Help Print this page 

Document 32009R0223

Title and reference
Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)
  • In force
OJ L 87, 31.3.2009, p. 164–173 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 054 P. 186 - 195

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/223/oj
Multilingual display
Text

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/164


REGOLAMENT (KE) Nru 223/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2009

dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej

(Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u kumparabbiltà tal-Istatistika Ewropea, prodotti skont il-prinċipji stabbiliti skont l-Artikolu 285(2) tat-Trattat, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni għandhom jiġu rinfurzati bejn l-awtoritajiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea.

(2)

Għal dan l-iskop, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni ta' dawk l-awtoritajiet għandha tkun żviluppata b'mod aktar sistematiku u organizzat b'rispett sħiħ għas-setgħat nazzjonali u tal-Komunità u arranġamenti istituzzjonali u b'kont meħud tal-bżonn li jiġi rivedut il-qafas legali bażiku eżistenti sabiex jiġi adattat għar-realtà kurrenti, sabiex jirrispondi aħjar għal sfidi futuri, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm armonizzazzjoni aħjar tal-Istatistika Ewropea.

(3)

Huwa għalhekk neċessarju li jiġu konsolidati l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) u li tittejjeb il-governanza tagħha, b'mod partikolari bil-għan li jiġu ċċarati r-rwoli rispettivi tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSIs) u tal-awtoritajiet nazzjonali oħra, u tal-Awtorità tal-istatistika Komunitarja.

(4)

Minħabba l-ispeċifità tal-NSIs u awtoritajiet oħra responsabbli f'kull Stat Membru għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, għandhom ikunu jistgħu jirċievu għotjiet mingħajr sejħa għall-proposti skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(5)

Meta jitqies it-tqassim tal-piż finanzjarju bejn il-baġits tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm tal-istatistika, il-Komunità għandha wkoll, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (5), tagħmel kontributi finanzjarji lill-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra biex dawn ikopru ż-żieda fl-ispejjeż li aktarx iġarrbu fit-twettiq tal-azzjonijiet tal-istatistika diretti temporanji li tkun iddeċidiet il-Kummissjoni.

(6)

L-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri tal-Assocjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, li huma firmatarji tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (6) u tal-Iżvizzera għandhom, kif previst rispettivament fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 76 tieghu u l-Protokoll 30 għal dak il-Ftehim, u fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-koperazzjoni fil-qasam tal-istatistika (7), b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, ikunu assoċjati mill-qrib mal-koperazzjoni u koordinament rinfurzati.

(7)

Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib u koordinament adatt bejn l-ESS u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (ESCB), notevolment biex jiġi mħeġġeġ l-iskambju ta' data kunfidenzjali bejn iż-żewġ sistemi għal għanijiet ta' statistika, fid-dawl tal-Artikolu 285 tat-Trattat u l-Artikolu 5 tal-Protokol (Nru 18) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l-Bank Ċentral Ewropew anness mat-Trattat.

(8)

L-Istatistika Ewropea għandha għalhekk tkun żviluppata, prodotta u disseminata kemm mill-ESS kif ukoll mill-ESCB imma taħt oqfsa legali separati li jirriflettu l-istrutturi rispettivi tal-governanza tagħhom. Dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 rigward il-ġbir tal-informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (8).

(9)

Konsegwentement, u għalkemm il-membri tal-ESCB ma jieħdux sehem fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont dan ir-Regolament, wara ftehim bejn bank ċentrali nazzjonali u l-awtorita' komunitarja fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti nazzjonali bejn il-bank ċentrali nazzjonali u l-NSI u awtoritajiet nazzjonali oħra, data prodotta mill-bank ċentrali nazzjonali, direttament jew indirettament, tista' tiġi użata mill-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u mill-awtorita' Komunitarja għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea. B'mod simili, il-membri tal-ESCB jistgħu, fi ħdan l-isferi ta' kompetenzi rispettivi tagħhom jużaw, direttament jew indirettament, data prodotta mill-ESS, sakemm il-ħtieġa tkun ġustifikata.

(10)

Fil-kuntest ġenerali tar-relazzjonijiet bejn l-ESS u l-ESCB, il-Kumitat dwar l-istatistika monetarja, tal-finanzi u l-bilanċ tal-ħlasijiet stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE (9) għandu rwol importanti, b'mod partikolari permezz ta' għajnuna provduta lill-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi tax-xogħol li jikkonċernaw l-istatistika monetarja, tal-finanzi u l-bilanċ tal-ħlasijiet.

(11)

Fl-iżvilupp, fil-produzzjoni u fid-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali u l-aħjar prattika.

(12)

Huwa importanti li tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib u koordinazzjoni xierqa bejn l-ESS u atturi oħra fis-sistema internazzjonali tal-istatistika sabiex jitħeġġeġ l-użu ta' kunċetti, klassifikazzjonijiet u metodi internazzjonali, l-aktar bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm aktar koerenza u kumparabilità aħjar bejn l-istatistika fuq livell dinji.

(13)

Sabiex jiġu allinjati kunċetti u metodoloġiji fl-istatistika, għandha tiġi żviluppata koperazzjoni interdixxiplinarja adegwata mal-istituzzjonijiet akkademiċi.

(14)

It-tħaddim tal-ESS għandu bżonn ukoll li jiġi rivedut minħabba li hemm bżonn ta' metodi aktar flessibbli ta' żvilupp, produzzjoni u disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, kif ukoll li tiġi ffissata prijorità ċara bil-għajn li jitnaqqas il-piż fuq dawk li jwieġbu u fuq il-membri tal-ESS u tittejjeb id-disponibbiltà u t-tempesitività tal-Istatistika Ewropea. Għandha tiġi mfassla Strateġija Ewropea għall-Istatistika għal dan il-għan.

(15)

Filwaqt li l-Istatistika Ewropea hija normalment bażata fuq data nazzjonali prodotta u disseminata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika fl-Istati Membri kollha, tista' tiġi wkoll prodotta minn kontribuzzjonijiet nazzjonali mhux pubblikati, subsets ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali, minn stħarriġ statistiku Ewropew speċifikament imfassal jew kunċetti jew metodi armonizzati.

(16)

F'dawk il-każijiet speċifiċi u fejn debitament ġustifikat, għandu jkun possibbli li tiġi implimentata Strateġija Ewropea għall-Istatistika li tikkonsisti fi strateġija pragmatika biex tiffaċilita l-ġbir tal-aggregati tal-istatistika Ewropea, li tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea kollha jew iż-żona tal-euro kollha, li hija ta' importanza partikolari għall-linji politiċi tal-Kummissjoni.

(17)

Strutturi konġunti, għodod u proċessi jistgħu jiġu stabbiliti wkoll jew żviluppati aktar permezz ta' networks ta' kollaborazzjoni, li jinvolvu l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Awtorità tal-istatistika Komunitarja u li jiffaċilitaw l-ispeċjalizzazzjoni minn ċerti Stati Membri f'attivitajiet speċifiċi tal-istatistika għall-benefiċċju tal-ESS b'mod ġenerali. Dawn in-networks kollaborattivi bejn is-sħab u l-ESS għandhom jimmiraw li jevitaw ix-xogħol doppju u għalhekk iżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-piż tar-rispons fuq l-operaturi ekonomiċi.

(18)

Fl-istess waqt, għandha tingħata attenzjoni partikulari għal trattament koerenti tad-data miġbura minn varjeta' ta' stħarriġ. Għal dan il-għan għandhom jiġu stabbiliti gruppi ta' ħidma interdixxiplinari.

(19)

L-ambjent regolatorju mtejjeb għall-Istatistika Ewropea għandu b'mod partikolari jirrispondi għall-bżonn li jiġi minimizzat il-piż tar-rispons fuq dawk li jirrispondi għall-istħarriġ u jikkontribwixxi għall-għan aktar ġenerali ta' tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li jfiġġu fuq livell Ewropew, skont il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007. Ir-rwol importanti li għandhom l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra fl-imminimizzar tal-piżijiet fuq in-negozji Ewropej fuq livell nazzjonali għandu madanakollu jiġi enfasizzat.

(20)

Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fl-Istatistika Ewropea l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom f'kull Stat Membru kif għandha wkoll l-Awtorita' tal-istatistika Komunitarja fi ħdan il-Kummissjoni igawdu minn indipendenza professjonali u jiżguraw l-imparzjalità u kwalità għolja fil-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 285(2) tat-Trattat kif ukoll il-prinċipji elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea approvati mill-Kummissjoni fir-Rakkomandazzjoni tal-25 ta' Mejju 2005 tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u tal-Komunità (li tinkorpora il-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea). Il-Prinċipji Fundamentali tal-Istatistika Uffiċjali adottati mill-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa fil-15 ta' April 1992 u mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti fl-14 ta' April 1994, għandhom jitqiesu wkoll.

(21)

Ir-Regolament jiggarantixxi id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-ħarsien tad-data personali, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (10).

(22)

Dan ir-Regolament jiżgura wkoll l-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u jispeċifika, f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istatistika Ewropea, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' data simili (11), u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità dwar il-moviment ħieles ta' data simili (12).

(23)

L-informazzjoni kunfidenzjali li l-awtoritàjiet tal-istatistika nazzjonali u tal-Komunità għandhom jiġbru għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea, sabiex tinkiseb u tinżamm il-kunfidenzjalità tal-partijiet responsabbli biex jipprovdu din l-informazzjoni; il-kunfidenzjalità tad-data ta' statistika għandha tissodisfa l-istess prinċipji fl-Istati Membri kollha.

(24)

Għal dak l-iskop, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji u linji gwida komuni li jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea u l-aċċess għal dawk id-data kunfidenzjali b'ammont dovut għall-iżviluppi tekniċi u l-bżonnijiet tal-utenti f'soċjetà demokratika.

(25)

Id-disponibbiltà ta' data kunfidenzjali għall-bżonnijiet tal-ESS hija ta' importanza partikolari sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tad-data bil-għan li tiżdied il-kwalità tal-Istatistika Ewropea u biex jiġi żgurat rispons flessibbli għall-ħtiġijiet tal-istatistika Komunitarja ġodda li qed jinħolqu.

(26)

Il-komunità tar-riċerka għandha tgawdi minn aċċess usa' għal data kunfidenzjali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropej, għall-analiżi fl-interess tal-progress xjentifiku fl-Ewropa. L-aċċess għal data kunfidenzjali mir-riċerkaturi għal skopijiet xjentifiċi għandu għaldaqstant jittejjeb mingħajr ma jiġi kompromess il-livell għoli ta' ħarsien li data statistika kunfidenzjali teħtieġ.

(27)

L-użu ta' data kunfidenzjali għal għanijiet li m'humiex esklussivament ta' statistika, bħal għanijiet amministrattivi, legali jew tat-taxxa jew għall-verifika mal-unitajiet tal-istatistika tad-data għandu jkun projbit strettament.

(28)

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali (13) u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-teħid tad-Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja f'Materji Ambjentali għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (14).

(29)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta' qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk jintlaħaq aħjar fuq livell ta' Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għanu għaldaqstant huwa bla ħsara għall-modalitajiet, l-irwoli, ir-regoli u l-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi għall-istatistika nazzjonali.

(30)

Il-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (15).

(31)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta miżuri rigward il-kriterji ta' kwalità għall-Istatistika Ewropea u biex tistabbilixxi l-modalitajiet, ir-regoli u l-kundizzjonijiet li taħthom jista' jingħata aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi fuq livell Komunitarju. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(32)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom jissostitwixxu dawk fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 (17) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/382/KEE, Euratom (18). Dawk l-atti għandhom għalhekk jiġu mħassra. Il-miżuri implimentattivi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta' Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika tal-Komunità, rigward aċċess għal data kunfidenzjali għal skopijiet xjentifiċi (19) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/452/KE tad-29 ta' April 2004 li tistabbilixxi lista ta' korpi li r-riċerkaturi tagħhom jistgħu jkollhom aċċess għal data kunfidenzjali għal skopijiet xjentifiċi (20) għandha tkompli tapplika.

(33)

Il-Kumitat tal-Programm dwar l-Istatistika ġie konsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea.

F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u skont l-indipendenza, l-integrità u r-responabbilità tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Komunità, l-Istatistika Ewropea hija statistika relevanti meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet tal-Komunità. L-Istatistika Ewropea hija determinati fil-Programm Ewropew tal-Istatistika. Għandhom jiġu żviluppati, prodotti u disseminati f'konformità mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 285(2) tat-Trattat u elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea skont l-Artikolu 11. Huma għandhom jiġu implimentati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prinċipji tal-Istatistika

1.   L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandu jkun regolat mill-prinċipji tal-istatistika li ġejjin:

(a)

“indipendenza professjonali” tfisser li l-istatistika għandha tkun żviluppata, prodotta u disseminata b'mod indipendenti, partikolarment fir-rigward tal-għażla ta' tekniki, definizzjonijiet, metodoloġiji u sorsi li jridu jintużaw, u ż-żmien kif ukoll il-kontenut tal-forom kollha ta' disseminazzjoni, ħielsa minn kull pressjoni politika jew minn gruppi ta' interess jew minn awtoritajiet nazzjonali jew Komunitarji, mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet istituzzjonali, bħad-dispożizzjonijiet istituzzjonali jew baġitarji nazzjonali jew Komunitarji jew definizzjonijiet ta' bżonnijiet tal-istatistika;

(b)

“imparzjalità” tfisser li l-istatistika trid tiġi żviluppata, prodotta u disseminata b'mod newtrali, u l-utenti kollha għandhom jingħataw trattament ugwali;

(c)

“oġġettività” tfisser li l-istatistika trid tiġi żviluppata, prodotta u disseminata b'mod sistematiku, affidabbli u imparzjali; dan jimplika l-użu ta' standards professjonali u etiċi, u li l-linji politiċi u l-prattika segwiti jkunu trasparenti għall-utenti u għal dawk li jwieġbu għall-istħarriġ;

(d)

“affidabbiltà'” tfisser li l-istatistika trid tkejjel b'mod korrett u konsistenti kemm jista' jkun ir-realtà li hija mfassla biex tirrappreżenta u dan jimplika li kriterji xjentifiċi huma użati għall-għażla ta' sorsi, metodi u proċeduri;

(e)

“kunfidenzjalità tal-istatistika” tfisser li l-ħarsien ta' data kunfidenzjali relatata ma' unitajiet ta' statistika uniċi li huma miksuba direttament għal skopijiet ta' statistika jew indirettament minn sorsi amministrattivi jew sorsi oħra u dan jimplika l-projbizzjoni tal-użu tad-data miksuba għal skopijiet mhux ta' statistika jew l-iżvelar illegali tagħha;

(f)

“effettività tan-nefqa” tfisser li l-ispejjeż għall-produzzjoni tal-istatistika jridu jkunu proporzjonali mal-importanza tar-riżultati u mal-benefiċċji li jinkisbu, li r-riżorsi jridu jintużaw bl-aħjar mod u l-piż tar-rispons minimizzat. L-informazzjoni mitluba għandha, fejn possibbli, tinħareġ malajr mir-rekords jew sorsi disponibbli.

Il-prinċipji tal-istatistika stabbiliti f'dan il-paragrafu huma elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta' Prattika skont l-Artikolu 11.

2.   L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha tqis rakkomandazzjonijiet u l-aqwa prattika internazzjonali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“statistika” tfisser informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, aggregata u rappreżentattiva li tikkaratterizza fenomenu kollettiv f'popolazzjoni partikulari;

(2)

“żvilupp” tfisser l-attivitajiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu, isaħħu u jtejbu l-metodi, l-istandards u l-proċeduri tal-istatistika użati għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-statistika kif ukoll it-tfassil ta' statistika u indikaturi ġodda;

(3)

“produzzjoni” tfisser l-attivitajiet kollha relatati mal-ġbir, mal-ħażna, mal-ipproċċessar u mal-analiżi meħtieġa biex tinbena l-istatistika;

(4)

“disseminazzjoni” tfisser l-attività li tagħmel l-istatistika u l-analiżi tal-istatistika disponibbi għal min irid jużahom;

(5)

“ġbir tad-data” tfisser stħarriġ u l-metodi l-oħra kollha ta' ġbir ta' informazzjoni minn sorsi differenti, inklużi sorsi amministrattivi;

(6)

“unità tal-istatistika” tfisser l-unità bażika tal-osservazzjoni, jiġifieri persuna naturali, familja, operatur ekonomiku u l-impenji tiegħu, imsemmija mid-data;

(7)

“data kunfidenzjali” tfisser data li tippermetti li unitajiet tal-istatistika jkunu identifikati, direttament jew indirettament, biex b'hekk tiġi żvelata informazzjoni individwali. Biex ikun stabbilit jekk unità tal-istatistika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi rilevanti kollha li jistgħu jkunu użati b'mod raġonevoli minn parti terza biex tidentifika l-unità tal-istatistika msemmija;

(8)

“użu għal għanijiet tal-istatistika” tfisser l-użu esklussiv għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' riżultati u analiżi tal-istatistika;

(9)

“identifikazzjoni diretta” tfisser l-identifikazzjoni ta' unità statistika permezz tal-isem u l-indirizz, jew permezz ta' numru tal-identifikazzjoni aċċessibbli pubblikament;

(10)

“identifikazzjoni indiretta” tfisser l-identifikazzjoni ta' unità tal-istatistika b'mezz ieħor apparti l-identifikazzjoni diretta;

(11)

“uffiċjali tal-Kummissjoni (Eurostat)” tfisser uffiċjali tal-Komunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolamenti dwar l-Impjiegi ta' Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdmu mal-Awtorità tal-istatistika Komunitarja;

(12)

“uffiċjali oħra tal-Kummissjoni (Eurostat)” tfisser uffiċjali tal-Komunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 2 sa 5 tar-Regolamenti dwar l-Impiegi ta' Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdmu mal-Awtorità tal-istatistika Komunitarja.

KAPITOLU II

GOVERNANZA TAL-ISTATISTIKA

Artikolu 4

Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika

Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (l-ESS) hija s-sħubija bejn l-awtorita' tal-istatistika Komunitarja, li hija l-Kummissjoni (l-Eurostat), u l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli f'kull Stat Membru (awtoritajiet nazzjonali) għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea.

Artikolu 5

L-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħra

1.   L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-entità responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fuq livell nazzjonali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea (l-NSI) għandha taġixxi bħala l-punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f'materji ta' statistika. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

2.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm u tippubblika fis-sit elettroniku tagħha lista ta' NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli mill-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea kif maħtura mill-Istati Membri.

3.   L-NSIs inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jirċievu għotjiet mingħajr sejħa għall-proposti, skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni (Eurostat)

1.   L-awtorità Komunitarja tal-istatistika, kif maħtura mill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa, tipproduċi u tiddissemina l-Istatistika Ewropea, għandha tiġi msejħa “il-Kummissjoni (Eurostat)” f'dan ir-Regolament.

2.   Fuq livell ta' Komunità, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiżgura l-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika. F'dan ir-rigward, għandu jkollha r-responsabbiltà unika sabiex tiddeċiedi l-proċessi, metodi tal-istatistika, standards u proċeduri, u dwar il-kontenut u l-kalendarju tal-pubblikazzjoni tal-istatistika.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokol dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ESCB)u l-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkoordina l-attivitajiet tal-istatistika mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza u l-kwalità tad-data u l-imminimizzar tal-piż tar-rappurtar. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) tista' tistieden kull korp jew istituzzjoni tal-Komunità biex tikkonsultaha jew tikkoopera magħha għall-iskop tal-iżvilupp ta' metodi u sistemi għal għanijiet tal-istatistika fil-qasam rispettiv tal-kompetenza. Kull waħda minn dawk l-Istituzzjonijiet jew korpi li tipproponi li tipproduċi l-istatistika għandha tikkonsulta mal-Kummissjoni (Eurostat) u tieħu kont ta' kull rakkomandazzjoni li din tista' tagħmel għal dan il-għan.

Artikolu 7

Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika

1.   Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (Kumitat tal-ESS), huwa b'dan stabbilit. Huwa għandu jipprovdi gwida professjonali lill-ESS għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea b'konformità mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

2.   Il-Kumitat tal-ESS għandu jkun kompost mir-rappreżentanti tal-NSIs li huma speċjalisti nazzjonali fuq l-istatistika. Il-Kummissjoni għandha tippresjedi dan il-kumitat (Eurostat).

3.   Il-Kumitat tal-ESS għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom jirriflettu l-kompiti tiegħu.

4.   Il-Kumitat tal-ESS għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni rigward:

(a)

il-miżuri li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tieħu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, il-ġustifikazzjoni għalihom fuq il-bażi tal-effettività tan-nefqa, il-mezzi u ż-żmien sabiex jinkisbu, il-piż tar-rispons fuq dawk li jwieġbu s-servej;

(b)

żviluppi u prijoritajiet proposti fil-Programm Ewropew tal-Istatistika;

(c)

l-inizjattivi sabiex ir-riprijoritizzazzjoni u t-tnaqqis tal-piż tar-rispons jitwettqu fil-prattika;

(d)

kwistjonijiet rigward il-kunfidenzjalità tal-istatistika;

(e)

l-iżvilupp ulterjuri tal-Kodiċi ta' Prattika; u

(f)

kull kwistjoni oħra, b'mod partikulari kwistjonijiet ta' metodoloġija, li joħorġu mit-twaqqif jew mill-implimentazzjoni tal-programmi tal-istatistika li jitqajmu mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jew fuq it-talba ta' xi Stat Membru.

Artikolu 8

Koperazzjoni ma' korpi oħra

Il-Kumitat Ewropew Konsultattiv tal-Istatistika u l-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika għandhom ikunu kkonsultati skont il-kompetenza rispettiva tagħhom.

Artikolu 9

Koperazzjoni mal-ESCB

Sabiex jiġi minimizzat il-piż tar-rappurtar u tiġi garantita l-koerenza meħtieġa għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea, l- ESS u l-ESCB għandhom jikkooperaw mill-qrib, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipji tal-istatistika kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 10

Koperazzjoni internazzjonali

Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni u l-irwol tal-Istati Membri individwali, il-pożizzjoni tal-ESS rigward kwistjonijiet ta' rilevanza partikolari għall-Istatistika Ewropea fuq livell internazzjonali kif ukoll arranġamenti speċifiċi għar-rappreżentazzjoni f'korpi internazzjonali tal-istatistika għandha tiġi preparata mill-Kumitat tal-ESS u tkun koordinata mill-Kummissjoni (Eurostat).

Artikolu 11

Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea

1.   Il-Kodiċi ta' Prattika għandu jimmira li jiżgura l-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea billi jiġi stabbilit kif l-Istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata f'konformità mal-prinċipji tal-istatistika kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u l-aqwa prattika internazzjonali tal-istatistika.

2.   Il-Kodiċi ta' Prattika għandu jiġi rivedut u aġġornat kif meħtieġ mill-Kumitat tal-ESS. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-emendi tiegħu.

Artikolu 12

Kwalità tal-istatistika

1.   Sabiex tiġi garantita l-kwalità tar-riżultati, l-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata fuq il-bażi ta' standards uniformi u metodi armonizzati. F'dan ir-rigward, il-kriterji ta' kwalità li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“ir-rilevanza” li tindika l-grad ta' kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;

(b)

“il-preċiżjoni” li tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

(c)

“tempestività” li tirreferi għall-perijodu bejn id-disponibilità tat-tagħrif u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

(d)

“il-puntwalità” li tirreferi għad-dewmien bejn id-data ta' rilaxx tad-data u d-data mmirata (id-data sa liema kellha tintbagħat id-data);

(e)

“l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” li jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

(f)

“il-kumparabilità” li tirreferi għall-kejl tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti tal-istatistika, għodod u proċeduri applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

(g)

“il-koerenza” li tirreferi għall-adegwatezza tad-data li tkun marbuta b'mod affidabbli b'modi differenti u għal użu varju.

2.   Permezz tal-applikazzjoni tal-kriterji ta' kwalità stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għad-data tal-istatistika koperta bil-leġiżlazzjoni settorjali f'oqsma speċifiċi tal-istatistika, il-modalitajiet, l-istruttura u perjodiċità tar-rapporti ta' kwalità previsti f'leġislazzjoni settorjali għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 27(2).

Kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-kwalità, bħal valuri mmirati u standards minimi għall-produzzjoni tal-istatistika, jistgħu jiġu stabbiliti fil-leġislazzjoni settorjali. Fejn il-leġislazzjoni settorjali ma tipprevedix dan, il-miżuri jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni (Eurostat) rapporti dwar il-kwalità tad-data mibgħuta. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità ta' data mibgħuta u għandha tipprepara u tippubblika rapporti dwar il-kwalità tal-Istatistika Ewropea.

KAPITOLU III

PRODUZZJONI TAL-ISTATISTIKA EWROPEA

Artikolu 13

Programm Ewropew tal-Istatistika

1.   Il-Programm Ewropew tal-Istatistika għandu jipprovdi qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatika Ewropea, l-oqsma ewlenin u l-għanijiet ta' azzjonijiet previsti għal perjodu li ma jaqbiżx il-ħames snin. Dan għandu jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-impatt tiegħu u l-effettivita' meta mqabbla mal-ispejjeż tiegħu għandhom jiġu evalwati, bl-involviment ta' esperti indipendenti.

2.   Il-Programm Ewropew tal-Istatistika għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet rigward il-bżonnijiet ta' informazzjoni bl-iskop li jitwettqu l-attivitajiet tal-Komunità. Dawk il-bżonnijiet għandhom jiġu kkunsidrati skont ir-riżorsi meħtieġa fil-livell Komunitarju u nazzjonali biex tiġi provduta l-istatistika meħtieġa, kif ukoll skont il-piż tar-rappurtar u l-ispejjeż assoċjati għal min jipprovdi l-informazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tintroduċi inizjattivi biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet u biex jitnaqqas il-piż tar-rispons għall-Programm Ewropew tal-Istatistika kollu jew għal parti minnu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozz tal-Programm Ewropew tal-Istatistika lill-Kumitat tal-ESS biex dan jiġi eżaminat minn qabel.

5.   Għal kull Programm Ewropew tal-Istatistika, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-Kumitat tal-ESS, tippreżenta rapport ta' progress intermedjarju u rapport finali evalwattiv u għandha tressaqhom quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 14

Implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Istatistika

1.   Il-Programm Ewropew tal-Istatistika għandu jiġi implimentat b'azzjonijiet individwali tal-istatistika li għandhom jiġu deċiżi:

(a)

mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill;

(b)

mill-Kummissjoni, f'każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati, b'mod partikulari sabiex jiġu sodisfati ħtiġijiet mhux mistennija, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2; jew

(c)

permezz ta' qbil bejn l-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom. Tali qbil għandu jkun bil-miktub.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi dwar azzjoni statistika diretta temporanja skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 27(2) sakemm:

(a)

l-azzjoni ma tkunx tipprevedi l-ġbir ta' data li jkopri iktar minn tliet snin ta' referenza;

(b)

id-data tkun diġà disponibbli jew aċċessibbli għand l-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli, jew id-data tista' tinkiseb direttament, permezz tal-użu tal-kampjuni adatti għall-osservazzjoni tal-popolazzjoni statistika fil-livell Ewropew b'koordinament xieraq mal-awtoritajiet nazzjonali; u

(c)

il-Komunità għandha, f'konformità mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1650/2002, tagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-NSIs u lill-awtoritajiet nazzjonali oħra biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda fl-ispejjeż li jkollhom.

3.   Fit-twettiq ta' azzjoni li għandha tiġi deċiża taħt il-paragrafu 1(a) jew (b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar:

(a)

ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-azzjoni, l-aktar fid-dawl tal-għanijiet tal-politika Komunitarja kkonċernata;

(b)

l-għanijiet għall-azzjoni u r-riżultati mistennija;

(c)

analiżi tal-effettività meta mqabbla mal-ispejjeż, inkluża evalwazzjoni tal-piż fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet u tal-ispejjeż tal-produzzjoni; u

(d)

il-modi permezz ta' liema għandha titwettaq l-azzjoni, inkluż id-dewmien tagħha u l-irwol tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

Artikolu 15

Networks kollaborattivi

Fl-azzjonijiet individwali tal-istatistika, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji, fejn possibbli, fi ħdan l-ESS permezz ta' networks kollaborattivi, bl-iskambju ta' tagħrif espert u riżultati jew bit-trawwim ta' speċjalizzazzjoni f'ħidmiet speċifiċi. Għal dan il-għan, għandha tiġi żviluppata struttura finanzjarja adegwata.

Ir-riżultati ta' dawk l-azzjonijiet, bħal strutturi, għodda, proċessi u metodi konġunti, għandhom ikunu disponibbli fl-ESS kollha. L-inizjattivi għall-ħolqien ta' networks kollaborattivi kif ukoll ir-riżultati għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat tal-ESS.

Artikolu 16

Strateġija Ewropea għall-Istatistika

1.   F'każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati u fil-qafas tal-Programm Ewropew tal-Istatistika, l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandha l-għan li:

(a)

timmassimizza d-disponibbiltà tal-aggregati tal-istatistika fil-livell Ewropew u t-titjib fil-produzzjoni fil-ħin tal-Istatistika Ewropea;

(b)

tnaqqas il-piż fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali abbażi ta' analiżi tal-effettivita' meta mqabbla mal-ispejjeż.

2.   Il-każijiet fejn l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika hija rilevanti jinkludu:

(a)

il-produzzjoni ta' Statistika Ewropea permezz tal-użu ta':

(i)

kontribuzzjonijiet nazzjonali mhux ippubblikati jew kontribuzzjonijiet nazzjonali minn grupp ta' Stati Membri;

(ii)

skemi ta' stħarriġ imfassla b'mod speċifiku;

(iii)

informazzjoni parzjali permezz ta' tekniki ta' mudellar;

(b)

id-disseminazzjoni ta' aggregati tal-istatistika fil-livell Ewropew billi jiġu applikati tekniki speċifiċi ta' kontroll tal-iżvelar tal-istatistika mingħajr ma jiġu affettwati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-disseminazzjoni.

3.   Il-miżuri biex tiġi implimentata l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandhom jitwettqu bl-involviment sħiħ tal-Istati Membri. Il-miżuri għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandhom jiġu stabbiliti fl-azzjonijiet individwali tal-istatistika msemmija fl-Artikolu 14(1).

4.   Jekk ikun neċessarju, għandha tiġi stabbilita politika koordinata dwar ir-rilaxx u r-reviżjoni f'koperazzjoni mal-Istati Membri.

Artikolu 17

Programm annwali ta' ħidma

Kull sena, qabel l-aħħar ta' Mejju, il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-programm ta' xogħol tagħha għas-sena ta' wara lill-Kumitat tal-ESS. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm tistal-kummenti tal-Kumitat tal-ESS. Dak il-programm ta' ħidma għandu jkun ibbażat fuq il-Programm Ewropew tal-Istatistika u għandu jindika, b'mod partikulari:

(a)

l-azzjonijiet li l-Kummissjoni tikkunsidra li għandhom prijorità, b'kont meħud tal-bżonnijiet tal-linja politika u l-limiti finanzjarji nazzjonali u tal-Komunità kif ukoll il-piż tar-rispons;

(b)

inizjattivi rigward l-analiżi tal-prijoritajiet u t-tnaqqis tal-piż tar-rispons; u

(c)

il-proċeduri u kull strument legali previst mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm.

KAPITOLU IV

DISSEMINAZZJONI TAL-ISTATISTIKA EWROPEA

Artikolu 18

Miżuri ta' disseminazzjoni

1.   Id-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha ssir f'konformità sħiħa mal-prinċipji tal-Istatistika, kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1), partikolarment fir-rigward tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-istatistika u l-iżgurar ta' aċċess ugwali kif meħtieġ skont il-prinċipju tal-imparzjalità.

2.   Id-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha ssir mill-Kummissjoni (Eurostat), l-NSIs u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni, fl-ambitu tal-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, għandhom jipprovdu l-appoġġ neċessarju biex jiżguraw il-kwalità tal-aċċess tal-Istatistika Ewropea għall-utenti kollha.

Artikolu 19

Fajls għall-użu pubbliku

Data dwar unitajiet individwali tal-istatistika tista' tiġi disseminata fil-forma ta' fajls għall-użu pubbliku li jikkonsisti f'rekords anonimizzati li ġew preparati b'tali mod li l-unità tal-istatistika ma tistax jiġi identifikat, direttament jew indirettament, meta jittieħed kont tal-mezzi kollha relevanti li jistgħu jintużaw b'mod raġonevoli minn terza persuna.

Jekk id-data tkun ġiet trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) l-approvazzjoni espliċita tal-NSIs jew awtorità nazzjonali oħra li tkun ipprovdiet id-data hija meħtieġa.

KAPITOLU V

KUNFIDENZJALITÀ TAL-ISTATISTIKA

Artikolu 20

Ħarsien tad-data kunfidenzjali

1.   Ir-regoli u l-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw biex jiġi żgurat li d-data kunfidenzjali tkun użata esklussivament għal għanijiet ta' statistika u għall-prevenzjoni ta' żvelar illegali.

2.   Id-data kunfidenzjali miksuba esklussivament għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha tintuża mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u mill-Kummissjoni (Eurostat) esklussivament għal għanijiet ta' statistika sakemm l-unità tal-istatistika ma tkunx tat il-kunsens mhux ambigwu tagħha għall-użu għal kull għan ieħor.

3.   Ir-riżultati tal-istatistika li jistgħu jagħmluha possibbli li tiġi identifikata l-unità tad-data tal-istatistika jistgħu jiġu disseminati mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (l-Eurostat) fil-każijiet eċċezzjonali li ġejjin:

(a)

meta jiġu determinati modalitajiet u kundizzjonijiet speċifiċi permezz ta' att tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat u mar-riżultati tal-istatistika jiġu emendati b'tali mod li d-disseminazzjoni tagħhom ma jippreġudikax il-kunfidenzjalità tal-istatistika kull meta l-unità tad-data tal-istatistika titlob dan; jew

(b)

meta l-unità tal-istatistika tkun qablet b'mod ċar mal-iżvelar tad-data.

4.   Fl-ambitu tal-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (l-Eurostat) għandhom jieħdu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi neċessarji biex jiżguraw il-ħarsien fiżiku u loġiku tad-data kunfidenzjali (Kontroll tal-Iżvelar tal-Istatistika).

L-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw l-armonizzazzjoni tal-prinċipji u l-linji gwida fir-rigward tal-ħarsien fiżiku u loġiku tad-data kunfidenzjali. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 27(2).

5.   Uffiċjali u persunal ieħor tal-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra li jkollhom aċċess għad-data kunfidenzjali għandhom ikunu soġġetti għall-konformità ma' kunfidenzjalità simili, anke wara li jtemmu l-funzjoni tagħhom.

Artikolu 21

Trażmissjoni ta' data kunfidenzjali

1.   It-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali minn awtorità ESS, kif imsemmi fl-Artikolu 4, li tkun ġabret id-data għal awtorità ESS oħra tista' sseħħ sakemm din it-trażmissjoni hija meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni effiċjenti tal-Istatistika Ewropea jew sabiex tiżdied il-kwalità tagħha.

2.   It-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali bejn awtorità tal-ESS li tkun ġabret id-data u membru tal-ESCB tista' sseħħ sakemm din it-trażmissjoni tkun meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni effiċjenti tal-Istatistika Ewropea jew sabiex tiżdied il-kwalità tal-Istatistika Ewropea fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tal-ESS u tal-ESCB, u sakemm din in-neċessità tkun ġiet iġġustifikata.

3.   Kull trażmissjoni oħra wara l-ewwel trażmissjoni għandha tirrikjedi l-awtorizzazzjoni espliċita tal-awtorità li ġabret id-data.

4.   Ir-regoli nazzjonali dwar kunfidenzjalità statistika ma għandhomx jiġu invokati biex jipprevjenu t-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali skont il-paragrafi 1 u 1a fejn att tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, waqt li jaġixxu b'konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat jipprovdi għat-trażmissjoni ta' dik id-data.

5.   Id-data kunfidenzjali trażmessa konformement ma' dan l-Artikolu, għandha tintuża biss għal għanijiet ta' statistika u tkun aċċessibbli biss għall-persunal li jaħdem f'attivitajiet tal-istatistika fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.

6.   Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tal-istatistika previsti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għad-data kollha kunfidenzjali trażmessa fi ħdan l-ESS u bejn l-ESS u l-ESCB.

Artikolu 22

Ħarsien ta' data kunfidenzjali fil-Kummissjoni (Eurostat)

1.   Id-data kunfidenzjali għandha tkun aċċessibbli, bl-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, biss għal uffiċjali tal-Kummissjoni (Eurostat) fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.

2.   F'każijiet eċċezzjonali l-Kummissjoni (Eurostat) tista' tagħti aċċess għad-data kunfidenzjali lill-persunal l-ieħor tagħha jew lil persuni naturali oħra li jaħdmu għall-Kummissjoni (Eurostat) b'kuntratt fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.

3.   Persuni li għandhom aċċess għad-data kunfidenzjali għandhom jużaw dawn id-data esklussivament għal għanijiet tal-istatistika. Għandhom ikunu soġġetti għal din ir-restrizzjoni anke wara li jtemmu l-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 23

Aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi

L-aċċess għad-data kunfidenzjali li jippermetti biss identifikazzjoni indiretta tal-unitajiet tal-istatistika jista' jingħata lil riċerkaturi li jwettqu l-analiżi tal-istatistika għal raġunijiet xjentifiċi mill-Kummissjoni (Eurostat) jew mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom. Jekk id-data tkun ġiet trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) l-approvazzjoni tal-NSIs jew awtorità nazzjonali oħra li tkun provdiet id-data hija meħtieġa.

Il-modalitajiet, ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-aċċess fil-livell Komunitarju għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri simili mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(3).

Artikolu 24

Aċċess għal rekords amministrattivi

Sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq min jirrispondi, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom ikollhom aċċess għal sorsi ta' data amministrattiva, mis-sistemi rispettivi tagħhom tal-amministrazzjoni pubblika, sakemm dawn id-data huma neċessarji għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea.

L-arranġamenti prattiċi u l-kondizzjonijiet sabiex jinkiseb aċċess effettiv għandhom ikunu stabbiliti fejn ikun neċessarju minn kull Stat Membru u l-Kummissjoni fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom.

Artikolu 25

Data minn sorsi pubbliċi

Data miksuba minn sorsi disponibbli legalment għall-pubbliku u li jibqgħu disponibbli għall-pubbliku skont il-leġislazzjoni nazzjonali m'għandhiex tiġi kkunsidrata kunfidenzjali għall-iskop tad-disseminazzjoni tal-istatistika miksuba minn dik id-data.

Artikolu 26

Ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipprevjenu u jissanzjonaw kull ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-ESS.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 28

Revoka

1.   Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 huwa b'dan imħassar.

Referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Referenzi għall-Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità Statistika stabbilit taħt ir-Regolament Revokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Kumitat ESS stabbilit permezz tal-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

2.   Ir-Regolament (KE) 322/97 huwa b'dan imħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

3.   Id-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom hija b'dan imħassra.

Referenzi għall-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Kumitat ESS stabbilit permezz tal-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)  ĠU C 291, 5.12.2007, p. 1.

(2)  ĠU C 308, 3.12.2008, p. 1.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-19 ta' Novembru 2008 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 2009.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(7)  ĠU L 90, 28.3.2006, p. 2.

(8)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(9)  ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21.

(10)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(11)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(12)  2. ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(13)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(14)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

(15)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(16)  ĠU L 304, 14.11.2008, p. 70.

(17)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

(18)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(19)  ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7.

(20)  ĠU L 156, 30.4.2004, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 202, 7.6.2004, p. 1.


Top