EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1321

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 tat- 12 ta’ Novembru 2007 li jistipula r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-integrazzjoni ta' tagħrif dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili skambjat skond id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’depożitu ċentrali ta’ tagħrif Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 294, 13.11.2007, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 025 P. 48 - 49

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/11/2015; Imħassar b' 32014R0376

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1321/oj

13.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 294/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1321/2007

tat-12 ta’ Novembru 2007

li jistipula r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-integrazzjoni ta' tagħrif dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili skambjat skond id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’depożitu ċentrali ta’ tagħrif

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/42/KE titlob li jiġu stabbiliti sistemi nazzjonali ta’ rapportar ta’ okkorrenzi, sabiex tiżgura li dan ir-rappurtar ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili jsir, jinġabar, u jiġi evalwat, ipproċessat u maħżun f’databases nazzjonali.

(2)

L-Istati Membri għandhom jipparteċipaw fl-iskambju ta’ tagħrif rilevanti u l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ dan it-tagħrif bl-iskop uniku li jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti ta’ l-avjazzjoni, mingħajr ma dan jiddetermina ta’ min ikunu l-ħtija u r-responsabbiltà u l-anqas ma jevalwa s-sikurezza.

(3)

Għandu jsir l-aħjar użu mit-teknoloġija moderna għat-trasferiment ta’ tagħrif mingħajr ma jiġi pperikolat il-ħarsien tad-databases kollha.

(4)

L-aktar mod effikaċi għall-iskambju ta' għadd kbir ta' tagħrif bejn l-Istati Membri kollha huwa li jinħoloq depożitu ċentrali ta' tagħrif li jirċievi t-tagħrif mid-diversi databases nazzjonali u li jkun aċċessibbli mill-Istati Membri.

(5)

Sabiex jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull mekkaniżmu nazzjonali stabbilit skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/42/KE, id-dettalji li jirrigwardaw l-aġġornament ta’ tagħrif fornut mill-Istati Membri għandu jiġi stabbilit permezz ta’ protokoll tekniku li jkun hemm qbil dwaru bejn mill-Kummissjoni u minn kull Stat Membru.

(6)

Sabiex ikunu jistgħu jsiru proċeduri ta’ assikurazzjoni tal-kwalità u biex ma jkunx hemm duplikazzjoni f’rapportar ta’ okkorrenzi mill-Istati Membri, it-tagħrif miżmum fid-databases nazzjonali għandu jinżamm ukoll fid-depożitu ċentrali ta' tagħrif.

(7)

Sabiex l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/42/KE jiġi applikat sew, id-dritt ta’ aċċess għat-tagħrif skambjat għandu jingħata lil kwalunkwe entità li tirregola s-sikurezza ta' l-avjazzjoni ċivili jew li tinvestiga l-aċċidenti u l-inċidenti ta’ avjazzjoni ċivili fil-Komunità.

(8)

B’konformità ma’ l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2003/42/KE, it-tagħrif li joħroġ minn aċċidenti u inċidenti serji investigati skond id-Direttiva 94/56/KE (2) għandu jinżamm f’dawn id-databases ukoll. Madankollu, waqt investigazzjoni, fid-databases għandha tiddaħħal biss dejta fattwali, filwaqt li t-tagħrif sħiħ dwar dawn l-aċċidenti u inċidenti serji jiddaħħal meta titlesta l-investigazzjoni.

(9)

Il-Kummissjoni għandha terġa’ teżamina r-rilevanza, fir-rigward ta’ sikurezza, tat-tagħrif skambjat hekk kif jgħaddu sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza fl-Ajru imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula miżuri li jikkonċernaw l-integrazzjoni ta’ tagħrif rilevanti relatat mas-sikurezza skambjat bejn Stati Membri f’depożitu ċentrali ta’ tagħrif, b’konformità ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/42/KE.

Artikolu 2

Depożitu ċentrali

1.   Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi u tmexxi depożitu ċentrali li fih jinżamm it-tagħrif kollu li tirċievi mill-Istati Membri kif stipulat fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/42/KE.

2.   Kull Stat Membru għandu jiftiehem mal-Kummissjoni dwar il-protokolli tekniċi relatati ma’ l-aġġornament tad-depożitu ċentrali permezz tat-trasferiment tat-tagħrif rilevanti kollu relatat mas-sikurezza miżmum fid-databases nazzjonali msemmi fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2003/42/KE. B'hekk ikun żgurat li t-tagħrif rilevanti kollu relatat mas-sikurezza miżmum fid-databases nazzjonali jiġi integrat fid-depożitu ċentrali.

3.   B’konformità ma’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/42/KE, kwalunkwe entità li tirregola s-sikurezza ta' l-avjazzjoni ċivili jew li tinvestiga l-aċċidenti u l-inċidenti ta’ avjazzjoni ċivili fil-Komunità għandu jkollha aċċess on-line għat-tagħrif kollu miżmum fid-depożitu ċentrali, għajr għat-tagħrif li jidentifika b’mod dirett lill-operatur jew lill-ajruplan suġġett għar-rapport ta’ okkorrenza.

4.   It-tagħrif li jista’ jibqa’ kunfidenzjali huwa, l-isem, id-designator code, il-kodiċi tas-sinjal jew in-numru tat-titjira ta’ l-operatur u l-marka ta’ reġistrazzjoni jew in-numru serjali/ta' kostruzzjoni ta’ l-ajruplan.

F’każijiet fejn dan it-tagħrif jitqies bħala neċessarju għall-analiżi tas-sikurezza, għandha tintalab l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istat Membru li jkun għadda t-tagħrif.

Artikolu 3

Tagħrif dwar l-investigazzjonijiet

Waqt l-investigazzjoni, it-tagħrif fattwali bażiku dwar l-aċċidenti u l-inċidenti serji għandu jiġi trasferit għad-depożitu ċentrali. Meta titlesta l-investigazzjoni, għandu jiddaħħal it-tagħrif kollu, inkluż, meta disponibbli, sinteżi bl-Ingliż tar-rapport finali ta’ l-investigazzjoni.

Artikolu 4

Eżaminazzjoni mill-ġdid

Hekk kif jgħaddu sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha terġa’ teżamina r-rilevanza, fir-rigward ta’ sikurezza, tat-tagħrif miżmum u skambjat.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23.

(2)  ĠU L 319, 12.12.1994, p. 14.

(3)  ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1900/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 377, 27.12.2006, p. 176).


Top