EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0092

Direttiva 2005/92/KE tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2005 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward tal-perjodu ta' l-applikazzjoni tar-rata standard minima tal-VAT

OJ L 345, 28.12.2005, p. 19–20 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 175M, 29.6.2006, p. 305–306 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006L0112

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/92/oj

29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

305


DIRETTIVA 2005/92/KE TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2005

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward tal-perjodu ta' l-applikazzjoni tar-rata standard minima tal-VAT

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Billi:

(1)

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (2), jistipula li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-livell tar-rata standard li għandha tkun applikata wara l-31 ta' Diċembru 2005.

(2)

Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud bħalissa fis-seħħ fl-Istati Membri, kombinata mal-mekkaniżmi tas-sistema tranżitorja, tiżgura li din is-sistema tiffunzjona b'mod aċċettabbli. Madankollu, jeħtieġ li jiġi evitat li diverġenza, li qiegħda tikber, bejn ir-rati standard tal-VAT applikati mill-Istati Membri ma twassalx għal żbilanċi strutturali fil-Komunità u għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni f'ċerti setturi ta' attività.

(3)

Għalhekk jidher xieraq li tinżamm ir-rata standard minima ta' 15 % għal perjodu ulterjuri li jkun suffiċjentement twil sabiex jippermetti t-tkomplija ta' l-implementazzjoni ta' l-istrateġija ta' simplifikazzjoni u ta' modernizzazzjoni tal-liġi Komunitarja attwalment fis-seħħ fil-materja tal-VAT.

(4)

Konsegwentement, id-Direttiva 77/388/KEE għandha għaldaqstant tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' l-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE għandhom jinbidlu bit-test li ġej:

“Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun iffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta' l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta' l-oġġetti u għall-provvista ta' servizzi. Mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi skond l-artikolu 93 tat-Trattat, il-livell tar-rata standard applikabbli wara l-31 ta' Diċembru 2010.”

.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2006. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhhom. Il-modalitajiet kif issir din ir-referenza għandhom jiġu deċiżi mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Maghmula fi Brussel, nhar it-12 ta' Diċembru 2005.

Mill-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).


Top