Help Print this page 

Document 32009L0131

Title and reference
Direttiva tal-Kummissjoni 2009/131/KE tas- 16 ta’ Ottubru 2009 li temenda l-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
  • In force
OJ L 273, 17.10.2009, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 032 P. 103 - 104

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/131/oj
Multilingual display
Text

17.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/12


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/131/KE

tas-16 ta’ Ottubru 2009

li temenda l-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Nru ERA/REC/XA/01-2009 tas-17 ta’ April 2009,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9b(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) obbliga lill-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (minn hawn ‘il quddiem “l-Aġenzija”) li sad-19 ta’ Jannar 2009 tirrevedi l-lista ta’ parametri fit-Taqsima 1 tal-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE u tagħmel rakkomandazzjonijiet li hi tikkunsidra adatti lill-Kummissjoni.

(2)

Ġaladarba t-Taqsima 1 attwali tal-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE fiha elementi li mhumiex parametri tal-vetturi, dawk l-elementi għandhom jitneħħew.

(3)

It-Taqsima 1 tal-Anness imsemmi fiha wkoll parametri li primarjament jirrelataw biss għal dik il-parti tal-vettura li tirrigwarda s-susbsistema tal-vetturi ferrovjarji. Jeħtieġ li l-lista tal-parametri tkopri sew il-parametri kollha ta’ vettura li għandhom ikunu kkontrollati b’irbit mal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz kif ukoll il-klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali. Għaldaqstant għandhom ikunu inklużi parametri ta’ subsistemi oħra li jiffurmaw parti mill-vettura.

(4)

Għalhekk, id-Direttiva 2008/57/KE għandha tkun emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2008/57/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

It-Taqsima 1 tal-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE għandha tinbidel bit-test stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Lulju 2010. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta Stati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

“1.   Lista ta’ parametri

1.1.

Dokumentazzjoni ġenerali

Dokumentazzjoni ġenerali (inkluża d-deskrizzjoni ta’ vetturi ġodda, rinnovati jew imtejba u informazzjoni dwar l-użu li għalih huma maħsuba, it-tiswija, l-operat u l-manutenzjoni, il-fajl tekniku, eċċ.)

1.2.

Struttura u partijiet mekkaniċi

L-integritá mekkanika u l-interfaċċa bejn il-vetturi (inklużi r-respinġenti u t-tagħmir ta’ trazzjoni, passaġġi), is-saħħa tal-istruttura tal-vettura u l-apparat ta’ ġo fiha (eż. s-sits), il-kapaċitá tat-tagħbija, is-sikurezza passiva (inkluża r-reżistenza interjuri u esterjuri għall-ħabtiet)

1.3.

Interazzjoni mal-binarji u daqsijiet (gauging)

Interfaċċi mekkaniċi mal-infrastruttura (inkluż l-aġir statiku u dinamiku, it-tolleranzi u l-iffittjar, id-daqsijiet (gauge), l-apparat marbut mar-roti passivi, eċċ.)

1.4.

Tagħmir tal-brejkijiet

Elementi relatati mal-ibbrejkjar (inkluża l-protezzjoni kontra ż-żliq tar-roti, il-kontroll tal-ibbrejkjar u l-prestazzjoni tal-ibbrejkjar fil-modi tal-użu tas-servizz, l-emerġenza u l-ipparkjar)

1.5.

Elementi relatati mal-passiġġieri

Faċilitajiet għall-passiġġieri u l-ambjent tal-passiġġieri (inklużi t-twieqi u l-bibien tal-passiġġieri, ir-rekwiżiti għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, eċċ.)

1.6.

Kundizzjonjiet ambjentali u effetti aerodinamiċi

L-impatt tal-ambjent fuq il-vettura u l-impatt tal-vettura fuq l-ambjent (inklużi l-kundizzjonijiet aerodinamiċi u kemm l-interfaċċa bejn il-vettura u l-parti tas-sistema ferrovjarja relatat mal-binarji kif ukoll l-interfaċċa mal-ambjent estern)

1.7.

Twissijiet esterni, marki, funzjonijiet u rekwiżiti tal-integrità tas-softwer

Twissijiet esterni, marki, funzjonijiet u rekwiżiti tal-integrità tas-softwer, eż. Funzjonijiet relatati mas-sikurezza b’impatt fuq l-aġir tat-tren, inkluża d-databus tat-tren

1.8.

Provvista u kontroll tal-qawwa ta’ abbord

Sistemi ta’ abbord għall-propulsjoni, il-qawwa u l-kontroll, flimkien mal-interfaċċa tal-vettura mal-infrastruttura tal-provvista tal-enerġija u l-aspetti kollha tal-kompatibbiltà elettromanjetika

1.9.

Faċilitajiet, interfaċċi u ambjent tal-persunal

Faċilitajiet, interfaċċi kundizzjonijiet ta’ ħidma u ambjent ta’ abbord għall-persunal (inklużi l-kabini tas-sewwieqa, l-interfaċċa bejn is-sewwieq u l-magna)

1.10.

Sikurezza u evakwazzjoni f’każ ta’ nirien

1.11.

Manutenzjoni

Faċilitajiet u interfaċċi ta’ abbord għall-manutenzjoni

1.12.

Kmand, kontroll u sinjalazzjoni ta’ abbord

It-tagħmir kollu ta’ abbord li huwa meħtieġ biex ikunu żgurati l-movimenti ta’ kmand u kontroll tal-ferroviji awtorizzati li jivvjaġġaw fuq in-netwerk u l-effetti ta’ dan it-tagħmir fuq il-parti tas-sistema ferrovjarja relatata mal-binarji

1.13.

Rekwiżiti operattivi speċifiċi

Rekwiżiti operattivi speċifiċi għall-vetturi (inkluż l-operat b’effiċjenza mnaqqsa, irkupru tal-vettura, eċċ.)

1.14.

Elementi relatati mal-merkanzija

Rekwiżiti speċifiċi u ambjent speċifiku għall-merkanzija (inklużi faċilitajiet speċifikament meħtieġa għall-oġġetti perikolużi)

L-ispjegazzjonijiet u l-eżempji bil-kursiv hawn qed jingħataw bi skop informattiv biss, u mhumiex definizzjonijiet tal-parametri.”


Top