EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0244

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009 tat- 18 ta' Marzu 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodiżinn għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 76, 24.3.2009, p. 3–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 047 P. 251 - 264

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2021; Imħassar b' 32019R2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/244/oj

24.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 244/2009

tat-18 ta' Marzu 2009

li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodiżinn għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodiżinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi 96/57/KE u 2000/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodiżinn,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2005/32/KE, ir-rekwiżiti tal-ekodiżinn għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni għal prodotti li jużaw l-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż eċċessivi.

(2)

L-Artikolu 16(2), l-ewwel inċiż tad-Direttiva 2005/32/KE jipprovdi li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara konsultazzjoni mal-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodiżinn, il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, tintroduċi miżura implimentattiva dwar prodotti domestiċi tad-dawl.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija li analizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi ta’ prodotti tad-dawl li tipikament jintużaw fid-djar. L-istudju ġie żviluppat flimkien ma' partijiet konċernati u interessati mill-Komunità u minn pajjiżi terzi, u r-riżultati ġew ippubblikati fuq is-sit tal-internet EUROPA tal-Kummissjoni.

(4)

Ir-rekwiżiti obbligatorji tal-ekodiżinn japplikaw għal prodotti mqiegħda fis-suq Komunitarju kull fejn ikunu installati jew użati, għalhekk ir-rekwiżiti ta' dan it-tip ma jistgħux jiddependu fuq l-applikazzjoni li għaliha jintuża l-prodott (bħal għal dawl domestiku).

(5)

Prodotti li huma suġġetti għal dan ir-Regolament huma mfasslin essenzjalment għall-illuminazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ kamra ta' dar, billi jissostitwixxu jew jikkumplimentaw dawl naturali bid-dawl artifiċjali, sabiex itejbu l-viżibbiltà f’dak l-ispazju. Bozoz b’użu speċjali mfasslin essenzjalment għal tipi oħrajn ta’ applikazzjonijiet (bħal sinjali tat-traffiku, tagħmir għall-ismurija, jew apparat tad-dar) u indikati b’mod ċar bħala tali mat-tagħrif dwar il-prodott, ma għandhomx ikunu suġġetti għar-rekwiżiti tal-ekodiżinn stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(6)

Teknoloġiji ġodda li qed ifiġġu fis-suq, bħal-LEDs, għandhom ikunu suġġetti għal dan ir-Regolament.

(7)

L-aspetti ambjentali tal-prodotti koperti li huma identifikati bħala sinifikanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament huma l-enerġija fil-fażi tal-użu kif ukoll il-kontenut u l-emissjonijiet tal-merkurju.

(8)

Il-konsum annwali tal-elettriku relatat ma' prodotti suġġetti għal dan ir-Regolament fil-Komunità ġie stmat li fl-2007 kien ta’ 112 TWh, ekwivalenti għal 45 Mt ta' emissjonijiet tas-CO2. Jekk ma tittieħed ebda miżura speċifika, huwa previst li fl-2020 il-konsum se jiżdied għal 135 TWh. L-istudji ta' tħejjija wrew li l-konsum tal-elettriku ta' prodotti suġġetti għal dan ir-Regolament jistgħu jitnaqqsu b'mod sinifikanti.

(9)

Ġie stmat li fl-2007 il-merkurju li joħroġ fil-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-perjodu ta’ utilità tal-bozoz, inkluż mill-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-fażi tal-użu u mit-80 % ta’ bozoz florexxenti kumpatti li fihom il-merkurju u li huma mistennija li ma jiġux riċiklati fi tmiem il-perjodu ta’ utilità, huwa ta’ 2,9 tunnellati mill-ħażna installata tal-bozoz. Jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri speċifiċi, l-emissjonijiet tal-merkurju tal-ħażna installata tal-bozoz huwa previst li se jiżdiedu għal 3,1 tunnellata fl-2020, filwaqt li ntwera li dawn jistgħu jitnaqqsu b'mod sinifikanti.

Għalkemm il-kontenut tal-merkurju ta’ bozoz florexxenti kumpatti huwa kkunsidrat bħala aspett ambjentali sinifikanti, huwa xieraq li jiġi rregolat skont id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (2).

Id-definizzjoni ta' rekwiżiti għall-effiċjenza enerġetika għal bozoz suġġetti għal dan ir-Regolament se twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet totali tal-merkurju.

(10)

L-Artikolu 10 paragrafu 1 punt (d) tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar l-Iskart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku (3) għandu jiġi implimentat kompletament biex jiżgura li jitnaqqsu r-riskji potenzjali għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem f’każ li l-bozoz florexxenti kumpatti jinkisru b'mod aċċidentali jew fi tmiem il-perjodu ta’ utilità tagħhom.

(11)

It-titjib fil-konsum tal-elettriku ta' prodotti suġġetti għal dan ir-Regolament għandu jintlaħaq bl-applikazzjoni ta' teknoloġiji eżistenti mhux brevettatti u li huma effettivi f'sens ta' nfiq, li jwasslu għal tnaqqis tal-ispejjeż ikkombinati għax-xiri u għat-tħaddim tat-tagħmir.

(12)

Ir-rekwiżiti tal-ekodiżinn għal prodotti suġġetti għal dan ir-Regolament għandhom jiġu definiti bl-għan li jtejbu r-rendiment ambjentali tal-prodotti affettwati, biex b'hekk jikkontribwixxu għat-tħaddim tas-suq intern u għall-objettiv Komunitarju li l-konsum tal-enerġija jitnaqqas b'20 % fl-2020 imqabbel mal-konsum tal-enerġija meqjus f’dik is-sena jekk l-ebda miżuri ma jiġu implimentati.

(13)

Dan ir-Regolament għandu jżid il-penetrazzjoni tas-suq ta’ prodotti effiċjenti fl-enerġija suġġetti għal dan ir-Regolament, li jwasslu għall-iffrankar stmat tal-enerġija ta’ 39 TWh fl-2020, imqabbel mal-konsum tal-enerġija meqjus f’dik is-sena jekk l-ebda miżura tal-Ekodiżinn ma tiġi implimentata.

(14)

Ir-rekwiżiti tal-ekodiżinn ma għandhomx jaffettwaw il-funzjonalità mill-perspettiva tal-utent u ma għandhomx jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa, is-sikurezza jew l-ambjent. B'mod partikolari, il-benefiċċji tat-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku waqt il-fażi tal-użu għandha, jekk ikun hemm, tikkumpensa sew impatti ambjentali addizzjonali potenzjali waqt il-fażi tal-produzzjoni ta' prodotti suġġetti għal dan ir-Regolament.

(15)

Id-dħul fis-seħħ gradwali tar-rekwiżiti tal-ekodiżinn għandu jipprovdi qafas ta' żmien suffiċjenti biex il-manifatturi jerġgħu jfasslu l-prodotti suġġetti għal dan ir-Regolament kif xieraq. It-tqassim tal-fażijiet f’termini ta’ żmien għandu jkun b’tali mod li l-impatti negattivi relatati mal-funzjonalità tat-tagħmir fis-suq jiġu evitati, u l-impatti tal-ispejjeż għall-utenti aħħarija u l-manifatturi, partikolarment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju jiġu meqjusa, filwaqt li tiġi żgurata l-kisba f'waqtha tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

(16)

Il-kejl tal-parametri rilevanti tal-prodotti għandu jitwettaq billi jitqiesu l-metodi l-iktar riċenti ta' kejl rikonoxxuti b'mod ġenerali; il-manifatturi jistgħu japplikaw standards armonizzati stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/32/KE hekk kif ikunu disponibbli u ppubblikati għal dik il-fini f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(17)

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

(18)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom jipprovdu tagħrif fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi V u VI tad-Direttiva 2005/32/KE sa fejn dan it-tagħrif ikun relatat mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

(19)

Minbarra r-rekwiżiti li jorbtu legalment, l-identifikazzjoni ta' punti ta' referenza indikattivi għall-aqwa teknoloġiji disponibbli għal prodotti suġġetti għal dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi biex tiżgura disponibbiltà wiesgħa u tiffaċilita l-aċċess għat-tagħrif. Dan jista’ jkompli jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji bl-aqwa diżinn li jtejbu r-rendiment ambjentali taċ-ċiklu tal-perjodu ta’ utilità tal-prodotti suġġetti għal dan ir-Regolament.

(20)

Reviżjoni ta' din il-miżura għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tal-bejgħ ta’ tipi ta’ bozoz għal użu speċjali sabiex tivverifika li mhumiex użati għal użi ta' illuminazzjoni ġenerali, lill-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda bħal-LEDs u lill-probabbiltà li tistabbilixxi rekwiżiti għall-effiċjenza tal-enerġija fuq il-livell tal-klassi “A” kif definit fid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/11/KE (4).

(21)

Ir-rekwiżiti li jinsabu f’din il-miżura jħallu lill-bozoz aloġeni bis-sokit G9 u R7 jibqgħu fis-suq għal perjodu limitat ta’ żmien, jirrikonoxxu l-ħtieġa li jieħdu ħsieb il-ħażna eżistenti tal-bozoz, sabiex jimpedixxu spejjeż mhux meħtieġa fuq il-konsumaturi u jagħtu żmien lill-manifatturi biex jiżviluppaw bozoz ddedikati għal teknoloġiji aktar effiċjenti ta’ dawl.

(22)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2005/32/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodiżinn għat-tqegħid fis-suq ta’ bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda, inkluż meta jkunu kkumerċalizzati għall-użu mhux tad-dar jew meta jkunu integrati fi prodotti oħrajn. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll rekwiżiti ta’ tagħrif dwar il-prodott għal bozoz b’użu speċjali.

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għal bozoz tad-dar u għal bozoz b’użu speċjali li ġejjin:

(a)

bozoz li għandhom il-koordinati ta' kromatiċità x u y li ġejjin:

x < 0,200 jew x > 0,600

y < – 2,3172 x2 + 2,3653 x – 0,2800 jew

y > – 2,3172 x2 + 2,3653 x – 0,1000;

(b)

bozoz li jitfgħu d-dawl f’direzzjoni waħda;

(ċ)

bozoz li għandhom fluss tal-luminożità inqas minn 60 lumens jew ogħla minn 12 000 lumens;

(d)

bozoz li għandhom:

6 % jew iktar tar-radjazzjoni totali tal-firxa ta' 250-780 nm fil-firxa ta' 250-400 nm,

il-punt massimu tar-radjazzjoni bejn 315 - 400 nm (UVA) jew 280 - 315 nm (UVB),

(e)

bozoz florexxenti mingħajr saborra (ballast) integrata;

(f)

bozoz b’ċarġ elettriku ta’ intensità għolja;

(g)

bozoz inkandexxenti bil-kapep E14/E27/B22/B15, b’vultaġġ daqs jew inqas minn 60 volt u mingħajr transformer integrat fil-Fażijiet 1-5 skont l-Artikolu 3.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2005/32/KE għandhom japplikaw. It-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“illuminazzjoni ta’ kamra ta’ dar” tfisser l-illuminazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ kamra ta’ dar, billi tissostitwixxi jew tikkumplimenta dawl naturali b’ dawl artifiċjali, sabiex ittejjeb il-viżibbiltà f’dak l-ispazju;

(2)

“bozza (lampa)” tfisser sors magħmul sabiex jipproduċi radjazzjoni ottika, normalment viżibbli, inkluż kwalunkwe komponenti addizzjonali meħtieġa biex tixgħel, provvista tal-enerġija jew operat stabbli ta’ bozza jew għad-distribuzzjoni, il-filtrazzjoni jew it-trasformazzjoni tar-radjazzjoni ottika, f'każ li dawk il-komponenti ma jistgħux jitneħħew mingħajr ma jagħmlu ħsara permanenti lill-unit;

(3)

“bozza tad-dar” tfisser bozza maħsuba għall-illuminazzjoni ta’ kamra ta’ dar; ma tinkludix bozoz b’użu speċjali;

(4)

“bozza b’użu speċjali” tfisser bozza mhux magħmula għall-illuminazzjoni ta’ kamra ta’ dar għax il-parametri tekniċi tagħha jew għax it-tagħrif relatat dwar il-prodott jindika li mhijiex adattata għall-illuminazzjoni ta’ kamra ta’ dar;

(5)

“bozza li titfa’d-dawl f’direzzjoni waħda” tfisser bozza li għall-inqas għandha output ta' dawl ta' 80 % fi ħdan angolu solidu ta' π sr (li jikkorrispondi għal kon b'angolu ta' 120°);

(6)

“bozza li ma titfax id-dawl f’direzzjoni waħda” tfisser bozza li mhijiex bozza li titfa’ d-dawl f’direzzjoni waħda;

(7)

“bozza bil-filament” tfisser bozza li fiha d-dawl jiġi prodott permezz ta’ konduttur li qisu ħajta li jiġi msaħħan biex jitfa’ d-dawl ħdejn il-passaġġ ta’ kurrent elettriku. Il-bozza jista’ jkollha jew ma jkollhiex gassijiet li jinfluwenzaw il-proċess tal-inkandexxenza;

(8)

“bozza inkandexxenti” tfisser bozza bil-filament li fiha l-filament jaħdem f’bozza evakwata jew ikun imdawwar b’gass inerti;

(9)

“bozza aloġena tat-tungstenu” tfisser bozza bil-filament li fiha l-filament huwa magħmul mit-tungstenu u huwa mdawwar b'gass li fih l-aloġeni jew komposti tal-aloġenu. Bozoz aloġeni tat-tungstenu huma pprovduti jew bi provvista tal-enerġija integrata jew mingħajrha;

(10)

“bozza bi skarikubi skariku elettriku” tfisser bozza li fiha d-dawl jiġi prodott, b'mod dirett jew indirett, permezz ta' skariku elettriku minn ġo gass, fwar ta' metall jew taħlita ta' diversi gassijiet u fwar;

(11)

“bozza florexxenti” tfisser bozza bi skarikubi skariku elettriku tat-tip bil-merkurju ta’ pressjoni baxxa li l-parti l-kbira tad-dawl toħroġ minn saff wieħed jew iktar ta' fosfri mqanqla mir-radjazzjoni ultravjola li tkun ġejja miċ-ċarġ tal-elettriku. Il-bozoz florexxenti huma pprovduti jew b’saborri integrati jew mingħajrhom;

(12)

“saborra” tfisser apparat li jservi biex jillimita l-kurrent tal-bozza/bozoz għall-valur meħtieġ f'każ li tkun/jkunu kkonnettjata/i bejn il-provvista tal-elettriku u bozza ta’ ċarġ elettriku waħda jew iktar. Is-saborra tista' tinkludi wkoll mezz li jittrasforma l-vultaġġ tal-provvista tal-elettriku, ibaxxi d-dawl tal-bozza, jirranġa l-fattur tal-enerġija u, waħedha jew ikkombinata ma' apparat li jixgħel, tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tixgħel il-bozza/bozoz. Hija tista’ tkun integrata mal-bozza jew barra minnha;

(13)

“provvista tal-enerġija” tfisser apparat li huwa mfassal biex ibiddel l-input ta’ enerġija elettrika b’kurrent li jalterna (AC) mis-sors ta’ elettriku tal-mains għal output b’kurrent dirett (DC) jew AC ieħor.

(14)

“bozza (lampa) florexxenti kumpatta” tfisser unità li ma tistax tiżżarma mingħajr ma ssirilha ħsara permanenti, ipprovduta b'kappa tal-bozza u tinkorpora bozza florexxenti u kwalunkwe komponenti oħrajn meħtieġa biex tixgħel il-bozza u taħdem b’mod stabbli;

(15)

“bozza florexxenti mingħajr saborra integrata” tfisser bozza florexxenti b’kappa waħda u b’kappa doppja mingħajr saborra integrata;

(16)

“bozza bi skarikubi skariku elettriku ta’ intensità għolja” tfisser bozza bi skarikubi skariku elettriku li fiha l-arka li tipproduċi d-dawl tiġi stabbilizzata bit-temperatura tas-superfiċje u l-arka jkollha l-karga tas-superfiċje tal-bozza ogħla minn 3 watts għal kull ċentimetru kwadru;

(17)

“LED” tfisser apparat fi stat solidu li jinkorpora punt p-n, joħroġ radjazzjoni ottika meta mqanqal minn kurrent elettriku;

(18)

“Bozza LED” tfisser bozza li tinkorpora LED waħda jew diversi LEDs;

Għall-finijiet tal-Annessi II sa IV, it-tifsiriet stabbiliti fl-Anness I għandhom japplikaw ukoll.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodiżinn

1.   Bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda għandhom jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

Kull rekwiżit tal-ekodiżinn għandu japplika skont il-fażijiet li ġejjin:

 

Fażi 1: l-1 ta' Settembru 2009

 

Fażi 2: l-1 ta' Settembru 2010

 

Fażi 3: l-1 ta' Settembru 2011

 

Fażi 4: l-1 ta' Settembru 2012

 

Fażi 5: l-1 ta' Settembru 2013

 

Fażi 6: l-1 ta' Settembru 2016

Sakemm rekwiżit ma jinbidilx b'rekwiżit ieħor jew dan jiġi speċifikat b'xi mod ieħor, għandu jkompli japplika flimkien mar-rekwiżiti l-oħrajn li jiġu introdotti f’fażijiet iktar ′il quddiem.

2.   Jibdew mill-1 ta’ Settembru 2009:

Għal bozoz b’użu speċjali, it-tagħrif li ġej għandu jkun indikat b’mod ċar u prominenti fuq l-ippakkjar u f’kull forma ta’ tagħrif dwar il-prodott li jkun mal-bozza meta titpoġġa fis-suq.

(a)

il-fini intenzjonata tagħhom; u

(b)

li mhumiex adattati għall-iluminazzjoni ta’ kamra ta’ dar.

Il-fajl ta’ dokumentazzjoni teknika mfassal għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE għandu jniżżel il-parametri tekniċi (jekk hemm) li jagħmlu d-diżinn speċifiku tal-bozza għall-fini speċjali indikata fuq l-ippakkjar.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-diżinn stabbilita fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni stabbilita fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE, il-fajl ta' dokumentazzjoni teknika għandu jinkludi kopja tat-tagħrif dwar il-prodott provdut skont l-Anness II parti 3 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

Fit-twettiq tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/32/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika deskritta fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Punti ta' referenza indikattivi

Il-punti ta' referenza indikattivi għall-prodotti u teknoloġiji bl-aqwa rendiment, li jkunu disponibbli fis-suq fiż-żmien li jiġi adottat dan ir-Regolament huma identifikati fl-Anness IV.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ u tippreżenta r-riżultat ta’ din ir-reviżjoni lill-Forum tal-Konsultazzjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(2)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19.

(3)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24

(4)  ĠU L 71, 10.3.1998, p. 1.


ANNESS I

Il-parametri tekniċi koperti u t-tifsiriet għall-finijiet tal-Annessi II sa IV

1.   IL-PARAMETRI TEKNIĊI GĦAR-REKWIŻITI TAL-EKODIŻINN

Għall-finijiet tal-konformità u l-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-parametri ta' hawn taħt għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' proċeduri ta' kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta' kejl l-iktar reċenti rikonoxxuti b'mod ġenerali.

(a)

“L-effikaċja tal-bozza” (ηlamp), li hija l-ammont ta’ fluss ta’ luminożità li joħroġ (Ф) mill-enerġija kkonsmata mill-bozza (Plamp): ηlamp = Ф / Plamp(unità ta’ kejl: lm/W). L-enerġija li tinħela minn tagħmir awżiljarju mhux integrat, bħal saborri, transformers jew provvisti tal-enerġija, mhijiex inkluża fl-enerġija li tikkonsma l-bozza;

(b)

“Il-Fattur tal-Manutenzjoni tal-Lumen tal-Bozza” (LLMF), li huwa l-proporzjon tal-fluss tal-luminożità li joħroġ mill-bozza f'ħin partikolari fil-perjodu ta’ utilità tagħha mal-fluss inizjali tal-luminożità (100 siegħa);

(c)

“Il-Fattur ta' Sopravivenza tal-Bozza” (LSF), li huwa l-porzjon tal-għadd totali ta' bozoz li jkomplu jaħdmu fi żmien stipulat taħt kundizzjonijiet u frekwenza tal-iswiċċjar definiti;

(d)

“Il-perjodu ta’ utilità tal-bozza”, li huwa l-perjodu tal-ħin ta’ tħaddim wara li l-porzjon tal-għadd totali ta' bozoz li jkomplu jaħdmu jikkorispondi mal-fattur ta' sopravivenza tal-bozza, taħt kundizzjonijiet u frekwenza tal-iswiċċjar definiti;

(e)

“Il-kromatiċità”, li hija l-proprjetà ta' stimolu ta' kulur definit mill-koordinati tal-kromatiċità tiegħu, jew mill-wavelength dominanti jew komplementari tiegħu u l-purità meħuda flimkien;

(f)

“Il-fluss tal-luminożità” (Φ), li huwa kwantità derivata mill-fluss radjanti (enerġija radjanti) bl-evalwazzjoni tar-radjazzjoni skont is-sensittività spettrali tal-għajn umana; imkejjel wara 100 siegħa ta’ tħaddim tal-bozza;

(g)

“Temperatura tal-Kulur Korrelata” (Tc [K]), li hija t-temperatura ta' radjatur Plankjan (korp iswed) li l-kulur ipperċepit tiegħu jixbaħ l-iktar lil dak ta' stimolu partikolari bl-istess dija u taħt kundizzjonijiet speċifiċi ta' osservazzjoni;

(h)

“L-apparenza tal-kulur” (Ra), li hija l-effett ta' mezz ta' illuminazzjoni fuq id-dehra tal-kulur ta' oġġetti b'paragun konxju jew subkonxju mad-dehra tal-kulur tagħhom taħt mezz ta' illuminazzjoni ta' referenza;

(i)

“Enerġija ultravjola radjanti effettiva speċifika”, li hija l-enerġija effettiva tar-radjazzjoni ultravjola ta' bozza mwieżna skont il-fatturi spettrali ta' korrezzjoni u relatata mal-fluss tal-luminożità tagħha (unità ta’ kejl: mW/klm);

(j)

“Il-ħin li tibda tixgħel il-bozza”, il-ħin meħtieġ, wara li jinxtegħel il-vultaġġ tal-provvista, biex il-bozza tinxtegħel kompletament u tibqa’ mixgħula;

(k)

“Il-ħin biex tisħon il-bozza”, li huwa l-ħin meħtieġ għall-bozza wara li tinxtegħel biex joħroġ minnha proporzjon definit ta’ fluss ta’ luminożità stabbilizzat tagħha;

(l)

“Il-fattur tal-enerġija”, li huwa l-proporzjon tal-valur assolut tal-enerġija attiva għall-enerġija apparenti taħt kundizzjonijiet perjodiċi,

(m)

“Il-luminanza”, li hija l-ammont ta’ dawl, għal kull unità ta’ kejl li tidher fil-wiċċ, li tinħareġ jew tiġi riflessa permezz ta’ żona partikolari fi ħdan angolu solidu (unità ta’ kejl: cd/m2);

(n)

“Il-kontenut ta' merkurju tal-bozza”, li huwa l-ammont ta' merkurju li jinsab fil-bozza u li huwa mkejjel skont l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/747/KE (1).

2.   TIFSIRIET

(a)

“valur speċifikat” huwa l-valur ta' kwantità użata għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni, stabbiliti għal sett speċifikat ta’ kundizzjonijiet ta’ tħaddim ta’ prodott. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, ir-rekwiżiti kollha huma stabbiliti f'valuri speċifikati;

(b)

“valur nominali” huwa l-valur ta' kwantità użata biex jindika u jidentifika prodott;

(c)

“It-tieni envelop tal-bozza” huwa t-tieni envelop tal-bozza estern li mhux meħtieġ għall-produzzjoni tad-dawl, bħal tubu estern li jipprevjeni r-rilaxx tal-merkurju u l-ħġieġ fl-ambjent f'każ li titkisser il-bozza, għall-protezzjoni mir-radjazzjoni ultravjola jew li jservi bħala mezz li jifrex id-dawl;

(d)

“Bozza trasparenti” hija bozza (minbarra bozoz fluworexxenti kumpatti) b’luminanza ogħla minn 25 000 cd/m2 għal bozoz li għandhom fluss ta’ luminożità inqas minn 2 000 lm u ogħla minn 100 000 cd/m2 għal bozoz li għandhom iktar fluss ta’ luminożità, mgħammra b’enveloppi trasparenti biss li fihom il-filament li jipproduċi d-dawl, l-LED u t-tubu b’ċarġ elettriku jkunu jidhru b’mod ċar;

(e)

“Bozza mhux trasparenti” hija bozza li mhijiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-punt (d), inkluż bozoz fluworexxenti kumpatti;

(f)

“Iċ-ċiklu tat-teptip tad-dawl” huwa s-sekwenza li fiha l-bozza tinxtegħel u tintefa b’intervalli definiti;

(g)

“Ħsara qabel iż-żmien” hija meta l-bozza tasal fi tmiem il-perjodu ta’ utilità tagħha wara perjodu ta’ tħaddim li huwa inqas mit-tul speċifikat tal-perjodu ta’ utilità mniżżel fid-dokumentazzjoni teknika;

(h)

“Kappa tal-bozza” tfisser dik il-parti tal-bozza li tipprovdi l-konnessjoni għall-provvista tal-elettriku permezz ta’ sokit jew konnettur tal-bozza u, fil-maġġoranza tal-każi, isservi wkoll biex iżżomm il-bozza fis-sokit;

(i)

“Ħowlder tal-bozza” jew “sokit” ifissru apparat li jżomm il-bozza f’postha, ħafna drabi billi jkollu l-kappa mdaħħla fiha, f’liema każ jipprovdi wkoll il-mezz biex iqabbad il-bozza mal-provvista tal-elettriku.


(1)  ĠU L 242, 10.9.2002, P. 44.


ANNESS II

Ir-rekwiżiti tal-ekodiżinn għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda

1.   IR-REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA TAL-BOZOZ

Il-bozoz inkandexxenti bil-kapep S14, S15 jew S19 għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-Fażijiet 1 sa 4 kif definit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, imma mhux mill-Fażijiet 5 u 6.

L-enerġija massima speċifikata (Pmax) għal fluss ta’ luminożità speċifikat partikolari (Φ) hija pprovduta fit-Tabella 1.

L-eċċezzjonijiet għal dawn ir-rekwiżiti huma mniżżlin fit-Tabella 2 u l-fatturi tal-korrezzjoni applikabbli għall-enerġija massima speċifikata jinsabu fit-Tabella 3.

It-tabella 1

Id-data tal-applikazzjoni

L-enerġija massima speċifikata (Pmax) (W)

Bozoz trasparenti

Bozoz mhux trasparenti

Il-fażijiet 1 sa 5

0,8 * (0,88√Ф+0,049Ф)

0,24√Ф+0,0103Ф

Il-fażi 6

0,6 * (0,88√Ф+0,049Ф)

0,24√Ф+0,0103Ф


It-tabella 2

L-eċċezzjonijiet:

L-iskop tal-eċċezzjoni

L-enerġija massima speċifikata (W)

Bozoz trasparenti 60 lm ≤ Φ ≤ 950 lm fil-Fażi 1

Pmax = 1,1 * (0,88√Ф+0,049Ф)

Bozoz trasparenti 60 lm ≤ Φ ≤ 725 lm fil-Fażi 2

Pmax = 1,1 * (0,88√Ф+0,049Ф)

Bozoz trasparenti 60 lm ≤ Φ ≤ 450 lm fil-Fażi 3

Pmax = 1,1 * (0,88√Ф+0,049Ф)

Bozoz trasparenti bil-kappa G9 jew R7 fil-Fażi 6

Pmax = 0,8 * (0,88√Ф+0,049Ф)

Il-fatturi tal-korrezzjoni fit-Tabella 3 huma kumulattivi u fejn huwa xieraq applikabbli wkoll għall-prodotti koperti bl-eċċezzjonijiet tat-Tabella 2.

It-tabella 3

Il-fatturi tal-korrezzjoni

L-iskop tal-korrezzjoni

L-enerġija massima speċifikata (W)

bozza bil-filament li teħtieġ provvista tal-enerġija esterna

Pmax/1,06

bozza bi skariku elettriku bil-kappa GX53

Pmax/0,75

bozza mhux trasparenti bl-indiċi tal-apparenza tal-kulur ≥ 90 u b’P ≤ 0,5 * (0,88√Ф+0,049Ф)

Pmax/0,85

bozza bi skariku elettriku bl-indiċi tal-apparenza tal-kulur ≥ 90 u b’Tc ≥ 5 000  K

Pmax/0,76

bozza mhux trasparenti bit-tieni invilopp u b’P ≤ 0,5 * (0,88√Ф+0,049Ф)

Pmax/0,95

bozza LED li teħtieġ provvista tal-enerġija esterna

Pmax/1,1

2.   IR-REKWIŻITI TAL-FUNZJONALITÀ TAL-BOZOZ

Ir-rekwiżiti tal-funzjonalità tal-bozoz huma stabbiliti fit-Tabella 4 għal bozoz florexxenti kumpatti u fit-Tabella 5 għal bozoz minbarra bozoz florexxenti kumpatti u bozoz LED.

Fejn il-perjodu speċifikat ta’ utilità tal-bozza huwa ogħla minn 2 000 siegħa, ir-rekwiżiti tal-Fażi 1 għall-parametri “Il-perjodu ta’ utilità speċifikat tal-bozza”, “Il-Fattur ta' Sopravivenza tal-Bozza” u “Il-manutenzjoni tal-lumen” fit-Tabelli 4 u 5 huma applikabbli biss mill-Fażi 2.

Għall-finijiet tal-ittestjar tal-għadd ta’ drabi li l-bozza tista’ tinxtegħel u tintefa qabel ma tinħaraq, iċ-ċiklu tat-teptip tad-dawl għandu jikkonsisti minn perjodi li jinkludu li l-bozza tkun minuta mixgħula u tliet minuti mitfija, filwaqt li l-kundizzjonijiet l-oħrajn tat-test huma definiti skont l-Anness III. Għall-finijiet tal-ittestjar tal-perjodu ta’ utilità tal-bozza, il-fattur ta' sopravivenza tal-bozza, il-manutenzjoni tal-lumen u l-ħsara qabel iż-żmien, għandu jintuża ċ-ċiklu standard tat-teptip tad-dawl skont l-Anness III.

It-tabella 4

Ir-rekwiżiti tal-funzjonalità għal bozoz florexxenti kumpatti

Il-parametri tal-funzjonalità

Il-fażi 1

Il-fażi 5

Il-Fattur ta' Sopravivenza tal-Bozza fis-6 000 siegħa

≥ 0,50

≥ 0,70

Il-manutenzjoni tal-lumen

Fl-2 000 siegħa: ≥ 85 % (≥ 80 % għal bozoz bit-tieni invilopp tal-bozza)

Fl-2 000 siegħa: ≥ 88 % (≥ 83 % għal bozoz bit-tieni invilopp tal-bozza)

Fis-6 000 siegħa: ≥ 70 %

L-għadd ta’ ċikli tat-teptip tad-dawl qabel issir il-ħsara

≥ nofs il-perjodu ta’ utilità tal-bozza mfisser f’siegħat

≥ 10 000 jekk il-ħin li tibda tixgħel il-bozza > 0,3 sekondi

≥ il-perjodu ta’ utilità tal-bozza mfisser f’siegħat

≥ 30 000 jekk il-ħin li tibda tixgħel il-bozza > 0,3 sekondi

Il-ħin li tibda tixgħel

< 2,0 sekondi

< 1,5 sekondi jekk il-P < 10 W

< 1,0 sekonda jekk il-P ≥ 10 W

Il-ħin biex tisħon il-bozza sa 60 % Φ

< 60 sekonda

jew < 120 sekonda għal bozoz li fihom il-merkurju fil-forma ta’ amalgama

< 40 sekonda

jew < 120 sekonda għal bozoz li fihom il-merkurju fil-forma ta’ amalgama

Ir-rata ta’ ħsara qabel iż-żmien

≤ 2,0 % fil-200 siegħa

≤ 2,0 % fl-400 siegħa

Ir-radjazzjoni UVA + UVB

≤ 2,0 mW/klm

≤ 2,0 mW/klm

Ir-radjazzjoni UVC

≤ 0,01 mW/klm

≤ 0,01 mW/klm

Il-fattur tal-enerġija tal-bozza

≥ 0,50 jekk P < 25 W

≥ 0,90 jekk P ≥ 25 W

≥ 0,55 jekk P < 25 W

≥ 0,90 jekk P ≥ 25 W

L-apparenza tal-kulur (Ra)

≥ 80

≥ 80


It-tabella 5

Ir-rekwiżiti tal-funzjonalità għal bozoz minbarra bozoz florexxenti kumpatti u bozoz LED

Il-parametri tal-funzjonalità

Il-fażi 1

Il-fażi 5

Il-perjodu speċifikat ta’ utilità tal-bozza

≥ 1 000 siegħa

≥ 2 000 siegħa

Il-manutenzjoni tal-lumen

≥ 85 % f’75 % tal-perjodu ta’ utilità medju speċifikat

≥ 85 % f’75 % tal-perjodu ta’ utilità medju speċifikat

L-għadd ta’ ċikli tat-teptip tad-dawl

erba’ darbiet inqas mill-perjodu ta’ utilità medju tal-bozza mfisser f’siegħat

erba’ darbiet inqas mill-perjodu ta’ utilità medju tal-bozza mfissra f’siegħat

Il-ħin li tibda tixgħel

< 0,2 sekondi

< 0,2 sekondi

Il-ħin biex tisħon il-bozza sa 60 % Φ

≤ 1,0 sekonda

≤ 1,0 sekonda

Ir-rata ta’ ħsara qabel iż-żmien

≤ 5,0 % f’100 siegħa

≤ 5,0 % f’200 siegħa

Ir-radjazzjoni UVA + UVB

≤ 2,0 mW/klm

≤ 2,0 mW/klm

Ir-radjazzjoni UVC

≤ 0,01 mW/klm

≤ 0,01 mW/klm

Il-fattur tal-enerġija tal-bozza

≥ 0,95

≥ 0,95

3.   IR-REKWIŻITI TAT-TAGĦRIF DWAR IL-PRODOTT FUQ IL-BOZOZ

Għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda, it-tagħrif li ġej għandu jkun pprovdut sa mill-Fażi 2, apparti fejn ikun stipulat xi mod ieħor.

3.1.   It-tagħrif għandu jkun muri sew fuq l-ippakkjar u fuq siti tal-internet b’aċċess mingħajr ħlas qabel ma l-prodott jinxtara mill-utenti aħħarija.

Mhuwiex meħtieġ li t-tagħrif ikun speċifikat bl-użu eżatt tal-kliem tal-lista ta’ hawn taħt. Jista’ jkun muri bl-użu ta’ grafika, figuri jew simboli, iktar milli kliem.

Dawn ir-rekwiżiti tat-tagħrif ma japplikawx għal bozoz bil-filament li ma jilħaqx ir-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-Fażi 4.

(a)

Meta l-enerġija nominali tal-bozza tkun murija barra mit-tabella tal-enerġija skont id-Direttiva 98/11/KE, il-fluss nominali ta’ luminożità tal-bozza wkoll għandu jkun muri separatament f’font li jkun mill-inqas darbtejn ikbar minn kif murija l-enerġija nominali tal-bozza barra mit-tabella;

(b)

It-tul nominali tal-perjodu ta’ utilità tal-bozza f’siegħat (mhux ogħla mill-perjodu speċifikat ta’ utilità);

(ċ)

Għadd ta’ ċikli ta’ teptip tad-dawl qabel ma jkun hemm ħsara qabel iż-żmien;

(d)

It-temperatura tal-kulur (imfissra wkoll bħala valur f’Kelvins);

(e)

Il-ħin tat-tisħin sa 60 % tal-output ta’dawl sħiħ (jista’ jkun indikat bħala “dawl sħiħ immedjat” jekk ikun inqas minn sekonda);

(f)

Ikun hemm twissija jekk id-dawl tal-bozza ma jkunx jista’ jitbaxxa jew ikun jista' jitbaxxa biss fuq dimmers speċifiċi;

(g)

Jekk imfasslin għall-aħjar użu f’kundizzjonijiet mhux standard (bħat-temperatura ambjentali Ta ≠ 25 °C), tagħrif dwar dawn il-kundizzjonijiet;

(h)

Id-dimensjonijiet tal-bozza f’millimetri (it-tul u d-dijametru);

(i)

Jekk fuq l-ippakkjar tkun iddikjarata ekwivalenza ma’ bozza inkandexxenti, l-enerġija tal-bozza inkandexxenti ddikkjarata ekwivalenti (mqarrba għal 1W) għandha tkun dik li fit-Tabella 6 tikkorrispondi mal-fluss ta’ luminożità tal-bozza li tinsab fl-ippakkjar.

Il-valuri intermedji kemm tal-fluss ta’ luminożità kif ukoll tal-enerġija tal-bozza inkandexxenti ddikkjarata (mqarrba għal 1W) għandhom jiġu kkalkulati b'interpolazzjoni lineari bejn iż-żewġ valuri li huma qrib xulxin.

It-tabella 6

Fluss speċifikat ta’ luminożità tal-bozza

Φ [lm]

L-enerġija tal-bozza inkandexxenti ddikkjarata ekwivalenti

CFL

Aloġenu

LED u bozoz oħrajn

[W]

125

119

136

15

229

217

249

25

432

410

470

40

741

702

806

60

970

920

1 055

75

1 398

1 326

1 521

100

2 253

2 137

2 452

150

3 172

3 009

3 452

200

(j)

It-terminu “bozza li tiffranka l-enerġija” jew kwalunkwe prodott simili relatat ma’ dikjarazzjoni promozzjonali dwar l-effiċjenza ta’ bozza, jista’ jintuża biss jekk il-bozza tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ effiċjenza applikabbli għal bozoz mhux trasparenti fil-Fażi 1 skont it-Tabelli 1, 2 u 3.

Jekk il-bozza jkun fiha l-merkurju:

(k)

Il-kontenut ta' merkurju tal-bozza bħala X.X mg;

(l)

Għandu jkun inidkat ma’ liema sit tal-internet wieħed għandu jikkonsulta f’każ li bozza titkisser b'mod aċċidentali biex isib istruzzjonijiet dwar kif għandu jnaddaf il-fdalijiet tal-bozza.

3.2.   It-tagħrif għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq siti tal-internet b’aċċess mingħajr ħlas

Bħala minimu, it-tagħrif li ġej għandu jkun muri għall-inqas b’valuri.

(a)

It-tagħrif speċifikat f’punt 3.1;

(b)

Wattage speċifikat (preċiżjoni ta’ 0,1 W);

(ċ)

Il-fluss speċifikat tal-luminożità;

(d)

Il-perjodu speċifikat ta’ utilità tal-bozza;

(e)

Il-fattur tal-enerġija tal-bozza;

(f)

Il-fattur tal-manutenzjoni tal-lumen fi tmiem il-perjodu ta’ utilità nominali;

(g)

Il-ħin li tibda tixgħel (bħala X.X sekondi);

(h)

L-apparenza tal-kulur

Jekk il-bozza jkun fiha l-merkurju:

(i)

Struzzjonijiet dwar kif wieħed għandu jnaddaf il-fdalijiet tal-bozza f’każ li titkisser b'mod aċċidentali;

(j)

Rakkommandazzjonijiet dwar kif għandha tintrema l-bozza fi tmiem il-perjodu ta’ utilità tagħha.


ANNESS III

Il-proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw kampjun ta' għadd ta' minimu ta' għoxrin bozza tal-istess mudell mill-istess manifattur, magħżulin għall-għarrieda.

L-għadd għandu, kif applikabbli, jitqies konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament jekk il-medja tar-riżultati tal-għadd ma tvarjax mill-valuri tal-limitu jew dawk dikjarati b'iktar minn 10 %.

Inkella, il-mudell għandu jitqies li ma jikkonformax.

Għall-finijiet ta’ verifika tal-konformità mar-rekwiżiti, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw metodi ta' kejl preċiżi u affidabbli li jġibu riżultati riproduċibbli, inkluż:

fejn disponibbli, standards armonizzati tan-numri ta’ referenza li ġew ippubblikati għal dik il-fini f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2005/32/KE,

inkella, il-metodi stabbiliti fid-dokumenti li ġejjin:

Il-parametri mkejla

L-organizzazzjoni (1)

Ir-referenza

It-titlu

Kontenut ta' merkurju tal-bozza

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Deċiżjoni 2002/747/KE (Anness)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/747/KE tad-9 ta' Settembru 2002 li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi reveduti għall-premjazzjoni ta' ekotikketta Komunitarja għall-bozoz tal-elettriku u temenda d-Deċiżjoni 1999/568/KE

L-effiċjenza tal-luminożità

Cenelec

EN 50285:1999

L-effiċjenza enerġetika ta’ bozoz elettriċi għall-użu tad-dar – Il-metodi ta’ kejl

Kapep tal-bozoz

Cenelec

EN 60061:1993

L-emendi kollha sa A40:2008

Kapep tal-bozoz u ħowlders flimkien ma’ gejġis għall-kontroll tal-iskambju fl-użu u s-sikurezza - Parti 1 Kapep tal-bozoz

Il-perjodu ta’ utilità tal-bozoz

Cenelec

EN 60064:1995

L-emendi

A2:2003

A3:2006

A4:2007

A11:2007

Bozoz bil-filament tat-tungstenu għall-użu domestiku u użi ġenerali ta' illuminazzjoni simili - Rekwiżiti tar-rendiment

Cenelec

EN 60357:2003

L-emenda A1:2008

A1:2008

Bozoz aloġeni tat-tungstenu (mhux tal-vetturi) – L-ispeċifikazzjonijiet tar-rendiment

Cenelec

EN 60969:1993

L-emendi

A1:1993

A2:2000

Bozoz li jżommu waħedhom għal servizzi ġenerali ta' dawl – Ir-rekwiżiti tar-rendiment

Il-ħin li tibda tixgħel il-bozza / il-ħin biex tisħon

Cenelec

EN 60969:1993

L-emendi

A1:1993

A2:2000

Bozoz li jżommu waħedhom għal servizzi ġenerali ta' dawl – Ir-rekwiżiti tar-rendiment

Il-fattur tal-enerġija

Cenelec

EN 61000-3-2:2006

Il-kompatibbiltà elettromanjetika (EMC) – Parti 3-2: Il-limiti – Il-limiti għall-emissjonijiet armoniċi tal-kurrent (il-kurrent tal-input tat-tagħmir <= 16 A għal kull fażi)

Enerġija UV radjanti effettiva speċifika

Cenelec

EN 62471:2008

Is-sikurezza fotobijoloġika tal-bozoz u tas-sistemi tal-bozoz

L-apparenza tal-kulur

Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Illuminazzjoni

CIE 13.3:1995

Metodu ta’ Kejl u Speċifikazzjoni tal-Karatteristiċi tal-Apparenza tal-Kulur ta’ Sorsi ta’ Dawl

Il-kromatiċità

Temperatura tal-Kulur ta' Korrelazzjoni (Tc [K])

Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Illuminazzjoni

CIE 15:2004

Kolorimetrija

Il-luminanza

Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Illuminazzjoni

CIE 18.2:1983

Il-Bażi tal-Fotometrija Fiżika

Qawwa luminuża

Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Illuminazzjoni

CIE 84:1989

Il-Kejl tal-Qawwa Luminuża

Il-Fattur tal-Manutenzjoni tal-Lumen tal-Bozza (LLMF)

Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Illuminazzjoni

CIE 97:2005

Il-Manutenzjoni ta’ sistemi elettriċi ta’ dawl ta’ ġewwa

Fattur ta' Sopravivenza tal-Bozza (LSF)


(1)  Cenelec rue de Stassart/De Stassartstraat 35, B-1050 Brussels, tel. (32-2) 519 68 71, fax (32-2) 519 69 19 (http://www.cenelec.org).

Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Illuminazzjoni CIE Central Bureau Kegelgasse 27 A-1030 Vienna AUSTRIA tel: (+431 714) 714 31 87 0 fax: +43 1 714 31 87 18 (http://www.cie.co.at/).


ANNESS IV

Il-punti ta' referenza indikattivi għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda

(bħala tagħrif)

Fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, l-aqwa teknoloġija disponibbli fis-suq għall-prodotti kkonċernati ġiet identifikata kif ġej:

1.

L-EFFIĊJENZA TAL-BOZOZ

L-ogħla effiċjenza identifikata kienet 69 lm/W.

2.

IL-FUNZJONALITÀ TAL-BOZOZ

It-tabella 7

Il-parametri tal-funzjonalità

Bozoz fluworexxenti kompatti

Il-perjodu speċifikat ta’ utilità tal-bozza

20 000 siegħa

Il-manutenzjoni tal-lumen

90 % fil-perjodu speċifikat ta’ utilità

L-għadd ta’ ċikli tat-teptip tad-dawl

1 000 000

Il-ħin li tibda tixgħel

< 0,1 sekonda

Il-ħin biex tisħon il-bozza sa 80% Φ

15-il sekonda, jew 4 sekondi għal taħlita speċjali ta’ bozoz CFL / aloġeni

Il-fattur tal-enerġija tal-bozza

0,95

3.

KONTENUT TA' MERKURJU TAL-BOZZA

Il-bozoz fluworexxenti kumpatti effiċjenti fl-enerġija bl-iktar kontenut baxx ta' merkurju fihom mhux iktar minn 1,23 mg ta' merkurju.


Top