EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0359

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat- 12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

OJ L 100, 14.4.2011, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 030 P. 241 - 251

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/09/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/359/oj

14.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 359/2011

tat-12 ta’ April 2011

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), adotatti skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2011/235/PESK tipprovdi għall-iffiriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. Dawk il-persuni u entitajiet huma elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni.

(2)

Il-miżuri restrittivi għandhom ikunu diretti lejn persuni kompliċi jew responsabbli għall-ordni jew l-implimentazzjoni ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem matul it-trażżin ta’ dimostraturi paċifiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, studenti jew persuni oħra li jesprimu ruħhom b’difiża għad-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluż l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll persuni kompliċi jew responsabbli għall-ordni jew l-implimentazzjoni ta’ ksur serju tad-dritt għal proċess xieraq, tortura, trattament krudili, inuman u degradanti, u l-applikazzjoni indiskriminata, eċċessiva u li qed tiżdied tal-piena tal-mewt, inklużi l-eżekuzzjonijiet pubbliċi, it-taħġir, it-tagħliq jew l-eżekuzzjonijiet ta’ delinkwenti minorenni bi ksur tal-obbligi internazzjonali tal-Iran rigward id-drittijiet tal-bniedem.

(3)

Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni hija għalhekk meħtieġa sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

(5)

Is-setgħa biex tiġi emendata l-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika fl-Iran u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emenda u r-rieżami tal-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(6)

Il-proċedura għall-emendar tal-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-elenkar lill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi nominati, sabiex jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Meta jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif adatt.

(7)

Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fl-Unjoni, għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati, skont dan ir-Regolament. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (2) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3).

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, inklużi iżda mhux limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders (ordni tal-flus) u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii)

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f’kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta’ dejn;

(iii)

titoli ta’ sigurtà u titoli ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi titoli ta’ fondi u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli ta’ sigurtà, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti derivati;

(iv)

imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur akkumulat jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, performance bonds jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta’ bejgħ;

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta’ interess f’fondi jew riżorsi finanzjarji;

(b)

“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi fi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, l-ammont, il-lok, id-dritt tal-proprjetà, il-pussess, il-karattru, id-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla oħra li tippermetti l-użu tal-fondi, inkluża l-amministrazzjoni ta’ portafoll;

(c)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull xorta, kemm jekk tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(d)

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi fi kwalunkwe mod, li jinkludu, iżda mhumiex limitat għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom;

(e)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma jew kontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew għall-benefiċċju tagħhom direttament jew indirettament.

3.   Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, b’mod dirett jew indirett, l-evitar tal-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprojbita.

Artikolu 3

1.   L-Anness I għandu jikkonsisti minn lista ta’ persuni li, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli tal-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u persuni, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

2.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati fil-lista.

3.   L-Anness I għandu jinkludi wkoll, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 4

1.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif elenkati fl-Anness II jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt il-kondizzjonijiet li jidhrilhom li huma adatti, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni elenkati fl-Anness I, u l-membri tal-familja dipendenti tagħhom, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka immobiljari, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż magħmula li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ miżati jew il-ħlasijiet ta’ servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li f’dan il-każ li l-Istat Membru jkun innotifika bir-raġunijiet li jikkunsidra li għalihom għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

2.   L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 2 ikunu ġew elenkati fl-Anness I, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni ser jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet iggarantiti b’din il-garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

(c)

il-garanzija jew is-sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma jmorrux kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.   L-Artikolu 2(2) m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 2 jkunu ġew elenkati fl-Anness I,

dment li kwalunkwe imgħax, qligħ u pagamenti oħrjan ikunu ffriżati skont l-Artikolu 2(1).

2.   L-Artikolu 2(2) m’għandux jipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn jirċievu fondi ttrasferiti fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dment li kwalunkwe żieda għal tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti dwar transazzjoni bħal din mingħajr dewmien.

Artikolu 7

B’deroga mill-Artikolu 2, u dment li pagament minn persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew obbligu li nħoloq mill-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernat, qabel id-data li fiha dik il-persuna, l-entità jew il-korp kienu nnominati, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti tal-Internet elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kondizzjonijiet li huma jqisu adatti, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li:

(i)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw għal pagament minn persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(ii)

il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 2(2); u

(b)

l-Istat Membru kkonċernat, mill-inqas ġimgħatejn qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni b’dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni.

Artikolu 8

1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li jsiru disponibbli fondi jew riżorsi ekonomiċi, magħmul in bona fede fuq il-bażi li tali azzjoni hi konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma bħala riżultat ta’ negliġenza.

2.   Il-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 2(2) m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi li poġġew għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru l-projbizzjoni inkwistjoni.

Artikolu 9

1.   Bla ħsara għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jipprovdu immedjatament kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew fejn jinsabu bħalissa, kif indikati fil-websajts elenkati fl-AnnessII, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkoperaw ma’ dik l-awtorità kompetenti f’kull verifika ta’ din l-informazzjoni.

2.   Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew tiġi rċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-iskopijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew irċevuta.

Artikolu 10

L-Istati Membri u l-Kummissjoni u għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti konnessa ma’ dan ir-Regolament li hija għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari informazzjoni dwar problemi ta’ ksur u ta’ infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 12

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), huwa għandu jemenda l-Anness I kif adatt.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif adatt.

4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u tal-inqas kull 12-il xahar.

Artikolu 13

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet ipprovduti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 14

F’dan ir-Regolament, fejn ikun hemm rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata jew li ssir xi komunikazzjoni oħra magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju kollu tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew kwalunkwe bastiment taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ imwettaq, b’mod sħiħ jew parzjalment, ġewwa l-Unjoni.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ April 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Ara paġna 51 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


ANNESS I

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)

Persuni

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

AHMADI-MOQADDAM Esmail

Post tat-twelid: Teħeran (Iran) - Data tat-twelid: 1961

Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran. Il-forzi taħt il-kmand tiegħu wettqu attakki brutali fuq protesti paċifiċi, u attakk vjolenti mal-lejl fuq id-dormitorji tal-Università ta' Teħeran fil-15 ta' Ġunju 2009.

 

2.

ALLAHKARAM Hossein

 

Kap tal-Ansar-e Hezbollah u Kurunell fl-IRGC Huwa kien ko-fondatur tal-Ansar-e Hezbollah. Din il-forza paramilitari kienet responsabbli għall-vjolenza eċċessiva waqt ir-repressjoni kontra l-istudenti u l-universitajiet fl-1999, l-2002 u fl-2009.

 

3.

ARAGHI (ERAGHI) Abdollah

 

Viċi Kap tal-Forzi tal-Art tal-IRGC

Huwa kellu responsabblità diretta u personali għar-repressjoni tal-protesti matul is-sajf kollu tal-2009.

 

4.

FAZLI Ali

 

Viċi Kmandant tal-Basij, ex Kap tal-Korpi Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta' Teħeran (sa Frar 2010). Il-Korpi Seyyed al-Shohada huma inkarigati bis-sigurtà fil-provinċja ta' Teħeran u kellhom rwol prinċipali fir-repressjoni brutali ta' dawk li pprotestaw fl-2009.

 

5.

HAMEDANI Hossein

 

Kap tal-Korpi Rassoulollah tal-IRGC inkarigat minn Greater Tehran minn Novembru 2009. Il-Korpi Rassoulollah huma inkarigati mis-sigurtà fi Greater Tehran u kellhom rwol prinċipali fit-trażżin vjolenti ta' persuni li ħadu sehem fi protesti fl-2009. Responsabbli għar-repressjoni tal-protesti matul l-avvenimenti ta' Ashura (Diċembru 2009) u sa issa.

 

6.

JAFARI Mohammad-Ali

(magħruf ukoll bħala “Aziz Jafari”)

Post tat-twelid: Yazd (Iran) - Data tat-twelid: 1.9.1957

Kmandant Ġeneral tal-IRGC. L-IRGC u l-Bażi ta' Sarollah taħt il-kmand tal-Ġeneral Aziz Jafari kellhom rwol prinċipali fl-indħil illegali tal-Elezzjonijiet Presidenzjali tal-2009, bl-arrest u ż-żamma ta' attivisti politiċi, kif ukoll bil-konfrontazzjonijiet kontra persuni li ħadu sehem fi protesti fit-toroq.

 

7.

KHALILI Ali

 

Ġeneral tal-IRGC, Kap tat-Taqsima Medika fil-Bażi ta' Sarollah. Huwa ffirma ittra li ntbagħtet lill-Ministeru tas-Saħħa fis-26 ta' Ġunju 2009 li tipprojbixxi l-preżentazzjoni ta' dokumenti jew records mediċi lil persuni li ndarbu jew ġew ospitalizzati matul avvenimenti li seħħew wara l-elezzjonijiet.

 

8.

MOTLAGH Bahram Hosseini

 

Kap tal-Korpi ta' Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta' Teħeran. Il-Korpi ta' Seyyed al-Shohada kellhom rwol prinċipali fl-organizzazzjoni tar-repressjoni tal-protesti.

 

9.

NAQDI Mohammad-Reza

Post tat-twelid: Najaf (Iraq) – Data tat-twelid: Madwar 1952

Kmandant tal-Basij. Bħala kmandant tal-Forzi tal-Basij tal-IRGC, Naqdi kien responsabbli għal, jew kompliċi fl-abbużi tal-Basij li seħħew tard fl-2009, inkluż għar-reazzjoni vjolenti għall-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009, li wasslet għall-mewt ta' madwar 15-il persuna u l-arrest ta' mijiet ta' persuni li pprotestaw.

Qabel il-ħatra tiegħu bħala kmandant tal-Basij f'Ottubru 2009, Naqdi kien il-kap tal-Unità tal-Intelligence tal-Basij responsabbli għall-interrogazzjoni ta' dawk li ġew arrestati matul ir-repressjoni li seħħet wara l-elezzjonijiet.

 

10.

RADAN Ahmad-Reza

Post tat-twelid: Isfahan (Iran) - Data tat-twelid:1963

Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran. Bħala Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali mill-2008, Radan kien responsabbli għal swat, qtil u arresti u detenzjonijiet arbitrarji ta' persuni li ħadu sehem fi protesti, imwettqa mill-forzi tal-pulizja.

 

11.

RAJABZADEH Azizollah

 

Ex Kap tal-Pulizija ta' Teħeran (sa Jannar 2010). Bħala Kmandant tal-Forzi ta' Infurzar tal-Liġi fi Greater Tehran, Azizollah Rajabzadeh huwa l-akkużat bl-aktar kariga għolja fil-kawża tal-abbużi fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak.

 

12.

SAJEDI-NIA Hossein

 

Kap tal-Pulizija ta' Teħeran, ex Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran responsabbli għall-Operazzjonijiet tal-Pulizija. Huwa inkarigat, mill-Ministeru tal-Intern, bil-koordinazzjoni ta' operazzjonijiet ta' repressjoni fil-belt kapitali Iranjana.

 

13.

TAEB Hossein

Post tat-twelid: Teħeran - Data tat-twelid: 1963

Ex Kmandant tal-Basij (sa Ottubru 2009). Fil-preżent viċi kmandant tal-IRGC għall-Intelligence. Forzi taħt il-kmand tiegħu ħadu sehem fi swat tal-massa, qtil, detenzjonijiet u torturi ta' persuni li pprotestaw b'mod paċifiku.

 

14.

SHARIATI Seyeed Hassan

 

Kap tal-Ġudikatura ta' Mashhad. Proċessi taħt is-superviżjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati, u kienu bbażati fuq stqarrijiet li ġew akkwistati bl-użu ta' pressjoni u tortura. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

 

15.

DORRI-NADJAFABADI Ghorban-Ali

Post tat-twelid: Najafabad (Iran) - Data tat-Twelid: 1945

Ex Prosekutur Ġenerali tal-Iran sa Settembru 2009 (ex Ministru tal-Intelligence matul il-Presidenza ta' Khatami). Bħala Prosekutur Ġenerali tal-Iran, huwa ordna u ssorvelja l-proċessi spettaklu b'segwitu għall-ewwel protesti ta' wara l-elezzjonijiet, fejn l-akkuzati kienu miċħuda d-drittijiet tagħhom, avukat. Huwa responsabbli wkoll għall-abbużi ta' Kahrizak.

 

16.

HADDAD Hassan

(magħruf ukoll bħala Hassan ZAREH DEHNAVI)

 

Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 26. Huwa kien inkarigat mill-każijiet tad-detenuti relatati mal-kriżijiet ta' wara l-elezzjoni u hedded regolarment familji ta' detenuti sabiex jissilenzjahom. Huwa kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni għaċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak.

 

17.

Hodjatoleslam Seyed Mohammad SOLTANI

 

Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Mashhad, Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

 

18.

HEYDARIFAR Ali-Akbar

 

Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran. Huwa ħa sehem fil-proċessi ta' persuni li pprotestaw. Huwa ġie interrogat mill-Ġudikatura dwar atroċitajiet ta' Kahrizak. Huwa kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni biex detenuti jintbagħtu fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak.

 

19.

JAFARI-DOLATABADI Abbas

 

Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran minn Awwissu 2009. L-uffiċċju ta' Dolatabadi akkuża numru kbir ta' persuni li pprotestaw, inklużi individwi li ħadu sehem fil-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009. Huwa ordna l-għeluq tal-uffiċċju ta' Karroubi f' Settembru 2009 u l-arrest ta' diversi politiċi riformisti, u pprojbixxa żewġ partiti politiċi riformisti f'Ġunju 2010. L-uffiċċju tiegħu akkuża lil persuni li pprotestaw bl-akkuża tal-Muharebeh, jew mibegħda kontra Alla, li ġġorr sentenza kapitali, u caħad proċess dovut lil dawk li kienu qed jiffaccjaw sentenza kapitali. L-uffiċċju tiegħu fittex u arresta wkoll riformisti, attivisti tad-drittjitiet tal-bniedem, u membri tal-midja, bħala parti minn repressjoni wiesgħa tal-oppożizzjoni politika.

 

20.

MOGHISSEH Mohammad

(magħruf ukoll bħala NASSERIAN)

 

Imħallef, Kap tal-Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 28. Huwa inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni. Huwa ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul proċessi inġusti għal attivisti u ġurnalisti soċjali, politiċi, u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw u attivisti soċjali u politiċi.

 

21.

MOHSENI-EJEI Gholam-Hossein

Post tat-twelid: Ejiyeh - Data tat-twelid: madwar 1956

Prosekutur Ġenerali tal-Iran minn Settembru 2009 u kelliem għall-Ġudikatura (ex Ministru tal-Intelligence matul l-elezzjonijiet tal-2009). Waqt li kien Ministru tal-Intelligence matul l-elezzjoni, aġenti tal-intelligence taħt il-kmand tiegħu kienu responsabbli għad-detenzjoni, tortura u l-akkwist ta' stqarrijiet foloz bl-użu ta' pressjoni mingħand mijiet ta' attivisti, ġurnalisti, dissidenti u riformisti politiċi. Barra minn hekk, figuri politiċi kienu mġiegħla jagħmlu stqarrijiet foloz taħt interrogazzjonijiet insapportabbli li kienu jinkludu tortura, abbuż, rikatti, u t-theddid ta' membri tal-familja.

 

22.

MORTAZAVI Said

Post tat-twelid: Meybod, Yazd (Iran) - Data tat-twelid: 1967

Kap tat-Task Force tal-Iran kontra l-Kuntrabandu, ex Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran sa Awwissu 2009. Bħala Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran, huwa kien ħareġ ordni ġenerali għad-detenzjoni ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u studenti. Huwa ġie sospiż mill-kariga f'Awwissu 2010 wara investigazzjoni mill-ġudikatura Iranjana dwar ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' tliet irġiel miżmuma fuq l-ordinijiet tiegħu wara l-elezzjoni.

 

23.

PIR-ABASSI Abbas

 

Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħat 26 u 28. Huwa inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni, ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul il-proċessi inġusti kontra attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw.

 

24.

MORTAZAVI Amir

 

Viċi Prosekutur ta' Mashhad. Proċessi taħt il-prosekuzzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

 

25.

SALAVATI Abdolghassem

 

Imħallef, Kap tal-Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 15. Inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni, huwa kien l-Imħallef li ppresieda l-“proċessi spettaklu” fis-sajf 2009, huwa kkundanna għall-mewt żewġ monarkisti li dehru fil-proċessi spettaklu. Huwa kkundanna aktar minn mitt priġunier politiku, attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, u dimostranti għal sentenzi ta' priġunerija fit-tul.

 

26.

SHARIFI Malek Adjar

 

Kap tal-Ġudikatura tal-Lvant tal-Ażerbajġan. Huwa kien responsabbli għll-proċess ta' Sakineh Mohammadi-Ashtiani.

 

27.

ZARGAR Ahmad

 

Imħallef, Qorti ta' Appell ta' Teħeran, fergħa 36. Huwa kkonferma mandati ta' priġunerija fit-tul u mandati kapitali kontra persuni li pprotestaw.

 

28.

YASAGHI Ali-Akbar

 

Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Mashhad. Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

 

29.

BOZORGNIA Mostafa

 

Kap tas-Sala 350 fil-Ħabs ta' Evin. F'diversi okkażjonijiet uża vjolenza sproporzjonata fuq il-priġunieri.

 

30.

ESMAILI Gholam-Hossein

 

Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Iran. F'din il-kariga, huwa kien kompliċi għad-detenzjoni massiva ta' persuni li pprotestaw għal raġunijiet politiċi u għal ħabi ta' abbużi mwettqa fis-sistema ta' priġunerija.

 

31.

SEDAQAT Farajollah

 

Assistent Segretarju tal-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Ħabsijiet f'Teħeran - Ex Kap tal-ħabs ta' Evin, Teħeran sa Ottubru 2010, perijodu li matulu twettqet it-tortura. Huwa kien gwardjan u hedded u għamel pressjoni fuq il-priġunieri bosta drabi.

 

32.

ZANJIREI Mohammad-Ali

 

Bħala Viċi Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Iran, responsabbli għall-abbużi u ċ-ċaħda tad-drittijiet fiċ-ċentru ta' detenzjoni. Huwa ordna t-trasferiment ta' ħafna ħabsin għal detenzjoni solitarja.

 


ANNESS II

Lista ta' awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 4(1), 5(1), 7 u 9(1) u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea.

A.

Awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru:

 

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

 

BULGARIJA

http://www.mfa.bg/bg/pages/view/5519

 

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

 

DANIMARKA

http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

 

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

 

ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

 

IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id = 28519

 

GREĊJA

http://www.mfa.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral + Diplomacy/Global + Issues/International + Sanctions/

 

SPANJA

http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/ Sanciones_%20Internacionales.aspx

 

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

 

ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

 

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

 

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

 

LITWANJA

http://www.urm.lt

 

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

 

UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

 

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

 

PAJJIŻI L-BAXXI

http://www.minbuza.nl/sancties

 

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id = 12750&LNG = en&version=

 

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

 

PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

 

RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

 

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

 

SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

 

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

 

SVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

 

RENJU UNIT

www.fco.gov.uk/competentauthorities

B.

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew għal xi komunikazzjonijiet oħrajn magħha:

Kummissjoni Ewropea

Is-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Estera

CHAR 12/106

B-1049 Brussell

Belġju

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel. (32 2) 295 55 85

Fax (32 2) 299 08 73


Top