EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1432

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1432/2007 tal- 5 ta’ Diċembru 2007 li jemenda l-Annessi I, II u VI tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq u t-trasport ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 320, 6.12.2007, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/03/2011; Impliċitament imħassar minn 32009R1069

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1432/oj

6.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 320/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1432/2007

tal-5 ta’ Diċembru 2007

li jemenda l-Annessi I, II u VI tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq u t-trasport ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali li mhumiex maħsuba għall-konsum uman (1), u partikolarment l-Artikolu 32(1) u l-punt 8 tal-Kapitolu I ta’ l-Anness VI tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipula rekwiżiti speċifiċi għal regoli li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman.

(2)

L-Artikoli 4, 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipulaw li l-materjali tal-Kategorija 1, 2 u 3 għandhom jinġabru, jiġu trasportati u identifikati mingħajr telf ta’ żmien skond l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

(3)

L-Artikolu 7 u l-Anness II jistipulaw ir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni, il-ġabra u t-trasport tal-kategoriji differenti tal-prodotti sekondarji ta’ l-annimali u tal-prodotti proċessati. Sabiex jitjieb il-kontroll u t-traċċabbiltà, għandhom jintużaw kuluri standardizzati biex jiġi identifikat l-imballaġġ, il-kontenituri u l-vetturi użati għall-kummerċ ta’ dawn il-prodotti sekondarji u proċessati. Il-kuluri għandhom jintagħżlu b’tali mod li jiżguraw li jistgħu jiġu ddistingwiti faċilment, kif ukoll mill-individwi li għandhom vista tal-kuluri mgħarrqa.

(4)

Għall-iskop ta’ ċarezza, għandha tiżdied definizzjoni ta’ “l-għoti tal-kuluri għall-identifikazzjoni” mad-definizzjonijiet speċifiċi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

(5)

L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jistabbilixxu sistemi jew jistipulaw regoli supplimentari b’rigward għall-użu ta’ l-għoti ta’ kuluri biex jiġi identifikat l-imballaġġ, il-kontenituri u l-vetturi użati għat-trasport tal-kategoriji differenti tal-prodotti sekondarji ta’ l-annimali u l-prodotti proċessati fi ħdan it-territorju tagħhom. Sistemi jew regoli bħal dawn ma għandhomx iħawwdu s-sistema ta’ l-użu tal-kuluri għall-identifikazzjoni standardizzata għall-kummerċ.

(6)

L-Istati Membri għandhom ukoll ikollhom il-possibbiltà li jeħtieġu l-immarkar tal-prodotti sekondarji ta’ l-annimali li joriġinaw fi u li jibqgħu fit-territorju tagħhom, minn barra l-immarkar tal-materjali ta’ riskju speċifikati meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (2). Madankollu, immarkar bħal dan ma għandux joħloq xkiel għall-kummerċ jew għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(7)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipula r-regoli għall-mudell tad-dokument kummerċjali li għandu jakkumpanja l-prodotti sekondarji ta’ l-annimali u l-prodotti proċessati tul it-trasport. Regoli supplimentari għal dokumenti bħal dawn għandhom jiġu stipulati sabiex itejbu l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-prodotti sekondarji ta’ l-annimali.

(8)

L-Artikoli 4, 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipulaw li ċerti prodotti sekondarji proċessati ta’ l-annimali għandhom jiġi mmarkati b’mod permanenti, fejn teknikament possibbli bir-riħa, skond il-Kapitlu I ta’ l-Anness VI ta’ dak ir-Regolament.

(9)

Il-Kapitlu I ta’ l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipula l-prodotti pproċessati derivati minn materjali ta’ Kategorija 1 jew 2, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti likwidi maħsuba għall-impjanti bijogass jew fejn isir il-kompost, iridu jiġu mmarkati b’mod permanenti, fejn teknikament possibbli bir-riħa, permezz ta’ sistema approvata mill-awtorità kompetenti. S’issa, minħabba nuqqas ta’ data xjentifika fuq l-immarkar, l-ebda regoli dettaljati għal mmarkar bħal dan ma ġew stabbiliti.

(10)

Fis-17 ta’ Ottubru 2006, iċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni ħareġ studju ta’ implimentazzjoni biex jevalwa l-Glyceroltriheptanoate (GTH) bħala l-għodda li timmarka xierqa għall-prodotti sekondarji ta’ l-annimali fis-sistemi tal-biċċerija. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, għandhom jiġu stipulati rekwiżiti dettaljati għall-immarkar ta’ prodotti sekondarji proċessati ta’ l-annimali.

(11)

Dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx jagħmlu ħsara lill-immarkar tal-prodotti proċessati użati fil-fertilizzanti organiċi jew sustanzi li jtejbu l-ħamrija sabiex jissodisfaw l-obbligu li ma jiġux applikati direttament lill-art li l-annimali tar-razzett jista' jkollhom aċċess għaliha skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 181/2006 ta’ l-1 ta’ Frar 2006 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 fir-rigward tal-fertilizzanti organiċi u l-improvers tal-ħamrija li mhumiex demel u li jemenda lil dak ir-Regolament (3).

(12)

Ċerti eċċezzjonijiet mir-rekwiżit biex jiġu mmarkati l-prodotti pproċessati bil-GTH għandhom jiġu stipulati, b’mod partikolari b’rigward għall-prodotti mmexxija għall-użu jew rimi b’metodu skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 92/2005 tad-19 ta’ Jannar 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mezzi ta’ rimi jew użi ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali u li jemenda l-Anness VI tiegħu dwar it-trasformazzjoni tal-bijogass u l-ipproċessar tax-xaħmijiet li jirriżultaw (4).

(13)

Għalhekk, l-Annessi I, II u VI tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandhom jiġu emendati kif xieraq.

(14)

Sabiex l-Istati Membri u l-industrija jkollhom il-ħin jaddattaw ir-regoli l-ġodda stipulati minn dan ir-Regolament, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2008.

(15)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, II u VI tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma emendati skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 829/2007 (ĠU L 191, 21.7.2007, p. 1).

(2)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2007 (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 8).

(3)  ĠU L 29, 2.2.2006, p. 31.

(4)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 27. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1678/2006 (ĠU L 314, 15.11.2006, p. 4).


ANNESS

L-Annessi I, II u VI tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness 1, dan il-punt li ġej huwa miżjud:

“65.

‘l-għoti ta’ kuluri għall-identifikazzjoni’ tfisser l-użu sistematiku ta’ kuluri kif iddefinit fil-Kapitolu I ta’ l-Anness II biex jintwera t-tagħrif kif stipulat f’dan ir-Regolament fuq is-superfiċi jew fuq il-parti tas-superfiċi ta’ l-imballaġġ, il-kontenitur jew vettura, jew fuq tabella jew simbolu applikat għalihom.”

(2)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Kapitolu I qiegħed jinbidel b’dan li ġej:

“KAPITOLU I

Identifikazzjoni

1.

Il-miżuri kollha meħtieġa jridu jittieħdu biex jiġi żgurat li:

(a)

Il-materjali tal-Kategorija 1, il-Kategorija 2 u l-Kategorija 3 huma identifikabbli u miżmuma separatament u huma identifikabbli matul il-ġbir u t-trasport;

(b)

il-prodotti proċessati huma identifikabbli u miżmuma separatament u huma identifikabbli matul it-trasport;

(ċ)

sustanza li timmarka għall-identifikazzjoni ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali jew prodotti proċesati ta’ kategorija speċifika li hi użata biss għall-kategorija li l-użu tagħha hu meħtieġ skond dan ir-Regolament, jew hu stabbilit jew stipulat skond il-punt 4; kif ukoll

(d)

prodotti sekondarji ta’ l-annimali jew prodotti proċessati huma mibgħuta minn Stat Membru għall-ieħor f’imballaġġi, kontenituri jew vetturi li huma, għallinqas tul il-perjodu tat-trasport, immarkati bil-kulur prominenti li ma jitħassarx kif ġej:

(i)

fil-każ tal-materjali tal-Kategorija 1, l-użu tal-kulur iswed;

(ii)

fil-każ tal-materjali tal-Kategorija 2 (għajr demel u kontenut tas-sistema diġestiva), l-użu tal-kulur isfar;

(iii)

fil-każ tal-materjali tal-Kategorija 3, l-użu tal-kulur aħdar b’kontenut għoli ta’ blu biex jiġi żgurat li hu distingwibbli b’mod ċar mill-kuluri l-oħra.

2.

Tul it-trasport, tabella mehmuża ma’ l-imballaġġ, il-kontenitur jew il-vettura għandha:

(a)

tindika b’mod ċar il-kategorija tal-prodotti sekondarji ta’ l-annimali jew, fil-każ ta’ prodotti proċessati, il-kategorija ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali minn liema ġew derivati l-prodotti proċessati; kif ukoll

(b)

ikollha fuqha l-kliem li ġejjin:

(i)

fil-każ tal-materjal tal-Kategorija 3, il-kliem ‘mhux għall-konsum uman’;

(ii)

fil-każ tal-materjal tal-Kategorija 2 (għajr demel u kontenut tas-sistema diġestiva) u l-prodotti proċessati derivati minnhom, ‘mhux għall-konsum ta’ l-annimali’; madankollu, meta l-materjal tal-Kategorija 2 hu maħsub biex jintemgħu l-annimali msemmi fil-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 23(2) skond il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu, it-tabella għandha minflokk tindika ‘biex jingħata biex jintemgħu l- …’ komplut bl-isem ta’ l-ispeċi speċifika ta’ dawn l-annimali li għalihom l-materjal hu maħsub li jingħata għall-għalf;

(iii)

fil-każ tal-materjal tal-Kategorija 1 u prodotti proċessati derivati minnu, l-kliem ‘għar-rimi biss’;

(iv)

fil-każ ta’ demel u kontenut tas-sistema diġestiva, il-kelma ‘demel’.

3.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi jew jistipulaw regoli għall-għoti ta’ kuluri għall-identifikazzjoni ta’ l-imballaġġ, il-kontenituri jew il-vetturi użati għat-trasport tal-prodotti sekondarji ta’ l-annimali u l-prodotti proċessati li joriġinaw minn jew li jibqgħu fit-territorju tagħhom, dment li dawn is-sistemi jew regoli ma jfixxklux is-sistema ta’ l-għoti tal-kuluri għall-identifikazzjoni stipulata fil-punt 1(d).

4.

Mingħajr ħsara għall-punt 3 ta’ l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi jew jistipulaw regoli għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali li joriġinaw minn jew li jibqgħu fit-territorju tagħhom dment li dawn is-sistemi jew regoli ma jkunu f’kunflitt mar-rekwiżiti tat-tqegħid fis-suq stipulati għall-prodotti proċessati fil-Kapitolu I ta’ l-Anness VI ta’ dan ir-Regolament.

5.

B’deroga mill-punti 3 u 4, l-Istati Membri jistgħu jużaw is-sistemi jew regoli msemmija f’dawk il-punti għall-prodotti sekondarji ta’ l-annimali li joriġinaw minn iżda mhux maħsuba li jibqgħu fit-territorju jekk l-Istat Membru jew pajjiż terz ta’ destinazzjoni kkomunika l-ftehim tiegħu.”

(b)

Fil-Kapitolu X, il-punt 1 huwa mibdul b’dan li ġej:

“1.

Dokument kummerċjali skond il-mudell stipulat f’dan il-Kapitolu se jakkumpanja l-prodotti sekondarji ta’ l-annimali u l-prodotti proċessati tul it-trasport. Madankollu, għat-trasport tal-prodotti sekondarji ta’ l-annimali u l-prodotti proċessati fit-territorju tagħhom stess, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu:

(a)

jużaw dokument kummerċjali differenti, bil-miktub fuq karta jew f’forma elettronika, dment li tali dokument kummerċjali jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-punt 2 tal-Kapitolu III;

(b)

li l-kwantità tal-materjal imsemmi fil-punt 2(ċ) tal-Kapitolu III hu espress fil-piż tal-materjal fid-dokument kummerċjali;

(ċ)

li tinbagħat lura kopja tad-dokument kummerċjali mid-destinatarju lill-prodottur biex tinżamm minn dak il-produttur skond il-Kapitolu V bħala xhieda tal-wasla tal-kunsinna.”

(3)

L-Anness VI huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

“ĦTIĠIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-IPPROĊESSAR TAL-MATERJAL TAL-KATEGORIJA 1 U 2 U GĦALL-IMPJANTI ta’ BIJOGASS U FEJN ISIR IL-KOMPOST U GĦALL-IMMARKAR ta’ ĊERTI PRODOTTI PROĊESSATI”

(b)

Il-Kapitolu I qed jiġi emendat kif ġej:

(i)

it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

 

“Rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar tal-materjali tal-Kategorija 1 u 2 u għall-immarkar ta’ ċerti prodotti proċessati”

(ii)

fil-parti C, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“10.

Fl-impjanti ta’ proċessar approvati skond l-Artikolu 13, il-prodotti proċessati kif imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b) u (ċ) u l-Artikolu 5(2)(b) u (ċ) għandhom jiġu mmarkati b’mod permanenti b’:

(a)

riħa, fejn hu teknikament possibbli; kif ukoll

(b)

glyceroltriheptanoate (GTH) b’tali mod li:

(i)

il-GTH jiżdied mal-prodotti proċessati li għaddew minn trattament terminali preċedenti li jżid l-iġjene b’temperatura fil-qalba ta’ mill-inqas 80 °C u jibqgħu għaldaqstant imħarsa minn kontaminazzjoni mill-ġdid. kif ukoll

(ii)

il-prodotti proċessati kollha fihom b’mod omoġenju mas-sustanza kollha konċentrazzjoni minima ta’ mill-inqas 250 mg GTH għal kull kilo xaħam.

11.

L-operaturi ta’ l-impjanti għall-ipproċessar approvati skond l-Artikolu 13 se jkollhom sistema ta’ monitoraġġ u reġistrazzjoni kontinwa tal-parametri xierqa biex juru lill-awtorità kompetenti li l-konċentrazzjoni omoġenja minima meħtieġa ta’ GTH kif imsemmija fil-punt 10(b) hi miksuba fil-prodotti proċessati msemmija fil-punt 10.

Dik is-sistema ta’ monitoraġġ u reġistrazzjoni se tinkludi d-determinazzjoni tal-kontenut intatt ta’ GTH bħala triglyceride f’estratt ta’ petroleum-ether 40–70 imnaddaf tal-GTH minn kampjuni meħuda tul intervalli regolari.

12.

L-awtorità kompetenti tista’ twettaq verifika ta’ eżekuzzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ u reġistrazzjoni msemmija fil-punt 11 biex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament u tista’, fejn meħtieġ, teħtieġ l-ittestjar tal-kampjuni supplimentari skond il-metodu msemmi fit-tieni paragrafu tal-punt 11.

13.

L-immarkar bil-GTH mhux se jintħieġ għall-prodotti proċessati kif imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b) u (ċ) u l-Artikolu 5(2)(b) u (ċ), fejn prodotti bħal dawn huma:

(a)

mressqa minn sistema ta’ trasportatur magħluqa, fejn sistema bħal din ġiet awtorizzata mill-awtorità kompetenti, mill-impjant għall-ipproċessar għal:

(i)

inċinerazzjoni diretta immedjata jew ko-inċinerazzjoni; jew

(ii)

użu immedjat skond metodu approvat għall-prodotti sekondarji ta’ l-annimali tal-Kategorija 1 u 2 skond l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 92/2005; jew

(b)

maħsub għal riċerka jew għal użu xjentifiku awtorizzat mill-awtorità kompetenti.”


Top