EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0561

2009/561/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-sottosistema tal-kontroll-kmand u tas-sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (notifikata bid-dokument numru C(2009) 5607) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 194, 25.7.2009, p. 60–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 004 P. 193 - 207

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/01/2012; Imħassar b' 32012D0088

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/561/oj

25.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Lulju 2009

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-sottosistema tal-kontroll-kmand u tas-sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5607)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/561/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (tfassil mill-ġdid) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea dwar il-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni (ERA-REC-02-2009-ERTMS) tat-23 ta’ Frar 2009,

Billi:

(1)

Kull speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbilità (TSI) għandħa tindika l-istrateġija biex jiġu implimentati t-TSIs u l-istadji li għandhom jitwettqu sabiex issir transizzjoni gradwali mis-sitwazzjoni eżistenti għas-sitwazzjoni finali li fiha l-konformità mat-TSIs għandha tkun in-norma.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE tat-28 ta’ Marzu 2006 li tikkonċerna l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbilità fir-rigward tas-sottosistema Kontroll-Kmand tal-kontroll-kmand u s-sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (2) stipulat it-TSI fir-rigward tas-sottosistema ta’ Kontroll-Kmand u ta’ sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2006/679/KE, l-Istati Membri stabbilixxew pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali tat-TSI ta’ Kontroll-Kmand u Sinjalar u nnotifikaw dan il-pjan ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

(4)

Abbażi ta’ dawn il-pjanijiet nazzjonali għandu jitfassal il-Pjan ta’ Direzzjoni tal-UE skont il-prinċipji stipulati f’Kapitolu 7 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2006/679/KE.

(5)

Il-Kapitolu 7 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2006/679/KE jipprovdi li l-Pjan ta’ Direzzjoni tal-UE se jkun anness għat-TSI permezz ta’ proċedura ta’ reviżjoni u se jkun imsejjaħ Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni.

(6)

Id-Direttiva 2008/57/KE tindika li t-TSIs jistgħu jistabilixxu l-qafas meħtieġ sabiex ikun deċiż jekk is-sottosistema eżistenti għandhiex tiġi awtorizzata mill-ġdid u jkunu deċiżi l-iskadenzi korrispondenti.

(7)

L-istrateġija biex tiġi implimentata it-TSI ta’ Kontroll-Kmand u ta’ Sinjalar ma għandhiex biss tibbaża fuq il-konformità tas-sottosistemi mat-TSI meta dawn jibdew jagħtu servizz, jiġu aġġornati jew jiġġeddu iżda għanda tkun ibbażata wkoll fuq implimentazzjoni koordinata matul il-kurituri pan-Ewropej li jgħaqqdu iż-żoni tat-trasport tal-merkanzija ewlenin fl-Ewropa. Billi l-interoperabbilità tista’ ssir biss jekk il-kurituri ikunu mgħammra bis-sħiħ, għandhom jiġu ffissati dati ta’ skadenza xierqa għat-tiġdid, u l-aġġornament fi ħdan il-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni.

(8)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz sabiex il-Modulu Speċifiku ta’ Trażmissjoni estern ikun disponibbli għas-sistemi storiċi mill-Kassi B elenkati fl-Anness B għat-TSI.

(9)

Proġetti għas-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), inġnerali, u linji inkluzi fil-Pjan Ewropew għall-mobilitazzjoni, b’mod partikolari, jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ Komunitarju mill-programm TEN-T jew minn programmi oħra ta’ għajnuna finanzjarja mill-Komunità.

(10)

Appoġġ finanzjarju adegwat huwa instrumentali biex ikun żgurat it-tħaddim tal-ERTMS f’konformità mal-ambitu u d-dati ta’ skadenza iffissati mill-Pjan Ewropew għall-mobilitazzjoni. Għalhekk il-pjan jista’ jkun aġġustat sabiex jittieħed inkonsidrazzjoni l-finanzjament disponibbli.

(11)

Il-fornituri tat-tagħmir li jintuża’ abbord tal-ERTMS ikkonfermaw li se jkunu f’pożizzjoni li jikkonsjaw tagħmir li jintuża’ abbord li huwa konformi mal-istandard il-ġdid (magħruf bħala baseline 3) sa mhux iktar tard mill-2015; għalhekk, lokomottivi internazzjonali kkonsenjati sa dik id-data, għandhom, bħala regola ġenerali, jkunu mgħammra bl-ERTMS.

(12)

Id-Deċiżjoni 2006/679/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(13)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Interoperabbilità u s-Sikurezza Ferrovjarja, stabbilit skont Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2006/679/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

Taqsimiet 7.1, 7.2 u 7.3 huma mibdulin bit-test stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(2)

Fit-taqsima 7.4.2.3 r-referenza għat-taqsima 7.2.2.5 hija mibdula b’referenza għat-taqsima 7.2.

Artikolu 2

Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni se tevalwa l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew għall-Mobiltazzjoni u tiddetermina, fuq analiżi tal-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni sal-2015, id-disponibbilità tat-tagħmir konformi mal-istandard il-ġdid (baseline 3) u ta’ sorsi u l-livell ta’ finanzjament disponibbli biex jappoġġa it-tħaddim tal-ERTMS, jekk ikunux meħtieġa emendi għal din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-linji li għandhom jiġu mgħammra sal-2020. L-Istati Membri għandhom jiġu involuti f’din l-analiżi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Settembru 2009.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 16.10.2006, p. 1.


ANNESS

Is-Sezzjonijiet 7.1, 7.2, u 7.3 tal-Anness tad-Deċizjoni 2006/679/KE huma mibdula b'dawn li ġejjin

"7.   IMPLIMENTAZZJONI TAL-KONTROLL-KMAND TAT-TSI

Dan il-kapitolu jitratta l-istrateġija għall-implimentazzjoni (Il-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni tal-ERTMS) tat-TSI u jispeċifika l-istadji li għandhom jitwettqu sabiex issir transizzjoni gradwali mis-sitwazzjoni eżistenti għas-sitwazzjoni finali li fiha l-konformità mat-TSIs għandha tkun in-norma.

Il-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni tal-ERTMS ma japplikax għal linji li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru meta n-netwerk ferrovjarju jkun separat jew iżolat bil-baħar, jew separata minħabba kundizzjonijiet ġeograifiċi speċjali, min-netwerk ferrovjarju tal-bqija tal-Komunità. Din l-istrateġija ma tapplikax għal lokomottivi li jivjaġġaw fuq dawn il-linji.

7.1.    Implimentazzjoni tal-ERTMS-Maġenb il-binarji

L-għan tal-Pjan Ewropew għal-Mobilitazzjoni tal-ERTMS huwa li jiġi żgurat li, gradwalment, lokomottivi, vaguni u vetturi oħra tal-ferroviji, mgħammra b’ERTMS jkunu jista’ jkollhom aċċess għal iktar linji, portijiet, terminals u ċentri ta’ tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija mingħajr ma jkollhom bżonn tagħmir ieħor nazzjonali apparti l-ERTMS.

Għal dak il-għan il-pjan tal-mobilitazzjonio ma jirrikjedix li jitneħħew is-sistemi eżistenti tal-Klassi B fuq il-linji inklużi fil-pjan. Madankollu, sad-data speċifikata fil-pjan ta’ implimentazzjoni, tagħmir b’sistema ta’ Klassi B ma għandux ikun kundizzjoni ta’ aċċess għal binarji inklużi fil-pjan tat-tħaddim għal lokomottivi, vaguni u vetturi oħrajn tal-ferrovija mgħammrin bl-ERTMS.

Meta żoni tat-terminals, bħal ma huma portijiet jew linji speċifiċi f’port, pereżempju, ma jkunux mgħammra bl-ebda sistema ta’ Klassi B, ir-rekwiżiti li għandhom x’ jaqsmu mal-‘konnessjoni’ ta’ dawn iż-żoni tat-terminals ma jfissrux bil-fors li dawn it-terminals jew linji għandhom bżonn jiġu mgħammra bl-ERTMS, sakemm it-tagħmir b’sistema ta’ Klassi B ma jkunx rikjest bħala kundizzjoni għall-aċċess għal binarji.

Fuq linji li jikkonsistu f’binarju doppju jew iktar, il-linja tkun ikkunsidrata li hija mgħammra malli jiġi mgħammar il-binarju doppju. Meta jkun hemm iktar minn linja waħda f’parti ta’ kuritur, mill-inqas waħda mil-linji trid tkun mgħammra f’dik il-parti u l-kuritur kollu jitqies bħala mgħammar meta mill-inqas linja waħda tkun mgħammra matul it-tul kollu tal-kuritur.

7.1.1.   Kurituri

Is-sitt kurituri deskritti fl-Appendiċi I għandhom jiġu mgħammra bl-ERTMS skont l-iskeda indikata f’dak l-Appendiċi (*).

7.1.2.   Konnessjoni mal-portijiet Ewropej ewlenin, ċentri ta’ tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija, terminals tal-merkanzija u żoni tat-trasport tal-merkanzija.

Il-portijiet, iċ-ċentri ta’ tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija, it-terminals tal-merkanzija u ż-żoni tat-trasport tal-merkanzija elenkati fl-Appendiċi II għandhom jingħaqdu ma’ mill-inqas wieħed mis-sitt kurituri speċifikati fl-Appendiċi fid-data u skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Appendiċi II.

7.1.3.   Proġetti ffinanzjati mill-UE

Mingħajr preġudizzju għat-taqsimiet 7.1.1 u 7.1.2, l-istallazzjoni tal-ERTMS/ETCS hija mandatorja fil-każ ta’:

stallazzjonijiet ġodda tal-parti ta’ protezzjoni tal-ferrovija armata bis-CCS; jew

titjib tal-parti ta’ protezzjoni tal-ferrovija armata bis-CCS li qiegħda diġà fis-servizz li tbiddel il-funzjonijiet jew il-prestazzjoni tas-sottosistema.

għal proġetti ta’ infrastruttura ferrovjarja li jirċievu appoġġ finanzjarju minn Fondi Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali u/jew Fondi tal-Koeżjoni (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (**)) u/jew il-fondi tat-TEN-T (Deċiżjoni 1692/96/KE tal-Parlament Ewropoew u tal-Kunsill (***)).

Madankollu, meta is-sinjalar ikun imġedded fuq partijiet qosra (inqas minn 150 km) u fuq partijiet mhux kontinwi, il-Kummissjoni tista’ tagħti deroga għal din ir-regola, sakemm l-ERTMS jiġi installat qabel l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dati:

5 snin wara t-tmiem tal-proġett;

sa meta il-parti tal-linja tkun konnessa mal-linja l-oħra diġà mgħammra bl-ERTMS.

F’din it-taqsima l-ewwel minn dawn iż-żewġ dati hija msejjħa ‘l-aħħar data tat-tagħmir’

L-Istat Membru interessat għandu jgħaddi fajl lill-Kummissjoni. Dan il-fajl għandu jinkludi analiżi ekonomika li turi li hemm vantaġġ sostanzjali ekonomiku u/jew meta jitqiegħed fis-servizz l-ERTMS fl-aħħar data għat-tagħmir minflok matul it-twettiq tal-proġett iffinanzjat mill-UE.

L-Istati Membri jistgħu jinvokaw din il-klawżola biss meta l-offerta li tkopri t-tiġdid jew it-titjib ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-ferrovija tkun tinkudi għażla ċara għat-tagħmir tal-ERTMS tal-linja, jew matul iż-żmien li fih jtwettaq il-proġett jew fl-aħħar data għat-tagħmir.

Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-fajl sottomess u l-miżuri proposti mill-Istat Membru u għandha tgħarraf lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****) bir-riżultat tal-analiżi. Meta tingħata deroga, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-ERTMS jiġi nstallat qabel l-aħħar data għat-tagħmir.

7.1.4.   Kundizzjonijiet meta jkunu rikjesti funzjonijiet fakultattivi

Skont il-karatteristiċi tal-Kontroll-Kmand u l-interfaċċi tagħha installati maġenb il-binarji ma’ sottosistemi oħrajn, għandu mnejn ikun meħtieġ li uħud mill-funzjonijiet li mhumiex ikklassifikati bħala obbligatorji, jiġu implimentati f’ċerti applikazzjonijiet biex jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali.

L-implimentazzjoni ta’ funzjonijiet Nazzjonali jew Fakultattivi ta’ maġenb il-binarji ma għandhiex iżżomm id-dħul fl-infrastruttura ta’ ferrovija li tkun konformi biss mar-rekwiżiti obbligatorji tas-sistema Abbord tal-Klassi A ħlief kif meħtieġ għal funzjonijiet fakultattivi ta’ abbord li ġejjin:

applikazzjoni ta’ maġenb il-binarji ta’ Livell 3 tal-ETCS teħtieġ superviżjoni tal-inteġrità tal-ferrovija abbord;

applikazzjoni ta’ maġenb il-binarji ta’ Livell 1 tal-ETCS bl-in-fill teħtieġ funzjonalità b’in-fill korrispondenti abbord jekk il-veloċità tkun iffissata għal żero għall-raġunijiet ta’ sikurezza (pereżempju il-protezzjoni ta’ punti ta’ periklu);

meta l-ETCS ikun jeħtieġ trażmissjoni ta’ dejta bir-radju, is-servizzi tat-trażmissjoni tad-dejta tal-GSM-R irid jissodisfa r-rekwiżiti tat-trażmissjoni tad-dejta tal-ETCS;

armar abbord, li jinkludi sistema KER STM, jista’ jeħtieġl li jimplimenta interfaċja-K.

7.1.5.   Sistemi storiċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjonalità tas-sistemi storiċi imsemmija fl-Anness B għat-TSI kif ukoll l-interfaċji tagħhom għandha tibqa’ kif speċifikata bħalissa, u teskludi dawk il-modifikazzjonijiet li għandhom mnejn ikunu meqjusa meħtieġa biex itaffu il-problemi martbutin mas-sikurezza ta’ dawn is-sistemi. L-Istati Membri għandhom jaraw li l-informazzjoni li tirrigwarda s-sistemi storiċi tagħhom, meħtieġa għall-finijiet ta’ żvilupp u ċertifikazzjoni tal-apparat li tippermetti l-interoperabbiltà ta’ tagħmir tal-Klassi A ma’ faċilitajiet tal-Klassi B storiċi, tkun disponibbli.

7.1.6.   Notifika

Għal kull taqsima ta’ kuritur deskritta fl-Appendiċi I, l-Istati Membri għandhom jew jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi pjan dettaljat ta’ meta l-parti tal-kuritur se tiġi mgħammra bl-ERTMS jew jikkonfermaw li l-parti tal-kurritur diġà ġiet mgħammra. L-informazzjoni se tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard minn tliet snin qabel l-aħħar data tat-tagħmir tal-parti tal-kuritur speċifikata fl-Appendiċi I.

Għal kull port, ċentru tat-tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija, terminal tal-merkanzija jew żona tat-trasport tal-merkanzija, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-linji speċifiċi li għandhom jintużaw biex tiġi żgurata l-konnessjoni tagħhom ma’ wieħed mill-kurituri elenkati fl-Appendiċi I. Din l-informazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard minn tliet snin qabel id-data speċifikata fl-Appendiċi II u għandha tindika l-aħħar data tat-tagħmir għal dan il-port, ċentru tat-tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija, terminal tal-merkanzija jew żona tat-trasport tal-merkanzija. Il-Kummissjoni tista’ titlob aġġustamenti partikolarment sabiex tiżgura l-konsistenza bejn linji mgħammra fuq il-fruntieri, skont il-ħtieġa. L-Istati Membri għandhom jew jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi pjan dettaljat ta’ meta l-parti tal-kuritur se tiġi mgħammra bl-ERTMS jew jikkonfermaw li dawn il-linji speċifiċi diġà ġew mgħammra bl-ERTMS. Din l-informazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard minn tliet snin qabel id-data speċifikata fl-Appendiċi II u għandha tindika l-aħħar data tat-tagħmir għal dan il-port, ċentru tat-tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija, terminal tal-merkanzija jew żona tat-trasport tal-merkanzija.

Il-pjani dettaljati taż-żmien tat-tlestija għandhom jindikaw partikolarment id-data sa meta l-offerta għat-tagħmir tal-linja se jkun konkluż, il-proċeduri li ġew stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-interoperabbilità mal-pajjiżi ġirien fuq il-kurritur kif wkoll l-istadji prinċipali marbuta mal-proġett. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar bl-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji billi jibagħatu pjan taż-żmien aġġornat kull tnax-il xahar.

7.1.7.   Dewmien

Meta Stat Membru raġonevolment jistenna dewmien fit-tlestija sad-data ta’ skadenza stabbilita fid-Deċiżjoni preżenti, dan għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni. Għandu jikkomunika lill-Kummissjoni fajl li jinkludi deskrizzjoni teknika u pjan aġġortat tal-proġett. Il-fajl għandu wkoll jispjega r-raġunijiet għad-dewmien u jindika miżuri ta’ korrezzjoni li jittieħdu mill-Istat Membru.

Dewmien addizzjonali ta’ mhux iktar minn tliet snin jista’ jingħata lil Stat Membru meta l-kawżi tad-dewmien ma jkunux jiddependu fuq il-kontroll raġonevoli tal-Istat Membru, bħal pereżempju in-nuqqas ta’ formiment ta’ materjal jew problemi marbuta mal-proċess ta’ omologazzjoni u approvazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ vetturi xierqa tal-ittestjar. Din il-klawżola tista’ tintuża favur Stat Membru biss jekk ikunu issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

in-notifikazzjonijiet msemmija fit-taqsima 7.1.6 ikunu waslu fil-ħin u kienu komprensivi;

il-fajl imsemmi fit-taqsima 7.1.7, l-ewwel paragrafu, jinkludu evidenza ċara li l-Istat Membru ma kellu ebda kontroll fuq il-kawżi tad-dewmien;

awtorità kompetenti li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni, għall-forniment u integrazzjoni u ittestjar ta’ prodotti ta’ abbord u ta’ maġenb il-binarji;

sar użu xieraq ta’ laboratorji eżistenti;

tingħata evidenza li ġew implimentati miżuri xierqa biex jitnaqqas iktar dewmien.

Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-fajl sottomess u l-miżuri proposti mill-Istat Membru u għandha tgħarraf lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE bir-riżultat tal-analiżi.

7.2.    Implimentazzjoni tal-ERTMS ta’ abbord

Lokomottivi, vaguni u vetturi oħra tal-ferroviji ġodda li kapaċi jivjaġġaw mingħajr ġbid mgħammra b’kabina tas-sewqan, li kienu ordnati wara l-1 ta’ Jannar 2012 u li bdew jaħdmu wara l-1 ta’ Jannar 2015, għandhom jiġu mgħammra bl-ERTMS.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal lokomottivi ta’ trasferiment u lokomottivi, vaguni u vetturi oħra tal-ferroviji ġodda mgħammra b’kabina tas-sewqan, jekk huma iddiżinjati esklussivament għas-servizz nazzjonali u servizzi ta’ qsim il-fruntieri bejn ir-reġjuni. Madankollu l-Istati Membri jistgħu jintroduċu rekwiżiti addizzjonali fuq livell nazzjonali, partikolarment bil-ħsieb li:

restrizzjoni tal-aċċess għal-linji mgħammra bl-ERTMS għal-lokomottivi mgħammra bl-ERTMS, sabiex is-sistema nazzjonali eżistenti jkunu jistgħu jiġu dekommissjonati;

rekwiżit li lokomottivi ta’ trasferiment u lokomottivi, vaguni u vetturi oħra tal-ferroviji ġodda mgħammra b’kabina tas-sewqan, jekk huma iddiżinjati esklussivament għas-servizz nazzjonali u servizzi ta’ qsim il-fruntieri bejn ir-reġjuni, ikunu mgħammra bl-ERTMS.

7.3.    Regoli tal-implimentazzjoni speċifiċi tal-GSM-R

Dawn ir-regoli japplikaw b’żieda mar-regoli stipulati fit-taqsima 7.1 u 7.2.

7.3.1.   Stallazzjonijiet ta’ maġenb il-binarji

It-twaħħil ta’ GSM-R huwa mandatorju fil-każ ta’:

stallazzjonijiet ġodda tal-parti ta’ radju armata bis-CCS;

titjib tal-parti tar-radju armata bis-CCS li qiegħda diġà fis-servizz li tbiddel il-funzjonijiet jew il-prestazzjoni tas-sottosistema.

7.3.2.   Stallazzjonijiet abbord

It-twaħħil ta’ GSM-R fuq vetturi ferrovjarji intenjonati għall-użu fuq linja li tinkludi mill-inqas parti waħda li tkun mgħammra b’interfaċji tal-Klassi A (anke jekk din tkun imposta fuq sistema tal-Klassi B), hija mandatorja fil-każ ta’:

stallazzjonijiet ġodda tal-parti ta’ radju armata bis-CCS;

titjib tal-parti tar-radju armata bis-CCS li qiegħda diġà fis-servizz li tbiddel il-funzjonijiet jew il-prestazzjoni tas-sottosistema.

7.3.3.   Sistemi storiċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjonalità tas-sistemi storiċi imsemmija fl-Anness B għat-TSI kif ukoll l-interfaċji tagħhom għandha tibqa’ kif speċifikata bħalissa, u teskludi dawk il-modifikazzjonijiet li għandhom mnejn ikunu meqjusa meħtieġa biex itaffu il-problemi martbutin mas-sikurezza ta’ dawn is-sistemi. L-Istati Membri għandhom jaraw li l-informazzjoni li tirrigwarda s-sistemi storiċi tagħhom, meħtieġa għall-finijiet ta’ żvilupp u ċertifikazzjoni tal-apparat li tippermetti l-interoperabbiltà ta’ tagħmir tal-Klassi A ma’ faċilitajiet tal-Klassi B storiċi, tkun disponibbli.


Appendiċi I

linji speċifiċi li jifformaw il-kurituri

Kurritur A - għandu jiġi mgħammar sal-2015

Image

Kuritur B (1)

Image

Kuritur C (2)

Image

Kuritur D (3)

Image

Kuritur E

Image

Kuritur F

Image

(1)  Bla ħsara għal legiżlazzjoni applikabbli għan-netwerk Trans Ewropew ta’ veloċità għolja, jistgħu jiġu pprovduti konnessjonijiet permezz ta’ medded ta linji ta’ veloċità għolja, sakemm jiġu allokati passaġġi għall-ferroviji tal-merkanzija. Mill-inqas konnessjoni waħda mgħammra bl-ERTMS se tiġi pprovduta sal-2020 bejn id-Danimarka u l-Ġermanja (Flensburg-Hamburg or Rødby – Puttgarden) iżda mhux neċessarjament it-tnejn. Il-mina ta’ bażi tal-Brennero se tkun mgħammra bl-ERTMS ladarba jitlesta x-xogħol infrastrutturali (data fil-mira 2020).

(2)  Konnessjoni bejn Nancy u Reding se tkun provduta sal-2020.

(3)  Żewġ friegħi addizzjonali għandhom jiġu mgħammra sal-2020. Montmélian – Grenoble – Valence and Lyon – Valence – Arles – Miramas (fuq in-naħa tax-xellug tar-Rhône).

Appendiċi II

portijiet Ewropej ewlenin, ċentri ta’ tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija, terminals tal-merkanzija u żoni tat-trasport tal-merkanzija  (1)

Il-Pajjiż

Żona tat-trasport tal-merkanzija

Data

Kumment

Il-Belġju

Antwerpen

31.12.2015

Konnessjoni bejn Nancy u Reding se tkun provduta sal-2020.

Gent

31.12.2020

 

Zeebrugge

31.12.2020

 

Il-Bulgarija

Burgas

31.12.2020

Il-konnessjoni tal-kuritur E timplika t-tagħmir tal-parti Bourgas-Sofia u Sofia-Vidin-Calafat u Calafat-Curtici fir-Rumanija (PP22).

Ir-Repubblika Ċeka

Praha

31.12.2015

 

Lovosice

31.12.2020

 

Id-Danimarka

Taulov

31.12.2020

Il-konnessjoni ta’ dan it-terminal timplika li l-linja ta’ Flensburg-Padborg tiġi magħżula li tkun bħala link mgħammar bl-ERTMS - ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-Appendiċi I tal-Anness.

Il-Ġermanja

Dresden (2)

31.12.2020

Sal-2020 għandha tkun żgurata wkoll konnessjoni diretta bejn kuritur E i kuritur F (minn Dresden għal Hannover).

Lübeck

31.12.2020

 

Duisburg

31.12.2015

 

Hamburg (3)

31.12.2020

 

Köln

31.12.2015

 

München

31.12.2015

 

Hannover

31.12.2015

 

Rostock

31.12.2015

 

Ludwigshafen/Mannheim

31.12.2015

 

Nürnberg

31.12.2020

 

Il-Greċja

Pireás

31.12.2020

Il-konnessjoni tal-kuritur E timplika t-tagħmir tal-parti Kulata-Sofia fil-Bulġarija.

Spanja

Algeciras

31.12.2020

 

Madrid

31.12.2020

 

Pamplona

31.12.2020

Tliet konnessjonijiet rikjesti. Konnessjoni għal Pariġi via Hendaye, konnessjoni minn Pamplona għal Madrid u konnessjoni minn Pamplona għal kuritur D via Zaragoza.

Zaragoza

31.12.2020

 

Tarragona

31.12.2020

 

Barcelona

31.12.2015

 

Valencia

31.12.2020

 

Franza

Marseille

31.12.2020

 

Perpignan

31.12.2015

 

Avignon

31.12.2015

 

Lyon

31.12.2015

 

Le Havre

31.12.2020

 

Lille

31.12.2020

 

Dunkerque

31.12.2020

 

Pariġi

31.12.2020

Sal-2020, se jiġu prrovduti l-konnessjonijiet li ġejjin: i) Hendaye ii) Channel Tunnel iii) Dijon iv) Metz via Epernay u Châlons-en-Champagne.

L-Italja

La Spezia

31.12.2020

 

Genova

31.12.2015

 

Gioia Tauro

31.12.2020

 

Verona

31.12.2015

 

Milano

31.12.2015

 

Taranto

31.12.2020

 

Bari

31.12.2020

 

Padova

31.12.2015

 

Trieste

31.12.2015

 

Novara

31.12.2015

 

Bologna

31.12.2020

 

Ruma

31.12.2020

 

Il-Lussemburgu

Bettembourg

31.12.2015

 

L-Ungerija

Budapest

31.12.2015

 

L-Olanda

Amsterdam

31.12.2020

 

Rotterdam

31.12.2015

Konnessjoni għal Antwerp għandha tkun provduta sal-2020.

L-Awstrija

Graz

31.12.2020

 

Wien

31.12.2020

 

Il-Polonja

Gdynia

31.12.2015

 

Katowice

31.12.2020

 

Wrocław

31.12.2015

Sal-2020 il-linja Wroclaw-Legnica għandha tkun mgħammra sabiex tiżgura konnessjoni diretta għall-fruntiera Ġermaniża. (Gorlitz).

Gliwice

31.12.2015

 

Poznań

31.12.2015

 

Warszawa

31.12.2015

 

Il-Portugall

Sines

31.12.2020

 

Lisboa

31.12.2020

 

Ir-Rumanija

Constanța

31.12.2015

 

Is-Slovenja

Koper

31.12.2015

 

Ljubljana

31.12.2015

 

Is-Slovakkja

Bratislava

31.12.2015

 

Ir-Renju Unit

Bristol

Dan it-terminal konness bħala kuritur C huwa estiż saċ-Channel Tunnel.


(1)  Il-lista taċ-ċentri inklużi f’dan l-Appendiċi tista’ tiġi riveduta, sakemm l-ebda reviżjoni ma tnaqqas it-traffiku tal-merkanzija jew tħalli xi impatt sinifikattiv fuq proġetti fi Stati Membri oħra."

(2)  Il-Ġermanja se tagħmel ħilitha biex tgħammar il-parti tal-kuritur E, Dresden – fruntiera Ċeka, f’data iktar bikrija.

(3)  Il-Ġermanja se tiżgura li t-tagħmir tal-konnessjoni ferrovjarja għal Hamburg iżda fiż-żona tal-port għandha mnejn tkun mgħammra biss parzjalment sal-2020.


Top