EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1255

Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 321, 5.12.2011, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 026 P. 237 - 246

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0508

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1255/oj

5.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1255/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Novembru 2011

li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 91(1) l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 173(3), l-Artikoli 175 u 188, l-Artikolu 192(1), l-Artikolu 194(2) u l-Artikolu 195(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

F’konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lil Parlament Ewropew, lil Kunsill, lil Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lil Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta’ Ottubru 2007 dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”), l-għan primarju tal-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni (“IMP”) huwa li tiżviluppa u timplimenta politika integrata, koordinata, koerenti, trasparenti u sostenibbli ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-oċeani, l-ibħra, ir-reġjuni kostali, insulari u l-aktar imbiegħda, u fis-setturi marittimi.

(2)

Il-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jistabbilixxi numru ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni tipproponi li tieħu bħala l-ewwel pass fl-implimentazzjoni ta’ IMP ġdida għall-Unjoni.

(3)

Ir-Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni dwar il-Politika Marittima Integrata tal-UE tal-15 ta’ Ottubru 2009 jiġbor il-kisbiet ewlenin tal-IMP sa dik id-data, u jwitti t-triq għall-fażi ta’ implimentazzjoni tagħha li jmiss.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2009 dwar il-Politika Marittima Integrata, il-Kunsill għamel enfasi fuq l-importanza tal-finanzjament għall-iżvilupp ulterjuri u l-implimentazzjoni tal-IMP billi stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti meħtieġa għall-finanzjament ta’ azzjonijiet tal-politika marittima integrata fi ħdan il-Perspettiva Finanzjarja eżistenti, bil-ħsieb li jiddaħħlu fis-seħħ sal-2011.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-Politika Marittima Integrata (IMP) - Valutazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda, il-Parlament Ewropew appoġġja b’mod espliċitu l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni “li tiffinanzja l-IMP b’EUR 50 miljun matul is-sentejn li ġejjin sabiex tibni fuq proġetti preċedenti fl-oqsma tal-politika, il-governanza, is-sostenibbiltà u s-sorveljanza”.

(6)

Il-pakkett finanzjarju għall-IMP stipulat f’dan ir-Regolament jieħu kont kemm tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali kif ukoll tal-fatt li dan hu l-ewwel programm operattiv iddedikat speċifikament għall-implimentazzjoni tal-IMP.

(7)

Hemm bżonn finanzjament tal-Unjoni kontinwu sabiex l-Unjoni tkun tista’ timplimenta u tkompli tiżviluppa l-IMP skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea (4) u ssegwi l-għanijiet prijoritarji kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, u kif ikkonfermat fir-Rapport tal-Progress ta’ Ottubru 2009 u approvati mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2009.

(8)

Billi mhux il-prijoritajiet u l-miri kollha tal-IMP huma koperti minn strumenti eżistenti tal-Unjoni, bħall-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Ewropew għas-Sajd, is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u l-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit Programm li jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-IMP (“il-Programm”).

(9)

Mingħajr preġudizzju għan-negozjati li ġejjin dwar il-qafas finanzjarju multiannwali ta’ wara l-2013, ser tkun meħtieġa d-disponibbiltà ta’ biżżejjed riżorsi biex ikun żgurat li l-għanijiet tal-IMP ikunu jistgħu jiġu żviluppati u jinkisbu, mingħajr ma jiddgħajfu r-riżorsi allokati għal linji politiċi oħrajn, filwaqt li tingħata spinta lill-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni marittimi tal-Unjoni, inklużi l-gżejjer, u r-reġjuni l-aktar imbiegħda. Għal dan il-għan huwa kkunsidrat essenzjali li l-IMP tkun inkluża fil-qafas finanzjarji multiannwali ta’ wara l-2013. Barra minn hekk, jekk ikun meħtieġ, għandha titfassal proposta għall-estensjoni tal-Programm lil hinn mill-2013, flimkien ma’ proposta li tistabbilixxi pakkett finanzjarju adatt.

(10)

L-iżvilupp tal-affarijiet marittimi permezz ta’ appoġġ finanzjarju għall-miżuri tal-IMP se jkollu impatt sinifikattiv f’termini tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(11)

Il-finanzjament tal-Unjoni għandu jitfassal biex jappoġġja l-ħidma esploratorja fuq azzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu l-għanijiet strateġiċi tal-IMP, bl-attenzjoni dovuta għall-impatti kumulattivi tagħhom, fuq il-bażi tal-approċċ tal-ekosistema, għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli “ikħal”, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività fir-reġjuni kostali, r-reġjuni insulari u l-aktar imbiegħda, u għall-promozzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-IMP.

(12)

L-għanijiet strateġiċi tal-IMP jinkludu governanza marittima integrata fil-livelli kollha; l-iżvilupp ulterjuri u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati għall-baċini tal-baħar imfassla għall-bżonnijiet speċifiċi tal-baċini tal-baħar differenti fl-Ewropa; l-iżvilupp ulterjuri ta’ strumenti trasversali għat-tfassil ta’ politika integrata bl-għan li jittejjbu s-sinerġiji u l-koordinazzjoni bejn linji politiċi u strumenti eżistenti, inkluż permezz ta’ data marbuta mal-baħar u l-qsim tal-għarfien; l-involviment iktar mill-qrib tal-partijiet interessati fi skemi integrati ta’ governanza marittima; il-protezzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u tal-kosta; u d-definizzjoni tal-limiti tas-sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-kosta u l-bijodiversità fil-qafas tad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (5), li hija l-pilastru ambjentali tal-IMP, kif ukoll id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma (6).

(13)

Huwa importanti għall-Programm li jorbot mal-linji politiċi l-oħra tal-Unjoni li jistgħu jinkludu dimensjoni marittima, b’mod partikolari l-fondi strutturali, in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, il-politika komuni tas-sajd, it-turiżmu, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, il-programm qafas dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u l-politika tal-enerġija.

(14)

Biex tkun assigurata l-koerenza bejn l-aspetti differenti tal-Programm, għandhom jiġu stabbiliti l-għanijiet ġenerali tiegħu. Għal kull għan ġenerali, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet operattivi aktar fid-dettall. It-tqassim tal-fondi fost l-għanijiet ġenerali, għall-perijodu 2011-2013, hu indikat fl-Anness. Dan it-tqassim jipprovdi flessibbiltà għal żieda/tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja ġenerali għal kull għan mingħajr ma jinqabeż il-pakkett finanzjarju globali.

(15)

Il-finanzjament mill-Unjoni għandu jgħin l-appoġġ għall-iżvilupp tal-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima f’konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2009 dwar Sorveljanza Marittima Integrata, b’kont meħud tal-pjan direzzjonali lejn l-istabbiliment ta’ Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għall-qasam marittimu tal-UE (CISE). Għalhekk dan il-finanzjament dedikat għandu jkun limitat għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni ddeċentralizzata, jiġifieri miżuri li jinkludu softwer, sabiex tittejjeb l-interface bejn is-sistemi ta’ sorveljanza. Il-Programm għandu jieħu kont tar-riżultati minn proġetti oħra rigward is-sistema ta’ sorveljanza marittima ddeċentralizzata.

(16)

L-implimentazzjoni tal-Programm fil-pajjiżi terzi għandha tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ żvilupp tal-pajjiż benefiċjarju u tkun konsistenti ma’ strumenti oħrajn ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni, inklużi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-linji politiċi rilevanti tal-Unjoni u l-acquis tal-Unjoni u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti.

(17)

Il-Programm għandu jkun komplementari ma’ u koerenti mal-istrumenti finanzjarji eżistenti u futuri li tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-Unjoni u mill-Istati Membri, fuq livell nazzjonali u subnazzjonali, għall-promozzjoni tal-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u l-kosti, u jikkontribwixxi għat-trawwim tal-kooperazzjoni aktar effikaċi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni kostali, insulari u l-aktar imbiegħda tagħhom, u jqis il-prijoritizzazzjoni u l-progress tal-proġetti nazzjonali u lokali.

(18)

L-azzjonijiet previsti fil-Programm għandhom ikunu komplementari mal-azzjonijiet oħra tal-Unjoni, sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni koerenti tal-atti legali tal-Unjoni li jikkonċernaw il-linji politiċi settorjali rilevanti, waqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni.

(19)

Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli li jiggvernaw l-ipprogrammar tal-miżuri, l-eliġibbiltà tal-infiq, il-livell tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet ewlenin li fuqhom għandu jkun disponibbli u l-baġit globali tal-Programm.

(20)

Il-Programm għandu jiġi implimentat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7), (“ir-Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8).

(21)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-pakkett finanzjarju tal-programm multiannwali, li jikkostitwixxi r-referenza ewlenija għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura annwali baġitarja, skont it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (9).

(22)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun possibbli li jiġi ffinanzjat l-infiq relatat mal-monitoraġġ, il-verifiki u l-evalwazzjoni.

(23)

Il-programmi ta’ ħidma annwali li jridu jiġu stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Programm għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jipprovdi r-regoli u l-prinċipji ġenerali rigward il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (10).

(24)

Fir-rigward tal-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, jeħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (11), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (12), u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (13).

(25)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-finanzjament tal-Unjoni, l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu evalwati b’mod regolari.

(26)

Huwa mifhum li l-ebda waħda mill-azzjonijiet maħsuba fil-kuntest tal-Programm ma tkun teħtieġ rikors għal bażi legali addizzjonali.

(27)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom, u għaldaqstant jistgħu, minħabba l-qies jew l-effetti tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-Programm, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Programm li jappoġġja l-miżuri maħsuba biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni (“il-Programm”).

Il-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni (“IMP”) għandha trawwem teħid ta’ deċiżjonijiet koordinat u koerenti biex iżżid kemm jista’ jkun l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni kostali, insulari u l-aktar imbiegħda fl-Unjoni, kif ukoll is-setturi marittimi, permezz ta’ linji politiċi koerenti relatati mas-settur marittimu u kooperazzjoni internazzjonali rilevanti.

Il-Programm għandu jappoġġja l-użu sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani, u t-tkabbir tal-għarfien xjentifiku.

Artikolu 2

Għanijiet ġenerali

Il-Programm għandu jkollu l-għanijiet ġenerali li ġejjin:

(a)

li jrawwem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-governanza integrata tal-affarijiet marittimi u kostali;

(b)

li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ għodod transettorjali, jiġifieri l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) u l-għarfien marittimu dwar l-oċeani, l-ibħra u r-reġjuni kostali fi ħdan u li jikkonfinaw mal-Unjoni, sabiex jiżviluppa sinerġiji u jappoġġja l-linji politiċi dwar il-baħar jew relatati mal-kosta, b’mod partikolari fl-oqsma tal-iżvilupp ekonomiku, l-impjiegi, il-protezzjoni ambjentali, ir-riċerka, is-sikurezza marittima, l-enerġija, u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji marittimi ekoloġiċi, filwaqt li jqis u jibbaża fuq għodod u inizjattivi eżistenti;

(c)

li jippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, b’mod partikulari l-bijodiversità tiegħu, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi kostali u tal-baħar u jkompli jiddefinixxi l-limiti tas-sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-bniedem li jħallu impatt fuq l-ambjent tal-baħar, b’mod partikolari fil-qafas tad-Direttiva 2008/56/KE (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina);

(d)

li jappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-baċini tal-baħar;

(e)

li jtejjeb u jżid il-kooperazzjoni esterna u l-koordinazzjoni fir-rigward tal-għanijiet tal-IMP, fuq il-bażi tal-promozzjoni tad-dibattiti fil-fora internazzjonali; f’dan ir-rigward, pajjiżi terzi għandhom ikunu mħeġġa jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS);

(f)

li jappoġġja tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi, l-innovazzjoni u teknoloġiji ġodda fis-setturi marittimi u fir-reġjuni kostali, insulari u l-aktar imbiegħda fl-Unjoni.

Artikolu 3

Objettivi operattivi

1.   Skont l-għan stabbilit fl-Artikolu 2(a) (governanza marittima integrata), il-Programm għandu:

(a)

jippromwovi azzjonijiet biex iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE jiżviluppaw, jintroduċu jew jimplimentaw governanza marittima integrata;

(b)

jippromwovi l-pjattaformi u n-netwerks tal-kooperazzjoni transettorjali, inklużi r-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-industrija, partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka, ċittadini, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali;

(c)

isaħħaħ il-viżibbiltà ta’, u jżid is-sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat u l-pubbliku ġenerali, għal approċċ integrat għall-kwistjonijiet marittimi.

2.   Fl-ambitu tal-għan stabbilit fl-Artikolu 2(b) (għodod transettorjali) il-Programm għandu jrawwem l-iżvilupp ta’:

(a)

l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għall-qasam marittimu tal-Unjoni li jippromwovi sorveljanza tal-iskambju tal-informazzjoni transettorjali u transkonfinali li jikkollega flimkien il-komunitajiet kollha tal-utenti, f’konformità mal-Prinċipji tas-Sorveljanza Marittima Integrata sabiex tissaħħaħ is-sikurezza, s-sigurtà u l-użu sostenibbli tal-ispazju marittimu, b’kont meħud tal-iżviluppi rilevanti tal-linji politiċi settorjali fir-rigward tas-sorveljanza u li jikkontribwixxi, kif xieraq, għall-evoluzzjoni meħtieġa tagħhom;

(b)

l-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-ġestjoni integrata taż-żona kostali, it-tnejn għodod importanti għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-baħar u r-reġjuni kostali u t-tnejn jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema u l-iżvilupp ta’ kollegamenti bejn l-art u l-baħar, kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri, pereżempju fir-rigward tal-iżvilupp ta’ miżuri sperimentali u miżuri oħra li jikkombinaw il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u t-trobbija tal-ħut;

(c)

data marittima ta’ kwalità għolja, komprensiva u aċċessibbli għall-pubbliku u bażi ta’ għarfien li jiffaċilita l-qsim, l-użu mill-ġdid u t-tixrid ta’ dawn id-data u għarfien fost diversi gruppi ta’ utenti li jużaw data attwali, biex b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tad-databases; għal dan il-għan, għandu jsir l-aħjar użu mill-programmi eżistenti tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluż INSPIRE (14) u GMES (15).

3.   Fl-ambitu tal-għan stabbilit fl-Artikolu 2(c) (protezzjoni tal-ambjent tal-baħar) il-Programm għandu:

(a)

jappoġġja l-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u kostali, kif ukoll jipprevjeni u jnaqqas l-inputs ta’ materjal fl-ambjent tal-baħar, inkluż skart tal-baħar, bil-ħsieb li t-tniġġis jiġi eliminat gradwalment

(b)

jikkontribwixxi għas-saħħa, id-diversità bijoloġika u għall-aġġustar tal-ekosistemi kostali u tal-baħar;

(c)

jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u atturi oħrajn fl-implimentazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem u l-prinċipju tal-prekawzjoni;

(d)

jiffaċilita l-iżvilupp ta’ metodi u standards;

(e)

jippromwovi azzjonijiet għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-ambjent tal-baħar, tal-kosta u dak insulari, u l-adattament għalih, b’enfasi partikolari fuq dawk l-oqsma li huma l-aktar vulnerabbli f’dak ir-rigward;

(f)

jappoġġja l-iżvilupp ta’ approċċi strateġiċi għar-riċerka sabiex jiġi vvalutat l-istat attwali tal-ekosistemi, u b’hekk tiġi pprovduta bażi għal ġestjoni u ppjanar ibbażati fuq l-ekosistema f’livelli reġjonali u nazzjonali.

4.   Fl-ambitu tal-għan stabbilit fl-Artikolu 2(d) (strateġiji tal-baċini tal-baħar), il-Programm għandu:

(a)

jappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji integrati tal-baċini tal-baħar, b’kont meħud ta’ approċċ bilanċjat fil-baċini tal-baħar kollha kif ukoll l-ispeċifiċitajiet tal-baċini tal-baħar u tas-sottobaċini tal-baħar, u tal-istrateġiji makroreġjonali rilevanti fejn ikun japplika, u speċjalment dawk fejn diġà huwa stabbilit skambju ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi bejn diversi pajjiżi u jeżistu strutturi multinazzjonali operattivi;

(b)

jippromwovi u jiffaċilita l-isfruttar tas-sinerġiji bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni, il-qsim tal-informazzjoni, inkluż dwar metodi u standards, u l-iskambju tal-aħjar prattika dwar il-politika marittima, inkluż il-governanza u l-linji politiċi settorjali tagħha li għandhom impatt fuq l-ibħra reġjonali u r-reġjuni kostali.

5.   Fl-ambitu tal-għan stabbilit fl-Artikolu 2(e) (dimensjoni internazzjonali), il-Programm għandu:

(a)

iħeġġeġ it-tkomplija tal-ħidma f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri fir-rigward ta’ approċċ integrat ma’ pajjiżi terzi u atturi f’pajjiżi terzi li jikkondividu baċin tal-baħar ma’ Stati Membri tal-Unjoni, inkluż dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-UNCLOS;

(b)

jinkoraġġixxi djalogu ma’ pajjiżi terzi, b’kont meħud tal-UNCLOS u l-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti rilevanti bbażati fuq l-UNCLOS;

(c)

jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattika biex jiġu ikkomplementati l-inizjattivi eżistenti, b’kont meħud tal-iżvilupp tal-istrateġiji reġjonali fil-livell sottoreġjonali.

Dan l-għan operattiv għandu jiġi segwit f’koerenza mal-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni, b’kont meħud tal-għanijiet tal-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali u reġjonali.

6.   Skont l-għan stabbilit fl-Artikolu 2(f) (tkabbir, impjiegi, innovazzjoni), il-Programm għandu:

(a)

jippromwovi inizjattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fis-setturi marittimi u fir-reġjuni kostali u insulari;

(b)

jippromwovi t-taħriġ, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta’ karriera fi professjonijiet marittimi;

(c)

jippromwovi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi, għejun ta’ enerġija rinnovabbli mill-baħar, trasport marittimu ekoloġiku u trasport marittimu fuq distanzi qosra;

(d)

jippromwovi l-iżvilupp tat-turiżmu kostali, marittimu u fil-gżejjer.

Artikolu 4

Azzjonijiet eliġibbli

Il-Programm jista’ jipprovdi assistenza finanzjarja għat-tipi ta’ azzjoni li ġejjin, f’konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3:

(a)

proġetti, inklużi proġetti ta’ prova; studji; riċerka u programmi kooperattivi operattivi, inklużi programmi ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ professjonali u taħriġ mill-ġdid;

(b)

informazzjoni pubblika u l-qsim tal-aħjar prattika, tqajjim ta’ kuxjenza u attivitajiet assoċjati ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni, inklużi kampanji ta’ pubbliċità, u avvenimenti, u l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ siti web u ta’ netwerks soċjali u databases rilevanti;

(c)

konferenzi, seminars, workshops, u fora tal-partijiet interessati;

(d)

akkomunament, monitoraġġ u viżwalizzazzjoni ta’, u żgurar tal-aċċess pubbliku għal, ammont sinifikanti ta’ data, l-aħjar prattika u databases fuq proġetti reġjonali ffinanzjati mill-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ segretarjat imwaqqaf għal wieħed jew aktar minn dawn ir-raġunijiet, li jiffaċilita l-adozzjoni ta’ standards uniformi komuni għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data;

(e)

azzjonijiet relatati ma’ għodod trasversali, inklużi proġetti ta’ prova.

Artikolu 5

Tip ta’ intervent finanzjarju

1.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tista’ tieħu l-forom legali li ġejjin:

(a)

għotjiet, fejn l-ogħla rata ta’ kofinanzjament mill-Unjoni għal kull azzjoni għandha tkun ta’ 80 %;

(b)

kuntratti ta’ akkwist pubbliku;

(c)

arranġamenti amministrattivi maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

2.   Kemm l-għotjiet għall-azzjonijiet kif ukoll l-għotjiet operattivi jistgħu jingħataw taħt il-Programm. Għajr jekk jiġi pprovdut mod ieħor fir-Regolament Finanzjarju, il-benefiċjarji tal-għotjiet jew tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku għandhom jintgħażlu wara sejħa għall-proposti jew sejħa għall-offerti.

Artikolu 6

Benefiċjarji

1.   L-assistenza finanzjarja taħt il-Programm tista’ tingħata, bħala prijorità, lil persuni naturali jew ġuridiċi, kemm jekk irregolata minn liġi privata jew pubblika tal-Istati Membri jew tal-Unjoni.

2.   Mill-Programm jistgħu jibbenefikaw ukoll pajjiżi terzi u partijiet interessati f’pajjiżi terzi li jikkondividu baċin tal-baħar ma’ Stati Membri tal-Unjoni, kif ukoll organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali li jsegwu wieħed jew aktar mill-għanijiet ġenerali u operattivi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3. Il-miżuri dejjem iridu jinvolvu parteċipanti mill-Unjoni.

3.   L-eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni fi proċedura għandha tkun speċifikata fis-sejħa għall-proposti jew is-sejħa għall-offerti rilevanti.

Artikolu 7

Prinċipji għall-implimentazzjoni

1.   L-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm m’għandhomx ikunu eliġibbli li jirċievu assistenza minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni. Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji u komplementarjetà ma’ strumenti oħra tal-Unjoni. L-azzjonijiet taħt il-Programm għandhom ikunu komplimentari għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali rilevanti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-applikanti għall-assistenza finanzjarja taħt il-Programm u l-benefiċjarji ta’ tali assistenza jipprovdulha informazzjoni komprensiva dwar l-iffinanzjar tal-azzjonijiet. L-għajnuna finanzjarja mill-Programm għandha tiġi pprovduta biss sakemm ma jkunx hemm disponibbli finanzjament ieħor mill-Unjoni.

3.   L-azzjonijiet appoġġjati mill-Programm għandhom jikkorrispondu mal-miri u l-politika tal-Unjoni għall-2020 u l-2050. L-Istati Membri, is-setturi marittimi u r-reġjuni kostali, insulari u l-aktar imbiegħda kollha għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-Programm u għandu jinħoloq valur miżjud Ewropew ġenwin. Fir-rigward tal-finanzjament ta’ azzjonijiet fil-baċini tal-baħar differenti, għandu jitfittex bilanċ reġjonali adegwat.

4.   L-azzjonijiet appoġġjati mill-Programm għandhom jistimulaw u jsaħħu d-djalogu, l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ u fost l-Istati Membri, ir-reġjuni tal-UE, il-partijiet interessati, iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, waqt li tkun garantita trasparenza sħiħa.

5.   L-azzjonijiet appoġġjati mill-Programm għandhom jiffaċilitaw l-isfruttament tas-sinerġiji, il-qsim tal-informazzjoni u l-iskambju tal-metodi, l-istandards u l-aħjar prattika.

6.   Il-prinċipji ta’ governanza tajba u t-trasparenza tal-proċessi ta’ deċiżjoni għandhom japplikaw għall-implimentazzjoni tal-Programm, u l-Programm għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għat-trasparenza u l-governanza tajba fil-linji politiċi settorjali kollha relatati fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali.

Artikolu 8

Proċeduri ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament Finanzjarju.

2.   Sabiex timplimenta l-Programm f’konformità mal-għanijiet tiegħu stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma annwali f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 9

Riżorsi baġitarji

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għandu jkun stabbilit għal EUR 40 000 000 għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

2.   Ir-riżorsi baġitarji allokati għall-Programm għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

3.   It-tqassim tal-fondi fost l-għanijiet ġenerali, stipulati fl-Artikolu 2, hu indikat fl-Anness.

Artikolu 10

Assistenza teknika

1.   Sa 1 % tal-pakkett finanzjarju stabbilit taħt l-Artikolu 9 jista’ wkoll ikopri nfiq meħtieġ relatat ma’ kwalunkwe azzjoni preparatorja, monitoraġġ, kontroll, verifika jew evalwazzjoni meħtieġa direttament sabiex jiġu implimentati azzjonijiet eliġibbli b’mod effettiv u effiċjenti taħt dan ir-Regolament u sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu.

2.   L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, studji, laqgħat ta’ esperti, infiq fuq għodda tal-informatika, sistemi u netwerks u kwalunkwe assistenza u kompetenza teknika, xjentifika u amministrattiva oħra mitluba mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Monitoraġġ

1.   Kull benefiċjarju tal-assistenza finanzjarja għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma ffinanzjata taħt il-Programm. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreżentat rapport finali fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta’ kull proġett.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri flimkien mal-korpi jew dipartimenti ta’ verifika nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), jew kwalunkwe spezzjoni mwettqa skont l-Artikolu 322(1)(b) tat-TFUE, l-uffiċjali u persunal ieħor tal-Kummissjoni għandhom iwettqu verifiki fuq il-post, inklużi verifiki kampjuni fuq proġetti u miżuri oħrajn iffinanzjati taħt il-Programm, sabiex jiċċekkjaw b’mod partikolari il-konformità mal-għanijiet tal-Programm u l-eliġibbiltà tal-azzjonijiet, kif stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-kuntratti u l-ftehimiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jipprovdu, b’mod partikolari, għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni, jew minn kwalunkwe rappreżentant li tista’ tawtorizza l-Kummissjoni, u għall-verifiki mill-Qorti tal-Awdituri, jekk ikunu meħtieġa, fuq il-post.

4.   Kull benefiċjarju tal-assistenza finanzjarja għandu jżomm disponibbli għall-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta’ sostenn rigward l-infiq fuq proġett għal perijodu ta’ ħames snin wara l-aħħar ħlas fir-rigward ta’ dak il-proġett.

5.   Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-verifiki kampjuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, taġġusta l-iskala jew il-kundizzjonijiet tal-allokazzjoni tal-assistenza finanzjarja approvata oriġinarjament kif ukoll l-iskeda ta’ żmien għall-ħlasijiet.

6.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm jitwettqu kif suppost, ikunu konsistenti mal-miżuri stabbiliti f’linji politiċi u strumenti settorjali oħra u huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 12

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta’:

(a)

l-applikazzjoni tal-miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra,

(b)

verifiki effettivi,

(c)

l-irkupru tal-ammonti li għadhom ma tħallsux, u

(d)

l-applikazzjoni ta’ pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi, jekk jinstabu xi irregolaritajiet.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha taġixxi skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

3.   Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta’ assistenza finanzjarja mogħtija għal azzjoni jekk hija ssib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew ftehim tal-għoti tal-assistenza finanzjarja, jew jekk ikun jidher li, mingħajr ma tkun tfittxet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni kienet soġġetta għal bidla li tmur kontra n-natura jew il-kundizzjonijiet implimentattivi tagħha.

4.   Jekk il-limiti taż-żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-assistenza finanzjarja allokata tiġi ġustifikata mill-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ azzjoni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju biex jissottometti l-osservazzjonijiet matul perijodu ta’ żmien speċifikat. Jekk il-benefiċjarju jonqos milli jagħti tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tikkanċella l-assistenza finanzjarja li jifdal u titlob li jitħallsu lura s-somom diġà mħallsin.

5.   Kwalunkwe ħlas mhux dovut għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jiżdied ma’ kwalunkwe somma li ma titħallasx lura fil-ħin skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

6.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “irregolarità” għandha tfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jew kwalunkwe ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew ser ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni jew il-baġits ġestiti mill-Unjoni permezz ta’ partita ta’ infiq mhux ġustifikata.

Artikolu 13

Rappurtar, evalwazzjoni u estensjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’mod regolari u fil-pront dwar il-ħidma tagħha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

rapport ta’ progress sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012; ir-rapport ta’ progress għandu jinkludi evalwazzjoni tal-impatt tal-Programm fuq linji politiċi oħra tal-Unjoni;

(b)

rapport ta’ evalwazzjoni ex-post sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014.

3.   Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-estensjoni tal-Programm lil hinn mill-2013 b’pakkett finanzjarju xieraq.

Artikolu 14

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 64.

(2)  ĠU C 104, 2.4.2011, p. 47.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Novembru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2011.

(4)  ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 30.

(5)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(6)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(9)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(10)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(11)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(12)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(14)  Infrastruttura għall-Informazzjoni Spazjali fl-Ewropa. Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(15)  Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà - Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (ĠU L 276, 20.10.2010, p.1).


ANNESS

ALLOKAZZJONI ĠENERALI TA’ FONDI GĦAL OQSMA TA’ NFIQ ELENKATI FL-ARTIKOLU 2  (1)

Għanijiet Ġenerali (Artikolu 2)

 

(a)

Żvilupp u implimentazzjoni tal-governanza integrata tal-affarijiet marittimi u kostali u viżibbiltà tal-IMP

mill-inqas 4 %

(b)

Żvilupp ta’ għodod transettorjali

mill-inqas 60 %

(c)

Protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi kostali u tal-baħar

mill-inqas 8 %

(d)

Żvilupp u implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-baċini tal-baħar

mill-inqas 8 %

(e)

Kooperazzjoni esterna u koordinazzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-IMP

mhux iktar minn 1 %

(f)

Tkabbir ekonomiku sostenibbli, impjiegi, innovazzjoni u teknoloġiji ġodda

mill-inqas 4 %


(1)  Mhux aktar minn terz tal-parti mhux allokata f'dan l-Anness għandu jintuża għall-għan stipulat fl-Artikolu 2 (b) (għodod transettorjali).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jeskludux l-possibbiltà li jipprevedu għal atti ddelegati fil-programmi futuri lil hinn mill-2013 abbażi ta’ proposti rilevanti tal-Kummissjoni.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMISSJONI

Skont l-Artikolu X, il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm biex jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-IMP għall-2011-13 hu ta’ EUR 40 miljun. Dan il-pakkett għandu jkun magħmul minn EUR 23,14 miljun meħuda mill-baġit tal-2011 mingħajr ma jintuża l-marġni disponibbli tal-Intestatura 2 tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, ammont ta’ EUR 16,66 miljun, inkluż l-allokazzjoni għal għajnuna teknika, imdaħħla fl-abbozz tal-baġit u aċċettata mill-Kunsill matul il-qari minnu tal-baġit tal-2012 u ammont ulterjuri ta’ EUR 200 000 għal għajnuna teknika li għandu jiddaħħal fil-baġit tal-2013.

Għal dan l-għan, ikun meħtieġ li l-baġit tal-2011 jiġi emendat biex tinħoloq in-nomenklatura meħtieġa u jiddaħħlu l-approprjazzjonijiet fir-riżerva. Ikun meħtieġ li l-baġits adottati għall-2012 u l-2013 jinkludu l-ammonti rilevanti għal dawk is-snin.


Top