Help Print this page 

Document 32006L0115

Title and reference
Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata)
  • In force
OJ L 376, 27.12.2006, p. 28–35 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 17 Volume 003 P. 14 - 21
Special edition in Romanian: Chapter 17 Volume 003 P. 14 - 21
Special edition in Croatian: Chapter 17 Volume 001 P. 218 - 225

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/115/oj
Multilingual display
Text

27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

28


DIRETTIVA 2006/115/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2006

dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali

(verżjoni kodifikata)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 47 (2), 55 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta' Novembru 1992 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (2) ġiet emendata kemm-il darba (3) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

Il-kiri u s-self ta' xogħlijiet bid-drittijiet ta' l-awtur u tal-protezzjoni ta' drittijiet relatati qegħdin ikollhom rwol dejjem aktar importanti b'mod partikolari għall-awturi, artisti u produtturi ta' fonogrammi u films. Il-piraterija qiegħda ssir theddida li dejjem tikber.

(3)

Il-protezzjoni adegwata tax-xogħlijiet bid-drittijiet ta' l-awtur u l-materja tal-protezzjoni ta' drittijiet relatati bi drittijiet ta' kiri u self kif ukoll il-protezzjoni tal-materja tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati bid-dritt ta' l-iffissar, bid-dritt ta' distribuzzjoni, bid-dritt ta' xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku jistgħu f'dan is-sens ikunu kkunsidrati bħala ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-Komunità.

(4)

Il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati għandha tadatta għal żviluppi ekonomiċi ġodda bħal forom ġodda ta' sfruttament.

(5)

Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta' awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b'mod partikulari għall-produzzjoni ta' fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. Il-possibbiltà li jiġi żgurat dak id-dħul u li jiġi rkuprat dak l-investiment tista' tkun garantita b'mod effettiv biss permezz ta' protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.

(6)

Dawn l-attivitajiet kreattivi, artistiċi u intraprenditorjali huma, fil-parti l-kbira tagħhom, attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom. L-eżerċizzju ta' dawn l-attivitajiet għandu jiġi ffaċilitat billi tkun provduta protezzjoni legali armonizzata fi ħdan il-Komunità. Safejn dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu prinċipalment servizzi, il-provvista tagħhom għandha ugwalment tiġi ffaċilitata permezz ta' qafas legali armonizzat fil-Komunità.

(7)

Il-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri għandha tiġi approssimata b'tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta' l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta' bosta Stati Membri.

(8)

Il-qafas legali tal-Komunità dwar id-dritt ta' kiri u d-dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur jista' jkun limitat sabiex jistabbilixxi li l-Istati Membri jipprovdu drittijiet dwar il-kiri u s-self għal ċerti gruppi ta' detenturi ta' drittijiet u b'żieda ma' dan li jistabbilixxi d-drittijiet ta' ffissar, distribuzzjoni, xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku għal ċerti gruppi ta' detenturi ta' drittijiet fil-qasam tal-protezzjoni ta' drittijiet relatati.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġu definiti l-kunċetti ta' kiri u self għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

(10)

Huwa kunsiljabbli, bl-iskop ta' kjarifika, li jiġi eskluż mill-kiri u s-self fit-tifsira ta' din id-Direttiva ċerti forom li jagħmlu disponibbli, bħal per eżempju li tagħmel disponibbli fonogrammi jew films għall-iskop ta' esibizzjoni jew xandir pubbliku, li tagħmel disponibbli għall-fini ta' esibizzjoni, jew li tagħmel disponibbli għal użu ta' referenza fuq il-post. Is-self fit-tifsira ta' din id-Direttiva m'għandux jinkludi li tagħmel disponibbli bejn stabbilimenti li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

(11)

Fejn is-self minn stabbiliment aċċessibbli mill-pubbliku jġib miegħu ħlas ta' ammont li ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż tat-tħaddim ta' l-istabbiliment, ma hemmx vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett fit-tifsira ta' din id-Direttiva.

(12)

Huwa meħtieġ l-introduzzjoni ta' arranġamenti li jiżguraw li ħlas ekwu mhux rinunzjabbli jinkiseb mill-awturi u artisti li għandhom jibqgħu ikollhom il-fakultà li jafdaw l-amministrazzjoni ta' dan id-dritt lil collecting societies li jirrappreżentawhom.

(13)

Il-ħlas ekwu jista' jitħallas fuq bażi ta' pagament wieħed jew diversi fi kwalunkwe mument waqt jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Dan għandu jikkunsidra l-importanza tal-kontribut ta' l-awturi u artisti konċernati mal-fonogramm jew film.

(14)

Huwa meħtieġ ukoll li ta' l-anqas jiġu protetti d-drittijiet ta' l-awturi rigward self pubbliku billi jiġu pprovvduti arranġamenti speċifiċi. Minkejja dan, kull miżura meħuda bħala deroga mid-dritt esklussiv ta' self lill-pubbliku għandha tkun konformi, b'mod partikulari ma' l-Artikolu 12 tat-Trattat.

(15)

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva dwar drittjiiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur m'għandhomx jipprojbixxu lil Stati Membri milli jestendu għal dawn id-drittijiet esklussivi, il-preżunzjoni prevista f'din id-Direttiva dwar kuntratti relatati mal-produzzjoni tal-films konklużi, individwalment jew kollettivament, minn artisti flimkien ma' prodotturi tal-films. Barra minn hekk, dawk id-dispożizzjonijiet m'għandhomx jipprevjenu lil Stati Membri milli jipprovdu għal prezunżjoni konfutabbli ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-isfruttar rigward id-drittijiet esklussivi ta' l-artisti previsti fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva, sa fejn din il-prezunżjoni tkun kompatibbli mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' l-Artisiti, Produtturi ta' Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir (minn hawn 'il quddiem imsemmija l-Konvenzjoni ta' Ruma).

(16)

L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni aktar vasta għal sidien ta' drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b'din id-Direttiva rigward xandir u kommunikazzjoni lill-pubbliku.

(17)

Id-drittijiet tal-kiri u s-self armonizzati u l-protezzjoni armonizzata fil-qasam tad-drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur m'għandhomx ikunu eżerċitati b'mod li jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jew b'mod li huwa kuntrarju għar-regola tal-kronoloġija ta' l-isfruttar tal-media, kif rikonoxxut fis-sentenza mogħtija fis-Société Cinéthèque v FNCF  (4).

(18)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta' l-Anness I,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DRITT TA' KIRI U SELF

Artikolu 1

L-għan ta' l-armonizzazzjoni

1.   Skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, suġġett għall-Artikolu 6, id-dritt ta' l-għoti ta' awtorizzazzjoni jew ta' projbizzjoni tal-kiri jew tas-self ta' oriġinali u kopji ta' xogħlijiet bid-drittijiet ta' l-awtur, u ta' materja oħra kif stipulat fl-Artikolu 3(1).

2.   Id-drittijiet msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhomx ikunu eżawriti b'ebda bejgħ jew att ieħor ta' distribuzzjoni ta' oriġinali u kopji ta' xogħlijiet bid-drittijiet ta' l-awtur u ta' materja oħra kif stipulat fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kiri” tfisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu limitat ta' żmien u għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett;

(b)

“self” tfisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu limitat ta' żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta dan isir permezz ta' stabbilimenti li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku;

(ċ)

“film” tfisser xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv jew xbiehat li jiċċaqilqu, sew jekk akkumpanjati bil-ħoss sew jekk le.

2.   Id-direttur prinċipali ta' xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun kunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal oħrajn biex ikunu kkunsidrati bħala l-ko-awturi tiegħu.

Artikolu 3

Id-detenturi tad-drittijiet u l-materja tad-dritt tal-kiri u self

1.   Id-dritt esklussiv ta' l-għoti ta' awtorizzazzjoni jew ta' projbizzjoni tal-kiri jew tas-self għandu jkun ta' dawn li ġejjin:

(a)

l-awtur fir-rigward ta' l-oriġinal u tal-kopji tax-xogħol tiegħu;

(b)

l-artist fir-rigward ta' l-iffissar tal-wirja tiegħu;

(ċ)

il-produttur tal-fonogramm fir-rigward tal-fonogrammi tiegħu;

(d)

il-produttur ta' l-ewwel iffissar ta' film fir-rigward ta' l-oriġinal u tal-kopji tal-film tiegħu.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tkopri d-drittijiet tal-kiri u self relatati ma' bini u ma' xogħlijiet ta' l-arti applikata.

3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu trasferiti, mogħtija jew suġġetti għall-għoti ta' liċenzji kuntrattwali.

4.   Bla ħsara għall-paragrafu 6, meta kuntratt relatat mal-produzzjoni ta' film ikun konkluż, individwalment jew kollettivament, minn artisti ma' produttur tal-films, l-artist kopert b'dan il-kuntratt għandu jkun meqjus, suġġett għall-klawsoli kuntrattwali kuntrarji, li jkun ittrasferixxa d-dritt tal-kiri tiegħu, suġġett għall-Artikolu 5.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal prezunżjoni simili kif stipulata fil-paragrafu 4 dwar l-awturi.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-iffirmar ta' kuntratt konkluż bejn artist u produttur tal-films dwar il-produzzjoni ta' film ikollu l-effett li jawtorizza l-kiri, sakemm dan il-kuntratt jipprovdi għal ħlas ekwu skond it-tifsira ta' l-Artikolu 5. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu li dan il-paragrafu għandu japplika mutatis mutandis għad-drittijiet inklużi fil-Kapitolu II.

Artikolu 4

Kiri ta' programmi tal-kompjuter

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE ta' l-14 ta' Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (5).

Artikolu 5

Dritt mhux rinunzjabbli għal ħlas ekwu

1.   Fejn awtur jew artist ikun ittrasferixxa jew assenja d-dritt tal-kiri tiegħu dwar fonogramm jew oriġinal jew kopja ta' film lil produttur ta' fonogramm jew film, dak l-awtur jew artist għandu jżomm id-dritt li jikseb ħlas ekwu għall-kirja.

2.   Id-dritt li jikseb ħlas ekwu għall-kirja ma jistax jiġi rinunzjat minn awturi jew artisti.

3.   L-amministrazzjoni ta' dan id-dritt li jikseb ħlas ekwu jista' jkun fdat lil collecting societies li jirrappreżentaw awturi jew artisti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jekk jew sa fejn tista' tkun imposta l-amministrazzjoni minn collecting societies tad-dritt li jinkiseb ħlas ekwu, kif ukoll il-kwistjoni dwar mingħand min dan il-ħlas jista' jintalab jew jinġabar.

Artikolu 6

Deroga mid-dritt esklussiv ta' self lill-pubbliku

1.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dritt esklussiv previst fl-Artikolu 1 dwar is-self lill-pubbliku, sakemm ta' l-anqas l-awturi jiksbu ħlas għal dan is-self. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu dan il-ħlas waqt li jikkunsidraw l-għanijiet ta' promozzjoni kulturali tagħhom.

2.   Fejn l-Istati Membri ma japplikawx id-dritt esklussiv ta' self li hemm previst fl-Artikolu 1 rigward fonogrammi, films u programmi tal-kompjuter, huma għandhom jintroduċu ħlas, ta' l-anqas lill-awturi.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti kategoriji ta' stabbilimenti mill-pagament tal-ħlas imsemmi fil-paragrafi 1 u 2.

KAPITOLU II

DRITTIJIET RELATATI MAD-DRITTIJIET TA' L-AWTUR

Artikolu 7

Dritt ta' l-Iffissar

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tal-wirjiet tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trasmessi bil-fili sew jekk bl-ajru, inklużi bil-cable jew bis-satellita.

3.   Distributur bil-cable m'għandux ikollu d-dritt previst fil-paragrafu 2 fejn huwa sempliċiment jerġa' jittrasmetti bil-cable x-xandiriet ta' organizzazzjonijiet tax-xandir.

Artikolu 8

Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir b'mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, ħlief fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġà wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta' dan il-fonogramm, għax-xandir b'mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta' ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta' dan il-ħlas bejniethom.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b'mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f'postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta' miżata għad-dħul.

Artikolu 9

Dritt ta' distribuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklussiv li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku l-oġġetti indikati fil-punti (a) sa (d), inklużi kopji tagħhom, bil-bejgħ jew b'xi mod ieħor, minn hawn 'il quddiem “id-dritt ta' distribuzzjoni”:

(a)

għall-artisti, rigward l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(b)

għall-produtturi tal-fonogrammi, rigward il-fonogrammi tagħhom;

(ċ)

għall-produtturi ta' l-ewwel iffissar tal-films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(d)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, rigward l-iffissar tax-xandiriet tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 7(2).

2.   Id-dritt ta' distribuzzjoni m'għandux ikun eżawrit fi ħdan il-Komunità rigward oġġett kif imsemmi fil-paragrafu 1, ħlief fejn l-ewwel bejgħ fil-Komunità ta' dak l-oġġett isir mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

3.   Id-dritt ta' distribuzzjoni għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Kapitolu 1, b'mod partikulari l-Artikolu 1(2).

4.   Id-dritt ta' distribuzzjoni jista' jkun trasferit, assenjat jew suġġett għall-għotja ta' liċenzji kuntrattwali.

Artikolu 10

Limitazzjonijiet għad-drittijiet

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet imsemmija f'dan il- Kapitolu rigward ta':

(a)

użu privat;

(b)

użu ta' siltiet qosra dwar ir-rappurtaġġ ta' ġrajjiet kurrenti;

(ċ)

l-iffissar effimeru minn organizzazzjoni tax-xandir permezz tal-faċilitajiet tagħha stess u għax-xandiriet tagħha;

(d)

użu biss għall-finijiet ta' tagħlim jew riċerka xjentifika.

2.   Irrispettivament mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista' jagħmel dispożizzjoniet għall-istess tipi ta' limitazzjonijiet rigward il-protezzjoni ta' artisti, produtturi ta' fonogrammi, organizzazzjonijiet tax-xandir u ta' produtturi ta' l-ewwel iffissar ta' films, hekk bħad-dispożizzjonijet previsti fil-liġi tiegħu rigward il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur f'xogħlijiet letterarji u artistiċi.

Madankollu, jistgħu jkunu previsti liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta' Ruma.

3.   Il-limitazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu applikati biss f'ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttar normali tal-materja u ma jippreġudikawx mingħajr raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 11

Applikazzjoni kronoloġika

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward ta' xogħlijiet, wirjiet, fonogrammi, xandiriet u l-ewwel iffissar ta' films protetti mid-drittijiet ta' l-awtur imsemmija f'din id-Direttiva li kienu, fl-1 ta' Lulju 1994, għadhom protetti bil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati jew li ssodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva f'dik id-data.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika bla ħsara għal kull att ta' sfruttament imwettaq qabel l-1 ta' Lulju 1994.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-detenturi ta' drittijiet jitqiesu bħala li jkunu taw l-awtorizzazzjoni tagħhom għall-kiri jew self ta' oġġett imsemmi fil-punti (a) sa (d) ta' l-Artikolu 3(1) li huwa ppruvat li kien sar disponibbli lil terzi għal dan il-għan jew li kien akkwistat qabel l-1 ta' Lulju 1994.

Madankollu, b'mod partikulari fejn dan l-oġġett huwa reġistrazzjoni diġitali, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li detenturi ta' drittijiet ikollhom dritt li jiksbu ħlas adegwat għall-kiri jew self ta' dak l-oġġett.

4.   L-Istati Membri m'humiex meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(2) għal xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi magħmula qabel l-1 ta' Lulju 1994.

5.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3 u suġġett għall-paragrafu 7, din id-Direttiva m'għandha taffettwa l-ebda kuntratt konkluż qabel id-19 ta' Novembru 1992.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 7, li meta detenturi ta' drittijiet li jakkwistaw drittijiet ġodda skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, ikunu taw, qabel l-1 ta' Lulju 1994, il-kunsens tagħhom għall-isfruttament, huma għandhom jitqiesu bħala li jkunu ttrasferew id-drittijiet esklussivi ġodda.

7.   Għall-kuntratti konklużi qabel l-1 ta' Lulju 1994, id-dritt mhux rinunzjabbli għall-ħlas ekwu li hemm provdut fl-Artikolu 5 għandu japplika biss fejn l-awturi jew artisti jew dawk li jirrappreżentawhom ikunu bagħtu talba għal dak l-għan qabel l-1 ta' Jannar 1997. Fin-nuqqas ta' ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet rigward il-livell ta' ħlas, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livell ta' ħlas ekwu.

Artikolu 12

Relazzjoni bejn id-drittijiet ta' l-awtur u d-drittijiet relatati

Il-protezzjoni ta' drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur skond din id-Direttiva għandha tħalli integra u m'għandha bl-ebda mod taffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur.

Artikolu 13

Komunikazzjoni

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali adottati fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Tħassir

Id-Direttiva 92/100/KEE hija b'dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta' l-Anness I.

Referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 15

Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, tat-12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 346, 27.11.1992, p. 61. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(3)  Ara l-Anness I, Parti A.

(4)  Każijiet Konġunti 60/84 u 61/84 [1985] ECR 2 605.

(5)  ĠU L 122, 17.5.1991, p. 42. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 93/98/KEE (ĠU L 290, 24.11.1993, p. 9).


ANNESS I

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma' l-emendi suċċessivi tagħha

Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE

(ĠU L 346, 27.11.1992, p. 61)

 

Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE

(ĠU L 290, 24.11.1993, p. 9)

L-Artikolu 11(2) biss

Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10)

L-Artikolu 11(1) biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmi fl-Artikolu 14)

Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

92/100/KEE

L-1 ta' Lulju 1994

93/98/KEE

It-30 ta' Ġunju 1995

2001/29/KE

Il-21 ta' Diċembru 2002


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 92/100/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 2 (1), kliem introduttorju u punt (a)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2 (1), punt (b)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(2)

Artikolu 2(1), kliem introduttorju

Artikolu 3(1), kliem introduttorju

Artikolu 2(1), l-ewwel inċiż

Artikolu 3(1)(a)

Artikolu 2(1), it-tieni inċiż

Artikolu 3(1)(b)

Artikolu 2(1), it-tielet inċiż

Artikolu 3(1)(ċ)

Artikolu 2(1), ir-raba' inċiż, l-ewwel sentenza

Artikolu 3(1)(d)

Artikolu 2(1), ir-raba' inċiż, it-tieni sentenza

Artikolu 2 (1), punt (ċ)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 3(2)

Artikolu 2(4)

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(5)

Artikolu 3(4)

Artikolu 2(6)

Artikolu 3(5)

Artikolu 2(7)

Artikolu 3(6)

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5(1) sa (3)

Artikolu 6(1) sa (3)

Artikolu 5(4)

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9(1), kliem introduttorju u kliem finali

Artikolu 9(1), kliem introduttorju

Artikolu 9(1), l-ewwel inċiż

Artikolu 9(1)(a)

Artikolu 9(1), it-tieni inċiż

Artikolu 9(1)(b)

Artikolu 9(1), it-tielet inċiż

Artikolu 9(1)(ċ)

Artikolu 9(1), ir-raba' inċiż

Artikolu 9(1)(d)

Artikolu 9(2), (3) u (4)

Artikolu 9(2), (3) u (4)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 10(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10(2), it-tieni sentenza

Artikolu 10(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 13(1) u (2)

Artikolu 11(1) u (2)

Artikolu 13(3), l-ewwel sentenza

Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(3), it-tieni sentenza

Artikolu 11(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(4)

Artikolu 11(4)

Artikolu 13(5)

Artikolu 13(6)

Artikolu 11(5)

Artikolu 13(7)

Artikolu 11(6)

Artikolu 13(8)

Artikolu 13(9)

Artikolu 11(7)

Artikolu 14

Artikolu 12

Artikolu 15(1)

Artikolu 15(2)

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 16

Anness I

Anness II


Top