EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0471

Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

OJ L 152, 16.6.2009, p. 23–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 02 Volume 018 P. 53 - 59

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Imħassar b' 32019R2152

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/471/oj

16.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/23


REGOLAMENT (KE) Nru 471/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Mejju 2009

dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-informazzjoni dwar l-istatistika tal-flussi kummerċjali tal-Istati Membri ma’ pajjiżi mhux membri hija ta’ importanza essenzjali għal-linji politiċi ekonomiċi u kummerċjali tal-Komunità u għall-analiżi tal-iżvilupp tas-suq għall-merkanzija individwali. It-trasparenza tas-sistema statistika għandha titjieb biex din tkun tista’ tirreaġixxi għall-ambjent amministrattiv li qed jinbidel, u biex tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda tal-utenti. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 tat-22 ta’ Mejju 1995 dwar l-istatistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi li mhumiex membri (3) għandu għalhekk jiġi sostitwit b’Regolament ġdid skont ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 285(2) tat-Trattat.

(2)

L-istatistika tal-kummerċ estern hija bbażata fuq data miksuba mid-dikjarazzjonijiet doganali kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (4), minn issa ’l quddiem imsejjaħ (il-“Kodiċi Doganali”). Il-progress fl-integrazzjoni Ewropea u l-bidliet li jirriżultaw minn dan fl-iżdoganar, inklużi l-awtorizzazzjonijiet uniċi għall-użu tad-dikjarazzjoni simplifikata jew tal-proċedura lokali ta’ żdoganar, kif ukoll l-iżdoganar ċentralizzat, li għandu joħroġ mill-proċess attwali tal-immodernizzar tal-Kodiċi Doganali kif imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (5), (minn issa ’l quddiem imsejjaħ il-“Kodiċi Doganali Modernizzat”), jitolbu numru ta’ tibdiliet. B’mod partikolari, huma jirrendu meħtieġ aġġustament tal-mod ta’ kif tinġabar l-istatistika tal-kummerċ estern, il-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-kunċett tal-Istat Membru li qed jimporta jew li qed jesporta, u d-definizzjoni b’aktar preċiżjoni tas-sors tad-data għall-ġbir tal-istatistika Komunitarja.

(3)

Simplifikazzjonijiet tal-formalitajiet u l-kontrolli doganali taħt il-Kodiċi Doganali Modernizzat jistgħu jwasslu sabiex dikjarazzjonijiet doganali ma jkunux disponibbli. Sabiex il-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ estern tinżamm kompluta, għandhom jiġu adottati miżuri li jiżguraw li dawk l-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni, jipprovdu data statistika.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (6) ser tistabbilixxi sistema doganali elettronika għall-iskambju ta’ data li tkun tinsab f'dikjarazzjonijiet doganali. Biex jiġi rreġistrat il-fluss kummerċjali fiżiku tal-merkanzija bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux membri u biex ikun żgurat li d-data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet hija disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat, l-arranġamenti bejn l-awtoritajiet doganali u dawk tal-istatistika huma meħtieġa u għandhom ikunu speċifikati. Dan jinkludi regoli dwar l-iskambju ta' data bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Din is-sistema għall-iskambju tad-data għandha tibbenefika kemm jista' jkun mill-infrastruttura stabbilita mill-awtoritajiet doganali.

(5)

Għall-allokazzjoni tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-Komunità lil Stat Membru partikolari, hija meħtieġa l-kompilazzjoni ta’ data dwar “l-Istat Membru tad-destinazzjoni finali”, għall-importazzjonijiet, u’“l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali” għall-esportazzjonijiet. Fuq perijodu medju, dawk l-Istati Membri għandhom isiru l-Istat Membru ta’ importazzjoni u esportazzjoni għal finijiet ta’ statistika għall-kummerċ estern.

(6)

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament il-merkanzija għal finijiet tal-kummerċ estern għandha tiġi klassifikata skont “in-Nomenklatura Magħquda” stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (7), (minn issa ’l ħa “n-Nomeklatura Magħquda”).

(7)

Biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni għal informazzjoni dwar is-sehem tal-euro fil-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, il-valuta tal-fatturazzjoni tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet għandha tiġi rrappurtata f'livell aggregat.

(8)

Għall-finijiet tan-negozjati kummerċjali u tal-ġestjoni tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tingħata informazzjoni dettaljata dwar it-trattament preferenzjali tal-merkanzija importata fil-Komunità.

(9)

L-istatistika tal-kummerċ estern tipprovdi data għall-kompilazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti u l-kontijiet nazzjonali. Il-karatterisitiċi li jagħmlu possibbli l-adattazzjoni tagħhom għal finijiet tal-bilanċ tal-pagamenti għandhom isiru parti mis-sett ta' data standard u obbligatorja.

(10)

L-istatistika tal-Istati Membri dwar l-imħażen doganali u ż-żoni ħielsa mhijiex soġġetta għal dispożizzjonijiet armonizzati. Madankollu, il-kompilazzjoni għal finijiet nazzjonali ta' din l-istatistika tibqa’ fakultattiva.

(11)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Eurostat b’data annwali aggregata dwar il-kummerċ imqassma skont il-karatteristiċi tal-kummerċ, li tintuża, fost użu ieħor, biex tiffaċilita l-analiżi ta’ kif il-kumpanniji Ewropej joperaw fil-kuntest tal-globalizzazzjoni. Ir-rabta bejn l-istatistika kummerċjali u l-istatistika dwar in-negozji tiġi stabbilita bl-inkorporazzjoni ta' data dwar l-importatur u l-esportatur disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali b’data mitluba mir-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika (8).

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (9) jipprovdi qafas ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Madankollu, livell ta’ informazzjoni f’ħafna dettall dwar il-kummerċ fil-merkanzija jitlob regoli ta’ kunfidenzjalità jekk din l-istatistika għandha tkun rilevanti.

(13)

It-trażmissjoni ta’ data soġġetta għall-kunfidenzjalità tal-istatistika hija rregolata mir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta’ Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika fl-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (10). Il-miżuri meħuda skont dawk ir-Regolamenti jiżguraw il-ħarsien fiżiku u loġiku tad-data kunfidenzjali u jiżguraw li ma jsir l-ebda żvelar illegali jew użu mhux għal skop statistiku meta tiġi pproċessata u mxerrda l-istatistika Komunitarja.

(14)

Fil-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Komunitarja skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji tal-istatistika għandhom iqisu l-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Prassi Ewropew għall-Istatistika, li ġie adottat mill-Kumitat tal-Programm Statistiku fl-24 ta’ Frar 2005 u mehmuż mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2005, dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji tal-istatistika.

(15)

Għandhom jiġu fformulati dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jibqgħu fis-seħħ sakemm il-bidliet fil-leġiżlazzjoni doganali jirriżultaw f’data addizzjonali dwar id-dikjarazzjoni doganali u sakemm il-leġiżlazzjoni Komunitarja tibda titlob l-iskambju elettroniku tad-data.

(16)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jwaqqaf qafas komuni għall-produzzjoni sistematika tal-istatistika dwar il-kummerċ estern tal-Komunità, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jista’ jintlaħaq aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ taddotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(17)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (11)

(18)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadatta l-lista tal-proċeduri doganali jew tat-trattament approvat mid-dwana jew l-użu li jiddeterminaw esportazzjoni jew importazzjoni għall-istatistika tal-kummerċ estern; li tadotta regoli differenti jew speċifiċi għal merkanzija jew movimenti li, minħabba raġunijiet metodoloġiċi, jitolbu dispożizzjonijiet speċifiċi; li tadatta l-lista tal-merkanzija u l-movimenti esklużi mill-istatistika tal-kummerċ estern; li tispeċifika s-sorsi tad-data minbarra d-dikjarazzjoni doganali għar-rekords dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija speċifika jew movimenti; li tispeċifika d-data statistika, inklużi l-kodiċi li għandhom jintużaw; li tistabbilixxi l-ħtiġiet għal data dwar merkanzija speċifika jew movimenti; li tistabbilixxi ħtiġiet dwar il-kompilazzjoni ta' statistika; li tispeċifika l-karatteristiċi tal-kampjuni; li tistabbilixxi l-perijodu ta' rappurtar u l-livell ta’ aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, il-merkanzija u l-valuta; u ukoll biex tiġi adattata l-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika, il-kontenut, il-kopertura u l-kondizzjonijiet għar-reviżjoni tal-istatistika diġà trażmessa; u li tistabbilixxi l-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika dwar ċertu dettall fir-rigward tal-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju u l-istatistika dwar il-kummerċ imqassma bil-valuta tal-fatturazzjoni. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia, billi jissuplimentawh b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilxxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statisitika Komunitarja rigward il-kummerċ tal-merkanzija ma’ pajjiżi mhux membri (minn issa ’l quddiem imsejjħa “statistika tal-kummerċ estern”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“merkanzija” tfisser kull proprjetà mobbli, inkluż l-elettriku;

(b)

“territorju statistiku tal-Komunità” tfisser it-territorju doganali tal-Komunità kif definit fil-Kodiċi Doganali biż-żieda tal-gżira ta’ Helgoland fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

(c)

“awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika” tfisser l-istituti nazzjonali tal-istatistika u korpi oħra responsabbli f’kull Stat Membru biex jipproduċu statistika dwar il-kummerċ estern;

(d)

“awtoritajiet doganali” tfisser “l-awtoritajiet doganali” kif definit fil-Kodiċi Doganali;

(e)

“dikjarazzjoni doganali” tifsser “dikjarazzjoni doganali” kif definita fil-Kodiċi Doganali;

(f)

“deċiżjoni mid-dwana” tfisser kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali relatat ma’ dikjarazzjonijiet doganali aċċettati u li għandhom effett legali fuq persuna waħda jew aktar.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-istatistika tal-kummerċ estern għandha tirreġistra l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija.

Esportazzjoni għandha tiġi rreġistrata minn Stat Membru fil-każ li merkanzija titlaq mit-territorju statistiku tal-Komunità skont waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin jew skont trattament jew użu approvat mid-dwana, stipulati fil-Kodiċi Doganali:

(a)

esportazzjoni;

(b)

proċessar tal-ħruġ;

(c)

esportazzjoni mill-ġdid li ssegwi jew proċessar tad-dħul jew proċessar taħt il-kontroll doganali.

Importazzjoni għandha tiġi rreġistrata minn Stat Membru fil-każ li merkanzija tidħol fit-territorju statistiku tal-Komunità b’konformità ma’ waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin stipulati fil-Kodiċi Doganali:

(a)

rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera;

(b)

proċessar tad-dħul;

(c)

proċessar taħt kontroll doganali.

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament dwar l-adattament tal-lista ta’ proċeduri doganali jew trattament jew użu approvati mid-dwana msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jittieħed kont tal-bidliet fil-Kodiċi Doganali jew dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Għal raġunijiet ta’ metodoloġija, ċertu merkanzija jew movimenti jitolbu dispożizzjonijiet speċifiċi. Dan jikkonċerna impjanti industrijali, inġenji tal-baħar jew tal-ajru, prodotti tal-baħar, merkanzija mwassla fuq inġenji tal-baħar jew tal-ajru, kunsinni maqsuma, merkanzija militari, merkanzija lejn jew minn installazzjonijiet offshore, vetturi spazjali, elettriku u gass u prodotti tal-iskart (minn issa ’l quddiem imsejjħa “merkanzija jew movimenti speċifiċi”).

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, dwar merkanzija u movimenti speċifiċi u dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

4.   Għal raġunijiet ta’ metodoloġija, ċertu merkanzija jew movimenti għandhom jiġu esklużi mill-istatistika tal-kummerċ estern. Dan jinkludi deheb monetarju u mezzi ta’ pagament li huma valuta legali; merkanzija li l-użu maħsub tagħha jkun ta’ natura diplomatika jew simili; movimenti ta’ merkanzija bejn l-Istat Membru ta’ importazzjoni u dak ta’ esportazzjoni u l-forzi armati tagħhom stazzjonati barra l-pajjiż kif ukoll ċerta merkanzija akkwistata u użata mill-forzi armati barranin; merkanzija partikolari li mhumiex is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali; movimenti ta’ pjattaformi għall-illanċjar ta’ satelliti qabel ma jiġu llanċjati; merkanzija għat-tiswija u għal wara t-tiswija; merkanzija għal użu temporanju jew għal wara l-użu temporanju; u merkanzija użata bħala trasportaturi ta' informazzjoni personalizzata; u merkanzija ddikjarata bil-fomm lill-awtoritajiet doganali li jew huma ta’ natura kummerċjali, sakemm il-valur tagħhomma jaqbiżx il-limitu statistiku ta’ 1 000 EUR fil-valur jew 1 000 kilogramma f'massa netta, jew huma ta’ natura mhux kummerċjali.

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, dwar esklużjoni ta’ merkanzija jew movimenti mill-istatistika dwar il-kummerċ estern, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 4

Sors tad-data

1.   Is-sors tad-data għal rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkun id-dikjarazzjoni doganali, inklużi emendi possibbli jew bidliet fid-data statistika li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet mid-dwani marbutin magħha.

2.   Fejn is-simplifikazzjonijiet ulterjuri tal-formalitajiet u l-kontrolli doganali skont l-Artikolu 116 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat iwasslu sabiex rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' merkanzija ma jkunux disponibbli f'idejn l-awtoritajiet doganali, l-operatur ekonomiku lil min tkun ingħatat is-simplifikazzjoni għandu jipprovdi d-data statistika definita fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw sorsi ta’ data oħra għall-ġbir tal-istatistika nazzjonali tagħhom sad-data tal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu għall-iskambju ta’ data reċiproku b'mezzi elettorniċi li hemm referenza għalih fl-Artikolu 7(2).

4.   Għal merkanzija jew movimenti speċifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 3(3), jistgħu jintuża għejun ta’ data minbarra d-dikjarazzjoni doganali.

5.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, dwar il-ġbir tad-data skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3). Dawn il-miżuri għandhom jieħdu l-akbar kont tan-neċessità li tiġi stabbilita sistema effiċjenti li timminimizza l-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet.

Artikolu 5

Data statistika

1.   L-Istati Membri għandhom jiksbu s-sett ta’ data li ġejja mir-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1).

(a)

il-fluss tal-kummerċ (importazzjoni, esportazzjoni);

(b)

il-perjodu referenzjali ta’ kull xahar;

(c)

il-valur statistiku tal-merkanzija fuq il-fruntiera nazzjonali tal-Istati Membri importaturi u esportaturi;

(d)

il-kwantità espressa f’massa netta u f'unità supplementari jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali;

(e)

il-kummerċjant, li huwa l-importatur/id-destinatarju ta’ importazzjoni u l-esportatur/il-kunsinnatur ta’ esportazzjoni;

(f)

l-Istat Membru importatur jew esportatur, jiġifieri l-Istat Membru fejn issir id- dikjarazzjoni doganali, jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali:

(i)

wara l-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(ii)

fuq l-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali;

(g)

il-pajjiżi msieħba, jiġifieri:

(i)

fuq l-importazzjoni, il-pajjiż tal-oriġini u l-pajjiż tal-kunsinna/tluq;

(ii)

fuq l-esportazzjoni, il-pajjiż tal-aħħar destinazzjoni magħrufa;

(h)

il-merkanzija skont in-Nomenklatura Magħquda li hija:

(i)

fuq l-importazzjoni, il-kodiċi tal-merkanzija tas-subintestatura Taric;

(ii)

fuq l-esportazzjoni, il-kodiċi tal-merkanzija tas-subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda;

(i)

il-kodiċi tal-proċedura doganali li għandu jintuża għad-determinazzjoni tal-proċedura statistika;

(j)

in-natura tat-tranżazzjoni jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali;

k)

it-trattament preferenzjali fuq l-importazzjoni meta dan jiġi mogħti mid-Dwana;

(l)

il-valuta tal-fatturazzjoni jekk tkun indikata fuq id-dikjarazzjoni doganali;

(m)

il-metodu tat-trasport, li jagħti dettalji dwar:

(i)

il-metodu ta’ trasport fuq il-fruntiera;

(ii)

il-metodu intern tat-trasport;

(iii)

il-kontenitur.

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, relatati ma’ speċifikazzjoni ulterjuri tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-kodiċi li għandhom jiġu użati, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Fejn ma jkunx iddikjarat mod ieħor u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni doganali, id-data għandha tinżamm fid-dikjarazzjoni doganali.

4.   Għal “merkanzija jew movimenti speċifiċi” kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) u d-data provduta f’konformità mal-Artikolu 4(2), settijiet limitati ta’ data jistgħu jkunu meħtieġa.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, relatati ma’ dawn is-settijiet limitati ta’ data, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 6

Kompilazzjoni ta’ statistika tal-kummerċ estern

1.   L-Istati Membri għandhom jikkompilaw l-istatisika għal kull perijodu referenzjali ta’ kull xahar, dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija espressa f’valur u kwantità skont:

(a)

il-kodiċi tal-merkanzija;

(b)

l-Istati Membri li qed jimportaw/jesportaw;

(c)

il-pajjiżi msieħba;

(d)

il-proċedura statistika;

(e)

in-natura tat-tranżazzjoni;

(f)

trattament preferenzjali fuq l-importazzjoni;

(g)

il-metodu tat-trasport.

Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għall-kompilazzjoni tal-istatistika jistgħu jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jikkompilaw l-istatistika annwali dwar il-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju, jiġifieri l-attività ekonomika mwettqa mill-intrapriża skont it-taqsima jew il-livell b’żewġ numri tal-klassifikazzjoni tal-istatistika komuni tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE) u l-klassi tad-daqs imkejjel f'termini ta' għadd ta’ impjegati.

L-istatistika għandha tiġi kkompilata permezz tar-rabta tad-data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrata skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 mad-data rreġistrata skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jipprovdu n-numru ta' identifikazzjoni rilevanti tal-kummerċjanti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, li għandhom x’jaqsmu mar-rabta tad-data u din l-istatistika li għandha tiġi kkompilata, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Kull sentejn l-Istati Membri għandhom jikkompilaw statistika dwar il-kummerċ li tinqasam permezz tal-valuta tal-fatturazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jikkompilaw statistika billi jużaw kampjun rappreżentattiv ta’ rekords dwar importazzjonijiet u esportazzjonijiet minn dikjarazzjonijiet doganali li fihom data dwar il-valuta tal-fatturazzjoni. Jekk il-valuta tal-fatturazzjoni għall-esportazzjoni mhijiex disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali, għandu jsir sondaġġ sabiex tinġabar id-data meħtieġa.

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, li għandhom x'jaqsmu mal-karatteristiċi tal-kampjun, il-perijodu ta’ rappurtar u l-livell ta’ aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, il-merkanzija u l-valuti għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

4.   Il-kompilazzjoni ta’ statistika addizzjonali mill-Istati Membri għal finijiet nazzjonali tista’ tiġi ddeterminata fejn id-data tkun disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali.

5.   L-Istati Membri m’għandhomx ikunu obbligati jikkompilaw u jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika tal-kummerċ estern dwar data statistika li, skont il-Kodiċi Doganali jew ta’ istruzzjonijiet nazzjonali, la tkun għadha ġiet rreġistrata u lanqas ma tista’ tkun deduċibbli b’mod ċar minn data oħra fid-dikjarazzjoni doganali magħmula għand l-awtoritajiet doganali tagħhom. It-trażmissjoni tad-data li ġejja hija għalhekk hija fakultattiva għall-Istati Membri. Dan jolqot id-data li ġejja.

(a)

mal-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b)

mal-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali;

(c)

in-natura tat-tranżazzjoni.

Artikolu 7

Skambju ta’ data

1.   Mingħajr dewmien u mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara x-xahar li fih ġew aċċettati d-dikjarazzjonijiet doganali jew li fih dawn kienu soġġetti għal deċiżjonijiet mid-dwani li għandhom x'jaqsmu magħhom, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom jiksbu mingħand l-awtoritajiet doganali r-rekords fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet li huma mressqa quddiem dawk l-awtoritajiet.

Ir-rekords għandu jkun fihom mill-inqas dik id-data statistika elenkata fl-Artikolu 5 li hija, skont il-Kodiċi Doganali jew skont l-istruzzjonijiet nazzjonali, disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali.

2.   B’effett mid-data tal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku ta’ data b’mezzi elettroniċi, l-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li r-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet jintbagħtu lill-awtorità nazzjonali tal-istatistika tal-Istat Membru li jkun indikat fuq ir-rekord bħala:

(a)

mal-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni,

(b)

mal-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali,

Il-mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku tad-data għandu jkun implimentat sa mhux aktar tard minn meta t-Titolu 1, Kapitolu 2, Taqsima 1 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat ikun applikabbli.

3.   Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għad-determinazzjoni tat-trasmissjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu determinati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 8

It-trażmissjoni tal-istatistika tal-kummerċ estern lill-Kummissjoni (Eurostat)

1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(1) mhux aktar tard minn 40 jum wara t-tmiem ta’ kull perijodu referenzjali ta’ xahar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika jkun fiha informazzjoni dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet kollha fil-perijodu ta' referenza partikolari, filwaqt li jagħmlu l-aġġustamenti fejn ir-rekords mhumiex disponibbli.

L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-istatistika aġġornata meta l-istatistika li diġà ġiet trażmessa hija soġġetta għal reviżjoni.

L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-riżultati trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) kull informazzjoni statistika li hija kunfidenzjali.

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, li għandhom x'jaqsmu mal-adattament tal-iskadenza sabiex tiġi trasmessa l-istatisika, il-kontenut, il-kopertura u l-kondizzjonijiet għal reviżjonijiet diġà trasmessi, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, li għandhom x’jaqsmu mal-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(2) u l-istatistika dwar il-kummerċ maqsuma mill-valuta tal-fatturazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3), għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-istatistika f'forma elettronika, skont standard tal-interchange. L-arranġamenti prattiċi għat-trażmissjoni tar-riżultati jistgħu jiġu ddeterminati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 9

Valutazzjoni tal-kwalità

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji tal-kwalità li ġejjin għandhom japplikaw għall-istatistika li għandha tiġi trażmessa.

(a)

“ir-rilevanza” li tindika l-grad ta’ kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;

(b)

“il-preċiżjoni” li tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

(c)

“tempestività” li tirreferi għall-perijodu bejn id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

(d)

“il-puntwalità” li tirreferi għad-dewmien bejn id-data ta’ rilaxx tad-data u d-data mmirata (id-data sa liema kellha tinbagħat id-data);

(e)

“l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” li jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

(f)

“il-kumparabbiltà” li tirreferi għall-kejl tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti tal-istatistika, għodod u proċeduri tal-kejl applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

(g)

“il-koerenza” tirreferi għall-adattabbiltà tad-data li tkun marbuta b’mod affidabbli b’modi differenti u għal użu varju.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni (Eurostat) kull sena dwar il-kwalità tal-istatistika trażmessa.

3.   Permezz tal-applikazzjoni tad-dimensjonijiet ta’ kwalità stipulati fil-paragrafu 1 lill-istatistika koperta b'dan ir-Regolament, il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti dwar il-kwalità għandhom jiġu definiti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tal-istatistika trażmessa.

Artikolu 10

Disseminazzjoni ta’ statistika tal-kummerċ estern

1.   Fil-livell Komunitarju, l-istatistika tal-kummerċ estern ikkompilata skont l-Artikolu 6(1) u trasmessa mill-Istati Membri għandha tiġi disseminata mill-Kummissjoni (Eurostat) għall-inqas bis-subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda.

Unikament fuq talba tal-importatur jew tal-esportatur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru partikolari għandhom jiddeċiedu jekk l-istatistika dwar il-kummerċ estern ta’ dak l-Istat Membru li tista' tagħmilha possibbli li tidentifika dak l-importatur jew l-esportatur, għandhiex tiġi disseminata jew għandhiex tiġi emendata b’tali mod li d-disseminazzjoni tagħha ma tippreġudikax il-kunfidenzjalità tal-istatistika.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-disseminazzjoni ta’ data fil-livell nazzjonali statistika dettaljata skont is-sottointestatura Taric u l-preferenzi m'għandhiex tiġi disseminata mill-Kummissjoni (Eurostat) jekk l-iżvelar tagħha jqiegħed f'periklu l-ħarsien tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika kummerċjali u agrikola tal-Komunità.

Artikolu 11

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-istatistika relatata man-negozju ta’ merkanzija ma’ pajjiżi mhux membri.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 12

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1172/95 għandu jkun irrevokat b'effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

Għandu jkompli japplika għad-data li tappartjeni għall-perijodi ta’ referenza qabel l-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 6 ta’ Mejju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. KOHOUT


(1)  ĠU C 70, 15.3.2008, p. 1.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Settembru 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2009 (ĠU C 75 E, 31.3.2009, p. 58) u l-Pożizzjoni Komuni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2009 (għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 118, 25.5.1995, p. 10.

(4)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(5)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.

(7)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(8)  ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6.

(9)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(10)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


Top