EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1787

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1787/2006 ta’ l- 4 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 809/2004 li jimplimenta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/71/KE dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b’referenza u l-pubblikazzjoni ta’ prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami

OJ L 337, 5.12.2006, p. 17–20 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 314M, 1.12.2007, p. 389–392 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 06 Volume 010 P. 168 - 171
Special edition in Romanian: Chapter 06 Volume 010 P. 168 - 171
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 006 P. 30 - 33

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/07/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0980

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1787/oj

1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

389


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1787/2006

ta’ l-4 ta' Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 809/2004 li jimplimenta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/71/KE dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b’referenza u l-pubblikazzjoni ta’ prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/71/KE ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 7(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1606/2002 tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (2) jesiġi li l-kumpaniji rregolati mil-liġi ta’ Stat Membru u li t-titoli tagħhom ikunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat ta’ kwalunkwe Stat Membru, iħejju l-kontijiet konsolidati tagħhom skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità adottati, illum komunement imsejħa Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (“IFRS”), għal kull sena finanzjarja b’bidu mill-1 ta’ Jannar 2005 jew wara dik id-data.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jimplimenta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/71/KE dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b’referenza u l-pubblikazzjoni ta’ prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (3) jirrikjedi li t-tagħrif finanzjarju storiku mogħti minn emittenti ta’ pajjiżi terzi ġewwa prospetti għall-offerti ta’ titoli lill-pubbliku jew fl-ammissjoni ta’ titoli għall-kummerċ f’suq regolat jitħejja f’konformità ma’ IFRS adottati skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, jew ma’ l-istandards nazzjonali tal-kontabilità ta’ pajjiż terz li jkunu ekwivalenti għal dawn l-istandards internazzjonali. Jekk it-tagħrif finanzjarju storiku ma jkunx tfassal skond dawn l-istandards, fil-prospett ikun jeħtieġlu jiġi ppreżentat fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji ddikjarati mill-ġdid.

(3)

Madankollu, l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 fih dispożizzjonijiet tranżitorji li, f’ċerti każijiet limitati, jeżentaw lil emittenti ta’ pajjiżi terzi mill-obbligu li jiddikjaraw mill-ġdid tagħrif finanzjarju storiku li ma jkun tfassal la skond l-IFRS u lanqas ma’ l-istandards tal-kontabilità ta’ pajjiż terz li jkunu ekwivalenti għall-IFRS. Skond dawk id-dispożizzjonijiet tranżitorji, l-obbligu tad-dikjarazzjoni ddikjarata mill-ġdid tat-tagħrif finanzjarju storiku ma japplikax għal kwalunkwe prospett irreġistrat qabel l-1 ta’ Jannar 2007 min-naħa ta’ emittent ta’ pajjiż terz jkun ipprepara t-tagħrif finanzjarju storiku tiegħu skond standards aċċettati internazzjonalment, jew li jkun ippreparat-tagħrif finanzjarju storiku tiegħu skond l-istandards nazzjonali tal-kontabilità ta’ pajjiż terz u għandu titoli ammessi qabel dik id-data għall-kummerċ f’suq regolat. Fil-każ ta' l-aħħar, jekk it-tagħrif finanzjarju storiku ma jagħtix stampa veritiera u ġusta ta' l-assi u l-obbligazzjonijiet, il-pożizzjoni finanzjarja u l-profitt u t-telf ta' l-entità li toħroġ it-titoli, dak it-tagħrif jeħtieġlu jkun akkumpanjat minn dik l-informazzjoni aktar dettaljata jew addizzjonali li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li tingħata stampa veritiera u ġusta.

(4)

Taħt ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 kif jidher fil-preżent, dawk l-eżenzjonijiet tranżitorji ma jibqgħux japplikaw fir-rigward ta’ prospetti li jiġu rreġistrati mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘il quddiem, u t-tagħrif finanzjarju storiku li ma jiġi ppreżentat la skond l-IFRS u lanqas skond standards ekwivalenti tal-kontabilità ta’ pajjiż terz ikun jeħtieġlu jiġi ddikjarat mill-ġdid.

(5)

Mindu ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002, bosta pajjiżi adottaw IFRS direttament fl-istandards nazzjonali tal-kontabilità tagħhom. Dan juri biċ-ċar li qed tintlaħaq waħda mill-miri ta’ dan ir-Regolament — jiġifieri li tiġi nkoraġġita l-konverġenza dejjem akbar ta’ l-istandards tal-kontabilità sabiex l-IFRS ikunu aċettati internazzjonalment u jkunu tassew standards dinjija. Għaldaqstant, huwa f’loku li l-emittenti ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu eżenti mill-obbligu li jiddikjaraw mill-ġdid it-tagħrif finanzjarju storiku ppreparat skond l-istandards nazzjonali tal-kontabilità, jew li jipprovdu deskrizzjoni narrativa tad-differenzi kif jissemma fl-Artikolu 1(2) paragrafu 5A ta’ dan ir-Regolament, jekk, f’konformità ma’ l-IAS 1 dwar il-Preżentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji, ikun fihom dikjarazzjoni espliċita u mingħajr riżerva li jikkonformaw ma’ l-IFRS.

(6)

Fil-parir li ta f’Ġunju 2005, il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR), stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/KE (4), qies li għalkemm il-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità (GAAP) tal-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, kull wieħed meħud fl-intier tiegħu, huma ekwivalenti għal standards internazzjonali tal-kontabilità adottati skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, suġġetti għal rimedji, bħalma huma l-għoti ta’ xi tagħrif addizzjonali u f’xi każijiet dikjarazzjonijiet finanzjarji supplimentari.

(7)

F’Jannar 2005, il-Bord dwar l-Istandards tal-Kontabilità tal-Ġappun (ASBJ) u l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ħabbru li kienu qablu li jniedu proġett konġunt biex inaqqsu d-diverġenzi bejn l-IFRS u l-GAAP tal-Ġappun, u f'Marzu 2005 varaw proġett konġunt ta' ħidma bil-mira tal-konverġenza tal-GAAP tal-Ġappun ma' l-IFRS. F’Jannar 2006, il-Bord Kanadiż ta’ l-Istandards tal-Kontabilità ħabbar pubblikament l-għan tiegħu li jiċċaqlaq lejn sett wieħed ta’ standards ta’ kwalità għolja aċċettati globalment għal kumpaniji pubbliċi u kkonkluda li l-aħjar mod biex jinkiseb dan l-għan kien billi l-istandards Kanadiżi tal-kontabilità jikkonverġu ma’ l-IFRS fi żmien ħames snin. Fi Frar 2006, l-IASB u l-Bord Amerikan ta’ l-Istandards tal-Kontabilità Finanzjarja ppubblikaw memorandum ta’ fehim li jagħti fil-qosor programm ta’ ħidma għall-konverġenza bejn l-IFRS u l-GAAP Amerikani, bil-għan li tintlaħaq waħda mill-kundizzjonijiet tal-Kummissjoni għat-Titoli u l-Iskambju (SEC) ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li jeħtieġ li jiġu sodisfatti biex l-SEC jneħħi r-rekwiżiti tar-rikonċiljazzjoni għall-emitenti barranin irreġistrati magħha u li jużaw l-IFRS, sa mhux aktar tard mill-2009.

(8)

Madankollu, importanti li tinżamm il-kwalità tar-rappurtar finanzjarju ta’ l-IFRS abbażi tal-prinċipji, li l-istandards ta’ l-IFRS jiġu implimentati konsistentement, li l-kumpaniji u l-investituri jingħataw ċertezza ġuridika adegwata, u li l-kumpaniji ta’ l-UE jirċievu trattament ugwali tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji madwar id-dinja kollha kemm hi. L-evalwazzjoni futura ta’ l-ekwivalenza għandha tibbaża fuq analiżi dettaljata, teknika u oġġettiva tad-differenzi bejn l-IFRS u l-istandards tal-pajjiżi terzi, kif ukoll fuq l-implimentazzjoni konkreta ta’ dawn il-GAAPs meta mqabbla ma’ l-IFRS. Il-progress ta’ dan il-proċess ta’ konverġenza għandu jiġi eżaminat bir-reqqa qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar l-ekwivalenza.

(9)

Fid-dawl ta’ l-isforzi min-naħa ta’ dawk li jiddefinixxu l-istandards fil-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika biex jikkonverġu ma’ l-IFRS, huwa f’loku li jiġu pprovduti d-dispożizzjonijiet li dwarhom jipprovdi l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 biex jeżentaw lill-emittenti ta’ pajjiżi terzi minn obbligu li jerġgħu jiddikjaraw tagħrif finanzjarju storiku li jkun tfassal skond l-istandards tal-kontabilità tal-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, jew inkella (skond il-każ) li jipprovdu deskrizzjoni narrattiva tad-differenzi, għal perjodu ulterjuri massimu ta’ sentejn, li waqtu dawk li jiddefinixxu l-istandards u r-regolaturi jżommu għaddej djalogu attiv, jissokta l-proċess ta’ konverġenza u jitlesta r-rapport ta’ progress.

(10)

Filwaqt bosta pajjiżi adottaw l-IFRS direttament fil-GAAP nazzjonali tagħhom, pajjiżi oħra l-konverġenza tal-GAAP nazzjonali tagħhom ma’ l-IFRS qed jifirxuha fuq perjodu ta’ żmien. Għaldaqstant, huwa f’loku li, għal perjodu tranżitorju massimu ta’ sentejn, l-emittenti tal-pajjiżi terzi bħal dawn ikunu eżenti milli jerġgħu jiddikjaraw tagħrif finanzjarju storiku jew inkella (skond il-każ) li jipprovdu deskrizzjoni narrattiva tad-differenzi, sakemm l-awtorità nazzjonali responsabbli tkun ikkommettiet ruħha pubblikament għal dan u tkun stabbiliet programm ta’ ħidma. Sabiex jiġi żgurat li l-eżenzjoni tkun disponibbli biss f’każijiet fejn dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-emittent tal-pajjiż terz għandu jkollu l-obbligu li jipprovdi evidenza li lill-awtorità kompetenti tissodisfaha li l-awtorità nazzjonali tkun għamlet dikjarazzjoni pubblika u stabbiliet programm ta’ ħidma. Biex tiżgura l-konsistenza fi ħdan il-Komunità, is-CESR għandha tikkoordina l-evalwazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti dwar jekk dawk il-kundizzjonijiet ikunux sodisfatti jew le fir-rigward tal-GAAPs individwali ta’ pajjiżi terzi.

(11)

Matul il-perjodu ta’ sentejn, il-Kummissjoni mhux biss għandha żżomm għaddej djalogu attiv ma’ l-awtoritajiet tal-pajjiż terz rilevanti, imma għandha wkoll tissorvelja mill-qrib il-progress fil-konverġenza bejn l-IFRS u l-GAAPs tal-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u l-pajjiżi terzi l-oħra li jkunu stabbilixxew programm ta’ konverġenza, sabiex tiżgura li tkun fil-qagħda li, talanqas sitt xhur qabel l-1 ta' Jannar 2009, tieħu deċiżjoni dwar l-ekwivalenza. Barra minn dan, il-Kummissjoni sejra tissorvelja attivament il-progress f’din il-ħidma min-naħa ta’ l-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi biex jeliminaw kwalunkwe obbligu fuq l-emittenti Komunitarji li jkunu qed jaċċedu għas-swieq finanzjarji ta’ pajjiż terz biex iqabblu dikjarazzjonijiet finanzjarji mħejjija bl-użu ta’ l-IFRS. Fi tmiem il-perjodu addizzjonali ta' tranżizzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni jkollha tkun b'tali mod li l-emittenti Komunitarji u dawk li mhumiex ta' l-UE għandhom jingħataw trattament ugwali.

(12)

Il-Kummissjoni lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli u l-Parlament Ewropew għandha żżommhom informati b’mod regolari dwar il-progress li jkun lejn l-eliminazzjoni ta’ l-obbligi ta’ tqabbil u dwar il-proċess ta’ konverġenza. Għaldaqstant, qabel l-1 ta’ April 2007, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar l-iskeda ta’ żmien prevista għall-konverġenza mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kontabilità tal-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Barra minn hekk, qabel l-1 ta’ April 2008 u wara li tikkonsulta lis-CESR, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli u lill-Parlament Ewropew dwar l-evalwazzjoni tal-GAAPs ta’ pajjiżi terzi użati minn emitenti li ma jkunux obbligati jiddikjaraw mill-ġdid it-tagħrif finanzjarju storiku jew (skond il-każ) jipprovdu deskrizzjoni narattiva tad-differenzi inklużi fi prospett irreġistrat qabel l-1 ta’ Jannar 2009 ma’ awtorità kompetenti. Fl-aħħarnett, qabel l-1 ta’ Jannar 2008, u wara konsultazzjonijiet f’lokhom mas-CESR, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm definizzjoni ta’ l-ekwivalenza li tintuża għad-determinazzjoni ta’ l-ekwivalenza tal-GAAP ta’ pajjiż terz, abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ ekwivalenza stabbilit għal dak il-għan.

(13)

Għaldaqstant, huwa f’loku li l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 jiġi emendat b’tali mod li l-emittenti ta’ pajjiżi terzi ma jkollhomx l-obbligu li jiddikjaraw mill-ġdid it-tagħrif finanazjarju storiku jew (skond il-każ) jipprovdu deskrizzjoni narattiva tad-differenzi fil-każijiet deskritti, u dan għal perjodu massimu ta’ sentejn, sabiex ikun jista’ jsir aktar djalogu. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-emittenti ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu li jiddikjaraw mill-ġdid it-tagħrif finanzjarju storiku tagħhom f’konformità ma’ l-IFRS, jew (fejn ikun f’loku) jipprovdu deskrizzjoni narattiva tad-differenzi, fi kwalunkwe prospett irreġistrat qabel l-1 ta’ Jannar 2007, jew dakinhar, ma’ awtorità kompetenti.

(14)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Suġġett għall-paragrafu 5A, mill-1 ta’ Jannar 2007, l-emittenti ta’ pajjiżi terzi li jissemmew fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jippreżentaw it-tagħrif finanzjarju storiku tagħhom skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità adottati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002, jew inkella skond l-istandards nazzjonali tal-kontabilità ta’ pajjiż terz li jkunu ekwivalenti ma’ dawk l-istandards. Jekk it-tali tagħrif finanzjarju storiku ma jkunx konformi ma’ xi standard ta’ dan it-tip, ikollu jiġi ppreżentat fil-forma ta’ dikjarazzjoni finanzjarja ddikjarata mill-ġdid.”

(2)

Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin 5A, 5B, 5C, 5D u 5E:

“5A   L-emittenti ta’ pajjiżi terzi mhumiex suġġetti għall-obbligu, skond l-Anness I, punt 20.1; l-Anness IV, punt 13.1; l-Anness VII, punt 8.2; l-Anness X, punt 20.1 jew l-Anness XI, punt 11.1, li jerġgħu jiddikjaraw mill-ġdid it-tagħrif finanzjarju storiku, jew għal obbligu skond l-Anness VII, punt 8.2.bis; l-Anness IX, punt 11.1; jew l-Anness X, punt 20.1.bis, li jipprovdu deskrizzjoni narrattiva tad-differenzi bejn l-istandards internazzjonali tal-kontabilità adottati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 u l-prinċipji tal-kontabilità li t-tagħrif ikun tfassal fuqhom, inkluż fi prospett irreġistrat ma’ awtorità kompetenti qabel l-1 ta’ Jannar 2009, jew meta tkun sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

in-noti mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jiffurmaw parti mit-tagħrif finanzjarju storiku fihom dikjarazzjoni espliċita u bla riżerva li jikkonformaw ma’ l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju, f’konformità ma’ l-IAS 1 dwar il-Preżentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji.

(b)

it-tagħrif finanzjarju storiku jitfassal skond il-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità (GAAP) tal-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika;

(c)

it-tagħrif finanzjarju stroiku jitfassal skond il-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità (GAAP) ta’ pajjiż terz għajr il-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-awtorità tal-pajjiż terz li tkun responsabbli għall-istandards nazzjonali tal-kontabilità kkonċernati tkun pubblikament ikkommettiet ruħha, qabel il-bidu tas-sena finanzjarja li fiha jkun ġie rreġistrat il-prospett, li dawk l-istandards tikkonverġihom ma’ Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju;

(ii)

dik l-awtorità tkun stabbiliet programm ta’ ħidma li juri l-intenzjoni li qabel il-31 ta’ Diċembru 2008 jsir progress lejn il-konverġenza; kif ukoll

(iii)

l-emittent jipprovdi xhieda li tissodisfa lill-awtorità kompetenti li l-kundizzjonjiet f’(i) u (ii) ikunu sodisfatti.

5B   Sa l-1 ta’ April 2007, il-Kummissjoni lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli u lill-Parlament Ewropew għandha tippreżentalhom l-ewwel rapport dwar l-iskeda tal-ħidma ta l-awtoritajiet responsabbli għall-istandards nazzjonali tal-kontabilità fl-Istati Uniti ta l-Amerika, il-Ġappun u l-Kanada għall-konverġenza bejn l-IFRS u l-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità ta’ dawk il-pajjiżi.

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib, u regolarment tgħarraf lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli, dwar kemm ikun sar progress fil-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju u l-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità tal-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, kif ukoll dwar il-progress fl-eliminazzjoni tar-rekwiżiti tat-tqabbil li japplikaw għall-emittenti Komunitarji f’dawk il-pajjiżi. B’mod partikolari, għandha minnufih tgħarraf lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli u lill-Parlament Ewropew jekk ma jkunx qed isir progress sodisfaċenti.

5C   Il-Kummissjoni għandha wkoll regolarment tgħarraf lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli u lill-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp tad-diskussjonijiet regolatorji u dwar kemm ikun sar progress fil-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju u l-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità tal-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 5A(c), kif ukoll dwar il-progress fl-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe rekwiżiti tat-tqabbil. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha minnufih tgħarraf lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli u lill-Parlament Ewropew jekk ma jkunx qed isir progress sodisfaċenti.

5D   Barra mill-obbligi taħt il-paragrafi 5B u 5C, il-Kummissjoni għandha tidħol fi djalogu regolari, u żżommu għaddej, ma’ l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2008, għandha tippreżenta rapport lill-Kumitat Ewropew dwar it-Titoli u lill-Parlament Ewropew il-progress fil-konverġenza u dak lejn l-eliminazzoni ta’ kwalunkwe rekwiżiti ta’ tqabbil li japplikaw għal emittenti Komunitarji skond ir-regoli ta’ pajjiż terz kopert mill-paragrafu 5A(b) jew (c). Il-Kummissjoni tista’ titlob jew tobbliga lil xi ħadd ieħor biex jipprepara r-rapport.

5E   Talanqas sitt xhur qabel l-1 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tiżgura determinazzjoni ta’ l-ekwivalenza tal-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità ta’ pajjiżi terzi, skond definizzjoni ta’ l-ekwivalenza u mekkaniżmu ta’ l-ekwivalenza li tkun stabbiliethom qabel l-1 ta’ Jannar 2008 f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/71/KE. Hija u tosserva dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha qabel xejn tikkonsulta lill-Kumitat Ewropew tar-Regolaturi tat-Titoli dwar l-adegwatezza tad-definizzjoni ta’ l-ekwivalenza, il-mekkaniżmu ta’ l-ekwivalenza u d-determinazzjoni li tkun saret dwar l-ekwivalenza.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-[tielet] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 4 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(2)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1; il-verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 215, 16.6.2004, p. 3.

(4)  ĠU L 191, 13.7.2001, p. 43.


Top