EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0537

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 537/2011 tal- 1 ta’ Ġunju 2011 dwar il-mekkaniżmu għall-allokazzjoni tal-kwantitajiet ta’ sustanzi kkontrollati li jistgħu jintużaw fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

OJ L 147, 2.6.2011, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 009 P. 275 - 276

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/537/oj

2.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 537/2011

tal-1 ta’ Ġunju 2011

dwar il-mekkaniżmu għall-allokazzjoni tal-kwantitajiet ta’ sustanzi kkontrollati li jistgħu jintużaw fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-mekkaniżmu għall-allokazzjoni tal-kwantitajiet ta’ sustanzi kkontrollati li jistgħu jintużaw fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi għandu jiżgura li l-kwantità annwali awtorizzata skont il-liċenzji għall-produtturi u l-importaturi individwali ma taqbiżx 130 % tal-medja annwali tal-livell ikkalkulat ta' sustanzi kkontrollati liċenzjati għall-produttur jew l-importatur għal użi essenzjali fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi mill-2007 sal-2009 u li l-kwantità totali annwali awtorizzata skont il-liċenzji, fosthom il-liċenzji għall-idroklorofluworokarburi skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, ma għandhiex taqbeż 110 tunnellati f'potenzjal ta' tnaqqis fis-saff tal-ożonu (minn hawn ’il quddiem “PTO”).

(2)

Il-kwantitajiet totali ta' sustanzi kkontrollati li jistgħu jintużaw fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi minn ditti li pproduċew jew impurtaw b'liċenzja mill-2007 sal-2009 ma jistgħux jaqbżu 77 243,181 kilogramma PTO, li qed jiġu kkalkulati abbażi tal-produzzjoni u l-importazzjonijiet liċenzjati fil-perjodu ta' referenza.

(3)

Id-differenza mill-kwantità massima ta' 110 tunnellati PTO (32 756,819 kilogramma PTO), kif ukoll il-kwantitajiet li għalihom ma ġiet ippreżentata l-ebda dikjarazzjoni mill-impriżi li pproduċew jew importaw b'liċenzja mill-2007 sal-2009, għandhom jiġu allokati lil impriżi li ma nħarġulhomx liċenzji għall-produzzjoni jew l-importazzjoni fil-perjodu ta' referenza bejn l-2007 u l-2009. Il-mekkaniżmu tal-allokazzjoni għandu jiżgura li l-impriżi kollha li jitolbu kwota ġdida jirċievu sehem xieraq mill-kwantitajiet li jkunu ser jiġu allokati.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwoti għas-sustanzi kkontrollati għall-użu fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi għandhom jiġu allokati lill-produtturi u l-importaturi li ma nħarġitilhom l-ebda liċenzja għall-produzzjoni jew l-importazzjoni mill-2007 sal-2009 skont il-mekkaniżmu stipulat fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.


ANNESS

Mekkaniżmu tal-allokazzjoni

1.   Id-determinazzjoni tal-kwantitajiet għall-allokazzjoni lill-impriżi li mill-2007 sal-2009 ma nħarġitilhom l-ebda liċenzja għall-produzzjoni jew l-importazzjoni ta' sustanzi kkontrollati għal użi essenzjali fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi (impriżi ġodda)

Kull impriża li fis-snin 2007 sa 2009 kienet liċenzjata għall-produzzjoni jew l-importazzjoni ta' sustanzi kkontrollati għal użi essenzjali fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi għandha tirċievi kwota korrispondenti għall-kwantità mitluba fid-dikjarazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, iżda li ma għandhiex taqbeż 130 % tal-medja annwali tal-livell ikkalkulat ta' sustanzi kkontrollati liċenzjati għal din l-impriża mill-2007 sal-2009.

It-total ta' dawn l-allokazzjonijiet se jitnaqqas mill-110 tunnellata PTO biex tiġi ddeterminata l-kwantità li għandha tiġi allokata lill-impriżi l-ġodda (kwantità għall-allokazzjoni fil-Fażi nru 1).

2.   Fażi nru 1

Kull impriża ġdida ser tirċievi allokazzjoni li tikkorrispondi mal-kwantità mitluba fid-dikjarazzjoni tagħha, iżda mhux aktar minn sehem pro rata tal-kwantità tal-allokazzjoni għall-Fażi nru 1. Is-sehem pro rata jiġi kkalkulat billi l-għadd ta' impriżi ġodda jiġi diviż b'100. It-total tal-kwoti allokati fil-Fażi nru 1 jitnaqqas mill-kwantità għall-allokazzjoni fil-Fażi nru 1 ħalli tiġi ddeterminata l-kwantità tal-allokazzjoni għall-Fażi nru 2.

3.   Fażi nru 2

Kull impriża ġdida, li fil-Fażi nru 1 ma ngħatatx 100 % tal-kwantità mitluba fid-dikjarazzjoni tagħha, se tirċievi allokazzjoni addizzjonali li tikkorrispondi mad-differenza bejn il-kwantità mitluba u l-kwantità li ngħatat fil-Fażi nru 1, iżda li ma għandhiex taqbeż is-sehem pro rata tal-kwantità għall-allokazzjoni fil-Fażi nru 2. Is-sehem pro rata jiġi kkalkulat billi l-għadd ta' impriżi ġodda eliġibbli għal allokazzjoni fil-Fażi nru 2 jiġi diviż b'100 It-total tal-kwoti allokati fil-Fażi nru 2 jitnaqqas mill-kwantità għall-allokazzjoni fil-Fażi nru 2 ħalli tiġi ddeterminata l-kwantità tal-allokazzjoni għall-Fażi nru 3.

4.   Fażi nru 3

Tiġi rrepetuta b'mod analogu l-Fażi nru 2 sakemm il-kwantità li jibqa' biex tiġi allokata fil-Fażi li jmiss tkun iżgħar minn tunnellata (1) PTO.


Top