EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0072

Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE Test b’rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 211, 14.8.2009, p. 55–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 004 P. 29 - 67

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32019L0944

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/72/oj

14.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/55


DIRETTIVA 2009/72/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 47(2), u l-Artikoli 55 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Is-suq intern fil-qasam tal-elettriku, li ġie implimentat progressivament fil-Komunità kollha sa mill-1999, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji, opportunitajiet ġodda ta’ negozju u aktar kummerċ transkonfinali, sabiex jinkiseb titjib fl-effiċjenza, prezzijiet kompettitivi, u standards ogħla ta’ servizzi, u għandu l-għan ukoll li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibilità.

(2)

Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (4) għamlet kontribut sinifikanti lejn il-ħolqien ta’ tali suq intern tal-elettriku.

(3)

Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni — inter alia, il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi — jistgħu jinkisbu biss f’suq miftuħ kompletament, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha biex jikkunsinjaw liberament il-prodotti lill-klijenti tagħhom.

(4)

Madankollu, fil-preżent, jeżistu ostakoli għall-bejgħ tal-elettriku fuq termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġi fil-Komunità. B’mod partikolari, aċċess mhux diskriminatorju għan-network u livell effettiv ugwalment ta’ superviżjoni regolatorja f’kull Stat Membru, għad ma jeżistux.

(5)

Il-Provvista sigura ta’ elettriku hija ta’ importanza essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea, għall-implimentazzjoni ta’ politika sostenibbli għall-bidla fil-klima, kif ukoll sabiex titkattar il-kompetittivitá fi ħdan is-suq intern. Għal dak il-għan għandhom ikomplu jiġu żviluppati l-interkonnessjonijiet transkonfinali sabiex tiġi żgurata l-provvista tas-sorsi kollha tal-enerġija bl-iktar prezzijiet kompetittivi kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija fil-Komunità.

(6)

Suq intern tal-elettriku li jopera tajjeb għandu jipprovdi lill-produtturi bl-inċentivi xierqa biex jinvestu fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija ġdida, inkluż l-elettriku minn sorsi tal-energija li jiggeddu, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar iżolati fis-suq tal-enerġija tal-Kommunità. Suq li jopera tajjeb għandu wkoll jipprovdi lill-konsumaturi b’miżuri adegwati għall-promozzjoni ta’ użu aktar effiċjenti tal-enerġija li għalih il-provvista sigura tal-enerġija hija prekundizzjoni.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolata “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa”enfasizzat l-importanza li jitlesta s-suq intern fl-elettriku u li jinħolqu kondizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha tal-elettriku stabbiliti fil-Komunità. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolata: “Prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku” u “Inkjesta taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-Setturi Ewropej tal-Gass u tal-Elettriku (Rapport Finali)” urew li r-regoli u l-miżuri preżenti ma jipprovdux il-qafas meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb.

(8)

Sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni u l-provvista tal-elettriku bl-aktar prezz kompetittiv, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiffaċilitaw l-aċċess transkonfinali għall-fornituri l-ġodda tal-elettriku minn sorsi differenti tal-enerġija kif ukoll għall-fornituri l-ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

(9)

Mingħajr is-separazzjoni effettiva tan-netwerks minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u provvista ta’ separazzjoni effettiva, hemm ir-riskju inerenti ta’ diskriminazzjoni mhux biss fl-operat tan-network iżda wkoll fl-inċentivi għal impriżi integrati vertikalment li jinvestu b’mod adegwat fin-netwerks tagħhom.

(10)

Madankollu, ir-regoli dwar is-separazzjoni legali u funzjonali kif previsti fid-Direttiva 2003/54/KE ma wasslux għas-separazzjoni effettiva tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni. Għalhekk, fil-laqgħa tiegħu fit-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti leġislattivi għas-“separazzjoni effettiva tal-attivitajiet ta’ provvista u ġenerazzjoni mill-operazzjonijiet tan-network”.

(11)

Tkun biss it-tneħħija tal-inċentiv għall- impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra kompetituri fir-rigward tal-aċċess għan-network u l-investiment li tista’ tiżgura s-separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, li timplika l-ħatra tal-proprjetarju tan-network bħala l-operatur tas-sistema u l-indipendenza tiegħu minn kwalunkwe interessi ta’ provvista u produzzjoni, hija b’mod ċar mezz effettiv u stabbli biex jiġi solvut il-konflitt ta’ interess inerenti u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista. Għal dik ir-raġuni, il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2007 dwar prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku (5) rrifera għas-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fil-livell tat-trasmissjoni bħala l-aktar għodda effettiva għall-promozzjoni tal-investimenti fl-infrastrutturi b’mod mhux diskriminatorju, l-aċċess ġust għan-network għal parteċipanti ġodda u t-trasparenza fis-suq. Taħt is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu meħtieġa jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ma jkunux intitolati jeżerċitaw kontroll fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista u, fl-istess waqt, jeżerċitaw kontroll jew kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni. Bil-kontra, il-kontroll fuq sistema ta’ trasmissjoni jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jipprekludi l-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll jew kwalunkwe dritt fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista. F’dawn il-limiti, impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista għandha tkun tista’ jkollha parteċipazzjoni minoritarja fl-ishma f’operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew f’sistema ta’ trasmissjoni.

(12)

Kwalunkwe sistema ta’ separazzjoni għandha tkun effettiva fit-tneħħija ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi bejn il-produtturi, il-fornituri u l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni, sabiex jinħolqu inċentivi għall-investimenti neċessarji u jiġi garantit l-aċċess ta’ parteċipanti ġodda fis-suq skont sistema regolatorja trasparenti u effiċjenti u m’għandhiex toħloq sistema regolatorja tqila żżejjed għall-awtoritajiet regolatorji.

(13)

Id-definizzjoni tat-terminu “kontroll” hija dik li hemm fir -Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (6).

(14)

Billi s-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà teħtieġ, f’xi każi, ir-ristrutturazzjoni tal-impriżi, l-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà għandhom jingħataw żmien addizzjonali biex japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti. Fi-dawl tar-rabtiet vertikali bejn is-setturi tal-gass u tal-elettriku, id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni għandhom japplikaw għaż-żewġ setturi.

(15)

Taħt is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-operat tan-network mill-interessi tal-provvista u l-ġenerazzjoni u sabiex ma jkun hemm skambji ta’ ebda informazzjoni kunfidenzjali, l-istess persuna ma għandhiex tkun membru tal-bordijiet ta’ amministrazzjoni kemm ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni kif ukoll ta’ impriża li twettaq kwalunkwe mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista. Għall-istess raġuni, l-istess persuna ma għandhiex tkun intitolata taħtar membri tal-bordijiet ta’ amministrazzjoni ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni u teżerċita kontroll jew kwalunkwe dritt fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista.

(16)

L-istabbiliment ta’ operatur ta’ sistema jew ta’ operatur tat-trasmissjoni li jkun indipendenti mill indipendenti mill-interessi ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni għandu jippermetti lill- impriżi integrati vertikalment iżommu d-dritt ta’ proprjetà tagħhom fir-rigward tal-assi tan-network filwaqt li jiżgura separazzjoni tal-interessi effettiva, sakemm tali operatur indipendenti ta’ sistema jew tali operatur indipendenti tat-trasmissjoni iwettaq il-funzjonijiet kollha ta’ operatur tas-sistema u sakemm jiġu attwati regolamentazzjoni ddettaljata u mekkaniżmi ta’ kontroll regolatorji estensivi.

(17)

Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, l-impriża li tkun proprjetarja tas-sistema ta’ trasmissjoni tkun parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw l-għażla bejn is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà u l-istabbiliment ta’ operatur ta’ sistema jew ta’ operatur tat-trasmissjoni li jkunu indipendenti mill-interessi ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni.

(18)

Sabiex jiġu preżervati totalment l-interessi tal-azzjonisti tal-impriżi integrati vertikalment, l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jimplimentaw separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà jew permezz ta’ żvestiment dirett jew inkella billi jinqasmu l-ishma tal-impriża integrata f’ishma tal-impriża tan-network u ishma tal-impriża tan-negozju li jkun baqa residwali’ ta’ fornitura u ta’ ġenerazzjoni, sakemm ikun hemm konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà.

(19)

L-effikaċja sħiħa tal-operatur indipendenti tas-sistema jew tas-soluzzjonijiet tal-operatur indipendenti tat-trasmissjoni għandha tiġi żgurata permezz ta’ regoli speċifiċi addizzjonali. Ir-regoli dwar l-operatur indipendenti tat-trasmissjoni jipprovdu qafas regolatorju xieraq għall-garanzija ta’ kompetizzjoni ġusta, investiment suffiċjenti, aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq u għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku. Is-separazzjoni effettiva permezz tad-dispożizzjonijiet tal-operaturi indipendenti tat-trasmissjoni għandha tkun ibbażata fuq pilastru ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni u miżuri li jirrelataw mal-governanza tal-operaturi tas-sistemi tat-trasmissjoni u fuq pilastru ta’ miżuri fir-rigward tal-investiment, ir-rabta tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni l-ġodda man-netwerk u l-integrazzjoni tas-suq permezz ta’ koperazzjoni reġjonali. L-indipendenza tal-operatur tat-trasmissjoni għandha tiġi żgurata wkoll, inter alia, permezz ta’ ċertu perijodi ta’ “tregwa” (“cooling-off” periods) li matulhom, fl-impriża integrata vertikalment, ma ssir l-ebda attività ta’ ġestjoni jew attività relevanti oħra li tagħti aċċess għall-istess informazzjoni li setgħet inkisbet f’pożizzjoni maniġerjali. Il-mudell ta’ separazzjoni effettiva tal-operaturi indipendenti ta’ trasmissjoni huwa f’konformità mar-rekwiżiti stipulata mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fit-8 u d-9 ta’ Marzu 2007.

(20)

Sabiex tiġi żviluppata l-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, il-klijenti mhux domestiċi kbar għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-fornituri tagħhom kif ukoll jidħlu f’kuntratti biex jiżguraw il-ħtiġijiet tagħhom tal-elettriku ma’ diversi fornituri. Dawn il-klijenti għandhom ikunu protetti kontra klawżoli esklussivi li l-effett tagħhom ikun li jeskludu offerti kompetittivi u/jew komplementari.

(21)

Stat Membru għandu d-dritt li jagħżel separazzjoni sħiħa ta’ proprjetà fit-territorju tiegħu. Fejn Stat Membru jkun eżerċita dak id-dritt, impriża ma jkollhiex id-dritt li tistabbilixxi operatur indipendenti tas-sistema jew operatur indipendenti tat-trasmissjoni. Barra minn hekk, intrapriża li tkun qed twettaq kwalunkwe funzjoni ta’ ġenerazzjoni jew provvista ma tistax tikkontrolla jew teżerċita direttament jew indirettament ebda dritt fuq operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni minn Stat Membru li għażel separazzjoni sħiħa ta’ proprjetà.

(22)

Taħt din id-Direttiva tipi differenti ta’ organizzazzjoni tas-suq ser ikunu jeżistu fis-suq intern tal-elettriku. Il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jiżguraw livell ta’ kondizzjonijiet ugwali għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti prevalenti ta’ interess ġenerali. Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonsultata dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mat-Trattat u mal-liġi tal-Komunità.

(23)

L-implimentazzjoni ta’ separazzjoni effettiva għandha tirrispetta l-prinċipju li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat. Għal dak il-għan, l-istess persuna ma għandhiex tkun tista’ teżerċita kontroll jew kwalunkwe dritt, bi ksur tar-regoli tas-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà jew tas-soluzzjoni tal-operatur indipendenti tas-sistema, waħidha jew b’mod konġunt, fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjoni tal-korpi kemm tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistemi ta’ trasmissjoni kif ukoll tal-impriżi tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista. Sakemm l-Istat Membru kkonċernat jista’ juri li dan ir-rekwiżit qed jiġi sodisfatt, żewġ korpi pubbliċi separati għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw, minn naħa waħda, l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista u, min-naħa l-oħra, l-attivitatjiet ta’ trasmissjoni.

(24)

Is-separazzjoni effettiva sħiħa tal-attivitajiet tan-network minn attivitajiet ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni għandha tapplika fil-Komunità kollha għall-impriżi Komunitarji kif ukoll għal dawk mhux Komunitarji. Biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tan-network u l-attivitajiet ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni fil-Komunità kollha jibqgħu indipendenti minn xulxin, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom is-setgħa jirrifjutaw iċ-ċertifikazzjoni lill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni li ma jikkonformawx mar-regoli tas-separazzjoni. Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti fil-Komunità kollha ta’ dawk ir-regoli, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-akbar kont tal-opinjoni tal-Kummissjoni meta dawn tal-ewwel jieħdu deċiżjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni. Sabiex jiġi żgurat ukoll ir-rispett tal-obbligi internazzjonali tal-Komunità, u s-solidarjetà u s-sigurtà tal-enerġija fil-Komunità, il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tagħti opinjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ propjetarju ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni li huwa kkontrollat minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi.

(25)

Is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija hija element essenzjali tas-sikurezza pubblika u hija għalhekk intrinsikament marbuta mat-tħaddim effiċjenti tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea tal-elettriku u l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku iżolati tal-Istati Membri. L-elettriku jista’ jilħaq liċ-ċittadini tal-Unjoni biss permezz tan-network. Swieq tal-elettriku funzjonanti u b’mod partikolari n-netwerks u assi oħra assoċjati mal-provvista tal-elettriku huma essenzjali għas-sigurtà pubblika, għall-kompetittività tal-ekonomija u għall-benessri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk persuni minn pajjiżi terzi għandhom jitħallew jikkontrollaw sistema ta’ trasmissjoni jew operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ separazzjoni effettiva li japplikaw fil-Komunità. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Komunità, il-Komunità tikkunsidra li s-settur tas-sistema tat-trasmissjoni tal-elettriku huwa ta’ importanza kbira għall-Komunità u għalhekk jinħtieġu salvagwardji addizzjonali fir-rigward tal-preżervazzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lill-Komunità sabiex jiġi mwarrab kull riskju lill-ordni pubbliku u lis-sigurtà pubblika fil-Komunità u lill-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lill-Komunità teħtieġ, partikolarment, valutazzjoni tal-indipendenza tal-operat tan-network, il-livell ta’ dipendenza tal-Komunità u tal-Istati Membri individwali fuq il-provvista tal-enerġija minn pajjiżi terzi, u t-trattament tal-kummerċ domestiku kif ukoll barrani u l-investiment fl-enerġija f’pajjiż terz partikolari. Għalhekk is-sigurtà tal-provvista għandha tiġi vvalutata fid-dawl taċ-ċirkostanzi fattwali ta’ kull każ kif ukoll tad-drittijiet u l-obbligi li jkunu ġejjin mid-dritt internazzjonali, partikolarment il-ftehiminternazzjonali bejn il-Komunità u l-pajjiż terz konċernat. Fejn ikun il-każ il-Kummissjoni hija mħeġġa tippreżenta rakkomandazzjonijiet biex jiġi nnegozjat ftehim relevanti ma’ pajjiżi terzi li jindirizza s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lill-Komunità jew biex jiġu nkluzi l-kwistjonijiet meħtieġa f’negozjati oħra ma’ dawk il-pajjiżi terzi.

(26)

L-aċċess non-diskriminatorju għan-network ta’ distribuzzjoni jiddetermina l-aċċess downstream għall-klijenti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. L-ambitu għad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess u l-investiment ta’ parti terza huwa madankollu anqas sinifikanti fil-livell ta’ distribuzzjoni milli fil-livell ta’ trasmissjoni fejn il-konġestjoni u l-influwenza tal-interessi tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista huma ġeneralment akbar mil-livell ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, is-separazzjoni legali u funzjonali tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, kienet rikjesta, skont id-Direttiva 2003/54/KE, biss mill-1 ta’ Lulju 2007 u l-effetti tagħha fuq is-suq intern tal-gass naturali għad iridu jiġu evalwati. Ir-regoli dwar is-separazzjoni legali u funzjonali li bħalissa huma fis-seħħ jistgħu jwasslu għal separazzjoni effettiva sakemm dawn jiġu definiti b’mod aktar ċar, implimentati sewwa u sorveljati mill-qrib. Sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ugwali fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, l-attivitajiet ta’ operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandhom għalhekk ikunu sorveljati sabiex dawn ma jitħallewx japprofittaw ruħhom mill-integrazzjoni vertikali tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni kompettitiva tagħhom fis-suq, partikolarment fir-rigward ta’ klijenti żgħar domestiċi u mhux domestiċi.

(27)

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-modernizzazzjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni intelliġenti, li għandhom jinbnew b’mod li jinkoraġġixxi l-ġenerazzjoni deċentralizzata u jiżgura l-effiċjenza tal-enerġija.

(28)

Fil-każ ta’ sistemi żgħar, id-dispożizzjoni ta’ servizzi anċillari jista’ jkollha tiġi żgurata mill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni interkonnessi ma’ sistemi żgħar.

(29)

Biex jiġi evitat li jkun impost piż finanzjarju u amministrattiv li ma jkunx proporzjonat fuq operaturi żgħar ta’ distribuzzjoni, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun meħtieġ, jeżentaw lill-intrapriżi kkonċernati mir-rekwiżiti tad-distribuzzjoni fir-rigward tas-separazzjoni.

(30)

Meta tintuża sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa biex tiġi żgurata l-aqwa effiċjenza ta’ provvista tal-enerġija integrata li tkun tirrikjedi standards operazzjonali speċifiċi, jew jekk tkun qed tinżamm sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa prinċipalment għall-użu tal-proprjetarju tas-sistema, għandu jkun possibbli li l-operatur tas-sistema tal-produzzjoni jkun eżentat mill-obbligi li kieku joħolqu piż amministrattiv bla bżonn minħabba n-natura partikulari tar-relazzjoni bejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-utenti tas-sistema. Is-siti industrijali, kummerċjali jew kondiviżi bħall-istazzjonijiet tal-ferroviji, l-ajruporti, l-isptarijiet u s-siti kbar tal-kampeġġi li jkollhom faċilitajiet integrati jew siti tal-industrija tal-kimika jistgħu jinkludu sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa minħabba n-natura speċjalizzata tal-operat tagħhom.

(31)

Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ma għandhomx iwasslu għal piż amministrattiv disproporzjonat għad-daqs u l-impatt potenzjali tal-prodotturi tal-elettriku. Il-proċeduri għal awtorizzazzjoni li jieħdu fit-tul bla bżonn jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-parteċipanti ġodda fis-suq.

(32)

Għandhom jittieħdu miżuri oħra biex ikunu żgurati tariffi trasparenti u mhux diskriminatorji għal aċċess għan-netwerks. Dawk it-tariffi għandhom ikunu applikabbli għall-utenti kollha tas-sistema fuq bażi mhux diskriminatorja.

(33)

Id-Direttiva 2003/54/KE introduċiet ir-rekwiżit li l-Istati Membri jistabbilixxu regolaturi b’kompetenzi speċifiċi. Madankollu, l-esperjenza turi li l-effikaċja tar-regolamentazzjoni ħafna drabi tkun limitata bin-nuqqas ta’ indipendenza tar-regolaturi mill-gvern, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ setgħat u diskrezzjoni. Għal dik ir-raġuni, fil-laqgħa tiegħu fit-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti leġislattivi li jipprevedu għal aktar armonizzazzjoni tas-setgħat u t-tisħiħ tal-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija. Għandu jkun possibbli li dawn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jkopru kemm is-settur tal-elettriku kif ukoll dak tal-gass.

(34)

Sabiex is-suq intern tal-elettriku jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li r-regolaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet regolatorji relevanti kollha, u li jkunu indipendenti għal kollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat. Dan ma jipprekludix la r-reviżjoni ġudizzjarja u lanqas is-superviżjoni parlamentari taħt il-liġijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Addizzjonalment, l-approvazzjoni tal-baġit tar-regolatur mil-leġislatur nazzjonali ma tikkostitwixxix ostakolu għall-awtonomija baġitarja. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-awtonomija fl-implimentazzjoni tal-baġit allokat tal-awtorità regolatorja għandhom jiġu implimentati fil-qafas definit mil-liġi jew ir-regoli baġitarji nazzjonali. Filwaqt li jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali minn kwalunkwe interess politiku jew ekonomiku permezz ta’ skema ta’ rotazzjoni xierqa, l-Istati Membri jistgħu jqisu b’mod xieraq id-disponibilità tar-riżorsi umani u d-daqs tal-bord ta’ amministrazzjoni.

(35)

Biex ikun żgurat l-aċċess effettiv tas-suq għal dawk kollha li jieħdu sehem fis-suq, inklużi dawk ġodda, huma meħtieġa mekkaniżmi bilanċjanti li jkunu mhux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż kif meħtieġ. Malli s-suq tal-elettriku jkun likwidu b’mod suffiċjenti, dan għandu jintlaħaq permezz tat-twaqqif ta’ mekkaniżmi trasparenti bażati fuq is-suq għall-provvista u x-xiri ta’ elettriku meħtieġ fil-qafas ta’ rekwiżiti bilanċjanti. Fin-nuqqas ta’ suq likwidu bħal dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom l-irwol attiv biex ikun żgurat li t-tariffi bilanċjanti ikunu mhux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż. Fl-istess waqt, għandhom ikunu pprovduti inċentivi adatti biex jibbilanċjaw il-kurrent u l-użu tal-elettriku u biex ma jipperikolawx is-sistema. L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-klijenti finali u tal-aggregaturi tal-klijenti finali fi swieq ta’ riżerva u ta’ bilanċ.

(36)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiffissaw jew japprovaw it-tariffi, jew il-metodoloġiji moħbija fil-kalkolu tat-tariffi, fuq il-bażi ta’ proposta mill-operatur(i) tas-sistema tat-trasmissjoni jew d-distribuzzjoni, jew fuq il-bażi ta’ proposta miftehma bejn dan/dawn l-operatur(i) u l-utenti tan-netwerks. Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li t-tariffi tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni jkunu mhux diskriminatorji u jirriflettu tassew in-nefqa, u għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż tan-network li jkunu għal tul ta’ żmien, marġinali u evitati, liema spejjeż ikunu ġejjin minn miżuri ta’ ġenerazzjoni mqassma u ta’ amministrazzjoni li tkun tistimola d-domanda b’inċentivi u taxxi baxxi.

(37)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jaddottaw deċiżjonijiet obbligatorji fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku u li jimponu, penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali fuq dawk l-impriżi. Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat biex jiddeċiedu, irrespettivament mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, dwar miżuri adatti li jiżguraw li l-klijent jibbenefika mill-promozzjoni tal-kompetizzjoni effettiva meħtieġa għall-funzjonament korrett tas-suq intern tal-elettriku. L-istabbiliment ta’ mpjanti virtwali tal-enerġija — li tfisser programmi ta’ rilaxx tal-elettriku li bih impriża li tipproduċi l-elettriku tkun obbligata li tbigħ jew tagħmel disponibbli ċertu volum ta’ elettriku jew li tagħti aċċess għal parti mill-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tagħha, lil fornituri interessati għal ċertu perijodu ta’ żmien — hiha waħda mill-miżuri possibbli li tista’ tiġi wżata għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u l-iżgurar tal-funzjonament korrett tas-suq. Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat li jikkontribwixxu għall-iżgurar ta’ standards għoljin ta’ servizz universali u pubbliku konformement mal-ftuħ tas-suq, il-protezzjoni ta’ klijenti vulnerabbli, u li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur ikunu kompletament effettivi. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju kemm għas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni inkluż l-eżami ta’ mergers b’dimensjoni Komunitarja, kif ukoll għar-regoli dwar is-suq intern bħall-moviment liberu tal-kapital. Il-korp indipendenti li għalih il-parti affettwata mid-deċiżjoni ta’ regolatur nazzjonali jkollha dritt tappella tista’ tkun qorti jew tribunal ieħor li jkollu s-setgħa li jwettaq reviżjoni ġuridika.

(38)

Kwalunkwe armonizzazzjoni tas-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandha tinkludi s-setgħat li jingħataw inċentivi lil intrapriżi tal-elettriku u li jiġu imposti penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq intrapriżi tal-elettriku jew li jissuġġerixxu liqorti kompetenti timponi tali penali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu t-tagħrif relevanti mingħand l-intrapriżi tal-elettriku, li jagħmlu investigazzjonijiet xierqa u suffiċjenti u li jirrisolvu tilwim.

(39)

Is-suq intern tal-elettriku qed ibati minn nuqqas ta’ likwidità u trasparenza li jxekkel l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, il-kopertura tar-riskju tal-kreditu u d-dħul ta’ parteċipanti ġodda. Hemm ħtieġa għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni u s-sigurtà tal-provvista permezz tal-integrazzjoni ffaċilitata ta’ impjanti tal-enerġija ġodda fin-network tal-elettriku fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari billi jiġi mħeġġeġ id-dħul ta’ parteċipanti ġodda fis-suq. Il-fiduċja fis-suq, il-likwidità tiegħu u n-numru ta’ parteċipanti fis-suq jeħtieġ li jiżdiedu, u b’hekk is-sorveljanza regolatorja fuq l-impriżi attivi fil-provvista tal-elettriku jeħtieġ li tiżdied. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal, u kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti dwar is-swieq finanzjarji. Jeħtieġ li r-regolaturi tal-enerġija u r-regolaturi tas-swieq finanzjarji jikkoperaw sabiex jgħinu lil xulxin ikollhom idea ġenerali tas-swieq konċernati.

(40)

Qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-linji gwida li jkomplu jiddefinixxu r-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (7) (l-“Aġenzija”), u l-Kumitat tar-Regolaturi tas-Sigurtajiet Ewropej (is-“CESR”) stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (8) għandhom jikkonferixxu u jagħtu pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tagħhom. L-Aġenzija u s-CESR għandhom jikkoperaw ukoll biex jinvestigaw aktar fil-fond u jagħtu parir dwar il-kwistjoni jekk it-transazzjonijiet fil-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u d-derivattivi tal-elettriku għandhomx ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u/jew ta’ wara n-negozju u, jekk iva, x’għandu jkun il-kontenut ta’ dawk ir-rekwiżiti.

(41)

L-Istati Membri, jew l-Istat Membru hekk ikun provda, l-awtorità regolatorja, għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ kuntratti ta’ provvista mingħajr interuzzjoni.

(42)

L-industrija u l-kummerċ kollu tal-Komunità, inklużi l-impriżi żgħar u medji, u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu qed igawdu mill-benefiċċji ekonomiċi tas-suq intern għandhom igawdu wkoll minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur u b’mod partikolari, il-klijenti domestiċi u, fejn l-Istati Membri jkunu jikkunsidraw bħala adatt, l-impriżi ż-żgħar għandhom igawdu wkoll il-garanziji tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari fejn jikkonċerna s-sigurtà tal-provvista u tariffi raġonevoli, għal raġunijiet ta’ ġustizzja, kompetittività u indirettament ukoll biex jinħolqu l-impjiegi. Dawn il-klijenti għandu jkollhom ukoll aċċess għall-għażla, il-ġustizzja, ir-rappreżentanza u għal mekkaniniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim.

(43)

Kważi l-Istati Membri kollha għażlu li jiżguraw il-kompetizzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku permezz ta’ proċedura trasparenti ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà li tissaħħaħ is-sigurtà fil-provvista billi tkun introdotta proċedura ta’ offerti jew waħda simili fil-każ li kapaċità suffiċjenti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ma tkunx imqiegħda fuq il-bażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà, fl-interessi tal-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, li jagħmlu sejħa għal offerti għal kapaċità ġdida abbażi ta’ kriterji pubblikati. Tali kapaċità ġdida tinkludi inter alia elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovvabbli kif ukoll it-tisħin u l-ġenerazzjoni tal-elettriku kkumbinati flimkien.

(44)

Fl-interess tas-sigurtà tal-provvista, il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fl-Istati Membri individwali għandu jiġi ssorveljat, u s-sorveljanza għandah tkun segwita b’rapport dwar is-sitwazzjoni fil-livell Komunitarju, b’kont meħud tal-kapaċità ta’ interkonettività bejn iż-żoni. Tali sorveljanza għandha kmieni biżżejjed biex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri adatti jekk is-sigurtà ta’ provvista tkun kompromessa. Il-bini u ż-żamma tal-infrastruttura meħtieġa tan-netwerks, inkluża l-kapaċità tal-interkonettività, għandhom jikkontribwixxu għall-iżgurar ta’ provvista stabbli tal-elettriku. Il-bini u ż-żamma tal-infrastruttura meħtieġa tan-network, inklużi l-kapaċità tal-interkonettività u l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-elettriku, huma elementi importanti fl-iżgurar ta’ provvista stabbli ta’ elettriku.

(45)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li klijenti domestiċi u, fejn l-Istati Membri jqisuh adatt, impriżi żgħar, igawdu d-dritt li jkunu fornuti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata bi prezzijiet komparabbli b’mod ċar, trasparenti u raġonevoli. Biex tkun żgurata ż-żamma ta’ standards għoljin ta’ servizz pubbliku fil-Komunità, il-miżuri kollha li jkunu ttieħdu mill-Istati Membri biex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu notifikati regolarment lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika b’mod regolari rapport li janalizza l-miżuri meħuda fuq livell nazzjonali biex jinkisbu l-għanijiet tas-servizz pubbliku u biex iqabbel l-effettività tagħhom, bil-ħsieb li jsiru rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fuq livell nazzjonali biex jinkisbu standards għoljin ta’ servizz pubbliku. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu klijenti vulnerabbli fil-kuntest tas-suq intern tal-elettriku. Tali miżuri jistgħu jkunu differenti skont iċ-ċirkustanzi partikolari fl-Istati Membri in-kwistjoni u jistgħu jinkludu miżuri speċifiċi li jkunu jikkonċernaw il-ħlasijiet ta’ kontijiet tal-elettriku, jew miżuri aktar ġenerali meħuda fis-sistema tas-sigurtà soċjali. Meta servizz universali jingħata wkoll lil impriżi żgħar, il-miżuri biex ikun żgurat li dan is-servizz universali ikun tabilħaqq provdut jistgħu jkunu differenti skont jekk ikunux immirati lejn klijenti domestiċi jew lejn l-impriżi żgħar.

(46)

Ir-rispett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku huwa ħtieġa fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li standards minimi komuni, li jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha, jiġu speċifikati f’din id-Direttiva, liema standards għandhom jikkunsidraw l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, is-sigurtà tal-provvista, il-protezzjoni tal-ambjent u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u suġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-Komunità.

(47)

L-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. Dak il-fornitur jista’ jkun it-taqsima tal-bejgħ ta’ impriża integrata vertikalment, li tkun twettaq ukoll il-funzjonijiet ta’ distribuzzjoni, sakemm din tissodisfa r-rekwiżiti tas-separazzjoni f’din id-Direttiva.

(48)

Il-miżuri implementati mill-Istati Membri biex jinkisbu l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika u soċjali jistgħu jinkludu, b’mod speċjali, id-dispożizzjoni ta’ inċentivi ekonomiċi adegwati, bl-użu, meta jkun adatt, tal-mezzi kollha eżistenti kemm nazzjonali u kemm dawk tal-Komunità. Dawn il-mezzi jistgħu jinkludu mekkaniżmi ta’ responsabbiltà biex jiggarantixxu l-investiment.

(49)

Safejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jaderixxu l-obbligi tas-servizz pubbliku jkunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, hemm obbligu taħt l-Artikolu 88(3) tat-Trattat li dawn jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

(50)

Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, inkluż fir-rigward tas-servizz universali, u l-istandards komuni minimi li jitnisslu minnhom, jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fuq bażi nazzjonali, filwaqt li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi nazzjonali; Il-liġi tal-Komunità għandha, madanakollu, tkun rispettata mill-Istati Membri. Iċ-ċittadini tal-UE u, fejn l-Istati Membri jqisu xieraq, l-impriżi ż-żgħar, għandhom ikunu jistgħu igawdu l-obbligi tas-servizz pubbliku, b’mod partikulari fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u fir-rigward ta’ prezzijiet raġonevoli. Aspett prinċipali fil-forniment lill-klijenti huwa l-aċċess għad-data objettiva u trasparenti dwar il-konsum. Għalhekk, il-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw id-data tal-konsum tagħhom u l-prezzijiet assoċjati kif ukoll l-ispejjeż tas-servizzi sabiex ikunu jistgħu jistiednu l-kompetituri biex jagħmlu offerta bbażata fuq dik id-data. Il-konsumaturi għandhom ikollhom ukoll id-dritt li jiġu infurmati sewwa dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-ħlasijiet minn qabel ghandhom jirriflettu l-konsum probabbli tal-elettriku u s-sistemi ta’ pagamenti differenti ghandhom ikunu nondiskriminatorji. It-tagħrif dwar l-ispejjeż tal-enerġija mogħti lill-konsumaturi b’mod regolari biżżejjed se joħloq inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija għaliex jagħti lura lill-konsumaturi informazzjoni diretta dwar l-effetti tal-investiment fl-użu effiċjenti tal-enerġija u fil-bidla fl-imġiba. F’dan ir-rigward, l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-effiċjenza tal-użu aħħari tal-enerġija u s-servizzi tal-enerġija (9) se tgħin lill-konsumaturi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom.

(51)

L-interessi tal-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva u l-kwalità tas-servizzi għandha tkun responsabilità ċentrali tal-intrapriżi tal-elettriku. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu aktar trasparenza. Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu jiżgura li, fl-ambitu usa’ tal-Komunità, il-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn suq kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jewmill-awtoritajiet regolatorji meta l-Istat Membru jkun għamel provvediment għal dan.

(52)

Il-konsumaturi għandu jkollhom informazzjoni ċara u li tiftiehem dwar id-drittijiet tagħhom rigward is-settur tal-enerġija. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, wara li tikkonsulta mal-partijiet interessati, fosthom l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-intrapriżi tal-elettriku, Lista għall-Konsumaturi tal-Enerġija li tintuża faċilment u li tipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni prattikka dwar id-drittijiet tagħhom. Dik il-Lista għall-Konsumaturi tal-Enerġija għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi kollha u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

(53)

Il-faqar enerġetiku huwa problema dejjem tikber fil-Komunità. Għalhekk, l-Istati Membri affettwati u li għadhom ma għamlux hekk, għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali jew oqfsa xierqa oħrajn biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija, bil-għan li jonqos l-għadd ta’ persuni li qed isofru tali sitwazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-provvista tal-enerġija meħtieġa għall-konsumaturi vulnerabbli. Filwaqt li jsir dan, jista’ jintuża approċċ integrat, pereżempju fil-qafas tal-politika soċjali, fejn il-miżuri jistgħu jinkludu politiki soċjali jew titjib tal-effiċjenza tal-enerġija għad-djar. Din id-Direttiva għandha, mill-inqas, tippermetti politiki nazzjonali favur il-konsumaturi vulnerabbli.

(54)

Id-disponibilità ta’ mezzi effettivi għar-riżoluzzjoni ta’ tiwim għall-konsumaturi kollha tiggarantixxi ħarsien akbar tal-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jintroduċu proċeduri rapidi u effettivi għat-trattar tal-ilmenti.

(55)

Għandu jkun possibbli li l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ tkejjil intelliġenti tkun ibbażata fuq evalwazzjoni ekonomika. Jekk din l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-introduzzjoni ta’ dawn is-sistemi ta’ tkejjil tkun ekonomikament raġonevoli u effettiva f’sens ta’ spejjeż għall-konsumaturi b’ċertu ammont ta’ konsum tal-elettriku biss, l-Istati Membri jistgħu jqisu dan fl-implimentazzjoni tas-sistemi tat-tkejjil intelliġenti.

(56)

Il-prezzijiet tas-suq għandhom jagħtu l-inċentivi t-tajba għall-iżvilupp tan-network u biex ikun hemm investiment fil-ġenerazzjoni tal-elettriku ġdida.

(57)

Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta u ta’ aċċess faċli għall-fornituri differenti kif ukoll it-trawwim ta’ kapaċità ġdida għall-ġenerazzjoni tal-elettriku ġdida, għandhom ikunu tal-ogħla importanza għall-Istati Membri sabiex jippermettu li l-konsumaturi jaħtfu bis-sħiħ l-opportunitajiet ta’ suq intern liberalizzat tal-elettriku.

(58)

Bil-ħsieb tal-ħolqien ta’ suq intern fl-elettriku, l-Istati Membri għandhom irawmu l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali tagħhom u l-koperazzjoni tal-operaturi tas-sistema fil-livell Kommunitarju u dak reġjonali, filwaqt li jinkorporaw ukoll is-sistemi iżolati li jiffurmaw il-gżejjer tal-elettriku li jippersistu fil-Komunità.

(59)

L-iżvilupp ta’ suq intern veru fl-elettriku, permezz ta’ netwerk ta’ konnessjonijiet fil-Komunità, għandu jkun wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din id-Direttiva u waħda mill-ħidmiet prinċipali għandha tkun fir-rigward tal-kwistjonijiet regolatorji dwar l-interkonnessjonijiet transkonfinali u s-swieq reġjonali, f’koperazzjoni mill-qrib, fejn dan ikun relevanti, mal-Aġenzija tal-awtoritajiet regolatorji.

(60)

L-iżgurar ta’ regoli komuni għal suq intern tassew Ewropew li jopera tajjeb u l-forniment wiesa’ ta’ elettriċità aċċessibbli għal kulħadd għandhom ikunu fost l-għanijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva. Għal dak il-għan, il-prezzijiet tas-suq mingħajr tgħawwiġ jistgħu jipprovdu inċentiv għall-interkonnessjonijiet transkonfinali u għal investimenti fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija ġdida filwaqt li jwasslu, fuq perjodu ta’ żmien fit-tul, għall-konverġenza fil-prezzijiet.

(61)

L-awtoritajiet regolatorji għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni dwar is-suq biex jippermettu wkoll lill-Kummissjoni teżerċita r-rwol tagħha ta’ osservazzjoni u sorveljanza tas-suq Ewropew tal-elettriku u l-evlouzzjoni tiegħu fiż-żmien qasir, medju u fit-tul, inklużi aspetti bħall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni, sorsi differenti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, infrastrutturi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, kwalità tas-servizzi, negozju transkonfinali, immaniġġjar tal-konġestjoni, l-investimenti, prezzijiet bl-ingrossa u għall-konsumaturi, likwidità tas-suq, u titjib ambjentali u fl-effiċjenza. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-Kummissjoni dwar l-Istati Membri fejn il-prezzijiet ixekklu l-kompetizzjoni u t-tħaddim tajjeb tas-suq.

(62)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ħolqien ta’ suq intern tal-elettriku totalment operattiv, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(63)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-iskambji transkonfinali fl-elettriku (10), il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida biex tikseb il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ. Dawn il-Linji gwida, li jikkostitwixxu miżuri obbligatorji ta’ implimentazzjoni, huma, ukoll fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, għodda siewja li tista’ tiġi adattata malajr fejn meħtieġ.

(64)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (11).

(65)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-linji gwida meħtieġa għall-provvediment tal-livell minimu ta’ armonizzazzjoni meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta’ din id-Direttiva. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi li m’humiex essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha b’elementi mhux essenzjali ġodda, huma għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(66)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (12), l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex jistabbilixxu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li juru, kemm jista’ jkun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(67)

Minħabba l-ambitu tal-emendi li qegħdin isiru hawnhekk fid-Direttiva 2003/54/KE, huwa kunsiljabbli, għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalizzazzjoni, li d-dispożizzjonijiet kunsidrati jiġu imfassla mill-ġdid billi jinġabru kollha f’ test wieħed u f’ Direttiva ġdida.

(68)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ġenerazzjoni” tfisser il-produzzjoni tal-elettriku;

(2)

“produttur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiġġenera l-elettriku;

(3)

“trasmissjoni” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u s-sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda mhux inkluża l-provvista;

(4)

“operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni, li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, tal-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku;

(5)

“distribuzzjoni” tfisser it-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista;

(6)

“operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta’ u, jekk ikun meħtieġ, li tiżviluppa s-sistema ta’ distribuzzjoni f’żona partikolari u, fejn applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħlaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku;

(7)

“klijent” tfisser klijenti bl-ingrossa jew klijenti finali tal-elettriku;

(8)

“klijent bl-ingrossa” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku bil-għan li terġa’ tbiegħu ġewwa jew barra mis-sistema fejn tkun stabbilita;

(9)

“klijent finali” tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu;

(10)

“klijent domestiku” tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-konsum tiegħu fid-dar, esklużi attivitajiet kummerċjali jew professjonali;

(11)

“klijent mhux domestiku” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tixtri l-elettriku li ma jkunx għall-użu domestiku tagħha u għandhom ikunu inklużi produtturi u klijenti bl-ingrossa;

(12)

“klijent eliġibbli” tfisser klijent li jkun ħieles li jixtri l-elettriku mill-fornitur tal-għażla tiegħu fis-sens tal-Artikolu 33;

(13)

“interkonnettur” tfisser it-tagħmir użat biex jgħaqqad is-sistemi tal-elettriku;

(14)

“sistemi interkonnessi” tfisser numru ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni marbuta flimkien permezz ta’ interkonnettur wieħed jew aktar;

(15)

“linja diretta” tfisser jew linja tal-elettriku li tgħaqqad sit iżolat ta’ produzzjoni ma’ klijent iżolat jew inkella linja tal-elettriku li tgħaqqad produttur tal-elettriku u impriża tal-provvista tal-elettriku biex dawn ifornu direttament lil bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u lil klijenti eliġibbli;

(16)

“preċedenza ekonomika” tfisser il-gradazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-elettriku konformement ma’ kriterji ekonomiċi;

(17)

“servizzi anċillari” tfisser is-servizzi kollha meħtieġa għall-operazzjoni tas-sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni;

(18)

“utenti tas-sistema” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tforni lil, jew li tkun fornuta minn, sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni;

(19)

“provvista” tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta’ elettriku lill-klijenti;

(20)

“impriża tal-elettriku integrata” tfisser impriża integrata vertikalment jew orizzontalment;

(21)

“impriża integrata vertiklament” tfisser: impriża tal-elettriku jew grupp ta’ impriżi tal-elettriku fejn l-istess persuna jew l-istess persuni huma intitolati, direttament jew indirettament, li jeżerċitaw kontroll, u fejn l-impriża jew il-grupp ta’ impriżi jwettqu għall-anqas waħda mill-funzjonijiet ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni, u mill-anqas waħda mill-funzjonijiet tal-ġenerazzjoni jew il-provvista tal-elettriku;

(22)

“impriża relatata” tfisser impriża affiljata, fis-sens tal-Artikolu 41 tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 abbażi tal-Artikolu 44(2)(g) (*) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (13), u/jew impriża assoċjata, kif definita fl-Artikolu 33(1) ta’ dik id-Direttiva, u/jew impriżi tal-istess azzjonisti;

(23)

“impriża integrata orizzontalment” tfisser impriża li twettaq għall-anqas waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni għall-bejgħ, jew it-trasmissjoni, jew id-distribuzzjoni, jew il-provvista tal-elettriku, u attività oħra li ma tkunx marbuta mal-elettriku;

(24)

“proċedura għat-tfigħ ta’ offerti” tfisser il-proċedura li permezz tagħha r-rekwiżiti addizzjonali ppjanati u l-kapaċità ta’ sostituzzjoni huma koperti bi provvisti minn kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida jew eżistenti;

(25)

“ippjanar fit-tul” tfisser l-ippjanar tal-bżonn għall-investiment fil-ġenerazzjoni u fil-kapaċità ta’ trasmissjoni u d-distribuzzjoni fuq bażi fit-tul, bil-ħsieb li tintlaħaq id-domanda tas-sistema għall-elettriku u li jkunu żgurati l-provvisti lill-klijenti;

(26)

“sistema iżolata żgħira” tfisser kwalunkwe sistema b’konsum ta’ anqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn anqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra;

(27)

“sistema iżolata mikro” tfisser kwalunkwe sistema b’konsum ta’ anqas minn 500 GWh fis-sena 1996, fejn ma jkun hemm l-ebda konnessjoni ma’ sistemi oħra;

(28)

“sigurtà” tfisser kemm is-sigurtà tal-provvista u l-forniment tal-elettriku, u s-sigurtà teknika;

(29)

“effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda” tfisser approċċ globali jew integrat immirat li jinfluwenza l-ammont u l-ħin tal-konsum tal-elettriku biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija primarja u domandi għoljin billi tingħata preċedenza lill-investimenti f’miżuri fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jew miżuri oħra, bħal ma huma kuntratti ta’ provvista mingħajr interruzzjoni, investimenti żejda biex tiżdied il-kapaċità tal-ġenerazzjoni, jekk tal-ewwel ikunu l-iktar għażla ekonomika u effettiva, b’kont meħud tal-impatt ambjentali pożittiv ta’ konsum imnaqqas tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista, kif ukoll l-aspetti tan-nefqa tad-distribuzzjoni relatati magħha;

(30)

“sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” tfisser sorsi ta’ enerġija non-fossili rinnovabbli (riħ, xemx, ġeotermali, mewġ, marea, qawwa mill-ilma, bijomassa, gassijiet minn miżbliet, gass minn impjanti tat-trattament tad-drenaġġ u bio-gassijiet);

(31)

“ġenerazzjoni distribwita” tfisser impjanti ta’ ġenerazzjoni konnessi mas-sistema tad-distribuzzjoni;

(32)

“kuntratt għall-provvista tal-elettriku” tfisser kuntratt għall-provvista ta’ elettriku, iżda ma tinkludix derivattiva tal-elettriku;

(33)

“derivattiva tal-elettriku” tfisser strument finanzjarju speċifikat fil-punti 5, 6, jew 7 fit-Taqsima C tal-Anness I mad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar swieq fi strumenti finanzjarji (14), fejn dak l-istrument jirrelata mal-elettriku;

(34)

“kontroll” tfisser drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezzi oħra li, sew separatament jew flimkien, u filwaqt li jitqiesu l-fatti u l-liġijiet involuti, jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

(a)

id-dritt ta’ proprjetà jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha ta’ impriża, jew parti minnhom;

(b)

drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-komposizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ impriża;

(35)

“impriża tal-elettriku” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq mill-anqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni, trasmissjoni, distribuzzjoni, provvista, jew xiri tal-elettriku, li tkun responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi u/jew tal-manutenzjoni relatati għal dawk il-funzjonijiet, iżda li ma tinkludix l-klijenti finali.

KAPITOLU II

REGOLI ĠENERALI GĦALL-ORGANIZZAZZJONI TAS-SETTUR

Artikolu 3

Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.

2.   B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perjodu fit-tul, meta titqies il-possibilità li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jqisu adatt, l-impriżi ż-żgħar, (jiġifieri impriżi b’anqas minn 50 persuna impjegata u b’turnover annwali jew karta tal-bilanċ li ma tkunx taqbeż EUR 10 000 000), ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu fornuti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet raġonevoli, kumparabbli faċilment u b’mod ċar, trasparenti u nondiskriminatorji. Biex ikun żgurat il-forniment ta’ servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. L-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-kumpaniji tad-distribuzzjoni l-obbligu li jgħaqqdu lill-klijenti man-network tagħhom taħt it-termini, kondizzjonijiet u tariffi li jkunu stabbiliti konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37(6). Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jħalli lill-Istati Membri milli jsaħħu l-pożizzjoni tas-suq tal-konsumaturi domestiċi, żgħar u ta’ daqs medji billi jippromwovu l-possibilitajiet ta’ aggregazzjoni volontarja tar-rappreżentanza għal din il-klassi ta’ konsumaturi.

L-ewwel subparagarfu għandu jiġi implimentat b’mod trasparenti u non-diskriminatorju u ma għandux ifixkel il-ftuħ tas-suq previst fl-Artikolu 33.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi kollha jkunu intitolati li jkollhom l-elettriku tagħhom ipprovdut minn fornitur, suġġett għal qbil tal-fornitur, irrispettivament f’liema Stat Membru jkun reġistrat il-fornitur, sakemm li l-fornitur jimxi mar-regoli dwar il-kummerċ u ta’ bilanċ applikabbli. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li proċeduri amministrattivi ma jiddiskriminawx kontra impriżi ta’ provvisti li diġa huma reġistrati fi Stat Membru ieħor.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

fejn konsumatur, filwaqt li jirrispetta l-kondizzjonijiet kuntrattwali, jixtieq li jbiddel il-fornitur, il-bidla għandha ssir mill-operatur(i) kkonċernat(i) fi żmien tliet ġimgħat; kif ukoll

(b)

il-konsumaturi huma intitolati li jirċievu l-informazzjoni relevanti kollha relatata mal-konsum.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija f’punti (a) u (b) huma mogħtija lill-konsumaturi kollha b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spiża, ħidma u żmien.

6.   Meta jkun hemm kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklussivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafi 2 u 3, dan għandu jsir b’mod non-diskriminatorju u trasparenti.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. F’dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi il-kunċett ta’ klijenti vulnerabbli li jista’ jirreferi għall-faqar enerġetiku u, fost l-oħrajn, għall-projbizzjoni tal-iskonnettar ta’ dawn il-klijenti fi żminijiet kritiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi marbutin mal-klijenti vulnerabbli jiġu applikati. B’mod partikolari, għandhom jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-klijenti finali f’żoni remoti. Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijent eliġibbli jkun fil-fatt jista’ jaqleb b’mod faċli għal ma’ fornitur ġdid. Fir-rigward għall-anqas tal-klijenti domestiċi, dawk il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness I.

8.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, bħalma huma l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-enerġija, benefiċċji fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali biex tiġi żgurata l-provvista neċessarja tal-elettriku lill-klijenti vulnerabbli jew tal-appoġġ għat-titjib fuq l-effiċjenza fl-enerġija, biex tindirizza l-faqar enerġetiku fejn ikun identifikat, inkluż fil-kuntest iktar wiesgħa tal-faqar. Miżuri bħal dawn m’għandhomx ifixklu l-ftuħ effettiv tas-suq spjegat fl-Artikolu 33 u l-iffunzjonar tas-suq u għandha tinnotifika lill-Kummissjoni, fejn dan ikun rilevanti, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 15 ta’ dan l-Artikolu. Din in-notifika tista’ tinkludi wkoll miżuri li ttieħdu fi ħdan is-sistema ġenerali ta’ sigurtà soċjali.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-elettriku jispeċifikaw fi jew mal-kontijiet u f’materjal promozzjonali li jkun disponibbli għall-klijent finali:

(a)

il-kontribuzzjoni ta’ kull sors ta’ enerġija lejn it-taħlita ġenerali tal-karburant li jkun għamel il-fornitur matul is-sena ta’ qabel b’mod komprensibbli u, f’livell nazzjonali, komparabbli b’mod ċar;

(b)

għall-anqas referenza għal sorsi ta’ referenza eżistenti, bħal ma huma paġni tal-Internet, fejn tkun disponibbli b’mod pubbliku l-informazzjoni dwar l-impatt ambjentali, f’termini ta’ mill-anqas ta’ CO2 u l-iskart radjuattiv li jkun ġej mill-elettriku prodott mit-taħlita ġenerali tal-karburant tal-fornitur matul is-sena preċedenti;

(c)

tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom u l-opportunitajiet ta’ mezzi ta’ rimedju għalihom f’każ ta’ tilwim.

Rigward il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-elettriku miksub permezz ta’ elettriku skambjat jew importat minn impriża li tkun tinsab barra l-Komunità, jistgħu jintużaw figuri aggregati provduti mill-iskambju jew mill-impriża in kwistjoni matul is-sena preċedenti;

L-awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti nazzjonali oħra għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-informazzjoni mogħtija mill-fornituri lill-klijenti tagħhom skont dan l-Artikolu hija ta’ min joqgħod fuqha u hija provduta, f’livell nazzjonali, b’mod komparabbli biċ-ċar bejn l-Istati Membri.

10.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri biex jinkisbu l-obbjettivi tal-koeżjoni soċjali u ekonomika, u l-protezzjoni ambjentali, li għandha tinkludi miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija/ġestjoni tad-domanda u mezzi biex jiġi miġġieled il-bdil klimatiku, u s-sigurtà tal-provvista, fejn xieraq. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-forniment ta’ inċentivi ekonomiċi adegwati, bl-użu, meta jkun adatt, tal-għodod nazzjonali u Komunitarji eżistenti kollha, għall-manutenzjoni u l-bini tal-infrastruttura meħtieġa ta’ netwerks, inkluża l-kapaċità ta’ interkonnessjoni.

11.   Sabiex titħeġġeġ l-effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri, jew meta l-Istat Membru jkollu dispożizzjonijiet għal dawn, l-awtorità regolatorja għandhom jirrakkomandaw b’mod qawwi li l-impriżi tal-elettriku jtejbu għall-aħjar l-użu tal-elettriku, per eżempju billi jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ formuli innovattivi ta’ tariffi jew jintroduċu sistemi intelliġenti għall-miters jew sistemi ta’ distribuzzjoni intelliġenti (‘smart grids’) fejn dan huwa xieraq.

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ punti singoli ta’ kuntatt sabiex jipprovdu lill-konsumaturi bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-drittijiet tagħhom, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, u l-meżżi ta’ soluzzjoni tat-tilwim li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom f’każ ta’ tilwima. Dawn il-punti ta’ kuntatt jistgħu jkunu parti minn punti ta’ informazzjoni ġenerali għall-konsumatur.

13.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu indipendenti bħalma hu ombudsman tal-enerġija jew entità tal-konsumatur għat-trattament effiċjenti ta’ lmenti u soluzzjoni ta’ tilwim barra l-qrati.

14.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 8, 32 u/jew 34 kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ xxekkel il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-verità, tal-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tas-sengħa ma jkunx affettwat b’tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-Komunità. L-interessi tal-Komunità jinkludu, inter alia, il-kompetizzjoni fir-rigward tal-klijenti eliġibbli konformement ma’ din id-Direttiva u l-Artikolu 86 tat-Trattat.

15.   L-Istati Membri għandhom, meta tiġi implimentata din id-Direttiva, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz universali u tas-servizz pubbliku, inkluż il-protezzjoni tal-konsumatur u dik ambjentali, u l-effett possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, kemm jekk miżuri bħal dawn ikunu jeħtieġu deroga minn din id-Direttiva kif ukoll jekk le. Sussegwentement huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kwalunkwe bdil għat-tali miżuri, kemm jekk dawn ikunu jeħtieġu xi deroga minn din id-Direttiva kif ukoll jekk le.

16.   Il-Kummissjoni għandha tistabilixxi, f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti inklużi l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, impriżi tal-elettriku u, jibnu fuq il-progress miksub s’issa, l-imseħba soċjali, Lista ta’ Kontroll għall-Konsumatur tal-Enerġija ċara u konċiża b’informazzjoni prattika li tittratta d-drittijiet tal-konsumatur tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-elettriku jew l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, b’kooperazzjoni mal-awtorità regolatorja, jieħdu l-passi neċessarji biex jikkomunikaw lill-konsumaturi kollha tagħhom kopja tal-lista ta’ kontroll għall-konsumatur tal-enerġija u jiżguraw li tkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 4

Sorveljanza tas-sigurtà tal-provvista

L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sorveljanza ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista. Fejn l-Istati Membri jikkunsidraw li dan huwa adatt jistgħu jiddelegaw dan il-kompitu lill-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 35. Dik is-sorveljanza għandha, b’mod partikolari, tkopri l-bilanċ tal-provvista u d-domanda fis-suq nazzjonali, il-livell ta’ domanda mistenni fil-futur u l-kapaċità addizzjonali maħsuba li tkun qed tiġi ppjanata jew li tkun f’fażi ta’ kostruzzjoni, u l-kwalità u l-livell tal-manutenzjoni tan-netwerks, kif ukoll miżuri li jkopru domanda għolja u biex dawn ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ nuqqasijiet min-naħa ta’ fornituri wieħed jew aktar. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw kull sentejn, sal-31 ta’ Lulju, rapport li jiddeskrivi fil-qosor is-sejbiet li jirriżultaw mis-sorveljanza ta’ dawk il-kwistjonijiet, kif ukoll kwalunkwe miżura meħuda jew maħsuba biex ikunu indirizzati u għandhom jgħaddu dak ir-rapport lill-Kummissjoni minnufih.

Artikolu 5

Regoli tekniċi

L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal dan, jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji tas-sigurtà teknika jkunu definiti u li r-regoli tekniċi li jistabbilixxu d-disinn tekniku minimu u r-rekwiżiti operattivi għall-konnessjoni mas-sistema ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, sistemi ta’ distribuzzjoni, tagħmir tal-konsumaturi mqabbad direttament, ċirkwiti interkonnetturi u linji diretti jkunu żviluppati u magħmulin pubbliċi. Dawn ir-regoli tekniċi għandhom jaċċertaw l-interoperabbiltà tas-sistemi u għandhom ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji. L-Aġenzija tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa biex tiġi miksuba l-kompatibilità ta’ dawn ir-regoli fejn dawn huwa xieraq. Dawk ir-regoli għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-fornitura ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (15).

Artikolu 6

Promozzjoni ta’ koperazzjoni reġjonali

1.   L-Istati Membri kif ukoll l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom għandhom jikkoperaw bejniethom bil-għan li jintegraw is-swieq nazzjonali tagħhom f’livell reġjonali wieħed jew iktar, bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ suq intern liberalizzat għal kollox. B’mod partikolari, l-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal dan, jew l-Istati Membri għandhom iħeġġu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni f’livell reġjonali, inklużi dwar kwistjonijiet transkonfinali, bl-għan li jinħoloq suq intern tal-elettriku kompetittiv, irawmu l-konsistenza tal-qafas legali, regolatorju u tekniku u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-sistemi iżolati li jifformaw gżejjer tal-elettriku li għadhom jeżistu fil-Komunità. Iż-żoni ġeografiċi koperti minn din il-koperazzjonijiet reġjonali għandhom jinkludu l-koperazzjoni fiż-żoni ġeografiċi definiti taħt l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Din il-koperazzjoni tista’ tkopri żoni ġeografiċi oħra.

2.   L-Aġenzija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni biex tassigura l-kompatibilità ta’ oqfsa regolatorji bejn ir-reġjuni bil-għan li jinħoloq suq intern kompetittiv fl-elettriċità. Fejn l-Aġenzija tikkunsidra li hemm bżonn regoli vinkolanti dwar koperazzjoni bħal din, għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom sistema/i integrata/i waħda jew aktar fil-livell reġjonali li tkopri żewġ Stati Membri jew aktar għall-allokazzjoni tal-kapaċità u għall-kontroll tas-sigurtà tan-network.

4.   F’każ li operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni integrata vertikalment jipparteċipaw f’impriża konġunta għall-implimentazzjoni ta’ din il-koperazzjoni, l-impriża konġunta għandha tistabbilixxi u timplimenta programm ta’ konformità li jistabbilixxi miżuri meħuda biex jiżguraw li aġir diskriminatorju u li jmur kontra l-kompetizzjoni jiġi eskluż. Dak il-programm ta’ konformita’ għandu jistabbilixxi l-obbligazzjonijiet speċifiċi tal-impjegati li jilħqu l-għan li jiġi eskluż l-aġir diskriminatorju u li jmur kontra l-kompetizzjoni. Huwa għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni tal-Aġenzija. Il-konformità mal-programm għandha tiġi ssorveljata indipendentement minn uffiċjali għall-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni integrata vertikalment.

KAPITOLU III

ĠENERAZZJONI

Artikolu 7

Proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal kapaċità ġdida

1.   Għall-bini ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li għandha titwettaq konformement ma’ kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-bini ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni fit-territorju tagħhom. Sabiex jiddeterminaw kriterji xierqa, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:

(a)

is-sigurtà u s-sikurezza tas-sistema tal-elettriku, istallazzjonijiet u tagħmir assoċjat;

(b)

protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà pubblika;

(c)

protezzjoni tal-ambjent;

(d)

l-użu tal-art u l-lokalità;

(e)

l-użu tal-art pubblika;

(f)

l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(g)

in-natura tas-sorsi primarji;

(h)

karatteristiċi partikolari għall-applikant, bħal kapaċitajiet tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji;

(i)

konformità mal-miżuri adottati skont l-Artikolu 3;

(j)

il-kontribuzzjoni tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni biex tintlaħaq il-mira ġenerali tal-Komunità ta’ sehem ta’ mill-anqas 20 % tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu fil-konsum gross fianli tal-enerġija fl-2020 imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli (16); u

(k)

il-kontribuzzjoni tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu proċeduri speċifiċi tal-awtorizzazzjoni għal ġenerazzjoni żgħira deċentralizzata u/jew distribwita, li jieħdu kont tad-daqs limitat u l-impatt potenzjali tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jistabilixxu linji ta’ gwida għal dik il-proċedura speċifika ta’ awtorizzazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra inklużi l-awtoritajiet ta’ ppjanar għandhom jirrevedu dawn il-linji ta’ gwida u jirrakkomandaw emendi.

Fejn Stati Membri stabilixxew proċeduri partikolari ta’ permess ta’ użu ta’ art li japplikaw għal proġetti ġodda maġġuri ta’ infrastruttura fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni, l-Istati Membri għandhom, fejn hu xieraq, jinkludu l-kostruzzjoni ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida fil-firxa ta’ applikabilità ta’ dawk il-proċeduri u għandhom jimplimentawhom f’mod nondiskriminatorju u f’qafas ta’ żmien xieraq.

4.   Il-proċeduri u l-kriterji tal-awtorizzazzjoni għandhom jiġu ppubblikati. L-applikanti għandhom ikunu informati dwar ir-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut li tingħata awtorizzazzjoni. Ir-raġunijiet għandhom ikunu oġġettivi, non-diskriminatorji, raġunati u sostanzjati kif suppost. Proċeduri ta’ appell għandhom ikunu disponibbli għal kull applikant.

Artikolu 8

Sejħa għal offerti għal kapaċità ġdida

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà, fl-interessi tas-sigurtà tal-provvista, li jipprevedu kapaċità ġdida jew miżuri fir-rigward ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija/ġestjoni tad-domanda permezz ta’ proċedura ta’ sejħa ta’ offerti jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura ekwivalenti f’termini ta’ trasparenza u mhux diskriminazzjoni, fuq il-bażi ta’ kriterji ppubblikati. Dawk il-proċeduri jistgħu, madankollu, jitniedu biss jekk fuq il-bażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni li tkun qed tinbena jew il-miżuri fir-rigward ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiżguraw il-possibbiltà, fl-interessi tal-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, li joħorġu offerti għal kapaċitajiet ġodda fuq il-bażi ta’ kriterji ppubblikati. Din l-offerta tista’ tkun relatata ma’ kapaċità ġdida jew miżuri fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda. Il-proċedura ta’ ħruġ ta’ offerti tista’, madankollu, tkun introdotta biss jekk fuq il-bażi tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni, il-kapaċità ġeneranti li tkun qed tinbena jew il-miżuri li jkunu qed jittieħdu ma jkunux biżżejjed biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

3.   Id-dettalji dwar il-proċedura għas-sejħa ta’ offerti għal mezzi biex tiġi ġġenerata l-kapaċità u miżuri fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-anqas sitt xhur qabel id-data tal-għeluq għall-offerti.

L-ispeċifikazzjonijiet ta’ sejħa għall-offerti għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe impriża stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex ikollha biżżejjed żmien fejn tagħmel offerta.

Bil-ħsieb li tkun żgurata t-trasparenza u n-non-diskriminazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta għandhom ikollhom deskrizzjoni dettaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-proċedura li għandha tiġi segwita minn dawk kollha li jitfgħu offerta u lista eżawrjenti tal-kriterji li jirregolaw l-għażla ta’ dawk li jitfgħu offerta u kif jingħata l-kuntratt, inklużi l-inċentivi, bħal sussidji, li jkunu koperti mill-offerta. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jkunu marbuta wkoll mal-oqsma imsemmija fl-Artikolu 7(2).

4.   F’sejħiet għall-offerti għall-kapaċità rekwiżita ta’ ġenerazzjoni, għandhom ikunu kkunsidrati wkoll offerti għall-provvista tal-elettriku b’garanziji għall-perijodu fit-tul minn unitajiet ta’ ġenerazzjoni eżistenti, sakemm ir-rekwiżiti addizzjonali jkunu jistgħu jiġu sodisfatti b’dan il-mod.

5.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità jew entità pubblika jew entità privata indipendenti minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni, trasmissjoni, distribuzzjoni u provvista tal-elettriku, li tista’ tkun awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 35(1), biex tkun responsabbli mill-organizzazzjoni, is-sorveljanza u l-kontroll tal-proċedura għal sejħa ta’ offerti imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu. Fejn operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jkun kompletament awtonomu minn attivitajiet oħra mhux relatati mas-sistema ta’ trasmissjoni f’termini ta’ proprjetà, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jista’ jinħatar bħala l-entità responsabbli mill-organizzazzjoni, isd-sorveljanza u l-kontroll tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Dik l-awtorità jew entità għandha tieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex tiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jkun hemm fl-offerti.

KAPITOLU IV

OPERAZZJONI TAS-SISTEMA TA’ TRASMISSJONI

Artikolu 9

Separazzjoni tas-sistemi ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mit-3 ta' Marzu 2012:

(a)

kull impriża li tkun proprjetarja ta’ sistema ta’ trasmissjoni tagħha taġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(b)

l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati:

(i)

li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni; jew

(ii)

li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jezerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista;

(c)

l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati jaħtru membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew ta’ korpi li legalment jirrappreżentaw l-impriża, ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew tas-sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista; u

(d)

l-istess persuna mhix intitolata tkun membru tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew ta’ korpi li legalment jirrappreżentaw l-impriża, kemm ta’ impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista u operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Paragrafu 1 għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)

is-setgħa tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ votazzjoni;

(b)

is-setgħa għall-ħatra tal-membri tal-bord superviżorju, tal-bord amministrattiv jew tal-entitajiet li jirrappreżentaw l-impriżi b’mod legali; jew

(c)

iż-żamma ta’ sehem ta’ maġġoranza.

3.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Paragrafu 1, in-nozzjoni ta’ “impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista” għandha tinkludi “impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni u provvista” fis-sens tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (17), u t-termini “operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni” u “sistema ta’ trasmissjoni” għandhom jinkludu “operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni” u “sistema ta’ trasmissjoni” fis-sens ta’ dik id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi mill-punti (b) u (c) tal-Paragrafu 1 sat-3 ta' Marzu 2013, sakemm l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jkunux jiffurmaw parti minn impriża integrata vertikalment.

5.   L-obbligu stipulat fil-punt (a) tal-Paragrafu 1 għandu jitqies sodisfatt f’sitwazzjoni fejn żewġ impriżi jew aktar li jkunu l-proprjetarji ta’ sistemi ta’ trasmissjoni joħolqu impriża konġunta li taġixxi ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni f’żewġ Stati Membri jew aktar għas-sistemi ta’ trasmissjoni kkonċernati. L-ebda impriża oħra ma tista’ tkun parti minn din l-impriża konġunta, sakemm ma tkunx ġiet approvata taħt l-Artikolu 13 bħala operatur indipendenti tas-sistema jew bħala operatur indipendenti tat-trasmissjoni għall-finijiet tal-Kapitolu V.

6.   Għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, fejn il-persuna msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Paragrafu 1 hija l-Istat Membru jew entità pubblika oħra, żewġ entitajiet pubbliċi separati li jeżerċitaw kontroll, minn naħa waħda, fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni u, min-naħa l-oħra, fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista, għandhom jitqiesu bħala l-istess persuna jew l-istess persuni.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva msemmija fl-Artikolu 16 miżmuma minn operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li kienet tagħmel parti minn impriża integrata vertikalment u lanqas il-persunal ta’ tali operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jiġu trasferiti lil impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista.

8.   Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-Paragrafu 1.

F’tali każ, l-Istati Membri konċernati għandhom jew:

(a)

jaħtru operatur tas-sistema indipendenti taħt l-Artikolu 13; jew

(b)

jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V.

9.   Fejn, fit-3 ta' Settembru 2009, is-sistema tat-trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża intergata vertikalment u hemm arranġamenti fil-post li jiggarantixxu aktar indipendenza effettiva tal-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-Paragrafu 1.

10.   Qabel ma impriża tkun approvata u maħtura bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni skont il-Paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tkun ċertifikata konformement mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 10(4), (5) u (6) ta’ din id-Direttiva u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, skont liema l-Kummissjoni għandha tivverifika li l-arranġamenti fis-seħħ jiggarantixxu b’mod ċar iżjed l-indipendenza effettiva tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni milli d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V.

11.   Impriżi integrati vertikalment li huma proprjetarji ta’ sistema ta’ trasmissjoni fl-ebda każ ma għandhom jiġu mċaħħda milli jieħdu passi biex jikkonformaw mal-Paragrafu 1.

12.   L-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista ma għandhom fl-ebda każ ikunu jistgħu jieħdu kontroll ta’ jew jeżerċitaw direttament jew indirettament kwalunkwe dritt fuq operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni li ġiet separata fl-Istati Membri li japplikaw il-Paragrafu 1.

Artikolu 10

Ħatra u ċertifikazzjoni ta’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni

1.   Qabel ma impriża tkun approvata u maħtura bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, hija għandha tkun ċertifikata konformement mal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

2.   Impriżi proprjetarji ta’ sistema ta’ trasmissjoni u li ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9, konformement mal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni aktar ‘l isfel, għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni mill-Istati Membri. Il-ħatra tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandhom jinnotfikaw lill-awtorità regolatorja bi kwalunkwe transazzjoni ppjanata li tista’ teħtieġ valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità tagħha mar-rekwiżiti l-Artikolu 9.

4.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jissorveljaw l-konformità kontinwa tal-operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni mal-Artikolu 9. Għandhom jibdew proċeduri ta’ ċertifikazzjoni biex jiżguraw tali konformità:

(a)

man-notifika mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni taħt il-Paragrafu 3;

(b)

fuq inizjattiva tagħhom stess fejn ikollhom tagħrif li bidla ppjanata fid-drittijiet jew fl-influwenza fuq proprjetarji ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni tista’ twassal għal ksur tal-Artikolu 9, jew fejn għandhom raġuni biex jemnu li seta’ seħħ tali ksur; jew

(c)

fuq talba motivata mill-Kummissjoni.

5.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jadotta deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistema tat-trasmissjoni f’perijodu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew mid-data tat-talba tal-Kummissjoni. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu, iċ-ċertifikazzjoni għandha titqies bħala mogħtija. Id-deċiżjoni espliċita jew taċita tal-awtorità regolatorja għandha ssir effettiva biss wara l-konklużjoni tal-proċedura prevista fil-Paragrafu 6.

6.   Id-deċiżjoni espliċta jew taċita dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandha tkun notifikata mingħajr dewmien lill-Kummissjoni mill-awtorità regolatorja, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha fir-rigward tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha taġixxi konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

7.   L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni jistgħu jesiġu mill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u mill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista kwalunkwe informazzjoni relevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.

8.   L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 11

Ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi

1.   Fejn ċertifikazzjoni hija meħtieġa minn proprjetarju ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni u li hija kkontrollata minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi, l-awtorità regolatorja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni.

L-awtorità regolatorja għandha tinnotifika lill-Kummisjoni wkoll mingħajr dewmien kull ċirkustanza li tirriżulta f’persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi li jiksbu kontroll tas-sistema ta’ trasmissjoni jew operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

2.   L-operaturi ta’ istema ta’ trasmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja bi kwalunkwe ċirkustanza li tirriżulta f’persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi li jiksbu kontroll fuq is-sistema ta’ trasmissjoni jew l-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

3.   L-awtorità regolatorja għandha tadotta abbozz tad-deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni. Hija għandha tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni jekk ma jkunx ġie ppruvat:

(a)

li l-entità kkonċernata tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9; u

(b)

lill-awtorità regolatorja jew lil awtorità kompetenti oħra maħtura mill-Istat Membru li l-għotja taċ-ċertifikazzjoni mhux ser tpoġġi f’riskju s-sigurtà tal-provvistà tal-enerġija tal-Istat Membru u l-Komunità. Fil-kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni l-awtorità regolatorja jew l-awtorità kompetenti l-oħra maħtura għandha tieħu kont ta’:

(i)

d-drittijiet u l-obbligi tal-Komunità fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi terzi li jirriżultaw taħt id-dritt internazzjonali, inkluż kull ftehim konkluż ma’ xi pajjiż terz jew aktar li għalih il-Komunità hija parti u li jkun indirizza l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(ii)

id-drittijiet u l-obbligi tal-Istat Membru fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi terzi li jirriżultaw minn ftehim konkluż ma’ dawn il-pajjiżi terzi, safejn huma konformement mal-liġi Komunitarja; u

(iii)

fatti speċifiċi u ċirkostanzi oħra tal-każ u l-pajjiż terz konċernat.

4.   Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien mill-awtorità regolatorja lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha rigward dik id-deċiżjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment sabiex l-awtorità regolatorja u/jew l-awtorità kompetenti maħtura msemmija fil-punt (b) tal-Paragrafu 3, qabel ma l-awtorità regolatorja tadotta deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni, jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar jekk:

(a)

l-entità kkonċernata tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9; u

(b)

l-għoti taċ-ċertifikazzjoni ma tpoġġix f’riskju s-sigurtà tal-provvistà tal-enerġija lill-Komunità.

6.   Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba msemmija fil-Paragrafu 5 hekk kif tirċeviha. Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba, hija għanda tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja nazzjonali jew, jekk it-talba tkun saret mill-awtorità kompetenti maħtura, lil dik l-awtorità.

Fit-tħejjija tal-opinjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob l-opinjonijiet tal-Aġenzija, l-Istat Membru konċernat, u partijiet interessati. Fil-każ li l-Kummissjoni tagħmel din it-talba, il-perijodu ta’ xahrejn għandu jiġi estiż b’xahrejn.

Fin-nuqqas ta’ opinjoni mill-Kummissjoni fi żmien il-perijodu msemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni għandha titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

7.   Meta tkun qed tivvaluta jekk il-kontroll minn persuna jew persuni minn pajjiż terz jew minn pajjiżi terzi ikunx qed ipoġġi f’riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lill-Komunità, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a)

il-fatti speċifiċi tal-każ u l-pajjiż terz jew pajjiżi terzi konċernati; u

(b)

id-drittijiet u l-obbligi tal-Komunità fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz li jkunu ġejjin mid-dritt internazzjonali, inkluż xi ftehim konkluż ma’ xi pajjiż terz jew pajjiżi terzi li għalih il-Komunità tkun Parti u li jkun indirizza l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista.

8.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha, f’perijodu ta’ xahrejn wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-Paragrafu 6, tadotta d-deċiżjoni finali tagħha dwar iċ-ċertifikazzjoni. Meta tadotta d-deċiżjoni finali tagħha l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu l-akbar kont tal-opinjoni tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ l-Istati Membri għandhom ikollhom id-dritt li jirrifjutaw iċ-ċertifikazzjoni fejn l-għoti ta’ ċertifikazzjoni tqiegħed f’riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġiji tal-Istati Membri jew is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ Stat Membru ieħor. Fejn l-Istat Membru jkun ħatar awtorità kompetenti oħra biex tivvaluta l-punt (b) tal-Paragrafu 3, huwa jista’ jesiġi li l-awtorità regolatorja nazzjonali tadotta d-deċiżjoni finali tagħha konformement mal-valutazzjoni ta’ dik l-awtorità kompetenti. Id-deċiżjoni finali tal-awtorità regolatorja nazzjonali u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati flimkien. Fejn id-deċiżjoni finali tvarja mill-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi u jippubblika, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni, ir-raġunar għal dik id-deċiżjoni.

9.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li, konformement mal-liġi Komunitarja, jeżerċitaw kontrolli legali nazzjonali biex iħarsu interessi leġittimi tas-sigurtà pubblika.

10.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida li jistabbilixxu id-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 46(2).

11.   Dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-punt (a) tal-Paragrafu 3, għandu japplika wkoll għal Stati Membri li huma suġġetti għal deroga taħt l-Artikolu 44.

Artikolu 12

Kompiti tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni

Kull operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun responsabbli biex:

(a)

jiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku, l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp taħt kondizzjonijiet ekonomiċi sistemi ta’ trasmissjoni siguri, affidabbli u effiċjenti b’kont dovut għall-ambjent;

(b)

jiżgura l-mezzi adegwati biex jissodisfa l-obbligi tas-servizz;

(c)

jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista permezz ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni adegwata u affidabbiltà tas-sistema;

(d)

jamministra l-flussi ta’ enerġija fuq is-sistema, b’kont meħud ta’ skambji ma’ sistemi interkonnessi oħra. Għal dak il-għan, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun responsabbli biex jiżgura sistema tal-elettriku sigura, affidabbli u effiċjenti u, f’dak il-kuntest, biex jiżgura d-disponibbiltà tas-servizzi anċillari kollha neċessarji, inklużi dawk provduti minn reazzjoni għad-domanda, kemm-il darba din id-disponibbiltà tkun waħda indipendenti minn kwalunkwe sistema ta’ trasmissjoni oħra li magħha s-sistema tiegħu tkun interkonnessa;

(e)

jipprovdi lill-operatur ta’ kwalunkwe sistema oħra li magħha s-sistema tiegħu tkun interkonnessa, informazzjoni biżżejjed biex jiżgura l-operazzjoni sigura u effiċjenti, l-iżvilupp koordinat u l-interoperabbiltà tas-sistema interkonnessa;

(f)

jiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema jew bejn klassijiet ta’ utenti tas-sistema, b’mod partikolari favur l-impriżi relatati tiegħu;

(g)

jipprovdi lill-utenti ta’ sistema bl-informazzjoni li jeħtieġu għal aċċess effiċjenti għas-sistema;

(h)

jiġbor il-kirjiet ta’ konġestjoni u l-ħlasijiet skont il-mekkaniżmu ta’ kumpens għal operatur ta’ sistema ta’ inter-trasmissjoni bi qbil mal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, jagħti u jimmaniġġja aċċess għal partijiet terzi u jagħti spjegazzjonijiet raġunati meta jirrifjuta aċċess bħal dan, li għandu jiġi mmonitorjat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali; meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom skont dan l-Artikolu, l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jiffaċilitaw primarjament l-integrazzjoni tas-suq.

Artikolu 13

Operaturi ta’ sistemi indipendenti

1.   Fejn is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment fit-3 ta' Settembru 2009, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 9(1) u jaħtru operatur ta’ sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni. Din il-ħatra għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

2.   L-Istat Membru jista’ japprova u jaħtar biss operatur ta’ sistema indipendenti, meta:

(a)

l-operatur kandidat ikun wera li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1)(b), (c) u (d);

(b)

l-operatur kandidat ikun wera li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-finanzi u r-riżorsi tekniċi, fiżiċi u umani meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu taħt l-Artikolu 12;

(c)

l-operatur kandidat ħa l-impenn li jikkonforma ma’ pjan ta’ żvilupp ta’ qafas ta’ għaxar snin monitorjat minn awtorità regolatorja;

(d)

il-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni jkun wera l-abbiltà tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu konformement mal-Paragrafu 5. Għal dak il-għan, għandu jipprovdi abbozz tal-arranġamenti kuntrattwali kollha mal-impriża kandidata u ma’ kwalunkwe entità oħra relevanti; u

(e)

l-operatur kandidat wera l-abilità tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 inklużi l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni fil-livell Ewropew u reġjonali.

3.   L-impriżi li jkunu ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 u tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema indipendenti mill-Istati Membri. Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni jew fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva għandha tapplika.

4.   Kull operatur tas-sistema indipendenti għandu jkun responsabbli għall-għoti u l-immaniġġjar tal-aċċess tal-partijiet terzi, inkluż il-ġbir tat-tariffi ta’ aċċess, il-kirjiet ta’ konġestjoni u l-pagamenti skont il-mekkaniżmu ta’ kumpens għal operatur ta’ sistema ta’ intertrasmissjoni bi qbil mal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, kif ukoll għat-tħaddim, il-manteniment u l-iżvilupp tas-sistema ta’ trasmissjoni, u biex tiġi żgurata l-abilità fuq tul ta’ żmien twil tas-sistema biex tiġi ssodisfatta t-talba raġunevoli permezz ta’ ppjanar tal-investiment. Fl-iżvilupp tas-sistema ta’ trasmissjoni, l-operatur tas-sistema indipendenti għandu jkun responsabbli għall-ippjanar (inkluża l-proċedura tal-awtorizzazzjoni), il-bini, u l-kuntrattar tal-infrastruttura l-ġdida. Għal dan il-għan, l-operatur ta’ sistema indipendenti għandu jaġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni konformement ma’ dan il-Kapitolu. Il-proprjetarji tas-sistema ta’ trasmissjoni ma għandhomx ikunu responsabbli għall-approvazzjoni u l-ġestjoni ta’ aċċess mill-partijiet terzi, u lanqas għall-ippjanar tal-investiment.

5.   Meta jinħatar operatur ta’ sistema indipendenti, il-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu:

(a)

jipprovdi l-koperazzjoni u l-appoġġ kollha relevanti lill-operatur tas-sistema indipendenti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, inkluż b’mod partikolari t-tagħrif kollu relevanti;

(b)

jiffinanzja l-investimenti deċiżi mill-operatur tas-sistema indipendenti u approvati mill-awtorità regolatorja, jew jaċċetta li jiġu ffinanzjati minn kwalunkwe parti interessata, inkluż l-operatur tas-sistema indipendenti. L-arranġament relevanti tal-iffinanjzar għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja; Qabel din l-approvazzjoni, l-Awtorità Regolatorja għandha tikkonsulta l-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni flimkien ma’ partijiet interessati oħra;

(c)

tipprovdi għall-kopertura tar-responsabbiltà li tikkonċerna l-assi tan-network, eskluża r-responsabbiltà marbuta mal-kompiti tal-operatur tas-sistema indipendenti; u

(d)

jipprovdi garanziji biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament ta’ kwalunkwe espansjonijet tan-network bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-investimenti fejn, konformement mal-punt (b), jkun ta l-approvazzjoni tiegħu għal finanzjament minn kwalunkwe parti interessata, inkluż l-operatur tas-sistema indipendenti.

6.   F’koperazzjoni mill-qrib mal-awtorità regolatorja, l-awtorità nazzjonali relevanti fuq il-kompetizzjoni għandha tingħata s-setgħat kollha relevanti sabiex tissorvelja b’mod effettiv il-konformità tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni mal-obbligi tiegħu konformement mal-Paragrafu 5.

Artikolu 14

Separazzjoni tal-proprjetarji ta’ sistemi ta’ trasmissjoni

1.   Proprjetarju ta’ sistema ta’ trasmissjoni, fejn operatur ta’ sistema indipendenti jkun inħatar, li jkun parti minn impriżi integrati vertikalment, għandu jkun indipendenti, għall-anqas f’termini tal-forma ġuridika tiegħu, fl-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, minn attivitajiet oħrajn li ma jkunux relatati mat-trasmissjoni.

2.   Sabiex tiġi aċċertata l-indipendenza tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni imsemmi fil-Paragrafu 1, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin:

(a)

il-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni ma għandhomx jieħdu sehem fl-istrutturi tal-kumpaniji tal-impriża integrata tal-elettriku li hija responsabbli, direttament jew indirettament, għall-operat ta’ kuljum tal-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku;

(b)

għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi aċċertat li l-interessi professjonali tal-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni jitqiesu b’mod li jiżgura li huma kapaċi li jaġixxu b’mod indipendenti; u

(c)

il-prorjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jfassal programm ta’ konformità, li jistabbilixxi l-miżuri meħuda biex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda kondotta diskriminatorja, u biex ikun żgurat li l-ħarsien ta’ dan il-programm ikun issorveljat b’mod adatt. Il-programm ta’ konformità għandu jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi tal-impjegati li jilħqu dawk l-għanijiet. Rapport ta’ kull sena, li jindika l-miżuri li jkunu ttieħdu, għandu jingħata mill-persuna jew korp responsabbli għas-sorveljanza tal-programm ta’ konformità lill-awtorità regolatorja u għandu jiġi ppubblikat.

3.   Il-Kummissjoni tista’ toħroġ Linji gwida biex taċċerta l-konformità sħiħa u effettiva mal-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni. Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 46(2).

Artikolu 15

Dispaċċ u bilanċjar

1.   Mingħajr preġudizzju għall-provvista tal-elettriku fuq il-bażi tal-obbligi kuntrattwali, inklużi dawk li jkunu ġejjin mill-ispeċifikazzjonijiet tat-tfiegħ tal-offerti, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu, fejn ikollu din il-funzjoni, jkun responsabbli mid-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni fiż-żona tiegħu u biex jiddetermina l-użu ta’ interkonnetturi ma’ sistemi oħra.

2.   Id-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u l-użu ta’ interkonnetturi għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ kriterji li għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fejn dawn huma kompetenti u li għandhom ikunu oġġettivi, pubblikati u applikati b’mod nondiskriminatorju li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-qasam tal-elettriku. Il-kriterji għandhom jieħdu kont tal-preċedenza ekonomika tal-elettriku minn istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni disponibbli jew trasferimenti ta’ interkonnetturi kif ukoll ir-restrizzjonijiet tekniċi fuq is-sistema.

3.   Stat Membru għandu jeħtieġ li l-operaturi tas-sistema jaġixxu bi qbil mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/28/KE meta jsir id-dispaċċ tal-istallazzjonijiet li jużaw l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu. Jista’ wkoll jirrikjedi lill-operatur tas-sistema li jagħti prijorità meta jiddispaċċja l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jipproduċu s-sħana u l-enerġija flimkien.

4.   Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, jagħti istruzzjoni li tingħata prijorità għad-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jkunu jużaw sorsi ta’ karburant ta’ enerġija primarja indiġena, sa livell, fi kwalunkwe sena kalendarja, ta’ 15 % tal-enerġija primarja totali meħtieġa għall-produzzjoni tal-elettriku kkunsmat fl-Istat Membru kkonċernat.

5.   L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal dan, jew l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jikkonformaw mal-istandards minimi għall-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistema ta’ trasmissjoni, inkluża l-kapaċità ta’ interkonnessjoni.

6.   L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jiksbu l-enerġija li jużaw biex ikopru t-telf fl-enerġija u jirriżervaw il-kapaċità fis-sistema tagħhom skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq, kull meta jkollhom din il-funzjoni.

7.   Ir-regoli adottati mill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għall-ibbilanċjar tas-sistema tal-elettriku għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi r-regoli biex l-utenti tas-sistema tan-netwerks tagħhom iħallsu għal skwilibrju tal-enerġija. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi r-regoli u t-tariffi, għall-proviżjoni ta’ tali servizzi minn operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jiġu stabbiliti skont metodoloġija kompatibbli mal-Artikolu 37(6) b’mod non-diskriminatorju u li jirrefletti l-ispejjeż u għandhom jiġu ppubblikati.

Artikolu 16

Konfidenzjalità għall-proprjetarji ta’ sistema ta’ trasmissjoni u operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 jew kwalunkwe obbligu legali ieħor biex tiġi żvelata informazzjoni, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u kull proprjetarju ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba waqt it-twettiq tan-negozju tagħhom, u għandhom jipprevjenu li informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom stess li tista’ tkun kummerċjalment vantaġġuża tiġi żvelata b’mod diskriminatorju. B’mod partikolari, huma m’għandhomx jiżvelaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-partijiet l-oħra tal-impriża, sakemm dan ma jkunx neċessarju għat-twettiq ta’ tranżazzjoni kummerċjali. Sabiex tkun żgurata l-osservanza sħiħa tar-regoli dwar is-separazzjoni tal-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetarju tas-sistema tat-trasmissjoni ma jużax servizzi konġunti, bħal servizz legali konġunt, apparti funzjonijiet purament amministrattivi jew tal-IT.

2.   L-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni ma għandhomx, fil-kuntest ta’ bejgħ jew ta’ xiri tal-elettriku minn impriżi relatati, jużaw skorrettament informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba minn partijiet terzi fil-kuntest tal-għoti jew tan-negozjar tal-aċċess għas-sistema.

3.   L-informazzjoni neċessarja għal kompetizzjoni effettiva u għal tħaddim effiċjenti tas-suq għandha tkun ippubblikata. Dak l-obbligu għandu jitwettaq mingħajr preġudizzju għall-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

KAPITOLU V

OPERATUR TA’ TRASMISSJONI INDIPENDENTI

Artikolu 17

L-assi, it-tagħmir, l-istaff u l-identità

1.   L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikunu mgħammra bir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha biex jaqdu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u jwettqu l-attività ta’ trasmissjoni tal-elettriku, partikolarment:

(a)

assi li huma meħtieġa għall-attività ta’ trasmissjoni tal-elettriku, inkluża s-sistema ta’ trasmissjoni, għandhom ikunu l-proprjetà ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(b)

persunal, meħtieġ għall-attività ta’ trasmissjoni tal-elettriku, inkluż il-prestazzjoni tal-kompiti korporattivi, għandu jiġi impjegat mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(c)

il-leasing ta’ persunal u l-għoti ta’ servizzi, lil u minn kwalunkwe parti oħra tal-impriża integrata vertikalment għandha tiġi pprojbita. Madankollu dan ma għandux jipprevjeni l-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni milli jagħti servizzi lill-impriża integrata vertikalment sakemm:

(i)

il-provvista ta’ dawn is-servizzi ma tiddiskriminax bejn l-utenti tas-sistema, tkun disponibbli lil utenti kollha tas-sistema fuq l-istess termini u kondizzjonijiet u ma tirrestrinġix, tgħawweġ jew tipprevjeni kompetizzjoni fil-produzzjoni jew il-provvista; u

(ii)

it-termini u l-kondizzjonijiet tal-provvista ta’ dawn is-servizzi huma approvati mill-awtorità regolatorja;

(d)

mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Sorveljanza taħt l-Artikolu 20, riżorsi finanzjarji xierqa għal proġetti futuri ta’ investiment u/jew għas-sostituzzjoni ta’ assi eżistenti għandhom ikunu disponibbli għall-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni fiż-żmien dovut mill-impriża integrata vertikalment wara talba adatta mill-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

2.   L-attività tat-trasmissjoni tal-elettriku għandha għall-anqas tinkludi l-kompiti li ġejjin flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 12:

(a)

rappreżentanza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u kuntatti lil partijiet terzi u l-awtoritajiet regolatorji;

(b)

rappreżentanza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fin-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trasmissjoni (European Network of Transmission System Operators) tal-Elettriku, (“ENTSO tal-Elettriku”);

(c)

l-għoti u l-ġestjoni ta’ aċċess ta’ parti terza fuq bażi non-diskriminatorja bejn utenti tas-sistema jew klassijiet ta’ utenti tas-sistema;

(d)

il-ġbir tal-ispejjeż kollha relatati mas-sistema ta’ trasmissjoni inkluż l-ispejjeż ta’ aċċess, l-ispejjeż ta’ kumpens għal servizzi anċillari bħax-xiri ta’ servizzi (l-ispejjeż ta’ bilanċ, enerġija għal telf);

(e)

l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ trasmissjoni sigura, effiċjenti u ekonomika;

(f)

ippjanar ta’ investiment li jiżgura l-abilità fuq perjodu ta’ żmien fit-tul biex jilħaq domanda raġonevoli u jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista;

(g)

l-istabbiliment ta’ impriżi konġunti xierqa, inkluż ma’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni wieħed jew aktar, skambji ta’ enerġija, u l-atturi l-oħra relevanti bil-għan tal-iżvilupp tal-ħolqien tas-swieq reġjonali jew jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ liberalizzazzjoni; u

(h)

is-servizzi korporattivi kollha, inklużi s-servizzi legali, il-kontabilità u s-servizzi tal-IT.

3.   L-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom ikunu organizzati f’forma legali kif imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE (18).

4.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma għandux, fl-identità, il-komunikazzjonijiet u l-użu tal-marka (branding) u l-lokazzjoni korporattiva tiegħu, joħloq konfużjoni fir-rigward tal-identità tal-impriża vertikalment integrata jew kwalunkwe parti tagħha.

5.   L-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni ma għandux jikkondividi sistemi jew tagħmir tal-IT, bini fiżiku u sistemi ta’ aċċess tas-sigurtà ma’ kwalunkwe parti tal-impriża integrata vertikalment u lanqas juża l-istess konsulenti jew kontratturi esterni għal sistemi jew tagħmir tal-IT, u sistemi ta’ aċċess tas-sigurtà.

6.   Il-kontabilità tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jiġu vverifikati minn awditur li ma huwiex dak li jivverifika l-impriża integrata vertikalment jew xi parti minnha.

Artikolu 18

Indipendenza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Sorvlejanza taħt l-Artikolu 20, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkollu:

(a)

drittijiet deċiżjonali effettivi, li jkunu indipendenti mill-impriża tal-elettriku integrata, fir-rigward tal-assi meħtieġa biex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni; u

(b)

is-setgħa li jsib fondi fis-suq kapitali b’mod partikolari billi jissellef u permezz ta’ żieda kapitali.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu, f’kull waqt, jaġixxi sabiex jiżgura li għandu r-riżorsi li jeħtieġ biex iwettaq ix-xogħol ta’ trasmissjoni b’mod tajjeb u effiċjenti u jiżviluppa u jżomm is-sistema ta’ trasmissjoni effiċjenti, sigura u ekonomika.

3.   Is-sussidjarji tal-impriża integrata vertikalment li twettaq funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista ma għandu jkollhom ebda sehem dirett jew indirett fl-ishma fl-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni. L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma għandu jkollu l-ebda sehem dirett jew indirett fl-ishma ta’ xi sussidjarja tal-impriża integrata vertikalment li twettaq funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista, u lanqas jirċievi dividendi jew xi benefiċċju finanzjarju ieħor min dik is-sussidjarja.

4.   L-istruttura ġenerali tal-ġestjoni u l-istatuti korporattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jiżguraw l-indipendenza effettiva tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni konformement ma’ dan il-Kapitolu. L-impriża integrata vertikalment ma għandiex tiddetermina direttament jew indirettament il-kondotta kompetittiva tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kuljum tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-ġestjoni tan-network, jew fir-rigward tal-attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network żviluppat taħt l-Artikolu 22.

5.   Fit-twettiq tal-ħidmiet tagħhom fl-Artikolu 12 u l-Artikolu 17(2) ta’ din id-Direttiva, u fil-konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (KE) Nru. 714/2009, l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni differenti jew entitajiet u m’għandhomx jirristrinġu, jgħawġu jew iċaħħdu l-kompetizzjoni fil-ġenerazzjoni jew fil-forniment.

6.   Kull relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, inkluż is-self mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni lill-impriża integrata vertikalment, għandha tkun konformi mal-kondizzjonijiet tas-suq. L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jżomm rekords iddettaljati ta’ dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji u jagħmilhom disponibbli lill-awtorità regolatorja hekk kif issirlu t-talba.

7.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jippreżenta għall-apporvazzjoni mill-awtorità regolatorja l-ftehimiet kollha kummerċjali u finanzjarji mal-impriża integrata vertikalment.

8.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jinforma lill-awtorità regolatorja bir-riżorsi finanzjarji, imsemmija fl-Artikolu 17(1)(d), disponibbli għal proġetti futuri ta’ investiment u/jew għas-sostituzzjoni ta’ assi eżistenti.

9.   L-impriża integrata vertikalment għandha tastjeni minn kull azzjoni li timpedixxi jew tippreġudika l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu f’dan il-Kapitolu u ma għandhiex tesiġi li l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jitlob il-permess minn impriża integrata vertikalment fit-twettiq ta’ dawk l-obbligi.

10.   Impriża li tkun ġiet ċertifikata mill-awtorità regolatorja bħala konformi mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu għandha tkun approvata u nnominata bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni jew fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva għandha tapplika.

Artikolu 19

Indipendenza tal-persunal u ġestjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni

1.   Id-deċiżjonijiet fir-rigward ħatriet u tiġdid, kondizzjonijiet ta’ xogħol inkluża r-remunerazzjoni u t-terminzzjoni tal-kariga tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jittieħdu mill-Korp ta’ Sorveljanza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni maħtur taħt l-Artikolu 20.

2.   L-identità u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-terminu, it-tul ta’ żmien u t-terminazzjoni L-identità u l-kondizzjonijiet li jiggvernaw il-mandat, id-dewmien u t-tmiem tal-persuni nnominati mill-Korp Superviżorju għal ħatra jew tiġdid bħala persuni responsabbli mill-ġestjoni eżekuttiva u/jew bħala membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, u r-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni proposta li ttemm tali mandat, għandhom jiġu notifikati lill-awtorità regolatorja. Dawk il-kondizzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-Paragrafu 1 għandhom isiru obbligatorji biss jekk, f’perjodu ta’ tliet ġimgħat min-notifika, l-awtorità regolatorja ma tkun ressqet ebda oġġezzjoni.

L-awtorità regolatorja tista’ toġġezzjona għad-deċiżjonijiet msemmija fil-Paragrafu 1:

(a)

jekk jitqajmu dubji dwar l-indipendenza professjonali ta’ persuna nnominata responsabbli mill-ġestjoni u/jew membru tal-korpi amministrattivi; jew

(b)

fil-każ ta’ terminazzjoni prematura ta’ kariga, jekk jeżistu dubji rigward il-ġustifikazzjoni ta’ tali terminazzjoni prematura.

3.   L-ebda pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew ta’ negozju, direttament jew indirettament, mal-impriża integrata vertikalment jew ma’ kwalunkwe parti minnha jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha għajr l-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni, m’għandha tiġi eżerċitata għal perjodu ta’ tliet snin qabel il-ħatra tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew tal-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li huma soġġetti għal dan il-paragrafu.

4.   Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jridx ikollhom xi pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew negozju, direttament jew indirettament, ma’ kwalunkwe parti oħra tal-impriża integrata vertikalment jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha.

5.   Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma jridx ikollhom xi interess fi jew jirċievu xi benefiċċju finanzjarju, direttament jew indirettament, minn xi parti tal-impriża integrata vertikalment li mhuwiex l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni. Il-ħlas tagħhom mgħandux jiddipendi mill-attivitajiet jew mir-riżultati tal-impriża integrata vertikalment jekk mhux dawk tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

6.   Għandhom ikunu garantiti d-drittijiet effettivi ta’ appell lill-awtorità regolatorja għal kwalunkwe lment mill-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni kontra terminazzjonijiet prematuri tal-kariga tagħhom.

7.   Wara t-terminazzjoni tal-kariga fl-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, il-persuni responsabbli mill-ġestjoni tiegħu u/jew membri tal-korpi amministrattivi tiegħu ma jridx ikollhom xi pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew negozju ma’ xi parti tal-impriża integrata vertikalment jew xi parti minnha jekk mhux l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha għal perjodu ta’ mhux anqas minn erba’ snin.

8.   Il-paragrafu 3 għandu japplika għall-maġġoranza tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni u/jew membri tal-korpi amministrattivi ta’ operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni li mhumiex suġġetti għall-paragrafu 3 ma għandhomx ikunu eżerċitaw l-ebda ġestjoni jew attività relevanti oħra fl-impriża integrata vertikalment għal perijodu ta’ mill-anqas sitt xhur qabel il-ħatra tagħhom.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafi 4 sa 7 għandhom ikunu applikabbli għall-persuni kollha li jappartjenu għall-ġestjoni eżekuttiva u għal dawk li jirruppurtaw lilhom direttament dwar kwistjonijiet relatati mal-operazzjoni, iż-żamma jew l-iżvilupp tan-network.

Artikolu 20

Entità ta’ Superviżjoni

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkollu Korp ta’ Sorveljanza li jkun inkarigat mit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikattiv fuq il-valur tal-assi tal-azzjonisti fl-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, partikolarment deċiżjonijiet rigward l-approvazzjoni tal-pjanijiet finanzjarji annwali u fuq perjodu itwal, il-livell ta’ djun tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-ammont ta’ dividendi mqassma lill-azzjonisti. Id-deċiżjonijiet li jaqgħu fil-mandat tal-Korp ta’ Sorveljanza għandhom jeskludu dawk li huma relatati mal-attivitajiet ta’ kuljum tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-ġestjoni tan-network, u ma’ attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network żviluppat taħt l-Artikolu 22.

2.   Il-Korp ta’ Sorveljanza għandu jkun magħmul minn membri li jirrappreżentaw l-impriża integrata vertikalment, membri li jirrappreżentaw l-azzjonisti li huma parti terza u, fejn il-leġiżlazzjoni relevanti ta’ Stat Membru tipprevedi hekk, membri li jirrappreżentaw partijiet oħra interessati bħal impjegati tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

3.   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 19(3) sa (7) għandhom japplikaw għall-anqas għal nofs il-membri tal-Korp ta’ Sorveljanza barra wieħed.

Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) għandu japplika għall-membri kollha tal-Korp ta’ Sorveljanza.

Artikolu 21

Programm ta’ konformità u Uffiċjal ta’ Konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni jistabbilixxu programm ta’ konformità li jistabbilixxi l-miżuri meħudin biex jiġi żgurat li kull aġir diskriminatorju jiġi eskluż, u jaċċerta li l-konformità ma’ dan il-programm hija sorveljata b’mod adatt. Il-programm ta’ konformità għandu jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi tal-impjegati li jilħqu dawk l-għanijiet. Huwa għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-regolatur nazzjonali, il-konformità mal-programm għandha tiġi sorveljata mill-uffiċjal għall-konformità fuq bażi indipendenti.

2.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jinħatar mill-Korp ta’ Sorveljanza, bil-kundizzjoni li dan jiġi approvat mill-awtorità regolatorja. L-awtorità regolatorja tista’ tirrifjuta li tapprova l-ħatra tal-uffiċjal għall-konformità biss għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ indipendenza jew kapaċità professjonali. L-uffiċjal għall-konformità jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika. L-Artikolu 19(2) sa (8) għandhom japplikaw għall-uffiċjal għall-konformità.

3.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jkun inkarigat milli:

(a)

jissorvelja l-implimentazzjoni tal-programm ta’ konformità;

(b)

ifassal rapport annwali, li juri l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ konformità u jippreżentah lill-awtorità regolatorja;

(c)

jirrapporta lill-Korp ta’ Sorveljanza u joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar il-programm ta’ konformità u l-implimentazzjoni tiegħu;

(d)

jinnotifika lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe ksur sostanzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ konformità; u

(e)

jirrapporta lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

4.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jippreżenta d-deċiżjonijiet proposti dwar il-pjan ta’ investiment jew dwar investimenti individwali fin-network lill-awtorità regolatorja. Dan għandu jseħħ l-aktar tard meta t-tmexxija u/jew il-korp amministrattiv kompetenti tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jippreżentahom lill-Korp ta’ Sorveljanza.

5.   Fejn l-impriża integrata vertikalment, fl-assemblea ġenerali jew permezz tal-vot tal-membri tal-Korp ta’ Sorveljanza li hija tkun ħatret, tkun evitat l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bl-effett li ma jitħallewx isiru jew jiġu ttardjati investimenti, li taħt il-pjan ta’ żvilupp tan-network ta’ għaxar snin kellha tiġi implimentata fit-tliet snin ta’ wara, l-uffiċjal għall-konformità għandu jirrapporta dan lill-awtorità regolatorja, li mbagħad għandha taġixxi skont l-Artikolu 22.

6.   Il-kondizzjonijiet li jiggvernaw il-mandat jew il-kondizzjonijiet ta’ impjieg tal-uffiċjal għall-konformità, inkluż it-tul tal-mandat tiegħu, għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-uffiċjal għall-konformità, inkluż permezz tal-provvista tar-riżorsi kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijietu. Matul il-mandat tiegħu, l-uffiċjl għall-konformità ma jista’ jkollu l-ebda pożizzjoni professjonali oħra, responsabbiltà jew interess, b’mod dirett jew indirett fi jew ma’ kwalunkwe parti tal-impriża integrata vertikalment jew mal-azzjonisti li jikkontrollawha.

7.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jirrapporta regolarment, bil-fomm jew bil-kitba, lill-awtorità regolatorja u għandu jkollu d-dritt li jirrapporta regolarment, bil-fomm jew bil-kitba, lill-Korp ta’ Sorveljanza tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni.

8.   L-uffiċjal għall-konformità jista’ jattendi l-laqgħat kollha tat-tmexxija jew tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, u dawk tal-Korp ta’ Sorveljanza u l-assemblea ġenerali. L-uffiċjal għall-konformità għandu jattendi l-laqgħat kollha li jindirizzaw il-materji li ġejjin:

(a)

il-kundizzjonijiet fil-każ tal-aċċess għan-‘network’, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 714/2009, partikolarment fir-rigward tat-tariffi, is-servizzi ta’ aċċess għal partijiet terzi, l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni, it-trasparenza, l-ibbilanċjar u s-swieq sekondarji;

(b)

proġetti mibdija sabiex titħaddem, tiġi mantenuta u żviluppata s-sistema ta’ trasmissjoni, inkluż investimenti għall-interkonnessjoni u l-konnessjoni;

(c)

xiri jew bejgħ tal-enerġija meħtieġa biex titħaddem is-sistema ta’ trasmissjoni.

9.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jissorvelja l-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni mal-Artikolu 16.

10.   L-uffiċjal għall-konformità għandu jkollu aċċess għad-data kollha relevanti u għall-uffiċċji tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex jaqdi l-kompiti tiegħu.

11.   Wara l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità regolatorja, il-Korp ta’ Sorveljanza jista’ jneħħi mill-kariga lill-uffiċjal għall-konformità. Huwa għandu jkeċċi l-uffiċjal għall-konformità għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ indipendenza jew ta’ kapaċità professjonali, meta jiġi mitlub li jagħmel dan mill-awtorità regolatorja.

12.   L-uffiċċjal tal-konformità għandu jkollu aċċess għall-uffiċċji tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni mingħajr avviż minn qabel.

Artikolu 22

Żvilupp tan-network u setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti

1.   Kull sena, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jippreżentaw lill-awtorità regolatorja pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin ibbażat fuq il-provvista u d-domanda eżistenti u previsti wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha relevanti. Dak il-pjan tal-iżvilupp tan-network għandu jinkludi miżuri effiċjenti sabiex tkun garantita l-adegwatezza tas-sistema u s-sigurtà tal-forniment.

2.   Il-pjan ta’ 10 snin għall-iżvilupp tan-network għandu, b’mod partikolari:

(a)

jindika lill-parteċipanti fis-suq l-infrastrutturi ewlenin ta’ trasmissjoni li jeħtieġ li jinbnew jew jiġu mmodernizzati matul l-għaxar snin li ġejjin;

(b)

jkun fih l-investimenti kollha diġà deċiżi u jidentifika investimenti ġodda li jridu jiġu eżegwiti fit-tliet snin li ġejjin; u

(c)

jipprovdi skeda ta’ żmien għall-proġetti kollha ta’ investiment.

3.   Waqt l-elaborazzjoni tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jagħmel suppożizzjonijiet raġjonevoli dwar l-evoluzzjoni tal-ġenerazzjoni, il-provvista, il-konsum u l-iskambji ma’ pajjiżi oħrajn, b’kont meħud tal-pjani ta’ investiment għan-netwerks reġjonali u fil-Komunità kollha.

4.   L-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta mal-utenti kollha effettivi u potenzjali tas-sistema dwar il-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network b’mod miftuħ u trasparenti. Persuni jew impriżi li jsostnu li huma utenti potenzjali tas-sistema jistgħu jintalbu jissostanzjaw tali pretensjonijiet. L-awtorità regolatorja għandha tippubblika r-riżultat tal-proċess ta’ konsultazzjoni, partikolarment il-ħtiġijiet possibbli għal investimenti.

5.   L-awtorità regolatorja għandha teżamina jekk il-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp ta’ netwerk ikoprix il-bżonnijiet kollha ta’ investiment identifikati matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, u jekk hux konsistenti mal-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ għaxar snin għall-Komunità kollha (Pjan tal-iżvilupp tan-netwerk għall-Komunita kollha) kif stipulat fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Jekk ikun hemm xi dubju dwar il-koformità mal-pjan ta’ għaxar snin tal-iżvilupp tan-network għall-Komunità kollha, l-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta lill-Aġenzija. L-awtorità regolatorja tista’ titlob lill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni sabiex jemenda l- pjan tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ għaxar snin tiegħu.

6.   L-awtorità regolatorja għandha tissorvelja u tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network.

7.   F’ċirkustanzi fejn l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, jekk mhux għal raġunijiet imperattivi mhux fil-kontroll tiegħu, ma jeżegwixxix investiment, li, konformement mal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network, kellu jiġi eżegwit fis-snin ta’ wara, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja għandha l-obbligu li tieħu għall-anqas waħda mill-miżuri li ġejjin biex tiżgura li l-investiment in kwistjoni jseħħ jekk dan l-investiment għadu relevanti abbażi mal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network li huwa l-aktar reċenti:

(a)

tesiġi mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni li jeżegwixxi l-investimenti in kwistjoni;

(b)

torganizza proċedura għal sejħa ta’ offerti miftuħa għal kull investitur għall-investiment in kwistjoni; jew

(c)

tobbliga lill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jaċċetta żieda fil-kapital biex jiffinanzja l-investimenti meħtieġa u jippermetti l-investituri indipendenti jipparteċipaw fil-kapital.

Fejn l-awtorità regolatorja tkun għamlet użu mis-setgħat tagħha taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, hija tista’ tobbliga lill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni sabiex dan jaqbel ma’ element wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-finanzjament minn xi parti terza;

(b)

il-kostruzzjoni minn xi parti terza;

(c)

il-bini minnu stess tal-assi kkonċernati;

(d)

l-operazzjoni minnu istess tal-assi kkonċernat.

L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jipprovdi lill-investituri bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu l-investiment, għandu jikkollega l-assi l-ġodda man-network ta’ trasmissjoni u għandu ġeneralment jagħmel l-aħjar li jista’ biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment.

L-arranġamenti finanzjarji relevanti għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja.

8.   Fejn l-awtorità regolatorja tkun għamlet użu mis-setgħat tagħha taħt l-ewwel subparagrafu tal-Paragrafu 7, ir-regolamenti relevanti dwar it-tariffi għandhom ikopru l-ispejjeż tal-investimenti in kwistjoni.

Artikolu 23

Setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward il-konnessjoni ta’ impjanti ġodda mas-sistema ta’ trasmissjoni

1.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jistabbilixxi u jippubblika proċeduri trasparenti u effiċjenti għall-konnessjoni non-diskriminatorja ta’ impjanti ġodda tal-enerġija mas-sistema ta’ trasmissjoni. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma għandux ikun intitolat li jirrifjuta l-konnessjoni ta’ impjant ġdid tal-enerġija għal raġunijiet ta’ limitazzjonijiet possibbli futuri fil-kapaċitajiet tan-network disponibbli, bħal konġestjoni f’partijiet ‘il bogħod tas-sistema ta’ trasmissjoni. L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa.

3.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni ma għandux ikun intitolat li jirrifjuta punt ġdid għal raġunijiet ta’ iktar spejjeż marbuta maż-żieda neċessarja ta’ kapaċita’ tal-elementi tas-sistema fil-qrib tal-punt tal-konnessjoni

KAPITOLU VI

L-OPERAZZJONI TAS-SISTEMA TA’ DISTRIBUZZJONI

Artikolu 24

Il-ħatra tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni

L-Istati Membri għandhom jaħtru jew għandhom jesiġu minn impriżi li jkunu proprjetarji jew responsabbli ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni li jaħtru, għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri wara li dawn ikunu kkunsidraw l-effiċjenza u l-bilanċ ekonomiku, operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta’ distribuzzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jaġixxu konformement mal-Artikoli 25, 26 u 27.

Artikolu 25

Il-kompiti ta’ operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni

1.   L-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jkun responsabbli li jiżgura l-kapaċità fuq perjodu ta’ żmien twil tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domanda raġjonevoli għad-distribuzzjoni tal-elettriku, għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp f’kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku li tkun tajba, ta’ min jafdaha u effiċjenti, partikolarment fejn għandu x’jaqsam l-ambjent u l-effiċjenza enerġetika.

2.   Fi kwalunkwe każ, huwa ma għandux jiddiskrimina bejn utenti tas-sistema jew bejn klassijiet ta’ utenti tas-sistema, partikolarment favur l-impriżi relatati tiegħu.

3.   L-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jipprovdi lill-utenti tas-sistema bl-informazzjoni li dawn ikunu jeħtieġu għall-aċċess effiċjenti għal, inkluż l-użu, tas-sistema.

4.   Stat Membru jista’ jesiġi li l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, fid-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, jagħti prijorità lil istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew skart jew li jkunu jipproduċu sħana u enerġija mħallta flimkien.

5.   Kull operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għandu jikseb l-enerġija li juża biex ikoprit-telf fl-enerġija u biex jirriżerva il-kapaċità fis-sistema tiegħu skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq, kull meta dan ikollu din il-funzjoni. Dak ir-rekwiżit għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-użu tal-elettriku miksub taħt kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

6.   Fejn l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jkun responsabbli biex jibbilanċja sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, ir-regoli li dan jadotta għal dak il-għan għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi regoli għat-tariffi imposti lill-utenti tan-netwerks għall-iskwilibrju tal-enerġija. It-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi r-regoli u t-tariffi, għall-forniment ta’ tali servizzi minn operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandhom jiġu stabbiliti konformement mal-Artikolu 37(6) b’mod non-diskriminatorju u li jirrifletti l-prezz u għandhom jiġu ppubblikati.

7.   Fl-ippjanar tal-iżvilupp tan-netwerks tad-distribuzzjoni, l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jikkunsidra miżuri fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/ta’ ġestjoni tad-domanda u/jew ġenerazzjoni distribwita li jistgħu jissostitwixxu r-rekwiżit li l-kapaċità tal-elettriku tiġi aġġornata jew sostitwita.

Artikolu 26

Is-separazzjoni tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni

1.   Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni mill-anqas f’termini tal-forma legali tiegħu, l-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Dawn ir-regoli ma għandhomx joħolqu obbligu ta’ separazzjoni tal-proprjetà tal-assi tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni mill-impriża integrata vertikalment.

2.   Addizzjonalment għar-rekwiżiti tal-Paragrafu 1, fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni huwa parti minn impriża integrata vertikalment, huwa għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni f’termini tal-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Sabiex jintlaħaq dan, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin:

(a)

dawk il-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ma jistgħux jieħdu sehem fi strutturi tal-kumpanija tal-impriża tal-elettriku integrata responsabbli, direttament jew indirettament, għall-operazzjonita’ kuljum tal-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u l-provvista tal-elettriku;

(b)

għandhom jittieħdu miżuri adatti biex ikun żgurat li jittieħed kont, b’mod li jkun żgurat li huma kapaċi jaġixxu indipendentement, tal-interessi professjonali tal-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni;

(c)

l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jkollu drittijiet deċiżjonali effettivi, li jkunu indipendenti mill-impriża tal-elettriku integrata, fir-rigward tal-assi meħtieġa biex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa n-network. Sabiex jitwettqu dawk il-kompiti, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa, inklużi dawk umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji. Dan ma għandux jipprevjeni l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni adatti biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta’ superviżjoni ekonomika u amministrattiva tal-kumpanija ewlenija fir-rigward tal-qliegħ mill-assi, regolati indirettament taħt l-Artikolu 37(6), f’sussidjara jiġu protetti. B’mod partikolari, dan għandu jippermetti lill-kumpanija ewlenija tapprova l-pjan finanzjarju annwali, jew kwalunkwe strument ekwivalenti, tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u tistabbilixxi limiti globali fuq il-livelli ta’ dejn tas-sussidjarja tagħha. Dan ma għandux jippermetti l-kumpanija ewlenija biex tagħti istruzzjonijiet dwar l-operazzjoni ta’ kuljum, u lanqas dwar deċiżjonijiet individwali dwar il-bini jew l-immodernizzar tal-linji ta’ distribuzzjoni, li ma jkunux jaqbżu t-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew kwalunkwe strument ekwivalenti; u

(d)

l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jistabbilixxi programm ta’ konformità, li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li tkun eskluża mġiba diskriminatorja, u jiżgura li l-osservanza tiegħu tkun adegwatament sorveljata. Il-programm ta’ konformità għandu jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi tal-impjegati li jilħqu dawn l-għanijiet. Rapport annwali, li jistabbilixxi l-miżuri meħuda, għandu jiġi ppreżentat mill-persuna jew l-entità responsabbli għas-sorveljanza tal-programm ta’ konformità, l-uffiċjal għall-konformità tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni, lill-awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 35(1) u għandu jiġi ppubblikat. L-uffiċjal għall-konformità tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jkun kompletament indipendenti u għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja dwar l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni u dwar kwalunkwe impriża affiljata sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu.

3.   Fejn l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jifforma parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jiġu ssorveljat minn awtoritajiet regolatorji jew minn korpi oħra kompetenti, sabiex ma jkunx jista’ japprofitta ruħu mill-integrazzjoni vertikali tiegħu biex ixekkel il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni integrati vertikalment ma għandhomx, fil-komunikazzjonijiet u l-l-użu tal-marka (branding) tagħhom, joħolqu konfużjoni fir-rigward tal-identità separata tal-fergħa tal-forniment tal-impriża vertikalment integrata.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 1, 2 u 3 għal impriżi tal-elettriku integrati li jkunu jservu anqas minn 100 000 klijent konness, jew li jkunu jservu sistemi iżolati żgħar.

Artikolu 27

Obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 jew kwalunkwe obbligu legali ieħor biex tiġi żvelata informazzjoni, l-opertaur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jżomm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba waqt it-twettiq tan-negozju tiegħu, u għandu jipprevjeni li informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu stess li tista’ tkun kummerċjalment vantaġġuża tiġi żvelata b’mod diskriminatorju.

Artikolu 28

Sistemi ta’ distribuzzjoni magħluqa

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħra jikklassifikaw sistema li tqassam l-elettriku fi ħdan sit ġeografikament imwarrab, li jkun industrijali, kummerċjali jew maqsum, u mingħajr preġudizzju għall-Paragrafu 4, ma jipprovdix klijenti fi djar bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa jekk:

(a)

għal raġunijiet tekniċi speċifiċi, l-operazzjonijiet jew il-proċess ta’ produzzjoni tal-utenti ta’ dik is-sistema jkunu integrati; jew

(b)

dik is-sistema tqassam l-elettriku l-ewwelnett lill-proprjetarju jew lill-operatur tas-sistema jew lill-impriżi relatati tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeżentaw lill-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa minn:

(a)

l-obbligi tal-Artikolu 25(5) li jakkwista l-enerġija li huwa juża biex ikopri t-telf tal-enerġija u l-kapaċità ta’ riżerva fis-sistema tiegħu skont proċeduri trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq is-suq;

(b)

l-obbligu fl-Artikolu 32(1) li tariffi jew metodoloġiji li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tagħhom jiġu approvati qabel id-dħul fis-seħħ skont l-Artikolu 37.

3.   Meta ssir eżenzjoni hekk kif imsemmi fit-tieni paragrafu, it-tariffi applikabbli, jew il-metodoloġiji li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tagħhom, għandhom jiġu riveduti u approvati skont l-Artikolu 37 meta ssir talba għal dan minn utent tas-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa.

4.   L-użu inċidentali minn numru żgħir ta’ djar b’assoċjazzjonijiet ta’ impjieg jew simili mal-proprjetarju tas-sistema ta’ distribuzzjoni u li jinsabu fiz-zona servita mis-sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa m’għandux jipprekludi eżenzjoni skont il-paragrafu 2 l-għoti ta’ dawn l-eżenzjonijiet.

Artikolu 29

Operatur kombinat

L-Artikolu 26(1) ma għandux jipprevjeni l-operazzjoni ta’ operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni kombinati sakemm dan l-operatur jikkonforma mal-Artikoli 9 (1), jew 13 u 14, jew mal-Kapitolu V jew jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 44(2).

KAPITOLU VII

SEPARAZZJONI U TRASPARENZA TAL-KONTIJIET

Artikolu 30

Dritt ta’ aċċess għall-kontijiet

1.   L-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti li dawn jaħtru, inklużi l-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 35, għandhom, sa fejn meħtieġ biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, ikollhom id-dritt ta’ aċċess għall-kontijiet tal-impriżi tal-elettriku kif stabbilit fl-Artikolu 31.

2.   L-Istati Membri u kwalunkwe awtorità kompetenti maħtura, inklużi l-awtoritajiet regolatorji għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu għall-iżvelar ta’ din l-informazzjoni fejn dan huwa meħtieġ sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 31

Separazzjoni tal-kontijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-kontijiet tal-impriżi tal-elettriku jinżammu konformement mal-paragrafi 2 u 3.

2.   L-impriżi tal-elettriku, irrispettivament mis-sistema ta’ proprjetà jew forma legali tagħhom, għandhom ifasslu, jissottomettu għall-verifika u jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali dwar il-kontijiet annwali ta’ kumpaniji b’respondabbiltà limitata adottata skont ir-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 44(2)(g) (**) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji (19).

Impriżi li ma jkunux obbligati legalment biex jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom għandhom iżommu kopja ta’ dawn għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-kwartieri ġenerali tagħhom.

3.   L-impriżi tal-elettriku għandhom, fis-sistema interna tagħhom ta’ kif jinżammu l-kontijiet, iżommu kontijiet separati għal kull waħda mill-attivitajiet ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni li huma jwettqu daqs li kieku kellhom jagħmlu hekk jekk l-attivitajiet in kwistjoni kellhom jitwettqu minn impriżi separati, bil-ħsieb li jkunu evitati d-diskriminazzjoni, l-inter-sussidjarjetà u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dawn għandhom iżommu wkoll il-kontijiet, li jistgħu jkunu konsolidati, għal attivitajiet oħra tal-elettriku li ma jkunux marbuta mat-trasmissjoni jew id-distribuzzjoni. Sa l-1 ta’ Lulju 2007, dawn għandhom iżommu kontijiet separati dwar attivitajiet ta’ provvista għall-klijenti eliġibbli u dwar attivitajiet ta’ provvista għall-klijenti li ma jkunux eliġibbli. Il-qligħ mill-proprjetà tas-sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni għandu jkun speċifikat fil-kontijiet. Fejn ikun xieraq, dawn għandhom iżommu kontijiet konsolidati għal attivitajiet oħra li ma jkunux tal-elettriku. Il-kontijiet interni għandhom jinkludi balance sheet u kont ta’ qligħ u telf għal kull attività.

4.   Il-verifika msemmija fil-Paragrafu 2 għandha, b’mod partikolari, tivverifika li l-obbligu biex ikunu evitati d-diskriminazzjoni u l-inter-sussidjarjetà msemmija fil-Paragrafu 3, ikun rispettat.

KAPITOLU VIII

ORGANIZZAZZJONI TA’ AĊĊESS GĦAS-SISTEMA

Artikolu 32

Aċċess minn parti terza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi parti għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni bbażat fuq tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom konformement mal-Artikolu 37 u li dawk it-tariffi, u l-metodoloġiji — fejn il-metodoloġiji jkunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess fil-każ li ma jkollux il-kapaċità neċessarja. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati, partikolarment meta jitqies l-Artikolu 3, u bbażati fuq kriterji oġġettivi u ġustifikabbli teknikament u ekonomikament. L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal dan, jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kriterji jkunu konsistentement applikati u li l-utent tas-sistema li jkun ġie rifjutat l-aċċess tiegħu jkun jista’ jagħmel użu minn proċedura ta’ soluzzjoni ta’ disputa. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ukoll jiżguraw, fejn ikun il-każ u meta jseħħ rifjut ta’ aċċess, li l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jipprovdi l-informazzjoni relevanti dwar miżuri li jkunu meħtieġa għall-infurzar tan-network. Il-parti li tagħmel talba għal tali informazzjoni jista’ jkollha tħallas miżata raġonevoli li tkun tirrifletti n-nefqa biex tkun provduta tali informazzjoni.

Artikolu 33

Ftuħ tas-suq u reċiproċità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti eliġibbli jinkludu:

(a)

sal-1 ta’ Lulju 2004, il-klijenti eliġibbli kif speċifikat fl-Artikolu 19(1) sa (3) tad-Direttiva 96/92/KE. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sal-31 ta’ Jannar kull sena il-kriterji għad-definizzjoni ta’ dawk il-klijenti eliġibbli;

(b)

mill-1 ta’ Lulju 2004, il-klijenti mhux domestiċi kollha;

(c)

mill-1 ta’ Lulju 2007, lill-klijenti kollha.

2.   Biex ma jkunx hemm skwilibrju fil-ftuħ tas-swieq tal-elettriku:

(a)

il-kuntratti għall-provvista tal-elettriku ma’ klijent eliġibbli fis-sistema ta’ Stat Membru ieħor ma għandhomx ikunu pprojbiti jekk il-klijent ikun ikkunsidrat bħala eliġibbli fiż-żewġ sistemi involuti; u

(b)

f’każijiet fejn it-tranżazzjonijiet kif deskritt fil-punt (a) ikunu rifjutati minħabba li l-klijent ikun eliġibbli f’waħda miż-żewġ sistemi biss, il-Kummissjoni tista’ tobbliga, b’kont meħud tas-sitwazzjoni fis-suq u l-interess komuni, lill-parti li qed tirrifjuta biex twettaq il-provvista mitluba fuq it-talba tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-klijent eliġibbli.

Artikolu 34

Linji diretti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex:

(a)

il-produtturi tal-elettriku u l-impriżi tal-provvista tal-elettriku kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom ikunu jistgħu jipprovdu l-elettriku lill-bini tagħhom stess, lis-sussidjarji tagħhom u lil klijenti eliġibbli permezz ta’ linja diretta; u

(b)

il-klijenti eliġibbli kollha fit-territorju tagħhom ikunu jistgħu jiġu fornuti permezz ta’ linja diretta minn produtturi u impriżi ta’ provvista.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-bini ta’ linji diretti fit-territorju tagħhom. Dawk il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.

3.   Il-possibbiltà li l-elettriku jkun provdut permezz ta’ linja diretta kif imsemmi fil-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex taffettwa l-possibbiltà li l-elettriku jkun mogħti b’kuntratt taħt l-Artikolu 32.

4.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni għall-bini ta’ linja diretta soġġett għar-rifjut tal-aċċess għas-sistema fuq il-bażi, fejn ikun il-każ, tal-Artikolu 32 jew għall-bidu ta’ riżoluzzjoni ta’ disputa taħt l-Artikolu 37.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jawtorizzaw linja diretta jekk l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jkun ixxekkel id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati.

KAPITOLU IX

AWTORITAJIET REGOLATORJI NAZZJONALI

Artikolu 35

Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja nazzjonali waħda fil-livell nazzjonali.

2.   Il-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħatra ta’ awtoritajiet regolatorji oħrajn fil-livell reġjonali fl-Istati Membri, sakemm ikun hemm rappreżentant superjuri wieħed għall-finijiet ta’ rappreżentanza u kuntatt fil-livell Komunitarju fil-Bord tar-Regolaturi tal-Aġenzija konformement mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009.

3.   B’deroga mill-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jaħtar awtoritajiet regolatorji għal sistemi żgħar fuq reġjun ġeografikament separat li fis-sena 2008 jkollu konsum ta’ anqas minn 3 % tal-konsum totali tal-Istat Membru li minn u jagħmel parti. Din id-deroga għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħatra ta’rappreżentant superjuri wieħed għall-finijiet ta’ rappreżentanza u kuntatt fil-livell Komunitarju fil-Bord tar-Regolaturi tal-Aġenzija konformement mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009.

4.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dan il-għan, Stat Membru għandu jiżgura li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta’ din id-Direttiva u leġiżlazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:

(a)

tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;

(b)

għandha tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:

(i)

jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq; u

(ii)

ma jitolbux jew jieħdu istruzzjonijiet diretti mill-ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-koperazzjoni mill-qrib, fejn ikun il-każ, ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra relevanti jew għal-linji gwida ġenerali ta’ politika maħruġa mill-gvern li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u setgħat regolatorji taħt l-Artikolu 37.

5.   Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:

(a)

l-awtorità regolatorji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet awtonomi, b’mod indipendenti minn kwalunkwe entità politika, u jkollha allokazzjonijiet annwali separati tal-baġit, b’awtonomija fl-implimentazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit allokat, u riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom; u

(b)

il-membri tal-Bord tal-Awtorità Regolatorja jew, fin-nuqqas ta’ bord, l-eżekuttiv għoli tal-awtorità regolatorja għandhom jinħatru għal terminu fiss ta’ minn 5 sa 7 snin, li jista’ jiġġedded darba biss.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw skema ta’ rotazzjoni adegwata għall-bord jew għalleżekuttiv għoli. Il-membri tal-bord jew, fin-nuqqas ta’ bord, il-membri tal-eżekuttiv għoli jistgħu biss jitneħħew mill-kariga matul il-mandat tagħhom jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jew jekk jinsabu ħatja ta’ mġiba ħażina skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 36

Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji

Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

(a)

il-promozzjoni, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija, l-awtoritajiet regolatorji ta’ Stati Membri oħrajn u l-Kummissjoni, ta’ suq intern fl-elettriku li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli fi ħdan il-Komunità, u ftuħ effettiv fis-suq għall-konsumaturi u l-fornituri kollha tal-Komunità kif ukoll li jkunu żgurati kondizzjonijiet adegwati għat-tħaddim effettiv u affidabbli tan-netwerks tal-enerġija, meta jitqiesu l-objettivi fuq medda twila ta’ żmien;

(b)

l-iżvilupp ta’ swieq reġjonali kompetittivi u li jiffunzjonaw tajjeb fil-Komunità sabiex jinkiseb l-għan imsemmi fil-punt (a);

(c)

l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fl-elettriku bejn l-Istati Membri, inkluż l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet adatti ta’ trasmissjoni transkonfinali biex tiġi sodisfatta d-domanda u tittejjeb l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali li jistgħu jiffaċilitaw il-flussi tal-elettriku fil-Komunità;

(d)

għajnuna fil-kisba, bl-iktar mod effikaċi, tal-iżvilupp ta’ sistemi mhux diskriminatorji sikuri, affidabbli u effiċjenti li jkunu orjentati lejn il-konsumaturi, u l-promozzjoni ta’ adegwatezza fis-sistemi u, bi qbil mal-objettivi ġenerali tal-politika tal-enerġija, effiċjenza tal-enerġija kif ukoll l-integrazzjoni ta’ produzzjoni tal-elettriku fuq skala kbira u żgħira minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ġenerazzjoni mqassma kemm fin-network tat-trasmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni;

(e)

il-faċilitazzjoni tal-aċċess għan-network għal kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida, b’mod partikolari t-tneħħija ta’ ostakoli li jistgħu jimpedixxu d-dħul għal kompetituri ġodda fis-suq u ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

(f)

jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi xierqa, kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prestazzjoni tan-network u titrawwem l-integrazzjoni tas-suq;

(g)

li jiġi żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw permezz tal-funzjonament effiċjenti tas-suq nazzjonali tagħhom, waqt li tkun promossa kompetizzjoni effettiva u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur;

(h)

għajnuna fil-kisba ta’ standards għolja ta’ servizz universali u pubbliku fil-provvista tal-enerġija, filwaqt li jsir kontribut għall-ħarsien tal-klijenti vulnerabbli u għall-kompatibilità tal-proċessi neċessarji ta’ skambju tad-data għall-bidla tal-konsumaturi.

Artikolu 37

Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji

1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

(a)

l-iffissar jew l-approvazzjoni, bi qbil mal-kriterji ta’ trasparenza, ta’ tariffi ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew tal-metodoloġiji tagħhom;

(b)

li jiżguraw il-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, u, meta dan ikun relevanti, il-proprjetarji tas-sistema, kif ukoll kwalunkwe impriża tal-elettriku, mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u taħt leġiżlazzjoni relevanti oħra tal-Komunità, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet transkonfinali;

(c)

kooperazzjoni dwar kwistjonijiet transkonfinali mal-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorji ta’ dawk l-Istati Membri u mal-Aġenzija;

(d)

jikkonformaw ma’, u jimplimentaw, kwalunkwe deċiżjoni legalment obbligatorja relevanti tal-Aġenzija u tal-Kummissjoni;

(e)

jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni dwar l-attività tagħhom u l-qadi ta’ dmirijiethom. Dawn ir-rapporti għandu jkopri l-passi kollha li ttieħdu u r-riżultati li nkisbu fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kompiti elenkati f’dan l-Artikolu;

(f)

jiżguraw li ma jkunx hemm sussidji sovrastanti bejn l-attivitajiet ta’ trasmissjoni, distribuzzjoni u provvista;

(g)

jissorveljaw il-pjanijiet ta’ investiment tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni, u jipprovdu fir-rapport annwali tagħhom valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ investiment tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-pjan ta’ 10 snin għall-iżvilupp tan-network fil-Komunità kollha taħt l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009; evalwazzjoni bħal din tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati dawn il-pjanijiet ta’ investiment;

(h)

sorveljanzatal-konformità u reviżjoni tal-prestazzjoni passata tas-sigurtà tan-netwerk u r-regoli ta’ affidabilità u tat-twaqqif jew l-approvazzjoni ta’ standards u rekwiżiti ta’ kwalità ta’ servizz u l-provvista jew il-kontribuzzjoni għal dan flimkien ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn;

(i)

jissorveljaw il-livell ta’ trasparenza, inkluż tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-elettriku;

(j)

jissorveljaw il-livell u l-effettività ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-elettriku, il-prezzijiet għall-klijenti domestiċi inklużi s-sistemi ta’ ħlas minn qabel, ir-rati tas-switching, ir-rati ta’ skonnessjoni, it-tariffi u t-twettiq ta’ servizzi ta’ manutenzjoni, u lmenti tal-klijenti domestiċi, kif ukoll kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anke billi jipprovdu kull informazzjoni relevanti, filwaqt li jirriferu kwalunkwe każ relevanti għall-attenzjoni tal-awtoritajiet relevanti dwar il-kompetizzjoni;

(k)

il-monitoraġġ ta’ prattiċi kuntrattwali restrittivi, inkluż klawżoli ta’ esklussività, li jistgħu jimpedixxu konsumaturi mhux domestiċi milli jagħmlu kuntratt fl-istess ħin ma’ iktar minn fornitur wieħed jew li jirrestrinġu l-għażla tagħhom li jagħmlu dan, u fejn xieraq, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni bi prattiċi bħal dawn;

(l)

ir-rispett tal-libertà kuntrattwali fir-rigward ta’ kuntratti kontinwi ta’ provvista kif ukoll fir-rigward ta’ kuntratti fuq medda twila ta’ żmien sakemm dawn ikunu kumpatibbli mal-liġi Komunitarja u konsistenti mal-politiki tal-Komunità;

(m)

jissorveljaw iż-żmien li jittieħed minn operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni biex isiru konnessjonijiet u tiswijiet;

(n)

l-iżgurar, flimkien ma’ awtoritajiet relevanti oħra, li l-miżuri ta’ ħarsien tal-konsumaturi, inklużi dawk imniżżla fl-Anness I, jkunu effettivi u infurzati;

(o)

jippubblikaw rakkomandazzjonijiet, għall-anqas kull sena, dwar il-konformità tal-prezzijiet tal-provvista mal-Artikolu 3, u jibagħtu dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti meta dan ikun xieraq;

(p)

jiżguraw l-aċċess għad-data dwar il-konsum tal-klijent, il-forniment, għal użu fakultattiv, ta’ format armonizzat li jinftiehem faċilment fil-livell nazzjonali għad-data dwar il-konsum u l-aċċess malajr għad-data għall-konsumaturi kollha konformement mal-punt (h) tal-Anness I;

(q)

jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-regoli relatati mar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni, tal-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, tal-fornituri u tal-klijenti u ta’ partijiet oħrajn fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(r)

tissorvelja l-investiment fil-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni fir-rigward ta’ sigurtà ta’ provvista;

(s)

sorveljanza ta’ koperazzjoni teknika bejn il-Komunità u l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni ta’ pajjiż terz;

(t)

jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja kif imsemmi fl-Artikolu 42; u

(u)

il-kontribut għall-kompatibilità ta’ proċessi ta’ skambju ta’ data għall-proċessi tas-suq l-aktar importanti fuq livell reġjonali.

2.   Meta Stat Membru jkun ipprovda hekk, id-doveri tas-sorveljanza stipulati fil-Paragrafu 1 jistgħu jitwettqu minn awtorità oħra barra l-awtorità regolatorja. F’każ bħal dan, l-informazzjoni li tirriżulta minn dan il-monitoraġġ għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità regolatorja kemm jista’ jkun malajr.

Filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi speċifiċi tagħhom stess u b’mod konsistenti mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fejn ikun il-każ, jikkonsultaw mal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u, fejn ikun il-każ, jikkoperaw mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra fit-twettiq tad-dmirijiet stabbiliti fil-Paragrafu 1.

Kwalunkwe approvazzjoni mogħtija minn awtorità regolatorja jew mill-Aġenzija taħt din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe użu futur debitament ġustifikat tas-setgħat tagħhom mill-awtoritajiet regolatorji taħt dan l-Artikolu jew għal kwalunkwe penali imposta minn awtoritajiet relevanti oħra jew mill-Kummissjoni.

3.   Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija lilhom taħt il-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta operatur ta’ sistema indipendenti jkun ġie maħtur taħt l-Artikolu 13, l-awtoritajiet regolatorji għandhom:

(a)

jissorveljaw il-konformità tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u tal-operatur tas-sistema indipendenti mal-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu, u jimponu penali għan-nuqqas ta’ konformità skont il-punt (d) tal-paragrafu 4;

(b)

jissorveljaw ir-relazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-operatur tas-sistema indipendenti mal-obbligi tiegħu, u b’mod partikolari għandhom japprovaw kuntratti u jaġixxu bħala l-awtorità għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn l-operatur tas-sistema indipendenti u l-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe lment imressaq minn kwalunkwe wieħed minnhom taħt il-paragrafu 11;

(c)

bla ħsara għall-proċedura skont l-Artikolu 13(2)(c), għall-ewwel pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network, japprovaw l-ippjanar tal-investimenti u l-pjan pluriennali għall-iżvilupp tan-network preżentati fuq bażi annwali mill-operatur tas-sistema indipendenti;

(d)

jiżguraw li t-tariffi tal-aċċess għan-network miġbura minn operaturi tas-sistema indipendenti jkunu jinkludu remunerazzjoni għall-proprjetarju tan-network jew il-proprjetarji tan-network li tipprovdi kumpens adegwat għall-użu tal-assi tan-network u ta’ kwalunkwe investiment ġdid fihom, sakemm ikunu magħmula ekonomikament u b’mod effiċjenti;

(e)

ikollhom s-setgħat li jwettqu ispezzjonijiet, inklużi uħud mhux imħabbra fil-bini tal-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni u tal-operatur tas-sistema indipendenti; u

(f)

jissorveljaw l-użu ta’ drittijiet ta’ konġestjoni miġbura mill-operatur ta’ sistema indipendenti taħt l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

(a)

li jimponu deċiżjonijiet obbligatorji fuq l-impriżi tal-elettriku;

(b)

li jwettqu investigazzjonijiet fil-funzjonament tas-swieq tal-elettriku, u li jiddeċiedu u jimponu kwalunkwe miżura meħtieġa u proporzjonata għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u jiżguraw il-funzjonament korrett tas-suq. Fejn ikun opportun, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom ukoll is-setgħa li jikkoperaw mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u mar-regolaturi tas-swieq finanzjarji jew mal-Kummissjoni fit-twettiq ta’ investigazzjoni relatata mal-liġi tal-kompetizzjoni;

(c)

li jitolbu kwalunkwe informazzjoni mill-impriżi tal-elettriku li tkun rilevanti għall-qadi tad-dmirijiet tagħha, inkluża l-ġustifikazzjoni għal kull rifjut ta’ aċċess għall-partijiet terzi, u kull informazzjoni dwar miżuri meħtieġa biex jissaħħaħ in-netwerk;

(d)

li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva jew kwalunkwe deċiżjoni relevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-Aġenzija, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali. Dan għandu jinkludi s-setgħa li jimponu, jew li jipproponu l-impożizzjoni ta’ penali sa 10 % tal-fatturat annwali tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fuq l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sa 10 % tat-turnover annwali tal-impriża integrata vertikalment fuq l-impriża integrata vertikalment, fejn ikun il-każ, għal non-konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom taħt din id-Direttiva; u

(e)

drittijiet xierqa ta’ investigazzjonijiet u s-setgħat relevanti ta’ istruzzjonijiet għar-riżoluzzjoni ta’ disputi taħt l-Artikoli 11 u 12.

5.   Addizzjonalment għad-dmirijiet mogħtija u s-setgħat konferiti lilhom taħt il-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu, meta operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jkun inħatar taħt il-Kapitolu V, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jingħataw għall-anqas id-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:

(a)

li jimponu penali taħt il-punt (d) tal-Paragrafu 4 għal kondotta diskriminatorja favur l-impriża integrata vertikalment;

(b)

jissorveljaw il-komunikazzjonijiet bejn l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni u l-impriża integrata vertikalment sabiex tkun żgurata l-konformità tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni mal-obbligi tiegħu;

(c)

jaġixxu bħala awtoritajiet għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni fir-rigward ta’ kull ilment preżentat taħt il-paragrafu 11;

(d)

jissorveljaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji inkluż is-self bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(e)

japprovaw kull relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni bil-kondizzjoni li dawn jikkonformaw mal-kondizzjonijiet tas-suq;

(f)

jesiġu ġustifikazzjoni mill-impriża integrata vertikalment meta jiġu notifikati mill-uffiċjal għall-konformità taħt l-Artikolu 21(4). Din il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi, b’ mod partikolari, l-evidenza li ma seħħet ebda kondotta diskriminatorja għall-vantaġġ tal-impriża integrata vertikalment;

(g)

iwettqu ispezzjonijiet, inklużi dawk mhux imħabbra, fuq il-post tal-impriża integrata vertikalment u tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni; u

(h)

jassenjaw il-kompiti kollha jew dawk speċifiċi tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni lil operatur tas-sistema indipendenti maħtur taħt l-Artikolu 13 f’każ ta’ ksur persistenti mill-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni tal-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva, partikolarment fil-każ ta’ kondotta diskriminatroja ripetuta għall-benefiċċju tal-impriża integrata vertikalment.

6.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-iffissar jew l-approvazzjoni fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ għall-inqas tal-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkulati jew stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għal:

(a)

il-konnessjoni u l-aċċess għan-netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom. Dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji, għandhom jippermettu li l-investimenti meħtieġa fin-netwerks jsiru b’mod li jippermetti lil dawk l-investimenti jiżguraw il-vijabbiltà tan-netwerks;

(b)

il-provvediment ta’ servizzi ta’ bilanċjar li għandhom jitwettqu bil-mod l-aktar ekonomiku possibbli u jipprovdu inċentivi xierqa biex l-utenti tan-netwerk jibbilanċjaw l-input u l-offtakes tagħhom. Is-servizzi ta’ bilanċjar għandhom jingħataw b’mod ġust u mhux diskriminatorju u jkunu msejsa fuq kriterji oġġettivi; u

(c)

aċċess għal infrastrutturi transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni ta’ kapaċità u l-immaniġġjar tal-konġestjoni.

7.   Il-metodoloġiji jew it-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandhom ikunu ppubblikati.

8.   Meta jkunu qed jistipulaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji u s-servizzi ta’ bilanċjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-netwerks ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni jingħataw inċentiva adegwata, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati.

9.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmoniterjaw l-immaniġġjar tal-konġestjoni tas-sistemi nazzjonali tal-elettriku inklużi l-interkonnessjonijiet, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jew l-operaturi tas-suq għandhom iressqu r-regoli tagħhom dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni, anke dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jitolbu emendi għal dawn ir-regoli.

10.   L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom l-awtorità li jirrikjedu lil operaturi tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni, jekk meħtieġ, li jimmodifikaw it-termini u l-kundizzjonijiet, inklużi t-tariffi u l-metodoliġiji msemmija f’dan l-Artikolu, biex jaċċertaw li huma proporzjonati u applikati b’mod mhux diskriminatorju. F’każ ta’ dewmien rigward l-iffissar tat-tariffi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom is-setgħa li jiffissaw jew japprovaw tariffi jew metodoloġiji provviżorji ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni u li jiddeċiedu dwar il-miżuri xierqa ta’ kumpens fil-każ li t-tariffi jew il-metodoloġiji finali ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni jiddevjaw minn dawn it-tariffi jew metodoloġiji provviżorji.

11.   Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni b’rabta mal-obbligi ta’ dak l-operatur skont din id-Direttiva, tista’ tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, waqt li tkun qed taġixxi bħala awtorità li ssolvi t-tilwim, għandha tagħti deċiżjoni fi żmien perjodu ta’ xahrejn minn wara li din tkun irċeviet l-ilment. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn oħra fejn tkun qed tintalab informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż bil-qbil tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorita’ regolatorja għandha jkollha effett obbligatorju kemm-il darba u sakemm tiġi rrevokata b’appell.

12.   Kwalunkwe parti li tkun affettwata u li jkollha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni fuq metodoloġiji meħuda skont dan l-Artikolu jew, fejn l-awtorità regolatorja jkollha l-obbligu li tikkonsulta ruħha dwar it-tariffi jew il-metodoloġiji proposti, din tista’, minn talanqas fi żmien xahrejn, jew f’perjodu iqsar kif deċiż mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew il-proposta għad-deċiżjoni, tissottometti l-ilment għall-istħarriġ. Tali lment ma għandux ikollu effett sospensiv.

13.   L-Istati Membri għandhom joħolqu mekkaniżmi adatt u effiċjenti għar-regolament, kontroll u trasparenza sabiex jiġi evitat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari bi żvantaġġ għall-konsumaturi, u kwalunkwe aġir predatorju. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikolu 82 tiegħu.

14.   L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li jittieħdu l-passi adatti, inklużi azzjoni amministrativa jew proċeduri kriminali b’mod konformi mal-liġi nazzjonali tagħhom, kontra l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli fejn ma jkunux ġew rispettati r-regoli tal-kunfidenzjalità imposti minn din id-Direttiva.

15.   L-ilmenti msemmija fil-paragrafi 11 u 12 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitu tad-drittijiet tal-appell taħt il-liġi Komunitarja u/jew taħt il-liġi nazzjonali.

16.   Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati u ġustifikati għal kollox sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni ġuridika. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

17.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adatti fuq il-livell nazzjonali li taħthom, entità affettwata minn deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt tal-appell lil korp li huwa indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull gvern.

Artikolu 38

Reġim regolatorju għal kwistjonijiet transkonfinali

1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkoperaw mill-qrib u jikkonsultaw flimkien, u għandhom jipprovdu lil xulxin u lill-Aġenzija kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jaqdu l-kompiti tagħhom taħt din id-Direttiva. Fir-rigward tal-informazzjoni li tiġi skambjata, l-awtorità riċeventi għandha tiżgura l-istess livell ta’ kunfidenzjalità bħal dik meħtieġa mill-awtorità mittenti l-informazzjoni kkonċernata.

2.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkoperaw tal-anqas f’livell reġjonali sabiex:

(a)

jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ arranġamenti operattivi sabiex tkun possibbli l-aħjar ġestjoni tan-network, jiġu promossi skambji konġunti tal-elettriku u l-allokazzjoni ta’ kapaċità transkonfinali, u sabiex ikun possibbli livell xieraq ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni, anke permezz ta’ interkonnessjonijiet ġodda, fir-reġjun u bejn ir-reġjuni sabiex jitħalla lok għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva u t-titjib tas-sigurtà tal-provvista, bla ma jkun hemm diskriminazzjoni bejn l-intrapriżi tal-forniment fi Stati Membri differenti;

(b)

ikun ikkoordinat l-iżvilupp tal-kodiċijiet kollha tan-netwerks għall-operaturi rilevanti tas-sistemi ta’ trasmissjoni u għal parteċipanti oħra fis-suq; u

(c)

ikun ikkoordinat l-iżvilupp tar-regoli li jiggvernaw l-immaniġġjar tal-konġestjoni.

3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom id-dritt li jikkonkludu ftehimiet ta’ koperazzjoni ma’ xulxin sabiex titħeġġeġ il-koperazzjoni regolatorja.

4.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu, fejn ikun il-każ, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi speċifiċi tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida dwar il-limitu tal-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji biex jikkoperaw flimkien u mal-Aġenzija. Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 46(2).

Artikolu 39

Konformità mal-Linji gwida

1.   Kwalunkwe awtorità regolatorja u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Aġenzija dwar il-konformità ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja mal-Linji gwida msemmija f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (KE) Nru 714/2009.

2.   L-Aġenzija għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja li tkun talbitha jew lill-Kummissjoni, rispettivament, u lill-awtorità regolatorja li tkun ħadet id-deċiżjoni kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data ta’ riċeviment tat-talba.

3.   Fejn l-awtorità regolatorja li tkun ħadet deċiżjoni ma tikkonformax mal-opinjoni tal-Aġenzija fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ riċezzjoni tal-opinjoni, l-Aġenzija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b’dan.

4.   Kwalunkwe awtorità regolatorja tista’ tinforma lill-Kummissjoni fejn tqis li deċiżjoni relevanti għall-kummerċ transkonfinali meħuda minn awtorità regolatorja oħra ma tikkonformax mal-Linji gwida msemmija f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (KE) Nru 714/2009fi żmien xahrejn mid-data ta’ dik id-deċiżjoni.

5.   Fejn l-Kummissjoni, fi żmien xahrejn minn meta tkun ġiet infurmata mill-Aġenzija taħt il-Paragrafu 3 jew minn awtorità regolatorja taħt il-Paragrafu 4, u fuq l-inzjattiva tagħha stess fi żmien tliet xhur mid-data tad-deċiżjoni, issib li d-deċizjoni ta’ awtorità regolatorja tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-Linji gwida msemmija f’din id-Direttiva jew fir-Regolament (KE) Nru 714/2009 il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teżamina l-każ b’mod ulterjuri. F’każ bħal dan, għandha tistieden lill-awtorità regolatorja u lill-parteċipanti fil-proċedimenti quddiem l-awtorità regolatorja biex iressqu l-osservazzjonijiet.

6.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċidi li teżamina l-każ aktar, hija għandha, fi żmien mhux aktar minn erba’ xhur mid-data tat-tali deċiżjoni, toħroġ deċiżjoni finali:

(a)

li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja; jew

(b)

li tesiġi li l-awtorità regolatorja kkonċernata tirtira d-deċiżjoni tagħha jekk tqis minħabba li ma kienx hemm konformità mal-Linji gwida.

7.   Fejn l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni biex teżamina l-każ aktar deċiżjoni finali fil-limit ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 rispettivament, għandu jitqies li ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

8.   L-awtorità regolatorja għandha tkkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira d-deċiżjoni tagħha f’perijodu ta’ xahrejn u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

9.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida li jistabbilixxu id-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 46(2).

Artikolu 40

Żamma ta’ records

1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-impriżi jżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali inklużi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, għal mill-anqas ħames snin, id-data relevanti fir-rigward tat-transazzjonijiet kollha fil-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u d-derivattivi elettriċi ma’ klijenti bl-ingrossa u operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni.

2.   Id-data għandha tinkludi dettalji dwar karatteristiċi finanzjarji, bħal tul ta’ żmien, regoli dwar il-forniment u l-għeluq tat-transazzjonijiet relevanti, il-kwantità, id-dati u l-ħinijiet tal-eżekuzzjoni u l-prezzijiet tat-tranżazzjoni, u l-mezzi għall-identifikazzjoni tal-klijent bl-ingrossa kkonċernat, kif ukoll dettalji speċifiċi dwar il-pożizzjonijiet kollha miftuħin fil-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u tad-derivattivi tal-elettriku.

3.   L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli lill-parteċipanti fis-suq l-elementi ta’ din l-informazzjoni, sakemm ma tiġix rilaxxata xi informazzjoni li tkun kummerċjalment sensittiva dwar atturi individwali fis-suq jew dwar transazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2004/39/KE.

4.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida li jiddefinixxu l-metodu u l-arranġamenti għaż-żamma tar-reġistri kif ukoll il-forma u l-kontenut tad-data li għandha tinżamm. Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 46(2).

5.   Fir-rigward ta’ transazzjonijiet fid-derivattivi tal-elettriku ta’ impriżi ta’ provvista bi klijenti bl-ingrossa u operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni, dan l-Artikolu għandu japplika biss ġaladarba l-Kummissjoni tkun adottat il-Linji gwida msemmija fil-Paragrafu 4.

6.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx joħolqu obbligi addizzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet imsemmija fil-Paragrafu 1 għall-entitajiet li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2004/39/KE.

7.   Fil-każ li l-awtoritajiet imsemmija fil-Paragrafu 1 jeħtieġu aċċess għad-data miżmuma mill-entitajiet li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2004/39/KE, l-awtoritajiet responsabbli taħt dik id-Direttiva għandhom jipprovdu dawk l-awtoritajiet bid-data meħtieġa.

KAPITOLU X

SWIEQ TA’ BEJGĦ BL-IMNUT

Artikolu 41

Swieq ta’ bejgħ bl-imnut

Sabiex tiġi ffaċilitata l-emerġenza ta’ swieq ta’ bejgħ bl-imnut li jkunu trasparenti u li jaħdmu tajjeb fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni, l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, l-impriżi ta’ forniment u l-klijenti u jekk meħtieġ parteċipanti oħra tas-suq ikunu definiti fir-rigward ta’ arranġamenti kuntrattwali, ta’ impenji assunti lejn il-konsumaturi, ta’ skambju ta’ data u regoli ta’ riżoluzzjoni, ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq data u ta’ responsabbiltà għall-metraġġ.

Dawk ir-regoli għandhom isiru pubbliċi, għandhom jitfasslu bl-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi u l-fornituri għan-netwerks u għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet nazzjonali relevanti oħrajn.

Klijenti kbar mhux domestiċi għandu jkollhom id-dritt li jkollhom kuntratti ma’ diversi fornituri fl-istess żmien.

KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 42

Miżuri ta’ salvagwardja

Fil-każ li jkun hemm kriżi f’daqqa waħda fis-suq tal-enerġija u fejn is-sigurtà fiżika jew is-sigurtà tal-persuni, tat-tagħmir jew tal-istallazzjonijiet jew inkella tal-integrità tas-sistema tkun mhedda, Stat Membru jista’ jieħu temporanjament miżuri meħtieġa ta’ salvagwardja.

Tali l-miżuri għandhom jikkawżaw l-anqas disturb possibbli lill-funzjonament tas-suq intern u m’għandhomx ikunu usa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tagħhom milli hu strettament meħtieġ biex jiġu rimedjati d-diffikultajiet li jkunu nħolqu f’daqqa.

L-Istat Membru konċernat għandu mingħajr dewmien jinnotifika dawn il-miżuri lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni, li tista’ tiddeċiedi li l-Istat Membru in kwistjoni għandu jemenda jew iħassar dawn il-miżuri, sa fejn għandhom effett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw b’mod avvers il-Kummerċ f’tali mod li ma jaqbilx mal-interess komuni.

Artikolu 43

Kondizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni

1.   Il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu taħt din id-Direttiva sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu, u l-liġi tal-Komunità.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati, non-diskriminatorji u trasparenti. Dawn il-miżuri jista’ jibda jkollhom effett biss wara n-notifika lil u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi fir-rigward tan-notifika msemmija fil-Paragrafu 2 fi żmien xahrejn minn meta tasal in-notifika. Dak il-perijodu għandu jibda l-għada li tasal l-informazzjoni kollha. Jekk il-Kummissjoni ma taġixxix fi żmien dan il-perijodu ta’ xahrejn, il-Kummissjoni għandha titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-miżuri notifikati.

Artikolu 44

Derogi

1.   L-Istati Membri li, wara li d-Direttiva tkun iddaħlet fis-seħħ, jistgħu juru li hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistemi iżolati żgħar tagħhom, jistgħu japplikaw lill-Kummissjoni għal deroga mid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Kapitoli IV, VI, VII u VIII, kif ukoll il-Kapitolu III, fil-każ ta’ sistemi iżolati mikro, sa fejn huma kkonċernati t-tiġdid, il-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-kapaċità eżistenti, li tista’ tingħatalhom mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dawk l-applikazzjonijiet qabel ma tittieħed xi deċiżjoni, waqt li jkun kunsidrat ir-rispett lejn il-kunfidenzjalità. Dik id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 9 ma għandux japplika għal Ċipru, għal-Lussemburgu u/jew għal Malta. Barra minn hekk l-Artikoli 26, 32 u 33 ma għandhom japplikaw għal Malta.

Għall-finijiet tal-Artikolu 9(1)(b), in-nozzjoni “impriża li taqdi kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista” ma għandhiex tinkludi l-klijenti finali li jaqdu xi waħda mill-funzjonijiet tal-ġenerazzjoni u/jew tal-provvista tal-elettriku, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ impriżi li għandhom kontroll fuqhom, kemm individwalment jew konġuntament, sakemm il-klijenti finali inkluż l-ishma tagħhom tal-elettriku prodott f’impriżi kontrollati huma, fuq medja annwali, konsumaturi netti tal-elettriku u sakemm il-valur ekonomiku tal-elettriku li jbiegħu lil partijiet terzi huwa insinifikanti proporzjonalment għall-operazzjonijiet kummerċjali l-oħra tagħhom.

Artikolu 45

Proċedura ta’ reviżjoni

Fil-każ li fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 47(6) Il-Kummissjoni tasal għall-konklużjonili, minħabba l-mod effettiv li bih l-aċċess għan-network ikun sar fi Stat Membru — li jwassal għal aċċess kompletament effettiv, non-diskriminatorju u mingħajr xkiel għan-network — ċerti obbligi imposti minn din id-Direttiva fuq l-impriżi (inklużi dawk rigward is-separazzjoni legali għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni) mhumiex proporzjonati mal-objettiv mixtieq, l-Istat Membru in kwistjoni jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni għal eżenzjoni mir-rekwiżit in kwistjoni.

Din it-talba għandha tiġi nnotifikata, mingħajr dewmien, mill-Istat Membru lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa biex jintwera li l-konklużjoni milħuqa fir-rapport dwar l-aċċess effettiv għan-netwerks milħuq ser jinżamm.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi notifika, il-Kummissjoni għandha tadotta opinjoni rigward it-talba mill-Istat Membru in kwistjoni, u fejn ikun il-każ, tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi, fil-proposti biex tkun emendata din id-Direttiva, li teżenta lill-Istat Membru kkonċernat minn rekwiżiti speċifiċi, suġġett għal li dak l-Istat Membru jimplimenta miżuri ugwalment effettivi skont il-każ.

Artikolu 46

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-diżpożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 47

Rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja u tirrivedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tressaq rapport ta’ progress ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ewwel darba fl-4 ta' Awwissu 2004, u wara dan, fuq bażi annwali. Ir-rapport ta’ progress għandu jkopri għall-anqas:

(a)

l-esperjenza miksuba u l-progress li jkun sar fil-ħolqien ta’ suq intern komplut u kompletament operattiv fil-qasam tal-elettriku u l-ostakli li jibqgħu jeżistu f’dan ir-rigward, inklużi aspetti ta’ dominanza tas-suq, konċentrazzjoni fis-suq, kondotta predatorja jew li tmur kontra l-kompetizzjoni u l-effett ta’ dan f’termini ta’ distorsjoni tas-suq;

(b)

il-punt sa liema r-rekwiżiti ta’ separazzjoni u tariffikazzjoni li jinsabu f’din id-Direttiva kellhom suċċess biex jiżguraw aċċess ġust u non-diskriminatorju għas-sistema tal-elettriku tal-Komunità u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-ftuħ tas-suq tal-elettriku għall-klijenti;

(c)

eżami tal-kwistjonijiet relatati mal-livelli tal-kapaċità tas-sistema u mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fil-Komunità, u b’mod partikolari l-bilanċ eżistenti u ppjanat bejn id-domanda u l-provvista, b’kont meħud tal-kapaċità fiżika għall-iskambji bejn iż-żoni;

(d)

għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-miżuri meħuda fl-Istati Membri biex dawn ikopru d-domanda għolja u biex ilaħħqu man-nuqqasijiet ta’ fornitur wieħed jew aktar;

(e)

l-implimentazzjoni tad-deroga provduta fl-Artikolu 26(4) bil-ħsieb ta’ reviżjoni possibbli tal-limitu massimu;

(f)

valutazzjoni ġenerali tal-progress miksub fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi li jipproduċu u jesportaw jew jitrasportaw l-elettriku, inkluż il-progress fl-integrazzjoni tas-suq, il-konsegwenzi soċjali u ambjentali tal-kummerċ fl-elettriku u l-aċċess għan-netwerks ta’ tali pajjiżi terzi;

(g)

il-ħtieġa għall-possibbiltà ta’ rekwiżiti ta’ armonizzazzjoni li ma jkunux marbuta mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva; u

(h)

il-mod li fih l-Istati Membri jkunu implimentaw fil-prattika r-rekwiżiti fir-rigward tal-ittikkettjar tal-enerġija li jinsabu fl-Artikolu 3(9), u l-mod li bih kwalunkwe Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni tkun ġiet kunsidrata.

Fejn ikun adatt, ir-rapport ta’ progress għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet b’mod partikolari rigward l-ambitu u l-modalitajiet tad-dispożizzjonijiet tal-ittikkettjar inkluż l-mod kif issir referenza għas-sorsi ta’ referenza eżistenti u l-kontenut ta’ dawk is-sorsi, u speċjalment dwar kif l-informazzjoni dwarl-impatt ambjentali għall-anqas dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi differenti ta’ enerġija tista’ ssir disponibbli b’mod trasparenti, faċilment aċċessibbli u kumparabbli fil-Komunità kollha, kif il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex dawn jikkontrollaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-fornituri jkunu jistgħu jiġusemplifikati, u liema miżuri jistgħu jintużaw biex jiġu miġġielda l-effetti negattivi li jġibu magħhom id-dominanza u l-konċentrazzjoni fis-suq.

2.   Kull sentejn, ir-rapport ta’ progress imsemmi fil-Paragrafu 1 għandu jkopri analiżi tal-miżuri differenti meħuda fl-Istati Membri biex jilħqu l-obbligi tas-servizz pubbliku, flimkien mal-eżami tal-effettività ta’ dawk il-miżuri u, b’mod partikolari, l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku. Fejn ikun il-każ, dan ir-rapport jista’ jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali biex jinkisbu standards għoljin ta’ servizz pubbliku, jew miżuri maħsuba biex jiġi pprevenut il-foreclosure tas-suq.

3.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mit-3 ta' Marzu 2013, tippreżenta, bħala parti mir-reviżjoni ġenerali, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rapport speċifiku dettaljat li jiddeskrivi sa fejn ir-rekwiżiti ta’ separazzjoni taħt il-Kapitolu V kienu ta’ suċċess fl-iżgurar ta’ indipendenza sħiħa u effettiva ta’ operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni, bl-użu ta’ separazzjoni effettiva u effiċjenti bħala punt ta’ referenza.

4.   Għall-fini tal-valutazzjoni tagħha taħt il-Paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tieħu kont b’mod partikolari tal-kriterji li ġejjin: aċċess ġust u mhux diskriminatorju għan-network, regolamentazzjoni effettiva, l-iżvilupp tan-network li tissoddisfa r-rekwiżiti tas-suq, inċentivi mhux imxekkla għall-investiment, l-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-interkonnessjoni, kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-enerġija tal-Komunità u s-sigurtà tas-sitwazzjoni ta’ provvista fil-Komunità.

5.   Fejn ikun il-każ, u partikolarment fil-każ li r-rapport dettaljat imsemmi fil-Paragrafu 3 jiddetermina li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-Paragrafu 4 ma ġewx garantiti fil-prattika, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa u effettiva ta’ operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni sat-3 ta' Marzi 2014.

6.   Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Jannar 2006, tgħaddi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rapport dettaljat li jispjega l-progress fil-ħolqien tas-suq intern fl-elettriku. B’mod partikolari dan ir-rapport għandu jqis:

l-eżistenza ta’ aċċess non-diskriminatorju għan-network;

regolamentazzjoni effettiva;

l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ interkonnessjoni u s-sigurtà tas-sitwazzjoni tal-provvista fil-Komunità;

il-punt sa fejn il-benefiċċji sħaħ tal-ftuħ tas-swieq ikunu qed jiżdiedu għall-impriżi ż-żgħar uklijenti domestiċi, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu standards ta’ servizz pubbliku u servizz universali;

il-punt sa fejn is-swieq huma fil-prattika miftuħa għal kompetizzjoni effettiva, inklużi aspetti ta’ dominanza tas-suq, ta’ konċentrazzjoni fis-suq u aġir predatorju jew li jmur kontra l-kompetizzjoni;

il-punt sa fejn il-klijenti attwalment ibiddlu minn fornitur għall-ieħor u jinnegozjaw mill-ġdid it-tariffi;

żviluppi fil-prezzijiet, inklużi prezzijiet tal-provvista, fir-rigward tal-livell tal-ftuħ tas-swieq; u

l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-Direttiva sa fejn hija kkonċernata l-indipendenza effettiva ta’ operaturi tas-sistema f’impriżi integrati vertikalment u jekk ġewx żviluppati miżuri oħra minbarra l-indipendenza funzjonali u s-separazzjoni tal-kontijiet li għandhom effetti ekwivalenti għal separazzjoni legali.

Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, b’mod partikolari biex jiġu ggarantiti standards għoljin fis-servizz pubbliku.

Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, b’mod partikolari biex tiġi aċċertata l-indipendenza sħiħa u effettiva tal-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni qabel l-1 ta’ Lulju 2007. Fejn meħtieġ, dawn il-proposti għandhom, konformement mal-liġi tal-kompetizzjoni, jikkonċernaw ukoll miżuri li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ dominanza fis-suq, konċentrazzjoni fis-suq u aġir predatorju jew anti-kompetittiv.

Artikolu 48

Tħassir

Id-Direttiva 2003/54/KE għandha titħassar mit-3 ta' Marzu 2011 mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-iskadenzi għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmija Direttiva. Ir-riferenzi magħmula għad-Direttivi mħassra għandhom jinftiemu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw konformement mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 49

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sat-3 ta' Marzu 2011. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-3 ta' Marzu 2011, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 11, li huma għandhom japplikaw mit-3 ta' Marzu 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 51

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' lulju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(2)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta’ Jannar 2009 (ĠU C 70 E, 24.3.2009, p. 1) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċizjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2009.

(4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(5)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 206.

(6)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(7)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(8)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.

(9)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

(10)  Ara paġna 15 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(12)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(*)  It-titolu tad-Direttiva 83/349/KEE ġie aġġustat biex jittieħed kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea taħt l-Artikolu 12 tat-Trattat ta’ Amsterdam; ir-referenza oriġinali kienet għall-Artikolu 54(3)(g).

(13)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

(14)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(15)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(16)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(17)  Ara paġna 94 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(18)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinament ta’ salvagwardji li, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri mingħand kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li dawn is-salvagwardji isiru ekwivalenti mal-Komunità kollha (ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8).

(**)  It-titolu tad-Direttiva 78/660/KEE ġie aġġustat biex jittieħed kont tar-rinumerazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea taħt l-Artikolu 12 tat-Trattat ta’ Amsterdam; ir-referenza oriġinali kienet għall-Artikolu 54(3)(g).

(19)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.


ANNESS I

MIŻURI DWAR IL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (1) u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (2), il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

(a)

għandhom id-dritt ta’ kuntratt mal-fornitur tas-servizz tal-elettriku tagħhom li jispeċifika:

l-identità u l-indirizz tal-fornitur;

is-servizzi provduti, il-livell tal-kwalità tas-servizzi offruti kif ukoll iż-żmien għall-ewwel konnessjoni;

it-tipi ta’ servizzi ta’ manutenzjoni offruti;

il-mezzi kif tista’ tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-ħlasijiet għall-manutenzjoni applikabbli kollha;

it-tul tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt u jekk huwiex permess li wieħed jirtira mill-kuntratt bla ħlas;

kwalunkwe kumpens u arranġamenti ta’ rifużjoni li japplikaw jekk il-livelli tal-kwalità tas-servizz kuntrattat ma jintlaħqux, inklużi kontijiet mhux korretti jew li jdumu ma jinħarġu;

il-metodu biex jinbdew proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim taħt il-punt (f);

informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur, inkluż dwar il-ġestjoni tal-ilmenti u l-informazzjoni kollha msemmija f’dan il-punt, komunikata b’mod ċar permezz ta’ kontijiet jew tal-websajt tal-intrapriża tal-elettriku.

Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu imparzjali u magħrufa sew minn qabel. Fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni għandha tingħata qabel il-konklużjoni jew il-konferma tal-kuntratt. Meta xi kuntratti jkunu konklużi permezz ta’ intermedjarji, l-informazzjoni relatata mal-kwistjonijiet msemmija f’ dan il-punt għandha wkoll tkun provduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt;

(b)

jingħata avviż xieraq ta’ kull intenzjoni li jiġu modifikati l-kundizzjonijiet kuntrattwali u jkunu infurmati bid-dritt tagħhom li jirtiraw meta jingħata l-avviż. Fornituri tas-servizz għandhom jinnotifikaw lill-abbonati tagħhom direttament b’kull żieda fil-prezzijiet, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn perjodu wieħed li fih jirċievu l-kont wara li ż-żieda tidħol fis-seħħ b’mod trasparenti u li jinftiehem. L-Istati Membri għamdhom jagħmlu minn kollox biex jagevolaw lill-klijenti li jridu jinhallu mill-kuntratti meta dawn jogħlilhom id-dawl;

(c)

jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli u dwar it-termini u l-kondizzjonijiet standards, fir-rigward tal-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-elettriku;

(d)

jiġu offruti għażla wiesgħa tal-metodi tal-ħlas, li ma jiddiskriminawx bejn il-klijenti. Is-sistemi ta’ ħlas minn qabel għandhom ikunu ġusti u għandhom jirriflettu b’mod xieraq il-konsum li x’aktarx isir. Kull differenza fit-termini u l-kundizzjonijiet għandha tirrifletti l-ispejjeż għall-fornitur tas-sistemi differenti ta’ ħlas. It-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għandhom ikunu ġusti u trasparenti. Għandhom jingħataw b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem u m’għandhomx jinkludu ostakli mhux kuntrattwali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumaturi, pereżempju id-dokumentazzjoni kuntrattwali eċċessiva. Il-klijenti għandhom jiġu protetti kontra l-metodi mhux imparzjali u qarrieqa ta’ bejgħ;

(e)

ma għandhomx iħallsu talli jibdlu l-fornitur;

(f)

jibbenefikaw minn proċeduri trasparenti, sempliċi u effettivi biex jiġu ttrattati l-ilmenti tagħhom. B’mod partikulari, il-konsumaturi kollha għandu jkollhom id-dritt għal livell tajjeb ta’ servizz u ta’ ġestjoni tal-ilmenti mill-fornitur tagħhom tas-servizz tal-elettriku. Proċeduri bħal dawn ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bla qrati għandhom iwasslu biex tilwimiet jiġu riżolti b’mod ġust u fil-waqt, preferibbilment fi żmien tliet xhur, b’dispożizzjoni, fejn meħtieġ, ta’ sistema ta’ rimborż u/jew kumpens. Huma għandhom ikunu konformi, kull fejn possibbli, mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra-ġudizzjarja ta’ disputital-konsumatur (3);

(g)

meta jkollhom aċċess għal servizz universali konformement mad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri taħt l-Artikolu 3(3), ikunu informati dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tas-servizz universali;

(h)

ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-data dwar il-konsum tagħhom, u għandhom ikunu jistgħu, bi ftehim espliċitu u mingħajr ħlas, jagħtu lil kwalunkwe impriża ta’ provvista reġistrata aċċess għad-data tagħha dwar il-kejl. Il-parti responsabbli għall-ġestjoni tad-data għandha jkollha l-obbligu li tgħaddi din id-data lill-impriża. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu format għad-data kif ukoll proċedura għall-fornituri u għall-konsumaturi biex ikollhom aċċess għad-data. Il-konsumatur ma jista’ jiġi mġiegħel iħallas l-ebda spiża addizzjonali għal dan is-servizz;

(i)

huma infurmati korrettament dwar l-konsum u l-ispejjeż attwali tal-elettriku ta’ spiss biżżejjed biex ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tal-elettriku tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tingħata bl-użu ta’ qafas ta’ żmien suffiċjenti, b’ kont meħud tal-kapaċità tat-tagħmir tal-metraġġ tal-klijent u tal-prodott tal-elettriku in kwistjoni. Għandha titqies kif jixraq l-effiċjenza ta’ miżuri ta’ dan it-tip meta mqabbla mal-ispejjeż tagħhom. Il-konsumatur ma jista’ jiġi mġiegħel iħallas l-ebda spiża addizzjonali għal dan is-servizz;

(j)

jirċievu kont finali ta’ għeluq wara kwalunkwe bidla fil-fornitur tal-elettriċità mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li tkun seħħet il-bidla fil-fornitur.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ tkejjil intelliġenti li għandhom jappoġġjaw il-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fis-suq tal-forniment tal-elettriku. L-implimentazzjoni ta’ dawk is-sistemi ta’ tkejjil tista’ tkun suġġetta għal evalwazzjoni ekonomika tal-ispejjeż u l-benefiċċji kollha fuq tul ta’ żmien għas-suq u għall-konsumatur individwali jew skont liema forma ta’ tkejjil intelliġenti tkun ekonomikament raġonevoli u effiċjenti f’sens ta’ nfiq u liema perjodu ta’ żmien ikun fattibbli għad-distribuzzjoni tagħhom.

Evalwazzjoni bħal din għandha ssir sa 3 ta’ Settembru 2012.

Suġġett għal dik l-evalwazzjoni, l-Istati Membri jew kull awtorità regolatorja li jaħtru, għandhom iħejju kalendarju b’mira sa 10 snin għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ tkejjil intelliġenti.

Meta t-tnedija tal-miters intelliġenti tingħata evalwazzjoni pożittiva, tal-anqas 80 % tal-konsumaturi għandhom jingħataw sistemi ta’ tkejjil intelliġenti sal-2020.

L-Istati Membri, jew kull awtorità kompetenti li jaħtru, għandhom jiżguraw l-interoperabilità ta’ dawk is-sistemi ta’ tkejjil li se jkunu implimentati fit-territorji tagħhom u għandhom iqisu kif xieraq l-użu ta’ standards xierqa u tal-aħjar prattika kif ukoll l-importanza tal-iżvilupp tas-suq intern tal-elettriku;


(1)  ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

(2)  ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.

(3)  ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31.


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 2003/54/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu. 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 9

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 11

Artikolu 15

Artikolu 12

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 13

Artikolu 24

Artikolu 14

Artikolu 25

Artikolu 15

Artikolu 26

Artikolu 16

Artikolu 27

Artikolu 17

Artikolu 29

Artikolu 18

Artikolu 30

Artikolu 19

Artikolu 31

Artikolu 20

Artikolu 32

Artikolu 21

Artikolu 33

Artikolu 22

Artikolu 34

Artikolu 23 (1) (l-ewwel u t-tieni sentenzi)

Artikolu 35

Artikolu 36

Artikolu 23 (rest)

Artikolu 37

Artikolu 38

Artikolu 39

Artikolu 40

Artikolu 41

Artikolu 24

Artikolu 42

Artikolu 43

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 44

Artikolu 27

Artikolu 45

Artikolu 46

Artikolu 28

Artikolu 47

Artikolu 29

Artikolu 48

Artikolu 30

Artikolu 49

Artikolu 31

Artikolu 50

Artikolu 32

Artikolu 51

Anness A

Anness I


Top