EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0291

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 291/2011 tal- 24 ta' Marzu 2011 dwar l-użi essenzjali ta’ sustanzi kkontrollati għajr l-idroklorofluworokarburi fil-laboratorju u għall-skopijiet ta' analiżi fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

OJ L 79, 25.3.2011, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 009 P. 272 - 274

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/291/oj

25.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 291/2011

tal-24 ta' Marzu 2011

dwar l-użi essenzjali ta’ sustanzi kkontrollati għajr l-idroklorofluworokarburi fil-laboratorju u għall-skopijiet ta' analiżi fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni diġà waqqfet b'mod gradwali l-produzzjoni u l-konsum tas-sustanzi kkontrollati fil-biċċa l-kbira tal-użi. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tiddetermina l-użi essenzjali fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi għal sustanzi kkontrollati oħra minbarra l-idroklorofluworokarburi.

(2)

Id-Deċiżjoni XXI/6 tal-Partijiet fil-Protokoll ta' Montreal tikkonsolida d-deċiżjonijiet eżistenti u testendi l-eżenzjoni globali għall-użi fil-laboratorju u għal skopijiet ta' analiżi mill-31 ta' Deċembru 2010 sal-31 ta' Diċembru 2014 għas-sustanzi kkontrollati kollha għajr l-idroklorofluworokarburi u b'hekk tawtorizza l-produzzjoni u l-konsum meħtieġa biex jissodisfaw l-użi fil-laboratorju u għal skopijiet ta' analiżi tas-sustanzi kkontrollati, soġġett għall-kundizzjonijet stabbiliti fil-Protokoll ta' Montreal.

(3)

Id-Deċiżjoni VI/25 tal-Partijiet fil-Protokoll ta' Montreal tispeċifika li użu jista' jitqies bħala essenzjali biss jekk ma jkun hemm disponibbli l-ebda alternattiva jew sostitut teknikament u ekonomikament fattibbli jew sostituti li huma aċċettabbli mil-lat ambjentali u tas-saħħa. Fir-Rapport tiegħu tal-2010 dwar il-Progress, il-Bord tal-Valutazzjoni Teknika u Ekonomika (BVTE) identifika għadd sinifikanti ta' proċeduri li għalihom issa hemm alternattivi għall-użu tas-sustanzi kkontrollati. Abbażi ta' dik l-informazzjoni u d-Deċiżjoni XXI/6, għandha tiġi stipulata lista ta' dawk l-użi li għalihom hemm alternattivi tekniċi u ekonomikament fattibbli li huma aċċettabbli mil-lat ambjentali u tas-saħħa.

(4)

Għandha tiġi stipulata lista pożittiva ta' użi essenzjali permessi tal-bromur tal-metil, kif miftiehem mill-Partijiet fid-Deċiżjoni XVIII/15, kif ukoll tal-użi li ġew identifikati mill-BVTE bħala li ma għandhomx alternattivi.

(5)

Barra minn dan, għandu jiġi ċċarat li l-użu tas-sustanzi kkontrollati għal skopijiet ta' edukazzjoni primarja u sekondarja ma jistax jitqies bħala essenzjali u għandu jiġi limitat għall-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali. Iżjed minn hekk, l-użu tas-sustanzi kkontrollati fis-settijiet tal-kimika sperimentali disponibbli għall-pubbliku ġenerali ma għandux jitqies bħala essenzjali.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-produzzjoni, l-importazzjoni u l-użu ta' sustanzi kkontrollati għajr l-idroklorofluworokarburi jistgħu jiġi awtorizzati għal kwalunkwe użu essenzjali fil-laboratorju jew skop ta' analiżi speċifikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.


ANNESS

Użi essenzjali ta’ sustanzi kkontrollati għajr l-idroklorofluworokarburi fil-laboratorju u għal skopijiet ta' analiżi

1.

L-użi li ġejjin tas-sustanzi kkontrollati għajr l-idroklorofluworokarburi jitqiesu bħala essenzjali għall-użi fil-laboratorji u għal skopijiet ta' analiżi:

(a)

L-użu ta' sustanzi kkontrollati bħala referenza jew standard

sabiex jiġi kkalibrat it-tagħmir li juża sustanzi kkontrollati,

sabiex jiġu mmonitorjati l-livelli ta' sustanzi kkontrollati,

sabiex jiġu ddeterminati l-livelli tar-residwi ta' sustanzi kkontrollati fl-oġġetti, il-pjanti u l-komoditajiet;

(b)

L-użu ta' sustanzi kkontrollati fl-istudji tossikoloġiċi fil-laboratorju;

(c)

Użi fil-laboratorji fejn is-sustanza kkontrollata tiġi ttrasformata f'reazzjoni kimika, pereżempju sustanzi kkontrollati użati bħala għalf;

(d)

L-użu tal-bromur tal-metil f'laboratorju sabiex tiġi pparagunata l-effikaċja tal-bromur tal-metil u l-alternattivi tiegħu;

(e)

L-użu tat-tetraklorur tal-karbonju bħala solvent għar-reazzjonijiet tal-bromurazzjoni li jinvovlu l-N-bromosuċċinimmid;

(f)

L-użu tat-tetraklorur tal-karbonju bħala aġent tat-trasferiment tul katina f'reazzjonijiet tal-polimerizzazzjoni b'radikali liberi;

(g)

Kwalunkwe użu ieħor fil-laboratorju u ta' analiżi li għalih mhix disponibbli alternattiva teknikament u ekonomikament fattibbli.

2.

L-użi li ġejjin tas-sustanzi kkontrollati għajr l-idroklorofluworokarburi ma jitqisux bħala essenzjali għall-użi fil-laboratorji u ta' analiżi:

(a)

Tagħmir tar-refriġerazzjoni u l-arja kkondizzjonata użati fil-laboratorji, inkluż it-tagħmir refriġerat tal-laboratorju bħall-ultraċentrifugi;

(b)

Tindif, tħaddim mill-ġdid, tiswija jew bini mill-ġdid ta' komponenti jew settijiet elettroniċi;

(c)

Preżervazzjoni ta' pubblikazzjonijiet u arkivji;

(d)

Sterilizzazzjoni tal-materjali f'laboratorju;

(e)

Kwalunkwe użu fl-edukazzjoni primarja u sekondarja;

(f)

Bħala komponenti f'settijiet tal-kimika sperimentali disponibbli għall-pubbliku ġenerali u mhux intenzjonati għall-użu fl-edukazzjoni għolja;

(g)

Għal skopijiet ta' tindif jew tnixxif, fosthom it-tneħħija ta' grass minn mal-ħġieġ u tagħmir ieħor;

(h)

Għad-determinazzjoni tal-idrokarburi, żjut u grass fl-ilma, il-ħamrija, l-arja jew l-iskart;

(i)

Għall-ittestjar tal-qatran fil-materjali tal-kisi tat-toroq;

(j)

Għall-immarkar forensiku tal-marki tas-swaba;

(k)

Għall-ittestjar tal-materja organika fil-faħam;

(l)

Bħala solvent fid-determinazzjoni tal-indiċi taċ-ċjanokobalamina (il-Vitamina B12) u tal-bromu;

(m)

Fil-metodi li jużaw is-solubbiltà selettiva tas-sustanzi kkontrollati, inklużi d-determinazzjoni tal-kaskarosidi, estratti mit-tirojde u l-formazzjoni ta' pikrati;

(n)

Sabiex jiġu pprekonċentrati l-analiti fil-metodi kromotografiċi (eż. kromatografija b'fażi likwida ta' rendiment għoli (HPLC), kromatografija b'fażi gassuża (GC), kromotografija adsorbenti, spettroskopija tal-assorbiment atomiku (AAS), spettroskopija bi plażma akkoppjata induttivament (ICP), analiżi tal-fluworexxenza bir-raġġi-X;

(o)

Għad-determinazzjoni tal-indiċi tal-jodju fix-xaħmijiet u ż-żjut;

(p)

Kwalunkwe użu ieħor fil-laboratorju u għal skopijiet ta' analiżi li għalih hija disponibbli alternattiva teknikament u ekonomikament fattibbli.


Top