EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0212

2008/212/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/57/KE

OJ L 80, 19.3.2008, p. 32–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 120 P. 173 - 186

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/212/oj

19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 80/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Frar 2008

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/57/KE

(2008/212/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar l-istabbiliment ta' sħubijiet Ewropej fil-qafas tal-proċess ta' stabbilizazzjoni u assoċjazzjoni (1), kif emendat, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 approva l-introduzzjoni tas-Sħubijiet Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu inklużi fis-sħubijiet, kif ukoll dwar aġġustamenti sussegwenti. Jiddikjara wkoll li s-segwitu tas-sħubijiet se jkun żgurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, prinċipalment permezz tar-rapporti annwali ta' progress.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2005 ta l-istatus ta' kandidat lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Għalhekk, saret proposta għall-emenda tar-Regolament 553/2004 biex jinbidel l-isem tas-Sħubija ta' dan il-pajjiż minn “Sħubija Ewropea” għal “Sħubija ta' Adeżjoni”.

(4)

Fit-30 ta' Jannar 2006 l-Kunsill adotta t-tieni Sħubija ta' Adeżjoni ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2), wara l-proposta tal-Kummissjoni ta' Novembru 2005.

(5)

Id-Dokument tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin għall-2006–2007 jindika li s-sħubijiet jiġu aġġornat fi tmiem l-2007.

(6)

Fit-17 ta' Lulju 2006 l-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (3) li jistabbilixxi Strument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), li jġedded il-qafas għall-għajnuna finanzjarja għal pajjiżi ta' qabel l-adeżjoni.

(7)

Jixraq għalhekk li tiġi adottata Sħubija ta' Adeżjoni li taġġorna s-sħubija attwali sabiex tidentifika prijoritajiet imġedda għal ħidma ulterjuri, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2007 dwar it-tħejjijiet ta' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għal integrazzjoni ulterjuri ma' l-Unjoni Ewropea.

(8)

Sabiex iħejju għal integrazzjoni ulterjuri ma' l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Meċedonja għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u miżuri speċifiċi sabiex jindirizzaw il-prijoritajiet ta' din is-Sħubija ta' Adeżjoni.

(9)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2006/57/KE għandha titħassar,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet fis-Sħubija ta' Adeżjoni ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropeja ser tiġi eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti annwali dwar il-progress imressqa mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2006/57/KE għandha titħassar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 18 ta' Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 269/2006 (ĠU L 47, tal-17.2.2006, p. 7).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/57/KE tat-30 ta' Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropeja ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li tħassar d-Deċiżjoni 2004/518/KE (ĠU L 35, 7.2.2006, p. 57).

(3)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.


ANNESS

SĦUBIJA TA' ADEŻJONI 2007 TA' DIK LI KIENET IR-REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA

1.   INTRODUZZJONI

Il-Kunsill Ewropew endorsja l-introduzzjoni tas-sħubijat bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Is-Sħubija ta' Adeżjoni proposta taġġorna lis-Sħubija Ewropea ta' Jannar 2006, abbażi tas-sejbiet tar-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni ta' l-2007 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Din tidentifika prijoritajiet ġodda u pendenti għal azzjoni. Il-prijoritajiet il-ġodda huma adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi u l-istadju ta' tħejjija tal-pajjiż u ser ikunu aġġornati kif meħtieġ. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hi mistennija tiżviluppa pjan li jinkludi skeda ta' żmien u miżuri speċifiċi intiżi li jittarattaw il-prijoritajiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni. Is-sħubija tipprovdi wkoll gwida għall-assistenza finanzjarja lill-pajjiż.

2.   PRINĊIPJI

Il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa' l-qafas għall-mixja Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, matul it-triq kollha li twassal għall-adeżjoni futura tagħhom. Il-prijoritajiet identifikati għal dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma relatati mal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ta' l-1993 u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, partikolarment il-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997 u l-21 u t-22 ta' Ġunju 1999, id-dikjarazzjoni finali tas-Summit ta' Żagreb ta' l-24 ta' Novembru 2000 u l-Aġenda ta' Tessaloniki.

3.   PRIJORITAJIET

Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija ta' Adeżjoni ntagħżlu fuq il-bażi li huwa realistiku li jkun mistenni li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tkun tista' twettaqhom jew tmexxihom sostanzjalment 'il quddiem matul il-ftit snin li ġejjin. Qed issir distinzjoni bejn prijoritajiet fuq perijodu qasir, li huma mistennija li jitlestew fi żmien sena jew sentejn, u prijoritajiet fuq perijodu medju, li huma mistennija jitlestew fi żmien tlieta jew erba' snin. Il-prijoritajiet jikkonċernaw kemm il-leġislazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha.

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti prijoritajiet, huwa ċar li hemm kompiti oħra li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja teħtieġ twettaq u li jistgħu jsiru prijoritajiet fi kwalunkwe sħubija futura, filwaqt li jitqies ukoll il-progress futur li jkun sar minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Fost il-prijoritajiet fuq perijodu qasir, dawk prinċipali ġew identifikati u miġbura flimkien fil-bidu tal-lista. L-ordni ta' dawn il-prijoritajiet prinċipali ma timplikax klassifikazzjoni ta' l-importanza tagħhom.

3.1.   PRIJORITAJIET FUQ PERIJODU QASIR

Prijoritajiet ewlenin

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' l-impenji kollha meħuda fil-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Jiġi promoss djalogu kostruttiv u inklussiv, partikolarment f'oqsma li jeħtieġu kunsens bejn il-partiti politiċi kollha, fil-qafas ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi.

Tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-Liġi dwar il-pulizija.

Jinkisbu riżultati kostanti fl-implimentazzjoni tar-riformi ġudizzjarji u jissaħħu l-indipendenza u l-kapaċità globali tas-sistema ġudizzjarja. Tiġi implimentata r-riforma tal-prosekuzzjoni u tiġi ffinalizzata l-ħatra tal-Kunsill Ġudizzjarju.

Jinkisbu riżultati kostanti fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Jiġi żgurat li r-reklutaġġ u l-avvanz fil-karriera tal-ħaddiema taċ-ċivil ma tkunx soġġetta għal indħil politiku, tiġi żviluppata ulterjorment sistema ta' karrieri bbażata fuq il-mertu u tiġi implimentata totalment il-Liġi dwar il-ħaddiema taċ-ċivil.

Jitnaqqas it-tfixkil għall-ħolqien ta' l-impjieg u jiġi ttrattat partikolarment il-qgħad taż-żgħażagħ u l-qgħad fuq perijodu twil.

Jiġi mtejjeb l-ambjent kummerċjali ġenerali billi jittejjeb l-istat tad-dritt, tissaħħaħ l-indipendenza ta' l-aġenziji regolatorji u superviżorji, jitħaffu l-proċeduri legali u tissokta r-reġistrazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà.

Kriterji politiċi

Demokrazija u l-istat tad-dritt

Tissokta l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Qafas Ohrid bil-għan li, inter alia, jiġi promoss l-bini ta' fiduċja interetnika.

Parlament/Elezzjonijiet

Jiġi żgurat li l-elezzjonijiet futuri kollha jitmexxew skond il-kodiċi elettorali.

Jittieħdu deċiżjonijiet minnufih dwar kwalunkwe irregolarità fl-elezzjonijiet u jiġu imposti pieni li jimpedixxu każi ulterjuri.

Tiġi mtejba l-kapaċità tal-parlament, partikolarment billi jiżdiedu r-riżorsi tiegħu.

Gvern

Tissaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà ta' l-amministrazzjonijiet lokali. B'mod partikolari, jissaħħu l-kontroll intern u l-verifiki.

Jiġi stabbilit standard sodisfaċenti ta' ġbir tat-taxxa muniċipali mal-pajjiż kollu.

Tiġi żviluppata l-kapaċità tal-muniċipalitajiet għall-ġestjoni ta' l-art ta' l-Istat.

Jiġi żgurat li l-għadd u l-kompetenza tal-persunal tal-muniċipalitajiet ikunu suffiċjenti.

Amministrazzjoni pubblika

Tiġi introdotta sistema ta' karrieri abbażi tal-mertu sabiex tinbena amministrazzjoni pubblika responsabbli, effikaċi u professjonali fil-livell ċentrali u lokali.

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tal-kodiċi ta' etika għall-ħaddiema taċ-ċivil.

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, partikolarment billi tiġi żviluppata l-kapaċità għal ippjanar strateġiku u żviluppi tal-politika kif ukoll billi jittejjeb it-taħriġ, u tiġi żviluppata strateġija ġenerali dwar it-taħriġ għall-ħaddiema taċ-ċivil.

Jiġu implimentati b'mod effikaċi l-miżuri adottati biex tiġi żgurata t-trasparenza fl-amministrazzjoni, partikolarment fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u tiġi promossa ulterjorment il-parteċipazzjoni attiva mis-soċjetà ċivili.

Titkompla l-implimentazzjoni tar-riformi ta' l-aġenziji dwar l-infurzar tal-liġi.

Tiġi żgurata kapaċità amministrattiva adegwata għall-ipprogrammar u l-ġestjoni effikaċi tal-fondi għall-IPA.

Sistema ġudizzjarja

Jiġi żviluppat ulterjorment it-taħriġ inizjali u kontinwu fl-akkademja għall-imħallfin u l-prosekuturi.

Jitlesta l-istabbiliment ta' l-istrutturi ġodda tal-qorti u jiġu allokati riżorsi xierqa biex jiġi żgurat li dawn ikunu totalment operattivi u tittejjeb l-effiċjenza tagħhom.

Tiġi żgurata l-eżekuzzjoni xierqa u sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-qorti.

Politika kontra l-korruzzjoni

Jiġi żgurat segwitu xieraq tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru mill-Kummissjoni Statali Kontra l-Korruzzjoni u l-Uffiċċju Statali tal-Verifika.

Jiġu implimentati totalment ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO).

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-regoli adottati dwar l-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali. Jiġu imposti sanzjonijiet effikaċi fil-każ ta' ksur.

Isir segwitu ta' l-analiżi li jitwettqu fir-rigward tad-drittijiet diskrezzjonarji ta' ċerti uffiċjali pubbliċi.

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni.

Tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet.

Drittijiet tal-bniedem u protezzjoni tal-minoranzi

Issir konformità sħiħa mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura kif ukoll il-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali.

Jiġu implimentati totalment ir-regoli li japplikaw għall-etika, il-kontroll intern, l-istandards professjonali u tad-drittijiet tal-bniedem fl-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura u l-amministrazzjonijiet tal-ħabsijiet, inkluż permezz ta' taħriġ regolari.

Jiġu pprovduti riżorsi suffiċjenti biex il-kondizzjonijiet tal-ħabsijiet ikunu ta' standard ogħla.

Jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi għall-identifikazzjoni, is-segwitu u l-penalizzazzjoni tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni minn korpi statali u dawk mhux statali kontra individwi jew gruppi.

Tiġi mtejba aktar il-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal.

Tittejjeb u tiġi implimentata l-istrateġija dwar ir-rappreżentanza ġusta ta' komunitajiet li m'humiex f'maġġoranza, partikolarment bil-provvediment ta' riżorsi adegwati u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet effikaċi meta ma jintlaħqux il-miri.

Jiġi promoss l-aċċess għall-edukazzjoni, il-ġustizzja u l-għajnuna soċjali għall-membri ta' gruppi f'minoranza.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

Tissokta l-kooperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY u, fid-dawl tal-possibbiltà tar-ritorn ta' fajls mill-ICTY, jintlaħqu l-prekondizzjonijiet kollha meħtieġa li jkunu jiżguraw il-proċess dovut.

Tissokta l-promozzjoni tat-transizzjoni mill-Patt ta' Stabbiltà għal qafas ta' kooperazzjoni aktar reġjonalizzat u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali (CEFTA).

Jiġu żgurati relazzjonijiet tajba mal-ġirien, partikolarment bl-intensifikazzjoni ta' l-isforzi b'approċċ kostruttiv biex tinstab soluzzjoni negozjata u reċiprokament aċċettabbli mal-Greċja dwar il-kwistjoni ta' l-isem, fil-qafas tar-Riżoluzzjonijiet 817/93 u 845/93 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jiġu evitati azzjonijiet li jistgħu jaffetwawhom b'mod negattiv.

Titrawwem il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi, partikolarment dwar il-kooperazzjoni transkonfinali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-kuntrabandu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-ġestjoni tal-fruntieri, ir-riammissjoni u l-ambjent.

Kriterji ekonomiċi

Titkompla r-reġistrazzjoni ta' l-art u l-proprjetà immobbli u tissaħħaħ il-leġislazzjoni sabiex titjieb iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi u jittejjeb il-funzjonament tal-mekkaniżmi ta' l-ekonomija tas-suq.

Tiġi mtejba l-effikaċja tas-servizzi pubbliċi, partikolarment bil-provvediment ta' fondi addizzjonali għat-taħriġ u għat-titjib ta' l-infrastruttura attwali.

Abbiltà li tassumi l-obbligi ta' sħubija

Kapitolu 1: Moviment liberu tal-merkanzija

Jiġi adottat u implimentat qafas leġislattiv orizzontali għat-twettiq ta' l-infrastruttura meħtieġa, u tiġi żgurata segregazzjoni tal-ħidmiet bejn id-diversi funzjonijiet (regolamentazzjoni, standardizzazzjoni, akkreditazzjoni, metroloġija, valutazzjoni tal-konformità u sorveljanza tas-suq) għall-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità.

Tiġi abbozzata strateġija komprensiva b'miri għall-implimentazzjoni ta' l-acquis għall-organizzazzjonijiet orizzontali rilevanti (standardizzazzjoni, akkreditazzjoni, metroloġija u sorveljanza tas-suq) flimkien ma' dati stabbiliti u responsabbilitajiet ċari għall-introduzzjoni u l-implimentazzjoni effikaċi tal-miżuri leġislattivi u t-titjib tal-kapaċità amministrattiva fis-setturi differenti.

Jiġi abbozzat pjan ta' azzjoni għall-konformità ma' l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat KE flimkien ma' miri għall-analiżi interna tal-leġislazzjoni domestika u l-prattiċi amministrattivi, għall-introduzzjoni ta' klawsoli ta' rikonoxximent reċiproku u għall-emendi sussegwenti meħtieġa.

Titħaffef ir-rata ta' adozzjoni ta' l-istandards Ewropej u jiżdiedu l-isforzi sabiex issir

Kapitolu 3: Dritt ta' l-istabbiliment u libertà tal-provvediment ta' servizzi

Jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-istabbiliment u l-provvediment ta' servizzi transkonfinali li jiffaċċjaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-UE.

Tiġi introdotta distinzjoni fil-leġislazzjoni bejn il-provvediment ta' servizzi permezz ta' l-istabbiliment permanenti u l-provvediment fuq bażi temporanja.

Kapitolu 4: Moviment liberu tal-kapital

Jissaħħaħ aktar il-qafas ta' kontra l-money laundering, partikolarment billi titqajjem sensibilizzazzjoni fost l-istituzzjonijiet li jirrapportaw u billi jiġi stabbilit rekord ta' infurzar kredibbli min-naħa ta' l-istituzzjonijiet rilevanti. Tissaħħaħ il-kapaċità u tiġi kondiviża bejn l-istituzzjonijiet l-informazzjoni ta' intelligence.

Isir progress fit-tneħħija tar-restrizzjonijiet li fadal dwar il-movimenti tal-kapital.

Kapitolu 5: Akkwist pubbliku

Jissaħħaħ il-Kumitat dwar l-Ilmenti, sabiex tiġi prevista sistema ta' rimedji effikaċi.

Kapitolu 6: Liġi dwar il-kumpanniji

Jiġu żviluppati sistemi effikaċi u indipendenti ta' assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll pubbliku għal awdituri u kumpanniji ta' verifika statutorji. Jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi rilevanti.

Kapitolu 7: Liġi dwar il-proprjetà intelletwali

Titħejja strateġija nazzjonali u pjan ta' azzjoni għall-bini tal-kapaċità meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta' l-acquis f'kull qasam kopert minn dan il-kapitolu, b'enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jingħata taħriġ speċjalizzat lill-korpi ta' l-infurzar tal-liġi, l-imħallfin, il-prosekuturi u l-uffiċjali tad-dwana.

Jiġu żviluppati kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-pubbliku u tittejjeb il-kooperazzjoni fost il-korpi ta' l-infurzar tal-liġi u bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha.

Kapitolu 8: Politika tal-Kompetizzjoni

Jiġi stabbilit rekord ta' infurzar kredibbli fil-qasam ta' l-anti-trust u ssir enfasi fuq l-aktar ksur serju tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

Jiġi stabbilit kontroll effikaċi ex-ante ta' l-għajnuna mill-Istat.

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u jiġu pprovduti l-baġit u l-persunal adegwati.

Tiġi żgurata bi sħiħ l-applikazzjoni trasparenti u non-diskriminatorja tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

Kapitolu 9: Servizzi finanzjarji

Jiġu rinfurzati l-leġislazzjoni u l-qafas superviżorju, inkluż l-infurzar, għas-settur finanzjarju, partikolarment għas-settur ta' l-assigurazzjoni u s-swieq tat-titoli.

Jiġi żgurat li l-awtorità superviżorja indipendenti għas-settur ta' l-assigurazzjoni ssir operattiva u tingħata persunal kemm meħtieġ.

Kapitolu 10: Soċjetà ta' l-informazzjoni u l-medja

Jintemm il-ksur tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni billi jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jitwettaq l-obbligu ta' liberalizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, inkluża l-adozzjoni tal-leġislazzjoni sekondarja kollha meħtieġa u billi jissaħħu aktar il-korpi regolatorji.

Jiġu infurzati salvagwardi kompetittivi għal operaturi b'setgħa sinifikanti fis-suq.

Jiġu infurzati l-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva ta' l-awtoritajiet regolatorji għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-medja.

Jiġi żgurat sors stabbli u sostenibbli ta' finanzjament għax-xandar tas-servizz pubbliku u l-Kunsill tax-Xandir.

Kapitolu 11: Agrikoltura u żvilupp rurali

Titħaffef ir-reġistrazzjoni ta' art agrikola fil-katast tal-proprjetà immobbli.

Jiġu żgurati l-ġbir u l-ipproċessar ta' data agrikola soda u affidabbli.

Jissoktaw it-tħejjijiet għall-istabbiliment ta' korpi għall-ħlasijiet li jkunu effikaċi u finanzjarjament sodi għall-ġestjoni u l-kontroll ta' fondi agrikoli, konformi mal-ħtiġiet ta' l-UE u ma' l-istandards internazzjonali ta' verifika.

Kapitolu 12: Sigurtà alimentari, politika veterinarja u fitosanitarja

Jissokta l-allinjament tal-leġislazzjoni ma' l-acquis veterinarju u fitosanitarju, b'enfasi fuq leġislazzjoni ta' qafas kompatibbli ma' l-acquis.

Jissokta t-tisħiħ tal-kapaċità tas-servizz veterinarju kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak lokali sabiex tiġi attwata sistema ta' kontroll kompatibbli ma' dik ta' l-UE, partikolarment għall-kontrolli fuq l-importazzjoni.

Jiġi żgurat il-karattru operattiv tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-bovini u r-reġistrazzjoni tal-movimenti tagħhom u tinbeda sistema għall-identifikazzjoni tal-ħnieżer, in-ngħaġ u l-mogħoż.

Jiġu allinjati ulterjorment is-sistemi ta' kontroll tal-mard u s-saħħa ta' l-annimali mal-ħtiġiet leġislattivi u istituzzjonali ta' l-UE u l-pjanijiet ta' kontinġenza għal mard li għandu jkun notifikat.

Tiġi vvalutata l-konformità ta' l-istabbilimenti agroalimentari mal-ħtiġiet ta' l-UE, li għandu jservi bħala bażi għal pjan ġejjieni ta' titjib għal dawk l-istabbilimenti.

Kapitolu 14: Politika tat-trasport

Tissokta l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar l-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk u tisaħħaħ il-kooperazzjoni ma' l-Osservatorju tat-Trasport ta' l-Ewropa tax-Xlokk.

Jitkompla l-allinjament ma' l-acquis dwar it-trasport bit-triq, partikolarment dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża, l-aċċess għas-suq, il-kondizzjonijiet soċjali, l-implimentazzjoni tat-takografija diġitali u t-titjib tas-sigurtà fit-toroq.

Fis-settur ferrovjarju, jiġi stabbilit korp regolatorju li jkun indipendenti mill-amministratur ta' l-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, tiġi stabbilita awtorità dwar is-sigurtà responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati tas-sigurtà u jsir allinjament tal-leġislazzjoni mar-regoli ta' l-UE dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża bil-ferrovija. Tiġi żgurata stabbiltà finanzjarja permezz tal-kumpens għall-obbligi tas-servizz pubbliku fit-trasport tal-passiġġieri u t-tnaqqis tad-djun.

Jiġu implimentati l-impenji li saru taħt l-ewwel fażi transitorja tal-Ftehim Ewropew dwar Spazju Komuni għall-Avjazzjoni inkluża l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-avjazzjoni rilevanti.

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta' l-awtorità ta' l-avjazzjoni ċivili.

Kapitolu 15: Enerġija

Jissokta l-allinjament tal-leġislazzjoni dwar is-swieq interni ta' l-elettriku u l-gass, l-effiċjenza ta' l-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinovabbli ma' l-acquis sabiex gradwalment is-suq ta' l-enerġija jinfetaħ għall-kompetizzjoni.

Jissokta t-tisħiħ ta' l-indipendenza tal-Kummissjoni Regolatorja dwar l-Enerġija.

Jitwettqu l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija fir-rigward l-implimentazzjoni sħiħa ta' l-acquis dwar is-suq intern tal-gass u l-elettriku u dwar l-iskambji transkonfinali fl-elettriku.

Tġi mtejba l-kapaċità amministrattiva fis-setturi kollha ta' l-enerġija, inkluża l-Aġenzija dwar l-Enerġija fil-qasam ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u r-riżorsi ta' enerġija rinovabbli.

Tinbena faċilità xierqa għall-ħażna ta' materjali rajdoattivi.

Jiġi żgurat il-funzjonament xieraq u indipendenti tad-Direttorat dwar is-Sikurezza tar-Radjazzjoni.

Kapitolu 16: Tassazzjoni

Tiżdied il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni fiskali u għall-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

Jittieħdu miżuri strutturali mill-aktar fis għar-riforma tal-politika tal-kontroll u t-titjib tal-kapaċità tal-kontroll.

Jiġu żviluppati strateġija ta' verifika u sistemi adegwati ta' l-IT.

Isir impenn favur il-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta għat-tassazzjoni tan-negozji u jiġi żgurat li l-miżuri fiskali ġodda jkunu konformi magħhom.

Kapitolu 18: Statistika

Tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-Uffiċċju Statali ta' l-Istatistika biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha taċ-ċensiment tal-popolazzjoni li jmiss u biex tippermetti żvilupp kontinwu tal-kontijiet nazzjonali u l-istatistika sottostanti tagħhom; partikolarment, jiġu trattati n-nuqqasijiet fil-ġbir u l-ipproċessar ta' l-istatistika agrikola u kummerċjali f'konformità ma' l-istandards u l-metodoloġija ta' l-UE u jiżdied ir-rappurtaġġ tad-data ta' l-istatistika lill-Eurostat.

Jiġi ffinalizzat l-istabbiliment tar-reġistru ta' l-istatistika dwar il-kummerċ u dak dwar l-agrikoltura, inklużi l-proċeduri li jiżguraw li r-reġistri jkollhom informazzjoni aġġornata.

Kapitolu 19: Impjieg u linji ta' politika soċjali

Tissokta t-traspożizzjoni ta' l-acquis u jissaħħu l-istrutturi amministrattivi u ta' l-infurzar relatati, inkluż l-Ispettorat tax-Xogħol.

Tiġi żgurata l-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-linji ta' politika dwar l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali.

Jiġi żgurat djalogu soċjali li jiffunzjona u li jkun rappreżentattiv.

Isiru sforzi ulterjuri sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà.

Kapitolu 20: Intrapriża u politika industrijali

Tiġi definta u implimentata strateġija industrijali li twassal għat-tkabbir u l-innovazzjoni.

Tiġi introdotta valutazzjoni sistematika ta' l-impatt ta' regolamenti ġodda dwar l-impriżi.

Jissaħħu r-riżorsi tad-dipartiment ta' l-SMEs u l-Aġenzija dwar l-SMEs u tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' strateġija u Pjan ta' Azzjoni dwar l-SMEs u l-Karta Ewropea għall-Impriżi Żgħar.

Tissokta l-ħidma dwar is-simplifikazzjoni regolatorja, il-“giljottina regolatorja” u jitnaqqas it-tfixkil burokratiku għall-kummerċ; jiġu introdotti valutazzjonijiet ta' l-impatt regolatorji.

Kapitolu 22: Politika reġjonali u koordinazzjoni ta' l-istrumenti strutturali

Jiġi rinforzat l-istabbiliment ta' strutturi istituzzjonali u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-oqsma ta' l-ipprogrammar, it-tħejjija ta' proġetti, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju, partikolarment fil-livell tal-ministeri kompetenti, għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' l-UE ta' qabel l-adeżjoni bħala tħejjija għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-Komunità.

Tiġi ffinalizzata l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp reġjonali.

Kapitolu 23: Drittijiet ġudizzjarji u fundamentali

Tiġi implimentata l-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali. Jiġi ffirmat u ratifikat il-protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data personali fir-rigward ta' l-awtoritajiet superviżorji u l-fluss transkonfinali tad-data.

Għal aktar prijoritajiet ara t-taqsima dwar il-kriterji politiċi.

Kapitolu 24: Ġustizzja, libertà u sigurtà

Tissokta l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri, jiġu żviluppati d-databases ewlenin għall-ġestjoni tal-fruntieri u jiġi żgurat li jkunu konnessi, jittejjeb it-tagħmir għall-analiżi ta' dokumenti u s-sorveljanza tal-fruntieri, tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tar-rekwiżiti għall-għoti ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar u dokumenti ta' l-identità ta' kwalità għolja u jiġi pprovdut taħriġ ulterjuri għall-persunal.

Jiġu pprovduti finanzjament u taħriġ adegwati għall-implimentazzjoni tar-riforma tal-pulizija, jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni kemm fost il-korpi tal-pulizija kif ukoll bejn il-pulizija u aġenziji oħrajn ta' l-infurzar tal-liġi u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pulizija kriminali u l-prosekuturi pubbliċi.

Tiġi żviluppata u implimentata strateġija komprensiva għar-riżorsi umani u t-taħriġ għall-pulizija u jittejjeb it-tagħmir tagħhom.

Tiġi intensifikata ulterjorment il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, partikolarment billi jsir użu aħjar ta' miżuri investigattivi speċjali u bil-ħruġ u s-segwitu immedjat ta' mandati ta' arrest internazzjonali (inkluż għall-kriminalità fl-informatika, b'enfasi speċjali fuq il-pornografija tat-tfal), u tinħoloq sistema integrata ta' intelligence għall-użu bejn l-aġenziji fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, l-armi u d-drogi.

Jissaħħu l-isforzi għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kapaċità għall-investigazzjoni tal-kriminalità fl-informatika.

Jiġi implimentat il-ftehim ta' riammissjoni bejn il-KE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jiġu negozjati ftehim ta' riammissjoni mal-pajjiżi minn fejn joriġinaw il-migranti fi transitu.

Jiġi intensifikat il-proċess ta' l-introduzzjoni ta' strumenti legali li jiggarantixxu d-drittijiet ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni (internazzjonali).

Jiġi żgurat l-allinjament ta' l-atti dwar l-ażil u l-aljeni ma' l-acquis rilevanti.

Kapitolu 25: Xjenza u riċerka

Tissaħħaħ il-kapaċità għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni b'suċċess fil-programmi qafas tal-Komunità.

Jinbeda t-tfassil ta' politika integrata dwar ir-riċerka u jittieħdu azzjonijiet għall-integrazzjoni fis-Spazju Ewropew tar-Riċerka.

Kapitolu 26: Edukazzjoni u Kultura

Jitlesta l-qafas leġislattiv u amministrattiv għall-ġestjoni tal-programmi ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u ta' Żgħażagħ fl-Azzjoni u jissaħħu l-korpi implimentattivi.

Kapitolu 27: Ambjent

Jissokta l-allinjament leġislattiv ma' l-acquis, partikolarment fl-oqsma tal-kwalità ta' l-arja, il-ġestjoni ta' l-iskart u l-kwalità ta' l-ilma, u tittejjeb b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-ambjent.

Jissaħħu l-Ispettorat ta' l-Ambjent u korpi oħrajn ta' l-infurzar, jiġi stabbilit rekord kredibbli ta' l-infurzar u jiġi żgurat li multi u sanzjonijiet oħrajn jiġu applikati b'mod effikaċi u jkollhom effett dissważiv.

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali u lokali u tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-korpi amministrattivi responsabbli minn kwistjonijiet relatati ma' l-ambjent.

Jitħejjew pjani strateġiċi, inklużi strateġiji finanzjarji, u titħejja strateġija nazzjonali għall-ġestjoni ta' l-iskart u pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart.

Tiġi żviluppata strateġija ta' investiment ambjentali bbażata fuq estimi tan-nefqa għall-allinjament.

Jiġu integrati l-ħtiġiet għall-protezzjoni ta' l-ambjent f'linji ta' politika settorjali oħrajn, partikolarment permezz ta' l-iżvilupp ta' valutazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali.

Jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura ambjentali, b'enfasi partikolari fuq il-ġbir u t-trattament ta' drenaġġ, il-provvista ta' ilma tax-xorb, it-trattament tat-tniġġis ta' l-arja u l-ġestjoni ta' l-iskart.

Kapitolu 29: Unjoni doganali

Tiżdied il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni doganali u għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali.

Issir approssimazzjoni ulterjuri tal-leġislazzjoni u l-proċeduri ma' l-acquis, partikolarment fl-oqsma tat-transitu u l-allokazzjoni tal-kwoti tariffarji.

Isir allinjament tal-Liġi dwar iż-żoni ta' żvilupp teknoloġiċi/industrijali ma' l-acquis.

Kapitolu 31: Politika barranija, ta' sigurtà u ta' difiża

Tiġi implimentata l-leġislazzjoni għall-infurzar tal-pożizzjoni komuni fil-qasam tal-miżuri restrittivi internazzjonali.

Kapitolu 32: Kontroll finanzjarju

Jiġi rivedut id-dokument ta' politika dwar il-kontroll intern tal-finanzi pubbliċi (PIFC) u jitressqu liġijiet dwar il-PIFC u l-verifika interna, sabiex kemm il-linji ta' politika tal-PIFC u l-leġislazzjoni attwali jsiru komprensivi u konsistenti, u jiġi aġġornat il-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet fuq perijodu medju relatati mal-PIFC.

Jitlesta l-istabbiliment ta' unitajiet ta' verifika interna f'istituzzjonijiet ċentrali ta' l-istat, jinħolqu unitajiet simili fil-livell muniċipali fejn xieraq u jiġu żgurati persunal, taħriġ u tagħmir adegwati.

Jiġu żviluppati sistema effiċjenti ta' ġestjoni, monitoraġġ, kontroll u verifika meħtieġa għall-implimentazzjoni deċentralizzata tal-programmi taħt l-istrumenti ta' l-UE ta' qabel l-adeżjoni.

3.2.   PRIJORITAJIET FUQ PERIJODU MEDJU

Kriterji politiċi

Demokrazija u l-istat tad-dritt

Gvern

Jitlesta l-proċess ta' deċentralizzazzjoni.

Amministrazzjoni pubblika

Tiġi żviluppata aktar il-kapaċità ta' l-amministrazzjoni sabiex timplimenta l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Politika kontra l-korruzzjoni

Titlesta l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Jiġu infurzati r-regolamenti relatati mal-prevenzjoni tal-kunflitt ta' interessi, f'konformità ma' l-istandards internazzjonali.

Drittijiet tal-bniedem u protezzjoni tal-minoranzi

Jiġi promoss aktar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mill-korpi ta'l-infurzar tal-liġi u f'ċentri ta' detenzjoni u ħabsijiet.

Tiġi implimentata aktar l-istrateġija dwar ir-rappreżentanza ekwa ta' komunitajiet li ma jinsabux f'maġġoranza.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

Jiġu promossi d-djalogu reġjonali, l-istabbiltà, ir-relazzjonijiet tajba tal-viċinat u l-kooperazzjoni.

Kriterji ekonomiċi

Jiżdiedu l-isforzi għas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tas-suq ta' l-elettriku, fid-dawl ta' l-impenji tal-pajjiż għal-liberalizzazzjoni, billi jitneħħew id-distorsjonijiet eżistenti minħabba fi prezzijiet li ma jippermettux l-irkupru ta' l-ispejjeż u billi jissaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji u l-infrastruttura fiżika.

Tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika billi tissaħħaħ il-kapaċità tas-settur pubbliku għall-ippjanar fuq perijodu medju u tittejjeb l-eżekuzzjoni tal-baġit. Jissokta t-titjib fil-kwalità ta' l-edukazzjoni, billi jingħataw fondi ta' segwitu għall-infrastruttura u l-persunal meħtieġ għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi reċenti fis-settur ta' l-edukazzjoni.

Jissokta t-titjib tal-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol u t-tnaqqis tal-qgħad, partikolarment billi jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġi ttrattat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fuq perijodu twil u bl-immodernizzar tas-sistema tas-sigurtà soċjali u dik ta' l-edukazzjoni.

Jissoktaw l-isforzi għall-integrazzjoni tas-settur informali fl-ekonomija formali.

Tittejjeb l-infrastruttura tal-pajjiż, partikolarment għall-enerġija u t-trasport, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ta' l-ekonomija ġenerali.

Abbiltà li tassumi l-obbligi tas-sħubija

Kapitolu 1: Moviment liberu tal-merkanzija

Tiġi żviluppata struttura ta' sorveljanza tas-suq f'konformità ma' l-acquis.

Kapitolu 3: Dritt ta' l-istabbiliment u libertà tal-provvediment ta' servizzi

Isir allinjament ma' l-acquis ta' l-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ, u jiġu żviluppati l-istrutturi amministrattivi meħtieġa.

Isir allinjament ma' l-acquis dwar is-servizzi postali, inkluż l-istabbiliment ta' awtorità regolatorja nazzjonali indipendenti.

Kapitolu 5: Akkwist pubbliku

Jinkisbu strutturi dwar l-akkwisti pubbliċi li jkunu kompletament operattivi u li jiżguraw li l-proċeduri ta' l-akkwisti pubbliċi jitmexxew skond l-istandards tal-KE. Jiġi żviluppat l-akkwist elettroniku (e-procurement).

Kapitolu 7: Liġi dwar il-proprjetà intelletwali

Tinbena l-kapaċità meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta' l- acquis f'kull qasam kopert minn dan il-kapitolu u jinkisbu riżultati sodisfaċenti dwar l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-trattament ġudizzjarju tal-piraterija u l-iffalsifikar.

Kapitolu 8: Politika tal-kompetizzjoni

Isir allinjament ulterjuri tal-leġislazzjoni ma' l-acquis ta' l-UE dwar l-anti-trust u l-għajnuna mill-istat.

Jittejjeb aktar ir-rekord ta' infurzar fl-oqsma ta' l-anti-trust u l-kontroll ta' l-għajnuna mill-istat.

Tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-gvern, in-negozji u l-pubbliku ġenerali.

Kapitolu 9: Servizzi finanzjarji

Jiġi stabbilit rekord kredibbli dwar il-ġlieda kontra s-sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni.

Isir allinjament ulterjuri mal-leġislazzjoni ta' l-UE dwar is-servizzi finanzjarji.

Kapitolu 11: Agrikoltura u żvilupp rurali

Tittejjeb il-kapaċità ta' l-amministrazzjoni agrikola u jitlestew it-tħejjijiet għall-infurzar u l-applikazzjoni prattika tal-mekkaniżmi ta' ġestjoni tal-politika agrikola komuni, partikolarment is-sistema integrata ta' ġestjoni u kontroll (IACS), u tiġi żgurata sistema li tiffunzjoni, għall-identifikazzjoni ta' porzjonijiet ta' l-art (LPIS).

Kapitolu 12: Sigurtà alimentari, politika veterinarja u fitosanitarja

Isir allinjament ulterjuri tal-leġislazzjoni ma' l-acquis fir-rigward ta' enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSE) u prodotti sekondarji mill-annimali, jiġi implimentat u kkontrollat l-infurzar tagħha u tiġi stabbilita s-sistema meħtieġa ta' ġbir u trattament.

Tiġi stabbilita awtorità dwar is-saħħa tal-pjanti b'persunal adegwat. Isir allinjament ulterjuri tal-leġislazzjoni fitosanitarja ma' l-acquis.

Jiġi adottat pjan għat-titjib ta' l-istabbilimenti agroalimentari u tinbeda l-implimentazzjoni tiegħu.

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-laboratorji fil-qasam tas-sigurtà alimentari, dak veterinarju u dak fitosanitarju.

Kapitolu 14: Politika tat-trasport

Tissokta l-ħidma lejn l-allinjament komplet ma' l-acquis fil-qasam tat-trasport bit-triq (inkluża l-implimentazzjoni tat-takografu diġitali), jissokta l-allinjament ma' l-acquis ferrovjarju (l-ewwel u t-tieni pakketti ferrovjarji u l-interoperabbiltà), jinkiseb l-allinjament sħiħ mal-leġislazzjoni dwar l-avjazzjoni u jiġi żgurat l-infurzar attiv tal-leġislazzjoni korrispondenti.

Jiġu implimentati l-impenji li ttieħdu taħt it-tieni fażi transitorja tal-Ftehim Ewropew dwar Spazju Komuni għall-Avjazzjoni.

Kapitolu 15: Enerġija

Jissoktaw l-isforzi biex tiġi żgurata provvista adegwata ta' l-enerġija u biex tiġi żviluppata u implimentata politika ta' l-enerġija f'konformità ma' l-obbligi skond it-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija.

Kapitolu 17: Politika ekonomika u monetarja

Isir l-allinjament tal-qafas legali sabiex tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-bank ċentrali.

Kapitolu 18: Statistika

Jiġu żviluppati ulterjorment l-oqsma kollha ta' l-istatistika, tinkiseb l-armonizzazzjoni sħiħa fl-oqsma ewlenin f'termini ta' frekwenza, kamp ta' applikazzjoni, klassifikazzjonijiet, prontezza u kwalità u tiġi attwata sistema uniformi ta' ġestjoni u produzzjoni.

Tiġi attwata sistema nazzjonali ta' l-istatistika li tkun koordinata tajjeb.

Kapitolu 19: Impjieg u linji ta' politika soċjali

Jiġi żviluppat mekkaniżmu permanenti għad-djalogu soċjali.

Jiġu żviluppati linji ta' politika għall-inklużjoni soċjali fuq perijodu twil u jittejjeb l-aċċess tas-suq tax-xogħol għal gruppi vulnerabbli.

Jittejbu ulterjorment il-linji ta' politika għall-protezzjoni soċjali.

Jiġu żviluppati mekkaniżmi għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà.

Kapitolu 20: Politika ta' l-impriżi u industrijali

Isir żvilupp ulterjuri tal-mekkaniżmi ta' sostenn għall-SMEs u jittejjeb l-aċċess ta' l-SMEs għas-servizzi finanzjarji – Tiġi definita u implimentata strateġija industrijali li twassal għat-tkabbir u l-innovazzjoni.

Jiġi ffinalizzat u implimentat l-iżvilupp ta' l-istrateġija dwar l-integrazzjoni ta' edukazzjoni imprenditorjali bbażata fuq proġetti pilota ta' suċċess appoġġati minn donaturi.

Kapitolu 22: Politika reġjonali u koordinazzjoni ta' l-istrumenti strutturali

Tiġi msaħħa l-kapaċità amministrattiva fil-livell ċentrali u tiġi żviluppata fil-livell reġjonali u lokali. Tiġi żgurata distribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u tissaħħaħ il-kapaċità tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet/l-istrutturi implimentattivi maħtura, inklużi l-awtoritajiet lokali.

Kapitolu 24: Ġustizzja, libertà u sigurtà

Jiġi żgurat l-allinjament ma' l- acquis rilevanti fil-qasam ta' l-ażil u l-immigrazzjoni.

Kapitolu 25: Xjenza u riċerka

Tiġi applikata politika integrata ta' riċerka.

Kapitolu 26: Edukazzjoni u Kultura

Jissoktaw l-isforzi għal titjib fil-kwalità ta' l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni primarja, u biex tinħoloq edukazzjoni vokazzjonali moderna u sistema ta' taħriġ u settur ta' l-edukazzjoni ogħla marbuta mas-suq tax-xogħol u l-ħtiġiet ekonomiċi u tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla.

Kapitolu 27: Ambjent

Tissokta l-integrazzjoni tal-ħtiġiet għall-protezzjoni ta' l-ambjent f'linji ta' politika settorjali oħrajn, partikolarment permezz ta' l-iżvilupp ta' valutazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali.

Jiżdiedu aktar l-investimenti fl-infrastruttura ambjentali, b'enfasi partikolari fuq il-ġbir u t-trattament ta' drenaġġ, il-provvista ta' ilma tax-xorb, it-trattament tat-tniġġis ta' l-arja u l-ġestjoni ta' l-iskart.

Kapitolu 28: Protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa

Jiġi kkompletat l-allinjament ma' l-acquis ta' l-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva meħtieġa għal sorveljanza effikaċi tas-suq.

Jissokta l-allinjament ma' l-acquis ta' l-UE fil-qasam tal-politika tas-saħħa pubblika, b'mod aktar speċifiku fl-oqsma tat-tabakk, id-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli u l-mard jittieħed. Tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali, amministrattiva u finanzjarja fil-qasam tas-saħħa pubblika.

Fil-qasam tas-saħħa mentali, jiġu żviluppati servizzi bbażati fuq il-komunità bħala alternattiva għall-istituzzjonalizzazzjoni, u tiġi żgurata l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-kura tas-saħħa mentali.

Kapitolu 31: Politika barranija, ta' sigurtà u ta' difiża

Issir il-konformità tal-ftehim konkluż ma' l-Istati Uniti rigward il-kondizzjonijiet ta' ċessjoni ta' persuni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali mal-prinċipji gwida ta' l-UE li ġew adottati mill-Kunsill Ewropew f'Settembru 2002.

Kapitolu 32: Kontroll finanzjarju

Jiġi żviluppat ulterjorment u implimentat il-mudell ta' kontroll intern tal-finanzi pubbliċi (PIFC) ta' l-UE (responsabbiltà ġestjonali deċentralizzata u verifika interna li tiffunzjona b'mod indipendenti) permezz ta' leġislazzjoni koerenti u kapaċità istituzzjonali adegwata taħt il-gwida tal-Ministeru għall-Affarijiet Finanzjarji.

Tissaħħaħ ulterjorment il-kapaċità operattiva u l-indipendenza funzjonali u finanzjarja ta' l-Uffiċċju Statali tal-Verifika.

Jiġu implimentati proċeduri u kapaċità amministrattiva biex tiġi żgurata l-protezzjoni effikaċi ta' l-interessi finanzjarji ta' l-KE.

4.   PROGRAMMAR

L-assistenza Komunitarja taħt il-proċess ta' stabbilizazzjoni u assoċjazzjoni lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ser tiġi pprovduta taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti, b'mod partikolari bir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (IPA), u għall-programmi adottati qabel l-2007, ir-Regolament Nru 2666/2000 (ir-Regolament CARDS) (1). Il-ftehim ta' finanzjament iservu bħala bażi legali għall-implimentazzjoni tal-programmi konkreti. Għalhekk, din id-Deċiżjoni mhux ser ikollha implikazzjonijiet finanzjarji. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jista' jkollha aċċess għal finanzjament minn programmi multi-nazzjonali u orizzontali.

5.   KONDIZZJONALITÀ

L-assistenza lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija kondizzjonali għall-progress fl-issodisfar tal-kriterji ta' Kopenħagen kif ukoll it-twettiq tal-ħtiġiet tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija ta' Adeżjoni. Nuqqas ta' rispett għal dawn il-kondizzjonijiet jista' jwassal sabiex il-Kunsill jieħu miżuri xierqa abbażi ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006, jew fil-każ ta' programmi qabel l-2007, abbażi ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000. L-assistenza hija wkoll soġġetta għall-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, partikolarment rigward l-impenn tar-riċevituri li jwettqu riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali. Il-kondizzjonijiet speċifiċi huma wkoll inklużi fi programmi annwali individuali. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament ser jiġu segwiti minn ftehim ta' finanzjament iffirmat mar-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

6.   MONITORAĠĠ

L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni ser tkun eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, partikolarment ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).


Top