EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0092

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 92/2010 tat- 2 ta’ Frar 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward ta’ skambju ta’ dejta bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali, il-kompilazzjoni tal-istatistika u l-valutazzjoni tal-kwalità (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 31, 3.2.2010, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 02 Volume 018 P. 70 - 72

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Imħassar b' 32020R1197

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/92/oj

3.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 92/2010

tat-2 ta’ Frar 2010

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward ta’ skambju ta’ dejta bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali, il-kompilazzjoni tal-istatistika u l-valutazzjoni tal-kwalità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(3), Artikolu 8(3) u l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Ewropea rigward il-kummerċ ta’ merkanzija ma’ pajjiżi li mhumiex membri.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-proċeduri għall-iskambju tad-dejta bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali biex jiġi żgurat il-ġbir komprensiv tal-istatistika kummerċjali esterna.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fuq il-kumpilazzjoni ta’ statistiċi ta’ kull xahar biex jinkisbu riżultati armonizzati u komparabbli mill-Istati Membri kollha, inklużi regoli għall-aġġustamenti ta’ dokumentazzjoni mdewma jew mhux kompluta u dejta affettwata b’dispożizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità.

(4)

Sabiex tkun tista’ tiġi valutata l-kwalità tal-istatistika trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat), huma meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni rigward il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapport ta’ kwalità.

(5)

Il-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Istatistka li għandha x’taqsam mal-kummerċ ta’ merkanzija ma’ pajjiżi li mhumiex Membri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Modalitajiet ta’ skambju ta’ dejta bejn awtoritajiet doganali u awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali

1.   L-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tagħhom mingħajr dewmien u mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara x-xahar li fih ġew aċċettati d-dikjarazzjonijiet doganali jew li fih dawn kienu suġġetti għal deċiżjonijiet doganali marbuta magħhom, id-dokumentazzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni msejsa fuq id-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati magħhom.

2.   B’effett mid-data tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-iskambju reċiproku ta’ dejta b’mezzi elettroniċi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, l-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu ta’ kuljum kopji tad-dejta mid-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati magħhom lill-awtorità doganali tal-Istat Membru indikat fuq id-dokumentazzjoni bħala:

(a)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni aħħarija, fuq l-importazzjoni,

(b)

l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fuq l-esportazzjoni.

L-awtorità doganali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, fuq l-importazzjoni, u l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fuq l-esportazzjoni, għandhom jibagħtu d-dokumentazzjoni tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni minn dawn id-dikjarazzjonijiet doganali mingħajr dewmien, u mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara x-xahar li fih id-dikjarazzjonijiet doganali ġew aċċettati jew kienu suġġetti għal deċiżjonijiet doganali marbuta magħhom, lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tagħhom.

3.   L-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali dokumentazzjonijiet riveduti dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fejn id-dejta tal-istatistika diġà provduta hija emendati jew mibdula.

4.   L-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw, fuq talba tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali, il-korrettezza u l-kompletezza tad-dokumentazzjonijiet dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet pprovduti minnhom.

Artikolu 2

Kompilazzjoni ta’ statistika Ewropea dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ merkanzija

1.   L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jikkompilaw l-istatistika ta’ kull xahar minn:

(a)

dokumentazzjonijiet dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet previsti mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 1;

(b)

dejta pprovduta mill-operatur ekonomiku fil-każ ta’ simplifikazzjonijiet doganali skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009;

(c)

sorsi ta’ dejta għall-prodotti u spostamenti speċifiċi skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009.

2.   L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jikkompilaw l-istatistiċi kummerċjali esterni ta’ kull xahar skont:

(a)

l-Istat Membru tal-kompilazzjoni, waqt li jindikaw l-istatistiċi kummerċjali esterni rrapurtati minn dak l-Istat Membru lill-Eurostat;

(b)

il-perjodu ta’ referenza;

(c)

il-fluss tal-kummerċ;

(d)

il-valur tal-istatistika fil-munita nazzjonali mingħajr deċimali;

(e)

il-kwantità espressa f’kg mingħajr deċimali;

(f)

il-kwantità espressa f’unitajiet supplimentari;

(g)

il-kodiċi tal-merkanzija;

(h)

l-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali tiġi ppreżentata;

(i)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni fuq l-importazzjoni. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet ta’ importazzjoni fejn id-dejta doganali fuq l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma tkunx disponibbli, il-kodiċi tal-pajjiż QV għandu jkun indikat meta jkun preżunt li l-Istat Membru tad-destinazzjoni hu differenti mill-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali hija ippreżentata;

(j)

l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali fuq l-esportazzjoni. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet ta’ esportazzjoni fejn id-dejta doganali fuq l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali ma tkunx disponibbli, il-kodiċi tal-pajjiż QV għandu jkun indikat meta jkun preżunt li l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali hu differenti mill-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni doganali hija ippreżentata;

(k)

il-pajjiż tal-oriġini fuq l-importazzjoni;

(l)

il-pajjiż tal-kunsinna/dispaċċ fuq l-importazzjoni. Madankollu, jekk il-pajjiż tal-kunsinna/dispaċċ huwa Stat Membru, il-pajjiż ta’ oriġini għandu jkun indikat jekk ma jkunx fl-UE jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jintuża l-kodiċi tal-pajjiż QW;

(m)

il-pajjiż tad-destinazzjoni l-aħħar magħrufa fuq l-esportazzjoni;

(n)

il-proċedura statistika;

(o)

in-natura tal-kodiċi ta’ tranżazzjoni b’wieħed jew b’żewġ numri. Madankollu, għal dawk id-dokumentazzjonijiet doganali fejn id-dejta dwar in-natura tat-tranżazzjoni ma tkunx disponibbli, il-kodiċi 0 għandu jiġi indikat fuq livell ta’ numru wieħed;

(p)

il-kodiċi mogħti preferenza fuq l-importazzjoni;

(q)

il-metodu ta’ trasport fuq il-fruntiera;

(r)

il-mod tat-trasport;

(s)

il-kontejner.

3.   L-istatistiċi għandu jkun fihom aġġustamenti fuq id-dokumentazzjonijiet imdewma jew mhux kompluti. L-aġġustamenti għandhom jindikaw il-valur statistiku mill-inqas b’tqassim skont il-pajjiż imsieħeb, il-kodiċi tal-merkanzija fil-livell tal-kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda u l-perjodu ta’ referenza ta’ kull xahar. L-aġġustamenti għandhom ikunu abbażi ta’ metodi ta’ evalwazzjoni jew metodi xjentifiċi sodi u kompetenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiġbru informazzjoni inqas dettaljata minn dik speċifikata fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009 għal tranżazzjonijiet individwali taħt il-limitu tal-valur statistiku. Madankollu, bħala minimu, id-dejta dwar il-valur statistiku totali ta’ kull xahar kemm tal-importazzjonijiet kif ukoll tal-esportazzjonijiet għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat).

5.   L-istatistiċi għandu jkun fihom dejta protetta mid-dispożizzjonijiet tal-kunfidenzjalità fl-Istat Membru tal-kompilazzjoni. L-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jimmarkaw id-dejta li għandha tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali b’tali mod li jkun possibbli li l-informazzjoni tixxerred, għall-inqas fuq il-livell tal-kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda, sakemm il-kunfidenzjalità tibqa’ b’hekk żgurata.

Artikolu 3

Evalwazzjoni tal-kwalità

1.   F’konformità mal-kriterji ta’ kwalità definiti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha twettaq evalwazzjoni annwali tal-kwalità bbażata fuq indikaturi tal-kwalità u l-ħtiġiet miftiehma minn qabel mal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprepara abbozz ta’ rapport ta’ kwalità parzjalment mimli minn qabel għal kull Stat Membru. Abbozzi ta’ rapporti ta’ kwalità għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru, wara s-sena ta’ referenza.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bir-rapporti tal-kwalità tagħhom kompluti fi żmien tmien ġimgħat mill-wasla tal-abbozzi ta’ rapporti ta’ kwalità mimlija minn qabel.

4.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tal-istatistika trażmessa abbażi tar-rapporti ta’ dejta u ta’ kwalità pprovduti mill-Istati Membri u għandha tipprepara rapport ta’ valutazzjoni għal kull Stat Membru.

5.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprepara u tqassam sommarju tar-rapport ta’ kwalità li jkopri l-Istati Membri kollha. Dan ikun jinkludi l-indikaturi ewlenin ta’ kwalità u l-informazzjoni miġbura permezz tar-rapporti ta’ kwalità.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23.


Top