membru tat-TWG huma:

1.

li jikseb għarfien u fehim tal-gwida f’dan id-dokument;

2.

li jidentifika u jelenka dejta u kwistjonijiet prinċipali ġodda/aġġornati rilevanti għall-kisba u l-aġġornament tal-konklużjonijiet tal-BAT għas-settur;

3.

li jiġbor b’mod attiv informazzjoni teknika u ekonomika mmirata li hija importanti għat-tfassil/ir-reviżjoni ta’ BREF, inkluż b’mod partikolari dejta dwar il-livell ta’ emissjoni u ta’ konsum ġdida/aġġornata mill-installazzjonijiet koperti bil-BREF (għas-settur/l-Istat Membru li hu jirrappreżenta), skont il-proċess miftiehem mit-TWG ibbażat fuq gwida ġenerali tal-EIPPCB f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Kapitlu 5 ta’ dan id-dokument, ukoll bil-għan li jittratta kwistjonijiet bħal informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni, il-kunflitti ta’ interess u kwistjonijiet oħra relatati;

4.

li jivverifika l-kwalità tad-dejta u l-informazzjoni miġbura qabel jissottomettiha lill-EIPPCB, b’mod partikolari d-dejta li hemm fil-mudelli/kwestjonarji mimlijin użati għall-ġbir ta’ informazzjoni speċifika għall-impjant jew l-installazzjoni (ara t-Taqsimiet 5.4 u 5.5);

5.

li jaqsam id-dejta miġbura ma’ membri oħra tat-TWG u l-EIPPCB billi jpoġġi l-informazzjoni direttament fuq il-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1), bl-eċċezzjoni possibbli ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni;

6.

li jwieġeb fil-ħin għat-talbiet għal informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali mill-EIPPCB (ara t-Taqsima 1.2.4);

7.

li jikkummenta fi żmien l-iskadenzi stabbiliti dwar l-abbozz formali tal-BREFs u dokumenti oħra ppreparati mill-EIPPCB;

8.

li jattendi l-laqgħat tat-TWG u jipparteċipa attivament fihom;

9.

li jaqsam l-esperjenza mal-EIPPCB u membri oħra tat-TWG (pereżempju matul iż-żjarat fuq il-post);

10.

li jidentifika u jistabbilixxi kuntatti/netwerks ma’ membri mhux tat-TWG (pereżempu shadow groups ta’ esperti, awtoritajiet kompetenti, operaturi jew gruppi ta’ operaturi, gruppi nazzjonali) biex jikseb aktar esperjenza li jkun jista’ jaqsam mal-bqija tat-TWG u l-EIPPCB.

Il-membri tat-TWG huma responsabbli biex itellgħu l-informazzjoni kollha li jkunu ġabru u ssottomettew għall-proċess ta’ tfassil jew reviżjoni tal-BREF fuq il-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1, bl-eċċezzjoni possibbli ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni, ara t-Taqsima 5.3). F’każijiet eċċezzjonali, id-dejta tista’ tiġi sottomessa permezz ta’ mezzi oħra elettroniċi, pereżempju permezz tal-posta elettronika.

Il-maġġoranza tax-xogħol għall-membri tat-TWG jista’ jkun mistenni li jseħħ barra mil-laqgħat plenarji fis-sottomissjoni ta’ informazzjoni u fir-reviżjoni tal-abbozzi ta’ proposti tat-test. B’mod partikolari, l-iżvilupp b’suċċess ta’ BREF jeħtieġ li t-TWG iwieġeb fid-dettall għal abbozzi ta’ dokumenti sostanzjali f’perjodu ta’ żmien limitat. Filwaqt li l-kunsens tat-TWG huwa mfittex matul ix-xogħol, dan mhuwiex prerekwiżit u huwa l-kompitu tal-EIPPCB li jirrifletti l-informazzjoni disponibbli rilevanti fil-BREF.

4.4.3.   Is-sottogruppi tat-TWG

Sabiex jindirizza kwistjonijiet speċifiċi fl-ambitu tal-ħidma, it-TWG jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottogruppi sabiex iwettqu kompiti speċifiċi bħall-ġabra, l-analiżi, l-istrutturar u d-diskussjoni dwar kummenti għall-abbozzi tat-testi proposti, biex jippreparaw u jiżviluppaw mudelli jew dokumenti. Il-funzjonament ta’ tali sottogruppi huwa mmaniġġjat b’mod trasparenti mill-EIPPCB u jippermetti li l-membri kollha tat-TWG ikollhom aċċess għall-gruppi u jippermettilhom isegwu u jifhmu l-attivitajiet tas-sottogrupp u r-riżultati tiegħu (jiġifieri l-aġendi u l-minuti u r-rapporti tal-laqgħat jittellgħu fuq il-BATIS fil-ħin opportun).

Il-laqgħat tas-sottogruppi tat-TWG jistgħu jsiru fil-bini tal-Kummissjoni f’Sevilja, Spanja jew f’postijiet oħra.

Id-diskussjonijiet u l-ħidma fis-sottogruppi ma għandhomx jissostitwixxu l-laqgħat plenarji tat-TWG fejn jittieħdu deċiżjonijiet li jinvolvu t-TWG kollu.

4.4.4.   Żjarat fuq il-post

Iż-żjarat fuq il-post jistgħu jkunu strumentali għall-ġbir u l-validazzjoni tal-informazzjoni għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs. Iż-żjarat fuq il-post jistgħu jiġu proposti mill-membri tat-TWG lill-EIPPCB u membri oħra tat-TWG. L-informazzjoni dwar iż-żjarat fuq il-post tiġi kondiviża mat-TWG kollu suffiċjentement bil-quddiem tad-dati taż-żjarat sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti lokali u l-membri tat-TWG interessati safejn possibbli u b’mod li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess. Rapporti fil-qosor ta’ tali żjarat fuq il-post għandhom isiru disponibbli għat-TWG kollu permezz tal-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1).

4.4.5.   Involviment tal-fornituri tat-tagħmir fl-iskambju tal-informazzjoni

Il-“fornituri tat-tagħmir” li jistgħu jipprovdu dejta u informazzjoni teknika u ekonomika ta’ valur għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs għandhom jiġu mistiedna biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-iskambju ta’ informazzjoni jew direttament bħala membri tat-TWG, jew inkella indirettament bħala esperti li jipprovdu informazzjoni lill-EIPPCB jew lil membri oħra tat-TWG.

It-terminu “fornituri tat-tagħmir” għandu jinftiehem f’sens pjuttost wiesa’ sabiex jestendi l-konfini tal-għarfien tal-iskambju ta’ informazzjoni. Il-kriterju ewlieni għall-involviment tagħhom fil-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni huwa li l-“fornituri tat-tagħmir” għandu jkollhom l-għarfien/informazzjoni teknika u ekonomika rilevanti li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-BAT u l-monitoraġġ assoċjat. Dan għandu, fil-prinċipju, jeskludi lis-sempliċi intermedjarji kummerċjali (bejjiegħa bl-ingrossa) li jbigħu tagħmir jew servizzi lill-operaturi/sidien tal-installazzjonijiet għal profitt, mingħajr ma neċessarjament ikollhom fehma teknika biżżejjed tal-funzjoni tat-“tagħmir” u għarfien tal-prestazzjoni operattiva tiegħu.

L-għarfien/informazzjoni tekniċi u ekonomiċi miżmuma mill-“fornituri tat-tagħmir”, jistgħu japplikaw għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet bħall-konċepiment, id-disinn, il-liċenzjar, il-manifattura/kostruzzjoni, il-forniment, l-operat, il-manutenzjoni, il-monitoraġġ u d-dekummissjonar ta’ impjant/installazzjoni jew parti ta’ impjant/installazzjoni (pereżempju proċess, sistema, komponent).

Rappreżentant ta’ kumpanija ta’ “fornitur tat-tagħmir” innominat għal TWG għandu de facto jaġixxi bħala rappreżentant tal-“fornituri tat-tagħmir” b’mod ġenerali jew ta’ subsettur partikolari (mhux biss bħala rappreżentant tal-kumpanija li huwa impjegat magħha) sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni xierqa tas-settur.

Għalhekk huwa rrakkomandat li jiġu involuti rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet ta’ fornituri tat-tagħmir, kull meta dan ikun possibbli, li permezz tagħhom il-kumpaniji individwali jistgħu jipprovdu informazzjoni.

4.5.   Ir-rwol tal-EIPPCB

Ir-rwol tal-EIPPCB huwa li jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni u li jiżgura li l-informazzjoni tinġabar u tiġi pproċessata skont il-gwida f’dan id-dokument sabiex jitfasslu u jiġu riveduti l-BREFs.

Għal kull BREF, il-persunal xjentifiku tal-EIPPCB imexxi l-ħidma tat-TWG stabbilit għal dan l-iskop.

L-EIPPCB imexxi l-ħidma għad-determinazzjoni tal-BAT kif iddefinit fid-Direttiva 2010/75/UE, iggwidat bil-prinċipji ta’ għarfien espert tekniku, trasparenza u newtralità. Il-ħidma tiegħu tinvolvi l-verifika u l-analiżi indipendenti tal-informazzjoni miġbura biex jiġu dderivati l-konklużjonijiet tal-BAT.

Jekk il-membri tat-TWG jipprovdu informazzjoni li mhijiex kompleta jew li hija insuffiċjenti, l-EIPPCB jinforma lit-TWG u lill-Forum dwar dan u jitlob li din tiġi kkompletata. Barra minn hekk, l-EIPPCB jipprova jelimina n-nuqqasijiet ta’ informazzjoni billi jfittex b’mod attiv id-dejta nieqsa jew mhux kompluta (pereżempju matul iż-żjarat fuq il-post — ara t-Taqsima 4.4.4 — jew billi jikkuntattja persuni/istituzzjonijiet li mhumiex rappreżentati direttament fit-TWG). Barra minn hekk, jistgħu jiġu organizzati konferenzi bit-telefown jew konferenzi bil-vidjow mill-EIPPCB jekk ikun hemm bżonn li jiġu diskussi ċerti kwistjonijiet li jirrigwardaw it-tfassil jew ir-reviżjoni ta’ BREF.

Sabiex jissodisfa r-rwol tiegħu, l-EIPPCB iwettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

1.

jipparteċipa b’mod attiv fil-ġbir ta’ informazzjoni, jappoġġa din il-ħidma u jipprepara l-abbozzi tad-dokumenti BREF;

2.

jikkontrolla/jivverifika d-dejta/l-informazzjoni sottomessa u jitlob għal aktar tagħrif/kjarifiki lill-fornituri tad-dejta/informazzjoni skont kif iqis neċessarju;

3.

imexxi diskussjonijiet tekniċi fil-laqgħat plenarji u tas-sottogruppi tat-TWG u jippresjedi dawk il-laqgħat (ara wkoll it-Taqsimiet 4.6.2 u 4.4.3);

4.

jiżgura l-ġestjoni ġenerali tal-għodda kollaborattiva tal-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1) sabiex jiżgura t-trasparenza tal-iskambju ta’ informazzjoni;

5.

jippreżenta l-abbozzi finali tal-BREFs fil-laqgħat tal-Forum (ara t-Taqsima 4.3).

Kompiti oħra mwettqa mill-EIPPCB jissemmew f’partijiet oħra ta’ dan id-dokument, b’mod partikolari fit-Taqsimiet 4.6 sa 4.7.

Membru tal-persunal tal-EIPPCB li jmexxi l-iskambju ta’ informazzjoni fuq BREF speċifiku huwa mistenni li jkollu fehma tajba ħafna tal-inġinerija tal-proċess, il-kwistjonijiet ambjentali, ir-regolamenti tal-industrija, il-proċessi ta’ permessi ambjentali, il-politika ambjentali fl-UE u għarfien u fehma partikolari tas-settur industrijali rilevanti.

Il-kompetenzi prinċipali meħtieġa huma l-għarfien tekniku, il-ħiliet organizzattivi, il-ħiliet komunikattivi, il-ħiliet tal-preparazzjoni tal-abbozzi, in-newtralità, l-integrità u l-kapaċità li jaħdem u jikteb dokument tekniċi bl-Ingliż.

4.6.   Miri għall-iskambju ta’ informazzjoni

4.6.1.   Stabbiliment tal-“lista ta’ xewqat”

Fil-każ ta’ reviżjoni ta’ BREF, fi żmien ir-riattivazzjoni ta’ TWG, il-membri tal-Forum jistgħu jintalbu jinnominaw lir-rappreżentant(i) tat-TWG tagħhom u dawk il-membri tat-TWG tintbagħtilhom talba biex jipprovdu lista ta’ “xewqat”, li tintuża għall-organizzazzjoni u l-istrutturar tad-diskussjonijiet fil-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.2.2).

Sabiex ir-reviżjoni tal-BREF tkun iffokata, ix-xewqat għandhom jindirizzaw primarjament kwistjonijiet ewlenin bħal dawk li jikkonċernaw:

1.

l-ambitu u l-istruttura tal-BREF (ara t-Taqsimiet 2.3.3 u 2.2);

2.

il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali tal-BAT jew assoċjati mal-BAT nieqsa, skaduti, mhux mimlijin jew mhux ċari (ara t-Taqsima 2.3.8 u l-Kapitolu 3);

3.

it-tip u l-forma tad-dejta speċifika għall-impjant jew għall-installazzjoni li għandha tinġabar biex tinforma r-reviżjoni (ara t-Taqsima 5.4);

4.

aġġornament tal-firxa tal-livelli ta’ emissjoni u konsum osservati attwalment għall-proċess (jew proċessi) intier/i u s-sottoproċessi tiegħu/tagħhom flimkien ma’ indikazzjoni tat-tekniki użati;

5.

“tekniki” ġodda “li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-BAT” kif ukoll “tekniki emerġenti” u proċessi ġodda, li l-implimentazzjoni tagħhom kieku ġġib benefiċċji ambjentali u/jew ekonomiċi lis-settur (ara t-Taqsima 2.3.7 u 2.3.9);

6.

titjib tat-tekniki u tal-proċessi eżistenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent u/jew aspetti ekonomiċi (ara t-Taqsima 2.3.7).

Konsegwentement, il-partijiet tal-BREF dwar il-“Livelli attwali ta’ emissjoni u konsum” (ara t-Taqsima 2.3.6), iżda l-aktar dwar it-“Tekniki li jridu Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7), dwar il-“Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” (ara t-Taqsima 2.3.8), dwar it-“Tekniki emerġenti” (ara t-Taqsima 2.3.9) u dwar ir-“Rimarki u r-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura’ (ara t-Taqsima 2.3.10)” għandhom ikunu l-attenzjoni primarja meta jiġu proposti x-xewqat.

Kwistjonijiet minuri (pereżempju żbalji fl-ortografija) ma għandhomx jiġu rrapportati fix-“xewqat”. Il-perjodu ta’ ġbir tad-dejta inizjali kif ukoll il-perjodu għall-kummenti organizzati għal kull abbozz ta’ BREF jipprovdu opportunitajiet lill-membri tat-TWG biex iwasslu tali kwistjonijiet lill-bqija tat-TWG.

Il-“lista ta’ xewqat” għandha tkopri ġabra ta’ informazzjoni ġdida u disponibbli li t-TWG jixtieq jiġbor u jipprovdi.

Sabiex tkun tista’ tintuża b’mod sħiħ, xewqa għandha tkun akkumpanjata minn:

1.

raġuni rilevanti;

2.

dokumenti/informazzjoni ta’ appoġġ, jekk disponibbli;

3.

suġġerimenti dwar it-tip u l-format tal-informazzjoni rilevanti u dwar kif tinġabar l-informazzjoni meqjusa neċessarja għar-reviżjoni.

4.6.2.   Laqgħat tat-TWG

4.6.2.1.   Ġenerali

Il-laqgħat plenarji tat-TWG (pereżempju l-laqgħat tal-bidu u l-laqgħat finali tat-TWG) huma organizzati u ppreseduti mill-EIPPCB u jsiru fil-bini tal-Kummissjoni f’Sevilja, Spanja. L-Ingliż huwa l-lingwa użata f’dawn il-laqgħat. Dawn il-laqgħat tat-TWG huma appoġġati minn dokument ta’ sfond ippreparat mill-EIPPCB li jistabbilixxi l-kwistjonijiet proposti għad-diskussjonijiet u li jintbagħat qabel il-laqgħa lill-membri kollha tat-TWG (ara t-Taqsima 1.2.4).

L-EIPPCB jista’ jorganizza laqgħat addizzjonali ad hoc ma’ membru individwali jew grupp ta’ membri tat-TWG biex jiddiskuti jew jispjega l-kwistjonijiet jew il-kummenti individwali li jkunu saru mill-membri tat-TWG bil-għan li jitjieb iċ-ċans ta’ riżultat ta’ suċċess tal-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni (ara wkoll it-Taqsima 4.4.3 dwar is-sottogruppi tat-TWG).

Minuti jew noti fil-qosor tal-laqgħat plenarji u ad hoc tat-TWG għandhom jitħejjew mill-EIPPCB u għandhom jittellgħu fuq il-BATIS.

4.6.2.2.   Il-laqgħa tal-bidu

Kif indikat fit-Taqsima 4.6.1, għal reviżjoni ta’ BREF, il-lista ta’ xewqat għandha tkun il-bażi li fuqha jiġu organizzati u strutturati d-diskussjonijiet fil-laqgħat tal-bidu.

Il-laqgħa tal-bidu għandha b’mod partikolari tindirizza u tissodisfa konklużjonijiet dwar il-punti elenkati hawn taħt.

1.

L-ambitu u l-istruttura tal-BREF.

2.

In-natura u l-firxa tal-informazzjoni li trid tinġabar matul ir-reviżjoni. B’mod partikolari, għandhom jiġu ssodisfati konklużjonijiet dwar:

(i)

il-mudell(i) speċifiċi għas-settur għall-ġbir u r-rapportar tal-informazzjoni (ara wkoll it-Taqsimiet 5.4 u 5.5) kif ukoll dwar l-istrateġija għad-diffużjoni ta’ dawn il-mudelli b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li l-operaturi jirċievu talbiet multipli għal dejta u sabiex jiġi evitat li jiġu ġġenerati ammonti kbar ta’ dejta li ma jistgħux jintużaw;

(ii)

modi sabiex tiġi żgurata r-rappreżentattività tas-sett tad-dejta meħtieġ għad-derivazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT.

3.

Proċess għat-TWG biex jidentifika fejn rilevanti u jagħmel ċar fil-BREF:

(i)

liema kundizzjonijiet ta’ tħaddim jitqiesu bħala “normali” u “għajr dawk normali” għall-attivitajiet skont l-ambitu tal-BREF;

(ii)

liema miżuri huma għall-prevenzjoni jew, fejn dan mhuwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tat-tniġġis kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħall-bidu u t-tmien tat-tħaddim, l-evitar tas-sistemi ta’ eliminazzjoni; ara wkoll it-Taqsima 2.3.7).

4.

Skeda ta’ żmien ġenerali għax-xogħol, ibbażata fuq il-fluss tax-xogħol tipiku indikat fit-Taqsima 1.2.4, b’mod partikolari dwar l-iskadenza biex tasal il-maġġoranza tal-informazzjoni wara l-laqgħa tal-bidu.

5.

Il-kompiti speċifiċi li jridu jitwettqu mit-TWG, speċjalment b’indikazzjoni ta’ liema membru tat-TWG wiegħed li jagħti liema informazzjoni.

6.

Il-laqgħa tal-bidu għandha tipprovdi wkoll l-opportunità biex jiġu informati l-membri tat-TWG dwar kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu trattati b’mod konsistenti fost il-BREFs, b’mod partikolari:

(i)

Modi kif għandha tiġi ttrattata l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u l-informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni, il-kunflitti ta’ interess u kwistjonijiet relatati. (ara t-Taqsima 5.3);

(ii)

L-interazzjonijiet ma’ BREFs oħra (kemm dawk “orizzontali” kif ukoll dawk “vertikali”, ara t-Taqsima 1.1.2);

(iii)

L-għodda speċifika li t-TWG għandu juża biex jiġbor, jiskambja u janalizza l-informazzjoni. B’mod partikolari, is-sistema BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1) għandha tiġi ppreżentata lit-TWG kif ukoll il-proċeduri għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni identifikata fil-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.3).

Il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu diskussi fil-laqgħa tal-bidu u l-proposti mill-EIPPCB għandhom jiġu deskritti b’mod ġenerali f’dokument ta’ sfond lit-TWG mill-inqas erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa.

4.6.2.3.   Laqgħa finali tat-TWG

4.6.2.3.1.   Ġenerali

Il-laqgħa finali tat-TWG għandha l-għan li ssolvi kwistjonijiet pendenti bil-għan li jiġu konklużi d-diskussjonijiet tekniċi fit-TWG.

Din għandha b’mod partikolari tindirizza u tissodisfa konklużjonijiet dwar il-punti elenkati hawn taħt:

1.

il-kontenut u l-istruttura tal-konklużjonijiet tal-BAT (ara l-Kapitlu 3);

2.

kwalunkwe modifika li trid issir fil-kontenut tal-kapitoli tal-BREF intitolati “Tekniki li jridu Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7) u “Tekniki Emerġenti” (ara t-Taqsima 2.3.9).

3.

kwistjonijiet li għandhom jissemmew fit-taqsima tal-BREF “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura” (ara t-Taqsima 2.3.10).

Il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu diskussi fil-laqgħa finali tat-TWG u l-proposti mill-EIPPCB għandhom jiġu deskritti b’mod ġenerali f’dokument ta’ sfond dettaljat iddistribwit lit-TWG mill-inqas erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa. Id-dokument ta’ sfond għandu jinkludi mill-inqas valutazzjoni tal-kummenti ewlenin riċevuti (ara t-Taqsima 4.6.6). L-EIPPCB għandu jipprovdi wkoll lit-TWG tal-inqas bl-aħħar verżjoni tal-kapitli tal-BAT intitolati “Livelli Attwali ta’ Emissjoni u Konsum” (ara t-Taqsima 2.3.6), “Tekniki li jridu Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7) u “Konklużjonijiet tal-Aqwa tekniki disponibbli (BAT)” (ara t-Taqsima 2.3.8).

Fil-laqgħa finali tat-TWG, l-objettiv huwa li jintlaħqu konklużjonijiet permezz ta’ kunsens tal-membri tat-TWG attwali. Meta jkun hemm opinjonijiet diverġenti ssostanzjati sew, dawn għandhom jiġu rreġistrati kif indikat fit-Taqsima 4.6.2.3.2 ta’ hawn taħt.

4.6.2.3.2.   Opinjonijiet diverġenti

Il-BAT kif ukoll il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT (ara t-Taqsima 3.3) għandhom jiġu abbozzati mill-EIPPCB abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tad-distribuzzjoni tal-abbozz tat-TWG għal-laqgħa finali tiegħu (ara t-Taqsima 4.6.2.3). Tali informazzjoni tista’ tinkludi kwalunkwe proposta speċifika għall-BAT u l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati riċevuti mit-TWG.

Il-membri tat-TWG huma mistennija li jipprovdu argumenti tekniċi b’saħħithom, li jkopru l-mezzi kollha u ekonomiċi li huma rilevanti għall-każ tagħhom meta dawn ma jaqblux mal-abbozz ta’ konklużjonijet tal-BAT. Tali argumenti għandhom jiġu sottomessi inizjalment bħala kummenti għall-abbozz formali tal-BREF fil-perjodu ta’ konsultazzjoni stabbilit (ara t-Taqsima 1.2.4).

Jekk it-TWG fl-aħħar ma jilħaqx kunsens fuq kwistjoni, l-opinjonijiet diverġenti u r-razzjonal tagħhom għandhom jiġu rrapportati fit-Taqsima “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura” tal-BREF biss jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

l-opinjoni diverġenti tkun ibbażata fuq informazzjoni diġà disponibbli għall-EIPPCB fiż-żmien tal-abbozzar tal-konklużjonijiet tal-BAT għall-BREF jew tkun ingħatat fil-perjodu għall-kummenti li jikkorrispondi għal tali abbozz;

2.

raġuni valida li tappoġġa l-opinjoni diverġenti tingħata mill-membru(i) tat-TWG ikkonċernat(i). L-EIPPCB għandu jikkunsidra raġuni bħala valida jekk din tkun appoġġata b’dejta jew b’informazzjoni teknika, transmedjali jew ekonomika xierqa u rilevanti għad-definizzjoni tal-BAT.

L-Istati Membri, l-NGOs ambjentali jew l-assoċjazzjonijiet tal-industrija li jġibu jew jappoġġaw l-opinjoni diverġenti għandhom jissemmew espliċitament fid-dokument (ara t-Taqsima 2.3.10).

4.6.3.   L-ewwel serje ta’ ġbir ta’ dejta wara l-laqgħa tal-bidu

Bl-eċċezzjoni ta’ mudelli/kwestjonarji mimlijin (ara t-Taqsima 5.4), l-informazzjoni mwiegħda jew identifikata fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.2.2) u sottomessi lill-EIPPCB għandhom ikunu akkumpanjati minn waħda jew iżjed mill-“folji għall-immappjar tal-informazzjoni” bl-indikazzjoni tal-partijiet tal-BREF li għalihom tirrelata kull biċċa informazzjoni sottomessa.

L-informazzjoni għandha preferibbilment tkun akkumpanjata minn proposti konkreti fil-forma ta’ abbozzi tat-testi għall-BREF, u t-taqsima/taqsimiet fejn dawn għandhom jiddaħħlu. Dawn il-proposti tat-test għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’din il-gwida, speċjalment dawk fit-Taqsima 2.3.

L-informazzjoni għandha preferibbilment tiġi sottomessa bl-Ingliż sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-membri differenti tat-TWG.

L-EIPPCB għandu jivvaluta l-“folji għall-immappjar tal-informazzjoni” sottomessi u għandu jipprovdi l-opinjoni tiegħu lit-TWG b’mod partikolari dwar jekk u kif l-informazzjoni sottomessa ġietx ikkunsidrata fil-BREF. L-EIPPCB għandu jipprovdi t-tali opinjoni meta jirrilaxxa l-ewwel abbozz tal-BREF. Jekk id-dejta pprovduta minn membru tat-TWG ma tistax titqies, l-EIPPCB għandu jinforma lill-kontributur kemm jista’ jkun malajr sabiex itejjeb l-informazzjoni pprovduta.

4.6.4.   Talbiet għal informazzjoni addizzjonali (Requests for additional information, RAI)

Talbiet għal informazzjoni addizzjonali (RAI) jintbagħtu mill-EIPPCB lit-TWG sabiex jiġbor informazzjoni importanti għad-determinazzjoni tal-BAT u l-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT li jew ma ġewx identifikati fil-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.2.2) jew inkella ma ngħatawx matul l-ewwel serje ta’ ġbir tad-dejta. RAI ma għandhiex teħtieġ perjodu ta’ ġbir ta’ dejta itwal. Għandu jingħata feedback lit-TWG dwar ir-riżultat ta’ RAI.

4.6.5.   Dokumenti ta’ ħidma u abbozzi formali ta’ BREF

4.6.5.1.   Abbozzi formali

L-abbozzi formali ta’ BREF ġdid jew rivedut, kif previst fit-Taqsima 1.2.4, jinkludu l-partijiet kollha indikati fit-Taqsima 2.3 bl-eċċezzjoni possibbli tal-kapitlu tal-BREF intitolat “Il-Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)” u t-Taqsima tal-BREF intitolata “Rimarki u rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għall-ħidma futura”.

Abbozz formali, li ma jkunx abbozz formali finali, għandu jkun akkumpanjat minn valutazzjoni ta’ mill-inqas il-kummenti kollha ewlenin sottomessi fuq l-abbozz formali preċedenti (ara t-Taqsima 4.6.6). Għandu jingħata l-feedback tal-EIPPCB lit-TWG dwar il-kummenti kollha sottomessi (kemm dawk ewlenin kif ukoll dawn minuri) qabel ma jiġi ppreżentat il-BREF lill-Forum kif indikat fit-Taqsima 4.6.6.

Kull abbozz formali ta’ BREF rivedut għandu jkun fil-forma ta’ verżjoni kkonsolidata, li tenfasizza l-informazzjoni l-ġdida u l-bidliet imwettqa b’paragun:

1.

mal-verżjoni tal-BREF ippubblikata preċedentement;

2.

mal-informazzjoni li hemm fl-abbozz(i) preċedenti elaborata matul il-proċess ta’ reviżjoni.

L-abbozzi formali jiġu ddistribwiti mill-EIPPCB lit-TWG bil-għan li d-dokument jiġi rivedut minn pari u li tinġabar l-informazzjoni nieqsa. Il-kummenti għandhom jiġu sottomessi lill-EIPPCB fi żmien l-iskadenza stabbilita (ara t-Taqsimiet 1.2.4 u 4.6.6) u bl-użu ta’ formats speċifiċi.

4.6.5.2.   Abbozzi ta’ ħidma

Minbarra l-abbozzi formali ta’ BREF, u sabiex tiżdied it-trasparenza tax-xogħol kontinwu matul it-tfassil/ir-reviżjoni ta’ BREF, l-EIPPCB jista’ jiddeċiedi li jibgħat abbozz ta’ verżjoni tal-BREF jew partijiet tal-BREF bħala dokument ta’ ħidma għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tat-TWG fejn il-membri jistgħu jagħżlu volontarjament li jikummentaw.

Madankollu, l-EIPPCB għandu jagħmilha ċara lit-TWG liema huma l-kwistjonijiet li fuqhom huma mixtieqa l-kummenti tagħhom filwaqt li jagħmilha ċara li din hija konsultazzjoni informali li ma tissostitwixxix il-proċess ta’ konsultazzjoni formali. Din il-konsultazzjoni informali tista’ pereżempju tintuża biex tenfasizza nuqqasijiet ta’ dejta possibbli u tinkoraġġixxi l-ġabra ulterjuri ta’ informazzjoni. Il-membri tat-TWG għandhom ir-responsabbiltà li jikkonsultaw esperti oħra jekk iqisu li dan ikun neċessarju.

Għall-konklużjonijiet tal-BAT (ara t-Taqsima 2.3.8), dan l-approċċ ma għandux jintuża u l-istruttura proposta biss (il-werrej) tista’ tiġi ddistribwita qabel il-ħruġ tal-abbozz formali.

4.6.6.   Kummenti dwar l-abbozzi formali tal-BREFs

Wara d-distribuzzjoni ta’ kull abbozz formali ta’ BREF, għandu jkun hemm perjodu għall-kummenti ta’ mill-inqas 8 ġimgħat sabiex il-membri tat-TWG ikunu jistgħu jagħtu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom dwar id-dokument (ara t-Taqsima 1.2.4). Dan ma japplikax għall-abbozzi finali prodotti wara laqgħa finali tat-TWG (ara t-Taqsima 4.6.2.3) fejn jiġi organizzat perjodu għall-kummenti ta’ mill-inqas 4 ġimgħat sabiex tingħata attenzjoni għall-bidliet li jkunu saru bħala riżultat tal-konklużjonijiet tal-laqgħa finali.

L-objettiv ewlieni tal-konsultazzjoni huwa li l-membri tat-TWG jiġu mistiedna jipprovdu analiżi minn pari u jivvalidaw l-informazzjoni inkluża fid-dokument, kif ukoll biex tiġi pprovduta informazzjoni nieqsa billi jissottomettu dejta addizzjonali. F’każijiet eċċezzjonali u ġġustifikati, meta jkun meħtieġ li tinġabar informazzjoni aktar dettaljata sabiex jiġu appoġġati l-kummenti sottomessi, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar mal-kummenti u tali informazzjoni għandha tiġi sottomessa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-iskadenza għall-kummenti sottomessi.

Sabiex r-reviżjoni tal-BREF tkun iffokata u aċċellerata, il-kummenti sottomessi dwar l-ewwel abbozz (jew dwar l-ewwel u t-tieni abbozz, ara t-Taqsima 1.2.4) għandhom jiġu diviżi f’żewġ gruppi:

1.

l-ewwel grupp għandu jinkludi kummenti kkunsidrati bħala “ewlenin” mill-membru tat-TWG (jiġifieri kummenti li għandhom piż fuq il-kummenti tal-BAT, għall-ambitu tal-BREF, għall-istruttura tal-BREF);

2.

it-tieni grupp għandu jinkludi kummenti “minuri” (jiġifieri żbalji matul l-ittajpjar, kummenti li ma għandhomx piż fuq il-konklużjonijiet tal-BAT).

Il-membri tat-TWG għandhom jiżguraw li kull kumment li jagħmlu jiġi kklassifikat f’wieħed minn dawn iż-żewġ gruppi qabel ma jibagħtu l-kummenti tagħhom lill-EIPPCB. L-EIPPCB imbagħad jiġbor u jipprovdi l-istatistika abbażi ta’ dik id-distinzjoni biex jipprovdi indikazzjoni approssimattiva tal-volum tax-xogħol involut u jgħin jidentifika kwistjonijiet ewlenin fi stadju bikri tal-proċess.

Il-kummenti meqjusin bħala “ewlenin” għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità mill-EIPPCB u għandhom jitqiesu qabel jinħareġ l-abbozz formali li jmiss. Il-kummenti meqjusin bħala “minuri” jistgħu ma jiġux riflessi b’mod sħiħ fl-abbozz formali li jmiss. Madankollu, iż-żewġ tipi ta’ kummenti għandhom jitqiesu b’mod sħiħ qabel ma jiġi prodott l-abbozz finali.

L-EIPPCB jipprovdi feedback dettaljat lit-TWG dwar kif il-kummenti ewlenin tagħhom ġew ikkunsidrati meta ntbagħat l-abbozz formali l-ġdid jew meta ntbagħat id-dokument ta’ sfond għal-laqgħa finali tat-TWG (ara t-Taqsima 4.6.2). L-EIPPCB jispjega lit-TWG dwar kif il-kummenti kollha ġew ikkunsidrati qabel ma ġie ppreżentat il-BREF lill-Forum (ara t-Taqsima 4.3). Għodda għall-iskambju ta’ informazzjoni

4.7.   Għodda għall-iskambju ta’ informazzjoni

4.7.1.   Sistema ta’ informazzjoni tal-BAT (BATIS)

BATIS hija applikazzjoni ta’ softwer ibbażata fuq il-web stabbilita biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-BAT kif ukoll il-proċess intern imwettaq fl-EIPPCB sabiex jipproduċi jew jirrevedi l-BREFs. Minbarra l-persunal tal-EIPPCB, huma biss il-membri nnominati tal-Forum u tat-TWG li għandhom aċċess għall-BATIS. Id-dettalji tal-kuntatt tal-membri tat-TWG huma disponibbli fil-BATIS sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan kull TWG.

L-objettiv prinċipali tas-sistema huwa li tappoġġa l-EIPPCB fl-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-informazzjoni relatata mal-BREFs, sabiex ikun hemm trasparenza u jiġu prodotti BREFs ta’ kwalità għolja.

BATIS tgħin iżżomm it-trasparenza fil-proċess ta’ tfassil u reviżjoni ta’ BREF. Għal dan il-għan, l-informazzjoni kollha miġbura fil-qafas tat-tfassil jew tar-reviżjoni ta’ BREF hija disponibbli fuq il-BATIS, minbarra informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva (ara t-Taqsima 5.3).

L-EIPPCB huwa responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-informazzjoni fil-BATIS. L-EIPPCB jistruttura l-informazzjoni/id-dokumenti fil-BATIS (eventwalment billi jċaqlaq id-dokumenti mtellgħin direttament mill-membri tat-TWG) b’mod li dawn ikunu jistgħu jinstabu faċilment, speċjalment mill-membri tat-TWG u tal-Forum.

B’mod partikolari, l-EIPPCB huwa responsabbli biex jagħmel disponibbli fuq il-BATIS informazzjoni dwar il-laqgħat tat-TWG u l-laqgħat tas-sottogruppi (pereżempju d-dokumenti ta’ sfond, il-minuti tal-laqgħat, is-slajds tal-laqgħat) kif ukoll il-kummenti tat-TWG riċevuti dwar l-abbozzi tal-BREFs u l-feedback tal-EIPPCB dwar dawk il-kummenti (ara t-Taqsima 4.6.6).

Il-membri tat-TWG huma responsabbli biex itellgħu l-kontribuzzjonijiet individwali tagħhom fuq il-BATIS. Manwal għall-utent onlajn huwa disponibbli fil-BATIS għall-utenti tal-BATIS. Meta ma jkunx prattikabbli jew possibbli li tintuża l-BATIS għas-sottomissjoni tal-informazzjoni (pereżempju meta jintbagħat ktieb lill-EIPPCB), jistgħu jintużaw metodi oħra għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-EIPPCB (pereżempju l-posta normali, feks). Madankollu, mhuwiex mistenni li din tkun in-norma, u l-informazzjoni disponibbli elettronikament għandha tittella’ direttament fuq il-BATIS kif indikat hawn fuq.

Il-BATIS għandha funzjonalità li tippermetti lill-membri tat-TWG jkunu jafu awtomatikament (jiġifieri ta’ kuljum) jekk ittellgħetx informazzjoni ġdida jew jekk il-membri tal-grupp kellhomx aċċess għall-informazzjoni mtella’ fl-aħħar 24 siegħa.

L-informazzjoni miġbura fil-preparazzjoni tat-tfassil jew tar-reviżjoni ta’ BREF ssir disponibbli permezz tal-BATIS (ara t-Taqsima 4.7.1).

4.7.2.   Il-websajt tal-EIPPCB

Il-websajt tal-EIPPCB (http://eippcb.jrc.ec.europa.eu) jikkostitwixxi l-għodda ewlenija għad-disseminazzjoni tal-BREFs u l-abbozzi tal-BREFs. Il-websajt fih:

1.

informazzjoni ġenerali dwar id-Direttiva 2010/75/UE u l-EIPPCB;

2.

aċċess għall-BREFs adottati u l-informazzjoni dwar l-istatus tagħhom (pereżempju adotatti, taħt reviżjoni);

3.

aċċess għall-BREFs finalizzati u l-abbozzi formali tagħhom;

4.

aċċess għad-dokumenti ta’ gwida tal-kumitat (bħal din il-gwida);

5.

l-opinjonijiet u d-dokumenti tal-Forum;

6.

notifika ta’ avvenimenti u ta’ laqgħat tal-EIPPCB;

7.

indikazzjonijiet tal-pjanijiet ta’ ħidma tal-EIPPCB għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs;

8.

informazzjoni dwar l-opportunitajiet tax-xogħol fl-EIPPCB;

9.

aċċess għall-ispazju tax-xogħol elettroniku tal-BATIS għall-membri tat-TWG u tal-Forum.

4.8.   Sigurtà tad-dejta personali

Id-dejta personali tat-TWG u l-membri tal-Forum, li tikkonsisti mill-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ kull membru, għandha tinġabar mill-EIPPCB malli dawn jiġu nnominati bħala membru tat-TWG jew tal-Forum bl-iskop esklussiv li l-EIPPCB jkun jista’ jimmaniġġja l-parteċipazzjoni tal-membri tat-TWG u tal-Forum fit-tfassil/fir-reviżjoni ta’ BREF u sabiex il-membri tat-TWG u tal-Forum ikollhom aċċess għall-għodod tal-ġestjoni għall-editjar u r-reviżjoni tal-BREFs u dokumenti oħra.

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li żżomm il-privatezza tal-utenti. Il-politika dwar “il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni” hija bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Għal aktar informazzjoni, hemm dikjarazzjoni ta’ privatezza disponibbli għall-membri tat-TWG u tal-Forum mill-websajt tal-EIPPCB. Għalhekk, l-EIPPCB ma jippubblikax id-dettalji tal-kuntatt tat-TWG fuq il-websajt tiegħu.

Il-Kummissjoni, bħala l-istituzzjoni responsabbli għat-trattament tad-dejta personali msemmija hawn fuq, sejra żżomm id-dejta.

Fi kwalunkwe ħin, il-membri tat-TWG u tal-Forum jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għal u li jimmodifikaw id-dejta billi jikkuntattjaw lis-Segretarjat tal-EIPPCB fuq:

e-Mail: jrc-ipts-eippcb@ec.europa.eu

Tel. +34 954 488 284

Feks: +34 954 488 426.

KAPITLU 5

Ġbir u sottomissjoni ta’ dejta

5.1.   Introduzzjoni

Dan il-Kapitlu jippreżenta gwida dwar il-ġbir tad-dejta għall-iskambju ta’ informazzjoni taħt id-Direttiva 2010/75/UE kif imsemmi fl-Artikolu 13(3)(c) ta’ dik id-Direttiva.

5.2.   Prinċipji ġenerali għall-ġbir u s-sottomissjoni tad-dejta għat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs

Id-dejta li trid tinġabar u tiġi sottomessa lill-EIPPCB dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-impjanti/installazzjonijiet kif ukoll il-vijabilità teknika u ekonomika tagħhom, għandha tippermetti t-tfassil, ir-reviżjoni u, fejn ikun hemm bżonn, l-aġġornament tal-BREFs u l-konklużjonijiet tal-BAT fihom kif deskritt fil-Kapitlu 3.

Il-prinċipji ġenerali li l-membri tat-TWG għandhom isegwu għall-ġbir u s-sottomissjoni tad-dejta kif deskritt hawn taħt.

1.

Is-settijiet tad-dejta fil-livell ta’ impjanti/installazzjonijiet uniċi, b’indikazzjoni kemm tal-prestazzjoni ambjentali miksuba kif ukoll tat-tekniki użati għall-kisba tagħha huma essenzjali għad-determinazzjoni tal-BAT.

2.

Għalhekk huwa kruċjali li l-membri tat-TWG jipprovdu settijiet tad-dejta kompleti mill-inqas fil-livell tal-impjant kif dettaljat fit-Taqsima 5.4. Id-dejta aggregata minn ħafna impjanti/installazzjonjiet normalment mhijiex biżżejjed biex tippermetti l-konklużjonijiet tal-BAT u/jew tal-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjati mal-BAT (ara t-Taqsimiet 3.3.1 u 3.3.2). F’każijiet eċċezzjonali, il-kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sensittività għal raġunijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni jistgħu jeħtieġu li l-informazzjoni tiġi ttrattata b’mod xieraq (pereżempju anonimizzata) mill-EIPPCB għall-għan li tiġi rrapportata fil-BREF (ara wkoll il-paragrafu dwar il-kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità fit-Taqsima 5.3 hawn taħt).

3.

Kemm it-tekniki fil-proċess kif ukoll dawk fil-punt tar-rimi użati fl-impjant/installazzjoni għall-imminimizzar tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent għandhom jissemmew u jiġu ddokumentati. Fejn rilevanti għandha tiġi sottomessa deskrizzjoni sħiħa tat-tekniki (flimkien mas-settijiet tad-dejta) li ssegwi l-istruttura ta’ 10 intestaturi deskritta fit-Taqsima 2.3.7.

4.

Id-dejta sottomessa għandha tkun akkumpanjata minn indikazzjonijiet ċari dwar jekk humiex relatati ma’ kundizzjonijiet normali jew kundizzjonijiet tat-tħaddim mhux normali (bħall-bidu u t-tmien tat-tħaddim, tnixxigħat, ħsara, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim), ara t-Taqsima 4.6.2.2.

5.2.1.   Tip ta’ dejta

Id-dejta/informazzjoni ewlenija għandha tinġabar mill-inqas sal-livell tal-impjant anki f’livell aktar diskret (pereżempju l-linja tal-produzzjoni, l-unità, il-proċessi, il-fornijiet), b’referenza ċara għat-teknika(i) applikata(i). Fejn disponibbli, id-dejta/informazzjoni diġà miġbura għal skopijiet oħra għandha terġa’ tintuża.

L-informazzjoni li tipprovdi ħarsa ġenerali globali lejn is-settur – li tista’ tinkludi l-kapaċità tal-industrija, il-livelli ta’ produzzjoni, l-informazzjoni tas-suq, il-prezzijiet u informazzjoni oħra possibbilment sensittiva – tista’ tingħata f’forma aggregata, iżda dan ikun utli l-aktar għall-iżvilupp jew l-aġġornament tal-kapitli tal-BREF intitolat “Informazzjoni Ġenerali” u “Livelli Attwali ta’ Emissjoni u Konsum” ta’ BREF (ara t-Taqsimiet 2.3.4 u 2.3.6).

L-informazzjoni sottomessa dwar it-tekniki għandha tindirizza, safejn possibbli, l-aspetti kollha msemmija fit-Taqsima 5.4, sabiex ikun jista’ jsir l-abbozzar tal-kapitlu tal-BREF intitolat “Tekniki li jridu Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” (ara t-Taqsima 2.3.7). Il-prestazzjonijiet tat-tekniki għandhom jitpoġġew fil-kuntest u jkunu appoġġati b’mod partikolari bid-dejta operattiva u ekonomika rilevanti (ara t-Taqsima 5.4).

Għandha tingħata informazzjoni minn dawk li kienu meqjusin bħala l-installazzjonijiet bl-aqwa prestazzjoni (fir-rigward tal-ambjent fl-intier tiegħu). Għal dawn l-installazzjonijiet, l-informazzjoni msemmija fit-Taqsima 5.4 għandha tinkludi biżżejjed dettall sabiex tgħin il-fehim ta’ kif inkiseb il-livell għoli osservat ta’ prestazzjoni ambjentali. Dan ma jfissirx li għandha tinġabar u tiġi sottomessa biss l-informazzjoni dwar l-impjanti bl-aqwa prestazzjoni. L-aġġornament tal-kapitlu 3 tal-BREF intitolat “Livelli Attwali ta’ Konsum u Emissjoni” (ara t-Taqsima 2.3.6) jeħtieġ li tiġi sottomessa informazzjoni dwar firxa ta’ livelli ta’ emissjoni u konsum osservati attwalment għall-proċessi kollha u s-sottoproċessi tagħhom.

5.2.2.   Format tad-dejta

L-informazzjoni fil-livell tal-impjant/installazzjoni għandha tiġi sottomessal-aktar lill-EIPPCB bl-użu ta’ mudell komuni miftiehem mit-TWG, mingħajr ir-restrizzjoni tal-possibbiltà li jiġu sottomessi dokumenti ta’ appoġġ addizzjonali jekk dan jitqies utli. Sabiex jitnaqqas ix-xogħol tal-ikkompletar ta’ dan il-mudell komuni, it-TWG huwa inkoraġġut jikkunsidra rekwiżiti ta’ rappurtar perjodiku u d-disponibilità tad-dejta. Il-mudelli huma utli b’mod partikolari għall-ġbir ta’ ammont kbir ta’ informazzjoni, sabiex ikun jista’ jsir paragun tad-dejta kif ukoll sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u l-anomaliji. Dan ma jeskludix l-użu ta’ dejta supplimentari (pereżempju studji tal-każijiet, dejta teknika u tal-ispejjeż li tikkonċerna tekniki speċifiċi) jekk meqjusa strumentali għall-kisba tal-konklużjonijiet tal-BAT.

Id-dejta/informazzjoni essenzjali li mudell għall-ġbir ta’ settijiet tad-dejta kompleti fil-livell ta’ impjant (jew livell aktar diskret) għandu jkun fih hija indikata fit-Taqsima 5.4 (li tagħti dettalji tad-dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali meħtieġa).

5.2.3.   Kwalità tad-dejta

L-informazzjoni sottomessa għandha tkun ta’ livell ta’ dettall suffiċjenti li jippermetti l-valutazzjoni u l-paragun tagħha ma’ dejta oħra u fl-aħħar nett li tintuża għall-konklużjonijiet tal-BAT (ara l-Kapitlu 3). Għalkemm l-attenzjoni tal-iskambju tad-dejta hija fuq dejta mkejla disponibbli, huwa rrakkomandat li titqies is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kwalità tad-dejta murija fl-Appendiċi 1 sabiex tiġi żgurata l-kwalità tad-dejta stmata.

Id-dejta pprovduta (speċjalment id-dejta tal-emissjonijiet u tal-konsum) għandha tkun minn snin reċenti.

Iċ-ċifri kollha sottomessi għandhom jingħataw f’unitajiet SI jew f’unitajiet użati b’mod komuni fis-settur u li jkun hemm qbil dwarhom mit-TWG preferibbilment fil-laqgħa tal-bidu.

Id-dejta kollha, b’mod partikolari l-informazzjoni li hemm fil-mudelli mimlijin, għandha tiġi kkontrollata sew qabel ma tiġi sottomessa lill-EIPPCB sabiex tiġi żgurata l-kompletezza u sabiex jiġu identifikati u kkoreġuti l-iżbalji u l-inkonsistenzi. Il-mudelli sottomessi li fil-maġġoranza tagħhom mhumiex mimlijin jew li fihom wisq żbalji ma għandhomx jiġu kkunsidrati mill-EIPPCB.

5.3.   Kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità

Informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni, ġeneralment mhumiex problema minħabba li l-iskambju ta’ informazzjoni jiffoka fuq id-dejta tal-emissjonijiet li huma fid-dominju pubbliku kif jista’ jiġi dderivat mill-Artikolu 24(3) u (4) tal-EU u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

Madankollu, jista’ jiġri li l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u l-informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni tkun meħtieġa/utli għall-EIPPCB għall-valutazzjonijiet tiegħu (pereżempju tal-ispejjeż, tal-volum tal-produzzjoni).

Jekk kwalunkwe informazzjoni sottomessa lill-EIPPCB titqies bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni u għalhekk ma għandhiex tiġi rrapportata fil-BREF, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar meta tintbagħat l-informazzjoni u għandha tingħata r-raġuni/ġustifikazzjoni għall-kunfidenzjalità/sensittività.

Informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni ma għandhiex tiġi rrapportata fil-BREF, sakemm l-informazzjoni ma tipprovdix bażi importanti għall-konklużjonijiet tal-BAT u l-fornitur tal-informazzjoni, billi jkun ivverifika minn qabel ukoll il-konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni, ma jkunx qed jawtorizza speċifikament lill-EIPPCB biex jirrapporta l-informazzjoni fil-BREF.

Hemm ħafna modi kif tista’ tiġi ttrattata d-dejta kunfidenzjali/sensittiva fil-BREFs bħall-aggregazzjoni jew l-anonimizzazzjoni tal-informazzjoni. Dan jista’ jsir mill-EIPPCB jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna ta’ dawk li jkunu pprovdew l-informazzjoni.

Il-perjodu meta jiġi żviluppat mudell (ara t-Taqsimiet 4.6.2.2 u 5.4) huwa l-perjodu biex jiġi diskuss fid-dettall liema informazzjoni hija meħtieġa, il-livell ta’ kunfidenzjalità (jekk ikun hemm) tad-dejta mitluba u l-prattiċitajiet biex jiġu ttrattati l-informazzjoni kummerċjali potenzjalment kunfidenzjali, l-informazzjoni sensittiva skont il-liġi tal-kompetizzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-kwistjonijiet relatati, abbażi ta’ proċedura diskussa fil-laqgħa tal-bidu.

5.4.   Id-dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali meħtieġa għall-kapitli tal-BREF intitolati “Tekniki li jridu Jitqiesu fid-Determinazzjoni tal-BAT” u “Konklużjonijiet tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT)”

5.4.1.   Informazzjoni ġenerali dwar id-dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali

Din it-taqsima tittratta d-dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali. Madankollu, sabiex jiġu mfassla, riveduti u, fejn ikun hemm bżonn, aġġornati l-konklużjonijiet tal-BAT, it-tekniki kollha li jridu jiġu kkunsidrati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BAT għandhom jiġu ppreżentati fil-BREF skont l-istruttura standard fit-Taqsima 2.3.7, fejn tingħata dejta oħra meħtieġa għall-ilħiq tal-konklużjonijiet tal-BAT (speċjalment dwar l-ekonomija, l-Effetti Transmedjali u l-kunsiderazzjonijiet tekniċi).

Jista’ jiġi abbozzat kwestjonarju komuni, iżda dan jista’ jindirizza biss ċerti kwistjonijiet ġenerali, mingħajr ma’ jidħol f’dettalji tekniċi ħafna: attwalment, ma hemmx mudell komuni miftiehem għall-ġbir tad-dejta u minħabba d-diversità tal-attivitajiet koperti bid-Direttiva 2010/75/UE, jista’ jiġi elaborat biss mudell komuni bażiku. Għalhekk, fil-laqgħa tal-bidu tat-TWG għandhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-format u l-bqija tal-kontenut tal-mudell għas-settur li jkun qiegħed jiġi indirizzat (ara t-Taqsimiet 4.6.2.2 u 5.5).

Madankollu, it-tipi ewlenin ta’ dejta tal-prestazzjoni ambjentali u operazzjonali li mudell għall-ġbir ta’ dejta speċifika għall-impjant jew għall-installazzjoni għandu jkun fih huma deskritti fit-taqsimiet hawn taħt.

5.4.2.   Konsum

5.4.2.1.   Informazzjoni ġenerali dwar il-konsum

L-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi dejta dwar l-użu ta’ materja prima u materjal/materjal għall-produzzjoni awżiljarja, ilma u enerġija fil-proċessi rilevanti.

5.4.2.2.   Konsum ta’ materja prima u ta’ materjal/materjal għall-produzzjoni awżiljarja

L-informazzjoni għandha tinkludi, safejn huwa rilevanti għall-attivitajiet ikkonċernati:

1.

il-kwantità ta’ materja prima u materjal/materjal għall-produzzjoni awżiljarja użati (inkluż materjal sekondarju/riċiklat) u l-kompożizzjoni;

2.

indikazzjoni tat-tekniki użati (inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet ġew iddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għall-massimizzazzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi.

5.4.2.3.   L-użu tal-ilma

L-informazzjoni sottomessa għandha tiddistingwi bejn l-ilma tat-tkessiħ u l-ilma tal-proċess, u għandha tindika jekk l-ilma jerġax jintuża u jekk dan huwa l-każ kemm minnu. Id-dejta/informazzjoni għandha tinkludi, jekk rilevanti għall-attivitajiet ikkonċernati, il-punti speċifikati hawn taħt.

1.

Informazzjoni dwar l-oriġini tal-ilma użat u l-ilma ta’ lqugħ (pereżempju l-isem, it-tip – ilma tax-xita, ilma tal-wiċċ, jiġifieri ilma tal-lag, tax-xmara, tan-nixxiegħa, tal-baħar, jew ta’ taħt l-art; fejn rilevanti wkoll it-temperatura, il-fluss u l-kwalità).

2.

Jekk it-trattament tal-ilma tal-provvista jitwettaqx fuq il-post u indikazzjoni tat-tip ta’ trattament imwettaq (pereżempju desalinazzjoni, filtrazzjoni).

3.

Indikazzjoni tat-tekniki użati (inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet ġew iddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għat-tnaqqis tal-konsum tal-ilma. Jekk l-isforzi li jsiru għat-tnaqqis tal-konsum tal-ilma jwasslu għal effluwenti aktar konċentrati, dan għandu jiġi indikat kif ukoll il-miżuri meħudin għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali ta’ effluwenti aktar konċentrati.

5.4.2.4.   L-użu tal-enerġija

L-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi, jekk rilevanti għall-attivitajiet ikkonċernati:

1.

Inputs:

(i)

It-tip u l-kwantità ta’ karburant/enerġija użati (pereżempju żejt karburant, gass petroleum likwifikat, gass naturali, fwar, elettriku, skart, bijogass, bijokarburant jew bijomassa użata bħala karburant) inkluż gassijiet tat-tkessiħ u gassijiet tekniċi (pereżempju N2, O2). Jekk jintuża l-fwar, it-temperatura u l-pressjoni tal-fwar għandhom jiġu indikati.

(ii)

Il-konsum ta’ karburant/enerġija (għal kull tip), b’distinzjoni bejn enerġija termali u elettrika.

2.

Produzzjoni:

(i)

Jekk tiġix prodotta enerġija (pereżempju produzzjoni tal-elettriku) u kemm. Jekk jiġi prodott il-fwar, it-temperatura u l-pressjoni tal-fwar għandhom jiġu indikati.

(ii)

Jekk l-enerġija tinbiegħx jew jekk l-enerġija tas-sħana tintużax fuq il-post jew lil hinn mill-post (pereżempju għat-tisħin distrettwali).

3.

Oħrajn:

(i)

Jekk hemmx enerġija rkuprata u f’liema parti tal-installazzjoni, taħt liema forma u kemm.

(ii)

Jekk hemmx reazzjonijiet eżotermiċi u f’liema parti tal-installazzjoni u kemm.

(iii)

It-telf tas-sħana, f’liema parti tal-installazzjoni u kemm.

(iv)

Liema valutazzjoni komparattiva tal-enerġija tintuża.

Il-konfini tas-sistema (inklużi partijiet ta’ impjant) u l-kundizzjonijiet ta’ referenza għandhom jingħataw meta jiġu ppreżentati l-valuri tal-konsum/effiċjenza enerġetika.

Id-dejta tal-enerġija għandha titfisser f’kWh jew MJ skont il-massa tal-prodott (jew skont il-massa ta’ materja prima), b’indikazzjoni ta’ jekk intużawx il-valuri kalorifiċi netti jew grossi għad-determinazzjoni ta’ dan.

Id-Dokument ta’ Referenza tal-BAT dwar l-Effiċjenza Enerġetika (ENE) għandu jitqies għall-ġbir u r-rappurtar tad-dejta tal-enerġija.

5.4.3.   Emissjonijiet fl-ilma

L-informazzjoni sottomessa għandha tiddistingwi bejn l-ilma tat-tkessiħ u l-ilma tal-proċess, u għandha tindika jekk l-ilma jerġax jintuża u, jekk dan huwa l-każ, kemm minnu. Id-dejta/informazzjoni għandha tinkludi l-punti elenkati hawn taħt, jekk rilevanti għall-attivitajiet ikkonċernati.

1.

L-ammont u r-rata ta’ fluss tal-ilmijiet tal-iskart tal-proċess mormija kif ukoll indikazzjoni ta’ jekk rimi eċċezzjonali huwiex inkluż.

2.

Indikazzjoni tas-sorsi (pereżempju proċessi ta’ unità) tal-ilma tal-proċess mormi.

3.

L-ammont, ir-rata tal-fluss u t-temperatura tal-ilma tat-tkessiħ mormi.

4.

Jekk l-ilma tax-xita jinġabarx u jiġix ittrattat fl-installazzjoni u kemm minnu.

5.

Jekk l-ilmijiet tal-iskart li ġejjin minn impjanti oħra (inklużi ilmijiet tal-iskart muniċipali) humiex ittrattati fl-installazzjoni u kemm minnhom.

6.

Il-livelli ta’ emissjoni (bħala konċentrazzjonijiet u/jew tagħbijiet speċifiċi) jekk meqjusin rilevanti (13), ara t-Taqsima 3.3.1) tas-sustanzi niġġiesa mormija għal kull fluss tal-ilma tal-iskart meqjus u jekk l-ilma tal-iskart huwiex mormi direttament jew indirettament fl-ilma riċevitur. L-informazzjoni għandha tispeċifika wkoll jekk humiex inklużi kundizzjonijiet ta’ tħaddim mhux normali (bħall-bidu u t-tmien tat-tħaddim, tnixxigħat, ħsara, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim). Din l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa flimkien mal-informazzjoni ta’ referenza rilevanti indikata fit-Taqsima 5.4.7.

7.

Indikazzjoni ta’ jekk l-effluwenti tal-ilma humiex ittrattati f’impjant tat-trattament tad-drenaġġ (WWTP - waste water treatment plant) li jinsab fuq il-post jew mhux fuq il-post (pereżempju muniċipali jew ċentrali għal sit industrijali sħiħ) tal-installazzjoni.

8.

Indikazzjoni tat-tekniki użati (inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet huma ddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għall-prevenzjoni, u fejn dan mhuwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ilma.

9.

Il-kwantità ta’ sustanza/i niġġiesa qabel u wara l-metodu tekniku/tekniki (ta’ eliminazzjoni) użata sabiex jiġu stabbiliti l-effiċjenzi tal-eliminazzjoni.

10.

Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet/ċirkostanzi li jostakolaw l-użu tat-teknika (ta’ eliminazzjoni) f’kapaċità sħiħa u/jew li jeħtieġu l-evitar sħiħ jew parzjali tat-teknika (ta’ eliminazzjoni) u l-miżuri meħudin għar-ristorazzjoni tal-kapaċità sħiħa (ta’ eliminazzjoni).

5.4.4.   Emissjonijiet fl-arja

Id-dejta/informazzjoni sottomessa għandha tinkludi l-punti elenkati hawn taħt, jekk rilevanti għas-settur ikkonċernat.

1.

Il-livelli ta’ emissjoni (bħala konċentrazzjonijiet u/jew tagħbijiet (speċifiċi) jekk meqjusin rilevanti; ara t-Taqsima 3.3.1) tas-sustanzi niġġiesa emessi, b’distinzjoni bejn emissjonijiet inkanalati (pereżempju fiċ-ċmieni) u emissjonijiet mhux inkanalati (pereżempju diffużi/li jaħarbu) kif ukoll indikazzjoni ta’ jekk l-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet ta' tħaddim mhux normali (bħall-bidu u t-tmien tat-tħaddim, tnixxigħat, ħsara, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim) humiex inklużi. Għad-dejta tat-tagħbija speċifika, il-prodott imsemmi għandu jiġi ddefinit b’mod ċar. Din l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa flimkien mal-informazzjoni ta’ referenza rilevanti indikata fit-Taqsima 5.4.7.

2.

Indikazzjoni ta’ jekk l-effluwenti tal-gass humiex ittrattati f’impjant tat-trattament tal-gass tal-iskart ċentrali li jinsab fis-sit jew lil hinn mis-sit.

3.

Indikazzjoni tas-sorsi (pereżempju proċessi ta’ unità) kemm ta’ emissjonijiet diffużi/li jaħarbu kif ukoll ta’ dawk fiċ-ċmieni.

4.

Rata tal-fluss tal-gass fit-tromba taċ-ċmieni.

5.

Il-kundizzjonijiet ta’ referenza (pereżempju d-dejta tal-konċentrazzjonijiet għandha tirreferi għall-gassijiet tal-iskart fin-niexef – jekk le, dan għandu jiġi indikat – u l-kontenut tal-ossiġenu ta’ referenza għandu jissemma, jekk applikabbli).

6.

Indikazzjoni tat-tekniki użati (inluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet huma ddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għall-prevenzjoni, u fejn dan mhuwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja.

7.

Il-kwantità ta’ sustanza/i niġġiesa qabel u wara l-metodu tekniku/tekniki (ta’ eliminazzjoni) użata sabiex jiġu stabbiliti l-effiċjenzi tal-eliminazzjoni.

8.

Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet/ċirkostanzi li jostakolaw l-użu tat-teknika (ta’ eliminazzjoni) f’kapaċità sħiħa u/jew li jeħtieġu l-evitar sħiħ jew parzjali tat-teknika (ta’ eliminazzjoni) u l-miżuri meħudin għar-ristorazzjoni tal-kapaċità sħiħa (ta’ eliminazzjoni).

5.4.5.   Residwi/skart

L-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi, jekk rilevanti għas-settur ikkonċernat, il-punti elenkati hawn taħt.

1.

It-tip(i) u l-kwantitajiet ta’ residwi/skart (pereżempju ħama) iġġenerati/maħluqin mill-attività.

2.

Il-karatteristiċi (fiżiċi/kimiċi) tar-residwi/skart iġġenerati/maħluqin mill-attività (pereżempju kontenut ta’ metall, kontenut solidu niexef medju).

3.

Il-piż speċifiku tar-residwi/skart organiċi u inorganiċi mormija u l-piż speċifiku li huwa rriċiklat/użat mill-ġdid internament jew esternament.

4.

Indikazzjoni tat-tekniki użati (inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod kif l-installazzjonijiet huma ddisinjati, mibnija, miżmuma, imħaddma u dekummissjonati) għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ residwi/skart jew, fejn dan mhuwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tal-ġenerazzjoni ta’ residwi/skart.

5.4.6.   Informazzjoni oħra

Id-dejta tal-prestazzjoni ambjentali u tat-tħaddim ipprovduta għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni kollha ġenerali rilevanti bħal, fejn applikabbli:

1.

is-sena li fiha nbniet u bdiet titħaddem l-installazzjoni, u indikazzjoni tan-natura u d-dati taż-żieda ta’ tagħmir ġdid maġġuri (retrofits);

2.

it-tip ta’ proċessi ta’ produzzjoni, katalisti, tagħmir tal-proċess (pereżempju mitħna, skambjatur tas-sħana u forn) użati;

3.

il-kundizzjonijiet tat-tħaddim ewlenin tal-proċess (pereżempju proċess kontinwu jew f’lottijiet, avvenimenti rikorrenti bħal tneħħija tal-faħam mill-forn, riġenerazzjoni tal-katalista, tagħbija tal-produzzjoni, temperatura tal-proċess);

4.

it-tipi differenti ta’ prodotti mmanifatturati u kif il-kwalità/kompożizzjoni tagħhom tista’ taffettwa l-konsum/emissjonijiet;

5.

Miżuri meħudin għall-prevenzjoni jew, fejn dan mhuwiex prattikabbli, għat-tnaqqis tat-tniġġis matul kundizzjonijiet ta’ tħaddim mhux normali (bħall-bidu u t-tmien tat-tħaddim, tnixxigħat, ħsara, waqfien momentarju, u waqfien definittiv tat-tħaddim);

6.

Miżuri meħudin għat-tnaqqis tal-probabbiltà (frekwenza) u/jew l-effetti ambjentali ta’ inċidenti/aċċidenti.

5.4.7.   Informazzjoni ta’ referenza li għandha takkumpanja d-dejta ta’ emissjoni

5.4.7.1.   Ġenerali

Għad-dejta ta’ emissjoni, minbarra l-valur u l-unità għall-parametru mmonitorjat, l-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi, fejn applikabbli:

1.

is-sors tal-emissjoni (pereżempju reattur, forn)

2.

indikazzjoni tat-tip tat-tendenza tal-emissjoni (pereżempju valuri minimi/massimi, perċentwali jew preżentazzjoni grafika, ara t-Taqsima 5.4.7.3).

5.4.7.2.   Monitoraġġ

Għad-dejta tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet, l-informazzjoni sottomessa għandha tinkludi, fejn applikabbli, il-punti elenkati hawn taħt.

1.

Il-frekwenza tal-kejl/teħid ta’ kampjuni/monitoraġġ.

2.

Il-perjodu tal-medja użat għar-rapportar tad-dejta (ara l-informazzjoni dettaljata hawn taħt).

3.

It-tip ta’ metodu ta’ monitoraġġ użat (pereżempju kejl dirett, kejl indirett/bilanċi tal-massa/sħana, fatturi ta’ emissjoni) u indikazzjoni tal-istandard(s) ta’ monitoraġġ EN/ISO (jew oħra) użati inkluż il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni u l-pretrattament tal-kampjuni. Jekk disponibbli, il-limitu ta’ individwazzjoni (LOD - limit of detection) u l-limitu ta’ kwantifikazzjoni (LOQ - limit of quantification) għandhom jingħataw għall-parametru mmonitorjat. Fil-każijiet fejn l-istandard ta’ monitoraġġ użat mhuwiex standard EN/ISO, għandha tingħata deskrizzjoni tal-istandard.

4.

Indikazzjoni tal-inċertezzi tal-kejl/teħid ta’ kampjuni/monitoraġġ.

5.

Dettalji tas-sors tad-dejta, pereżempju min ġabar, analizza u ssottometta d-dejta.

6.

Jekk id-dejta tteħditx matul kundizzjonijiet normali jew kundizzjonijiet ta’ tħaddim mhux normali (pereżempju l-bidu u t-tmien tat-tħaddim, manutenzjoni regolari, kundizzjonjiet eċċezzjonali).

Id-Dokument ta’ Referenza dwar il-Prinċipji Ġenerali ta’ Monitoraġġ (MON) għandu jitqies fir-rigward tal-espressjoni tar-riżultati ta’ monitoraġġ u kif jiġu ttrattati l-inċertezzi, il-kejl dirett u r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ.

5.4.7.3.   Medji, firxiet u distribuzzjonijiet tal-valuri ta’ emissjoni

Meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet, il-perjodu tal-ġbir u tal-medja tal-valuri għandu jiġi indikat b’mod mhux ambigwu. L-informazzjoni miġbura matul kundizzjonijiet ta’ tħaddim mhux normali għandha tiġi rrapportata separatament.

L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jindirizza l-prestazzjoni tal-impjanti/installazzjonijiet u t-tekniki f’termini ta’ emissjonijiet, imfissra bħala medji fuq perjodu qasir u twil, kif xieraq (ara t-Taqsima 1.1.1). Id-disponibilità taż-żewġ tipi ta’ informazzjoni, ir-rilevanza kif ukoll il-fattibbiltà tal-ġbir u l-analiżi sussegwenti tagħhom għandhom jiġu diskussi fil-laqgħa tal-bidu (ara t-Taqsima 4.6.2.2).

Sett ta’ dejta li fih medji fuq perjodu qasir (pereżempju medja ta’ kull nofs siegħa, kull siegħa, kuljum) li jkopru firxa ta’ żmien itwal (pereżempju sena waħda jew ħafna snin) jippermetti għal kalkoli sussegwenti tal-medji u perċentwali fuq perjodu qasir u twil. B’mod partikolari, il-firxa tal-varjazzjoni u l-funzjonijiet tad-distribuzzjoni (pereżempju d-devjazzjoni massima, minima, standard għall-kejl fuq il-post) tal-medji ta’ kuljum jew ta’ kull siegħa miġbura matul perjodu twil ta’ żmien (pereżempju sena waħda jew ħafna snin) hija neċessarja għall-identifikazzjoni tat-tendenza tal-emissjonijiet u l-emissjonijiet l-aktar intensivi possibbli li jistgħu jseħħu.

Il-medji annwali ġeneralment jagħtu immaġni tajba tal-prestazzjoni ambjentali relatata ma’ proċess/metodu tekniku, indipendentement mid-disturbi lokali jew il-varjazzjonijiet fuq perjodu qasir għaliex dawn jinkludu l-emissjonijiet fil-livelli tal-installazzjoni mis-sorsi u l-kundizzjonijiet kollha matul is-sena, jiġifieri f’sitwazzjoni ta’ fażi relattivament stabbli. Il-medji annwali huma wkoll ta’ interess fil-kuntest tat-tekniki kandidati ta’ referenza. Għall-medji annwali, huwa importanti li jiġi indikat kif dawn jinkisbu jew jiġu kkalkulati (pereżempju minn kejl kontinwu jew fuq il-post u, fil-każ ta’ dan tal-aħħar, kemm) u jekk l-emissjonijiet matul kundizzjonijiet minbarra kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim humiex inklużi.

5.5.   Kwistjonijiet speċifiċi taħt il-mandat ta’ kull grupp ta’ ħidma tekniku

It-TWGs stabbiliti għat-tfassil jew ir-reviżjoni ta’ BREF għandhom isegwu l-prinċipji ġenerali indikati fit-Taqsima 5.4. Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2010/75/UE, il-membri tat-TWG għalhekk għandhom jipprovdu informazzjoni (speċjalment id-dejta tal-konsum u tal-emissjonijiet) mill-inqas sal-livell ta’ attività/impjant/installazzjoni. It-TWG għandu jiddetermina jekk għandux jgħaddi għal livell aktar diżaggregat (pereżempju reattur, forn, operazzjoni ta’ unità, proċess). Madankollu, id-dejta aggregata minn ħafna impjanti tista’ tintuża biex jiġi elaborat il-Kapitlu 3 tal-BREF intitolat “Livelli Attwali ta’ Emissjoni u Konsum”.

Fil-każ ta’ reviżjoni ta’ BREF, il-membri tat-TWG għandhom jissuġġerixxu fil-lista ta’ xewqat tagħhom it-tip u l-format tad-dejta speċifika għas-settur li għandha tinġabar għar-reviżjoni tal-BREF ikkonċernat. Id-dokument ta’ sfond ippreparat mill-EIPPCB għal-laqgħa tal-bidu għandu jippreżenta s-suġġerimenti tat-TWG u jagħmel proposti konkreti għad-deskrizzjoni ta’ mudell tal-ġbir tad-dejta speċifiku għas-settur u għad-diskussjonijiet dwar it-tip u l-forma tad-dejta li għandha tinġabar u tiġi sottomessa.

It-TWG għandu jiddeċiedi fil-laqgħa tal-bidu jekk il-prinċipji ġenerali pprovduti f’dan id-dokument ta’ gwida dwar il-ġbir tad-dejta għandhomx bżonn jiġu supplimentati b’aspetti speċifiċi għas-settur għall-BREF ikkonċernat.

It-TWG għandu jiddiskuti u jiżviluppa mudell(i) speċifiku/speċifiċi għas-settur għall-ġbir u s-sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-EIPPCB skont il-prinċipji ġenerali mogħtija fit-Taqsima 5.2. It-TWG għandu b’mod partikolari jiddetermina t-tip ta’ dejta, il-medji, il-firxiet, id-distribuzzjonijiet, l-unitajiet, il-kundizzjonijiet ta’ referenza li għandhom jintużaw/jiġu sottomessi, b’kunsiderazzjoni tad-dejta disponibbli u l-unitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ referenza użati mill-produtturi. Il-qbil dwar dawn il-kwistjonijiet għalhekk għandu jkun wieħed mill-objettivi tal-laqgħa tal-bidu u għandu jkun hemm biżżejjed ħin previst għal dan.

Importanti: il-mudell(i) għandhom jinħolqu f’forma li tippermetti l-kumpilazzjoni u l-analiżi faċli tad-dejta bħal għodda statistika tal-Excel, XML jew oħra. Għandha tingħata preferenza għal mistoqsijiet b’aktar minn tweġiba waħda (multiple choice). L-użu ta’ mistoqsijiet li jippermettu tweġibiet miftuħin għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun għaliex dawn iwasslu b’mod inerenti għal kjarifiki neċessarji minħabba l-użu ta’ terminoloġija inkonsistenti. Opzjoni li tiffaċilita l-validazzjoni tad-dejta għandha tiġi inkorporata fil-mudelli. Il-mudell għandu jiġi ttestjat matul iż-żjara fuq il-post sabiex jittejjeb aktar.

It-TWG għandu jiddefinixxi fil-laqgħat tal-bidu tiegħu l-iskeda ta’ żmien għall-ġbir u s-sottomissjoni tad-dejta lill-EIPPCB (skont l-Iskeda Ġenerika għat-Tfassil u r-Reviżjoni tal-BREFs stabbilita fit-Taqsima 1.2.4). Dejta tal-aħħar mument għandha tiġi evitata għaliex huwa diffiċli għat-TWG kollu li janalizzahom minn pari. L-informazzjoni sottomessa wara l-iskadenza/i stabbiliti ma tistax tiġi kkunsidrata (ara wkoll it-Taqsima 1.2.4).

Għad-dejta tal-emissjonijiet, it-TWG għandu jiddeċiedi, abbażi tad-dejta tal-konċentrazzjonijiet u tat-tagħbija (speċifika) miġbura (jekk iż-żewġ tipi ta’ dejta huma disponibbli, dawn għandhom jiġu sottomessi t-tnejn), jew tip wieħed tad-dejta jew it-tnejn li huma jikkontribwixxux għall-ilħiq ta’ konklużjonijiet tal-BAT utli.

Kemm il-konċentrazzjoni kif ukoll it-tagħbijiet speċifiċi jistgħu jkunu utli għall-BREFs.

It-tagħbijiet speċifiċi (pereżempju l-massa ta’ sustanzi niġġiesa rilaxxati skont il-massa ta’ prodott immanifatturat) jippermettu li jsir tqabbil tal-prestazzjoni ambjentali tal-installazzjonijiet irrispettivament mill-volumi ta’ produzzjoni differenti tagħhom u mhumiex influwenzati bit-taħlit jew id-dilwizzjoni.

Il-konċentrazzjonijiet (akkumpanjati mill-kundizzjonijiet ta’ referenza u l-perjodi tal-medja) ġeneralment jagħtu aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni fuq perjodu qasir tal-proċessi individwali jew tal-operazzjonijiet ta’ unità u għalhekk jistgħu jiżvelaw il-fluttwazzjonijiet u l-emissjonijiet l-aktar intensivi. Dawn jistabbilixxu wkoll il-prestazzjoni ambjentali fi kwalunkwe mument. Il-kombinazzjoni tagħhom ma’ dejta tal-fluss, tippermetti li tiġi stabbilita t-tagħbija tat-tniġġis fi kwalunkwe mument. Meta jintuża kejl kontinwu, il-konċentrazzjonijiet jistgħu jintużaw biex jipprovdu informazzjoni dwar il-prestazzjoni fuq perjodu ta’ żmien itwal (pereżempju sena).

KAPITLU 6

Assigurazzjoni tal-kwalità tat-tfassil u r-reviżjoni tal-BREFs

L-assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta’ tfassil u reviżjoni tal-BREFs tiddependi l-aktar mill-konformità mal-gwida li hemm f’dan id-dokument, b’mod partikolari l-kontenut u l-limiti tal-BREF u l-ġbir tad-dejta għad-derivazzjoni tal-BAT.

Il-kwalità ta’ BREF tiddependi kemm mill-kwalità tal-parteċipanti involuti fil-proċess (livell għoli ta’ kompetenza teknika u ta’ involviment) kif ukoll mill-kwalità tal-“proċess ta’ Sevilja” stess. Sabiex jiggarantixxu din il-kwalità, l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali u l-Kummissjoni huma kollha kemm huma mistennija li jimplimentaw sistema ta’ kwalità li tinkludi:

1.

definizzjonijiet ċari tar-responsabbiltajiet u tal-allokazzjoni tal-kompiti;

2.

metodi u proċeduri;

3.

l-allokazzjoni ta’ biżżejjed riżorsi (b’mod partikolari l-persunal);

4.

sistema ta’ kontroll intern li twassal għal titjib kontinwu.

Il-kwalità tal-BREF hija attività ta’ kuljum li hija bbażata fuq l-impenn personali ta’ dawk kollha involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni. Ġeneralment fl-oriġini tal-informazzjoni miġbura, kull membru tat-TWG individwali għandu, bħala kontrollur tal-ewwel livell, rwol speċjali x’jaqdi biex jiggarantixxi l-kwalità tal-kontribuzzjonijiet tiegħu/tagħha.

Il-persunal tal-EIPPCB li jabbozza l-BREFs abbażi tal-kontribuzzjonijiet tat-TWG huwa kontrollur tat-tieni livell tal-kwalità tal-informazzjoni sottomessa. L-EIPPCB jopera fi ħdan l-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi (IPTS - Institute for Prospective Technological Studies) taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC - Joint Research Centre) tal-Kummissjoni. L-IPTS għandu ċertifikazzjoni ISO 9001 u l-JRC jopera skont l-Istandards ta’ Kontroll Interni u l-Qafas Sottostanti tal-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq prattika tajba internazzjonali. Dan jipprovdi assigurazzjoni ulterjuri tal-kapaċità tal-EIPPCB biex iwettaq il-kompiti tiegħu.

Il-proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità se jinżamm taħt analiżi kostanti u l-Forum se jintalab jikkontribbwixxi għal dan.


(1)  Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-terminu “Kapitlu” jirreferi għall-kapitli ta’ dan l-Anness.

(2)  Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-terminu “Taqsima” jirreferi għat-taqsimiet ta’ dan l-Anness.

(3)  Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiżviluppa għadd ta’ dokumenti ta’ gwida li jistgħu eventwalment jissostitwixxu wħud mill-BREFs orizzontali.

(4)  (ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8).

(5)  Soġġett għall-kundizzjonijiet imposti bil-liġijiet tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, ara t-Taqsima 5.3.

(6)  Kemm il-konċentrazzjoni kif ukoll it-tagħbija speċifika tas-sustanza/i niġġiesa (jekk disponibbli) jew id-dejta meħtieġa għad-derivazzjoni ta’ din l-informazzjoni inkluż il-metodi ta’ monitoraġġ u l-kundizzjonijiet ta’ referenza użati. Għad-dejta tat-tagħbija speċifika, il-prodott imsemmi għandu jiġi ddefinit b’mod ċar.

(7)  It-terminu “validu” jirreferi għall-approċċ stabbilit fit-Taqsima 4.6.2.3.2.

(8)  Inkluż kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod li bih l-impjant huwa ddisinjat, mibni, miżmum, imħaddem u dekummissjonat.

(9)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(10)  ĠU C 146, 17.5.2011, p. 3.

(11)  ĠU L 8. 12.1.2001, p. 1.

(12)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(13)  Informazzjoni dwar it-tagħbijiet (pereżempju massa ta’ sustanzi niġġiesa kull sena) tista’ tgħin fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet dwar it-tnaqqis tat-tniġġis.

Appendiċi 1

SISTEMA TA’ KLASSIFIKAZZJONI TAL-KWALITÀ TAD-DEJTA

L-informazzjoni hawn taħt ittieħdet mid-Dokument ta’ Referenza dwar l-Ekonomija u l-Effetti Transmedjali (ECM) (it-Taqsima 2.4.1 tad-Dokument ta’ Referenza ECM adottat f’Lulju 2006).

Is-sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-kwalità tad-dejta ntużaw għall-istimi tal-emissjonijiet biex jagħtu indikazzjoni kwalitattiva tal-affidabilità tal-istimi tad-dejta. Dan l-approċċ ġie estiż għal sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kwalità tad-dejta ġenerika. Is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kwalità tad-dejta li ġejja hija rrakkomandata għad-dejta kollha miġbura:

A.

stima bbażata fuq ammont kbir ta’ informazzjoni li tirrappreżenta bis-sħiħ is-sitwazzjoni u li għaliha s-suppożizzjonijiet ta’ sfond kollha huma magħrufin;

B.

stima bbażata fuq ammont sinifikanti ta’ informazzjoni li tirrappreżenta l-maġġoranza tas-sitwazzjonijiet u li għaliha s-suppożizzjonijiet ta’ sfond kollha huma magħrufin;

C.

stima bbażata fuq ammont limitat ta’ informazzjoni li tirrappreżenta ċerti sitwazzjonijiet u li għaliha, is-suppożizzjonijiet ta’ sfond kollha huma limitati;

D.

stima bbażata fuq kalkolu tal-inġinerija miksub minn ammont limitat ħafna ta’ informazzjoni li tirrappreżenta sitwazzjoni waħda jew tnejn biss u li għaliha ftit mis-suppożizzjonijiet ta’ sfond huma magħrufin;

E.

stima bbażata fuq ġudizzju tal-inġinerija dderivat minn suppożizzjonijiet biss.

Id-dejta ta’ kwalità A jew B huma l-aktar xierqa għad-determinazzjoni tal-BAT.

Appendiċi 2

IL-FLUSS TAX-XOGĦOL TIPIKU GĦAT-TFASSIL U R-REVIŻJONI TA’ BREFs

Image

Top