EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0862

Deċiżjoni Nru 862/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Settembru 2010 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm Konġunt ta’ Riċerka u Żvilupp dwar il-Baħar Baltiku (BONUS) li huma impenjati fih diversi Stati Membri Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 256, 30.9.2010, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/862/oj

30.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/1


DEĊIŻJONI Nru 862/2010/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Settembru 2010

dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm Konġunt ta’ Riċerka u Żvilupp dwar il-Baħar Baltiku (BONUS) li huma impenjati fih diversi Stati Membri

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 185 u 188, it-tieni paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (3) (“is-Seba’ Programm Kwadru”) tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi ta’ riċerka u żvilupp li impenjaw ruħhom fihom diversi Stati Membri, inkluża l-parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għat-twettiq ta’ dawk il-programmi, fit-tifsira tal-Artikolu 169 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (“Trattat KE”).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (4) tinkoraġġixxi approċċ transtematiku lejn suġġetti ta’ riċerka rilevanti għal wieħed jew aktar mit-temi tas-Seba’ Programm Kwadru, u f’dan il-kuntest identifikat inizjattiva taħt l-Artikolu 169 tat-Trattat KE fil-qasam tar-Riċerka Konġunta dwar il-Baħar Baltiku bħala wieħed mill-oqsma adatti għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi ta’ riċerka nazzjonali implimentati b’mod konġunt.

(3)

L-ekosistema tal-Baħar Baltiku, baħar intern kważi magħluq Ewropew, hija wieħed mill-ikbar korpi ta’ ilma salmastru fid-dinja u ntlaqtet serjament minn pressjoni eżerċitata minn numru ta’ elementi ta’ oriġini naturali u pressjoni eżerċitata mill-bniedem, bħat-tniġġis minn armi kimiċi mormija, pereżempju gassijiet tal-gwerra li jmorru lura sat-Tieni Gwerra Dinjija, u minn komposti ta’ metalli tqal, sustanzi organiċi, materjali radjuattivi, u tixrid ta’ żejt tat-tisħin u ta’ żejt mhux maħdum. L-iżvilupp tal-agrikoltura fil-baċin idrografiku tal-Baħar Baltiku wkoll ikkawża l-iskular eċċessiv ta’ fertilizzanti u materjal organiku li jwassal għal ewtrofizzazzjoni avvanzata, u l-introduzzjoni ta’ organiżmi aljeni nonendemiċi fl-ambjent. L-esplojtazzjoni insostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut u t-tibdil fil-klima qed jikkawżaw it-telf tal-bijodiversità oriġinali. Dawk il-fatturi, kif ukoll l-attività kontinwa tal-bniedem, li tinkludi proġetti infrastrutturali direttament fuq il-kosta jew qrib ħafna tagħha u fil-baċin idrografiku tal-Baħar Baltiku, u t-turiżmu ekoloġikament insostenibbli, qed joħolqu degradazzjoni fl-ambjent naturali. Dan kollu qed inaqqas serjament il-kapaċità tal-Baħar Baltiku li jipprovdi b’mod sostenibbli l-prodotti u s-servizzi li fuqhom jiddependu n-nies direttament u indirettament għal benefiċċji soċjali, kulturali u ekonomiċi.

(4)

Il-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2007, enfasizza t-tħassib dwar l-istat tal-ambjent fil-Baħar Baltiku, kif rifless fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta’ Ġunju 2009 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Barra minn hekk, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal inizjattiva taħt l-Artikolu 169 tat-Trattat KE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

(5)

Ix-xjenza għandha tikkontribwixxi biex tittratta dawn l-isfidi u ssib soluzzjonijiet għall-problemi ambjentali urġenti fil-Baħar Baltiku. Madankollu, il-gravità tas-sitwazzjoni preżenti titlob titjib kwalitattiv u kwantitattiv tar-riċerka attwali fir-reġjun Baltiku permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ approċċ integrat bis-sħiħ fejn il-programmi ta’ riċerka rilevanti tal-Istati kollha konfinanti jistgħu jiġu simplifikati u ffukati sabiex jittrattaw il-kwistjonijiet kumplessi u urġenti b’mod koordinat, effiċjenti u effettiv.

(6)

Fil-preżent, għadd ta’ programmi jew attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp imwettqa mill-Istati Membri individwalment f’livell nazzjonali għas-sostenn tar-riċerka u l-iżvilupp fir-reġjun tal-Baħar Baltiku mhumiex koordinati biżżejjed fil-livell tal-Unjoni biex tinkiseb il-massa kritika meħtieġa f’oqsma strateġiċi tar-riċerka u l-iżvilupp.

(7)

Barra minn hekk, l-istrutturi tar-riċerka eżistenti speċifiċi għas-settur, li evolvew tul storja twila ta’ politika nazzjonali, għandhom għeruq fondi fis-sistemi ta’ governanza nazzjonali u ma jippermettux l-iżvilupp u l-finanzjament tar-riċerka ambjentali multidixxiplinari, interdixxiplinari u transdixxiplinari meħtieġa biex jiġu ttrattati l-isfidi tal-Baħar Baltiku.

(8)

Waqt li hemm tradizzjoni twila ta’ kooperazzjoni fir-riċerka dwar il-Baħar Baltiku ma’ pajjiżi kemm fi ħdan kif ukoll barra miż-żona tal-Baħar Baltiku, l-isforzi kollaborattivi sa issa kienu nieqsa mir-riżorsi finanzjarji xierqa għall-isfruttament ottimali tal-potenzjal tar-riċerka minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u ta’ żvilupp mhux ugwali f’dawk il-pajjiżi kif ukoll aġendi ta’ riċerka, temi ta’ riċerka u prijoritajiet nazzjonali li jvarjaw ħafna.

(9)

Il-Kummissjoni fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2007-2008 tal-11 ta’ Ġunju 2007 għall-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni, ipprovdiet appoġġ finanzjajru lil BONUS ERA-NET u lil ERA-NET PLUS fil-qasam tar-riċerka ambjentali dwar il-Baħar Baltiku sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji li jiffinanzjaw ir-riċerka ambjentali fir-reġjun Baltiku u tiffaċilita t-transizzjoni lejn programm konġunt ta’ riċerka u żvilupp fil-Baħar Baltiku li għandu jiġi implimentat fuq il-bażi tal-Artikolu 169 tat-Trattat KE.

(10)

B’ mod ġenerali, BONUS ERA-NET u ERA-NET PLUS iffunzjonaw tajjeb u għalhekk huwa importanti li tiġi żgurata l-kontinwità tal-isforzi tar-riċerka biex jiġu ttrattati l-isfidi ambjentali urġenti.

(11)

Konformement mal-approċċ tas-Seba’ Programm Kwadru u kif rikonoxxut fil-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati li saru matul BONUS ERA-NET, fir-reġjun Baltiku hemm bżonn ta’ programmi ta’ riċerka bbażati fuq il-politika.

(12)

Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Isvezja (minn hawn ‘il quddiem “l-Istati Parteċipanti”) ftiehmu li jwettqu flimkien il-Programm Konġunt ta’ Riċerka u Żvilupp dwar il-Baħar Baltiku BONUS (“BONUS”). BONUS għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp xjentifiku u l-innovazzjoni billi jipprovdi l-qafas legali u organizzattiv meħtieġ għal kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-Istati tal-Baħar Baltiku fir-riċerka ambjentali fir-reġjun tal-Baħar Baltiku.

(13)

Filwaqt li jiffoka l-aktar fuq ir-riċerka ambjentali, BONUS imiss għadd ta’ programmi ta’ riċerka relatati tal-Unjoni fuq firxa ta’ attivitajiet tal-bniedem li għandhom impatti kumulattivi fuq l-ekosistema bħas-sajd, l-akkwakultura, l-agrikoltura, l-infrastruttura (inkluż fil-qasam tal-enerġija), it-trasport, it-taħriġ u l-mobilità tar-riċerkaturi kif ukoll kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi. BONUS huwa ta’ rilevanza konsiderevoli għal għadd ta’ linji ta’ politika u direttivi tal-Unjoni inkluża l-Istrateġija tal-Unjoni għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku; il-Politika Komuni tas-Sajd; il-Politika Agrikola Komuni, id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (5); id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina) (6) kif ukoll impenji internazzjonali tal-Unjoni bħall-Pjan ta’ Azzjoni għall-Baħar Baltiku HELCOM. B’riżultat ta’ dan, bosta oqsma oħra tal-politika tal-Unjoni ser jibbenefikaw minn BONUS.

(14)

Biex jiżdied l-impatt ta’ BONUS, l-Istati Parteċipanti qablu li l-Unjoni tipparteċipa fih.

(15)

BONUS għandu jinkludi fażi strateġika, segwita minn fażi ta’ implimentazzjoni, li tipprovdi opportunità biex titwettaq konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati dwar l-aġenda tar-riċerka strateġika li kapaċi wkoll tittratta l-bżonnijiet ta’ riċerka li jitfaċċaw. Matul il-fażi strateġika ta’ BONUS, għandu jitfittex l-involviment ta’ aġenziji ta’ finanzjament addizzjonali orjentati lejn is-settur biex titjieb aktar l-integrazzjoni tar-riċerka li tittratta l-bżonnijiet tal-aħħar utent transsettorjali u jkun żgurat l-użu effettiv tar-riżultati għall-arranġamenti tal-politika u l-ġestjoni tar-riżorsi fuq firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi.

(16)

Fit-tmiem tal-fażi strateġika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-Aġenda tar-Riċerka Strateġika, il-Pjattaformi għall-Konsultazzjonijiet tal-Partijiet Interessati u l-modalitajiet tal-implimentazzjoni jkunu stabbiliti sabiex BONUS jidħol fil-fażi tal-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, tagħti rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-Aġenda tar-Riċerka Strateġika. It-transizzjoni għall-fażi tal-implimentazzjoni għandha tkun mingħajr skossi jew dewmien.

(17)

L-Istati Parteċipanti qablu li jikkontribwixxu EUR 50 miljun għal BONUS. Kontribuzzjonijiet in natura fil-forma ta’ aċċess għal u użu ta’ infrastrutturi (“kontribuzzjoni infrastrutturali in natura”) għandhom ikunu permessi, bil-kondizzjoni li ma jirrappreżentawx parti sostanzjali tal-kontribuzzjoni sħiħa. Dawn għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni tal-valur u l-utilità tagħhom għat-twettiq tal-proġetti BONUS.

(18)

Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’BONUS m’għandhiex teċċedi l-EUR 50 miljun għat-tul kollu tiegħu u tkun ugwali, fi ħdan dak il-limitu, għall-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti sabiex iżżid l-interess tagħhom fit-twettiq ta’ BONUS b’mod konġunt. Il-parti l-kbira tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun allokata għall-fażi tal-implimentazzjoni. Għandu jiġi definit limitu għal kull fażi. Il-limitu għall-fażi tal-implimentazzjoni għandu jiżdied bi kwalunkwe ammont li jibqa’ wara l-implimentazzjoni tal-fażi strateġika.

(19)

L-implimentazzjoni konġunta ta’ BONUS teħtieġ struttura ta’ implimentazzjoni dedikata, kif previst fid-Deċiżjoni 2006/971/KE. L-Istati Parteċipanti ftiehmu fuq tali struttura ta’ implimentazzjoni dedikata u stabbilixxew in-Netwerk ta’ Organizzazzjonijiet Baltiċi għall-Finanzjament tax-Xjenza (“BONUS EEIG”) biex jiġi implimentat BONUS. BONUS EEIG għandu jkun ir-riċevitur tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Waqt li l-Istati Parteċipanti jiġu mfakkra dwar l-importanza tal-prinċipju ta’ karus tabilħaqq komuni, kull Stat Parteċipant ser jiddeċiedi, skont ir-regoli u l-proċeduri ta’ finanzjament komuni għal BONUS, jekk jamministrax il-kontribuzzjoni tiegħu jew jekk il-kontribuzzjoni tiegħu hijiex ser tkun amministrata minn BONUS EEIG. BONUS EEIG għandu jiżgura wkoll li l-implimentazzjoni ta’ BONUS tkun konformi mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda.

(20)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal impenji formali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Parteċipanti u l-ħlas tal-kontribuzzonijiet finanzjarji tagħhom.

(21)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-fażi strateġika għandu jkun soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-fondi bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u BONUS EEIG li għandu jkun irregolat mir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (7) sabiex tiġi faċilitata u simplifikata l-ġestjoni tiegħu.

(22)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-fażi tal-implimentazzjoni għandha tkun soġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-implimentazzjoni bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni u BONUS EEIG, li jkun fih l-arranġamenti dettaljati għall-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Din il-parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita taħt ġestjoni ċentralizzata indiretta konformement mal-Artikoli 54(2)(c) u 56 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8) (“Regolament Finanzjarju”), u l-Artikoli 35, 38(2) u 41 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9).

(23)

Kwalunkwe imgħax li jirriżulta mill-kontribuzzjonijiet imħallsa lil BONUS EEIG għandu jkun ikkunsidrat bħala d-dħul tiegħu u jiġi assenjat għall-implimentazzjoni ta’ BONUS.

(24)

Biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha, l-Unjoni għandu jkollha d-dritt li tnaqqas, tirtira jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha fil-każ li BONUS jiġi implimentat ħażin, parzjalment jew tard, jew l-Istati Parteċipanti ma jikkontribwixxux, jew jikkontribwixxu parzjalment jew tard, għall-finanzjament ta’ BONUS, bit-termini stabbiliti fil-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-Unjoni u BONUS EEIG.

(25)

Biex BONUS jiġi implimentat b’mod effiċjenti, matul il-fażi ta’ implimentazzjoni, għandu jingħata appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti fil-proġetti ta’ BONUS magħżula fil-livell ċentrali taħt ir-responsabbiltà ta’ BONUS EEIG wara li jsiru sejħiet għal proposti. L-għoti u l-ħlas ta’ tali appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti f’BONUS għandu jkun trasparenti, ħieles mill-burokrazija u jirrispetta r-regoli komuni konformement mas-Seba’ Programm Kwadru.

(26)

Waqt li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka huwa dipartiment tal-Kummissjonijiet, l-istituti tiegħu xorta għandhom il-kapaċitajiet ta’ riċerka li huma rilevanti għall-BONUS u jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu. Għalhekk huwa xieraq li jiġi definit ir-rwol taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka fit-termini tal-eliġibbiltà tiegħu għal finanzjament.

(27)

Biex jiġi żgurat trattament ugwali, l-evalwazzjoni ta’ proposti għandha ssegwi l-istess prinċipji li japplikaw għall-proposti ppreżentati taħt is-Seba’ Programm Kwadru. Għalhekk l-evalwazzjoni tal-proposti għandha titwettaq ċentralment taħt ir-responsabbiltà ta’ BONUS EEIG minn esperti indipendenti b’għarfien tajjeb tal-kondizzjonijiet lokali fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u komuni, u l-finanzjament għandu jiġi allokat konformement ma’ lista ta’ klassifikazzjoni approvata ċentralment. Il-klassifikazzjoni u l-ordni ta’ prijorità għandha tiġi approvata minn BONUS EEIG u ssegwi strettament ir-riżultat tal-evalwazzjoni indipendenti, li għandu jkun vinkolanti.

(28)

Kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru għandu jkun intitolat li jipparteċipa f’BONUS.

(29)

Konformement mal-għanijiet tas-Seba’ Programm Kwadru, il-parteċipazzjoni minn kwalunkwe pajjiż ieħor f’BONUS, b’mod partikolari dawk il-pajjiżi konfinanti mal-Baħar Baltiku jew li jipprovdu l-baċin idrografiku tiegħu, għandha tkun possibbli jekk din il-parteċipazzjoni tkun provduta mill-ftehim internazzjonali rilevanti u jekk kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Parteċipanti jaqblu magħha. Konformement mas-Seba’ Programm Kwadru, il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tagħti l-approvazzjoni tagħha dwar il-kondizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjoni finanzjarji tagħha lil BONUS fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi oħra konformement mar-regoli u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(30)

Għandhom jittieħdu l-miżuri adatti għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa għall-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati b’mod mhux korrett konformement mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (10) u (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (11) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (12).

(31)

L-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa taħt BONUS għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-etika konformement mal-prinċipji ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru, u jsegwu l-prinċipji tal-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ġeneru u tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u tal-iżvilupp sostenibbli.

(32)

Fid-dawl ta’ evalwazzjoni proviżorja imwettqa mill-Kummissjoni, megħjuna minn esperti indipendenti b’għarfien tajjeb tal-kondizzjonijiet lokali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni ta’ BONUS u tavvanza lejn l-objettivi ffissati, u għandha twettaq evalwazzjoni finali.

(33)

Il-parteċipanti f’BONUS għandhom jikkomunikaw u jxandru r-riżultati tagħhom kemm jistgħu, b’mod partikolari lil proġetti reġjonali oħra simili ta’ riċerka dwar il-baħar, u jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(34)

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġetti li diġà twettqu taħt BONUS ERA-NET u l-BONU ERA-NET PLUS kixfu l-kondizzjoni diżastruża tal-Baħar Baltiku. L-istat ambjentali tal-Baħar Baltiku għandu għalhekk ikompli jkun is-suġġett ta’ aktar attivitajiet ta’ riċerka,

ADDOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Programm Konġunt ta’ Riċerka u Żvilupp dwar il-Baħar Baltiku BONUS (“BONUS”) li huma impenjati fih b’mod konġunt id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Isvezja (“l-Istati Parteċipanti”), għandha tiġi pprovduta taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

2.   L-Unjoni għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja li ma teċċedix l-EUR 50 miljun għat-tul kollu ta’ BONUS konformement mar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 matul il-fażi strateġika u konformement mal-Artikolu 54(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju matul il-fażi tal-implimentazzjoni. Fi ħdan dak il-limitu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ugwali għall-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas b’mod konġunt mill-approprjazzjonijiet tal-baġit allokati lit-temi kollha rilevanti tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni.

Artikolu 2

Implimentazzjoni ta’ BONUS

1.   BONUS għandu jiġi implimentat min-Netwerk ta’ Organizzazzjonijiet Baltiċi għall-Finanzjament tax-Xjenza (“BONUS EEIG”).

2.   BONUS għandu jiġi implimentat f’żewġ fażijiet, jiġifieri, fażi strateġika segwita minn fażi ta’ implimentazzjoni konformement mal-Anness I.

3.   Il-fażi strateġika ta’ BONUS għandha ddum sa 18-il xahar. Din għandha tipprepara l-fażi tal-implimentazzjoni. Matul il-fażi strateġika, BONUS EEIG għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

it-tħejjija tal-Aġenda tar-Riċerka Strateġika li tiddefinixxi l-parti dwar il-kontenut xjentifiku ta’ BONUS li tiffoka fuq is-sejħiet għal proposti, konformement mal-għanijiet stabbiliti fis-Seba’ Programm Kwadru;

(b)

l-istabbiliment tal-Pjattaformi ta’ Konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati bl-għan li jissaħħaħ u jiġi istituzzjonalizzat l-involviment tal-partijiet interessati mis-setturi kollha rilevanti;

(c)

it-tħejjija tal-modalitajiet tal-implimentazzjoni li jinkludu r-regoli u l-proċeduri legali u finanzjarji, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ BONUS, ir-riżorsi umani u l-aspetti tal-komunikazzjoni.

4.   Il-fażi tal-implimentazzjoni għandha ddum għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin. Matul il-fażi tal-implimentazzjoni s-sejħiet għal proposti għandhom jiġu ppubblikati bl-għan li jiġu ffinanzjati proġetti li jindirizzaw l-objettivi ta’ BONUS. Dawk is-sejħiet għal proposti għandhom ikunu mmirati għal proġetti transnazzjonali u b’diversi msieħba, jinkoraġġixxu parteċipazzjoni adegwata ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u jinkludu attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, taħriġ u disseminazzjoni. Il-proġetti għandhom jingħażlu konformement mal-prinċipji ta’ trattament ugwali, trasparenza, evalwazzjoni indipendenti, kofinanzjament, ebda skop ta’ profitt, non-retroattività u finanzjament mhux akkumulat ma’ sorsi oħra tal-Unjoni. L-għoti u l-ħlas ta’ finanzjament lil parteċipanti f’BONUS għandu jirrispetta r-regoli komuni konformement mas-Seba’ Programm Kwadru.

Artikolu 3

Kondizzjonijiet għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-fażi strateġika m’għandhiex teċċedi l-EUR 1,25 miljun u tkun ugwali, fi ħdan dak il-limitu, għall-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti. L-impenn tal-Unjoni biex tikkontribwixxi għall-fażi strateġika għandu jkun bil-kondizzjoni ta’ impenn ekwivalenti mill-Istati Parteċipanti.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-fażi tal-implimentazzjoni m’għandhiex teċċedi l-EUR 48,75 miljun u tkun ugwali, fi ħdan dak il-limitu, għall-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti. Dak il-limitu jista’ jiżdied bi kwalunkwe ammont li jibqa’ wara l-implimentazzjoni tal-fażi strateġika. Matul il-fażi tal-implimentazzjoni, sa 25 % tal-kontribuzzjoni mill-Istati Parteċipanti tista’ tikkonsisti mill-provvista ta’ kontribuzzjoni infrastrutturali in natura.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-fażi tal-implimentazzjoni għandha tkun kondizzjonali għal:

(a)

l-istabbiliment mill-Istati Parteċipanti tal-Aġenda tar-Riċerka Strateġika, il-Pjattaformi ta’ Konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati u l-modalitajiet tal-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3) kif ukoll il-progress li twettaq fil-kisba tal-objettivi u r-riżultati msemmija fl-Anness I, it-taqsima 2. Il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, tagħti rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-Aġenda tar-Riċerka Strateġika;

(b)

il-prova minn BONUS EEIG tal-kapaċità tiegħu li jimplimenta BONUS inkluż li jirċievi, jalloka u jissorvelja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni taħt ġestjoni ċentralizzata indiretta konformement mal-Artikoli 54(2)(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 35, 38(2) u 41 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 u konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda;

(c)

iż-żamma u l-applikazzjoni ta’ mudell ta’ governanza adatt u effiċjenti għall-BONUS konformement mal-Anness II;

(d)

it-twettiq effiċjenti tal-attivitajiet relatati mal-fażi tal-implimentazzjoni ta’ BONUS stabbiliti fl-Anness I mill-BONUS EEIG, li jimplika sejħiet għal proposti għall-għoti ta’ fondi;

(e)

impenn minn kull Stat parteċipant biex jikkontribwixxi s-sehem tiegħu għall-finanzjament ta’ BONUS u l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu, b’mod partikolari l-finanzjament tal-parteċipanti fil-proġetti ta’ BONUS magħżula b’segwitu għas-sejħiet għal proposti;

(f)

konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Qafas Komunitarju għall-Għajnuna mill-Istat għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (13);

(g)

l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ eċċellenza xjentifika, l-osservanza tal-prinċipji tal-etika konformement mal-prinċipji ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru, u r-rispett tal-prinċipji tal-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ġeneru u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u tal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu 4

Parteċipazzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

1.   Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu jkun eliġibbli għall-finanzjament minn BONUS taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk għall-entitajiet eliġibbli tal-Istati Parteċipanti.

2.   Ir-riżorsi proprji taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li mhumiex koperti mill-fondi ta’ BONUS, m’għandhomx jitqiesu bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1.

Artikolu 5

Ftehimiet bejn l-Unjoni u BONUS EEIG

1.   L-arranġamenti dettaljati għall-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni matul il-fażi strateġika għandhom ikunu stabbiliti fi ftehim dwar il-fondi li jrid jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u BONUS EEIG konformement mar-regoli stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006.

2.   L-arranġamenti dettaljati għall-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni matul il-fażi tal-implimentazzjoni għandhom ikunu stabbiliti fi ftehim ta’ implimentazzjoni u ftehimiet finanzjarji annwali li jridu jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u BONUS EEIG.

Il-ftehim ta’ implimentazzjoni għandu b’mod partikolari jinkludi dan li ġej:

(a)

definizzjoni tal-kompiti delegati;

(b)

dispożizzjoni għall-protezzjoni tal-fondi tal-Unjoni;

(c)

il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti dettaljati għat-twettiq tal-kompiti, inklużi r-regoli tal-finanzjament u l-limiti massimi tal-finanzjament applikabbli għall-proġetti ta’ BONUS, dispożizzjonijiet adatti għad-demarkazzjoni tar-responsabbiltajiet u l-implimentazzjoni tal-kontrolli;

(d)

regoli dwar ir-rappurtar lill-Kummissjoni dwar kif jitwettqu l-kompiti;

(e)

il-kondizzjonijiet li bihom jieqaf it-twettiq tal-kompiti;

(f)

arranġamenti dettaljati għall-iskrutinju mill-Kummissjoni;

(g)

kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ kont bankarju separat u t-trattament tal-imgħax li jirriżulta;

(h)

dispożizzjonijiet li jiżguraw il-viżibilità tal-azzjoni tal-Unjoni rigward l-attivitajiet l-oħra ta’ BONUS EEIG;

(i)

impenn li ma jsir l-ebda att li jista’ jwassal għal konflitt ta’ interessi fit-tifsira tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(j)

dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ BONUS kif imsemmi fl-Artikolu 2;

(k)

il-kriterji li jridu jintużaw fl-evalwazzjonijiet proviżorji u finali, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 13.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni ex-ante ta’ BONUS EEIG sabiex tikseb evidenza tal-eżistenza u l-operat korrett tal-proċeduri u s-sistemi msemmija fl-Artikolu 56 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 6

Imgħax iġġenerat mill-kontibuzzjonijiet

L-imgħax dovut fuq il-kontribuzzjonijiet finanzjarji allokati lil BONUS għandu jitqies bħala dħul ta’ BONUS EEIG u għandu jkun assenjat lil BONUS.

Artikolu 7

Tnaqqis, żamma jew tmiem tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

Meta BONUS ma jiġix implimentat jew jiġi implimentat ħażin, parzjalment jew tard, l-Unjoni tista’ tnaqqas, iżżomm jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha b’kont meħud tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ BONUS.

Meta l-Istati Parteċipanti ma jikkontribwixxux jew jikkontribwixxu biss parzjalment jew tard għall-finanzjament ta’ BONUS, l-Unjoni tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha b’kont meħud tal-ammont ta’ finanzjament pubbliku allokat mill-Istati Parteċipanti taħt it-termini tal-ftehim dwar il-fondi msemmi fl-Artikolu 5(1).

Artikolu 8

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni mill-Istati Parteċipanti

Fl-implimentazzjoni ta’ BONUS, l-Istati Parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi, regolatorji, amministrattivi jew oħrajn neċessarji għall-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Istati Parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw l-irkupru sħiħ ta’ kwalunkwe ammont dovut lill-Unjoni konformement mar-Regolament Finanzjarju u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

Artikolu 9

Kontroll mill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri

Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea għandha tkun intitolata twettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet kollha neċessarji biex jiżguraw il-ġestjoni korretta tal-fondi tal-Unjoni u biex jipproteġu l-interess finanzjarju tal-Unjoni kontra kwalunkwe frodi jew irregolarità. Għal dan l-għan, l-Istati Parteċipanti u BONUS EEIG għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri d-dokumenti kollha rilevanti.

Artikolu 10

Informazzjoni reċiproka

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri. L-Istati Parteċipanti għandhom jiġu mistiedna jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ BONUS EEIG, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni finanzjarja ta’ BONUS EEIG li tkun konsistenti mar-rekwiżiti ġenerali ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 13.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta’ Stati Membri oħrau pajjiżi assoċjati

Kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru jista’ jingħaqad mal-BONUS konformement mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-punti (e) u (f) tal-Artikolu 3(3). L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati li ngħaqdu mal-BONUS għandhom jitqiesu bħala Stati Parteċipanti għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi oħra

L-Istati Parteċipanti u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu dwar il-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor soġġett għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-punti (e) u (f) tal-Artikolu 3(3), bil-kondizzjoni li din il-parteċipazzjoni tkun ipprovduta mill-ftehim internazzjonali rilevanti.

L-Istati Parteċipanti u l-Kummissjoni għandhom jiddefinixxu l-kondizzjonijiet li bihom l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew residenti f’dak il-pajjiż għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament ta’ BONUS.

Artikolu 13

Rappurtar annwali u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tinkludi rapport dwar l-attivitajiet ta’ BONUS fir-rapport annwali tas-Seba’ Programm Kwadru ppreżentat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikolu 190 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni proviżorja ta’ BONUS, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014. Dik l-evalwazzjoni għandha tkopri l-progress lejn l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u l-Anness I, kif ukoll rakkomandazzjonijiet ta’ BONUS dwar il-modi l-aktar adatti għat-titjib ulterjuri tal-integrazzjoni u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni, inkluża l-integrazzjoni xjentifika, tal-ġestjoni u finanzjarja u jekk il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Parteċipanti huwiex adatt, meta wieħed jikkunsidra d-domanda potenzjali mill-komunitajiet tar-riċerka nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim tagħha, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Fi tmiem il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’BONUS iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali ta’ BONUS. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Opinjoni tad-29 ta’ April 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2010.

(3)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86.

(5)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(6)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(7)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(10)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(11)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(12)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(13)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS I

OBJETTIVI U IMPLIMENTAZZJONI TA' BONUS

1.   Objettivi ta' BONUS

BONUS għandu jtejjeb il-kapaċità tar-riċerka tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku sabiex tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' regolamenti, linji ta' politika u prattiki ta' ġestjoni “adatti għall-iskop tagħhom”, twieġeb b’mod effettiv għall-isfidi ambjentali u soċjetali kbar li r-reġjun qed jiffaċċja u ser jiffaċċja fis-snin li ġejjin u ttejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-programmi u l-approċċ tar-riċerka ambjentali frammentati tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku permezz tal-integrazzjoni tal-attivitajiet tar-riċerka fis-Sistema tal-Baħar Baltiku fi programm multinazzjonali, kooperattiv, interdixxiplinari, integrat tajjeb u ffukat li jservi għal żmien twil.

BONUS għandu jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiliment u l-istrutturar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

Sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet huwa neċessarju li jitjiebu l-effiċjenza u l-effettività tal-ipprogrammar frammentat tar-riċerka ambjentali tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku billi l-attivitajiet tar-riċerka jiġu integrati fi programm multinazzjonali, kooperattiv, interdixxiplinari, integrat tajjeb u ffukat li jservi għal żmien twil b’sostenn għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun. Għal dan l-għan BONUS għandu:

(a)

jistabbilixxi Aġenda tar-Riċerka Strateġika bbażata fuq il-politika;

(b)

iżid il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni transkonfinali u transettorjali sostenibbli tal-programmi tar-riċerka pubbliċi;

(c)

iżid il-kapaċità tar-riċerka tal-Istati Baltiċi l-ġodda tal-Unjoni;

(d)

jistabbilixxi Pjattaformi ta' Konsultazzjoni adatti mal-Partijiet Interessati inkluża r-rappreżentanza mis-setturi kollha rilevanti;

(e)

jimmobilizza riżorsi finanzjarji addizzjonali minn kollaborazzjoni transettorjali mtejba fir-riċerka dwar is-Sistema tal-Baħar Baltiku;

(f)

jistabbilixxi modalitajiet tal-implimentazzjoni adatti li jippermettu implimentazzjoni effettiva ta' BONUS permezz ta' struttura ta' entitajiet u governanza legali b’ġestjoni konġunta;

(g)

iniedi sejħiet għal proposti konġunti transtematiċi, iffukati strateġikament u b’diversi msieħba.

2.   Fażi strateġika

2.1.   Objettiv

Il-fażi strateġika għandha tħejji l-fażi tal-implimentazzjoni. Hija għandha tittratta l-iżvilupp strateġiku ta' BONUS biex tiżgura li tinkiseb integrazzjoni ottimali tar-riċerka dwar is-Sistema tal-Baħar Baltiku. Hija għandha tfittex li ssaħħaħ l-involviment tal-partijiet interessati u l-gruppi tal-utenti biex tiżgura li r-riċerka tkun rilevanti għall-politika u l-ġestjoni, u li l-prijoritizzazzjoni tat-temi tar-riċerka tkun ibbażata fuq il-bżonnijiet politiċi u li jitfittex attivament l-involviment sħiħ tax-xjentisti u l-istituzzjonijiet ta' riċerka rispettivi tagħhom, kif ukoll tal-komunitajiet tal-partijiet interessati b’mod ġenerali.

2.2.   Riżultati

BONUS EEIG għandu jibgħat lill-Kummissjoni r-riżultati stipulati fil-paragrafi li ġejjin mhux aktar tard minn 15-il xahar wara l-bidu tal-fażi strateġika.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi pariri u assistenza fuq it-talba ta' BONUS EEIG matul il-preparazzjoni ta' dawk ir-riżultati. BONUS EEIG għandu jirrapporta dwar il-progress fuq it-talba tal-Kummissjoni.

2.2.1.   L-Aġenda tar-Riċerka Strateġika

L-Aġenda tar-Riċerka Strateġika għandha tiġi żviluppata u miftiehma f’konsultazzjoni fost l-Istati Parteċipanti, firxa wiesgħa ta' partijiet interessati u l-Kummissjoni. Hija għandha tkun il-bażi għal programm ibbażat fuq il-politika. Hija għandha twessa’ l-iffukar tar-riċerka biex tinkorpora, flimkien mal-ekosistema tal-baħar, approċċ mifrux mal-baċin u li jindirizza l-kwistjonijiet l-aktar importanti li jaffettwaw il-kwalità u l-produttività tal-ekosistemi tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

Hija għandha tinkludi deskrizzjoni tal-bażi ta' riferiment u l-istadju l-aktar avvanzat tar-riċerka dwar is-Sistema tal-Baħar Baltiku, tipprovdi viżjoni strateġika ċara u pjan direzzjonali ta' kif jinkisbu l-objettivi dikjarati u tistabbilixxi s-suġġetti tas-sejħiet ibbażati fuq il-politika, il-baġits tagħhom, id-dati tal-pubblikazzjoni u t-tul ta' żmien previst tal-proġetti. Barra minn hekk, għandha tinkludi miżuri li jittrattaw il-bżonnijiet ta' riċerka emerġenti, tavvanza l-integrazzjoni pan-Baltika tar-riċerka, u tinkludi pjan direzzjonali konġunt għall-użu flimkien u l-ippjanar potenzjali ta' investimenti futuri fil-kapaċitajiet tal-infrastruttura reġjonali.

2.2.2.   Il-Pjattaformi ta' Konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati

Fuq il-bażi ta' analiżi komprensiva tal-partijiet interessati rilevanti ta' BONUS fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u Ewropew, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi u Pjattaformi ta' Konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati bl-għan li jsaħħu u jistituzzjonalizzaw l-involviment tal-partijiet interessati mis-setturi rilevanti kollha għall-identifikazzjoni ta' lakuni kritiċi, il-prijoritizzazzjoni tat-temi tar-riċerka u t-titjib tal-integrazzjoni tar-riżultati tar-riċerka. Dan għandu jinkludi l-parteċipazzjoni ta' xjentisti, inklużi dawk minn xjenzi naturali rilevanti oħra mhux tal-baħar u mid-dixxiplini tax-xjenzi soċjali u ekonomiċi, li tiżgura l-multidixxiplinarità meħtieġa fl-iżvilupp tal-Aġenda tar-Riċerka Strateġika, il-viżjoni strateġika tagħha u l-prijoritajiet tar-riċerka.

Għandu jiġi stabbilit Forum ta' Riċerka Settorjali (korp ta' rappreżentanti minn ministeri u atturi oħra li jittrattaw ir-riċerka u l-governanza tas-Sistema tal-Baħar Baltiku) bħala korp permanenti għas-sostenn ta' BONUS u jkun responsabbli għad-diskussjoni dwar l-ippjanar, ir-riżultati u l-bżonnijiet emerġenti ta' riċerka tiegħu mill-perspettiva tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Forum għandu jiffaċilita u javvanza l-integrazzjoni pan-Baltika tar-riċerka, inkluż l-użu konġunt u l-ippjanar tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, jassisti fl-enfasizzar tal-bżonnijiet ta' riċerka, javvanza l-użu tar-riżultati tar-riċerka, u jiffaċilita l-integrazzjoni tal-fondi tar-riċerka.

2.2.3.   Il-Modalitajiet tal-Implimentazzjoni

Il-Modalitajiet tal-Implimentazzjoni għandhom jinkludu l-aspetti kollha li jiżguraw l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Aġenda tar-Riċerka Strateġika. Huma għandhom, fejn xieraq, isegwu r-regoli tas-Seba’ Programm Kwadru. Huma għandhom jikkonsistu, fost affarijiet oħra, mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-adozzjoni ta' miżuri (abbozzar ta' dokumenti, stabbiliment ta' proċeduri, reklutaġġ u taħriġ ta' persunal) meħtieġa bir-Regolament Finanzjarju għall-ġestjoni ċentralizzata indiretta;

(b)

il-kisba ta' impenji formali mill-Istati Parteċipanti li jammontaw għal mill-inqas EUR 48,75 miljun, liema fosthom massimu ta' 25 % jista’ jkun fil-forma ta' kontribuzzjoni infrastrutturali in natura;

(c)

il-provvediment ta' stima realistika u bbażata fuq evidenza tal-valur tal-kontribuzzjoni infrastrutturali in natura tal-Istati Parteċipanti;

(d)

il-kumpilazzjoni ta' lista kompluta tal-infrastrutturi kollha, inklużi l-kuntatti għas-sidien tagħhom, l-operaturi jew awtoritajiet oħra responsabbli, u l-ippubblikar u l-aġġornament tagħha kull meta jkun meħtieġ;

(e)

l-iżgurar li jsir qbil dwar modalitajiet tal-implimentazzjoni komuni u li dawn ikunu stabbiliti għall-ftehimiet dwar il-fondi mal-benefiċjarji ta' BONUS, li jridu jiġu konklużi ċentralment mill-BONUS EEIG, inklużi regoli komuni u miftiehma għall-parteċipazzjoni, mudell ta' ftehim dwar il-fondi, linji gwida għall-applikanti, il-parteċipanti u l-evalwaturi indipendenti, u modalitajiet għall-verifika tal-benefiċjarji, inkluża l-possibbiltà li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri jwettqu t-tali verifiki;

(f)

l-iżvilupp ta' struttura ta' governanza adatta għall-ġestjoni ta' BONUS fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett;

(g)

l-iżgurar li jiġi pprovdut finanzjament adegwat biex isaħħaħ BONUS EEIG f’termini ta' riżorsi umani u esperjenza professjonali multidixxiplinari li jippermettulu jsostni l-aspetti strateġiċi kif ukoll l-implimentazzjoni effiċjenti ta' BONUS;

(h)

l-iżvilupp ta' struttura ta' finanzjament għall-proġetti ta' BONUS;

(i)

l-iżvilupp ta' strateġija ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni li kemm jista’ jkun tiżgura li r-riżultati u d-data jsegwu l-istandards tan-Netwerk Ewropew ta' Osservazzjoni u Ġbir ta' Data dwar l-Ibħra.

Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet infrastrutturali in natura, għandhom jiġu żviluppati approċċ u regoli speċifiċi matul il-fażi strateġika fejn l-Istati Parteċipanti jintrabtu li jipprovdu lill-benefiċjarji ta' BONUS l-aċċess għal u l-użu ta' infrastruttura (b’mod partikolari bastimenti tar-riċerka) mingħajr ħlas. L-ispejjeż għall-użu ta' tali infrastruttura m’għandhomx ikunu spejjeż eliġibbli tal-proġett. F’dan ir-rigward, BONUS EEIG għandu jikkonkludi ftehimiet rilevanti mal-Istati Parteċipanti jew mas-sidien tal-infrastruttura, li għandhom:

(a)

jiddefinixxu l-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet infrastrutturali in natura;

(b)

jiżguraw li BONUS EEIG, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri jistgħu jivverifikaw l-aċċess għal u l-użu tal-infrastruttura u l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan;

(c)

jistipulaw li l-partijiet kontraenti għandhom jirrapportaw annwalment dwar l-ispejjeż imġarrba fil-provvediment tal-aċċess għal jew l-użu tal-infrastruttura lill-benefiċjarji ta' BONUS.

2.2.4.   Finanzjament mill-Unjoni tal-Fażi Strateġika

L-ispejjeż eliġibbli għandhom jitħallsu lura sa 50 % u għandhom ikunu dawk l-ispejjeż li fil-fatt jiġġarrab mill-BONUS EEIG u rreġistrati fil-kontijiet tiegħu bħala meħtieġa għat-twettiq tal-objettiv identifikat fil-punt 1. L-ispejjeż jistgħu jkunu eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2010 u għandhom jiġu definiti aħjar fil-ftehim dwar il-fondi għall-fażi strateġika.

3.   Fażi tal-implimentazzjoni

Sakemm il-kondizzjonijiet kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(3) jkunu fis-seħħ u l-verifika ex-ante ta' BONUS EEIG tkun pożittiva, il-Kummissjoni u BONUS EEIG għandhom jikkonkludu l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni.

3.1.   Objettivi

Matul il-fażi tal-implimentazzjoni għandhom jiġu ppubblikati u mwettqa sejħiet konġunti għal proposti bl-għan li jiġu ffinanzjati proġetti b’miri strateġiċi ta' BONUS li jittrattaw l-objettivi ta' BONUS. Is-suġġetti għandhom jittieħdu mill-Aġenda tar-Riċerka Strateġika ta' BONUS, jirrispettaw kemm jista’ jkun il-pjan direzzjonali stabbilit u jkopru attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u taħriġ u/jew disseminazzjoni.

3.2.   Implimentazzjoni ta' Proġetti ta' BONUS

Il-proġetti ta' BONUS għandhom jiġu implimentati permezz ta' proġetti transnazzjonali b’diversi msieħba li jinvolvu mill-inqas tliet entitajiet ġuridiċi eliġibbli indipendenti minn tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati differenti, li mill-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu minn Stati Parteċipanti ta' BONUS.

Entitajiet ġuridiċi minn Stati Membri u pajjiżi assoċjati jistgħu jirċievu fondi ta' BONUS. Kwalunkwe konsorzju li jippreżenta proposta għal proġett ta' BONUS jista’ jinkludi parteċipanti minn pajjiż terz bil-kondizzjoni li jista’ jiżgura realistikament li għandu r-riżorsi meħtieġa biex ikopri l-ispejjeż kollha tal-parteċipazzjoni tiegħu.

Kull sejħa għal proposti għandha tindika b’mod ċar is-suġġetti xjentifiċi. Dawk is-suġġetti għandhom jiġu identifikati mill-BONUS EEIG f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Meta jidentifikaw is-suġġetti, dawn għandhom jieħdu kont tal-bżonnijiet emerġenti, ir-riżultati u l-effetti tal-proġetti implimentati qabel u l-konsultazzjonijiet ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati li seħħew waqt il-fażi strateġika u matul BONUS.

BONUS EEIG għandu jippubblika s-sejħiet għal proposti fuq medda wiesgħa kemm jista’ jkun, bl-użu speċifiku ta' appoġġ informatiku, b’mod partikolari siti tal-Internet dwar is-Seba’ Programm Kwadru u jindirizza l-partijiet interessati rilevanti kollha permezz tal-istampa speċjalizzata u fuljetti. Is-sejħiet għal proposti għandhom jibqgħu miftuħa għal mill-inqas tliet xhur. Il-proġetti proposti għandhom jiġu ppreżentati ċentralment mill-applikanti lil BONUS EEIG bi tweġiba għas-sejħiet u bi proċedura ta' evalwazzjoni fi stadju wieħed.

Il-proġetti proposti għandhom jiġu evalwati u magħżula ċentralment fuq il-bażi ta' analiżi indipendenti fid-dawl ta' kriterji definiti ta' eliġibilità, ta' għażla u ta' attribuzzjoni. Il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-qofol għandhom ikunu l-eċċellenza xjentifika, il-kwalità tal-implimentazzjoni u l-impatt mistenni tal-proġetti. Is-sejħiet għal proposti għandhom jinkorporaw il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-qofol. Jistgħu jiġu introdotti kriterji addizzjonali bil-kondizzjoni li jiġu ppubblikati fis-sejħa għal proposti, mhumiex diskriminatorji u ma jirbħux fuq il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-qofol.

BONUS EEIG għandu jiżgura li kull proposta li jirċievi tiġi evalwata bl-assistenza ta' mill-inqas tliet esperti indipendenti maħtura minnu fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006. Kull proposta ta' proġett għandha tiġi klassifikata. L-esperti indipendenti għandhom iqabblu l-proġetti mal-kriterji ta' evalwazzjoni u jagħtuhom punteġġ fuq skala minn 0 sa 5 għal kull kriterju konformement mar-regoli għall-preżentazzjoni tal-proposti, u l-proċeduri relatati ta' evalwazzjoni, għażla u attribuzzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru.

BONUS EEIG għandu jistabbilixxi lista ta' finanzjamenti li ssegwi bir-reqqa r-riżultati tal-evalwazzjoni indipendenti. Il-klassifika stabbilita mill-esperti indipendenti għandha titqies vinkolanti għall-allokazzjoni tal-fondi ta' BONUS.

Il-ġestjoni amministrativa tal-fondi mogħtija lill-proġetti magħżula ta' BONUS għandha tkun taħt ir-responsabbiltà ċentrali ta' BONUS EEIG.

3.3.   Aktar Attivitajiet

Minbarra l-ġestjoni ta' BONUS imfissra fil-punti 3.1 u 3.2., BONUS EEIG għandu jiżvolġi wkoll l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

l-aġġornament regolari tal-Aġenda tar-Riċerka Strateġika u l-prijoritizzazzjoni tat-temi tar-riċerka b’kont meħud tal-bżonnijiet emerġenti u r-riżultati u l-effetti tal-proġetti implimentati qabel u fuq il-bażi ta' proċeduri ta' konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati msemmija fil-punt 2.2.2;

(b)

il-faċilitazzjoni tal-aċċess għal gruppi ta' riċerka transnazzjonali u multidixxiplinari minn proġetti ffinanzjati mill-BONUS għal infrastrutturi u faċilitajiet uniċi tar-riċerka;

(c)

il-promozzjoni tal-konnessjoni effettiva bejn ix-xjenza u l-politika biex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżultati tar-riċerka;

(d)

il-kisba tal-finanzjamenti mill-Istati Parteċipanti li jiżguraw is-sostenibilità ta' BONUS mingħajr il-fondi tal-Unjoni fil-perijodu ta' wara BONUS;

(e)

iż-żieda fil-kollaborazzjoni bejn il-programmi ta' riċerka ambjentali reġjonali u l-komunitajiet tax-xjenza rilevanti fil-baċini tal-baħar l-oħra Ewropej;

(f)

attivitajiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni;

(g)

BONUS EEIG għandu jimpenja ruħu b’mod proattiv biex jaqsam l-aħjar prattika mal-baċini tal-baħar reġjonali l-oħra Ewropej, kif ukoll jartikola tajjeb fil-livell pan-Ewropew sabiex tinkiseb armonizzazzjoni u simplifikazzjoni.

3.4.   Kontribuzzjonijiet matul il-Fażi tal-Implimentazzjoni

Il-fażi tal-implimentazzjoni ta' BONUS għandha tkun kofinanzjata mill-Istati Parteċipanti u l-Unjoni fuq perijodu minimu ta' ħames snin sakemm iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-BONUS ikun intemm, bil-kondizzjoni li l-impenji mill-Unjoni jkunu ġew osservati sal-2013 u l-obbligi kollha ta' rappurtar lill-Kummissjoni jiġu sodisfatti. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni matul il-fażi tal-implimentazzjoni għandha tkun ugwali għall-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti u infrastrutturali in natura mill-Istati Parteċipanti lill-proġetti ta' BONUS li jsiru permezz ta' BONUS EEIG kif ukoll l-ispejjeż tal-operat imġarrba mill-BONUS EEIG fil-fażi tal-implimentazzjoni. Dawn l-ispejjeż tal-operat ma jistgħux jaqbżu l-EUR 5 miljuni.

BONUS EEIG għandu jkun ir-riċevitur u l-amministratur tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Stat Parteċipant jista’ jiddeċiedi li jamministra l-finanzjament nazzjonali tiegħu u jirriżerva l-kontribuzzjoni tiegħu fi flus kontanti esklużivament għar-riċerka domestika li tingħażel fil-livell ċentrali jew li l-kontribuzzjoni tiegħu fi flus kontanti tiġi amministrata ċentralment mill-BONUS EEIG.

Soġġett għall-kondizzjonijiet miftiehma fil-ftehimiet finanzjarji annwali msemmija fl-Artikolu 5(2), il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas fuq il-bażi ta' evidenza ta' ħlas tal-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-Istati Parteċipanti lill-benefiċjarji ta' BONUS jew lil BONUS EEIG u l-għoti ta' kontribuzzjonijiet infrastrutturali in natura għal proġetti ta' BONUS.

L-użu korrett tal-fondi ta' BONUS mill-benefiċjarji għandu jkun ir-responsabbiltà ta' BONUS EEIG, u għandu jiġi stabbilit mill-verifika finanzjarja indipendenti tal-proġetti li għandha titwettaq minn BONUS EEIG, jew f’ismu.

3.5.   Finanzjament ta' Proġetti ta' BONUS

Soġġett għall-punt (f) tal-Artikolu 3(3), il-finanzjament ta' proġetti ta' BONUS għandu jkopri sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli li jiġu kalkulati konformement mar-regoli komuni tal-finanzjament u r-rati komuni tal-finanzjament, kif stabbilit mill-BONUS EEIG fil-Modalitajiet tal-Implimentazzjoni u bil-qbil tal-Kummissjoni fil-Ftehim tal-Implimentazzjoni.


ANNESS II

GOVERNANZA TA’ BONUS

BONUS għandu jitmexxa minn BONUS EEIG permezz tas-Segretarjat tiegħu. BONUS EEIG stabbilixxa l-istrutturi li ġejjin għall-finijiet ta’ BONUS:

(a)

il-Kumitat ta’ Tmexxija,

(b)

is-Segretarjat,

(c)

il-Bord Konsultattiv,

(d)

il-Forum tar-Riċerka Settorjali, u

(e)

il-Forum tal-Koordinaturi tal-Proġetti.

(a)

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun l-ogħla awtorità ta’ BONUS EEIG, u jkun il-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-bord li jikkontrolla s-segretarjat tiegħu. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn uffiċjali għolja tal-istituzzjonijiet ta’ finanzjament u ġestjoni tar-riċerka maħtura mill-membri ta’ BONUS EEIG. Huwa għandu jkollu President, liema pożizzjoni għandha tinbidel kull sena b’rotazzjoni fost il-membri ta’ BONUS EEIG. Il-Presidenti preċedenti, attwali u futuri għandhom jiffurmaw il-Kumitat Eżekuttiv li jappoġġa lis-Segretarjat fi kwistjonijiet ta’ importanza strateġika. B’kont meħud tal-proposti mis-Segretarjat, il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar l-orjentazzjoni strateġika ta’ BONUS, inklużi d-deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni u l-aġġornament ta’ BONUS, dwar l-ippjanar tas-sejħiet għal proposti, dwar il-profil tal-baġit, dwar il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-għażla, dwar il-grupp tal-evalwaturi, dwar l-approvazzjoni tal-klassifika tal-proġetti ta’ BONUS li għandhom jiġu ffinanzjati, dwar il-monitoraġġ tal-progress tal-proġetti ta’ BONUS iffinanzjati u dwar is-superviżjoni tal-ħidma adegwata u ordinata tas-Segretarjat rigward BONUS.

(b)

Is-Segretarjat għandu jkollu bħala kap id-Direttur Eżekuttiv, li għandu jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija u għandu jaġixxi bħala r-rappreżentant prinċipali ta’ BONUS kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għad-diversi aġenziji ta’ finanzjament nazzjonali. Is-Segretarjat għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali u l-monitoraġġ tal-attivitajiet ta’ BONUS, il-pubblikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-eżitu tas-sejħiet u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati, kemm mill-perspettiva kuntrattwali kif ukoll dik xjentifika u għar-rappurtar dwar il-progress lill-Kumitat ta’ Tmexxija. Huwa għandu jkun responsabbli wkoll għall-ippjanar u l-organizzazzjoni tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-Bord Konsultattiv u l-integrazzjoni u s-simplifikazzjoni sussegwenti tagħhom fl-Aġenda tar-Riċerka Strateġika u l-promozzjoni ta’ konnessjonijiet effettivi bejn ix-xjenza u l-politika.

(c)

Il-Bord Konsultattiv għandu jassisti lill-Kumitat ta’ Tmexxija u lis-Segretarjat. Huwa għandu jkun magħmul minn xjentisti ta’ kalibru għoli internazzjonali, rappreżentanti tal-partijiet interessati rilevanti, inkluż pereżempju fil-qasam tat-turiżmu, l-enerġija rinnovabbli, is-sajd u l-akkwakultura, it-trasport marittimu, il-bijoteknoloġija u t-teknoloġija u li jinkludu organizzazzjonijiet kemm tal-industirja kif ukoll tas-soċjetà ċivili b’interess f’dawk is-setturi, programmi oħra ta’ riċerka Baltiċi integrati u ibħra reġjonali oħra Ewropej. Huwa għandu jipprovdi pariri, gwida u rakkomandazzjonijiet indipendenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet xjentifiċi u relatati mal-politika ta’ BONUS, inklużi pariri dwar l-objettivi, il-prijoritajiet u d-direzzjoni ta’ BONUS, metodi ta’ kif jissaħħaħ ir-rendiment ta’ BONUS u l-kisba u l-kwalità tar-riżultati tar-riċerka tiegħu, il-bini tal-kapaċitajiet, in-netwerking, u r-rilevanza tal-ħidma għall-kisba tal-objettivi ta’ BONUS. Huwa għandu jassisti wkoll fl-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati ta’ BONUS.

(d)

Il-Forum tas-Riċerka Settorjali għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mill-ministeri u atturi oħra li jittrattaw ir-riċerka u l-governanza tas-Sistema tal-Baħar Baltiku. Huwa għandu jiltaqa’ darba fis-sena għal konsultazzjoni li tiddiskuti r-riżultati ta’ BONUS u l-bżonnijiet ta’ riċerka emerġenti mill-perspettiva tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa għandu jservi bħala l-forum għall-avvanz tal-integrazzjoni tar-riċerka pan-Baltika li tinkludi r-riċerka rilevanti ffinanzjata settorjalment u l-użu u l-ippjanar ta’ infrastrutturi konġunti.

(e)

Il-Forum tal-Koordinaturi tal-Proġetti għandu jkun magħmul mill-koordinaturi tal-proġetti ffinanzjati permezz ta’ BONUS. Huwa għandu jassisti lis-Segretarjat fi kwistjonijiet li jittrattaw il-koordinazzjoni xjentifika ta’ BONUS u l-integrazzjoni u s-sintesi tar-riżultati tar-riċerka.


Top