EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0294

2008/294/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ April 2008 dwar kondizzjonijiet armonizzati għall-użu ta’ l-ispektrum għat-tħaddim tas-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA) fil-Komunità (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1256) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 98, 10.4.2008, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 038 P. 185 - 189

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/11/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/294/oj

10.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 98/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ April 2008

dwar kondizzjonijiet armonizzati għall-użu ta’ l-ispektrum għat-tħaddim tas-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA) fil-Komunità

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1256)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/294/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-i2010 – qafas strateġiku tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni Ewropea (2) jippromwovi ekonomija diġitali miftuħa u kompetittiva fl-Unjoni Ewropea u jenfasizza l-ICT bħala forza ta’ inklużjoni u ta’ kwalità ta’ ħajja. L-iżvilupp ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni addizzjonali jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-produttività tax-xogħol u għal tkabbir fis-suq tat-telefonija mobbli.

(2)

L-applikazzjonijiet ta’ konnettività fl-ajru huma minnhom infushom, pan-Ewropej għaliex se jintużaw l-aktar għal titjiriet transkonfinali fi ħdan il-Komunità u lil hinn minnha. Approċċ koordinat għar-regolamentazzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA) jappoġġa l-objettivi tas-Suq Uniku.

(3)

L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-użu ta’ l-ispektrum tar-radju madwar il-Komunità tiffaċilita l-applikazzjoni u l-użu f’waqthom tas-servizzi MCA fi ħdan il-Komunità.

(4)

Attwalment, t-tħaddim kummerċjali ta’ servizzi MCA huwa kkunsidrat biss għal sistemi GSM li jaħdmu fil-medda ta’ konnessjoni axxendentali ta’ 1 710-1 785 MHz (terminal li jittrasmetti u stazzjon ta’ bażi ta’ riċezzjoni) u ta’ 1 805-1 880 MHz għal konnessjoni dixxendentali (stazzjon ta’ bażi li jittrasmetti u terminal ta’ riċezzjoni), skond l-istandards ta’ l-ETSI EN 301 502 u EN 301 511. Madankollu, fil-futur jista’ jiġi estiż għal sistemi pubbliċi oħra ta’ komunikazzjoni mobbli terrestri, li jaħdmu skond standards oħra u f'meded ta’ frekwenzi oħra.

(5)

Skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, il-Kummissjoni tat mandat (3) lill-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni (hawn taħt “is-CEPT”) biex twettaq l-attivitajiet kollha meħtieġa biex jiġu vvalutati kwistjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-kompatibilità teknika bejn it-tħaddim ta’ sistemi ta’ l-ajru GSM 1800 u numru ta’ servizzi tar-radju potenzjalment milquta minnhom. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-istudji tekniċi li twettqu mis-CEPT skond il-mandat tal-KE, kif ippreżentat fir-Rapport tas-CEPT 016 (4).

(6)

Is-sistema MCA ikkunsidrata fir-rapport CEPT tikkonsisti minn unità ta’ kontroll tan-netwerk (NCU) u stazzjon ta’ bażi transciever ta’ l-inġenji ta’ l-ajru (il-BTS ta’ l-inġenji ta’ l-ajru). Is-sistema hija ddisinjata b’mod li tiżgura li s-sinjali trasmessi minn sistemi mobbli bbażati fuq l-art ma jkunux osservati fil-kabina ta’ l-inġenji ta’ l-ajru u li t-terminals ta’ l-utenti fuq l-inġenji ta’ l-ajru jittrasmettu biss f’livell minimu. Il-parametri tekniċi għall-NCU u l-BTS ta’ l-inġenji ta’ l-ajru ġew derivati minn mudelli teoretiċi.

(7)

L-użu ta’ l-ispektrum minn netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika mobbli terrestri m'huwiex fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni. Huma se jiġu indirizzati, inter alia, minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta’ frekwenza ta’ 900 MHz u ta’ 1 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi pan-Ewropej ta’ komunikazzjoni elettronika.

(8)

It-termini u kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni applikabbli għas-servizzi MCA ukoll m’humiex fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni. Il-koordinazzjoni ta’ kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali għas-servizzi MCA hija indirizzata mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/295/KE (5) skond id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (6).

(9)

It-tagħmir għas-servizzi MCA kopert b’din id-Deċiżjoni huwa fl-ambitu tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (7). Il-preżunzjoni ta’ konformità mal-kondizzjonijiet essenzjali tad-Direttiva 1999/5/KE għal tagħmir użat għas-servizzi MCA fl-Unjoni Ewropea tista’ tintwera permezz ta’ l-osservanza ta’ l-Istandard Armonizzat EN 302 480 ta’ l-ETSI jew bl-użu tal-proċeduri ta’ valutazzjoni ta’ konformità l-oħra stipulati fid-Direttiva 1999/5/KE.

(10)

Il-kwistjonijiet relatati ma’ sikurezza ta’ l-ajru huma ta’ l-akbar importanza u l-ebda dispożizzjoni f’din id-Deċiżjoni m’għandha tmur kontra ż-żamma ta’ l-aqwa kondizzjonijiet ta’ sikurezza ta’ l-ajru.

(11)

Is-servizzi MCA jistgħu biss jiġu pprovduti bil-kondizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza ta’ l-ajru permezz ta’ ċertifikazzjoni ta’ ajrunavigabbiltà u dispożizzjonijiet ajrunawtiċi rilevanti oħra, flimkien mar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni elettronika. Iċ-ċertifikati ta’ ajrunavigabbiltà validi għall-Komunità kollha kemm hi jinħarġu mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni (EASA) skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003 ta’ l-24 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni biex inġenji ta’ l-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom (8).

(12)

Din id-deċiżjoni ma tindirizzax kwistjonijiet ta’ l-ispektrum relatati mal-konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni bejn l-inġenji ta’ l-ajru, l-istazzjon spazjali tas-satellita u l-art li huma wkoll meħtieġa għall-proviżjoni tas-servizzi MCA.

(13)

Bil-għan li jkun żgurat li l-kondizzjonijiet speċifikati f’din id-Deċiżjoni għadhom rilevanti u fid-dawl tal-bidliet veloċi fil-qasam ta’ l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju, l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jimmonitorjaw, fejn ikun possibbli, l-użu ta’ l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju li jsir minn apparat għal servizzi MCA, sabiex din id-Deċiżjoni tibqa’ soġġetta għal reviżjoni attiva. Reviżjoni ta’ dan it-tip għandha tikkunsidra l-iżvilupp teknoloġiku u tivverifika li s-suppożizzjonijiet tal-bidu dwar it-tħaddim tas-servizzi MCA għadhom rilevanti.

(14)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispektrum tar-Radju.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tarmonizza l-kondizzjonijiet tekniċi għad-disponibilità u l-użu effiċjenti ta’ l-ispektrum tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru fil-Komunità.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1702/2003 u r-Rakkomandazzjoni 2008/295/KE.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(1)

“servizzi ta’ Komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA)” tfisser servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, kif definiti fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/21/KE pprovduti minn intrapriża sabiex il-passiġġieri ta’ l-ajru jkunu jistgħu jużaw netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi matul it-titjira mingħajr ma jistabbilixxu konnessjonijiet diretti ma’ netwerks mobbli terrestri;

(2)

il-kundizzjoni “bla interferenza u bla protezzjoni” tfisser li ma tista’ tiġi kkawżata l-ebda interferenza ta’ ħsara lil kwalunkwe servizz ta’ radjukomunikazzjoni u li ma tista’ ssir l-ebda talba għall-protezzjoni ta’ dawn l-apparati kontra interferenza ta’ ħsara li toriġina minn servizzi ta’ radjukomunikazzjoni;

(3)

“stazzjon ta’ bażi transciever ta’ l-inġenji ta’ l-ajru (il-BTS ta’ l-inġenji ta’ l-ajru)” tfisser stazzjon ta’ komunikazzjoni wieħed jew aktar li jinsab/u fl-inġenji ta’ l-ajru li jsostnu il-meded ta’ frekwenza u s-sistemi speċifikati fit-Tabella 1 ta’ l-Anness;

(4)

“unità ta’ kontroll tan-netwerk (NCU)” tfisser tagħmir li għandu jitqiegħed fl-inġenji ta’ l-ajru li jiżgura li s-sinjali trasmessi minn sistemi mobbli ta’ komunikazzjoni elettronika bbażati fuq l-art u elenkati fit-Tabella 2 ta’ l-Anness ma jiġux osservati fil-kabina billi jiżdied il-livell ta’ ħsejjes fil-kabina fil-meded ta’ riċezzjoni ta’ komunikazzjoni mobbli.

Artikolu 3

Kemm jista' jkun kmieni u mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-meded ta’ frekwenza, elenkati fit-Tabella 1 ta’ l-Anness, għad-disponibilità ta’ servizzi MCA abbażi ta’l-kondizzjoni “bla interferenza u bla protezzjoni”, sakemm dawn is-servizzi jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-livell minimu ta’ għoli ‘l fuq mill-art għal kwalunkwe trasmissjoni minn sistema MCA li tkun qed titħaddem skond taqsima 3 ta’ l-Anness.

L-Istati Membri jistgħu jimponu livelli minimi ta’ għoli ta’ operat ta’ l-MCA ogħla fejn dan ikun iġġustifikat minn kondizzjonijiet topografiċi nazzjonali u l-applikazzjoni tan-netwerk fuq l-art. Din l-informazzjoni, sostnuta minn ġustifikazzjoni xierqa, għandha tkun mgħarrfa lill-Kummissjoni fi żmien erba’ xhur mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu ta’ l-ispektrum mis-servizzi MCA taħt skrutinju, b’mod partikolari biex jevalwaw l-eżistenza jew il-possibilità ta’ interferenza ta’ ħsara u r-rilevanza kontinwa tal-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 3, u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni sabiex jippermettu l-analiżi f’waqtha ta’ din id-Deċiżjoni, jekk meħtieġ.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 7 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  COM(2005) 229 finali, 1.6.2005.

(3)  Mandat mogħti lis-CEPT dwar servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru, 12.10.2006.

(4)  Rapport mis-CEPT lill-Kummissjoni Ewropea bi tweġiba għall-Mandat tal-KE dwar servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli abbord l-inġenji ta’ l-ajru (MCA), 30.3.2007.

(5)  Ara p. 24 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32).

(7)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(8)  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 6. Ir-Regolament kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 287/2008 (ĠU L 87, 29.3.2008, p. 3).


ANNESS

1.   MEDED TA’ FREKWENZI U SISTEMI AMMISSIBBLI GĦAL SERVIZZI MCA

Tabella 1

Tip

Frekwenza

Sistema

GSM 1800

1 710 -1 785  MHz u 1 805 -1 880  MHz (il-“medda ta’ 1 800  MHz”)

Konformi ma’ l-Istandards GSM ippubblikati mill-ETSI b’mod partikolari EN 301 502, EN 301 511 u EN 302 480, jew speċifikazzjonijiet ekwivalenti.

2.   IL-PREVENZJONI TA’ KONNESSJONI TA’ TERMINALS MOBBLI MA’ NETWERKS FUQ L-ART

Waqt il-perjodu li fih ikun awtorizzat it-tħaddim tas-servizzi MCA fuq inġenji ta’ l-ajru, terminals mobbli li jirċievu fil-meded ta’ frekwenza elenkati fit-Tabella 2 m’għandhomx jitħallew jippruvaw jirreġistraw ma’ netwerks mobbli fuq l-art.

Tabella 2

Medda ta’ frekwenza

(MHz)

Sistemi fuq l-art

460-470

CDMA2000, FLASH OFDM

921-960

GSM, WCDMA

1 805 -1 880

GSM, WCDMA

2 110 -2 170

WCDMA

3.   PARAMETRI TEKNIĊI

3.1.   Sistemi MCA GSM 1800

(a)   Potenza isotropika rradjata ekwivalenti (e.i.r.p), barra l-inġenji ta’ l-ajru, mill-NCU/BTS ta’ l-inġenji ta’ l-ajru

L-e.i.r.p. totali, barra l-inġenji ta’ l-ajru, mill-NCU/BTS ta’ l-inġenji ta’ l-ajru ma tistax taqbeż:

Tabella 3

Għoli 'l fuq mill-art

(m)

Densità e.i.r.p massima prodotta mill-NCU/BTS ta’ l-inġenji ta’ l-ajru, barra l-inġenji ta’ l-ajru

460-470 MHz

921-960 MHz

1 805 -1 880 MHz

2 110 -2 170 MHz

dBm/1,25 MHz

dBm/200 kHz

dBm/200 kHz

dBm/3,84 MHz

3 000

–17,0

–19,0

–13,0

1,0

4 000

–14,5

–16,5

–10,5

3,5

5 000

–12,6

–14,5

–8,5

5,4

6 000

–11,0

–12,9

–6,9

7,0

7 000

–9,6

–11,6

–5,6

8,3

8 000

–8,5

–10,5

–4,4

9,5

(b)   Potenza isotropika rradjata ekwivalenti (e.i.r.p), barra l-inġenji ta’ l-ajru, mit-terminal abbord

L-e.i.r.p, barra l-inġenji ta’ l-ajru, mit-terminal mobbli GSM li jittrasmetti f’0 dBm ma tistax taqbeż:

Tabella 4

Għoli 'l fuq mill-art

(m)

L-e.i.r.p. massima, barra l-inġenji ta’ l-ajru, minn terminal mobbli GSM f’dBM/kanal

1 800 MHz

3 000

–3,3

4 000

–1,1

5 000

0,5

6 000

1,8

7 000

2,9

8 000

3,8

(ċ)   Kondizzjonijiet operattivi

I.

L-għoli minimu ‘l fuq mill-art għal kull trasmissjoni minn sistema MCA GSM 1800 waqt li titħaddem għandu jkun 3 000 metru.

II.

Il-BTS ta’ l-inġenji ta’ l-ajru, waqt li jitħaddmu, għandu jillimita l-potenza ta’ trasmissjoni tat-terminals mobbli GSM kollha li jittrasmettu fil-medda ta’ 1 800 MHz għal valur nominali ta’ 0 dBm f’kull stadju ta’ komunikazzjoni, inkluż l-aċċess inizjali.


Top