EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009H0708(02)

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ C 155, 8.7.2009, p. 11–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

8.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/11


RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2009

dwar l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 155/02

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-iżvilupp u r-rikonoxximent tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza taċ-ċittadini huma kruċjali għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom, u għall-kompetittività, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali fil-Komunità. F’dan ir-rigward, huma għandhom jiffaċilitaw il-mobbiltà transnazzjonali għall-ħaddiema u għal dawk li qegħdin jitgħallmu u jikkontribwixxu lejn is-sodisfazzjon tal-ħtiġiet tal-provvista u t-talba fis-suq tax-xogħol Ewropew. Il-parteċipazzjoni f’tagħlim mingħajr fruntieri, matul il-ħajja kollha għal kullħadd, u t-trasferiment, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni tar-riżultati ta' tagħlim ta' individwi miksuba f'kuntesti formali, mhux formali u informali għandhom għalhekk jiġu promossi u mtejba fil-livell tal-Komunità.

(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona fl-2000 ikkonkluda li aktar trasparenza ta' kwalifiki għandha tkun wieħed mill-komponenti meħtieġa sabiex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-Komunità jiġu adattati għat-talbiet tas-soċjetà tal-għarfien. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona fl-2002 enfasizza l-importanza li jiġu mtejba l-metodi ta’ trasparenza u rikonoxximent fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (“ETV”).

(3)

L-iskemi ETV, li jikkostitwixxu wieħed mill-oqsma ewlenin tat-tagħlim tul il-ħajja, huma marbutin direttament mal-edukazzjoni ġenerali u ta' livell ogħla, u mal-politiki dwar l-impjieg u soċjali ta' kull Stat Membru. Permezz tal-impatt trans-settorjali tagħhom, dawn mhux biss jippromwovu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u t-twettiq tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol iżda wkoll tal-koeżjoni soċjali, tal-ugwaljanza u tal-parteċipazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini.

(4)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar il-promozzjoni ta’ koperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (4) (“il-proċess ta’ Kopenħagen”), u r-Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottat fl-2004 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u Taħriġ tal-2010 (5), jisħqu fuq l-importanza ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ kredits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, filwaqt li r-rapport ta’ progress konġunt tal-2008 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (6) jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi sabiex l-ETV tkun ta’ kwalità aħjar u aktar attraenti.

(5)

Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2004 dwar il-Prijoritajiet futuri ta’ Koperazzjoni Ewropea msaħħa fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali taw prijorità lill-iżvilupp u lill-implimentazzjoni ta’ sistema Ewropea ta’ trasferiment ta’ krediti għall-ETV sabiex dawk li qegħdin jitgħallmu jkunu jistgħu jibnu fuq il-kisbiet li jirriżultaw mill-passaġġi ta' tagħlim tagħhom meta jiċċaqalqu minn sistema ta' taħriġ vokazzjonali għal oħra.

(6)

L-għan ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tinħoloq Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (“ECVET”), maħsuba biex tiffaċilita t-trasferiment, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni tar-riżultati ta’ tagħlim evalwat ta’ individwi li qed jimmiraw li jiksbu kwalifika. Dan se jtejjeb il-komprensjoni ġenerali tar-riżultati tat-tagħlim taċ-ċittadini u t-trasparenza, il-mobilità transnazzjonali u l-portabilità tagħhom madwar u, fejn xieraq, fl-Istati Membri f’żona ta’ tagħlim mingħajr fruntieri matul il-ħajja kollha u jtejjeb ukoll il-mobilità u l-portabilità tal-kwalifiki fil-livell nazzjonali bejn setturi varji tal-ekonomija u fi ħdan is-suq tax-xogħol; barra minn hekk, dan se jikontribwixxi għall-iżvilupp u l-espansjoni ta' koperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

(7)

L-ECVET għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mniżżlin fl-Anness II. Barra minn hekk, dan għandu jkun sostnut mill-prinċipji komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2004 dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009... [dwar l-istabbiliment ta’ Qafas ta’ Referenza Ewropew dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali] (7).

(8)

L-ECVET hija applikabbli għar-riżultati ta' tagħlim kollha li fil-prinċipju għandhom jinkisbu permezz ta' varjetà ta’ passaġġi tal-edukazzjoni u t-tagħlim fil-livelli kollha tal-Qafas ta’ Kwalifiki Ewropew għal tagħlim tul il-ħajja (“EQF”), biex imbagħad jiġu trasferiti u rikonoxxuti. Din ir-Rakkomandazzjoni għalhekk tikkontribwixxi għall-għanijiet usa’ tal-promozzjoni ta’ tagħlim matul il-ħajja u ż-żieda fil-kapaċità għall-impjieg, disponibilità għall-mobilità u l-inklużjoni soċjali għall-ħaddiema u dawk li għadhom qed jitgħallmu. Hija tiffaċilita b'mod partikolari l-iżvilupp ta' passaġġi flessibbli u individwali kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ dawk ir-riżultati ta’ tagħlim li jiġu miksuba permezz ta' tagħlim formali u informali.

(9)

Il-prinċipji trasparenti tal-assigurazzjoni ta’ kwalità, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-iżvilupp ta’ sħubija bejn l-istituzzjonijiet kompetenti għall-kwalifiki, il-fornituri tal-ETV u partijiet interessati rilevanti oħrajn għandhom jgħinu biex tinbena fiduċja reċiproka u għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(10)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiffaċilita l-kompatibbiltà, l-komparabbiltà u l-kumplimentarjetà ta’ sistemi ta’ krediti użati fil-ETV u s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta’ Krediti (“ECTS”), li hija użata fis-settur tal-edukazzjoni ogħla, u għalhekk għandha tikkontribwixxi għal permeabiltà akbar bejn il-livelli tal-edukazzjoni u t-taħriġ, skond il-legiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali.

(11)

Il-validazzjoni tar-riżultati ta' tagħlim mhux formali u informali evalwati għandhom jiġu promossi skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2004 dwar prinċipji Ewropej komuni għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali.

(12)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkomplimenta r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas ta' Kwalifiki Ewropew għat-tagħlim matul il-ħajja (8) li jirrakkomanda li l-Istati Membri jippromwovu rabtiet mill-qrib bejn il-EQF u sistemi Ewropej eżistenti jew futuri għat-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta’ krediti fl-edukazzjoni ogħla u fl-ETV. Filwaqt li l-objettiv ewlieni tal-EQF huwa li tiżdied it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà ta' kwalifiki miksuba, l-ECVET huwa immirat biex jiffaċilita t-trasferiment, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni tar-riżultati ta’ tagħlim ta' indivdwi li huma fi triqthom lejn il-kisba ta' kwalifika.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni tieħu kont tad-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju uniku għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi (Europass) (9) u r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-mobbiltà transnazzjonali fil-Komunità għal finijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ: Il-Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà (10).

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiffaċilita l-involviment tal-awtoritajiet kompetenti lokali u reġjonali fil-proċess li jgħaqqdu l-oqfsa u sistemi tal-kwalifiki nazzjonali jew oħrajn mal-ECVET, fejn ikun xieraq.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (11), li tagħti drittijiet u obbligi kemm lill-awtorità nazzjonali rilevanti kif ukoll lill-migrant. L-użu tal-ECVET ma għandux jaffettwa l-aċċess għas-suq tax-xogħol, fejn il-kwalifiki professjonali jkunu ġew rikonoxxuti skont id-Direttiva 2005/36/KE. Barra minn hekk, l-ECVET ma jinkludi l-ebda dritt ġdid għaċ-ċittadini li jiksbu r-rikonoxximent awtomatiku la tar-riżultati tat-tagħlim u lanqas tal-punti.

(16)

L-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-ECVET huma volontarji, skont l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat KE u għalhekk jistgħu jitwettqu biss b'konformità mal-liġijiet u r-regoli nazzjonali fis-seħħ.

(17)

Minħabba li l-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jiġifieri li tappoġġja u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri, li tissimplifika l-koperazzjoni bejniethom, li iżżid it-trasparenza u tippromwovi l-mobilità u t-tagħlim tul il-ħajja, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u għahekk jista’, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkiseb b’mod aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolutat-Trattat, din ir-Rakkomandazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb dawk l-objettivi, safejn ma tieħux post u lanqas ma tiddefinixxi s-sistemi ta' kwalifiki nazzjonali , il-kwalifiki jew is-sistemi ta' krediti nazzjonali, ma tippreskrivix ir-riżultati speċifiċi tat-tagħlim jew il-kompetenzi ta' individwu, u ma timmirax għal jew tirrekjedi l-frammentazzjoni jew l-armonizzazzjoni tas-sistemi ta' kwalifiki.

B′DAN JIRRAKKOMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:

(1)

jippromwovu s-sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (“ECVET”) kif stipulat fl-Annessi I u II fil-livelli kollha tal-EQF b’referenza għall-kwalifiki ETV sabiex ikunu ffaċilitati l-mobbiltà transnazzjonali u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim fl-ETV u t-tagħlim mingħajr fruntieri matul il-ħajja kollha;

(2)

joħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa u jadottaw miżuri, kif adatt, sabiex mill-2012 - f' konformita' mal-legislazzjoni u l-prattika nazzjonali, u abbażi ta' provi u kontrolli - huwa possibbli li l-ECVET tiġi applikata gradwalment għall-kwalifiki ETV fil-livelli kollha tal-EQF, u tkun użata għall-għan tat-trasferiment, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim ta’ individwi miksuba f’kuntesti formali u skont l-objettivi u l-proċeduri nazzjonali, f'kuntesti mhux formali u, fejn xieraq, f'kuntesti mhux formali u informali;

(3)

jappoġġaw l-iżvilupp ta’ sħubiji u networks nazzjonali u Ewropej li jinvolvu lill-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet responsabbli għall-kwalifiki u d-diplomi, il-fornituri tal-ETV, dedikati għall-ippruvar, l-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-ECVET;

(4)

jiżguraw li l-partijiet interessati u l-individwi fil-qasam tal-ETV għandhom aċċess għall-informazzjoni u l-gwida għall-użu tal-ECVET, filwaqt li jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, huma għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tal-ECVET għall-kwalifiki hija ppubliċizzata b’mod adegwat mill-awtoritajiet kompetenti u li dokumenti “Europass” assoċjati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti jkun fihom informazzjoni rilevanti espliċita;

(5)

japplikaw, skont il-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali, il-prinċipji komuni għall-assigurazzjoni ta’ kwalità fl-ETV stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2004 dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali meta jużaw l-ECVET, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni, il-validazzjoni u l-għarfien ta' riżultati ta' tagħlim;

(6)

jiżguraw li hemm mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u ta' monitoraġġ li jaħdmu fil-livelli adegwati, skont il-leġislazzjoni, l-istrutturi u l-ħtiġiet ta’ kull Stat Membru, sabiex jiggarantixxu l-kwalità, it-trasparenza u l-konsistenza tal-inizjattivi meħuda biex tiġi implimentata l-ECVET.

JENDORSJAW IL-ĦSIEB TAL-KUMMISSJONI LI:

(1)

tappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-punti 1 sa 6 u fl-użu tal-prinċipji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ECVET kif imniżżlin fl-Anness II, b'mod partikolari billi tiffaċilita l-ittestjar, il-kooperazzjoni, it-tagħlim reċiproku, il-promozzjoni u t-tnedija ta’ eżerċizzji ta’ informazzjoni u konsultazzjoni, filwaqt li tiżgura aċċess għall-materjal ta’ gwida għaċ-ċittadini interessati kollha;

(2)

tiżviluppa gwidi u għodod għall-utenti, u tadatta dokumenti Europass relevanti, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u ma’ esperti u utenti tal-Istati Membri, nazzjonali u Ewropej; tiżviluppa għarfien espert għat-tisħiħ tal-kompatibilità u l-kumplimentarjetà tal-ECVET u l-ECTS użata fis-settur tal-edukazzjoni ogħla, b’kollaborazzjoni mal-ETV u ma’ esperti u utenti dwar l-edukazzjoni ogħla fuq livelli nazzjonali u Ewropej; u tipprovdi informazzjoni regolari dwar l-iżviluppi tal-ECVET;

(3)

tippromwovi, u tipparteċipa flimkien mal-Istati Membri f'network ECVET Ewropew li jinvolvi lill-partijiet interessati tal-ETV u lill-istituzzjonijiet kompetenti nazzjonali bil-għan li xxandar u tappoġġa l-ECVET fl-Istati Membri u li tistabbilixxi pjattaforma sostenibbli għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza bejn l-Istati Membri; tistabbilixxi, minn ġo dan in-network, grupp ta' utenti tal-ECVET sabiex tikkontribwixxi għall-aġġornament tal-gwida għall-utenti u għall-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-proċess ta' koperazzjoni għall-implimentazzjoni tal-ECVET;

(4)

timmonitora u ssegwi l-azzjoni meħuda, inklużi r-riżultati tal-provi u kontrolli, u, wara l-valutazzjoni u l-evalwazzjoni ta' din l-azzjoni mwettqa f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tirraporta, sat-18 ta’ Ġunju 2014, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur, inkluż, jekk meħtieġ, reviżjoni u adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, li jinkludu jekk meħtieġ l-aġġornar tal-Anness tekniċi u l-materjal ta’ gwida f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, it-18 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Štefan FÜLE


(1)  ĠU C 100, 30.4.2009, p.140.

(2)  ĠU C 325, 19.12.2008, p. 48.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2009

(4)  ĠU C 13, 18.1.2003, p. 2.

(5)  ĠU C 104, 30.4.2004, p. 1.

(6)  ĠU C 86, 5.4.2008, p. 1.

(7)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(8)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(9)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

(10)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5.

(11)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


ANNESS I

DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“Kwalifika” tfisser riżultat formali ta’ proċess ta’ valutazzjoni u validazzjoni li jinkiseb meta istituzzjoni kompetenti tiddetermina li indivdwu jkun kiseb riżultati ta’ tagħlim ta' standards preskritti;

(b)

“Riżultati ta’ tagħlim” tfisser dikjarazzjonijiet dwar dak li jaf, jifhem u dak li huwa kapaċi jwettaq dak li qiegħed jitgħallem fit-tmiem ta’ proċess ta' tagħlim u li huma definiti f’termini ta’ għarfien, ħiliet u kompetenza;

(c)

“Unità ta’ riżultati ta’ tagħlim” (unità) tfisser komponent ta’ kwalifika, li fiha sett koerenti ta’ għarfien, ħiliet u kompetenza, li tista' tiġi vvalutata u vvalidata;

(d)

“Kredit għal riżultati ta’ tagħlim” (kredit) tfisser sett ta' riżultati ta’ tagħlim ta’ individwu li ġew ivvalutati u li jistgħu jiġu akkumulati għal kwalifika jew jiġu trasferiti għal programmi jew kwalifiki ta’ tagħlim oħrajn;

(e)

“Istituzzjoni kompetenti” tfisser istituzzjoni li hi responsabbli għat-tfassil u l-għoti ta’ kwalifika jew għar-rikonoxximent ta' unitajiet jew funzjonijiet oħrajn marbutin mal-ECVET, bħall-allokazzjoni ta’ punti ECVET għall-kwalifiki u l-unitajiet, il-valutazzjoni, il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' riżultati ta' tagħlim, skont ir-regoli u l-prattiki ta' pajjiżi parteċipanti;

(f)

“Valutazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim” tfisser metodi u proċessi użati biex jiġi stabbilit il-livell tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza miksuba fil-prattika minn dak li qiegħed jitgħallem;

(g)

“Validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim” tfisser il-proċess ta’ konferma li ċerti riżultati ta’ tagħlim ivvalutati miksuba minn dak li qiegħed jitgħallem jikkorrispondu ma’ riżultati speċifiċi li jistgħu jkunu meħtieġa għal unità jew kwalifika;

(h)

“Rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim” tfisser il-proċess tal-attestar tar-riżultati tat-tagħlim miksuba uffiċjalment permezz tal-għoti ta’ unitajiet jew kwalifiki;

(i)

“Punti ECVET” tfisser rappreżentazzjoni numerika tal-piż ġenerali tar-riżultati tat-tagħlim fi kwalifika u tal-piż relattiv ta’ unitajiet fir-rigward tal-kwalifika.


ANNESS II

ECVET – PRINĊIPJI U SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI

L-ECVET hija qafas tekniku għat-trasferiment, ir-rikonoxximent u, fejn xieraq, l-akkumulazzjoni tar-riżultati ta’ tagħlim bil-ħsieb li tinkiseb kwalifika. L-għodda u l-metodoloġiji tal-ECVET jinkludu d-deskrizzjoni tal-kwalifiki f'termini ta' unitajiet ta' riżultati ta' tagħlim b'punti assoċjati, proċess ta' trasferiment u akkumulazzjoni u dokumenti komplimentari bħal ftehim ta' tagħlim, traskrizzjoni tar-reġistri u gwida għall-utenti tal-ECVET.

L-ECVET hija maħsuba biex tiffaċilita r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim skont il-leġislazzjoni nazzjonali, fil-qafas tal-mobbiltà bl-għan li tinkiseb kwalifika. Għandu jiġi nnotat li l-ECVET ma timplika l-ebda dritt ġdid għaċ-ċittadini li jiksbu r-rikonoxximent awtomatiku la tar-riżultati tat-tagħlim u lanqas tal-punti. L-applikazzjoni tagħha għal kwalifika hija skont il-leġislazzjoni, ir-regoli u r-regolamenti applikabbli fl-Istati Membri u hija bbażata fuq il-prinċipji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ġejjin:

1.   Unitajiet tar-riżultati tat-tagħlim

Unità hija komponent ta’ kwalifika, li tikkonsisti f'sett koerenti ta’ għarfien, ħiliet u kompetenza li jista' jiġi vvalutat u vvalidat ma’ għadd ta’ punti tal-ECVET assoċjati. Kwalifika tinkludi fil-prinċipju diversi unitajiet u hija magħmula minn sett sħiħ ta’ unitajiet. Għalhekk, individwu li jkun għadu qed jitgħallem jista’ jikseb kwalifika billi jakkumula l-unitajiet meħtieġa, miksuba f’pajjiżi differenti u f’kuntesti differenti (formali, u fejn xieraq, mhux formali u informali), filwaqt li tiġi rrispettata l-leġislazzjoni nazzjonali relatata mal-akkumulazzjoni tal-unitajiet u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim.

L-unitajiet li jiffurmaw kwalifika għandhom ikunu:

deskritti f'termini li jistgħu jinqraw u jinftehmu billi jirreferu għall-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li fihom;

imfassla u organizzati b’mod koerenti fir-rigward tal-kwalifika ġenerali;

imfassla b’mod li jippermetti valutazzjoni u validazzjoni diskreta tar-riżultati tat-tagħlim li jkun fiha l-unità.

Unità tista’ tkun speċifika għal kwalifika unika jew komuni għal diversi kwalifiki. Ir-riżultati tat-tagħlim mistennija, li jagħtu definizzjoni ta' unità jistgħu jinkisbu irrispettivament minn fejn jew kif ikunu nkisbu. Għalhekk, unità ma għandhiex tkun imfixkla ma’ komponent ta’ programm ta’ tagħlim jew forniment ta’ taħriġ formali.

Ir-regoli u l-proċeduri għad-definizzjoni ta’ karatteristiċi ta’ unitajiet tar-riżultati tat-tagħlim u biex l-unitajiet jingħaqdu u jiġu akkumulati għal kwalifika speċifika huma mfissra mill-istituzzjonijiet kompetenti u s-sħab involuti fil-proċess ta' taħriġ skont ir-regoli nazzjonali jew reġjonali.

L-ispeċifikazzjonijiet għal unità għandhom jinkludu:

it-titolu ġeneriku tal-unità;

it-titolu ġeneriku tal-kwalifika (jew il-kwalifiki) li għandha x’taqsam magħha l-unità, fejn applikabbli;

ir-referenza tal-kwalifika skont il-livell tal-EQF u, fejn xieraq, il-livell tal-qafas ta' kwalifiki nazzjonali (“NQF”), bil-punti ta' krediti ECVET assoċjati mal-kwalifika;

ir-riżultati tat-tagħlim li fiha l-unità;

il-proċeduri u l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ dawn ir-riżultati tat-tagħlim;

il-punti ECVET assoċjati mal-unità;

il-validità fiż-żmien tal-unità, fejn rilevanti.

2.   Trasferiment u Akkumulazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim, sħubiji ECVET

Fl-ECVET, l-unitajiet tar-riżultati tat-tagħlim miksuba f’ambjent wieħed huma vvalutati biex imbagħad, wara valutazzjoni ta’ suċċess, jiġu trasferiti għal ambjent ieħor. F’dan it-tieni kuntest, dawn jiġu vvalidati u rikonoxxuti mill-istituzzjoni kompetenti bħala parti mil-ħtiġiet għall-kwalifika li l-persuna għandha l-għan li tikseb. L-unitajiet tar-riżultati tat-tagħlim jistgħu mbagħad jiġu akkumulati għal din il-kwalifika, skont ir-regoli nazzjonali jew reġjonali. Il-proċeduri u l-linji gwida għall-valutazzjoni, il-validazzjoni, l-akkumulazzjoni u r-rikonoxximent tal-unitajiet tar-riżultati tat-tagħlim huma mfassla mill-istituzzjonijiet kompetenti rilevanti u sħab involuti fil-proċess ta' taħriġ.

It-trasferiment ta’ krediti bbażat fuq l-ECVET u applikat għar-riżultati tat-tagħlim miksuba f’kuntesti ta’ tagħlim formali għandu jiġi ffaċilitat billi jiġu stabbiliti sħubiji u networks li jinvolvu istituzzjonijiet kompetenti, li kull waħda minnhom ikollha s-setgħa, fl-ambjent tagħha, li tagħti kwalifiki jew unitajiet jew li tagħti krediti għar-riżultati tat-tagħlim miksuba għal trasferiment u validazzjoni.

L-istabbiliment ta’ sħubiji għandu l-għan li:

jipprovdi qafas ġenerali ta’ kooperazzjoni u networking bejn is-sħab, imniżżel fil-Memoranda ta’ Ftehim (“MoU”) li permezz tiegħu jiġi stabbilit ambjent ta’ fiduċja reċiproka;

jgħin lill-isħab fit-tfassil ta' arranġamenti speċifiċi għat-trasferiment ta’ krediti għal dawk li qegħdin jitgħallmu.

L-MoU għandhom jikkonfermaw li l-isħab:

jaċċettaw l-istatus ta’ xulxin bħala istituzzjonijiet kompetenti;

jaċċettaw il-kriterji u l-proċeduri tal-assigurazzjoni ta' kwalità, il-valutazzjoni, il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta’ xulxin bħala sodisfaċenti għall-finijiet tat-trasferiment ta’ krediti;

jaqblu dwar il-kondizzjonijiet li fihom ser taħdem l-isħubija, bħall-objettivi, it-tul u l-arranġamenti għar-reviżjoni tal-MoU;

jaqblu dwar il-komparabbiltà tal-kwalifiki kkonċernati għall-finijiet tat-trasferiment ta’ krediti, bl-użu tal-livelli ta’ referenza stabbiliti mill-EQF;

jidentifikaw atturi u istituzzjonijiet kompetenti oħrajn li jistgħu jkunu involuti fil-proċess ikkonċernat u l-funzjonijiet tagħhom.

Biex l-ECVET tiġi applikata għar-rizultati tat-tagħlim miksuba f'kuntesti ta’ tagħlim mhux formali u informali jew barra l-qafas ta' MoU, l-istituzzjoni kompetenti li tingħata s-setgħa li tagħti kwalifiki jew unitajiet jew li tagħti l-krediti għandha tistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi għall-identifikazzjoni, il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' dawn ir-riżultati ta' tagħlim permezz tal-għoti tal-unitajiet korrispondenti u l-punti ECVET assoċjati.

3.   Ftehim ta’ tagħlim u traskrizzjoni personali

Biex jiġi applikat it-trasferiment ta’ krediti li jinvolvi żewġt isħab u individwu speċifiku u mobbli li qed jitgħallem, iż-żewġ istituzzjonijiet kompetenti involuti fil-proċess tat-taħriġ u validazzjoni u dak li qiegħed jitgħallem għandhom jikkonkludu ftehim ta’ tagħlim fil-qafas tal-MoU. Dan għandu:

jiddistingwi bejn istituzzjonijiet “domestiċi” kompetenti u tal-pajjiż “ospitant” (1);

jispeċifika l-kondizzjonijiet partikolari għal perijodu ta’ mobbiltà, bħall-identità ta’ dak li qiegħed jitgħallem, it-tul tal-perijodu ta’ mobbiltà, ir-riżultati tat-tagħlim mistennija li jinkisbu u l-punti ECVET assoċjati.

Il-ftehim ta’ tagħlim għandu jistipula li, jekk dak li qiegħed jitgħallem ikun kiseb ir-riżultati tat-tagħlim mistennija u dawn ikunu ġew ivvalutati b’mod pożittiv mill-istituzzjoni tal-pajjiż “ospitant”, l-istituzzjoni “domestika” għandha tivvalidhom u tirrikonoxxihom bħala parti mill-ħtiġiet għal kwalifika, skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti mill-istituzzjoni kompetenti.

It-trasferiment bejn l-isħab jista’ japplika għar-riżultati tat-tagħlim miksuba f’kuntesti formali u, fejn xieraq, f'kuntesti mhux formali u informali. Għalhekk, it-trasferiment ta’ krediti għar-riżultati tat-tagħlim miksuba għandu tliet stadji:

l-istituzzjoni tal-pajjiż “ospitant” tivvaluta r-riżultati tat-tagħlim miksuba u tagħti krediti lil dak li qiegħed jitgħallem. Ir-riżultati tat-tagħlim miksuba u l-punti ECVET korrispondenti jitniżżlu fit-“traskrizzjoni personali” ta’ dak li qiegħed jitgħallem (2);

l-istituzzjoni “domestika” tivvalida l-krediti bħala rekord xieraq tal-kisba ta’ dak li qiegħed jitgħallem;

imbagħad, l-istituzzjoni “domestika” tirrikonoxxi r-riżultati tat-tagħlim li jkunu nkisbu. Dan ir-rikonoxximent iġib miegħu l-għoti tal-unitajiet u l-punti ECVET korrispondenti tagħhom, skont ir-regoli tas-sistema “domestika”.

Il-validazzjoni u r-rikonoxximent mill-istituzzjoni “domestika” kompetenti jiddependu fuq il-valutazzjoni b'suċċess tar-riżultati tat-tagħlim mill-istituzzjoni tal-pajjiż “ospitant” kompetenti, skont il-proċeduri u l-kriterji miftiehma tal-assigurazzjoni ta' kwalità.

4.   Punti ECVET

Il-punti ECVET jipprovdu informazzjoni komplimentarja dwar il-kwalifiki u l-unitajiet f’forma numerika. Dawn ma għandhom l-ebda valur indipendenti mir-riżultati tat-tagħlim miksuba għall-kwalifika partikolari li jirreferu għaliha u jirriflettu l-kisba u l-akkumulazzjoni tal-unitajiet. Sabiex ikun possibbli approċċ komuni għall-użu tal-punti ECVET, tintuża konvenzjoni li skont din jingħataw 60 punt għar-riżultati tat-tagħlim mistennija li jinkisbu f’sena ta’ ETV formali u full-time.

Fl-ECVET l-allokazzjoni tal-punti normalment ikollha żewġ fażijiet: Il-punti ECVET huma allokati l-ewwel għal kwalifika sħiħa u imbagħad għall-unitajiet tagħha. Għal kwalifika speċifika, bħala referenza jittieħed kuntest ta’ tagħlim formali wieħed u, abbażi tal-konvenzjoni jingħata l-għadd totali ta’ punti għal dik il-kwalifika. Minn dan it-total, il-punti ECVET huma mbagħad allokati għal kull unità skont il-piż relattiv tagħhom fil-kwalifika.

Għal kwalifiki li ma għandhomx referenza ta’ passaġġ ta’ tagħlim formali, il-punti ta’ krediti ECVET jistgħu jiġu allokati permezz ta' stima bi tqabbil ma’ kwalifika oħra li għandha kuntest ta' referenza formali. Biex tiġi stabbilita l-komparabbiltà tal-kwalifiki, l-istituzzjoni kompetenti għandha tirreferi għal-livell EQF ekwivalenti jew, possibilment, il-livell NQF, jew għas-similarità għar-rizultati tat-tagħlim f'qasam professjonali relatat mill-qrib.

Il-piż relattiv ta’ unità tar-riżultati tat-tagħlim, fir-rigward tal-kwalifika, għandu jiġi stabbilit skond il-kriterji li ġejjin jew kombinazzjoni tagħhom:

l-importanza relattiva tar-riżultati tat-tagħlim li jikkostitwixxu l-unità għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, għall-progess lejn livelli ta’ kwalifika oħrajn jew għall-integrazzjoni soċjali;

il-kumplessità, il-kamp tal-applikazzjoni u l-volum tar-riżultati tat-tagħlim fl-unità;

l-isforz meħtieġ għal dak li qiegħed jitgħallem biex jikseb l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-unità.

Il-piż relattiv ta’ kwalunkwe unità komuni għal diversi kwalifiki, kif espressa f'punti ECVET, tista' tvarja minn waħda minn dawn il-kwalifiki għal oħra.

Normalment, l-allokazzjonijiet ta’ punti ECVET huma parti mit-tfassil tal-kwalifiki u l-unitajiet. Dawn huma provduti mill-istituzzjoni kompetenti responsabbli għat-tfassil u ż-żamma tal-kwalifika jew mogħtija awtorità speċifika għal dan il-kompitu. F’pajjiżi fejn diġà teżisti sistema nazzjonali ta’ punti, l-istituzzjonijiet kompetenti rilevanti jistabbilixxu arranġamenti għall-konverżjoni ta’ punti ta’ krediti nazzjonali għal punti ECVET.

Il-kisba b’suċċess ta’ kwalifika jew ta’ unità ġġib magħha l-għoti ta’ punti ECVET assoċjati, indipendentement miż-żmien proprju meħtieġ biex jinkisbu.

Normalment it-trasferiment ta’ unità jikkonsisti fit-trasferiment tal-punti ECVET korrispondenti sabiex dawn ikunu inklużi meta jiġu rikonoxxuti r-riżultati tat-tagħlim trasferiti, skont ir-regoli nazzjonali jew reġjonali. Hija r-responsabbiltà tal-istituzzjoni kompetenti li tikkunsidra mill-ġdid, fejn ikun meħtieġ, il-punti ECVET li għandhom jitqiesu, sakemm ir-regoli u l-metodoloġiji li huma stabbiliti għal dan il-għan huma trasparenti u sostnuti minn prinċipji tal-assigurazzjoni ta' kwalità.

Kull kwalifika miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali jew informali li għaliha tista' tiġi identifikata referenza ta' passaġġ ta’ tagħlim formali, u l-unitajiet korrispondenti, għandhom l-istess punti ECVET bħar-referenza, minħabba li jkunu nkisbu l-istess riżultati tat-tagħlim.


(1)  L-istituzzjoni “domestika” hija l-istituzzjoni li ser tivvalida u tirrikonoxxi r-riżultati tat-tagħlim miksuba minn dak li qiegħed jitgħallem. L-istituzzjoni tal-pajjiż “ospitant” hija dik li tipprovdi taħriġ għar-riżultati tat-tagħlim ikkonċernati u tivvaluta r-riżultati tat-tagħlim miksuba.

(2)  It-traskrizzjoni personali hija dokument li fih jitniżżlu r-riżultati tat-tagħlim ivvalutati, l-unitajiet u l-punti ECVET mogħtija ta’ dawk li qegħdin jitgħallmu.


Top