EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0450

2009/450/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta' Ġunju 2009 dwar l-interpretazzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4293) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 149, 12.6.2009, p. 69–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 029 P. 232 - 235

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/450/oj

12.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/69


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta' Ġunju 2009

dwar l-interpretazzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4293)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/450/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), partikolarment l-Artikolu 3b tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (2) inkludiet l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità.

(2)

Id-definizzjoni ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni u partikolarment l-eżenzjonijiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE huma primarjament ibbażati fuq l-eżenzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 tas-6 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi skema komuni ta’ imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (3), li l-eżenzjoni tagħhom hija konsisteni ma’ dik tas-Sistema ta’ Imposti tar-Rotta tal-EUROCONTROL.

(3)

L-Appendiċi 2 tal-Proċeduri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru – Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) adottat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) (4) jiddeskrivi l-formola tal-mudell tal-pjan tat-titjira ICAO u jagħti l-istruzzjonijiet kif timtela dik il-formola. Il-pjan tat-titjira jista’ jintuża sabiex jidentifika t-titjiriet li jidħlu fl-ambitu tal-iskema tal-Komunità.

(4)

L-interpretazzjoni tal-attivitajiet tal-avjazzjoni li hemm provediment għalihom f’din id-Deċiżjoni għandhom jiġu applikati b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/589/KE tat-18 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi linji gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(5)

L-interpretazzjoni tal-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku għandha tkun applikata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (6).

(6)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima msemmi fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/87/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-interpretazzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE hija stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

(3)  ĠU L 312M, 22.11.2008, p. 165.

(4)  PANS-ATM, Dok 4444

(5)  ĠU L 229, 31.8.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.


ANNESS

Linji Gwida dwar l-interpretazzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE

1.   DEFINIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET TAL-AVJAZZJONI

1.

It-terminu ‘titjira’ ifisser settur wieħed ta’ titjira, jiġifieri titjira jew serje ta’ titjiriet li jibdew mill-post tal-parkeġġ tal-inġenju tal-ajru u jispiċċaw fil-post tal-parkeġġ tal-inġenju tal-ajru.

2.

It-terminu ‘ajrudrom’ ifisser żona definita ta’ art jew ilma, li tinkludi l-bini, l-installazzjonijiet u t-tagħmir, intenzjonata sabiex tintuża kollha jew parti minnha għall-wasla, it-tluq u l-moviment fis-superfiċi tal-inġenju tal-ajru.

3.

Jekk operatur tal-inġenju tal-ajru jagħmel attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, din tidħol taħt l-iskema tal-Komunità indipendentament jekk hijiex fuq il-lista tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   INTERPRETAZZJONI TAL-EŻENZJONIJIET

4.

Taħt il-kategorija tal-attività ‘Avjazzjoni’, l-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE jelenka liema tipi ta’ titjiriet huma eżentati mill-iskema tal-Komunità.

2.1.   Eżenzjoni taħt is-subparagrafu (a)

5.

Din l-eżenzjoni se tkun interpretata skont l-iskop esklussiv tat-titjira.

6.

Il-familja immedjata tinkludi esklussivament il-persuna kkonċernata, kwalunkwe sieħeb/sieħba kkunsidrat/a ekwivalenti tal-persuna kkonċernata, it-tfal u l-ġenituri.

7.

Il-Ministri tal-Gvern huma membri tal-gvern kif elenkat fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali tal-pajjiż ikkonċernat. Il-membri tal-gvernijiet reġjonali jew lokali ta’ pajjiż ma jikkwalifikawx għal eżenzjoni taħt dan is-subparagrafu.

8.

Missjoni uffiċjali tfisser missjoni fejn il-persuna kkonċernata qed topera f’kapaċità uffiċjali.

9.

It-titjiriet għall-ippożizzjonar jew it-tressiq tal-inġenju tal-ajru mhumiex koperti b’din l-eżenzjoni.

10.

It-titjiriet li l-Uffiċju tal-Imposti tar-Rotta Ċentrali tal-Eurocontrol, identifika għall-applikabbiltà tal-eżenzjoni tal-imposti tar-rotta (minn issa ‘il quddiem ‘kodiċi ta’ eżenzjoni CRCO’) bħala ‘S’ qed jiġi preżunt li huma titjiriet li saru esklussivament għat-trasport, ta’ missjoni uffiċjali, ta’ Monarka sovran u l-familja immedjata tiegħu, il-Kapijiet ta’ Stat, il-Kapijiet ta’ Gvern u l-Ministri ta’ Gvern issostanzjati b’indikatur tal-istatus xieraq fil-pjan tat-titjira.

2.2.   Eżenzjonijiet taħt is-sottoparagrafu (b)

2.2.1.   Titjiriet militari

11.

Titjiriet militari ifissru titjiriet direttament relatati mal-aġir tal-attivitajiet militari.

12.

It-titjiriet militari li jsiru minn inġenji tal-ajru rreġistrati ċivili mhumiex koperti minn din l-eżenzjoni. Bl-istess mod, it-titjiriet ċivili li jsiru minn inġenji tal-ajru militari mhumiex eżentati taħt is-subparagrafu (b).

13.

It-titjiriet bil-kodiċi ta’ eżenzjoni CRCO ‘M’ jew ‘X’ qed jiġi preżunt li huma titjiriet militari eżentati.

2.2.2.   Id-dwana u t-titjiriet tal-pulizija

14.

Id-dwana u t-titjiriet tal-pulizija li jsiru kemm mill-inġenji tal-ajru rreġistrati ċivili u dawk militari huma eżentati.

15.

It-titjiriet bil-kodiċi ta’ eżenzjoni ‘P’ tas-CRCO qed jiġi preżunt li huma titjiriet tad-dwana jew tal-pulizija eżentati.

2.3.   Eżenzjonijiet taħt is-subparagrafu (c)

16.

B’relazzjoni mal-kategoriji tat-titjiriet imsemmija hawn isfel, it-titjiriet għall-ippożizzjonar jew it-tressiq tal-inġenju tal-ajru u t-titjiriet li qed iġorru esklussivament tagħmir jew persunal direttament involut fil-provediment tas-servizzi relatati huma koperti bl-eżenzjoni. Barra minn hekk, dawn l-eżenzjonijiet ma jagħmlux differenza bejn it-titjiriet magħmula permezz tal-użu tar-riżorsi pubbliċi jew privati.

2.3.1.   It-titjiriet tat-tiftix u s-salvataġġ

17.

It-titjiriet relatati mat-tiftix u s-salvataġġ ifissru titjiriet li joffru servizzi ta’ tiftix u salvataġġ. Servizz ta’ tiftix u salvataġġ ifisser il-prestazzjoni ta’ monitoraġġ tal-periklu, komunikazzjoni, koordinazzjoni u funzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, għajnuna medika inizjali jew evakwazzjoni medika, bl-użu ta’ riżorsi pubbliċi jew privati, inkluż inġenji tal-ajru li jikkoperaw, bastimenti u inġenji u installazjonijiet oħra.

18.

Titjiriet bil-kodiċi tal-eżenzjoni CRCO “R” u titjiriet identifikati bl-STS/SAR fiż-żona 18 tal-pjan tat-titjira qed jiġi preżunt li huma titjiriet tat-tiftix u s-salvataġġ eżentati.

2.3.2.   It-titjiriet tat-tifi tan-nar

19.

It-titjiriet tat-tifi tan-nar ifissru titjiriet li jsiru esklussivament sabiex jipprovdu servizzi fl-ajru tat-tifi tan-nar, li jfisser l-użu ta’ inġenju tal-ajru u servizzi oħra fl-ajru sabiex jikkontrollaw in-nirien.

20.

It-titjiriet identifikati bl-STS/FFR fiż-żona 18 tal-pjan tat-titjira qed jiġi preżunt li huma titjiriet tat-tifi tan-nar eżentati.

2.3.3.   Titjiriet umanitarji

21.

It-titjiriet umanitarji ifissru titjiriet li joperaw esklussivament għal skopijiet umanitarji li jġorru persunal tal-għajnuna u materjali tal-għajnuna bħall-ikel, ħwejjeġ, ilqugħ, mediċini u affarijiet oħra matul jew wara emerġenza u/jew diżastru u/jew jintużaw sabiex jevakwaw il-persuni minn post fejn il-ħajja jew is-saħħa tagħhom hija mhedda minn din l-emerġenza u/jew fejn hemm diżastru lejn post sikur fl-istess Stat jew Stat ieħor li huwa lest jirċievi dawn il-persuni.

22.

Titjiriet bil-kodiċi tal-eżenzjoni CRCO ‘H’ u titjiriet identifikati bl-STS/HUM fiż-żona 18 tal-pjan tat-titjira qed jiġi preżunt li huma titjiriet umanitarji eżentati.

2.3.4.   It-titjiriet tas-servizz mediku ta’ emerġenza

23.

It-titjiriet tas-servizz mediku ta’ emerġenza ifissru titjiriet li l-għan esklussiv huwa li jiffaċilitaw l-assistenza għall-emerġenza medika, fejn it-trasportazzjoni immedjata u ta’ malajr hija essenzjali, billi jġorru l-persunal mediku, l-affarijiet mediċi, inkluż it-tagħmir, id-demm, l-organi, il-mediċini, jew persuni morda jew imweġġgħa u persuni oħra involuti direttament.

24.

It-titjiriet identifikati bl-STS/MEDEVAC jew STS/HOSP fiż-żona 18 tal-pjan tat-titjira qed jiġi preżunt li huma titjiriet tas-servizz mediku ta’ emerġenza eżentati.

2.4.   Eżenzjoni taħt is-subparagrafu (f)

25.

Titjiriet bil-kodiċi tal-eżenzjoni CRCO ‘T’ u titjiriet identifikati bl-RMK/“Training flight” (Titjira ta’ taħriġ) fiż-żona 18 tal-pjan tat-titjira qed jiġi preżunt li huma eżentati taħt is-subparagrafu (f).

2.5.   Eżenzjonijiet taħt is-subparagrafu (g)

26.

B’relazzjoni mal-kategoriji tat-titjira hawn isfel, it-titjiriet għall-ippożizzjonar jew it-tressiq tal-inġenju tal-ajru mhumiex koperti.

2.5.1.   It-titjiriet li jsiru esklussivament għall-iskop ta’ riċerka xjentifika

27.

Din il-kategorija teżenta t-titjiriet li l-uniku skop tagħhom huwa li jagħmlu r-riċerka xjentifika. Ir-riċerka xjentifika trid issir parzjalment jew kollha waqt it-titjira sabiex tapplika l-eżenzjoni. It-trasport tax-xjentisti jew it-tagħmir tar-riċerka mhuwiex minnu nnifsu suffiċjenti sabiex titjira tiġi eżentata.

2.5.2.   Titjiriet imwettqa esklussivament għall-iskop tal-kontrolli, l-ittestjar jew għaċ-ċertifikazzjoni ta’ inġenju tal-ajru jew tat-tagħmir kemm jekk jinsab fl-ajru kif ukoll ibbażat fuq l-art

28.

Titjiriet bil-kodiċi tal-eżenzjoni CRCO ‘N’ u titjiriet identifikati bl-STS/FLTCK fiż-żona 18 tal-pjan tat-titjira qed jiġi preżunt li huma titjiriet eżentati taħt is-subparagrafu (g).

2.6.   Eżenzjoni taħt is-subparagrafu (i) (titjiriet obbligatorji tas-servizz pubbliku)

29.

L-eżenzjoni tat-titjiriet obbligatorji tas-servizz pubbliku (PSO) ġewwa l-iżjed reġjuni mbiegħda se tkun interpretata li se tapplika għar-reġjuni elenkati fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE u tinkludi esklussivament titjiriet tal-PSO ġewwa reġjun wieħed imbiegħed u titjiriet bejn żewġ reġjuni l-iżjed imbiegħda.

2.7.   Eżenzjoni taħt is-subparagrafu (j) (“regola de minimis”)

30.

L-operaturi kollha tat-trasport tal-ajru jrid ikollhom ċertifikat ta’ operatur tal-ajru (AOC) taħt il-Parti I tal-Anness 6 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-operaturi li ma għandhomx dan iċ-ċertifikat mhumiex “operaturi kummerċjali tat-trasport bl-ajru”.

31.

Għall-applikazzjoni tar-regola de minimis, il-karatteristika li tkun kummerċjali hija marbuta mal-operatur u mhux it-titjiriet konċernati. Dan partikolarment ifisser li t-titjiriet pprovduti minn operatur kummerċjali għandhom jitqiesu sabiex tittieħed deċiżjoni jekk l-operatur jaqax fil-kategorija ta’ fuq jew ta’ taħt il-limiti tal-eżenzjoni anke jekk dawk it-titjiriet mhumiex provduti għar-rikompens.

32.

Se jitqiesu biss it-titjiriet li jitilqu jew jaslu f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat għad-deċiżjoni dwar jekk l-operatur tal-inġenju tal-ajru jaqax fil-kategorija ta’ fuq jew ta’ taħt il-limiti ta’ eżenzjoni tar-regola de minimis. It-titjiriet eżentati taħt is-sottoparagrafi (a)-(j) mhux se jitqiesu għall-istess skopijiet.

33.

It-titjiriet magħmula minn operatur ta’ inġenju tal-ajru kummerċjali li jopera inqas minn 243 titjira għal kull perjodu għal tlett perjodi konsekuttivi ta’ erba’ xhur huma eżentati. Il-perjodi ta’ erba’ xhur huma: Jannar sa April; Mejju sa Awwissu; Settembru sa Diċembru. Il-ħin lokali tat-tluq tat-titjira jiddetermina f’liema perjodu ta’ erba’ xhur se titqies dik it-titjira sabiex tittieħed deċiżjoni jekk l-operatur tal-inġenju tal-ajru jaqax fil-kategorija ta’ fuq jew ta’ taħt il-limiti tal-eżenzjoni tar-regola de minimis.

34.

Operatur kummerċjali li jopera 243 titjira għal kull perjodu jew iktar huwa inkluż fl-iskema Komunitarja għas-sena kollha tal-kalendarju li fiha l-limitu ta’ 243 titjira jintlaħaq jew jinqabeż.

35.

Operatur kummerċjali li jopera titjiriet b’emissjonijiet totali annwali ugwali għal jew iktar minn 10 000 tunnellata kull sena huwa inkluż fl-iskema Komunitarja għas-sena kollha tal-kalendarju li fiha l-limitu ta’ 10 000 titjira jintlaħaq jew jinqabeż.


Top