EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1698

1698/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal- 20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

OJ L 277, 21.10.2005, p. 1–40 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 286M, 4.11.2010, p. 26–65 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 066 P. 101 - 140
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 066 P. 101 - 140
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 040 P. 138 - 177

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1305

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1698/oj

4.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

26


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1698/2005

tal-20 ta’ Settembru 2005

dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 36, 37 u 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Politika għall-iżvilupp rurali għandha takkumpanja u tikkumplementa l-politika tas-suq u tal-appoġġ għad-dħul tal-Politika Agrikola Komuni u b'hekk tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ta' dik il-politika kif stabbiliti fit-Trattat. Il-politika għall-iżvilupp rurali għandha wkoll tieħu kont tal-objettivi ġenerali għall-politika ta' koeżjoni ekonomika u soċjali mniżżla fit-Trattat u tikkontribwixxi għall-kisba tagħhom, waqt li tintegra l-prijoritajiet maġġuri ta' politika l-oħra, kif deskritti fil-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej ta' Lisbona u ta' Göteborg dwar il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli.

(2)

Skont it-Trattat, fit-tfassil tal-Politika Agrikola Komuni u l-miżuri speċjali għall-applikazzjoni tagħha, għandu jittieħed kont tan-natura partikolari tal-attività agrikola li tirriżulta mill-istruttura soċjali tal-agrikoltura u mid-differenzi strutturali u naturali bejn id-diversi żoni rurali.

(3)

Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni f'Ġunju 2003 u f'April 2004 introduċiet bidliet kbar li jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija fit-territorju rurali kollu tal-Komunità f'termini ta' mudelli ta' produzzjoni agrikola, miżuri ta' ġestjoni tal-art, impjieg, u l-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aktar ġenerali fid-diversi żoni rurali.

(4)

L-azzjoni mill-Komunità għandha tkun komplementari għal dik li ssir mill-Istati Membri jew tfittex li tikkontribwixxi għaliha. Għandha tissaħħaħ is-sħubija permezz ta' arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' tipi differenti ta' msieħba b'rispett sħiħ għall-kompetenzi istituzzjonali tal-Istati Membri. L-imsieħba kkonċernati għandhom jiġu involuti fit-tħejjija, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmazzjoni.

(5)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp rurali, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba r-rabtiet bejn dan u l-istrumenti l-oħra tal-Politika Agrikola Komuni, id-differenzi kbar bejn id-diversi żoni rurali u l-limiti tar-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri f'Unjoni mkabbra, u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju permezz tal-garanzija pluriennali tal-finanzi Komunitarji u billi dawn jiġu kkonċentrati fuq il-prijoritajiet tiegħu, il-Komunità tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(6)

L-attivitajiet tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (minn hawn 'il quddiem “FAEŻR”), u l-operazzjonijiet li jikkontribwixxi għalihom għandhom ikunu konsistenti u kompatibbli mal-linji ta' politika l-oħra tal-Komunità u għandhom jikkonformaw mal-leġislazzjoni Komunitarja kollha.

(7)

Fl-azzjoni tagħha favur l-iżvilupp rurali, il-Komunità tieħu ħsieb li telimina l-inugwaljanzi u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-nondiskriminazzjoni, f'konformità mat-Trattat.

(8)

Sabiex il-kontenut strateġiku tal-politika għall-iżvilupp rurali jiġi ffukat b'mod konformi mal-prijoritajiet tal-Komunità u b'hekk jiffavorixxi t-trasparenza tagħha, il-Kunsill għandu jadotta linji gwida strateġiċi fuq proposta mill-Kummissjoni.

(9)

Abbażi tal-linji gwida strateġiċi, kull Stat Membru għandu jħejji l-pjan strateġiku nazzjonali tiegħu għall-iżvilupp rurali li jikkostitwixxi l-qafas ta' referenza għat-tħejjija tal-programmi għall-iżvilupp rurali. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jirrapportaw dwar il-monitoraġġ tal-istrateġija nazzjonali u Komunitarja.

(10)

Il-programmazzjoni tal-iżvilupp rurali għandha tikkonforma mal-prijoritajiet Komunitarji u nazzjonali u għandha tikkumplementa l-linji ta' politika Komunitarji l-oħra, b'mod partikolari l-politika tas-suq agrikolu, il-politika ta' koeżjoni u l-Politika Komuni tas-Sajd.

(11)

Sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli taż-żoni rurali jeħtieġ li wieħed jiffoka fuq numru limitat ta' objettivi ta' qofol fuq livell Komunitarju relatati mal-kompetittività fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-foresterija, il-ġestjoni tal-art u l-ambjent, il-kwalità tal-għajxien u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet f'dawk l-oqsma, b'kont meħud tad-diversità tas-sitwazzjonijiet, li jvarjaw minn żoni rurali remoti milquta minn tnaqqis fil-popolazzjoni u rigress għal żoni rurali peri-urbani taħt pressjoni dejjem akbar minn ċentri urbani.

(12)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġenerali għall-programmazzjoni u r-reviżjoni tal-programmazzjoni tal-iżvilupp rurali, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn l-assi tal-programmi għall-iżvilupp rurali li jikkorrispondu għal dawk l-objettivi ta' qofol. Id-durata tal-programmi għandha tkun ta' seba' snin.

(13)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv li tittejjeb il-kompetittività tas-setturi tal-agrikoltura u tal-foresterija huwa importanti li jinbnew strateġiji ċari ta' żvilupp immirati lejn it-titjib u l-adattament tal-potenzjal uman, il-potenzjal fiżiku u l-kwalità tal-produzzjoni agrikola.

(14)

Rigward il-potenzjal uman, għandu jkun disponibbli sett ta' miżuri dwar it-taħriġ, l-informazzjoni u d-disseminazzjoni tal-għarfien, l-istabbiliment ta' bdiewa żgħażagħ, l-irtirar kmieni ta' bdiewa u ħaddiema agrikoli, l-użu ta' servizzi ta' konsulenza minn bdiewa u detenturi ta' art forestali, u l-istabbiliment ta' servizzi ta' ġestjoni tal-azjendi agrikoli, ta' sostituzzjoni fl-azjendi agrikoli kif ukoll servizzi ta' konsulenza agrikola u ta' servizzi ta' konsulenza forestali.

(15)

Fir-rigward tat-taħriġ, l-informazzjoni u d-disseminazzjoni tal-għarfien, l-evoluzzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni tal-agrikoltura u l-foresterija jeħtieġu livell adatt ta' taħriġ tekniku u ekonomiku, inkluż kompetenza fit-teknoloġiji ta' informazzjoni l-ġodda, kif ukoll għarfien adatt fl-oqsma tal-kwalità tal-prodotti, tar-riżultati tar-riċerka u tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inklużi rekwiżiti ta' kondizzjonalità u l-applikazzjoni ta' prassi ta' produzzjoni kompatibbli maż-żamma u t-titjib tal-pajsaġġ u l-protezzjoni tal-ambjent. Għalhekk jeħtieġ li l-attivitajiet ta' taħriġ, informazzjoni u disseminazzjoni tal-għarfien jiġu offruti lill-persuni adulti kollha li jaħdmu fil-qasam tal-agrikoltura, l-ikel u l-foresterija. Dawn l-attivitajiet ikopru kwistjonijiet li jaqgħu kemm taħt l-objettiv tal-kompetittività agrikola u dik tal-foresterija kif ukoll taħt l-objettiv tal-ġestjoni tal-art u l-ambjent.

(16)

L-għoti ta' benefiċċji speċifiċi lill-bdiewa żgħażagħ jista' jiffaċilita kemm l-istabbiliment inizjali tagħhom kif ukoll l-aġġustament strutturali tal-azjendi tagħhom wara l-istabbiliment inizjali tagħhom. Il-miżura għall-istabbiliment għandha tkun bil-kondizzjoni li jiġi stabbilit pjan kummerċjali bħala strument li jiżgura biż-żmien l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-azjenda agrikola l-ġdida.

(17)

L-irtirar kmieni mill-biedja għandu jimmira għal bidla strutturali sinifikanti tal-azjendi ttrasferiti permezz tal-miżura għall-istabbiliment ta' bdiewa żgħażagħ skont ir-rekwiżiti ta' dik il-miżura, jew billi l-azjenda tiġi ttrasferita bil-ħsieb li titkabbar, b'kont meħud ukoll tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' skemi Komunitarji preċedenti f'dan il-qasam.

(18)

L-użu ta' servizzi ta' ġestjoni u ta' konsulenza mill-bdiewa u detenturi ta' art forestali għandu jippermettilhom itejbu l-ġestjoni sostenibbli tal-azjendi agrikoli tagħhom. L-użu ta' servizzi ta' konsulenza agrikola, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (2), għandu jgħin lill-bdiewa jivvalutaw il-prestazzjoni tal-azjenda agrikola tagħhom u jidentifikaw it-titjib meħtieġ fir-rigward tar-rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni mniżżla f'dak ir-Regolament u tal-istandards Komunitarji relatati mas-sigurtà fuq ix-xogħol.

(19)

L-istabbiliment ta' servizzi ta' ġestjoni tal-azjendi agrikoli, ta' sostituzzjoni fl-azjendi agrikoli u ta' konsulenza agrikola għall-bdiewa u s-servizzi ta' konsulenza forestali għad-detenturi ta' art forestali għandhom jgħinuhom jadattaw, itejbu u jiffaċilitaw il-ġestjoni u jtejbu l-prestazzjoni ġenerali tal-azjendi tagħhom billi jitkabbar iżjed il-potenzjal uman li jaħdem fis-settur tal-agrikoltura u tal-foresterija.

(20)

Fir-rigward tal-potenzjal fiżiku, għandhom ikunu disponibbli sett ta' miżuri dwar il-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, it-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti, iż-żieda fil-valur tal-prodotti agrikoli u forestali, il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u tal-ikel u fis-settur tal-foresterija, it-titjib u l-iżvilupp tal-infrastruttura agrikola u forestali, ir-rikostituzzjoni tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola fejn saret ħsara minnħabba diżastri naturali u l-introduzzjoni ta' miżuri adatti ta' prevenzjoni.

(21)

L-għan tal-għajnuna Komunitarja għall-investiment fl-azjendi agrikoli huwa li jiġu modernizzati l-azjendi agrikoli biex titjieb il-prestazzjoni ekonomika tagħhom permezz tal-użu aħjar tal-fatturi ta' produzzjoni, li jinkludi, l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u ta' innovazzjoni, filwaqt li jiġu ppreferuti l-kwalità, il-prodotti organiċi u d-diversifikazzjoni intra u extra-azjendali, inklużi s-setturi li mhux tal-ikel u tal-prodotti tar-raba' enerġetiċi, kif ukoll it-titjib tas-sitwazzjoni ambjentali, tas-sigurtà fuq ix-xogħol, tal-iġjene u tat-trattament xieraq tal-annimali fl-azjendi agrikoli, filwaqt li tissimplifika l-kondizzjonijiet għall-għajnuna għall-investiment meta mqabbla ma' dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) (3).

(22)

Il-foresti privati għandhom rwol importanti fl-attività ekonomika fiż-żoni rurali u, għalhekk, l-għajnuna Komunitarja hija importanti sabiex ittejjeb u tiddiversifika l-valur ekonomiku tagħhom, biex iżżid id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni u ttejjeb l-opportunitajiet tas-suq, f'setturi bħal dak tal-enerġija rinnovabbli, waqt li żżomm il-ġestjoni sostenibbli u r-rwol multifunzjonali tal-foresti.

(23)

Għandu jitħeġġeġ it-titjib fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli u forestali primarji permezz ta' appoġġ għall-investimenti li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza fis-settur tal-ipproċessar u dak tal-kummerċjalizzazzjoni, li jippromovu l-ipproċessar tal-produzzjoni agrikola u forestali għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli, li jintroduċu teknoloġiji ġodda u innovazzjoni, li jiftħu opportunitajiet ġodda fis-suq għall-prodotti agrikoli u forestali, li jtejbu l-kwalità, li jżidu l-livell ta' protezzjoni tal-ambjent, tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-iġjene u t-trattament xieraq tal-annimali, skont il-każ, billi, bħala regola ġenerali, jiffukaw fuq il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u intrapriżi oħra taħt ċertu daqs, li huma f'pożizzjoni aħjar biex iżidu l-valur tal-prodotti lokali, waqt li jiġu ssimplifikati wkoll il-kondizzjonijiet għall-għajnuna għall-investiment meta mqabbel ma' dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1257/1999.

(24)

F'kuntest ta' kompetizzjoni akbar, huwa importanti li jiġi żgurat li s-settur agrikolu u tal-ikel u s-settur tal-foresterija jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tas-suq permezz ta' approċċi innovattivi ġeneralizzati fl-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda. Għal dan il-għan għandha titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-bdiewa, l-industrija tal-ikel u tal-ipproċessar tal-materja prima u partijiet oħra.

(25)

L-infrastruttura agrikola u l-miżuri preventivi u ta' rikostituzzjoni kontra d-diżastri naturali għandhom jikkontribwixxu għall-assi marbut mal-kompetittività tal-agrikoltura u tal-foresterija.

(26)

Fir-rigward tal-kwalità tal-produzzjoni u l-prodotti agrikoli, għandu jkun disponibbli sett ta' miżuri li għandhom l-għan li jgħinu lill-bdiewa jikkonformaw mal-istandards ibbażati fuq il-leġislazzjoni Komunitarja, li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-bdiewa fl-skemi ta' kwalità tal-ikel u li jsostnu l-gruppi ta' produtturi fl-attivitajiet ta' informazzjoni u promozzjoni.

(27)

L-għan tal-miżura dwar il-konformità mal-istandards huwa li tiġi promossa implimentazzjoni iżjed rapida mill-bdiewa tal-istandards għoljin ibbażati fuq il-leġislazzjoni Komunitarja rigward l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u r-rispett ta' dawn l-istandards mill-istess bdiewa. Dawn l-istandards jistgħu jimponu obbligi ġodda fuq il-bdiewa u b'hekk għandu jingħata appoġġ biex jgħinhom ikopru parzjalment l-ispejjeż addizzjonali jew id-dħul mitluf li jirriżultaw minn dawn l-obbligi.

(28)

L-għan tal-miżura li tipprovdi appoġġ lill-bdiewa li qed jipparteċipaw fl-iskemi Komunitarji jew nazzjonali ta' kwalità tal-ikel huwa li l-konsumaturi jingħataw assigurazzjonijiet dwar il-kwalità tal-prodott jew il-proċess ta' produzzjoni użat bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-iskemi, sabiex jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli primarji u jittejbu l-opportunitajiet tas-suq. Peress li l-parteċipazzjoni fi skemi bħal dawn tista' tirriżulta fi spejjeż addizzjonali u obbligi li mhumiex kompletament ikkumpensati mis-suq, il-bdiewa għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw fi skemi bħal dawn.

(29)

Jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu sensibilizzati dwar l-eżistenza u l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti koperti mill-iskemi ta' kwalità msemmija hawn fuq. Għandu jingħata appoġġ lill-gruppi ta' produtturi sabiex jinfurmaw lill-konsumaturi u jippromovu l-prodotti koperti mill-skemi ta' kwalità sostnuti mill-Istati Membri fil-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali.

(30)

Jeħtieġ li tiġi żgurata t-transizzoni bla xkiel ta' sett ta' miżuri individwali introdotti permezz tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, jiġifieri l-miżura dwar il-biedja ta' semi-sussistenza u l-miżura dwar il-gruppi ta' produtturi.

(31)

L-appoġġ għall-metodi speċifiċi ta' ġestjoni tal-art għandu jikkontribbwixxi għall-iżvilupp sostenibbli billi jinkoraġġixxi lill-bdiewa u b'mod partikolari lid-detenturi ta' art forestali biex jagħmlu użu minn metodi ta' użu tal-art li huma kompatibbli mal-ħtieġa li jiġu ssalvagwardati l-ambjent naturali u l-pajsaġġ u li jiġu protetti u jittejbu r-riżorsi naturali. Dan għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-sitt Programm ta' Azzjoni Komunitarju dwar l-Ambjent u tal-konklużjonijiet tal-Presidenzja dwar l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli. Il-kwistjonijiet ċentrali li għandhom jiġu indirizzati jinkludu l-bijodiversità, il-ġestjoni tas-siti Natura 2000, il-protezzjoni tal-ilma u l-ħamrija, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima inkluż it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonja u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi.

(32)

Il-foresterija hija parti integrali tal-iżvilupp rurali u l-appoġġ għall-użu sostenibbli tal-art għandu jinkludi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u r-rwol multifunzjonali tagħhom. Il-foresti joħolqu ħafna benefiċċji: huma jipprovdu l-materja prima għall-prodotti rinnovabbli u li mhumiex ta' ħsara għall-ambjent u għandhom rwol importanti għall-prosperità ekonomika, għad-diversità bijoloġika, għaċ-ċiklu globali tal-karbonju, għall-bilanċ tal-ilma, għall-kontroll tal-erożjoni u l-prevenzjoni tal-perikli naturali, kif ukoll jipprovdu servizzi soċjali u rikreattivi. Il-miżuri forestali għandhom jiġu adottati fid-dawl tal-impenji meħuda mill-Komunità u l-Istati Membri fil-livell internazzjonali, u għandhom ikunu bbażati fuq il-programmi forestali nazzjonali jew subnazzjonali tal-Istati Membri jew fuq strumenti ekwivalenti, b'kont meħud tal-impenji meħuda fil-Konferenzi Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa. Il-miżuri forestali għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Forestali tal-Komunità. Dan l-appoġġ għandu jevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u m'għandux jinfluwenza s-suq.

(33)

Il-pagamenti marbuta ma' żvantaġġi naturali favur żoni tal-muntanji u l-pagamenti favur żoni oħra bi żvantaġġi għandhom jikkontribwixxu, permezz tal-użu kontinwu tal-art agrikola, għaż-żamma tal-kampanja kif ukoll għaż-żamma u l-promozzjoni ta' sistemi ta' biedja sostenibbli. Għandhom jiġu stabbiliti parametri oġġettivi sabiex jiġi ffissat livell ta' pagamenti biex b'hekk tiġi żgurata l-effiċjenza ta' din l-iskema ta' appoġġ u li jinkisbu l-għanijiet tagħha. Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għal żoni anqas vantaġġati għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perijodu ta’ żmien.

(34)

Għandu jibqa' jingħata appoġġ lill-bdiewa biex ikunu jistgħu jindirizzaw, fiż-żoni kkonċernati, l-iżvantaġġi speċifiċi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (4) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (5), sabiex jingħata kontribut għall-ġestjoni effettiva tas-siti Natura 2000, filwaqt li għandu jingħata wkoll appoġġ lill-bdiewa biex jgħinhom jindirizzaw, f'żoni ta' baċir tax-xmajjar, l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (6).

(35)

Il-pagamenti agro-ambjentali għandu jibqa' jkollhom rwol prominenti fl-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali u fir-rispons għad-domanda dejjem tikber tas-soċjetà għal servizzi ambjentali. Barra minn hekk għandhom jinkoraġġixxu lill-bdiewa u amministraturi oħra tal-art biex iservu s-soċjetà fl-intier tagħha billi jintroduċu jew ikomplu japplikaw metodi ta' produzzjoni agrikola kompatibbli mal-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent, il-pajsaġġ u l-karatteristiċi tiegħu, ir-riżorsi naturali, il-ħamrija u d-diversità ġenetika. F'dan il-kuntest, il-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura għandha tingħata attenzjoni speċifika. Skont il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas dawn il-pagamenti għandhom ikopru biss dawk l-impenji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti.

(36)

Il-bdiewa għandhom ikomplu jiġu mħeġġa jadottaw standards għolja fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali billi jipprevedu appoġġ għall-bdiewa li jintrabtu li jadottaw standards tat-trobbija tal-bhejjem li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti.

(37)

L-appoġġ għandu jingħata għal investimenti mingħajr rimunerazzjoni fejn dawn ikunu meħtieġa biex jintlaħqu l-impenji meħuda taħt l-iskemi agro-ambjentali u objettivi agro-ambjentali oħra, jew fejn, fl-azjenda, dawn isaħħu l-utilità pubblika taż-żoni Natura 2000 u żoni oħra ta' valur naturali kbir.

(38)

Sabiex jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent, għall-prevenzjoni tal-perikli naturali u n-nirien, kif ukoll għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, ir-riżorsi forestali għandhom ikunu estiżi u mtejba permezz ta' afforestazzjoni inizjali tal-art agrikola u art mhux agrikola. Kull afforestazzjoni inizjali għandha tkun adattata għall-kondizzjonijiet lokali u għandha tkun kompatibbli mal-ambjent u ssaħħaħ il-bijodiversità.

(39)

Is-sistemi agro-forestali għandhom valur ekoloġiku u soċjali kbir peress li jgħaqqdu flimkien is-sistemi agrikoli estensivi u dawk forestali, bil-għan ta' produzzjoni ta' injam ta' kwalità għolja u prodotti forestali oħra. L-istabbiliment tagħhom għandu jingħata appoġġ.

(40)

Minħabba l-importanza tal-foresti għall-implimentazzjoni b'suċċess tad-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE, għandu jingħata appoġġ speċifiku lid-detenturi ta' art forestali biex ikunu jistgħu jindirizzaw problemi speċifiċi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tagħhom.

(41)

Għandhom jiġu introdotti pagamenti favur l-ambjent forestali għall-impenji volontarji biex tissaħħaħ il-bijodiversità, jiġu ppreservati l-ekosistemi forestali ta' valur kbir u jissaħħaħ il-valur protettiv tal-foresti fir-rigward tal-erożjoni tal-ħamrija, il-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-kwalità tal-ilma u l-perikli naturali.

(42)

Għandu jingħata appoġġ għar-rikostituzzjoni tal-potenzjal forestali f'foresti li saritilhom il-ħsara minħabba diżastri naturali u nirien u għall-introduzzjoni ta' azzjonijiet preventivi. L-azzjonijiet preventivi kontra n-nirien għandhom ikopru ż-żoni li l-Istati Membri jikklassifikaw bħala żoni ta' riskju ta' nirien għoli jew medju skont il-pjanijiet tagħhom ta' protezzjoni forestali.

(43)

Għandu jingħata appoġġ lid-detenturi ta' art forestali għal investimenti mingħajr rimunarazzjoni fejn ikunu meħtieġa biex jinkisbu l-impenji fil-qasam tal-ambjent forestali jew objettivi ambjentali oħra, jew f'foresti biex jissaħħaħ il-valur tal-utilità pubblika taż-żoni kkonċernati.

(44)

Sabiex jiġi żgurat l-użu mmirat u effiċjenti tal-appoġġ għall-ġestjoni tal-art taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiddelimitaw żoni għal interventi taħt ċerti miżuri ta' dan l-assi. Iż-żoni tal-muntanji u żoni oħra bi żvantaġġi għandhom jiġu delimitati abbażi ta' kriterji oġġettivi komuni. Għalhekk, id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jadottaw listi ta' żoni anqas vantaġġati jew li jemendaw tali listi f'konformità mal-Artikolu 21(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 950/97 tal-20 ta' Mejju 1997 dwar it-titjib fl-effiċjenza tal-istrutturi agrikoli (7), għandhom jitħassru b'effett minn data aktar tard. Iz-żoni Natura 2000 huma delimitati f'konformità mad-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE. L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw żoni adattati għall-afforestazzjoni għal raġunijet ambjentali, bħall-protezzjoni kontra l-erożjoni, il-prevenzjoni ta' perikli naturali jew l-estensjoni tar-riżorsi forestali li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u z-żoni forestali b'riskju ta' nirien forestali medju-għoli.

(45)

Għandha tiġi stabbilita sistema ta' pieni għal benefiċjarji li jirċievu pagamenti taħt ċerti miżuri ta' ġestjoni tal-art u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti obbligatorji previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 fl-azjenda kollha tagħhom, b'kont meħud tal-gravità, l-estensjoni, il-persistenza u r-repetizzjoni tan-non-konformità.

(46)

Jeħtieġ li l-bidliet fiż-żoni rurali jkunu akkumpanjati billi tingħatalhom għajnuna biex jiddiversifikaw l-attivitajiet ta' biedja lejn attivitajiet non-agrikoli u jiżviluppaw setturi non-agrikoli, jippromovu l-impjiegi, itejbu s-servizzi bażiċi, inkluż l-aċċess lokali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) u jagħmlu investimenti biex iż-żoni rurali jsiru iżjed attraenti sabiex jaqilbu x-xejriet lejn rigress ekonomiku u soċjali u t-tnaqqis tal-popolazzjoni fil-kampanja. F'dan ir-rigward huwa meħtieġ ukoll sforz biex jissaħħaħ il-potenzjal uman.

(47)

Għandu jingħata appoġġ għal miżuri oħra relatati mal-ekonomija rurali iżjed ġenerali. Il-lista tal-miżuri għandha tkun definita abbażi tal-esperjenza mill-inizjattiva Leader u b'kont meħud tal-ħtiġijiet multi-settorjali għall-iżvilupp rurali endoġenu.

(48)

L-implimentazzjoni tal-istrateġiji lokali ta' żvilupp jistgħu jsaħħu l-koerenza territorjali u s-sinerġiji bejn il-miżuri maħsuba b'mod ġenerali għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali. Għalhekk, il-miżuri relatati mal-ekonomija rurali ġenerali għandhom ikunu preferibbilment implimentati permezz ta' strateġiji lokali ta' żvilupp.

(49)

Jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar il-prinċipji ta' koerenza u komplementarjetà tal-assi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali ma' strumenti finanzjarji Komunitarji oħra, u b'mod partikolari ma' dawk tal-politika ta' Koeżjoni.

(50)

L-Inizjattiva Leader, wara li għaddiet minn tliet perijodi ta' programmazzjoni, laħqet livell ta' maturità li jippermetti li ż-żoni rurali jimplimentaw l-approċċ Leader b'mod aktar ġenerali fil-programmazzjoni ġenerali għall-iżvilupp rurali. Għalhekk għandu jsir provvediment biex il-prinċipji bażiċi tal-approċċ Leader jiġu trasferiti fil-programmi filwaqt li fihom jinbena assi speċifiku, u jiġu ddefiniti l-gruppi ta' azzjoni lokali u l-miżuri li għandhom jiġu appoġġati, b'mod partikolari l-kapaċità ta' sħubija, l-implimentazzjoni ta' strateġiji lokali, il-kooperazzjoni, in-netwerking u l-kisba ta' kompetenzi.

(51)

Minħabba l-importanza tal-approċċ Leader, sehem sostanzjali tal-kontribut tal-FAEŻR għandu jkun assenjat għal dan l-assi.

(52)

Il-FAEŻR għandu jappoġġa, permezz ta' assistenza teknika, azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi. Bħala parti mill-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (8), għandu jiġi stabbilit netwerk għall-iżvilupp rurali fuq livell Komunitarju.

(53)

Għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi disponibbli. Dawn ir-riżorsi għandhom ikunu konsistenti mal-perspettiva finanzjarja għall-perijodu mill-2007 sal-2013. L-ammont globali għall-iżvilupp rurali għandu jiġi allokat kull sena. Għandha tkun konċessa konċentrazzjoni sinifikanti fuq ir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta' Konverġenza.

(54)

Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet biex il-Kunsill ikun jista' jiddetermina l-ammont ta' appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali taħt dan ir-Regolament għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013, it-tqassim annwali u l-ammont minimu li għandu jkun kkonċentrat fir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta' Konverġenza f'konformità mal-perspettiva finanzjarja għall-perijodu mill-2007 sal-2013 u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib tal-proċedura baġitarja għall-istess perijodu.

(55)

L-approprjazzjonijiet annwali allokati lil Stat Membru għall-Objettiv ta' Konverġenza taħt il-Fondi għall-parti li ġejja mis-Sezzjoni Gwida tal-FAEGG, il-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni (minn hawn 'il quddiem “FK”) u l-Istrument Finanzjarju għal Gwida tas-Sajd (9) (minn hawn 'il quddiem “SFGS”) għandhom ikunu limitati għal limitu massimu fiss fir-rigward tal-kapaċità ta' assorbiment ta' dak l-Istat.

(56)

Għat-tqassim indikattiv tal-approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli għall-Istati Membri għandhom ikunu stabbiliti kriterji skont metodu oġġettiv u trasparenti.

(57)

Minbarra dawn l-ammonti, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-ammonti previsti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(58)

L-approprjazzjonijiet disponibbli taħt il-Fondi għandhom ikunu indiċjati b'rata fissa għall-programmazzjoni tagħhom.

(59)

Ir-rata tal-kontribut tal-FAEŻR għall-programmazzjoni għall-iżvilupp rurali għandha tiġi stabbilita b'rabta mal-ispiża pubblika fl-Istati Membri, b'kont meħud tal-importanza tal-prijorità mogħtija lill-ġestjoni tal-art u l-ambjent, is-sitwazzjoni fir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta' Konverġenza u l-prijorità mogħtija lill-approċċ Leader.

(60)

Sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi u l-problemi strutturali fl-attivitajiet tal-biedja u l-foresterija u fiż-żieda tal-valur għall-prodotti agrikoli u forestali bħala riżultat tal-fatt tad-distanza, tal-insularità jew tal-lokalità mbiegħda u tad-dipendenza tal-ekonomija rurali fuq numru limitat ta' prodotti agrikoli, u sabiex tiġi promossa politika ta' żvilupp rurali b'saħħitha, dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali, kif ukoll rati ta' kofinanzjament adatti mill-FAEŻR għandhom japplikaw fir-reġjuni l-iktar imbiegħda msemmija fit-Trattat u fil-gżejjer koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2019/93 tad-19 ta' Lulju 1993 li jintroduċi miżuri speċifiċi għall-Gżejjer tal-Eġew iż-żgħar rigward ċerti prodotti agrikoli (10).

(61)

F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u soġġett għal eċċezzjonijiet, għandu jkun hemm regoli nazzjonali dwar l-eliġibbilità tal-ispejjeż.

(62)

Biex jiġu żgurati l-effettività, l-ekwità u l-impatt sostenibbli tal-assistenza mill-FAEŻR, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li operazzjonijiet relatati mal-investiment ikunu dejjiema u li jevitaw li dan il-fond jintuża għall-kompetizzjoni inġusta.

(63)

L-implimentazzjoni deċentralizzata tal-azzjonijiet taħt il-FAEŻR għandha tiġi akkumpanjata minn garanziji, b'mod partikolari dwar il-kwalità tal-implimentazzjoni, ir-riżultati, il-ġestjoni finanzjarja soda u l-kontroll.

(64)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali u l-funzjonijiet bażiċi li kwalunkwe sistema ta' ġestjoni u kontroll għandha tiżgura. Għalhekk jeħtieġ li tinżamm l-għażla ta' Awtorità ta' Ġestjoni unika u li jiġu speċifikati r-responsabbiltajiet tagħha.

(65)

Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jkun soġġett għal monitoraġġ adatt, minn Kumitat ta' Monitoraġġ, abbażi ta' qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni stabbilit u implimentat bi sħab mal-Istati Membri, biex jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tal-iżvilupp rurali b'mod effettiv.

(66)

L-effikaċja u l-impatt tal-azzjonijiet taħt il-FAEŻR jiddependu wkoll minn evalwazzjoni mtejba abbażi tal-qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni. B'mod partikolari, il-programmi għandhom jiġu evalwati għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-konklużjoni tagħhom.

(67)

Sabiex is-sħubija tkun tista' taħdem b'mod effettiv u tiġi promossa l-azzjoni Komunitarja, l-informazzjoni dwarha għandha tkun pubbliċizzata kemm jista' jkun. L-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi għandhom reponsabbiltà f'dan ir-rigward.

(68)

L-iżvilupp rurali kif definit f'dan ir-Regolament għandu jkun eliġibbli għall-appoġġ mill-Istati Membri mingħajr kofinanzjament Komunitarju. Minħabba l-impatt ekonomiku ta' tali għajnuna u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-miżuri eliġibbli għall-appoġġ Komunitarju u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri, għandhom ikunu stabbiliti regoli speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat, b'kont meħud ukoll tal-esperjenza mill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jagħtu għajnuna mill-Istat, maħsuba biex tipprovdi finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp rurali li għalih jingħata l-appoġġ Komunitarju, taħt proċedura ta' notifika f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament bħala parti mill-programmazzjoni.

(69)

Jeħtieġ li jiġu adottati regoli li jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-iskema ta' appoġġ eżistenti għall-iskema l-ġdida ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali.

(70)

L-iskema l-ġdida ta' appoġġ prevista f'dan ir-Regolament tissostitwixxi l-iskema ta' appoġġ eżistenti. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 għandu jiġi revokat mill-1 ta’ Jannar 2007 bl-eċċezzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar żoni anqas vantaġġati li għandhom jitħassru f’data aktar tard.

(71)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (11).

(72)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta Opinjoni (12).

(73)

Il-Kumitat tar-Reġjuni ta Opinjoni (13),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

OBJETTIVI U REGOLI ĠENERALI DWAR L-ASSISTENZA

KAPITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament:

1)

jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw l-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali, iffinanzjat mill-FAEŻR, stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1290/2005;

2)

jiddefinixxi l-Objettivi li għalihom għandha tikkontribwixxi l-politika għall-iżvilupp rurali;

3)

jiddefinixxi l-kuntest strateġiku għall-politika għall-iżvilupp rurali, inkluż il-metodu biex jiġu stipulati l-linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-politika għall-iżvilupp rurali (minn hawn 'il quddiem “il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità”) u l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali;

4)

jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-miżuri għall-iżvilupp rurali;

5)

jistabbilixxi r-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni, l-evalwazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, il-monitoraġġ u l-kontroll abbażi tar-responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)   “programmazzjoni”: il-proċess ta' organizzazzjoni, teħid ta' deċiżonijiet u finanzjament f'diversi stadji maħsub għall-implimentazzjoni, fuq bażi pluriennali, tal-azzjoni konġunta mill-Komunità u l-Istati Membri biex jinkisbu l-għanijiet prijoritarji tal-FAEŻR;

(b)   “reġjun”: unità territorjali li tikkorrispondi għal-livell 1 jew 2 tan-Nomenklatura tal-unitajiet territorjali għall-istatistika (livell NUTS 1 u 2) fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (14);

(c)   “assi”: grupp koerenti ta' miżuri b'għanijiet speċifiċi li jirriżultaw direttament mill-implimentazzjoni;

(d)   “miżura”: sett ta' operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' assi kif imsemmi fl-Artikolu 4(2);

(e)   “operazzjoni”: proġett, kuntratt jew arranġament, jew azzjoni oħra magħżula skont kriterji stabbiliti għall-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat u implimentat minn wieħed jew aktar mill-benefiċjarji li jippermetti l-kisba tal-objettivi mniżżla fl-Artikolu 4;

(f)   “qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni”: approċċ ġenerali żviluppat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li jiddefinixxi numru limitat ta' indikaturi komuni relatati mas-sitwazzjoni bażi u l-eżekuzzjoni finanzjarja, il-prodotti, ir-riżultati u l-impatti tal-programmi;

(g)   “strateġija lokali ta' żvilupp”: sett koerenti ta' operazzjonijiet biex jintlaħqu l-objettivi u l-ħtiġijiet lokali implimentati fi sħubija fil-livell adatt;

(h)   “benefiċarju”: operatur, korp jew kumpannija, kemm pubblika jew privata, responsabbli għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet jew biex tirċievi appoġġ;

(i)   “nefqa pubblika”: kull kontribut pubbliku għall-finanzjament ta' operazzjonijiet li joriġina mill-baġit tal-Istat, tal-awtoritajiet reġjonali jew lokali, tal-Komunitajiet Ewropej u kull nefqa simili. Kull kontribut għall-finanzjament ta' operazzjonijiet li joriġina mill-baġit ta' korpi pubbliċi legali jew assoċjazzjonijiet ta' awtorità reġjonali jew lokali waħda jew aktar jew korpi pubbliċi legali fis-sens tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (15) għandhom jitqiesu bħala kontribut pubbliku;

(j)   “Objettiv ta' Konverġenza”: l-objettiv tal-azzjoni għall-Istati Membri u reġjuni l-inqas żviluppati skont il-leġislazzjoni Komunitarja li tirregola l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (minn hawn 'il quddiem “FEŻR”), il-Fond Soċjali Ewropew (minn hawn 'il quddiem “FSE”) u l-FK għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

KAPITOLU II

MISSJONIJIET U OBJETTIVI

Artikolu 3

Missjonijiet

Il-FAEŻR għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-iżvilupp rurali sostenibbli fil-Komunità kollha b'mod komplementari għal-linji ta' politika ta' appoġġ għas-suq u għad-dħul tal-Politika Agrikola Komuni, għall-Politika ta' Koeżjoni u għall-Politika Komuni tas-Sajd.

Artikolu 4

Objettivi

1.   L-appoġġ għall-iżvilupp rurali għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi li ġejjin:

(a)

it-titjib tal-kompetittività tal-agrikoltura u l-foresterija permezz ta' appoġġ għar-ristritturazzjoni, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

(b)

it-titjib tal-ambjent u l-kampanja permezz ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-art;

(c)

it-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u l-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika.

2.   L-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu implimentati permezz tal-erba' assi definiti fit-Titolu IV.

KAPITOLU III

PRINĊIPJI TAL-ASSISTENZA

Artikolu 5

Komplementarjetà, konsistenza u konformità

1.   Il-FAEŻR għandu jikkomplementa l-azzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet tal-Komunità.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza mill-FAEŻR u l-Istati Membri tkun konsistenti mal-attivitajiet, il-linji ta' politika u l-prijoritajiet tal-Komunità. B'mod partikolari, l-assistenza tal-FAEŻR għandha tkun konsistenti mal-objettivi tal-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali u dawk tal-istrument Komunitarju ta' appoġġ għas-sajd.

3.   Din il-konsistenza għandha tkun prevista mil-linji gwida strateġiċi tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 9, il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 11, il-programmi għall-iżvilupp rurali msemmija fl-Artikolu 15 u r-rapport tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 14.

4.   F'konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni bejn l-assistenza mill-Fondi differenti, il-FEŻR, il-FSE, il-FK, l-istrument Komunitarju ta' appoġġ għas-sajd, u l-interventi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (minn hawn 'il quddiem il-“BEI”), u tal-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-Komunità.

5.   Għandu jkun hemm ukoll konsistenza mal-miżuri ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija.

6.   Ebda appoġġ taħt dan ir-Regolament m'għandu jingħata għall-iskemi eliġibbli għal appoġġ taħt l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq, soġġett għal kwalunkwe eċċezzjoni li għad trid tiġi definita, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEŻR huma konformi mat-Trattat u kwalunkwe att adottat skont dan.

Artikolu 6

Sħubija

1.   L-assistenza mill-FAEŻR għandha tkun implimentata permezz ta' konsultazzjonijiet mill-qrib (minn hawn 'il quddiem “sħubija”) bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u mal-awtoritajiet u l-korpi magħżula mill-Istat Membru skont ir-regoli u l-prassi nazzjonali, inkluż:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali u awtoritajiet pubbliċi oħrajn;

(b)

l-imsieħba ekonomiċi u soċjali;

(c)

kwalunkwe korp ieħor adatt li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet non-governattivi, inkluż l-organizzazzjonijiet ambjentali, u l-korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

L-Istat Membru għandu jagħżel l-imsieħba li huma l-aktar rappreżentattivi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali u fl-isfera ekonomika, soċjali, ambjentali jew fi sfera oħra (minn hawn 'il quddiem imsejħa “imsieħba”). Huwa għandu joħloq il-kondizzjonijiet għall-involviment ġenerali u effettiv tal-korpi kollha adatti, f'konformità mar-regoli u l-prassi nazzjonali, b'kont meħud tal-ħtieġa għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-iżvilupp sostenibbli permezz tal-integrazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent.

2.   Is-sħubija għandha titmexxa b'rispett debitu għar-responsabbiltajiet istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta' kull kategorija ta' msieħba kif definiti fil-paragrafu 1.

3.   Is-sħubija għandha tkun involuta fit-tħejjija u l-monitoraġġ ta' pjan strateġiku nazzjonali u fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali. L-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-imsieħba adatti kollha fl-istadji diversi ta' programmazzjoni, b'kont debitu meħud tal-limitu ta' żmien stabbilit għal kull pass.

Artikolu 7

Sussidjarjetà

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali fil-livell territorjali adatt, skont l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom, f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u non-diskriminazzjoni

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għandhom jiżguraw il-prevenzjoni ta' kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentament sesswali matul l-istadji diversi tal-implimentazzjoni tal-programm.

Dan jinkludi l-istadji tat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

TITOLU II

L-APPROĊĊ STRATEĠIKU GĦALL-IŻVILUPP RURALI

KAPITOLU I

IL-LINJI GWIDA STRATEĠIĊI TAL-KOMUNITÀ

Artikolu 9

Kontenut u adozzjoni

1.   Il-Kunsill għandu jadotta linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-politika ta' żvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 fid-dawl tal-prijoritajiet tal-politika stabbiliti fil-livell Komunitarju.

Dawn il-linji gwida strateġiċi għandhom jistipulaw il-prijoritajiet strateġiċi fil-livell Komunitarju għall-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni bil-ħsieb li jiġu implimentati kull wieħed mill-assi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Sal-20 ta’ Frar 2006, għandha tiġi adottata deċiżjoni dwar il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Reviżjoni

Bil-ħsieb li jitqiesu l-bidliet prinċipali b'mod partikolari fil-prijoritajiet Komunitarji, il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni.

KAPITOLU II

PJANIJIET STRATEĠIĊI NAZZJONALI

Artikolu 11

Kontenut

1   Kull Stat Membru għandu jippreżenta pjan strateġiku nazzjonali li jindika l-prijoritajiet tal-azzjoni tal-FAEŻR u tal-Istat Membru kkonċernat b'kont meħud tal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, l-objettivi speċifiċi tagħhom, il-kontribut mill-FAEŻR u r-riżorsi finanzjarji l-oħra.

2   Il-pjan strateġiku nazzjonali għandu jiżgura li l-għajnuna Komunitarja għall-iżvilupp rurali tkun konsistenti mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità u li l-prijoritajiet Komunitarji, nazzjonali u reġjonali jkunu kkoordinati bejniethom. Il-pjan strateġiku nazzjonali għandu jkun għodda ta' referenza għat-tħejjija tal-programmazzjoni tal-FAEŻR. Dan għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi għall-iżvilupp rurali.

3.   Kull pjan strateġiku nazzjonali għandu jinkludi:

(a)

evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali u tal-potenzjal għall-iżvilupp;

(b)

l-istrateġija magħżula għall-azzjoni konġunta mill-Komunità u l-Istat Membru kkonċernat, li turi l-konsistenza tal-għażliet magħmula mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità;

(c)

il-prijoritajiet tematiċi u territorjali għall-iżvilupp rurali taħt kull assi, inkluż l-objettivi prinċipali kwantifikati u l-indikaturi adatti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

(d)

lista tal-programmi għall-iżvilupp rurali li jimplimentaw il-pjan strateġiku nazzjonali u allokazzjoni indikattiva tal-FAEŻR għal kull programm, inkluż l-ammonti previsti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005;

(e)

il-mezzi biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni mal-istrumenti l-oħra tal-Politika Agrikola Komuni, il-FEŻR, il-FSE, il-FK, l-istrument Komunitarju ta' appoġġ għas-sajd, u l-BEI;

(f)

jekk adatt, il-baġit biex jinkiseb l-Objettiv ta’ Konverġenza;

(g)

deskrizzjoni tal-arranġamenti u l-indikazzjoni tal-ammont assenjat għall-istabbiliment tan-netwerk rurali nazzjonali msemmi fl-Artikoli 66(3) u 68.

Artikolu 12

Tħejjija

1.   Kull Stat Membru għandu jħejji pjan strateġiku nazzjonali wara li jiġu adottati l-linji gwida strateġiċi tal-Komunità.

Dan il-pjan għandu jitħejja f'konformità mal-arranġamenti istituzzjonali tal-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba msemmija fl-Artikolu 6. Dan għandu jitfassal f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

2.   Kull Stat Membru għandu jibgħat il-pjan strateġiku nazzjonali tiegħu lill-Kummissjoni qabel ma jippreżenta l-programmi tiegħu għall-iżvilupp rurali.

KAPITOLU III

MONITORAĠĠ STRATEĠIKU

Artikolu 13

Rapporti fil-qosor mill-Istati Membri

1.   Għall-ewwel darba fl-2010 u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru kull sentejn, kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport fil-qosor li jfisser il-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku nazzjonali tiegħu u tal-objettivi tiegħu u l-kontribut tiegħu għat-twettiq tal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità. L-aħħar rapport fil-qosor għandu jiġi ppreżentat sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2014.

2.   Ir-rapport għandu jagħti sommarju tar-rapporti ta' progress annwali tas-snin preċedenti msemmija fl-Artikolu 82 u għandu jiddeskrivi b'mod partikolari:

(a)

il-kisbiet u r-riżultati tal-programmi għall-iżvilupp rurali rigward l-indikaturi stabbiliti fil-pjan strateġiku nazzjonali;

(b)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta' evalwazzjoni li qed isiru għal kull programm.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, għal programmi singoli kif imsemmija fl-Artikolu 15(2), l-Istati Membri jistgħu jinkludu fir-rapporti annwali ta' progress imsemmija fl-Artikolu 82, l-elementi previsti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu sa l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 82.

Artikolu 14

Rapport tal-Kummissjoni

1.   Għall-ewwel darba fl-2011 u fil-bidu ta' kull perijodu ta' sentejn, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jiddeskrivi fil-qosor l-iżviluppi, ix-xejriet u l-isfidi prinċipali marbuta mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tiegħu u l-linji gwida strateġiċi tal-Komunità. L-aħħar rapport tal-Kummissjoni għandu jiġi ppreżentat fil-bidu tal-2015.

Dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq l-analiżi tal-Kummisjoni u l-valutazzjoni tar-rapporti fil-qosor tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 13 u kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli. Huwa għandu jindika l-miżuri meħuda jew li jridu jittieħdu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiġi pprovdut segwitu xieraq għall-konklużjonijiet fir-rapport.

2.   Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

TITOLU III

PROGRAMMAZZJONI

KAPITOLU I

KONTENUT TAL-PROGRAMMAZZJONI

Artikolu 15

Programmi għall-iżvilupp rurali

1.   Il-FAEŻR għandu jaġixxi fl-Istati Membri permezz ta’ programmi għall-iżvilupp rurali. Dawn il-programmi jimplimentaw strateġija ta' żvilupp rurali permezz ta’ sett ta’ miżuri magħquda flimkien skont l-assi definiti fit-Titolu IV, li għall-kisba tagħhom ser titfittex għajnuna mill-FAEŻR.

Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jkopri perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013.

2.   Stat Membru jista’ jippreżenta jew programm wieħed għat-territorju kollu tiegħu jew sett ta’ programmi reġjonali.

3.   L-Istati Membri li jkollhom programmi reġjonali jistgħu wkoll jippreżentaw, għall-approvazzjoni, qafas nazzjonali li fih l-elementi komuni għal dawn il-programmi.

Artikolu 16

Kontenut tal-programmi

Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jinkludi:

(a)

analiżi tas-sitwazzjoni f’termini ta’ punti dgħajfa u ta’ saħħa, l-istrateġija magħżula biex dawn jiġu ttrattati u l-valutazzjoni ex-ante msemmija fl-Artikolu 85;

(b)

ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet magħżula b'kont meħud tal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità u l-pjan strateġiku nazzjonali, kif ukoll l-impatt mistenni skont il-valutazzjoni ex-ante;

(c)

informazzjoni dwar l-assi u l-miżuri proposti għal kull assi u d-deskrizzjoni tagħhom, inklużi l-objettivi u l-indikaturi speċifiċi verifikabbli msemmija fl-Artikolu 81 li jippermettu li jitkejlu l-progress, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-programm;

(d)

pjan ta’ finanzjament, li jinkludi żewġ tabelli:

tabella li tistabbilixxi, f'konformità mal-Artikolu 69(4) u (5), il-kontribut totali tal-FAEŻR ppjanat għal kull sena. Fejn applikabbli, dan il-pjan ta’ finanzjament għandu jindika separatament fi ħdan il-kontribut totali tal-FAEŻR l-approprjazzjonijiet previsti għar-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza. Il-kontribut annwali ppjanat tal-FAEŻR għandu jkun kompatibbli mal-Perspettivi Finanzjarji;

tabella li tispeċifika għall-perijodu sħiħ ta’ programmazzjoni l-kontribut Komunitarju totali ppjanat u l-finanzjament pubbliku nazzjonali korrispondenti għal kull assi, ir-rata ta’ kontribut tal-FAEŻR għal kull assi u l-ammont assenjat għall-assistenza teknika. Fejn applikabbli, din it-tabella għandha tindika wkoll separatament il-kontribut ippjanat tal-FAEŻR għar-reġjuni eliġibbli skont l-Objettiv ta’ Konverġenza u l-finanzjament pubbliku nazzjonali korrispondenti;

(e)

għall-informazzjoni, tqassim indikattiv skont id-daqs tal-ammonti inizjali f’termini ta’ nefqa pubblika u privata;

(f)

fejn applikabbli, tabella dwar il-finanzjament nazzjonali addizzjonali għal kull assi f'konformità mal-Artikolu 89;

(g)

l-elementi meħtieġa għall-valutazzjoni taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni u, fejn applikabbli, il-lista ta' skemi ta' għajnuna awtorizzati taħt l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat li għandhom jintużaw għall-implimentazzjoni tal-programmi;

(h)

informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-miżuri ffinanzjati mill-istrumenti l-oħra tal-Politika Agrikola Komuni, permezz tal-Politika ta' Koeżjoni kif ukoll mill-istrument Komunitarju ta' appoġġ għas-sajd;

(i)

programm li jimplimenta l-arranġamenti, inkluż:

(i)

l-għażla mill-Istat Membru tal-awtoritajiet kollha previsti fl-Artikolu 74(2) u għall-informazzjoni deskrizzjoni fil-qosor tal-istruttura ta' ġestjoni u kontroll;

(ii)

deskrizzjoni tas-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni, kif ukoll il-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ;

(iii)

id-dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-programm jiġi ppubbliċizzat;

(j)

l-għażla tal-imsieħba msemmija fl-Artikolu 6 u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-imsieħba.

Artikolu 17

Bilanċ bejn l-objettivi

1.   Il-kontribut finanzjarju tal-Komunità lil kull wieħed mit-tliet objettivi msemmija fl-Artikolu 4 għandu jkopri mill-inqas 10 % tal-kontribut totali tal-FAEŻR għall-programm għall-assi 1 u 3 msemmija fit-Taqsimiet 1 u 3 rispettivament tal-Kapitolu I tat-Titolu IV u mill-inqas 25 % tal-kontribut totali tal-FAEŻR għall-programm għall-assi 2 imsemmi fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu IV. Għall-programmi tad-Dipartimenti Franċiżi Extra-Ewropej, il-kontribut finanzjarju minimu tal-Komunità għall-assi 2 għandu jkun ta’ 10 %.

2.   Ammont ta’ mill-inqas 5 % tal-kontribut totali tal-FAEŻR għall-programm għandu jiġi riżervat għall-assi 4 msemmi fit-Taqsima 4, tal-Kapitolu I tat-Titolu IV. Dan l-ammont jikkontribwixxi għall-persentaġġi stabbiliti fil-paragrafu 1. Għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, il-kontribut finanzjarju minimu tal-Komunità għall-assi 4 ta’ 5 % jista’ jiġi applikat progressivament tul il-perijodu ta’ programmazzjoni b’tali mod li medjament mill-inqas 2,5 % tal-kontribut totali mill-FAEŻR jiġi riżervat għall-assi 4.

KAPITOLU II

TĦEJJIJA, APPROVAZZJONI U REVIŻJONI

Artikolu 18

Tħejjija u approvazzjoni

1.   Il-programmi għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu stabbiliti minn Stat Membru b'kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba msemmija fl-Artikolu 6.

2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni proposta għal kull programm għall-iżvilupp rurali, li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programmi proposti abbażi tal-konsistenza tagħhom mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, mal-pjan strateġiku nazzjonali u ma’ dan ir-Regolament.

Fejn il-Kummissjoni tqis li programm għall-iżvilupp rurali mhuwiex konsistenti mal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità, mal-pjan strateġiku nazzjonali jew ma’ dan ir-Regolament, għandha titlob lill-Istat Membru biex jirrevedi l-programm propost kif meħtieġ.

4.   Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jiġi approvat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 19

Reviżjoni

1.   Il-programmi għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u, jekk meħtieġ, adattati għall-bqija tal-perijodu mill-Istat Membru wara l-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Monitoraġġ. Ir-reviżjonijiet għandhom jieħdu kont tal-eżitu tal-evalwazzjonijiet u tar-rapporti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari bil-ħsieb li jissaħħaħ jew jiġi adattat il-mod kif jitqiesu l-prijoritajiet tal-Komunità.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar talbiet għar-reviżjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali wara li Stat Membru jippreżenta talba bħal din f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2). It-tibdil li jeħtieġ approvazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi definit f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).

TITOLU IV

APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP RURALI

KAPITOLU I

ASSI

TAQSIMA 1

Assi 1

Titjib tal-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-foresterija

Artikolu 20

Miżuri

L-appoġġ immirat għall-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-foresterija għandu jikkonċerna:

(a)

miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-għarfien u t-titjib tal-potenzjal uman permezz ta’:

(i)

taħriġ vokazzjonali u azzjonijiet ta’ informazzjoni, inkluż id-disseminazzjoni tal-għarfien xjentifiku u prassi innovattivi, għall-persuni li jaħdmu fis-settur agrikolu, tal-ikel u tal-foresterija;

(ii)

l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ;

(iii)

l-irtirar kmieni ta’ bdiewa u ħaddiema fl-azjendi agrikoli;

(iv)

l-użu ta’ servizzi ta’ konsulenza min-naħa tal-bdiewa u d-detenturi ta' art forestali;

(v)

l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ ġestjoni tal-azjendi agrikoli, ta' sostituzzjoni fl-azjendi agrikoli u ta' konsulenza agrikola u ta' servizzi ta' konsulenza forestali;

(b)

miżuri mmirati lejn ir-ristrutturazzjoni u l-iżvilupp tal-potenzjal fiżiku u l-promozzjoni tal-innovazzjoni permezz ta':

(i)

il-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli;

(ii)

it-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti;

(iii)

iż-żieda fil-valur tal-prodotti agrikoli u tal-foresti;

(iv)

il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u dak tal-ikel u fis-settur tal-foresterija;

(v)

it-titjib u l-iżvilupp tal-infrastruttura relatata mal-iżvilupp u l-adattament tal-agrikoltura u l-foresterija;

(vi)

ir-rikostituzzjoni tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola li saritilha ħsara minħabba diżastri naturali u l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni adegwati;

(c)

miżuri mmirati għat-titjib tal-kwalità tal-produzzjoni u tal-prodotti agrikoli billi:

(i)

tingħata għajnuna lill-bdiewa sabiex jadattaw għall-istandards eżiġenti bbażati fuq il-leġislazzjoni Komunitarja;

(ii)

jingħata appoġġ lill-bdiewa li jipparteċipaw fl-iskemi ta’ kwalità tal-ikel;

(iii)

jingħata appoġġ lill-gruppi ta’ produtturi għal attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti taħt l-iskemi ta’ kwalità tal-ikel;

(d)

miżuri transitorji għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja rigward:

(i)

appoġġ għall-impriżi agrikoli ta’ semi-sussistenza li għaddejjin minn ristrutturazzjoni;

(ii)

appoġġ għall-istabbiliment ta’ gruppi ta’ produtturi.

Subtaqsima 1

Kondizzjonijiet għal miżuri li jimmiraw għall-promozzjoni tal-għarfien u u għall-iżvilupp tal-potenzjal uman

Artikolu 21

Taħriġ vokazzjonali u azzjonijiet ta’ informazzjoni

L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(i) m’għandux jinkludi korsijiet ta’ tagħlim jew taħriġ li jagħmlu parti minn programmi jew sistemi normali ta’ edukazzjoni agrikola jew dwar il-foresti fil-livell sekondarju jew f'livelli ogħla.

Artikolu 22

Stabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(ii), għandu jingħata lil persuni li:

(a)

għandhom inqas minn 40 sena u għall-ewwel darba qegħdin jistabbilixxu azjenda agrikola bħala kapijiet tal-azjenda;

(b)

għandhom kapaċitajiet u kompetenzi professjonali adegwati;

(c)

jippreżentaw pjan kummerċjali għall-iżvilupp tal-attivitajiet agrikoli tagħhom.

2.   L-appoġġ għandu jingħata sal-ammont massimu stabbilit fl-Anness.

Artikolu 23

Irtirar kmieni

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(iii), għandu jingħata:

(a)

lill-bdiewa li jiddeċiedu li jieqfu mill-attività agrikola tagħhom għall-fini li jittrasferixxu l-azjenda tagħhom lil bdiewa oħra;

(b)

lill-ħaddiema f’azjendi agrikoli li jiddeċiedu li jwaqqfu definittivament kull xogħol ta’ biedja wara t-trasferiment tal-azjenda.

2.   Min jittrasferixxi l-azjenda agrikola għandu:

(a)

ma jkollux inqas minn 55 sena iżda għadu mhux ta’ età normali ta’ rtirar meta jseħħ it-trasferiment jew ma jkunx 10 snin iżgħar mill-età normali ta’ rtirar fl-Istat Membru kkonċernat meta jseħħ it-trasferiment;

(b)

iwaqqaf definittivament kull attività kummerċjali ta’ biedja;

(c)

ikun ipprattika l-biedja għall-10 snin qabel it-trasferiment.

3.   Min jieħu l-kontroll tal-azjenda agrikola għandu:

(a)

jieħu post min jittrasferixxi billi jistabbilixxi ruħu kif previst fl-Artikolu 22, jew

(b)

ikun bidwi ta’ inqas minn 50 sena jew entità tad-dritt privat u jieħu f’idejh l-azjenda agrikola mingħand min ittrasferixxa sabiex iżid id-daqs tal-azjenda agrikola.

4.   Il-ħaddiem fl-azjenda agrikola għandu:

(a)

ma jkollux inqas minn 55 sena iżda għadu mhux ta’ età normali ta’ rtirar jew ma jkunx 10 snin iżgħar mill-età normali ta’ rtirar fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)

ikun iddedika mill-inqas nofs il-ħin tax-xogħol tiegħu matul il-ħames snin preċedenti għax-xogħol fl-azjenda agrikola bħala għajnuna familjari jew bħala ħaddiem fl-azjenda agrikola;

(c)

ikun ħadem fl-azjenda agrikola ta’ min qed jittrasferixxi għal mill-inqas l-ekwivalenti ta’ sentejn full-time matul il-perijodu ta’ erba’ snin qabel l-irtirar kmieni ta’ min qed jittrasferixxi;

(d)

ikun jagħmel parti minn skema tas-sigurtà soċjali.

5.   It-tul ta' żmien totali tal-appoġġ għall-irtirar kmieni m’għandux jaqbeż il-15-il sena għal min qed jittrasferixxi u għall-ħaddiem fl-azjenda agrikola. M’għandux imur lil hinn minn meta min qed jittrasferixxi jagħlaq 70 sena u mill-età normali ta’ rtirar tal-ħaddiem fl-azjenda agrikola.

Meta, fil-każ ta’ min jittrasferixxi, tiġi mħallsa pensjoni tal-irtirar mill-Istat Membru, għandu jingħata appoġġ għall-irtirar kmieni bħala supplement b’kont meħud tal-ammont tal-pensjoni nazzjonali tal-irtirar.

6.   L-ammont massimu eliġibbli ta’ appoġġ huwa stabbilit fl-Anness.

Artikolu 24

Użu ta’ servizzi ta’ konsulenza

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(iv) għandu jingħata sabiex jiġu mgħejuna l-bdiewa u d-detenturi ta' art forestali biex ilaħħqu mal-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi ta’ konsulenza għat-titjib tal-prestazzjoni ġenerali tal-azjenda tagħhom.

Is-servizz ta’ konsulenza lill-bdiewa għandu jkopri mill-inqas:

(a)

ir-rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni u l-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba previsti fl-Artikoli 4 u 5 ta' u fl-Annessi III u IV għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003;

(b)

l-istandards ta’ sigurtà fuq ix-xogħol ibbażati fuq il-leġislazzjoni Komunitarja.

2.   L-appoġġ għall-użu tas-servizzi ta’ konsulenza għandu jkun limitat għall-massimi stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 25

Stabbiliment ta' servizzi ta' ġestjoni, sostituzzjoni u konsulenza

L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(v) għandu jingħata sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mill-istabbiliment ta’ servizzi ta’ ġestjoni tal-azjendi agrikoli, ta' sostituzzjoni fl-azjendi agrikoli u ta' konsulenza agrikola u ta' servizzi ta' konsulenza forestali u għandu jkun digressiv tul perijodu massimu ta’ ħames snin mill-istabbiliment.

Subtaqsima 2

Kondizzjonijiet għal miżuri li jimmiraw għar-ristrutturazzjoni u l-iżvilupp tal-potenzjal fiżiku u għall-promozzjoni tal-innovazzjoni

Artikolu 26

Modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(b)(i) għandu jingħata għal investimenti tanġibbli u/jew mhux tanġibbli li:

(a)

itejbu l-prestazzjoni ġenerali tal-azjenda agrikola, u

(b)

jirrispettaw l-istandards Komunitarji applikabbli għall-investiment ikkonċernat.

Meta jsiru investimenti sabiex ikun hemm konformità mal-istandards Komunitarji, jista’ jingħata appoġġ biss għal dawk li jiġu magħmula għall-konformità mal-istandards Komunitarji li għadhom kif ġew introdotti. F’dak il-każ, perijodu ta’ grazzja, li ma jaqbiżx is-36 xahar mid-data li fiha l-istandard isir obbligatorju għall-azjenda agrikola, jista’ jingħata biex jintlaħaq dak l-istandard.

Fil-każ ta’ bdiewa żgħażagħ li jirċievu l-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(ii), jista’ jingħata appoġġ għall-investimenti biex ikun hemm konformità mal-istandards Komunitarji eżistenti, meta dawn tal-aħħar jiġu identifikati fil-pjan kummerċjali msemmi fl-Artikolu 22(1)(c). Il-perijodu ta’ grazzja li matulu jeħtieġ li jintlaħaq l-istandard, ma jistax jaqbeż is-36 xahar mid-data tal-istabbiliment.

2.   L-appoġġ għandu jkunu limitat għar-rata massima stabbilita fl-Anness.

Artikolu 27

Titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti

1.   L-appoġġ għall-investiment previst fl-Artikolu 20(b)(ii), għandu jingħata għal foresti ta' proprjetà ta' sidien privati jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom jew ta' muniċipalitajiet jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom. Din il-limitazzjoni ma tapplikax għall-foresti tropikali jew subtropikali u għaż-żoni ta' boskijiet tat-territorji tal-Azores, il-Madejra, il-Gżejjer Kanarji, il-gżejjer tal-Eġew iż-żgħar fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93 u d-Dipartimenti Franċiżi Extra-Ewropej.

2.   L-investimenti għandhom ikunu bbażati fuq pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti għal azjendi forestali ’l fuq minn ċertu daqs li għandu jiġi definit mill-Istati Membri fil-programmi tagħhom.

3.   L-appoġġ għandu jkunu limitat għar-rata massima stabbilita fl-Anness.

Artikolu 28

Żieda fil-valur miżjud tal-prodotti agrikoli u forestali

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(b)(iii) għandu jingħata għal investimenti tanġibbli u/jew mhux tanġibbli li:

(a)

itejbu l-prestazzjoni ġenerali tal-intrapriża;

(b)

jikkonċernaw:

l-ipproċessar u/jew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti koperti mill-Anness I għat-Trattat, ħlief il-prodotti tas-sajd, u tal-prodotti forestali, u/jew

l-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda marbuta mal-prodotti koperti mill-Anness I għat-Trattat, ħlief il-prodotti tas-sajd, u mal-prodotti forestali, u

(c)

jirrispettaw l-istandards Komunitarji applikabbli għall-investiment ikkonċernat.

Meta jsiru investimenti għall-konformità mal-istandards Komunitarji, jista’ jingħata appoġġ biss għal dawk li jsiru minn mikro-intrapriżi, kif imsemmi fil-paragrafu 3, biex jikkonformaw ma' standard Komunitarju li jkun għadu kif ġie introdott. F’dak il-każ, perijodu ta’ grazzja, li ma jaqbiżx is-36 xahar mid-data li fiha l-istandard isir obbligatorju għall-intrapriża, jista’ jingħata biex jintlaħaq l-istandard.

2.   L-appoġġ għandu jkunu limitat għar-rata massima stabbilita fl-Anness.

3.   L-appoġġ taħt il-paragrafu 1 bir-rata massima tiegħu għandu jkun limitat għall-mikro-intrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (16). Ma japplika l-ebda limitu fuq id-daqs għar-rata massima fil-każ tat-territorji tal-Azores, il-Madejra, il-Gżejjer Kanarji, il-Ġżejjer tal-Eġew iż-żgħar fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93 u d-Dipartimenti Franċiżi Extra-Ewropej. Għal intrapriżi li mhumiex koperti mill-Artikolu 2(1) ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni b’inqas minn 750 impjegat jew b’valur fuq il-bejgħ ta’ inqas minn EUR 200 miljun, l-intensità massima tal-għajnuna hija mnaqqsa b’nofs. Fil-każ tal-foresterija, l-appoġġ għandu jkun limitat għall-mikro-intrapriżi.

L-appoġġ m’għandux jingħata lil intrapriżi f'diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ kumpanniji f’diffikultà (17).

Artikolu 29

Kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u dak tal-ikel u fis-settur tal-foresterija

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(b)(iv) għandu jingħata għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-produtturi primarji fis-settur agrikolu u tal-foresterija, l-industrija tal-ipproċessar u/jew partijiet terzi.

2.   L-appoġġ għandu jikkontribwixxi biex jiġu koperti l-ispejjeż għall-kooperazzjoni.

Artikolu 30

Infrastruttura relatata mal-iżvilupp u l-adattament tal-agrikoltura u l-foresterija

L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(b)(v), jista’ jkopri b’mod partikolari operazzjonijiet relatati mal-aċċess għar-raba’ u l-art forestali, il-konsolidazzjoni u t-titjib tal-art, il-provvista tal-enerġija u l-ġestjoni tal-ilma.

Subtaqsima 3

Kondizzjonijiet għal miżuri li jimmiraw li jtejbu l-kwalità tal-produzzjoni u tal-prodotti agrikoli

Artikolu 31

Konformità mal-istandards ibbażati fuq il-leġislazzjoni Komunitarja

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(c)(i) għandu jikkontribwixxi parzjalment għall-ispejjeż imħallsa u d-dħul mitluf mill-bdiewa li jkollhom japplikaw standards fl-oqsma tal-protezzjoni ambjentali, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u l-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

Jeħtieġ li dawn l-istandards ikunu ġew introdotti reċentement fil-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja u jkunu jimponu obbligi jew restrizzjonijiet ġodda fuq il-prassi agrikola li jkollhom impatt sinifikattiv fuq l-ispejjeż operattivi tipiċi tal-azjenda u jikkonċernaw numru sinifikattiv ta’ bdiewa.

2.   L-appoġġ għandu jingħata bħala għajnuna b’rata fissa, temporanja u digressiva fuq bażi annwali, għal tul massimu ta’ 5 snin mid-data li fiha l-istandard isir obbligatorju f'konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja. L-appoġġ għandu jkunu limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness.

Artikolu 32

Parteċipazzjoni tal-bdiewa fi skemi ta’ kwalità tal-ikel

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(c)(ii), għandu:

(a)

ikopri biss il-prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem;

(b)

ikun għal skemi Komunitarji ta’ kwalità tal-ikel, jew għal dawk rikonoxxuti mill-Istati Membri li jikkonformaw mal-kriterji preċiżi li għandhom jiġu definiti f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2); skemi li l-uniku fini tagħhom huwa dak li jipprovdu livell ogħla ta’ kontroll tar-rispett tal-istandards obbligatorji taħt il-liġi Komunitarja jew nazzjonali m’għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ;

(c)

jingħata bħala ħlas annwali ta' inċentiv li l-livell tiegħu għandu jiġi determinat skont il-livell tal-ispejjeż fissi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fi skemi appoġġati, għal tul massimu ta’ 5 snin.

2.   L-appoġġ għandu jkunu limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness.

Artikolu 33

Attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni

L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(c)(iii), għandu jikkonċerna l-prodotti koperti mill-appoġġ tal-iskemi ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 32. L-appoġġ għandu jkunu limitat għar-rata massima stabbilita fl-Anness.

Subtaqsima 4

Kondizzjonijiet għal miżuri transitorji

Artikolu 34

Biedja ta’ semi-sussistenza

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(d)(i) għall-azjendi agrikoli li jipproduċu primarjament għall-konsum tagħhom stess u li jqiegħdu ukoll fis-suq proporzjon mill-prodotti tagħhom (“azjendi agrikoli ta’ semi-sussistenza”), għandu jingħata lill-bdiewa li jippreżentaw pjan ta' żvilupp tan-negozju.

2.   Wara tliet snin għandu jiġi vvalutat il-progress li sar fir-rigward tal-pjan ta' żvilupp tan-negozju msemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-appoġġ għandu jitħallas fil-forma ta’ għajnuna b’rata fissa sa l-ammont massimu speċifikat fl-Anness u għal tul massimu ta' 5 snin.

4.   L-appoġġ għandu jingħata fir-rigward tal-applikazzjonijiet approvati sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 35

Gruppi ta’ produtturi

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(d)(ii) għandu jingħata sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment u l-funzjonament amministrattiv ta’ gruppi ta’ produtturi għall-finijiet ta':

(a)

l-adattament tal-produzzjoni u l-prodotti tal-produtturi li huma membri ta’ tali gruppi għar-rekwiżiti tas-suq;

(b)

il-kummerċjalizzazzjoni konġunta tal-prodotti, inkluż it-tħejjija għall-bejgħ, iċ-ċentralizzazzjoni tal-bejgħ, u l-forniment lix-xerrejja bl-ingrossa;

(c)

l-istabbiliment ta' regoli komuni dwar l-informazzjoni rigward il-produzzjoni, speċjalment rigward il-ħsad u d-disponibbiltà.

2.   L-appoġġ għandu jingħata bħala għajnuna b’rata fissa f'pagamenti annwali għall-ewwel 5 snin wara d-data li fiha kien rikonoxxut il-grupp ta’ produtturi. Dan għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-produzzjoni annwali tal-grupp li titqiegħed fis-suq, sal-limiti ffissati fl-Anness.

3.   L-appoġġ għandu jingħata lill-gruppi ta’ produtturi li huma uffiċjalment rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru sal-31 ta’ Diċembru 2013.

TAQSIMA 2

Assi 2

Titjib tal-ambjent u tal-kampanja

Artikolu 36

Miżuri

L-appoġġ taħt din it-taqsima għandu jikkonċerna:

(a)

miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tal-art agrikola permezz ta’:

(i)

pagamenti għal żvantaġġi naturali lill-bdiewa f’żoni tal-muntanji;

(ii)

pagamenti lill-bdiewa f’żoni żvantaġġati, minbarra żoni tal-muntanji;

(iii)

pagamenti Natura 2000 u pagamenti marbuta mad-Direttiva 2000/60/KE;

(iv)

pagamenti agro-ambjentali;

(v)

pagamenti għat-trattament xieraq tal-annimali;

(vi)

sostenn għall-investimenti mhux produttivi;

(b)

miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tal-art forestali permezz ta’:

(i)

appoġġ għall-ewwel afforestazzjoni ta’ art agrikola;

(ii)

appoġġ għall-ewwel stabbiliment ta’ sistemi agroforestali fuq art agrikola;

(iii)

appoġġ għall-ewwel afforestazzjoni ta’ art mhux agrikola;

(iv)

pagamenti Natura 2000;

(v)

pagamenti għall-ambjent forestali;

(vi)

appoġġ għar-rikostituzzjoni tal-potenzjal forestali u l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni;

(vii)

appoġġ għal investimenti mhux produttivi.

Subtaqsima 1

Kondizzjonijiet għal miżuri favur l-użu sostenibbli tal-art agrikola

Artikolu 37

Pagament għal żvantaġġ naturali f’żoni tal-muntanji u pagamenti għal żoni oħra bi żvantaġġi

1.   Il-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(a)(i) u (ii) għandhom jingħataw kull sena għal kull ettaru ta’ żona agrikola utilzzata (minn hawn 'il quddiem “ŻAU”) fis-sens tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/115/KE tal-24 ta' Novembru 1999 rigward id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi, il-lista ta' prodotti agrikoli, l-eċċezzjonijiet għad-definizzjonijiet u r-reġjuni u d-distretti rigward l-istħarriġ dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli (18).

Il-pagamenti għandhom jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf tal-bdiewa relatati mal-iżvantaġġ għall-produzzjoni agrikola fiż-żona kkonċernata.

2.   Il-pagamenti għandhom jingħataw lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom fl-attività tagħhom ta’ biedja f'żoni delimitati skont l-Artikolu 50(2) u (3) għal mill-inqas ħames snin mill-ewwel pagament.

3.   Il-pagamenti għandhom ikun iffissati bejn l-ammont minimu u dak massimu mniżżla fl-Anness.

F’każijiet debitament ġustifikati jistgħu jingħataw pagamenti ogħla mill-ammont massimu bil-kondizzjoni li l-ammont medju ta’ dawn il-pagamenti kollha mogħtija fil-livell tal-Istat Membru kkonċernat ma jaqbiżx dan l-ammont massimu.

4.   Il-pagamenti għandhom ikunu digressivi ’l fuq minn livell massimu ta’ superfiċi għal kull azjenda, li għandu jkun determinat fil-programm.

Artikolu 38

Pagamenti Natura 2000 u pagamenti marbuta mad-Direttiva 2000/60/KE

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(a)(iii), għandu jingħata kull sena u għal kull ettaru ta’ ŻAU lill-bdiewa sabiex jikkumpensaw għall-ispejjeż imħallsa u d-dħul mitluf li jirriżultaw minn żvantaġġi fiż-żoni kkonċernati relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttivi 79/409/KEE, 92/43/KEE u 2000/60/KE.

2.   L-appoġġ għandu jkunu limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness. Għall-pagamenti marbuta mad-Direttiva 2000/60/KE, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati, inkluż l-ammont massimu tal-appoġġ, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 39

Pagamenti agro-ambjentali

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-appoġġ previst fl-Artikolu 36(a)(iv) fit-territorji kollha tagħhom, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

2.   Il-pagamenti agro-ambjentali għandhom jingħataw lill-bdiewa li jieħdu impenji agro-ambjentali fuq bażi volontarja. Meta debitament ġustifikat sabiex jintlaħqu objettivi ambjentali, jistgħu jingħataw pagamenti agro-ambjentali lil ġesturi oħra tal-art.

3.   Il-pagamenti agro-ambjentali jkopru biss dawk l-impenji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti skont l-Artikoli 4 u 5 u l-Annessi III u IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 kif ukoll ir-rekwiżiti minimi għall-użu ta' fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u rekwiżiti obbligatorji rilevanti oħra stabbiliti mil-leġislazzjoni nazzjonali u identifikati fil-programm.

Dawn l-impenji għandhom jittieħdu bħala regola ġenerali għal perijodu bejn ħames u seba’ snin. Fejn meħtieġ u ġustifikat, perijodu itwal għandu jiġi determinat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) għal tipi partikolari ta’ impenji.

4.   Il-pagamenti għandhom jingħataw kull sena u għandhom ikopru l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenn magħmul. Fejn meħtieġ, dawn jistgħu jkopru ukoll l-ispiża tat-transazzjoni.

Meta adatt, il-benefiċjarji jistgħu jintgħażlu abbażi ta’ sejħiet għall-offerti, b'kont meħud tal-kriterji ta’ effiċjenza ekonomika u ambjentali.

L-appoġġ għandu jkunu limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness.

5.   Jista’ jingħata appoġġ għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura għal operazzjonijiet mhux koperti mid-dispożizzjonijiet taħt il-paragrafi 1 sa 4.

Artikolu 40

Pagamenti għat-trattament xieraq tal-annimali

1.   Il-pagamenti għat-trattament xieraq tal-annimali previsti fl-Artikolu 36(a)(v) għandhom jingħataw lill-bdiewa li jieħdu impenji għat-trattament xieraq tal-annimali fuq bażi volontarja.

2.   Il-pagamenti għat-trattament xieraq tal-annimali jkopru biss dawk l-impenji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti skont l-Artikolu 4 u l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u rekwiżiti obbligatorji rilevanti oħra stabbiliti mil-leġislazzjoni nazzjonali u identifikati fil-programm.

Dawn l-impenji għandhom jittieħdu bħala regola ġenerali għal perijodu ta' bejn ħames u seba’ snin. Fejn meħtieġ u ġustifikat, perijodu itwal għandu jiġi determinat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) għal tipi partikolari ta’ impenji.

3.   Il-pagamenti għandhom jingħataw kull sena u għandhom ikopru l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenn magħmul. Fejn meħtieġ, dawn jistgħu jkopru ukoll l-ispiża tat-transazzjoni.

L-appoġġ għandu jkunu limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness.

Artikolu 41

Investimenti mhux produttivi

L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(a)(vi), għandu jingħata għal:

(a)

l-investimenti marbuta mal-kisba tal-impenji li ttieħdu skont il-miżura prevista fl-Artikolu 36(a)(iv) jew objettivi agro-ambjentali oħra;

(b)

l-investimenti fl-azjendi agrikoli li jsaħħu l-utilità pubblika ta’ żona Natura 2000 jew żoni oħra ta’ valur naturali għoli li għandhom jiġu ddefiniti fil-programm.

Subtaqsima 2

Kondizzjonijiet għal miżuri favur l-użu sostenibbli tal-art forestali

Artikolu 42

Kondizzjonijiet ġenerali

1.   L-appoġġ taħt din is-subtaqsima għandu jingħata biss għal foresti u żoni ta' boskijiet ta' proprjetà ta' sidien privati jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, jew ta' muniċipalitajiet jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom. Din il-limitazzjoni ma tapplikax għall-foresti tropikali jew subtropikali u għaż-żoni ta' boskijiet tat-territorji tal-Azores, il-Madejra u l-Gżejjer Kanarji, il-gżejjer tal-Eġew iż-żgħar fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93 u d-Dipartimenti Franċiżi Extra-Ewropej.

Din ir-restrizzjoni m’għandhiex tapplika għall-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(i), (iii), (vi) u (vii).

2.   Il-miżuri proposti taħt din is-subtaqsima f’żoni kklassifikati bħala ta’ riskju ta’ nirien forestali għoli jew medju fil-qafas tal-azzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien għandhom jikkonformaw mal-pjanijiet għall-protezzjoni tal-foresti stabbiliti mill-Istati Membri għal dawk iż-żoni.

Artikolu 43

L-ewwel afforestazzjoni ta’ art agrikola

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(i), għandu jkopri biss wieħed jew aktar minn dan li ġej:

(a)

l-ispejjeż ta’ stabbiliment;

(b)

primjum annwali għal kull ettaru afforestat biex jikkontribwixxi biex ikopri l-ispejjeż ta’ manutenzjoni għal perijodu massimu ta' ħames snin;

(c)

primjum annwali għal kull ettaru biex jikkontribwixxi biex ikopri t-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-afforestazzjoni għal perijodu massimu ta’ 15-il sena għall-bdiewa jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom li ħadmu l-art qabel l-afforestazzjoni tagħha jew għal kwalunkwe persuna fiżika oħra jew entità tad-dritt privat.

2.   L-appoġġ għall-afforestazzjoni ta’ art agrikola ta’ proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi għandu jkopri biss l-ispejjeż ta’ stabbiliment. Jekk l-art agrikola li għandha tiġi afforestata hija mikrija minn persuna fiżika jew entità tad-dritt privat, jistgħu jingħataw l-premia annwali msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-appoġġ għall-afforestazzjoni ta’ art agrikola m’għandux jingħata:

(a)

lill-bdiewa li jibbenefikaw minn appoġġ għall-irtirar kmieni;

(b)

għat-tħawwil ta' siġar tal-Milied.

Fil-każ ta’ speċi li jikbru malajr għal kultivazzjoni għall-perijodu qasir, l-appoġġ għall-afforestazzjoni għandu jingħata biss għall-ispejjeż ta’ stabbiliment.

4.   L-appoġġ għall-bdiewa jew persuni fiżiċi oħra u entitajiet tad-dritt privat għandu jkunu limitat għall-massimi stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 44

L-ewwel stabbiliment ta' sistemi agroforestali fuq art agrikola

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(ii), għandu jingħata lill-bdiewa biex joħolqu sistemi agroforestali billi jgħaqqdu flimkien is-sistemi agrikoli estensivi u dawk forestali. L-appoġġ għandu jkopri l-ispejjeż ta’ stabbiliment.

2.   Sistemi agroforestali jirreferu għal sistemi ta’ użu tal-art li fihom jitkabbru s-siġar flimkien mal-agrikoltura fuq l-istess art.

3.   Siġar tal-Milied u speċi li jikbru malajr għal kultivazzjoni għall-perijodu qasir għandhom jiġu esklużi mill-appoġġ.

4.   L-appoġġ għandu jkunu limitat għar-rata massima stabbilita fl-Anness.

Artikolu 45

L-ewwel afforestazzjoni ta’ art mhux agrikola

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(iii) għall-afforestazzjoni ta’ art mhux eliġibbli taħt l-Artikolu 36, punt (b)(i) għandu jkopri l-ispejjeż ta’ stabbiliment. Fil-każ ta’ art agrikola abbandunata, l-appoġġ għandu jkopri wkoll il-primjum annwali kif imsemmi fl-Artikolu 43(1)(b).

2.   M’għandux jingħata appoġġ għat-tħawwil ta' siġar tal-Milied.

3.   Meta l-appoġġ li jkopri l-ispejjeż ta’ stabbiliment jingħata lil persuni fiżiċi jew entitajiet tad-dritt privat, dan għandu jkunu limitat għar-rata massima mniżżla fl-Anness.

Artikolu 46

Pagamenti Natura 2000

L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(iv), għandu jingħata kull sena u għal kull ettaru ta’ foresta lil sidien privati ta’ foresti jew assoċjazzjonijiet tagħhom sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż imħallsa u d-dħul mitluf li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ foresti u art oħra ta' boskijiet minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE fiż-żona kkonċernata. L-appoġġ għandu jkun iffissat bejn l-ammont minimu u dak massimu mniżżla fl-Anness.

Artikolu 47

Pagamenti għall-ambjent forestali

1.   Il-pagamenti għall-ambjent forestali previsti fl-Artikolu 36(b)(v), għandhom jingħataw għal kull ettaru ta’ foresta lill-benefiċjarji li jieħdu impenji fil-qasam tal-ambjent forestali fuq bażi volontarja. Dawn il-pagamenti għandhom ikopru biss dawk l-impenji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji rilevanti.

Dawn l-impenji għandhom jittieħdu bħala regola ġenerali għal perijodu ta' bejn ħames u seba’ snin. Fejn meħtieġ u ġustifikat, perijodu itwal għandu jiġi determinat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) għal tipi partikolari ta’ impenji.

2.   Dawn il-pagamenti għandhom ikopru l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżultaw mill-impenn magħmul. L-appoġġ għandu jkun iffissat bejn l-ammont minimu u dak massimu mniżżla fl-Anness.

Artikolu 48

Rikostituzzjoni tal-potenzjal tal-foresti u introduzzjoni ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni

1.   L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(vi), għandu jingħata għar-rikostituzzjoni tal-potenzjal tal-foresti f’foresti li saritilhom il-ħsara minħabba diżastri naturali u nirien u għall-introduzzjoni ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni xierqa.

2.   L-azzjonijiet ta’ prevenzjoni kontra n-nirien għandhom jikkonċernaw il-foresti kklassifikati mill-Istati Membri bħala ta' riskju ta’ nirien forestali għoli jew medju skont il-pjanijiet tagħhom għall-protezzjoni tal-foresti.

Artikolu 49

Investimenti mhux produttivi

L-appoġġ previst fl-Artikolu 36(b)(vii) għandu jingħata għall-investimenti f’foresti:

(a)

marbuta mal-kisba ta’ impenji li ttieħdu skont il-miżura prevista fl-Artikolu 36(b)(v) jew objettivi ambjentali oħra;

(b)

li jsaħħu l-utilità pubblika ta’ foresti u art ta' boskijiet taż-żona kkonċernata.

Subtaqsima 3

Delimitazzjoni taż-żoni

Artikolu 50

Żoni eliġibbli għall-pagamenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw iż-żoni eliġibbli għall-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(a)(i), (ii) u (iii) kif ukoll fil-punti (b)(i), (iii), (iv) u (vi) ta’ dak l-Artikolu, b’kont meħud tal-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Sabiex ikunu eliġibbli għall-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(a)(i), iż-żoni tal-muntanji għandhom ikunu kkaratterizzati minn limitazzjoni konsiderevoli tal-possibilitajiet li tintuża l-art u żieda sinifikanti fl-ispiża sabiex din tinħadem minħabba:

(a)

l-eżistenza, minħabba l-altitudni, ta' kondizzjonijiet klimatiċi ferm diffiċli, li l-effett tagħhom huwa sostanzjalment li jqassru l-istaġun li fih tikber il-veġetazzjoni;

(b)

f’altitudni aktar baxxa, il-preżenza fuq il-maġġoranza taż-żona inkwistjoni ta’ pendenzi wieqfa wisq biex ikun jista' jintuża makkinarju jew li jeħtieġu l-użu ta’ tagħmir speċjali li jqum ħafna flus, jew dawn iż-żewġ fatturi flimkien, fejn l-iżvantaġġ li jirriżulta minn kull wieħed meħud separatament huwa inqas qawwi iżda ż-żewġ fatturi flimkien jagħtu lok għal żvantaġġ ekwivalenti.

Iż-żoni fit-tramuntana tat-62 parallel u ċerti żoni adjaċenti għandhom jitqiesu bħala żoni tal-muntanji.

3.   Sabiex ikunu eliġibbli għall-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(a)(ii), żoni oħra minbarra ż-żoni tal-muntanji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu:

(a)

affettwati minn żvantaġġi naturali sinifikanti, b’mod partikolari produttività baxxa tal-ħamrija jew kondizzjonijiet klimatiċi diffiċli u fejn iż-żamma tal-attività estensiva tal-biedja hija importanti għall-ġestjoni tal-art, jew

(b)

affetwati minn żvantaġġi speċifiċi, u fejn għandha titkompla l-ġestjoni tal-art għall-konservazzjoni jew it-titjib tal-ambjent, is-salvagwardja tal-kampanja u l-preservazzjoni tal-potenzjal turistiku taż-żona jew sabiex ikun protett xatt il-baħar.

Rigward iż-żoni affettwati minn żvantaġġi speċifiċi msemmija fil-punt (b), huma għandhom ikunu magħmula minn żoni ta' biedja li jkunu omeġenji mill-aspett tal-kondizzjonijiet naturali ta' produzzjoni u l-estensjoni totali tagħhom m’għandhiex taqbeż l-10% tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   Fil-programmi u f'konformità ma' dispożizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu ddefiniti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2), l-Istati Membri għandhom:

jikkonfermaw id-delimitazzjonijiet eżistenti skont il-paragrafi 2 u 3(b) jew jemendawhom, jew

jiddelimitaw iż-żoni msemmija fil-paragrafu 3(a).

5.   Żoni agrikoli Natura 2000 delimitati skont id-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE u żoni agrikoli inklużi fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar skont id-Direttiva 2000/60/KE għandhom ikunu eliġibbli għall-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(a)(iii).

6.   Iż-żoni adatti għall-afforestazzjoni għal raġunijiet ambjentali bħall-protezzjoni kontra l-erożjoni jew l-estensjoni tar-riżorsi forestali li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għandhom ikunu eliġibbli għall-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(b)(i) u (iii).

7.   Iż-żoni forestali Natura 2000 delimitati skont id-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE, għandhom ikunu eliġibbli għall-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(b)(iv).

8.   Iż-żoni forestali b’riskju ta’ nirien forestali medju sa għoli għandhom ikunu eliġibbli għall-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(b)(vi) relatati ma’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni kontra n-nirien.

Subtaqsima 4

Osservazzjoni tal-istandards

Artikolu 51

Tnaqqis jew esklużjoni mill-pagamenti

1.   Fejn il-benefiċjarji li jirċievu pagamenti taħt l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u (b)(i), (iv) u (v) ma josservawx fl-azjenda kollha, bħala riżultat ta’ azzjoni jew omissjoni direttament attribwibbli lilhom, ir-rekwiżiti obbligatorji previsti fl-Artikoli 4 u 5 ta' u fl-Anness III u IV għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-ammont totali tal-pagamenti tagħhom li għandhom jingħataw fis-sena ta’ kalendarju li fiha sseħħ in-non-konformità għandu jitnaqqas jew jiġi kkanċellat.

It-tnaqqis jew il-kanċellazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika wkoll f'każi fejn il-benefiċjarji li jirċievu l-pagamenti taħt l-Artikolu 36(a)(iv) ma josservawx fl-azjenda kollha, bħala riżultat ta' azzjoni jew omissjoni direttament attribwibbli lilhom, ir-rekwiżiti minimi għall-użu ta' fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 39(3).

2.   It-tnaqqis jew il-kanċellazzjoni tal-pagamenti msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw waqt il-perijodu ta’ grazzja għall-standards li għalihom ikun ingħata perijodu ta’ grazzja f'konformità mal-Artikolu 26(1)(b).

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, għall-benefiċjarji fl-Istati Membri li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja kif previst fl-Artikolu 143 b tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, ir-rekwiżiti obbligatorji li għandhom jiġu osservati huma dawk previsti fl-Artikolu 5 u l-Anness IV għal dak ir-Regolament.

4.   Ir-regoli dettaljati għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2). F’dan il-kuntest għandhom jitqiesu l-gravità, l-estensjoni, il-persistenza u r-repetizzjoni tan-non-konformità.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 m'għandhomx japplikaw għall-Artikolu 39(5).

TAQSIMA 3

Assi 3

Il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali

Artikolu 52

Miżuri

L-appoġġ taħt din it-taqsima għandu jinvolvi:

(a)

miżuri għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali, inkluż:

(i)

id-diversifikazzjoni f’attivitajiet mhux agrikoli,

(ii)

l-appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ mikro-intrapriżi bil-ħsieb li tiġi promossa l-intraprenditorija u tiġi żviluppata n-nisġa ekonomika,

(iii)

l-inkoraġġiment ta’ attivitajiet turistiċi;

(b)

miżuri għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, inkluż:

(i)

servizzi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali,

(ii)

ir-rinnovazzjoni u l-iżvilupp tal-irħula,

(iii)

il-konservazzjoni u t-titjib tal-valur tal-wirt rurali;

(c)

miżura għat-taħriġ u l-informazzjoni għall-atturi ekonomiċi li jaħdmu fl-oqsma koperti mill-assi 3;

(d)

miżuri għall-kisba ta’ kompetenzi u għall-animazzjoni bil-ħsieb tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ strateġija lokali ta' żvilupp.

Subtaqsima 1

Kondizzjonijiet li jirregolaw il-miżuri għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali

Artikolu 53

Diversifikazzjoni f’attivitajiet mhux agrikoli

Il-benefiċjarju tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 52(a)(i) għandu jkun membru tal-familja agrikola.

Artikolu 54

Appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozju

L-appoġġ previst fl-Artikolu 52(a)(ii) għandu jkun relatat mal-mikro-intrapriżi kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

Artikolu 55

Inkoraġġiment tal-attivitajiet turistiċi

L-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 52(a)(iii) għandu jkopri dan li ġej:

(a)

l-infrastruttura fuq skala żgħira bħal ċentri ta’ informazzjoni u s-senjalazzjoni ta’ postijiet turistiċi;

(b)

l-infrastruttura rikreattiva bħal dik li toffri aċċess għal żoni naturali, u akkomodazzjoni ta’ kapaċità żgħira;

(c)

l-iżvilupp u/jew it-tqegħid fis-suq ta’ servizzi turistiċi relatati mat-turiżmu rurali.

Subtaqsima 2

Kondizzjonijiet li jirregolaw il-miżuri għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali

Artikolu 56

Servizzi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali

L-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 52(b)(i) għandu jkopri l-istabbiliment ta’ servizzi bażiċi, inklużi attivitajiet kulturali u tal-ħin liberu, li jikkonċernaw raħal jew grupp ta’ rħula, u infrastruttura fuq skala żgħira relatata.

Artikolu 57

Konservazzjoni u titjib fil-valur tal-wirt rurali

L-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 52(b)(iii) għandu jkopri:

(a)

it-tfassil ta’ pjanijiet ta’ protezzjoni u ġestjoni relatati mas-siti Natura 2000 u postijiet oħra ta’ valur naturali għoli, l-azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni ambjentali u investimenti assoċjati mal-manutenzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-valur tal-wirt naturali u mal-iżvilupp ta’ siti ta’ valur naturali għoli;

(b)

studji u investimenti assoċjati mal-manutenzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-valur tal-wirt kulturali bħall-karatteristiċi kulturali tal-irħula u l-pajsaġġ rurali.

Subtaqsima 3

Taħriġ, kisba ta’ kompetenzi u animazzjoni

Artikolu 58

Taħriġ u informazzjoni

L-appoġġ taħt l-Artikolu 52(c), m’għandux jinkludi korsijiet ta’ tagħlim jew taħriġ li jagħmlu parti minn programmi jew sistemi normali tal-edukazzjoni f’livell sekondarju jew ogħla.

Artikolu 59

Kisba ta’ kompetenzi, animazzjoni u implimentazzjoni

L-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 52(d) għandu jkopri:

(a)

studji taż-żona kkonċernata;

(b)

miżuri biex tingħata informazzjoni dwar iż-żona u l-istrateġija lokali ta' żvilupp;

(c)

it-taħriġ tal-persunal involut fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ strateġija lokali ta' żvilupp;

(d)

avvenimenti ta’ promozzjoni u t-taħriġ ta’ animaturi;

(e)

l-implimentazzjoni minn sħubiji pubbliċi-privati minbarra dawk iddefiniti fl-Artikolu 62(1)(b) tal-istrateġija lokali ta' żvilupp li tinkludi waħda jew aktar mill-miżuri taħt l-Artikolu 52(a), (b) u (c).

Subtaqsima 4

Implimentazzjoni tal-assi

Artikolu 60

Demarkazzjoni

Fejn miżura li taqa’ taħt din it-taqsima tirrigwarda operazzjonijiet eliġibbli anki taħt strument ta’ appoġġ Komunitarju ieħor, inklużi l-Fondi Strutturali u l-istrument Komunitarju ta' appoġġ għas-sajd, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi f’kull programm il-kriterji ta’ demarkazzjoni għall-operazzjonijiet appoġġati mill-FAEŻR u dawk appoġġati mill-istrument ta’ appoġġ Komunitarju l-ieħor.

TAQSIMA 4

Assi 4

Leader

Artikolu 61

Definizzjoni tal-approċċ Leader

L-approċċ Leader għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

strateġiji lokali ta' żvilupp bbażati fuq iż-żona maħsuba għal territorji rurali sub-reġjonali definiti b'mod ċar;

(b)

sħubiji pubbliċi-privati fil-livell lokali (minn hawn 'il quddiem “Gruppi ta’ Azzjoni Lokali”);

(c)

approċċ minn isfel għal fuq b’setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal gruppi ta’ azzjoni lokali dwar l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji lokali ta' żvilupp;

(d)

tfassil u implimentazzjoni multi-settorjali tal-istrateġija bbażati fuq l-interazzjoni bejn l-atturi u l-proġetti ta’ setturi differenti tal-ekonomija lokali;

(e)

l-implimentazzjoni ta’ approċċi innovattivi;

(f)

l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni;

(g)

in-netwerking ta’ sħubiji lokali.

Artikolu 62

Gruppi ta’ azzjoni lokali

1.   L-approċċ ta’ żvilupp lokali bi sħab għandu jkun implimentat mill-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jeħtieġ li jipproponu strateġija lokali integrata ta' żvilupp ibbażata mill-inqas fuq l-elementi mniżżla fl-Artikolu 61(a) sa (d) u (g), u jeħtieġ li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha;

(b)

jeħtieġ li jkunu grupp diġà kkwalifikat għall-inizjattivi Leader II (19) jew għal-Leader+ (20) jew skont l-approċċ Leader, jew ikun grupp ġdid li jirrappreżenta msieħba mid-diversi setturi soċjo-ekonomiċi bbażati lokalment fit-territorju kkonċernat. Fil-livell ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, kif ukoll rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili, bħall-bdiewa, in-nisa rurali, iż-żgħażagħ u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, iridu jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tas-sħubija lokali;

(c)

jeħtieġ li juru abbiltà li jiddefinixxu u jimplimentaw strateġija ta’ żvilupp għaż-żona.

2.   L-Awtorità ta' Ġestjoni għandha tiżgura li l-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali jew jagħżlu attur prinċipali amministrattiv u finanzjarju kapaċi jamministra l-fondi pubbliċi u jiżgura l-funzjonament sodisfaċenti tas-sħubija, jew jersqu flimkien fi struttura komuni ffurmata legalment li l-kostituzzjoni tagħha tiggarantixxi l-funzjonament sodisfaċenti tas-sħubija u l-kapaċità ta’ amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi.

3.   Iż-żona koperta mill-istrateġija għandha tkun koerenti u toffri massa kritika suffiċjenti f’termini ta’ riżorsi umani, finanzjarji u ekonomiċi biex issostni strateġija ta’ żvilupp vijabbli.

4.   Il-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali għandhom jagħżlu l-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt l-istrateġija. Huma jistgħu jagħżlu wkoll proġetti ta’ kooperazzjoni.

Artikolu 63

Miżuri

L-appoġġ mogħti taħt l-assi Leader għandu jkun għal:

(a)

l-implimentazzjoni ta’ strateġiji lokali ta’ żvilupp kif imsemmi fl-Artikolu 62(1)(a), bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ wieħed jew aktar mit-tliet assi l-oħra ddefiniti fit-taqsimiet 1, 2 u 3;

(b)

l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ kooperazzjoni li jinvolvu l-objettivi magħżula taħt il-punt (a);

(c)

it-tmexxija tal-Grupp ta’ Azzjoni Lokali, il-kisba ta’ kompetenzi u l-animazzjoni tat-territorju kif imsemmi fl-Artikolu 59.

Artikolu 64

Implimentazzjoni tal-istrateġiji lokali

Jekk l-operazzjonijiet taħt l-istrateġija lokali jikkorrispondu mal-miżuri ddefiniti f’dan ir-Regolament għall-assi l-oħra, il-kondizzjonijiet rilevanti għandhom japplikaw f'konformità mat-taqsimiet 1, 2 u 3.

Artikolu 65

Kooperazzjoni

1.   L-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 63(b) għandu jingħata lil proġetti ta’ kooperazzjoni inter-territorjali jew transnazzjonali.

“Kooperazzjoni inter-territorjali” tfisser kooperazzjoni fi Stat Membru. “Kooperazzjoni transnazzjonali” tfisser kooperazzjoni bejn it-territorji f’diversi Stati Membri u mat-territorji f’pajjiżi terzi.

2.   Għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ unikament in-nefqa relatata mat-territorji fil-Komunità.

3.   L-Artikolu 64 għandu japplika wkoll għal proġetti ta’ kooperazzjoni.

KAPITOLU II

ASSISTENZA TEKNIKA

Artikolu 66

Finanzjament tal-assistenza teknika

1.   F'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, il-FAEŻR jista’ juża sa 0,25 % tal-allokazzjoni annwali tiegħu biex jiffinanzja l-miżuri ta’ tħejjija, monitoraġġ, appoġġ amministrattiv, evalwazzjoni u kontroll, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u/jew f’isimha. Dawn l-azzjonijiet għandhom jitwettqu f'konformità mal-Artikolu 53(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (21) u kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dak ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu applikabbli għal din il-forma ta’ esekuzzjoni tal-baġit.

2.   Fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri, għal kull programm għall-iżvilupp rurali, il-FAEŻR jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni, informazzjoni u kontroll tal-assistenza tal-programm.

Sa 4 % tal-ammont totali għal kull programm jistgħu jkunu ddedikati għal dawn l-attivitajiet.

3.   Fil-limitu stabbilit fil-paragrafu 2, għandu jiġi riżervat ammont għall-istabbiliment u l-funzjonament tan-netwerk rurali nazzjonali msemmi fl-Artikolu 68.

L-Istati Membri bi programmi reġjonali jistgħu jippreżentaw għall-approvazzjoni programm speċifiku għall-istabbiliment u l-funzjonament tan-netwerk rurali nazzjonali tagħhom.

Id-dettalji li jikkonċernaw l-istabbiliment u l-funzjonament tan-netwerk rurali nazzjonali għandhom jiġu stipulati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 67

Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

F'konformità mal-Artikolu 66(1), għandu jiġi stabbilit Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għan-netwerking ta’ netwerks, organizzazzjonijiet u amministrazzjonijiet nazzjonali attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali fil-livell Komunitarju.

L-għanijiet tan-Netwerk għandhom ikunu:

(a)

il-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar miżuri Komunitarji għall-iżvilupp rurali;

(b)

il-ġbir, id-disseminazzjoni u l-konsolidazzjoni fil-livell Komunitarju ta’ prassi tajba fil-qasam tal-iżvilupp rurali;

(c)

l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi fiż-żoni rurali tal-Komunità u f’pajjiżi terzi;

(d)

l-organizzazzjoni ta’ laqgħat u seminars fil-livell Komunitarju għal dawk li huma involuti attivament fl-iżvilupp rurali;

(e)

l-istabbiliment u t-tmexxija ta’ netwerks ta’ esperti bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ kompetenzi u jiġu appoġġati l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika għall-iżvilupp rurali;

(f)

l-appoġġ għan-netwerks nazzjonali u l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni trans-nazzjonali.

Artikolu 68

Netwerk rurali nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi netwerk rurali nazzjonali, li jiġbor flimkien l-organizzazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet involuti fl-iżvilupp rurali.

2.   L-ammont imsemmi fl-Artikolu 66(3) l-ewwel subparagrafu għandu jintuża:

(a)

għall-istrutturi meħtieġa biex jitmexxa n-netwerk;

(b)

għal pjan ta’ azzjoni li jkun fih mill-inqas l-identifikazzjoni u l-analiżi ta’ prassi tajba trasferibbli u l-għoti ta’ informazzjoni dwarha, il-ġestjoni tan-netwerk, l-organizzazzjoni ta’ skambji ta’ esperjenza u kompetenzi, it-tħejjija ta’ programmi ta’ taħriġ għal gruppi ta’ azzjoni lokali li qed jiffurmaw u l-assistenza teknika għal kooperazzjoni inter-territorjali u trans-nazzjonali.

TITOLU V

KONTRIBUT TAL-FAEŻR

Artikolu 69

Ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom

1.   L-ammont ta' appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali taħt dan ir-Regolament mill-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013, it-tqassim annwali u l-ammont minimu li għandu jkun ikkonċentrat fir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta' Konverġenza għandu jkun stabbilit mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, f'konformità mal-perspettiva finanzjarja għall-perijodu mill-2007 sal-2013 u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib tal-proċedura baġitarja għall-istess perijodu.

2.   0,25 % tar-riżorsi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ddedikati għall-assistenza teknika għall-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 66(1).

3.   Għall-finijiet tal-programmazzjoni u l-inklużjoni sussegwenti tagħhom fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu indiċjati għal 2 % kull sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel tqassim annwali skont l-Istat Membru tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 1, wara tnaqqis tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 2, u b’kont meħud ta':

(a)

l-ammonti riservati għar-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza,

(b)

ir-riżultati miksuba fil-passat, u

(c)

is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet partikolari bbażati fuq kriterji oġġettivi.

5.   Flimkien mal-ammonti msemmija fil-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont, bl-iskop tal-programmazzjoni, tal-ammonti li jirriżultaw mill-modulazzjoni kif previst fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-allokazzjonijiet annwali totali mill-FAEŻR li joriġinaw mis-Sezzjoni Gwida tal-FAEGG għal kwalunkwe Stat Membru skont dan ir-Regolament, u mill-FEŻR, il-FSE u mill-FK, skont il-leġislazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw dawn il-Fondi għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013, inkluż il-kontribut tal-FEŻR skont il-leġislazzjoni Komunitarja li tirregola l-Istrument Ewropew tal-Viċinat, mill-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni, f'konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja li tirregola dan l-istrument, u mill-parti tal-SFGS li tikkontribwixxi għall-Objettiv ta' Konverġenza, m'għandhomx jaqbżu l-4 % tal-PDG ta' dak l-Istat Membru kif stmat fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib fil-proċedura baġitarja.

Artikolu 70

Kontribut mill-Fond

1.   Id-Deċiżjoni li tadotta programm għall-iżvilupp rurali għandha tistabbilixxi l-kontribut massimu mill-FAEŻR għal kull assi fil-limiti tal-flessibbiltà li għandha tiġi definita f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2). Id-deċiżjoni għandha tidentifika b’mod ċar, fejn meħtieġ, l-approprjazzjonijiet allokati għar-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza.

2.   Il-kontribut tal-FAEŻR għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-ammont ta’ nefqa pubblika eliġibbli.

3.   Ir-rata tal-kontribut tal-FAEŻR għandha tkun stabbilita għal kull assi.

(a)

Fil-każ tal-assi 1 (kompetittività) u l-assi 3 (diversifikazzjoni u kwalità tal-ħajja) kif ukoll għall-assistenza teknika skont l-Artikolu 66(2), il-limiti massimi li ġejjin għandhom japplikaw rispettivament:

(i)

75 % tan-nefqa pubblika eliġibbli fir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta' Konverġenza;

(ii)

50 % tan-nefqa pubblika eliġibbli fir-reġjuni l-oħra.

(b)

Fil-każ tal-assi 2 (titjib tal-ambjent u l-kampanja) u l-assi 4 (Leader), il-limiti massimi li ġejjin għandhom japplikaw rispettivament:

(i)

80 % tan-nefqa pubblika eliġibbli fir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta' Konverġenza;

(ii)

55 % tan-nefqa pubblika eliġibbli fir-reġjuni l-oħra.

Ir-rata minima tal-kontribut tal-FAEŻR fil-livell tal-assi għandha tkun ta’ 20 %.

4.   Minkejja l-limiti massimi stabbiliti fil-paragrafu 3, il-kontribut tal-FAEŻR jista’ jiżdied għal 85 % għall-programmi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer tal-Eġew iż-żgħar fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93.

5.   Għall-Istati Membri li jagħżlu programm speċifiku skont l-Artikolu 66(3), it-tieni subparagrafu, il-limitu massimu tal-kontribut tal-FAEŻR għandu jkun ta' 50 % tan-nefqa pubblika eliġibbli.

6.   Il-miżuri ta’ assistenza teknika meħuda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew f’isimha jistgħu jiġu ffinanzjati 100 %.

7.   Nefqa kofinanzjata mill-FAEŻR m’għandhiex tkun kofinanzjata b'kontribut mill-Fondi Strutturali, il-FK jew kwalunkwe strument finanzjarju Komunitarju ieħor.

Din tista’ tkun kofinanzjata taħt assi wieħed biss tal-programm għall-iżvilupp rurali. Fejn operazzjoni taqa’ taħt miżuri minn aktar minn assi wieħed, in-nefqa għandha tkun attribwita lill-assi dominanti.

8.   In-nefqa pubblika għall-għajnuna lill-intrapriżi għandha tkun konformi mal-limiti tal-għajnuna stabbiliti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.

Artikolu 71

Eliġibbilità tan-nefqa

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR jekk l-għajnuna rilevanti hija fil-fatt imħallsa mill-aġenzija ta' pagament bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2015. Operazzjonijiet kofinanzjati m’għandhomx jitlestew qabel id-data tal-bidu tal-eliġibbilità.

Nefqa ġdida miżjuda fil-mument tal-modifika ta’ programm imsemmi fl-Artikolu 19, għandha tkun eliġibbli mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba għal modifika tal-programm.

2.   Nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR unikament meta magħmula għal operazzjonijiet deċiżi mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm inkwistjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, f'konformità mal-kriterji ta' selezzjoni stabbiliti mill-korp kompetenti.

3.   Ir-regoli dwar l-eliġibbilità tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, soġġett għall-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-Regolament għal ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali.

L-ispejjeż li ġejjin mhumiex eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR:

(a)

il-VAT, ħlief il-VAT li ma tiġix irkuprata, meta din tkun imħallsa b'mod ġenwin u definittiv minn benefiċjarji li mhumiex persuni mhux taxxabbli msemmijin fl-Artikolu 4(5), l-ewwel subparagrafu, tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (22),

(b)

l-interessi fuq id-dejn, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5,

(c)

ix-xiri ta’ art li tiswa’ aktar minn 10 % tan-nefqa kollha eliġibbli għall-operazzjoni kkonċernata. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, jista’ jiġi ffissat persentaġġ ogħla għal operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali.

4.   Il-paragrafi 1 sa 3 m'għandhomx japplikaw għall-Artikolu 66(1).

5.   Minkejja l-paragrafu 3(b) il-kontribut mill-FAEŻR jista’ jsir f’forma li mhix dik ta’ assistenza diretta li ma titħallasx lura. Ir-regoli dettaljati għandhom jiġu definiti f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 72

Durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli relatati mad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat, l-Istat Membru għandu jiżgura li operazzjoni ta’ investiment iżżomm il-kontribut tal-FAEŻR jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Awtorità ta’ Ġestjoni, ma tgħaddix minn modifika sostanzjali li:

(a)

taffetwa n-natura jew il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha jew tagħti vantaġġ mhux debitu lil xi impriża jew korp pubbliku;

(b)

tirriżulta minn bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, jew mill-waqfien jew ir-rilokazzjoni ta’ attività produttiva.

2.   L-ammonti mħallsa indebitament għandhom ikunu rkuprati f'konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

TITOLU VI

ĠESTJONI, KONTROLL U INFORMAZZJONI

KAPITOLU I

ĠESTJONI U KONTROLL

Artikolu 73

Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

Sabiex tiġi żgurata, fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża, ġestjoni finanzjarja soda skont l-Artikolu 274 tat-Trattat KE, il-Kummissjoni għandha twettaq il-miżuri u l-kontrolli stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

Artikolu 74

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi, statutorji u amministrattivi kollha f'konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 sabiex jiżguraw li l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti b'mod effettiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu, għal kull programm għall-iżvilupp rurali, l-awtoritajiet li ġejjin:

(a)

l-Awtorità ta’ Ġestjoni, li tista’ tkun korp pubbliku jew privat li jaġixxi fuq livell nazzjonali jew reġjonali, jew l-Istat Membru nnifsu meta jwettaq dak il-kompitu, li għandha tkun inkarigata mill-ġestjoni tal-programm ikkonċernat;

(b)

l-aġenzija ta' pagament akkreditata fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005;

(c)

il-korp ta' ċertifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, għal kull programm għall-iżvilupp rurali, li s-sistema rilevanti ta’ ġestjoni u kontroll tkun ġiet stabbilita filwaqt li jiġu żgurati allokazzjoni u separazzjoni ċari tal-funzjonijiet bejn l-Awtorità ta’ Ġestjoni u korpi oħra. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li s-sistemi jaħdmu b’mod effettiv tul il-perijodu kollu tal-programm.

4.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli f'konformità mar-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni stipulati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2), b'mod partikolari dwar it-tip u l-intensità tal-kontrolli, adattati għan-natura tal-miżuri differenti għall-iżvilupp rurali.

Artikolu 75

Awtorità ta’ Ġestjoni

1.   L-Awtorità ta’ Ġestjoni għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm b’mod effiċjenti, effettiv u korrett u b’mod partikolari biex:

(a)

tiżgura li l-operazzjonijiet jintgħażlu għall-finanzjament skont il-kriterji applikabbli għall-programm għall-iżvilupp rurali;

(b)

tiżgura li hemm sistema biex tiġi reġistrata u tinżamm informazzjoni statistika dwar l-implimentazzjoni f’forma kompjuterizzata adatta għall-finijiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni;

(c)

tiżgura li l-benefiċjarji u korpi oħra involuti fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet:

(i)

huma infurmati dwar l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-għajnuna mogħtija, u jżommu sistema ta’ kontabbiltà separata jew kodiċi ta’ kontabbiltà adegwat għat-transazzjonijiet kollha relatati mal-operazzjoni,

(ii)

huma konxji tar-rekwiżiti dwar il-proviżjoni ta’ data lill-Awtorità ta’ Ġestjoni u r-reġistrazzjoni ta’ outputs u riżultati;

(d)

tiżgura li l-evalwazzjonijiet tal-programm jitwettqu fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament u jikkonformaw mal-qafas komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u għall-preżentazzjoni tal-evalwazzjonijiet imwettqa lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u lill-Kummissjoni;

(e)

tmexxi lill-Kumitat ta’ Monitoraġġ u tibgħatlu d-dokumenti meħtieġa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm fid-dawl tal-objettivi speċifiċi tiegħu;

(f)

tiżgura l-konformità mal-obbligi dwar il-pubbliċità msemmija fl-Artikolu 76;

(g)

tfassal ir-rapport annwali ta’ progress u, wara l-approvazzjoni mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ, tippreżentah lill-Kummissjoni;

(h)

tiżgura li l-aġenzija ta' pagament tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa, b'mod partikolari dwar il-proċeduri applikati u kwalunkwe kontroll imwettaq fir-rigward tal-operazzjonijiet magħżula għall-finanzjament, qabel ma l-pagamenti jkunu awtorizzati.

2.   Meta parti mill-kompiti tagħha tiġi ddelegata lil korp ieħor, l-Awtorità ta’ Ġestjoni għandha żżomm responsabbiltà sħiħa għall-effiċjenza u l-korrettezza tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-kompiti.

KAPITOLU II

INFORMAZZJONI U PUBBLIĊITÀ

Artikolu 76

Informazzjoni u pubbliċità

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar u jippubliċizzaw il-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali, il-Programmi għall-Iżvilupp Rurali u l-kontribut Komunitarju.

Din l-informazzjoni għandha tkun immirata lejn il-pubbliku ġenerali. Għandha titfa’ l-attenzjoni fuq ir-rwol tal-Komunità u tiżgura t-trasparenza tal-assistenza tal-FAEŻR.

2.   L-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm għandha tkun responsabbli għall-pubbliċità tiegħu kif ġej:

(a)

għandha tinforma lill-benefiċjarji potenzjali, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, il-korpi involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-organizzazzjonijiet non-governattivi kkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet ambjentali, bil-possibbiltajiet offruti mill-programm u r-regoli biex jinkiseb aċċess għall-finanzjament tal-programm;

(b)

għandha tinforma lill-benefiċjarji dwar il-kontribut Komunitarju;

(c)

għandha tinforma lill-pubbliku ġenerali dwar ir-rwol li għandha l-Komunità fil-programmi u r-riżultati tagħhom.

TITOLU VII

MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

KAPITOLU I

MONITORAĠĠ

Artikolu 77

Kumitat ta’ Monitoraġġ

1.   Għal kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jiġi stabbilit Kumitat ta’ Monitoraġġ fi żmien massimu ta’ tliet xhur wara d-deċiżjoni li tapprova l-programm.

Kull Kumitat ta' Monitoraġġ għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu fil-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju tal-Istat Membru kkonċernat u jadottahom bi qbil mal-Awtorità ta’ Ġestjoni sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Kull Kumitat ta’ Monitoraġġ għandu jkun ppresjedut minn rappreżentant tal-Istat Membru jew tal-Awtorità ta’ Ġestjoni.

Il-kompożizzjoni tiegħu għandha tiġi deċiża mill-Istat Membru u għandha tinkludi l-imsieħba msemmija fl-Artikolu 6(1).

Fuq l-inizjattiva tagħhom stess, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ f’kapaċità konsultattiva.

3.   L-Istati Membri bi programmi reġjonali jistgħu jistabbilixxu Kumitat nazzjonali ta’ Monitoraġġ għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali u l-utilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji.

Artikolu 78

Responsabbiltajiet tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ

Il-Kumitat ta’ Monitoraġġ għandu jaċċerta l-effettività tal-implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali. Għal dak il-għan, il-Kumitat ta’ Monitoraġġ:

(a)

għandu jiġi kkonsultat, fi żmien erba’ xhur mid-deċiżjoni li tapprova l-programm, dwar il-kriterji ta’ selezzjoni għall-operazzjonijiet iffinanzjati. Il-kriterji ta' selezzjoni għandhom jiġu riveduti skont il-ħtiġijiet tal-programmazzjoni;

(b)

għandu jirrevedi perjodikament il-progress magħmul lejn il-kisba tal-miri speċifiċi tal-programm, abbażi ta’ dokumenti ppreżentati mill-Awtorità ta’ Ġestjoni;

(c)

għandu jeżamina r-riżultati tal-implimentazzjoni, b’mod partikolari l-kisba tal-miri stabbiliti għal kull assi u l-evalwazzjonijiet li jkunu qed isiru;

(d)

għandu jikkunsidra u japprova r-rapport annwali ta’ progress u l-aħħar rapport ta’ progress qabel ma jintbagħtu lill-Kummissjoni;

(e)

jista’ jipproponi lill-Awtorità ta’ Ġestjoni kwalunkwe aġġustament jew reviżjoni tal-programm bil-għan li jinkisbu l-Objettivi tal-FAEŻR definiti fl-Artikolu 4 jew biex jittejbu l-ġestjoni tiegħu inkluż il-ġestjoni finanzjarja tiegħu;

(f)

għandu jikkunsidra u japprova kwalunkwe proposta biex jiġi emendat il-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontribut mill-FAEŻR.

Artikolu 79

Proċeduri ta’ monitoraġġ

1.   L-Awtorità ta’ Ġestjoni u l-Kumitat ta’ Monitoraġġ għandhom iwettqu monitoraġġ tal-kwalità tal-implimentazzjoni tal-programm.

2.   L-Awtorità ta’ Ġestjoni u l-Kumitat ta’ Monitoraġġ għandhom iwettqu monitoraġġ ta’ kull programm għall-iżvilupp rurali permezz ta’ indikaturi finanzjarji, ta’ output u ta’ riżultati.

Artikolu 80

Qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-qafas komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għandu jitfassal f’kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2). Il-qafas għandu jispeċifika numru limitat ta’ indikaturi komuni applikabbli għal kull programm.

Artikolu 81

Indikaturi

1.   Il-progress, l-effiċjenza u l-effettività tal-programmi għall-iżvilupp rurali fir-rigward tal-objettivi tagħhom għandhom jitkejlu permezz ta’ indikaturi marbuta mas-sitwazzjoni bażika kif ukoll mal-eżekuzzjoni finanzjarja, l-outputs, ir-riżultati u l-impatt tal-programmi.

2.   Kull programm għall-iżvilupp rurali għandu jispeċifika numru limitat ta’ indikaturi addizzjonali speċifiċi għal dak il-programm.

3.   Fejn in-natura tal-assistenza tippermetti dan, id-data relatata mal-indikaturi għandha titqassam skont is-sess u l-età tal-benefiċjarji.

Artikolu 82

Rapport annwali ta’ progress

1.   Għall-ewwel darba fl-2008 u sat-30 ta’ Ġunju kull sena, l-Awtorità ta’ Ġestjoni għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm. L-Awtorità ta’ Ġestjoni għandha tibgħat l-aħħar rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2016.

2.   Kull rapport ta’ progress annwali għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:

(a)

kwalunkwe bidla fil-kondizzjonijiet ġenerali li jkollha impatt dirett fuq il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-programm kif ukoll kwalunkwe bidla fil-linji ta' politika Komunitarji u nazzjonali li taffettwa l-konsistenza bejn il-FAEŻR u strumenti finanzjarji oħra;

(b)

il-progress tal-programm fir-rigward tal-objettivi stabbiliti, abbażi tal-indikaturi ta’ output u riżultati;

(c)

l-implimentazzjoni finanzjarja tal-programm li tagħti, għal kull miżura, dikjarazzjoni tan-nefqa mħallsa lill-benefiċjarji; jekk il-programm ikopri reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza, in-nefqa għandha tkun identifikata b’mod separat;

(d)

sommarju tal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni li qed isiru f'konformità mal-Artikolu 86(3);

(e)

il-passi meħuda mill-Awtorità ta’ Ġestjoni u l-Kumitat ta’ Monitoraġġ biex jiżguraw il-kwalità u l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-programm, b'mod partikolari:

(i)

miżuri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni;

(ii)

sommarju tal-problemi prinċipali li rriżultaw fil-ġestjoni tal-programm u kwalunkwe miżura meħuda, inkluż bi tweġiba għal kummenti magħmula taħt l-Artikolu 83;

(iii)

l-użu tal-assistenza teknika;

(iv)

passi meħuda biex jiġi żgurat li l-programm huwa pubbliċizzat f'konformità mal-Artikolu 76;

(f)

dikjarazzjoni dwar il-konformità mal-linji ta' politika Komunitarji fil-kuntest tal-appoġġ, inkluż l-identifikazzjoni tal-problemi li rriżultaw u l-miżuri adottati biex jiġu solvuti;

(g)

fejn applikabbli, l-użu mill-ġdid ta’ għajnuna rkuprata taħt l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

3.   Ir-rapport għandu jitqies ammissibbli bil-ħsieb tal-applikazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jekk ikun fih l-elementi kollha elenkati fil-paragrafu 2 u jkun jippermetti l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm.

Il-Kummissjoni għandu jkollha xahrejn biex tikkummenta dwar ir-rapport ta’ progress annwali wara li jkun intbagħat mill-Awtorità ta’ Ġestjoni. Dan il-limitu ta’ żmien għandu jiżdied għal ħames xhur għall-aħħar rapport tal-programm. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx fil-limitu ta’ żmien stabbilit, ir-rapport għandu jitqies bħala aċċettat.

4.   Id-dettalji li jikkonċernaw ir-rapporti annwali ta' progress għal programmi speċifiċi skont l-Artikolu 66(3) għandhom jiġu stipulati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).

Artikolu 83

Eżami annwali tal-programmi

1.   Kull sena, meta jiġi ppreżentat ir-rapport ta’ progress annwali, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Ġestjoni għandhom jeżaminaw ir-riżultati prinċipali tas-sena preċedenti, skont il-proċeduri li għandhom jiġu determinati bi qbil mal-Istat Membru u l-Awtorità ta’ Ġestjoni kkonċernati.

2.   Wara dak l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tagħmel kummenti lill-Istat Membru u lill-Awtorità ta’ Ġestjoni li ser tinforma lill-Kumitat ta’ Monitoraġġ b’dan. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar azzjoni meħuda b'rispons għal dawn il-kummenti.

KAPITOLU II

EVALWAZZJONI

Artikolu 84

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-programmi għall-iżvilupp rurali għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet ex-ante, ta’ nofs it-term u ex-post f'konformità mal-Artikoli 85, 86 u 87.

2.   L-evalwazzjonijiet għandhom jimmiraw għat-titjib tal-kwalità, l-effiċjenza u l-effettività tal-implimentazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali. Huma għandhom jivvalutaw l-impatt tal-programmi fir-rigward tal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità previsti fl-Artikolu 9 u l-problemi ta’ żvilupp rurali speċifiċi għall-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati, b’kont meħud tar-rekwiżiti ta’ żvilupp sostenibbli u l-impatt ambjentali, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti.

3.   L-evalwazzjoni għandha tkun organizzata, kif adatt, taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni.

4.   L-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn valutaturi indipendenti. Ir-riżultati għandhom isiru disponibbli soġġett għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (23).

5.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa għat-twettiq tal-evalwazzjonijiet, għandhom jorganizzaw il-produzzjoni u l-ġbir tad-data meħtieġa, u għandhom jużaw l-informazzjoni differenti pprovduta mis-sistema ta’ monitoraġġ.

6.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiftiehmu dwar metodi u standards ta’ evalwazzjoni li għandhom jiġu applikati fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qafas previst fl-Artikolu 80.

Artikolu 85

Evalwazzjoni ex-ante

1.   L-evalwazzjoni ex-ante għandha tagħmel parti mit-tfassil ta’ kull programm għall-iżvilupp rurali u għandha timmira lejn l-ottimizzazzjoni tal-allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji u t-titjib tal-kwalità tal-programmazzjoni. Għandha tidentifika u tivvaluta l-ħtiġijiet fil-perijodu medju u fit-tul, l-għanijiet li jridu jinkisbu, ir-riżultati mistennija, il-miri kwantifikati partikolarment f’termini ta’ impatt fir-rigward tas-sitwazzjoni bażika, il-valur miżjud tal-Komunità, safejn ittieħed kont tal-prijoritajiet tal-Komunità, il-lezzjonijiet meħuda mill-programmazzjoni preċedenti u l-kwalità tal-proċeduri għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni finanzjarja.

2.   L-evalwazzjoni ex-ante għandha titwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru.

Artikolu 86

Evalwazzjoni ta’ nofs it-term u ex-post

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ evalwazzjoni in itinere għal kull programm għall-iżvilupp rurali.

2.   L-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm u l-Kumitat ta’ Monitoraġġ għandhom jużaw l-evalwazzjoni in itinere biex:

(a)

jeżaminaw il-progress tal-programm fir-rigward tal-għanijiet tiegħu permezz ta’ indikaturi tar-riżultat, u fejn adatt, indikaturi tal-impatt;

(b)

itejbu l-kwalità tal-programmi u l-implimentazzjoni tagħhom;

(c)

jeżaminaw proposti għal tibdil sostantiv fil-programmi;

(d)

iħejju għall-evalwazzjoni ta’ nofs it-term u ex-post.

3.   Mill-2008, l-Awtorità ta’ Ġestjoni għandha tirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni in itinere lill-Kumitat ta’ Monitoraġġ. Sommarju tal-attivitajiet għandu jkun inkluż fir-rapport ta’ progress annwali previst fl-Artikolu 82.

4.   Fl-2010, l-evalwazzjoni in itinere għandha tieħu l-forma ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-term separat. Dik l-evalwazzjoni ta’ nofs it-term għandha tipproponi miżuri biex tittejjeb il-kwalità tal-programmi u l-implimentazzjoni tagħhom.

Sommarju tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-term għandu jitwettaq fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

5.   Fl-2015, l-evalwazzjoni in itinere għandha tieħu l-forma ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ex-post separat.

6.   L-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-term u ex-post għandhom jeżaminaw il-livell ta’ użu tar-riżorsi, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-programmazzjoni tal-FAEŻR, l-impatt soċjo-ekonomiku tiegħu u l-impatt tiegħu fuq il-prijoritajiet tal-Komunità. Dawn għandhom ikopru l-għanijiet tal-programm u jimmiraw li jittieħdu lezzjonijiet dwar il-politika għall-iżvilupp rurali. Huma għandhom jidentifikaw il-fatturi li kkontribwew għas-suċċess jew il-falliment tal-implimentazzjoni tal-programmi, inkluż fir-rigward tas-sostenibbiltà, u jidentifikaw l-aħjar prassi.

7.   Għandha tkun organizzata evalwazzjoni in itinere fuq l-inizjattiva tal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Din għandha tkun organizzata fuq bażi pluriennali u tkopri l-perijodu 2007-2015.

8.   Il-Kummissjoni għandha torganizza, fuq inizjattiva proprja, miżuri biex jiġu pprovduti taħriġ, skambji tal-aħjar prassi u informazzjoni għall-valutaturi in ininere, l-esperti fl-Istati Membri u l-membri tal-Kumitati ta’ Monitoraġġ, kif ukoll evalwazzjonijiet tematiċi u sommarji.

Artikolu 87

Sommarju tal-evalwazzjonijiet ex-post

1.   Għandu jsir sommarju tal-evalwazzjonijiet ex-post, taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istat Membru u l-Awtorità ta’ Ġestjoni, li għandu jiġbor id-data meħtieġa għall-ikkompletar tiegħu.

2.   Is-sommarju tal-evalwazzjonijiet ex-post għandu jkun kkompletat sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016.

TITOLU VIII

GĦAJNUNA MILL-ISTAT

Artikolu 88

Applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

1.   Ħlief fejn previst b'mod ieħor f’dan it-Titolu, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Istati Membri.

Madankollu, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat m’għandhomx japplikaw għal kontributi finanzjarji provduti mill-Istati Membri bħala kontroparti tal-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali fl-ambitu tal-Artikolu 36 tat-Trattat f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Għandha tkun ipprojbita l-għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli li taqbeż il-persentaġġi mniżżla fl-Anness, fir-rigward tal-Artikolu 26(2). Din il-projbizzjoni m’għandhiex tapplika għal għajnuna għall-investimenti relatata ma’:

(a)

investimenti mwettqa b’mod predominanti fl-interess pubbliku u relatati mal-konservazzjoni ta’ pajsaġġi tradizzjonali ffurmati minn attivitajiet agrikoli u forestali jew għar-rilokazzjoni ta’ bini tal-azjendi agrikoli;

(b)

il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent;

(c)

it-titjib tal-kondizzjonijiet iġeniċi ta’ impriżi ta’ annimali ħajjin u t-trattament xieraq tal-annimali u dawk fir-rigward tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

3.   Għandha tkun ipprojbita l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-bdiewa bħala kumpens għal żvantaġġi naturali f’żoni tal-muntanji u f’żoni oħra żvantaġġati jekk ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37. Madankollu, tista’ tingħata għajnuna addizzjonali li taqbeż l-ammonti ffissati f'konformità mal-Artikolu 37(3) f’każijiet debitament ġustifikati.

4.   Għandha tkun ipprojbita l-għajnuna mill-Istat bħala sostenn għall-bdiewa li jidħlu f’impenji agro-ambjentali jew ta’ trattament xieraq tal-annimali li jonqsu milli jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 39 u 40 rispettivament. Madankollu, tista’ tingħata għajnuna addizzjonali li taqbeż l-ammonti massimi stabbiliti fl-Anness, fir-rigward tal-Artikoli 39(4) u 40(3), jekk debitament ġustifikata. F’każijiet eċċezzjonali, tista’ tiġi permessa deroga debitament ġustifikata fir-rigward tad-durata minima ta’ dawk l-impenji kif stabbilit fl-Artikoli 39(3) u 40(2).

5.   Għandha tkun pprojbita l-għajnuna mill-Istat bħala sostenn għall-bdiewa li jadattaw għal standards eżiġenti bbażati fuq il-leġislazzjoni Komunitarja fl-oqsma tal-protezzjoni ambjentali, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jekk ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31. Madankollu, tista’ tingħata għajnuna addizzjonali li taqbeż l-ammonti massimi ffissati skont dak l-Artikolu biex tgħin lill-bdiewa jikkonformaw mal-leġislazzjoni nazzjonali li taqbeż l-istandards Komunitarji.

6.   Fin-nuqqas ta’ leġislazzjoni Komunitarja, għandha tkun ipprojbita l-għajnuna mill-Istat bħala sostenn għall-bdiewa li jadattaw għall-istandards eżiġenti bbażati fuq leġislazzjoni nazzjonali fl-oqsma tal-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jekk ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31. Madankollu, tista’ tingħata għajnuna addizzjonali li taqbeż l-ammonti massimi stabbiliti fl-Anness, fir-rigward tal-Artikolu 31(2), jekk ġustifikat taħt l-Artikolu 31.

Artikolu 89

Finanzjament nazzjonali addizzjonali

L-għajnuna mill-Istat maħsuba biex tipprovdi finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp rurali li għalih jingħata appoġġ Komunitarju, għandha tkun notifikata mill-Istati Membri u approvata mill-Kummissjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament bħala parti mill-programmazzjoni msemmija fl-Artikolu 16. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat m’għandhiex tapplika għall-għajnuna notifikata b’dan il-mod.

TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 90

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Fejn isir riferiment għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 91

Regoli ta’ implimentazzjoni

Minbarra l-miżuri stabbiliti f’dispożizzjonijiet partikolari ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2). Dawn għandhom ikopru b’mod partikolari:

(a)

il-preżentazzjoni ta’ programmi għall-iżvilupp rurali proposti;

(b)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-miżuri għall-iżvilupp rurali.

Artikolu 92

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   Jekk ikunu meħtieġa miżuri speċifiċi għall-faċilitazzjoni tat-transizzjoni mis-sistema fis-seħħ għal dik stabbilita minn dan ir-Regolament, tali miżuri għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).

2.   Tali miżuri għandhom b’mod partikolari jkunu adottati sabiex ikun integrat appoġġ Komunitarju eżistenti approvat mill-Kummissjoni mis-sezzjoni Gwida jew mis-sezzjoni Garanzija tal-FAEGG għal perijodu li jintemm fl-1 ta’ Jannar 2007 fl-appoġġ għall-iżvilupp rurali previst f'dan ir-Regolament u biex ikunu koperti evalwazzjonijiet ex-post tal-programmi tal-perijodu 2000-2006.

Artikolu 93

Revoka

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 għandu jkun revokat b'effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(a), l-Artikolu 14(1), u l-ewwel żewġ inċiżi tal-Artikoli 14(2), l-Artikolu 15, l-Artikoli17 sa 20, l-Artikolu 51(3) u l-Artikolu 55(4), u l-parti tal-Anness I li tispeċifika l-ammonti taħt l-Artikolu 15(3). Dawn id-dispożizzjonijiet ser jiġu revokati b’effet mill-1 ta’ Jannar 2010, soġġett għal att tal-Kunsill adottat f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat.

Ir-riferimenti magħmula għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala magħmula għal dan ir-Regolament.

Ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 għandu jkompli japplika għal azzjonijiet approvati mill-Kummissjoni taħt dak ir-Regolament qabel l-1 ta’ Jannar 2007.

2.   Id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu u jemendaw il-listi ta’ żoni anqas vantaġġati adottati skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 950/97 huma b'dan revokati b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, soġġett għal att tal-Kunsill adottat f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat.

Artikolu 94

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika għall-appoġġ Komunitarju li jikkonċerna l-perijodu ta' programmazzjoni li jibda fl-1 ta' Jannar 2007. Madankollu, dan ir-Regolament m'għandux japplika qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġislazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-FEŻR, il-FSE u l-FK, għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 9, 90, 91 u 92, li għandhom japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Minkejja t-tieni subparagrafu, l-Artikolu 37, l-Artikolu 50(2) sa (4) u l-Artikolu 88(3) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2010, soġġett għal att tal-Kunsill adottat f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BECKETT


(1)  Opinjoni tas-7 ta' Ġunju 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 118/2005 (ĠU L 24, 27.1.2005, p. 15).

(3)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2223/2004 (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 1).

(4)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 7. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(5)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(7)  ĠU L 142, 2.6.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1257/1999.

(8)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1263/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar l-Istrument Finanzjarju għal Gwida tas-Sajd (ĠU L 161, 26.6.1999, p. 54).

(10)  ĠU L 184, 27.7.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(12)  Opinjoni tad-9 ta' Marzu 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Opinjoni tat-23 ta' Frar 2005 (ĠU C 164, 5.7.2005, p. 18).

(14)  ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1.

(15)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(16)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(17)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(18)  ĠU L 38, 12.2.2000, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2139/2004 (ĠU L 369, 16.12.2004, p. 26).

(19)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri li jistipula linji gwida għal programmi operattivi globali jew integrati li għalihom l-Istati Membri huma mistiedna jippreżentaw applikazzjoni għall-assistenza fil-qafas ta' Inizjattiva Komunitarja għall-iżvilupp rurali (LEADER II) (ĠU C 180, 1.7.1994, p. 48).

(20)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri tal-14 ta’ April 2000 li jistabbilixxi linji gwida għall-inizjattiva Komunitarja għall-iżvilupp rurali (Leader+) (ĠU C 139, 18.5.2000, p. 5). Komunikazzjoni kif emendata l-aħħar bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Komunikazzjoni lill-Istati Membri tal-14 ta’ April 2000 li jistabbilixxi linji gwida għall-inizjattiva Komunitarja għall-iżvilupp rurali (Leader+) (ĠU C 294, 4.12.2003, p. 11).

(21)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(22)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

(23)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


ANNESS

AMMONTI U RATI TA’ APPOĠĠ

Artikolu

Suġġett

Ammont f’euro jew rata

 

22(2)

Stabbiliment tal-appoġġ (*)

55 000

 

23(6)

Irtirar kmieni

18 000

Għal kull persuna li titrasferixxi kull sena

180 000

Ammont totali għal kull persuna li titrasferixxi

4 000

Għal kull ħaddiem kull sena

40 000

Ammont totali għal kull ħaddiem

24(2)

Servizzi ta' konsulenza

80  %

Tal-ispiża eliġibbli għal kull servizz ta' konsulenza

1 500

Ammont massimu eliġibbli

26(2)

Intensità tal-għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli

60  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli minn bdiewa żgħażagħ fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 36(a)(i), (ii) u (iii)

50  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli minn bdiewa oħra fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 36(a)(i), (ii) u (iii)

50  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli minn bdiewa żgħażagħ f’żoni oħra

 

 

40  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli minn bdiewa oħra f’żoni oħra

75  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fil-Gżejjer tal-Eġew iż-żgħar fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93

75  %

Tal-ammont ta' investiment eliġibbli fl-Istati Membri li aderew mal-Komunità fl-1 ta' Mejju 2004, għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (*) f'perijodu massimu ta' erba' snin mid-data tal-Adeżjoni skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 5(1) ta' dik id-Direttiva

27(3)

Intensità tal-għajnuna għat-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti

60  % (**)

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 36(a)(i), (ii) u (iii)

50  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli f’żoni oħra

85  % (**)

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli fir-reġjuni l-aktar imbiegħda

28(2)

Intensità tal-għajnuna biex jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u forestali

50  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli f’reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza

40  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli f’reġjuni oħra

75  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli fir-reġjuni l-aktar imbiegħda.

65  %

Tal-ammont ta’ investiment eliġibbli fil-Gżejjer tal-Eġew iż-żgħar fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93

31(2)

Ammont massimu ta’ appoġġ biex jintlaħqu l-istandards

10 000

Għal kull azjenda

32(2)

Ammont massimu ta’ appoġġ għall-parteċipazzjoni fi skemi ta’ kwalità tal-ikel

3 000

Għal kull azjenda

33

Intensità tal-għajnuna għal attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni

70  %

Tal-ispiża eliġibbli tal-azzjoni

34(3)

Ammont massimu għal azjendi agrikoli ta’ semi-sussistenza

1 500

Għal kull azjenda agrikola kull sena

35(2)

Gruppi ta’ produtturi: limitu massimu, bħala persentaġġ tal-produzzjoni kummerċjalizzata matul l-ewwel ħames snin wara r-rikonoxximent

5 %, 5 %, 4 %, 3 %, u 2 % (***)

Għall-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena rispettivament għall-produzzjoni kummerċjalizzata sa EUR 1 000 000

2,5 %, 2,5 %, 2,0 %, 1,5 %, u 1,5 %

Għall-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena rispettivament għall-produzzjoni kummerċjalizzata li taqbeż EUR 1 000 000

Iżda li ma tkunx qabżet, fir-rigward ta’ kull waħda mill-ewwel ħames snin, l-ammont ta’

100 000

Għall-ewwel sena

100 000

Għat-tieni sena

80 000

Għat-tielet sena

60 000

Għar-raba’ sena

50 000

Għall-ħames sena

37(3)

Pagament minimu għaż-żoni bi żvantaġġ

25

Għal kull ettaru ta’ ŻAU

Pagament massimu għall-iżvantaġġi għal żoni tal-muntanji

250

Għal kull ettaru ta’ ŻAU

Pagament massimu għal żoni bi żvantaġġi oħra

150

Għal kull ettaru ta’ ŻAU

38(2)

Pagament inizjali massimu Natura 2000 għal perijodu li ma jaqbiżx il-ħames snin

500  (****)

Għal kull ettaru ta’ ŻAU

Pagament massimu normali Natura 2000

200  (****)

Għal kull ettaru ta’ ŻAU

39(4)

Uċuħ tar-raba' annwali

600  (****)

Għal kull ettaru

Uċuħ tar-raba' perenni speċjalizzati

900  (****)

Għal kull ettaru

Użi oħra tal-art

450  (****)

Għal kull ettaru

Razez lokali f’periklu li jintilfu għat-trobbija

200  (****)

Għal kull unità ta’ annimali ħajjin

40(3)

Trattament xieraq tal-annimali

500

Għal kull unità ta’ annimali ħajjin

43(4)

Primjum annwali massimu biex ikopri t-telf ta’ dħul mill-afforestazzjoni

 

 

għall-bdiewa jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom

700

Għal kull ettaru

għal kwalunkwe persuna fiżika oħra jew entità tad-dritt privat

150

Għal kull ettaru

43(4), 44(4) u 45(3)

Intensità tal-għajnun a għall-ispejjeż ta’ stabbiliment

80 % (**)

Tal-ispejjeż eliġibbli fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 36(a)(i), (ii) u (iii)

70 %

Tal-ispejjeż eliġibbli f’żoni oħra

85 % (**)

Tal-ispejjeż eliġibbli fir-reġjuni l-aktar imbiegħda

46 u 47(2)

Pagament annwali Natura 2000 u għall-ambjent forestali

 

 

pagament minimu

40

Għal kull ettaru

pagament massimu

200 (****)

Għal kull ettaru


(1)  Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).

(*)  L-appoġġ għall-istabbiliment jista' jingħata fil-forma ta' primjum wieħed sa massimu ta' EUR 40 000, jew fil-forma ta' sussidju għar-rata ta' interess, li l-valur kapitalizzat tagħha ma jistax jaqbeż l-EUR 40 000. Għaż-żewġ forom ta' appoġġ flimkien, il-massimu ma jistax jaqbeż il-EUR 55 000.

(**)  Mhux applikabbli fil-każ ta’ foresti tropikali jew subtropikali u żoni ta' boskijiet ta' proprjetà tal-Istat tat-territorji tal-Açores, il-Madejra, il-Gżejjer Kanarji, il-Gżejjer tal-Eġew iż-żgħar fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93 u d-Dipartimenti Franċiżi Extra-Ewropej.

(***)  Fil-każ ta' Malta, il-Kummissjoni tista tistabbilixxi ammont minimu ta' għajnuna għas-setturi ta' produzzjoni fejn l-output totali huwa estremament żgħir.

(****)  Dawn l-ammonti jistgħu jiżdiedu f’każijiet eċċezzjonali b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li jridu jkunu ġustifikati fil-programmi għall-iżvilupp rurali.


Top