EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0667

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 667/2010 tas- 26 ta’ Lulju 2010 dwar ċerti miżuri restrittivi rigward l-Eritrea

OJ L 195, 27.7.2010, p. 16–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 18 Volume 007 P. 182 - 190

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2018; Imħassar b' 32018R1932

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/667/oj

27.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/16


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 667/2010

tas-26 ta’ Lulju 2010

dwar ċerti miżuri restrittivi rigward l-Eritrea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/127/PESK tal-1 ta' Marzu 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Eritrea (1), adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Marzu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/127/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Eritrea u li timplimenta r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR). Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/414/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/127/PESK sabiex tintroduċi proċedura għall-emendar u r-reviżjoni tal-lista ta' persuni u entitajiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (‘il-Kunsill tas-Sigurtà) jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”).

(2)

Il-miżuri restrittivi kontra l-Eritrea jinkludu projbizzjoni tal-għoti ta' assistenza teknika, taħriġ, assistenza finanzjarja u assistenza oħra rigward attivitajiet militari, kif ukoll projbizzjoni tal-akkwist jew il-kisba ta' assistenza teknika, taħriġ, assistenza finanzjarja u assistenza oħra bħal dawn mill-Eritrea.

(3)

Id-Deċiżjoni 2010/127/PESK tipprovdi wkoll għall-ispezzjoni ta' ċerti tagħbijiet lejn u mill-Eritrea u, fil-każ ta' inġenji tal-ajru u bastimenti, għall-forniment ta' informazzjoni addizzjonali ta' qabel il-wasla u ta' qabel it-tluq rigward oġġetti li ddaħħlu fi jew inħarġu mill-Unjoni. Din l-informazzjoni trid tingħata skont id-dispożizzjonijiet dwar d-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/1992 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(4)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2010/127/PESK tipprovdi għal miżuri finanzjarji restrittivi kontra persuni u entitajiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kompetenti, kif ukoll bħala projbizzjoni tal-forniment, bejgħ jew trasferiment, ta' armi u tagħmir militari lil dawk il-persuni u entitajiet indikati u tal-għoti ta' assistenza u servizzi relatati. Dawn il-miżuri restrittivi għandhom jiġu imposti kontra individwi u entitajiet, inkluż iżda mhux biss it-tmexxija politika u militari tal-Eritrea, entitajiet governattivi u parastatali, u entitajiet ta' proprjetà privata ta' ċittadini tal-Eritrea li jgħixu ġewwa jew barra t-territorju tal-Eritrea, li ġew indikati min-NU bħala li qed imorru kontra l-embargo fuq l-armi stabbilit fil-UNSCR 1907 (2009), bħala li qed jipprovdu appoġġ mill-Eritrea lil gruppi armati tal-oppożizzjoni li jimmiraw biex jiddestabilizzaw ir-reġjun, bħala li jostakolaw l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1862 (2009) rigward il-Ġibuti, bħala li jaħbu, jiffinanzjaw, jiffaċilitaw, jappoġġaw, jorganizzaw, iħarrġu u jxewwxu lil individwi jew gruppi biex iwettqu atti ta' vjolenza jew atti terroristiċi kontra Stati oħra minbarra l-Eritrea, jew iċ-ċittadini tagħhom fir-reġjun, jew bħala li jostakolaw l-investigazzjonijiet jew il-ħidma tal-Grupp ta' Monitoraġġ li ġie stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà.

(5)

Dawn il-miżuri jaqgħu taħt l-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom f'dak li jirrigwarda l-Unjoni.

(6)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(7)

Dan ir-Regolament jirrispetta wkoll bis-sħiħ l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u n-natura legalment vinkolanti tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

(8)

Is-setgħa biex tiġi emendata l-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun ikkawżata mis-sitwazzjoni fl-Eritrea u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emendar u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni 2010/127/PESK.

(9)

Il-proċedura għall-emendar tal-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tinkludi rekwiżit li jiġu komunikati lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi indikati ir-raġunijiet għall-elenkar tagħhom kif ipprovduti mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, sabiex tingħatalhom opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jiġu mressqa osservazzjonijiet jew jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, entità jew korp ikkonċernat skont il-każ.

(10)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq l-akbar ċertezza legali fi ħdan l-Unjoni, għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku l-ismijiet u data oħra rilevanti rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati skont ir-Regolament. Kwalunkwe ipproċessar ta' data personali ta' persuni fiżiċi skont dan ir-Regolament għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (3) u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4).

(11)

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu l-pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Il-pieni previsti għandhom ikunu proporzjonati, effettivi u dissważivi.

(12)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

„assistenza teknika“ tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, assemblaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista' tieħu forom bħalma huma t-tagħlim, il-konsulenza, it-taħriġ, it-trażmissjoni tal-għarfien jew ħiliet professjonali jew servizzi ta' konsulenza, inklużi forom verbali ta' assistenza;

(b)

“fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta' kull tip, li jinkludu iżda mhumiex limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money orders u strumenti oħra ta' ħlas;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f'kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta' dejn;

(iii)

titoli negozjabbli, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu debitu, inklużi l-istocks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, kambjali, noti, mandati, obbligi u kuntratti tad-derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur li joħroġ minnhom jew li hu ġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji fuq xogħol b'kuntratt jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta' bejgħ;

(vii)

dokumenti li jixhdu xi mgħax f'fondi jew riżorsi finanzjarji;

(c)

„iffriżar ta' fondi“ tfisser il-projbizzjoni ta' kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, bidla, użu, aċċess jew traffikar ta' fondi li jistgħu b'xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni, fis-sjieda, fil-pussess, fin-natura, fid-destinazzjoni jew f'bidla oħra li tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, inkluż il-ġestjoni tal-portafolli;

(d)

„riżorsi ekonomiċi“ tfisser assi ta' kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

(e)

„iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi“ tfisser il-projbizzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi fi kwalunkwe mod, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom;

(f)

„Kumitat tas-Sanzjonijiet“ tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont ir-Riżoluzzjonijiet 751 (1992) u 1907 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-Somalja u l-Eritrea;

(g)

„territorju tal-Unjoni“ tfisser it-territorji li għalihom huwa applikabbli t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Għandu jiġi pprojbit:

(a)

li tingħata assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (5) („Lista Militari Komuni tal-UE“), direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Eritrea, jew għall-użu fl-Eritrea;

(b)

li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip inkluż fil-Lista Militari Komuni tal-UE, jew għall-għoti ta' assistenza teknika u servizzi ta' senserija relatati, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Eritrea, jew għall-użu fl-Eritrea;

(c)

li tinkiseb, direttament jew indirettament, assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż fil-Lista Militari Komuni tal-UE, minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Eritrea;

(d)

li jinkisbu, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inkluż fil-Lista Militari Komuni tal-UE, jew għall-għoti ta' assistenza teknika u servizzi ta' senserija relatati, minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Eritrea;

(e)

li jkun hemm parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b), (c) u (d).

2.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(b) u (d) m’għandhom iwasslu għal responsabbiltà ta’ l-ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi kkonċernati, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru dawn il-projbizzjonijiet.

Artikolu 3

1.   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni stretta tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2010/127/PESK, l-oġġetti kollha li jiddaħħlu jew li joħorġu mit-territorju tad-dwana tal-Unjoni fuq inġenji tal-ajru għall-ġar ta' merkanzija u bastimenti għall-ġar ta' merkanzija lejn u mill-Eritrea għandhom ikunu soġġetti għal informazzjoni ta' qabel il-wasla u ta' qabel it-tluq li għandha titressaq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

2.   Ir-regoli li jirregolaw l-obbligu li tingħata informazzjoni ta' qabel il-wasla u ta' qabel it-tluq, b'mod partikolari l-limiti ta' żmien li għandhom jiġu rispettati u d-data meħtieġa, għandha tiġi deċiża fid-dispożizzjonijiet rilevanti rigward dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ kif ukoll dikjarazzjonijiet tad-dwana stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92, u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (6).

3.   Barra minn hekk, il-persuna li ddaħħal l-oġġetti, jew li tieħu r-responsabbiltà għall-ġarr tal-oġġetti fuq inġenji tal-ajru għall-ġar ta' merkanzija u bastimenti għall-ġar ta' merkanzija lejn u mill-Eritrea, jew ir-rappreżentanti tagħhom, għandha tiddikjara jekk l-oġġetti humiex koperti mill-Lista Militari Komuni tal-UE.

4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ u l-elementi addizzjonali meħtieġa msemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jitressqu bil-miktub bl-użu ta' dokumentazzjoni kummerċjali, portwali jew ta' trasport, sakemm dawn ikun fihom id-dettalji neċessarji.

5.   Mill-1 ta’ Jannar 2011, l-elementi addizzjonali meħtieġa msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jitressqu jew bil-miktub jew bl-użu tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ, skont il-każ.

Artikolu 4

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, qegħdin fil-pussess ta' jew huma kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi m'għandhom ikunu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I.

3.   Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, li jiġu evitati l-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu pprojbiti.

4.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi kkonċernati, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru dik il-projbizzjoni.

5.   L-Anness I għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b’konformità mal-paragrafi 15 u 18(b) tal-UNSCR 1907 (2009).

6.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati kif previst mill-Kunsill tas-Siugurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

7.   L-Anness I għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data ta' inklużjoni fil-lista mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 5

1.   B'deroga mill-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif imniżżla fis-siti elettroniċi elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, wara li jiġi determinat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi ta' persuni elenkati fl-Anness I, u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka immobiljari, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklusivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta' spejjeż li huma konnessi mal-għoti ta' servizzi legali; jew

(c)

maħsuba esklusivament għall-ħlas ta' onorarji jew ħlasijiet għal servizzi għaż-żamma jew għall-ġestjoni ta' rutina ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar dik il-konstatazzjoni u dwar il-ħsieb tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u fin-nuqqas ta' deċiżjonji negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien tlett ijiem tax-xogħol għal din in-notifika.

2.   B'deroga mill-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif imniżżla fis-siti elettroniċi elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, wara li jiġi determinat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm din il-konstatazzjoni tkun ġiet notifikata mill-Istat Membru lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u dik il-konstatazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat.

3.   L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun ingħatat taħt il-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 6

B'deroga mill-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fis-siti elettroniċi elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li kienet stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 4 kien indikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew il-Kunsill tas-Sigurtà jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew aribitrali li ngħatat qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw b'mod esklussiv sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet żgurati b'tali garanzija jew rikkonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c)

il-garanzija jew is-sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(d)

ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma jmorrux kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat; u

(e)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ġie nnotifikat mill-Istat Membru bil-garanzija jew bis-sentenza.

Artikolu 7

1.   L-Artikolu 4(2) m'għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet, dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 4 ġew indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà;

sakemm kwalunkwe mgħax, dħul ieħor u ħlasijiet bħal dawn jibqgħu jkunu soġġetti għall-Artikolu 4(1).

2.   L-Artikolu 4(2) m'għandux iwaqqaf lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw kontijiet iffriżati meta jirċievu fondi trasferiti fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, sakemm kwalunkwe żieda għal dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tgħarraf bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti b’tali transazzjonijiet.

Artikolu 8

1.   Għandu jiġi pprojbit:

(a)

li tingħata assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż fil-Lista Militari Komuni tal-UE, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I;

(b)

li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip inkluż fil-Lista Militari Komuni tal-UE, jew għall-għoti ta' assistenza teknika u servizzi ta' senserija relatati, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika , entità jew korp elenkat fl-Anness I;

2.   Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa, direttament jew indirettament, biex tiġi evitata l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi projbita.

3.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(b) m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi kkonċernati, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru dawn il-projbizzjonijiet.

Artikolu 9

L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li wieħed jagħmel fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli, magħmula in bona fide fuq il-bażi li tali azzjoni hi konformi ma' dan ir-Regolament, m'għandhomx joħolqu responsabbiltà ta' kwalunkwe tip għall-persuna fiżika jew ġuridika jew għall-entità li tkun qed timplimentaha, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati bħala riżultat ta' negliġenza.

Artikolu 10

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jipprovdu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tista' tiffaċilità l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħal pereżempju kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 4, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif elenkat fl-Anness II, fejn huma residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jgħaddu informazzjoni bħal din, direttament jew permezz ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti, lill-Kummissjoni;

(b)

jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti, kif indikati fis-siti elettroniċi elenkati fl-Anness II, fi kwalunkwe verifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

2.   Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew tiġi rċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew irċevuta.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti konnessa ma' dan ir-Regolament li hija għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari informazzjoni dwar problemi ta' ksur u ta' infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

Artikolu 12

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenkaw persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kunsill għandu jinkludi dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, b'hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

2.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp skont il-każ.

3.   Fil-każ li n-Nazzjonjiet Uniti tiddeċiedi li tneħħi persuna fiżika jew ġuridika, entità, jew korp, mil-lista jew li temenda d-data ta' indentifikazzjoni ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I bl-istess mod.

Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni pprovduta lilha mill-Istati Membri.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti elettroniċi elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-indirizzi tas-siti elettroniċi tagħhom elenkati fl-Anness II qabel tali tibdil jidħol fis-seħħ.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

3.   Fil-każ fejn dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligu biex il-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni oħra magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadin ta' Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-Unjoni.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 51, 2.3.2010, p.19. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/414/PESK (Ara paġna 74 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(5)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS I

Persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8 u 12


ANNESS II

Siti elettroniċi li jipprovdu informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 5(2), 6, 7 u 10, u l-indirizzi għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

 

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

 

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.government.bg

 

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

 

ID-DANIMARKA

http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

 

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

 

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

 

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

 

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/Global+Issues/International+Sanctions/

 

SPANJA

http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/SancionesInternacionales/Paginas

 

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

 

L-ITALJA

http://www.esteri.it/UE/deroghe.html

 

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

 

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

 

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

 

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

 

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/felelos_illetekes_hatosagok.htm

 

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

 

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

http://www.minbuza.nl/nl/Onderwerpen/Internationale_rechtsorde/Internationale_Sancties/Bevoegde_instanties_algemeen

 

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

 

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

 

IL-PORTUGALL

http://www.mne.gov.pt/mne/pt/AutMedidasRestritivas.htm

 

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/index.php?unde=doc&id=12391&idlnk=1&cat=3

 

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

 

IS-SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

 

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

 

L-ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

 

IR-RENJU UNIT

http://www.fco.gov.uk/en/about-us/what-we-do/services-we-deliver/business-services/export-controls-sanctions/

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

DG External Relations

Directorate A. Crisis Platform and Policy Coordination in CFSP

Unit A.2. Crisis Management and Conflict Prevention

CHAR 12/106

B-1049 Bruxelles/Brussel (Belgium)

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel. (32 2) 295 55 85

Fax (32 2) 299 08 73


Top