EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006F0783

2006/783/ĠAI: Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/GAI tas- 6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska

OJ L 328, 24.11.2006, p. 59–78 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 239M, 10.9.2010, p. 340–359 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 009 P. 44 - 63
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 009 P. 44 - 63
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 007 P. 54 - 73

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2006/783/oj

10.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

340


DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2006/783/GAI

tas-6 ta’ Ottubru 2006

dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 31(a) u 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tad-Danimarka (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew imlaqqa’ f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, saħaq li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-pedament tal-koperazzjoni ġudizjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll kriminali fl-Unjoni.

(2)

Skond il-paragrafu 51 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-laundering ta’ flus huwa fiċ-ċentru tal-kriminalità organizzata, u għandu jiġi eliminat kull fejn jiġri; il-Kunsill Ewropew huwa determinat li jiżgura li jittieħdu passi konkreti biex jiġu ttraċċati, iffriżati, maqbuda u kkonfiskati r-rikavati ta’ reati. Għal din ir-raġuni fil-paragrafu 55 tal-konklużjonijiet, il-Kunsill Ewropew isejjaħ għall-approssimazzjoni tal-liġi kriminali u tal-proċeduri dwar il-money laundering (eż. l-ittraċċar, l-iffriżar u l-konfiska ta’ fondi).

(3)

L-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-8 ta’ Novembru 1990 dwar il-Laundering, it-Tfittxija, il-Qbid u l-Konfiska tar-Rikavati minn Reati (il-Konvenzjoni tal-1990). Il-Konvenzjoni tobbliga lill-firmatarji biex jirrikonoxxu u jinfurzaw ordni ta’ konfiska magħmula minn parti oħra, jew biex jissottomettu talba lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex tinkiseb ordni ta’ konfiska u, jekk tali ordni hija mogħtija, jinforzawha. Il-Partijiet jistgħu jirrifjutaw talbiet għal konfiska inter alia jekk ir-reat li għalih tirreferi t-talba ma jkunx reat taħt il-liġi tal-Parti rikjesta, jew jekk taħt il-liġi tal-Parti rikjesta l-konfiska mhijiex prevista għat-tip ta’ reat li għalih tirreferi t-talba.

(4)

Fit-30 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill adotta programm ta’ miżuri biex jimplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali, u ta l-ewwel prijorità (miżuri 6 u 7) lill-adozzjoni ta’ strument li japplika l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għall-iffriżar ta’ evidenza u proprjetà. Barra minn hekk, skond il-paragrafu 3.3 tal-programm, l-għan huwa biex jitjieb, f’konformità mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, l-esekuzzjoni fi Stat Membru ta’ ordni ta’ konfiska maħruġ fi Stat Membru ieħor, inter alia sabiex vittma ta’ reat tirċievi restituzzjoni, b’kont meħud ta’ l-eżistenza tal-Konvenzjoni tal-1990. Bil-ħsieb li jintlaħaq dan il-għan, din id-Deċiżjoni Kwadru, fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni tagħha, tnaqqas ir-raġunijiet għal rifjut ta’ infurzar u trażżan, bejn l-Istati Membri, kwalunkwe sistema ta’ konverżjoni ta’ l-ordni ta’ konfiska f’waħda nazzjonali.

(5)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI (3) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, l-ittraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavati minn reati. Taħt dik id-Deċiżjoni Kwadru, l-Istati Membri huma obbligati wkoll li ma jagħmlux jew iżommu riżervi fir-rigward ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal-1990, sakemm ir-reat huwa wieħed punibbli permezz tal-privazzjoni mill-libertà jew permezz ta’ ordni ta’ detenzjoni għal massimu ta’ iżjed minn sena.

(6)

Finalment, fit-22 ta’ Lulju 2003 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Kwadru 2003/577/ĠAI dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza (4).

(7)

L-għan ewlieni tal-kriminalità organizzata huwa l-gwadann finanzjarju. Għalhekk, sabiex ikun effettiv, kwalunkwe tentattiv biex tali kriminalità tiġi prevenuta u miġġielda għandu jiffoka fuq l-ittraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavati minn atti kriminali. L-assigurazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku fl-Unjoni Ewropea ta’ miżuri legali temporanji bħall-iffriżar u l-qbid mhux biżżejjed; il-kontroll effettiv tal-kriminalità ekonomika jeħtieġ ukoll ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ konfiska tar-rikavati minn kriminalità.

(8)

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hu li jiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ konfiska ta’ proprjetà sabiex Stat Membru jkun obbligat li jirrikonoxxi u jesegwixxi, fit-territorju tiegħu, ordnijiet ta’ konfiska maħruġin minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha l-kompetenza f’materji kriminali. Din id-Deċiżjoni Kwadru hija marbuta mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005, dwar il-konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u proprjetà li għandhom x’jaqsmu ma’ reati. (5) L-għan ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru hu li jiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom regoli effettivi li jirregolaw il-konfiska ta’ rikavati minn reati, inter alia f'relazzjoni ma' l-obbligu tal-prova fir-rigward tas-sors ta’ l-assi li għandha persuna ħatja ta’ reat li għandu x’jaqsam mal-kriminalità organizzata.

(9)

Il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u l-esekuzzjoni immedjata ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, tassumi li d-deċiżjonjiet li għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati dejjem ser jiġu meħuda skond il-prinċipji ta’ legalità, sussidjarjetà u proporzjonalità. Tassumi wkoll li d-drittijiet mogħtija lill-partijiet jew lill-partijiet terzi interessati bona fide jiġu ppreservati. F’dan il-kuntest, konsiderazzjoni debita għandha tingħata għall-prevenzjoni tas-suċċess ta’ talbiet disonesti minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi.

(10)

L-operat prattiku adatt tad-Deċiżjoni Kwadru jassumi li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti involuti, b’mod partikolari f’każijiet ta’ esekuzzjoni simultanja ta’ ordni ta’ konfiska f’iżjed minn Stat Membru wieħed.

(11)

It-termini “rikavati” u “mezzi strumentali” użati f’din id-Deċiżjoni Kwadru huma definiti f’sens wiesa’ biżżejjed biex jinkludu oġġetti ta’ reati kull fejn meħtieġ.

(12)

Fejn hemm dubji fir-rigward ta’ fejn tinsab proprjetà li hija s-suġġett ta’ ordni ta’ konfiska, l-Istati Membri għandhom jużaw kull mezz disponibbli biex jidentifikaw il-post korrett ta’ dik il-proprjetà, inkluż l-użu tas-sistemi informatiċi kollha disponibbli.

(13)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Kapitolu VI tagħha. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li tipproibixxi r-rifjut tal-konfiska ta’ proprjetà li għaliha nħarġet ordni ta’ konfiska fejn ikun hemm raġunijiet biex wieħed jaħseb, għal raġunijiet oġġettivi, li l-ordni ta’ konfiska nħarġet bil-għan tal-proeskuzzjoni jew l-ikkastigar ta' persuna minħabba s-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, il-lingwa, l-opinjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi preġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

(14)

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma twaqqaf lill-ebda Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu dwar il-proċess ġust, il-libertà ta’ assoċazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’mezzi tax-xanduir oħra.

(15)

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma tittrattax ir-restituzzjoni ta’ proprjetà lis-sid leġittimu tagħha.

(16)

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma tippreġudikax il-finijiet li lejhom l-Istati Membri jallokaw l-ammonti miksuba bħala konsegwenza ta' l-applikazzjoni tagħha.

(17)

Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex taffettwa l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna skond l-Artikolu 33 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

Artikolu 1

Għan

1.   L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hu li jistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru għandu jirrikonoxxi u jesegwixxi fit-territorju tiegħu, ordnijiet ta’ konfiska maħruġin minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha l-kompetenza f’materji kriminali.

2.   Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbura fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe obbligi li jaqgħu fuq awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandhomx jiġu affettwati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru,

(a)

“Stat emittenti” għandu jfisser l-Istat Membru li fih qorti ħarġet ordni ta’ konfiska fil-qafas ta’ proċedimenti kriminali;

(b)

“Stat ta’ esekuzzjoni” għandu jfisser l-Istat Membru li lejh ġiet trasmessa ordni ta’ konfiska għall-iskop ta’ esekuzzjoni;

(c)

“ordni ta’ konfiska” għandu jfisser penali jew miżura finali imposti minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat jew reati kriminali, li tirriżulta fl-ipprivar definittiv ta’ proprjetà;

(d)

“proprjetà” għandu jfisser proprjetà ta’ kwalunkwe deskrizzjoni, materjali jew mhux materjali, mobbli jew immobbli, u dokumenti legali u strumenti li jevidenzjaw it-titlu għal jew l-interess f’tali proprjetà, li l-qorti fl-Istat emittenti ddeċidiet li:

(i)

hija r-rikavat ta’ reat, jew ekwivalenti għall-valur sħiħ jew parti mill-valur ta’ tali rikavati,

jew

(ii)

tikkostitwixxi l-mezzi strumentali ta’ tali reat,

jew

(iii)

tista’ tiġi konfiskata b’riżultat ta’ l-applikazzjoni fl-Istat ta’ ħruġ ta’ kwalunkwe mis-setgħat estiżi ta’ konfiska speċifikati fl-Artikoli 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/212/ĠAI dwar il-konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u proprjetà li għandhom x’jaqsmu ma’ reati,

jew

(iv)

tista’ tiġi konfiskata taħt kwalunkwe dispożizzjoni oħra li għandha x’taqsam ma’ setgħat estiżi ta’ konfiska taħt il-liġi ta’ l-Istat emittenti;

(e)

“rikavati” għandu jfisser kwalunkwe vantaġġ ekonomiku miksub minn reati kriminali. Tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe xorta ta’ proprjetà;

(f)

“mezzi strumentali” għandu jfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tiġi użata, fi kwalunkwe mod, bis-sħiħ jew parzjalment, biex jiġi/u mwettaq/qa reat(i) kriminali;

(g)

“oġġetti kulturali li jagħmlu parti mill-wirt kulturali nazzjonali” għandu jiġi definit skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/7/KEE tal-15 ta’ Marzu 1993 dwar ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru (6);

(h)

Fejn il-proċedimenti kriminali li jwasslu għal ordni ta’ konfiska jinvolvu reat affermat kif ukoll il-money laundering, “reat kriminali” msemmi fl-Artikolu 7(2)(f) għandu jfisser reat affermat.

Artikolu 3

Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar l-awtorità jew l-awtoritajiet, taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, li huma kompetenti skond din id-Deċiżjoni Kwadru, meta dak l-Istat ikun:

l-Istat emittenti,

jew

l-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   Minkejja l-Artikoli 4(1) u (2), kull Stat Membru jista’ jaħtar, jekk ikun neċessarju minħabba l-organizzazzjoni tas-sistema interna tiegħu, awtorità waħda jew aktar responsabbli għat-trasmissjoni u r-riċeviment ta’ l-ordnijiet ta’ konfiska u biex jgħin(u) lill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi aċċessibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.

Artikolu 4

Trasmissjoni ta’ ordnijiet ta’ konfiska

1.   Ordni ta’ konfiska, flimkien ma’ ċertifikat previst fil-paragrafu 2, li l-formola standard tiegħu hi mogħtija fl-anness, tista', fil-każ ta’ ordni ta’ konfiska li tikkonċerna ammont ta’ flus, tiġi trasmessa lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha raġunijiet raġonevoli biex temmen li l-persuna fiżika jew ġuridika kontra min l-ordni ta’ konfiska inħarġet għandha proprjetà jew dħul.

Fil-każ ta’ ordni ta’ konfiska li tikkonċerna partiti speċifiċi ta’ proprjetà, l-ordni ta’ konfiska u ċ-ċertifikat jistgħu jintbagħtu lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha raġunijiet raġonevoli biex temmen li tinstab proprjetà koperta mill-ordni ta’ konfiska.

Jekk mhemmx raġunijiet raġonevoli li jippermettu lill-Istat emittenti milli jiddetermina lil liema Stat Membru tista’ tintbagħat l-ordni ta’ konfiska, l-ordni ta’ konfiska tista’ tiġi trasmessa lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna fiżika jew ġuridika li kontriha nħarġet l-ordni ta’ konfiska hija normalment residenti jew li għandha s-sede reġistrata tagħha.

2.   L-ordni ta’ konfiska jew kopja ċertifikata tagħha, flimkien maċ-ċertifikat, għandhom jiġu trasmessi mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti direttament lill-awtorità fl-Istat ta’ esekuzzjoni li hija kompetenti għall-esekuzzjoni tagħha, permezz ta’ kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni li jistabbilixxi l-awtentiċità tagħha. L-oriġinal ta' l-ordni ta' konfiska, jew kopja ċertifikata tagħha, u l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jekk dan hekk jitlob. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija.

3.   Iċ-ċertifikat għandu jiġi ffirmat, u l-kontenuti tiegħu ċertifikati bħala preċiżi, mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat emittenti.

4.   Jekk l-awtorità kompetenti għall-esekuzzjoni ta’ l-ordni mhijiex magħrufa mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, din ta’ l-aħħar għandha tagħmel l-inkjesti kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-network ġudizzjarju Ewropew, sabiex tikseb informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni.

5.   Fejn l-awtorità fl-Istat ta’ esekuzzjoni li tirċievi ordni, m'għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tirrikonoxxiha u tieħu l-miżuri meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, għandha, ex officio, tittrasmetti l-ordni lill-awtorità kompetenti għall-esekuzzjoni tagħha u għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ emittenti kif meħtieġ.

Artikolu 5

Trasmissjoni ta’ ordni ta’ konfiska lil Stat wieħed ta’ esekuzzjoni jew iżjed

1.   Soġġett għall-paragrafi 2 u 3, ordni ta’ konfiska tista’ tiġi trasmessa biss skond l-Artikolu 4 lil Stat wieħed ta’ esekuzzjoni fi kwalunkwe mument speċifiku.

2.   Ordni ta’ konfiska li tikkonċerna partiti speċifiċi ta’ proprjetà tista’ tiġi trasmessa lil iżjed minn Stat wieħed ta’ esekuzzjoni fl-istess ħin f’każijiet fejn:

l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha raġunijiet raġonevoli biex temmen li partiti differenti ta’ proprjetà koperti mill-ordni ta’ konfiska jinsabu fi Stati ta’ esekuzzjoni differenti,

il-konfiska ta’ partita speċifika ta’ proprjetà koperta mill-ordni ta’ konfiska tinvolvi azzjoni f’iżjed minn Stat wieħed ta’ esekuzzjoni,

jew

l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha raġunijiet raġonevoli biex temmen li partita speċifika ta’ proprjetà koperta mill-ordni ta’ konfiska tinsab f’wieħed minn tnejn jew iżjed Stati ta’ esekuzzjoni speċifikati.

3.   Ordni ta’ konfiska li tikkonċerna ammont ta’ flus tista’ tiġi trasmessa lil iżjed minn Stat wieħed ta’ esekuzzjoni fl-istess ħin, fejn l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tikkunsidra li hemm bżonn speċifiku li jsir hekk, per eżempju fejn:

il-proprjetà ikkonċernata ma ġietx iffriżata taħt id-Deċiżjoni Kwadru 2003/577/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għall-iffriżar ta’ proprjetà jew evidenza,

jew

il-valur tal-proprjetà li tista’ tiġi konfiskata fl-Istat emittenti u kwalunkwe Stat wieħed ta’ esekuzzjoni probabbilment ma jkunx biżżejjed għall-esekuzzjoni ta’ l-ammont sħiħ kopert mill-ordni ta’ konfiska.

Artikolu 6

Reati

1.   Jekk l-atti li jagħtu lok għall-ordni ta’ konfiska jikkostitwixxu wieħed jew iżjed mir-reati li ġejjin, kif definit mil-liġi ta’ l-Istat emittenti, u huma punibbli fl-Istat emittenti b’sentenza ta’ kustodja ta’ massimu ta’ mill-inqas 3 snin, l-ordni ta’ konfiska għandha tagħti lok għal esekuzzjoni mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-atti:

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

terroriżmu,

traffikar ta' bnedmin,

sfruttament sesswali ta’ tfal u pornografjia tat-tfal,

traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,

traffikar illeċitu f’armi, munizjoni u splussivi,

korruzzjoni,

frodi, inkluż dak li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fit-tifsira tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej,

laundering ta' flus li ġejjin minn reati,

falsifikar ta’ muniti, inkluża l-euro,

reati konnessi ma’ l-informatika,

reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu fi speċi ta’ annimali li huma fil-perikolu li jinqerdu u fi speċi u varjetajiet ta’ pjanti li huma fil-perikolu li jinqerdu,

faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,

qtil, offiżi gravi fuq il-persuna,

kummerċ illeċitu f’organi u tessuti umani,

ħtif ta’ persuni, restrizzjoni illegali u ħtif ta’ ostaġġi,

razziżmu u ksenofobija,

serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,

traffikar illeċitu f’beni kulturali, inklużi antikitajiet u xogħlijiet ta’ l-arti,

frodi,

intrigi ta' qerq u estorsjoni,

falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti,

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom,

falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament,

traffikar illeċitu f’sustanzi ormonali u affarijiet oħra li jippromwovu l-iżvilupp,

traffikar illeċitu f’materjali nukleari jew radjuattivi,

traffikar f’vetturi misruqa,

stupru,

ħruq volontarju,

reati li huma fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

qbid illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/bastimenti,

sabotaġġ.

2.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jżid kategoriji oħra ta’ reati għal-lista fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe ħin, billi jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-TUE. Fid-dawl tar-rapport sottomess mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 19, il-Kunsill għandu jikkunsidra jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.

3.   Għal reati oħra minbarra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel li r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li jagħtu lok għall-ordni ta’ konfiska jikkostitwixxu reat li jippermetti l-konfiska taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew il-mod kif hi deskritta taħt il-liġi ta’ l-Istat emittenti.

Artikolu 7

Rikonoxximent u esekuzzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu mingħajr formalitajiet sussegwenti ordni ta’ konfiska li ġiet trasmessa skond l-Artikoli 4 u 5, u għandhom jieħdu minnufih il-miżuri kollha neċessarji għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux li jinvokaw waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 8, jew l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux li jinvokaw waħda mir-raġunijiet għal posponiment ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 10.

2.   Jekk talba għal konfiska tikkonċerna partita speċifika ta’ proprjetà, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati emittenti u ta’ esekuzzjoni jistgħu, jekk dan ikun previst fil-liġi nazzjonali ta’ dawn l-Istati, jaqblu li konfiska fl-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ ħtieġa għal ħlas ta’ somma flus li tikkorrispondi għall-valur tal-proprjetà.

3.   Jekk ordni ta’ konfiska tikkonċerna ammont ta’ flus, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jistgħu, jekk il-ħlas ma jinkisibx, jeżegwixxu l-ordni ta’ konfiska skond il-paragrafu 1 fuq kwalunkwe partita ta’ proprjetà disopnibbli għal dak l-iskop.

4.   Jekk ordni ta’ konfiska tikkonċerna ammont ta’ flus, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jibdlu l-ammont li għandu jiġi konfiskat fil-munita ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bir-rata tal-kambju taż-żmien meta nħarġet l-ordni ta’ konfiska.

5.   Kull Stat Membru jista’ jistqarr permezz ta’ dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu mhux ser jirrikonoxxu u jesegwixxu ordnijiet ta’ konfiska taħt ċirkostanzi fejn il-konfiska tal-proprjetà kienet ordnata taħt id-dispożizzjonijiet dwar is-setgħat estiżi ta’ konfiska msemmija fl-Artikolu 2(d)(iv). Kwalunkwe tali dikjarazzjoni tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 8

Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jesegwixxu l-ordni ta' konfiska jekk iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 mhuwiex prodott, mhuwiex komplet jew ma jikkorrispondix b’mod evidenti ma' l-ordni.

2.   L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni, kif definit fil-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat, tista’ tirrifjuta woll li tirrikonoxxi u tesegwixxi l-ordni ta' jekk konfiska ikun stabbilit li:

(a)

l-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta’ konfiska tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem;

(b)

f’wieħed mill-każijiet msemmija fl-Artikolu 6(3), l-ordni ta’ konfiska għandha x’taqsam ma’ atti li ma jikkostitwux reat li jippermetti l-konfiska taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni; madankollu, fir-rigward ta’ taxxi, dazji, dazji doganali u attivitajiet ta’ kambju, l-esekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska ma tistax tiġi rifjutata għar-raġuni li l-liġi fl-Istat ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess xorta ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli għal dak li għandu x’jaqsam ma’ taxxi, dazji, dazji doganali u attivitajiet ta’ kambju bħal dawk fil-liġi ta’ l-Istat emittenti;

(c)

hemm immunità jew privileġġ taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni li tipprevjeni l-esekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska domestika fuq il-proprjetà ikkonċernata;

(d)

id-drittijiet ta’ kwalunkwe parti interessata, inklużi ta’ partijiet terzi bona fide, taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jagħmlu l-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta’ konfiska impossibbli, inkluż fejn hemm konsegwenza ta’ l-applikazzjoni ta’ rimedji legali skond l-Artikolu 9;

(e)

skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4(2), il-persuna ikkonċernata ma dehritx personalment u ma kinetx rappreżentata minn konsulent legali fil-proċedimenti li rriżultaw fl-ordni ta’ konfiska, sakemm iċ-ċertifikat ma jiddikjarax li l-persuna kienet informata personalment jew permezz ta’ rappreżentant kompetenti skond il-liġi nazzjonali, dwar il-proċedimenti skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti, jew li l-persuna indikat li ma tikkontestax l-ordni ta’ konfiska;

(f)

l-ordni ta’ konfiska hija bbażata fuq proċedimenti fir-rigward ta’ reati kriminali li:

taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, huma kkunsidrati li twettqu bis-sħiħ jew parzjalment fit-territorju tiegħu, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu,

jew

twettqu barra t-territorju ta’ l-Istat emittenti, u l-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma tippermettix li jittieħdu proċedimenti legali fir-rigward ta’ tali reati fejn twettqu barra t-territorju ta’ dak l-Istat;

(g)

l-ordni ta' konfiska, fid-dawl ta' dik l-awtorità, inħareġ f’ċirkostanzi fejn il-konfiska tal-proprjetà kienet ordnata taħt id-dispożizzjonijiet dwar is-setgħat estiżi ta’ konfiska msemmija fl-Artikolu 2(d)(iv);

(h)

fejn l-esekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska hija pprojbita minħabba preskrizzjoni fl-Istat ta’ esekuzzjoni sakemm l-atti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat taħt il-liġi kriminali tiegħu.

3.   Jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jidrilha li:

l-ordni ta’ konfiska saret f’ċirkostanzi fejn il-konfiska tal-proprjetà kienet ordnata taħt id-dispożizzjonijiet dwar is-setgħat estiżi ta’ konfiska msemmija fl-Artikolu 2(d)(iii), u

l-ordni ta’ konfiska ma taqax fl-ambitu ta’ l-opzjoni adottata mill-Istat ta’ esekuzzjoni taħt l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI (7),

għandha tinforza l-ordni ta’ konfiska għal ta’ l-inqas sa fejn previst f’każijiet domestiċi simili taħt il-liġi nazzjonali.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jagħtu konsiderazzjoni speċifika għall-konsultazzjoni, bi kwalunkwe mezzi adatti, ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti qabel ma jiddeċiedu li ma jirrikonoxxux u ma jesegwux ordni ta’ konfiska skond il-paragrafu 2, jew li jillimitaw l-esekuzzjoni skond il-paragrafu 3. Il-konsultazzjoni hija obbligatorja fejn id-deċiżjoni tkun probabbilment ibbażata fuq:

il-paragrafu 1,

il-paragrafu 2(a), (e), (f) jew (g),

il-paragrafu 2(d) u mhiex qiegħda tingħata informazzjoni taħt l-Artikolu 9(3),

jew

il-paragrafu 3.

5.   Fil-każ li l-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta’ konfiska ssir impossibbli, minħabba li l-proprjetà li għandha tiġi konfiskata diġa ġiet konfiskata, sparixxiet, ġiet distrutta, ma tistax tinstab fil-post indikat fiċ-ċertifikat jew il-post fejn tinstab il-proprjetà ma ġietx indikata b’mod preċiż biżżejjed, anki wara konsultazzjoni ma’ l-Istat emittenti, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ ħruġ għandha tiġi nnotifikata minnufih.

Artikolu 9

Rimedji legali fl-Istat ta’ esekuzzjoni kontra rikonoxximent u esekuzzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jadotta l-arranġamenti meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe parti interessata, inklużi partijiet terzi bona fide, ikollha rimedji legali kontra r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska skond l-Artikolu 6, sabiex iżżomm id-drittijiet tagħha. L-azzjoni għandha tittressaq quddiem qorti fl-Istat ta’ esekuzzjoni skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat. L-azzjoni jista’ jkollha effett ta’ sospiża taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   Ir-raġunijiet sostanzjali għall-ħruġ ta’ l-ordni ta’ konfiska ma jistgħux jiġu kontestati quddiem qorti fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.   Jekk tinġab azzjoni fl-Istat ta’ esekuzzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tiġi infurmata b’dan.

Artikolu 10

Posponiment ta’ esekuzzjoni

1.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tipposponi l-esekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska trasmessa skond l-Artikoli 4 u 5:

(a)

jekk, fil-każ ta’ ordni ta’ konfiska li tikkonċerna ammont ta’ flus, tikkonsidra li hemm riskju li l-valur totali miksub mill-esekuzzjoni tagħha jista’ jaqbeż l-ammont speċifikat fl-ordni ta’ konfiska minħabba esekuzzjoni simultanja ta’ l-ordni ta’ konfiska f’iżjed minn Stat Membru wieħed,

(b)

fil-każijiet ta' rimedji legali msemmija fl-Artikolu 9,

(c)

fejn l-esekuzzjoni ta' ordni ta' konfiska tista’ tagħmel ħsara lil investigazzjoni jew proċedimenti kriminali li jkunu għaddejjin, sa meta tikkunsidra raġonevoli,

(d)

fejn huwa kkunsidrat li huwa meħtieġ li tiġi tradotta l-ordni ta' konfiska jew partijiet minnha, li għandha titħallas mill-Istat ta’ esekuzzjoni, jew

(e)

fejn il-proprjetà hija diġà s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ konfiska fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha, għall-perijodu tal-posponiment, tieħu l-miżuri kollha li kienet tieħu f’każ domestiku simili biex tipprevjeni li l-proprjetà ma tibqax disponibbli għall-iskop ta’ l-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta’ konfiska.

3.   Fil-każ ta’ posponiment skond il-paragrafu 1(a), l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti b’dan permezz ta’ kwalunkwe mezzi kapaċi li jħallu rekord bil-miktub, u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tikkonforma ma’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 14(3).

4.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b), (c), (d) u (e), rapport dwar il-posponiment, inkluż ir-raġunijiet għall-posponiment u, jekk possibbli, iż-żmien li mistenni jdum il-posponiment, għandu jsir minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni lill-awtorità kompetenti fl-istat emittenti bi kwalunkwe mezzi kapaċi li jħallu rekord bil-miktub.

Hekk kif ir-raġuni għall-posponiment tkun spiċċat, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha minnufih tieħu l-passi kollha xierqa għall-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta’ konfiska u tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti b’dan permezz ta’ kwalunkwe mezzi kapaċi li jħallu rekord bil-miktub.

Artikolu 11

Ordnijiet ta’ konfiska multipli

Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta' esekuzzjoni qed jipproċessaw:

żewġ ordnijiet ta’ konfiska jew iżjed li jikkonċernaw ammont ta’ flus, li nħarġu kontra l-istess persuna fiżika jew ġuridika, u l-persuna ikkonċernata m'għandhiex biżżejjed mezzi fl-Istat ta' esekuzzjoni biex tippermetti li l-ordnijiet kollha jiġu esegwiti,

jew

żewġ ordnijiet ta’ konfiska jew iżjed jikkonċernaw l-istess partita speċifika ta’ proprjetà,

id-deċiżjoni dwar liema mill-ordnijiet ta’ konfiska tista’ jew jistgħu jiġu esegwiti għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat ta' esekuzzjoni, b’konsiderazzjoni debita taċ-ċirkostanzi kollha, li jistgħu jinkludu l-involviment ta’ assi iffriżati, il-gravità relattiva u l-post tar-reat, id-dati ta’ l-ordnijiet rispettivi u d-dati tat-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet rispettivi.

Artikolu 12

Liġi li tirregola l-esekuzzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-esekuzzjoni ta’ l-ordni għandha tiġi regolata mill-liġi ta’ l-Istat ta' esekuzzjoni u l-awtoritajiet tagħha biss għandhu jkollhom kompetenza biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għal esekuzzjoni u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha li għandhom x’jaqsmu magħha.

2.   Fil-każ fejn il-persuna ikkonċernata tista’ tforni prova ta’ konfiska, totali jew parzjali, fi kwalunkwe Stat, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti bi kwalunkwe mezzi adatti. Kwalunkwe parti mill-ammont, fil-każ ta’ konfiska ta’ rikavati, li huwa rkuprat skond l-ordni ta’ konfiska fi kwalunkwe Stat ieħor mill-Istat ta' esekuzzjoni għandu jiġi mnaqqas bis-sħiħ mill-ammont li għandu jiġi konfiskat fl-Istat ta' esekuzzjoni.

3.   Ordni ta’ konfiska minn persuna ġuridika għandha tiġi esegwita anki jekk l-Istat ta’ esekuzzjoni ma jirrikonoxxix il-prinċipju tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi.

4.   L-Istat ta' esekuzzjoni ma jistax jimponi miżuri bħala alternattiva għall-ordni ta’ konfiska, inklużi sanzjonijiet ta’ ħabs jew kwalunkwe miżura oħra li tillimita l-libertà ta’ persuna bħala riżultat ta’ trasmissjoni skond l-Artikoli 4 u 5, sakemm l-Istat emittenti ma jkunx ta l-kunsens tiegħu.

Artikolu 13

Amnestija, maħfra, reviżjoni ta’ ordni ta' konfiska

1.   L-amnestija u l-maħfra jistgħu jingħataw mill-Istat emittenti tad-deċiżjoni kif ukoll mill-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   L-Istat emittenti biss jista’ jieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għal reviżjoni ta’ ordni ta’ konfiska.

Artikolu 14

Konsegwenzi ta’ trasmissjoni ta’ ordnijiet ta’ konfiska

1.   It-trasmissjoni ta’ ordni ta' konfiska lil Stat wieħed ta' esekuzzjoni jew iżjed skond l-Artikoli 4 u 5 ma tillimitax id-dritt ta’ l-Istat emittenti biex jesegwixxi l-ordni ta' konfiska hu stess.

2.   Fil-każ ta’ trasmissjoni ta’ ordni ta' konfiska li tikkonċerna ammont ta’ flus lil Stat wieħed ta' esekuzzjoni jew iżjed, il-valur totali miksub mill-esekuzzjoni tagħha ma jistax jaqbeż l-ammont massimu speċifikat fl-ordni ta' konfiska.

3.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat ta' esekuzzjoni kkonċernat b’dan bi kwalunkwe mezzi kapaċi li jħallu rekord bil-miktub:

(a)

jekk tikkunsidra li hemm riskju li tista’ sseħħ esekuzzjoni lil hinn mill-ammont massimu, per eżempju abbażi ta’ informazzjoni notifikata lilha minn Stat ta' esekuzzjoni skond l-Artikolu 10(3). Fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(1)(a), l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma kemm jista’ jkun malajr lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta' esekuzzjoni dwar jekk ir-riskju msemmi spiċċax;

(b)

jekk l-ordni ta’ konfiska ġiet esegwita bis-sħiħ jew parzjalment fl-Istat emittenti jew fi Stat ta' esekuzzjoni ieħor. L-ammont li għadu ma ġiex esegwit mill-ordni ta' konfiska għandu jiġi speċifikat;

(c)

jekk, wara t-trasmissjoni ta’ ordni ta' konfiska skond l-Artikoli 4 u 5, awtorità ta’ l-Istat emittenti tirċievi kwalunkwe somma ta’ flus li l-persuna ikkonċernata ħalset volontarjament fir-rigward ta’ l-ordni ta' konfiska. L-Artikolu 12(2) għandu japplika.

Artikolu 15

Tmiem ta’ esekuzzjoni

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tad-deċiżjoni għanda tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bi kwalunkwe mezzi li jħallu rekord bil-miktub dwar kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li bħala riżultat tagħha l-ordni tieqaf milli tkun tista’ tiġi nfurzata jew tiġi rtirata mill-Istat ta’ esekuzzjoni għal kwalunkwe raġuni oħra. L-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jtemm l-esekuzzjoni ta’ l-ordni malli jiġi nfurmat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar dik id-deċiżjoni jew miżura.

Artikolu 16

Allokazzjoni ta’ proprjetà konfiskata

1.   Flus li nkiseb mill-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta' konfiska għandu jiġi allokat mill-Istat ta’ esekuzzjoni kif ġej:

(a)

jekk l-ammont miksub mill-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta' konfiska huwa inqas minn EUR 10 000, jew l-ekwivalenti għal dik is-somma, l-ammont għandu jmur lill-Istat ta' esekuzzjoni,

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, 50 % ta’ l-ammont li nkiseb mill-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta' konfiska għandu jiġi trasferit mill-Istat ta' esekuzzjoni lill-Istat emittenti.

2.   Proprjetà oħra minbarra flus, li nkisbet mill-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta' konfiska, għandha tiġi allokata f’wieħed mill-modi li ġejjin, li għandu jiġi deċiż mill-Istat ta' esekuzzjoni.

(a)

il-proprjetà tista’ tinbiegħ. F’dak il-każ, il-qligħ mill-bejgħ huma allokati skond il-paragrafu 1;

(b)

il-proprjetà tista’ tiġi trasferita lill-Istat emittenti. Jekk l-ordni ta' konfiska tkopri ammont ta’ flus, il-proprjetà tista’ tiġi trasferita biss lill-Istat emittenti meta dak l-Istat ta l-kunsens tiegħu;

(c)

meta mhux posibbli li jiġu applikati (a) jew (b), il-proprjetà tista’ tiġi allokata b’mod ieħor skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat ta' esekuzzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-Istat ta' esekuzzjoni m'għandux ikollu jbigħ jew jirritorna partiti speċifiċi koperti mill-ordni ta' konfiska li jikkostitwixxu oġġetti kulturali li jiffurmaw parti mill-patrimonju nazzjonali ta’ dak l-Istat.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss sakemm ma jkunx hemm ftehim ieħor bejn l-Istat emittenti u l-Istat ta' esekuzzjoni.

Artikolu 17

Informazzjoni dwar ir-riżultat ta’ l-esekuzzjoni

L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti permezz ta’ kwalunkwe mezzi li jħallu rekord bil-miktub:

(a)

dwar it-trasmissjoni ta’ l-ordni ta' konfiska lill-awtorità kompetenti, skond l-Artikolu 4(5),

(b)

dwar kwalunkwe deċiżjoni għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ l-ordni ta' konfiska, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;

(c)

dwar in-nuqqas totali jew parzjali ta’ esekuzzjoni ta’ l-ordni ta' konfiska għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 11, l-Artikolu 12(1) u (2), jew l-Artikolu 13(1);

(d)

hekk kif l-esekuzzjoni ta’ l-ordni ġiet ikkompletata;

(e)

dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri alternattivi, skond l-Artikolu 12(4).

Artikolu 18

Rimbors

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2), fejn l-Istat ta' esekuzzjoni taħt il-liġi tiegħu huwa responsabbli għal korriment ikkawżat lil waħda mill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 9 minħabba l-esekuzzjoni ta’ ordni ta' konfiska trasmessa lilu skond l-Artikoli 4 u 5, l-Istat emittenti għandu jirrimborża lill-Istat ta' esekuzzjoni kwalunkwe somom imħallsa lill-parti msemmija f’danni minħabba dik ir-responsabbiltà ħlief jekk, u sal-limitu li, il-korriment jew kwalunkwe parti minnu huwa esklussivament ir-riżultat tal-kondotta ta’ l-Istat ta' esekuzzjoni.

2.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għall-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri dwar talbiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal kumpens għal ħsara.

Artikolu 19

Lingwi

1.   Iċ-ċertifikat għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata jew f’data aktar tard, jistqarr permezz ta’ dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew iżjed mill-lingwi uffiċjali l-oħra ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 20

Spejjeż

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, l-Istati Membri ma jistgħux jitolbu mingħand xulxin ir-rimbors ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

2.   Fejn l-Istat ta' esekuzzjoni kellu spejjeż li jikkunsidra kbar jew eċċezzjonali, jista’ jipproponi lill-Istat emittenti li l-ispejjeż jinqasmu. L-Istat emittenti għandu jieħu kont ta’ kwalunkwe proposta tali abbażi ta’ speċifikazzjonijiet dettaljati mogħtija mill-Istat ta' esekuzzjoni.

Artikolu 21

Relazzjoni ma’ ftehim u arranġamenti oħra

Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali bejn Stati Membri sakemm tali ftehim jew arranġamenti jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-infurzar ta’ ordnijiet ta' konfiska.

Artikolu 22

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Kwadru sal-24 ta’ Novembru 2008.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obligi li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni Kwadru. Abbażi ta’ rapport stabbilit mill-Kummissjoni abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kunsill għandu, sal-24 ta’ Novembru 2009, jivvaluta f’liema miżura l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bid-dikjarazzjonijiet magħmula skond l-Artikoli 7(5) u 19(2).

4.   Stat Membru li ltaqa’ ma’ diffikultajiet ripetuti jew ma’ nuqqas ta’ attività minn Stat Membru ieħor fir-rikonoxximent u l-esekuzzjoni reċiproku ta’ ordnijiet ta' konfiska, li ma ġewx riżolti permezz ta’ konsultazzjonijiet bilaterali, jista’ jinforma lill-Kunsill bil-ħsieb li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fil-livell ta’ Stat Membru.

5.   L-Istati Membri, li jaġixxu bħala Stati ta’ esekuzzjoni, għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fil-bidu tas-sena kalendarja, dwar in-numru ta’ każijiet fejn ġie applikat l-Artikolu 17(b), b’taqsira tar-raġunijiet għal dan.

Sal-24 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport abbażi ta’ l-informazzjoni riċevuta, akkumpanjat minn kwalunkwe inizjattivi li tikkunsidra xierqa.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għanda tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-6 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K. RAJAMÄKI


(1)  ĠU C 184, 2.8.2002, p. 8.

(2)  Opinjoni mogħtija fl-20 ta’ Novembru 2002 (ĠU C 25E, 29.1.2004, p. 205).

(3)  ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45.

(5)  ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49.

(6)  ĠU L 74, 27.3.1993, p. 74. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2001/38/KE tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 43).

(7)  Imla n-numru mill-premessa 8.


ANNESS

ĊERTIFIKAT

imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għall-ordnijiet ta’ konfiska

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top