Help Print this page 

Document 32011L0018

Title and reference
Direttiva tal-Kummissjoni 2011/18/UE tal- 1 ta' Marzu 2011 li temenda l-Annessi II, V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità Test b’relevanza għaż-ŻEE
  • In force
OJ L 57, 2.3.2011, p. 21–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 010 P. 281 - 286

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/18/oj
Multilingual display
Text

2.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/21


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/18/UE

tal-1 ta' Marzu 2011

li temenda l-Annessi II, V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30(3) tagħha,

Billi:

(1)

Miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE u li jikkonċernaw l-adattament tal-Annessi minn II sa IX ta' dik id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 29(4) tad-Direttiva 2008/57/KE.

(2)

Is-sottosistema ta' kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni tikkonsisti f'tagħmir maġenb il-linji ferrovjarji u abbord, liema sottosistema għandha tiġi kkunsidrata bħala żewġ sottosistemi separati. L-Anness II tad-Direttiva 2008/57/KE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(3)

It-tagħmir tal-kejl tal-konsum elettriku huwa integrat fiżikament fil-vetturi ferrovjarji. L-Anness II tad-Direttiva 2008/57/KE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/57/KE, l-Istati Membri għandhom jaħtru l-korpi responsabbli biex iwettqu l-proċeduri ta' verifika fil-każ ta' regoli nazzjonali. L-Annessi V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE għandhom għalhekk jiġu emendati biex jispeċifikaw dawn il-proċeduri applikati minn dawn il-korpi.

(5)

Fir-rigward tat-taqsima 2 tal-Anness VI tad-Direttiva 2008/57/KE u r-rikors għad-dikjarazzjonijiet intermedji ta' verifika (minn hawn 'il quddiem “ISV”), il-korp notifikat għandu l-ewwel ifassal ċertifikat “KE” ta' dikjarazzjoni intermedja ta' verifika u mbagħad l-applikant għandu jfassal id-dikjarazzjoni “KE” relatata. L-Annessi V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilita skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2008/57/KE.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi II, V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE qed jiġu sostitwiti bit-test stabbilit fl-Annessi I, II u III ta' din id-Direttiva rispettivament.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

3.   L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għar-Repubbika ta' Ċipru u r-Repubblika ta' Malta sakemm ma tiġix stabbilita sistema ferrovjarja fit-territorji tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.


ANNESS I

“ANNESS II

SOTTOSISTEMI

1.   Lista ta’ sottosistemi

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, is-sistema li tikkostitwixxi s-sistema ferrovjarja tista’ tinqasam fis-sottosistemi li ġejjin, jew:

(a)

iż-żoni strutturali:

l-infrastruttura;

l-enerġija;

il-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni maġenb il-linji ferrovjarji;

il-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni abbord;

il-vetturi ferrovjarji;

(b)

iż-żoni funzjonali:

l-operat u l-immaniġġjar tat-traffiku;

il-manutenzjoni;

l-applikazzjonijet telematiċi għas-servizzi tal-passiġġieri u l-merkanzija.

2.   Deskrizzjoni tas-sottosistemi

Għal kull sottosistema jew parti minn sottosistema, il-lista ta’ kostitwenti u l-aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-interoperabbiltà jiġu proposti mill-Aġenzija meta jsir l-abbozz tat-TSI rilevanti. Mingħajr preġudizzju għall-għażla tal-aspetti u l-kostitwenti li għandhom x’jaqsmu mal-interoperabbiltà jew l-ordni li biha huma jkunu se jiġu soġġetti għat-TSIs, is-sottosistemi jinkludu li ġej:

2.1.   L-infrastruttura

Il-binarji, il-punti, l-istrutturi tal-inġinerija (il-pontijiet, il-mini, eċċ), l-infrastruttura assoċjata mal-istazzjon (il-pjattaformi, iż-żoni tal-aċċess, inklużi l-ħtiġijiet ta’ persuni b’mobbiltà ridotta, eċċ), is-sigurtà u t-tagħmir protettiv.

2.2.   L-enerġija

Is-sistema tal-elettrifikazzjoni, inklużi l-linji fl-għoli u n-naħa tal-binarji tas-sistema tal-kejl tal-konsum tal-elettriku.

2.3.   Il-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni maġenb il-linji ferrovjarji

It-tagħmir kollu maġenb il-linji ferrovjarji meħtieġ biex jassigura s-sigurtà u biex jikkmanda u jikkontrolla l-movimenti ferrovjarji awtorizzati biex jivvjaġġaw fuq in-netwerk.

2.4.   Il-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni abbord

It-tagħmir kollu abbord meħtieġ biex jassigura s-sigurtà u biex jikkmanda u jikkontrolla l-movimenti ferrovjarji awtorizzati biex jivvjaġġaw fuq in-netwerk.

2.5.   Tħaddim u mmaniġġjar tat-traffiku

Il-proċeduri u t-tagħmir relatati li jgħinu t-tħaddim koerenti tad-diversi strutturi tas-sottosistemi, kemm matul it-tħaddim normali jew imnaqqas, inklużi b’mod partikolari il-kompożizzjoni tal-ferrovija u s-sewqan tal-ferrovija, l-ippjanar u l-immaniġġjar tat-traffiku.

Il-kwalifiki professjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex isiru servizzi transkonfinali.

2.6.   L-applikazzjonijiet telematiċi

Skont l-Anness I, din is-sottosistema tikkonsisti f’żewġ elementi:

(a)

l-applikazzjonijiet tas-servizzi għall-passiġġieri, inklużi s-sistemi li jipprovdu l-informazzjoni lill-passiġġieri qabel u matul il-vjaġġ, is-sistemi tal-prenotazzjoni u l-ħlas, l-immaniġġjar tal-bagalji u l-immaniġġjar tal-konnessjonijiet bejn il-ferroviji u l-mezzi l-oħra tat-trasport;

(b)

l-applikazzjonijiet għas-servizzi tal-merkanzija, inklużi s-sistemi tal-informazzjoni (monitoraġġ tal-merkanzija u l-ferroviji fil-ħin reali), is-sistemi tat-tlaqqigħ u l-allokazzjoni, il-prenotazzjoni, is-sistemi tal-ħlas u l-fatturi, l-immaniġġjar tal-konnessjonijiet ma’ mezzi oħra ta’ trasport u l-produzzjoni ta’ dokumenti elettroniċi li jakkumpanjaw il-merkanzija.

2.7.   Il-vetturi ferrovjarji

Is-sistema tal-istruttura, tal-kmand u tal-kontroll għat-tagħmir ferrovjarju kollu, l-apparat għall-ġabra tal-kurrent elettriku, l-inġenji tal-ġbid u l-konverżjoni tal-enerġija, it-tagħmir abbord għall-kejl tal-konsum elettriku, it-tagħmir tal-ibbrejkjar, l-aġġanċjament u s-sewqan (il-bogies, il-fusien, eċċ) u s-suspension, il-bibien, l-interfaċċi bniedem/magna (is-sewwieq, il-persunal abbord u l-passiġġieri, inklużi l-bżonnijiet ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa), l-apparat tas-sigurtà passivi jew attivi u l-ħtiġijiet għas-saħħa tal-passiġġieri u tal-persunal abbord.

2.8.   Il-manutenzjoni

Il-proċeduri, it-tagħmir assoċjat, iċ-ċentri tal-loġistika għal xogħol ta’ manutenzjoni u riservi li jipprovdu l-manutenzjoni mandatorja kollettiva u preventiva biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja u tiġi garantita l-kwalità meħtieġa.”


ANNESS II

“ANNESS V

DIKJARAZZJONI TAL-VERIFIKA TAS-SOTTOSISTEMI

1.   Dikjarazzjoni ‘KE’ tal- verifika għas-sottosistemi

Id-dikjarazzjoni ‘KE’ tal-verifika u d-dokumenti li jakkumpanjawha għandhom ikunu datati u ffirmati.

Id-dikjarazzjoni msemmija għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni li tirriżulta mill-proċedura ‘KE’ tal-verifika għas-sottosistemi kif definita fit-taqsima 2 tal-Anness VI. Għandha tinkiteb bl-istess lingwa tal-fajl tekniku u għandu jkollha fiha għall-inqas dan li ġej:

ir-referenzi tad-Direttivi,

l-isem u l-indirizz tal-entità kontraenti jew tal-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha stabbilit fl-Unjoni Ewropea (speċifika l-isem tan-negozju u l-indirizz sħiħ; fil-każ ta’ rappreżentant awtorizzat, speċifika wkoll l-isem tan-negozju tal-entità kontraenti jew tal-manifattur);

deskrizzjoni qasira tas-sottosistema;

l-isem u l-indirizz tal-korp notifikat li għamel l-ispezzjoni ‘KE’ msemmija fl-Artikolu 18;

ir-referenzi tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tekniku;

id-dispożizzjonijiet kollha rilevanti temporanji jew definittivi li għandhom jitħarsu mis-sottosistemi u b'mod partikolari, fejn ikun xieraq, kwalunkwe restrizzjoni jew kundizzjoni fuq l-operat;

jekk tkun temporanja: id-durata tal-validità tad-dikjarazzjoni ‘KE’;

l-identità tal-firmatarju.

Meta ssir referenza fl-Anness VI għad-dikjarazzjoni ISV ‘KE’, id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom japplikaw għal din id-dikjarazzjoni.

2.   Dikjarazzjoni tal-verifika għas-sottosistemi fil-każ ta’ regoli nazzjonali

Meta ssir referenza fl-Anness VI għad-dikjarazzjoni tal-verifika għas-sottosistemi fil-każ ta’ regoli nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tat-taqsima 1 għandhom japplikaw mutatis mutandi għal dik id-dikjarazzjoni.”


ANNESS III

“ANNESS VI

PROĊEDURA TAL-VERIFIKA GĦAS-SOTTOSISTEMI

1.   PRINĊIPJI ĠENERALI

Il-proċedura ta’ verifika għal sottosistema tinvolvi l-ivverifikar u ċ-ċertifikar li sottosistema:

hija ddisinjata, mibnija jew installata b'tali mod li tilħaq il-ħtiġijiet li jikkonċernawha u

tista' tiġi awtorizzata biex titqiegħed fis-servizz.

2.   PROĊEDURA TA' VERIFIKA ‘KE’

2.1.   Introduzzjoni

Il-verifika ‘KE’ hija l-proċedura li biha korp notifikat jivverifika u jiċċertifika li s-sottosistema:

tkun konformi mat-TSI(s) rilevanti,

tkun konformi mar-regolamenti l-oħra li ġejjin mit-Trattat.

2.2.   Partijiet tas-sottosistema u stadji

2.2.1   Verifika Intermedja tad-Dikjarazzjoni (ISV)

Jekk speċifikat fit-TSIs jew, fejn ikun xieraq, fuq talba tal-applikant, is-sottosistema tista' tinqasam f'ċerti partijiet jew verifikata f'ċerti stadji tal-proċedura ta’ verifika.

Il-verifika intermedja tad-dikjarazzjoni (ISV) hija l-proċedura li biha korp notifikat jivverifika u jiċċertifika ċerti partijiet tas-sottosistema jew ċerti stadji tal-proċedura ta’ verifika.

Kull ISV twassal għall-ħruġ ta’ ċertifikat ISV ‘KE’ mill-korp notifikat magħżul mill-applikant, li min-naħa tiegħu mbagħad, fejn applikabbli, ifassal dikjarazzjoni ISV ‘KE’. Iċ-ċertifikat ISV u d-dikjarazzjoni ISV għandhom jipprovdu referenza għat-TSIs li bihom ġiet evalwata l-konformità.

2.2.2   Partijiet tas-sottosistema

L-applikant jista' japplika għal ISV għal kull parti. U kull parti għandha tiġi vverifikata f'kull stadju kif deskritt fit-taqsima 2.2.3.

2.2.3   L-istadji tal-proċedura ta’ verifika

Is-sottosistema, jew ċerti partijiet tas-sottosistema, għandhom jiġu vverifikati f'kull wieħed minn dawn l-istadji:

id-disinn globali;

produzzjoni: il-kostruzzjoni, inklużi, b'mod partikolari, l-attivitajiet ta’ inġinerija ċivili, il-manifattura, l-immuntar tal-kostitwenti, l-aġġustament globali;

l-ittestjar finali.

L-applikant jista' japplika għal ISV għall-istadju tad-disinn (inklużi t-testijiet tat-tip) u għall-istadju tal-produzzjoni.

2.3.   Ċertifikat tal-verifika

2.3.1.   Il-korp notifikat responsabbli għall-verifika ‘KE’ jevalwa d-disinn, il-produzzjoni u l-ittestjar finali tas-sottosistema u jfassal iċ-ċertifikat ta’ verifika ‘KE’ maħsub għall-applikant, li min-naħa tiegħu jimla d-dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’. Iċ-ċertifikat ta’ verifika KE għandu jipprovdi referenza għat-TSIs li bihom ġiet evalwata l-konformità.

Meta sottosistema ma tiġix evalwata għall-konformità tagħha mat-TSI(s) kollha rilevanti (pereżempju fil-każ ta’ deroga, applikazzjoni parzjali tat-TSIs għal aġġornament jew tiġdid, perjodu tranżizzjonali f'TSI jew każ speċifiku), iċ-ċertifikat ‘KE’ għandu jagħti r-referenza preċiża għat-TSI(s) jew il-partijiet tagħhom li l-konformità tagħhom ma ġietx eżaminata mill-korp notifikat matul il-proċedura tal-verifika ‘KE’.

2.3.2.   Fejn inħarġu ċertifikati ISV ‘KE’, il-korp notifikat responsabbli għall-verifika ‘KE’ tas-sottosistema jqis dawn iċ-ċertifikati ISV ‘KE’ u qabel ma joħroġ iċ-ċertifikat ta’ verifika ‘KE’, hu:

jivverifika li ċ-ċertifikati ISV ‘KE’ ikopru b’mod korrett ir-rekwiżiti rilevanti tat-TSI(s),

jivverifika l-aspetti kollha li mhumiex koperti miċ-ċertifikat(i) ISV ‘KE’, u

jivverifika l-ittestjar finali tas-sottosistema kollha.

2.4.   Fajl tekniku

Il-fajl tekniku li jmur mad-dikjarazzjoni tal-verifika ‘KE’ għandu jkun fih dan li ġej:

karatteristiċi tekniċi marbuta mad-disinn li jinkludu disinji ġenerali u dettaljati konformi mal-eżekuzzjoni, dijagrammi elettriċi u idrawliċi, dijagrammi ta’ ċirkwiti kkontrollati, deskrizzjoni ta’ sistemi għall-ipproċessar ta’ dejta u sistemi awtomatiċi, dokumentazzjoni dwar l-operat u l-manutenzjoni, eċċ., rilevanti għas-sottosistema kkonċernata;

lista ta’ kostitwenti tal-interoperabbiltà, kif imsemmija fl-Artikolu 5(3)(d), inkorporati fis-sottosistema;

kopji tad-dikjarazzjonijiet ‘KE’ tal-konformità jew l-idoneità għall-użu li għandhom jingħataw lill-kostitwenti msemmija hawn fuq skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, akkompanjati, fejn ikun xieraq, b’noti tal-kalkolazzjoni li jikkorrispondu magħhom u kopja tar-rekords tat-testijiet u l-eżamijiet li jkunu saru mill-korpi notifikati fuq il-bażi ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni,

jekk disponibbli, iċ-ċertifikat(i) ISV ‘KE’ u, f’tali każ, fejn ikun rilevanti, id-dikjarazzjoni(jiet) ISV ‘KE’, li jakkompanjaw iċ-ċertifikat ta’ verifika ‘KE’, inkluż ir-riżultat ta’ verifika mill-korp notifikat tal-validità taċ-ċertifikati,

ċertifikat ta’ verifika ‘KE’, flimkien ma’ noti korrispondenti ta’ kalkolu, iffirmat mill-korp notifikat responsabbli għall-verifika ‘KE’, li jiddikjara li s-sottosistema hija konformi mar-rekwiżiti tat-TSI(s) rilevanti waqt li jsemmi kwalunkwe riservi dokumentati matul l-operat tal-attivitajiet u mhux irtirati; iċ-ċertifikat ta’ verifika ‘KE’ għandu jkollu miegħu wkoll ir-rapporti tal-ispezzjoni u l-verifika mfassla mill-istess korp b’rabta mal-ħidma tiegħu, kif speċifikata fit-taqsimiet 2.5.3 u 2.5.4,

ċertifikati ‘KE’ maħruġa skont leġiżlazzjoni oħra li ġejja mit-Trattat.

Meta tkun meħtieġa l-integrazzjoni sigura skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 352/2009 (1), l-applikant għandu jinkludi fil-fajl tekniku r-rapport tal-assessur dwar il-Metodi Komuni ta’ Sikurezza (CSM) dwar il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2004/49/KE.

2.5.   Monitoraġġ

2.5.1.   L-għan tal-monitoraġġ ‘KE’ huwa li jiżgura li l-obbligi li ġejjin mill-fajl tekniku ntlaħqu matul il-produzzjoni tas-sottosistema.

2.5.2.   Il-korp notifikat responsabbli għall-iċċekkjar tal-produzzjoni għandu jkollu aċċess permanenti għas-siti tal-bini, għal-lantijiet tal-produzzjoni, għaż-żoni tal-ħażna u, fejn ikun xieraq, għall-faċilitajiet tal-prefabbrikazzjoni u tal-ittestjar u, b’mod aktar ġenerali, għall-fondi li huwa jikkunsidra meħtieġa għall-ħidma tagħha. Il-korp notifikat għandu jirċievi mill-applikant id-dokumenti kollha meħtieġa għal dak l-iskop u b’mod partikolari, il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u d-dokumentazzjoni teknika rigward is-sottosistema.

2.5.3.   Il-korp notifikat responsabbli għall-iċċekkjar tal-implimentazzjoni għandu perjodikament jagħmel verifiki biex jikkonferma l-konformità mat-TSI(s) rilevanti. Dan għandu jipprovdi lil dawk responsabbli għall-implimentazzjoni rapport tal-verifika. Dan jista’ jkun jeħtieġ li jkun preżenti f’ċerti stadji tal-operazzjonijiet tal-bini.

2.5.4.   Barra minn hekk, il-korp notifikat jista’ jżur għal għarrieda l-post tax-xogħol jew il-ħwienet tal-produzzjoni. Waqt dawn iż-żjarat l-korp notifikat jista’ jagħmel verifiki kompleti jew parzjali. Dan għandu jipprovdi rapport ta’ spezzjoni lil dawk responsabbli għall-implimentazzjoni u, jekk ikun xieraq, rapport tal-verifika.

2.5.5.   Bil-għan li tingħata dikjarazzjoni ‘KE’ tal-adattabbiltà għall-użu msemmija fit-taqsima 2 tal-Anness IV, il-korp notifikat għandu jkun jista’ jimmoniterja sottosistema li fuqha jinbena kostitwent ta’ interoperabbiltà sabiex tkun evalwata, meta meħtieġ mit-TSI korrispondenti, l-adattabbiltà tagħha għall-użu fl-ambjent ferrovjarju li huwa maħsub li tintuża fih.

2.6.   Sottomissjoni

Il-fajl komplet imsemmi fil-paragrafu 2.4 għandu jiġi depożitat għand l-applikant b’appoġġ għaċ-ċertifikat ISV ‘KE’, jekk disponibbli, maħruġ mill-korp notifikat responsabbli għal dan jew b’appoġġ għaċ-ċertifikat tal-verifika maħruġ mill-korp notifikat responsabbli għall-verifika ‘KE’ tas-sottosistema. Il-fajl għandu jiġi mehmuż mad-dikjarazzjoni ‘KE’ tal-verifika li l-applikant jibgħat lill-awtorità kompetenti li biha jiddepożita l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

Kopja tal-fajl għandha tinżamm mill-applikant matul iż-żmien ta’ servizz tas-sottosistema. Din għandha tintbagħat lill-Istati Membri li jitolbuha.

2.7.   Pubblikazzjoni

Kull korp notifikat għandu perjodikament jippubblika l-informazzjoni rilevanti rigward:

talbiet tal-verifika ‘KE’ u ISV li rċieva,

talba għal valutazzjoni tal-konformità u/jew l-adattabbiltà għall-użu tal-ICs

ċertifikati ISV ‘KE’ maħruġa jew miċħuda,

ċertifikati ‘KE’ tal-konformità, u/jew l-adattabbiltà għall-użu, maħruġa jew miċħuda.

ċertifikati ‘KE’ ta’ verifika maħruġa jew miċħuda,

2.8.   Lingwa

Il-fajl u l-korrispondenza marbuta mal-proċeduri ta’ verifika ‘KE’ għandhom jinkitbu b’xi lingwa uffiċjali tal-UE tal-Istat Membru li fih l-applikant huwa stabbilit, jew f’lingwa uffiċjali tal-UE aċċettata mill-applikant.

3.   PROĊEDURA TA’ VERIFIKA FIL-KAŻ TA’ REGOLI NAZZJONALI

3.1.   Introduzzjoni

Il-proċedura ta’ verifika fil-każ ta’ regoli nazzjonali hija l-proċedura li biha l-korp maħtur skont l-Artikolu 17(3) (il-korp innominat) jivverifika u jiċċertifika li s-sottosistema hija konformi mar-regoli nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 17(3).

3.2.   Ċertifikat ta’ verifika

Il-korp maħtur responsabbli għall-proċedura ta’ verifika fil-każ ta’ regoli nazzjonali jfassal iċ-ċertifikat ta’ verifika maħsub għall-applikant.

Iċ-ċertifikat għandu jkun fih referenza preċiża għar-regola/i nazzjonali li l-konformità tagħhom ġiet eżaminata mill-korp maħtur fil-proċess ta’ verifika, inklużi dawk relatati mal-partijiet soġġetti għal deroga minn TSI, aġġornament jew tiġdid.

Fil-każ ta’ regoli nazzjonali relatati mas-sottosistemi li jifformaw vettura, il-korp maħtur għandu jaqsam iċ-ċertifikat f’żewġ partijiet, parti tkun tinkludi r-referenzi għal dawk ir-regoli nazzjonali relatati b’mod strett mal-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk rilevanti, u parti oħra tkun tinkludi r-referenzi għar-regoli nazzjonali l-oħra kollha.

3.3.   Fajl tekniku

Il-fajl tekniku li jmur maċ-ċertifikat ta’ verifika fil-każ ta’ regoli nazzjonali għandu jiġi inkluż fil-fajl tekniku msemmi fil-punt 2.4 u għandu jkun fih id-dejta teknika rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità tas-sottosistema mar-regoli nazzjonali.”


(1)  ĠU L 108, 22.4.2009, p. 4.


Top