EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0769

2005/769/KE: Regolament tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Ottubru 2005 li tistabbilixxi regoli dwar il-ksib ta’ għajnuna f’ikel mill-NGOs awtorizzati mill-Kummissjoni biex jixtru u jimmobilizzaw prodotti li għandhom jiġu forniti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 u li tabbroga d-Deċiżjoni tagħha tat- 3 ta’ Settembru 1998

OJ L 291, 5.11.2005, p. 24–32 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 349M, 12.12.2006, p. 532–540 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 11 Volume 043 P. 97 - 105
Special edition in Romanian: Chapter 11 Volume 043 P. 97 - 105
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 039 P. 22 - 30

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/08/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/769/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

532


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Ottubru 2005

li tistabbilixxi regoli dwar il-ksib ta’ għajnuna f’ikel mill-NGOs awtorizzati mill-Kummissjoni biex jixtru u jimmobilizzaw prodotti li għandhom jiġu forniti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 u li tabbroga d-Deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Settembru 1998

(2005/769/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 tas-27 ta’ Ġunju 1996 dwar il-politika ta’ għajnuna f’ikel u l-ġestjoni ta’ l-għajnuna f'ikel u operazzjonijiet speċjali ta’ sigurtà fl-ikel (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2519/97 tas-16 ta’ Diċembru 1997 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-mobilizzazzjoni ta’ prodotti li jridu jiġu forniti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 bħala għajnuna f’ikel mill-Komunità (2), jippermetti lill-Kummissjoni tawtorizza organizzazzjonijiet internazzjonali u non-governattivi li huma benefiċjarji ta’ l-għajnuna tal-Komunità biex jixtru u jimmobilizzaw huma stess il-prodotti għall-użu bħala proviżjonijiet ta' għajnuna, bil-kondizzjoni li l-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li għandhom imbagħad japplikaw.

(2)

L-Artikolu 164 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (“ir-regoli implimentattivi”), jistipula li fejn l-implimentazzjoni ta’ azzjoni li dwarha wieħed jista’ jirċievi għotja tal-Komunità tinvolvi xiri, il-ftehim ta’ għotja milħuq għal dan il-għan għandu jinkludi r-regoli ta’ xiri li magħhom il-benefiċjarju għandu jkun konformi.

(3)

Artikolu 120 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) (“Regolament Finanzjarju”) jagħmel l-għoti ta’ kuntratti ta’ xiri mill-benefiċjarju ta’ għotja suġġett għall-prinċipji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli Implimentattivi tiegħu.

(4)

Ir-regoli ta’ xiri li għandhom isegwu l-korpi identifikati fil-parti 2 ta’ l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1292/96 għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ għajnuna f’ikel huma diġà stabbiliti fil-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni milħuqa mill-Kummissjoni ma’ dawn l-organizzazzjonijiet internazzjonali għal dan il-għan; għall-organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs), ir-regoli ta’ xiri u kondizzjonijiet oħra meħtieġa għall-mobilizzazzjoni ta’ l-għajnuna f’ikel u għar-rispett tal-prinċipji finanzjarji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u r-regoli implimentattivi tiegħu għandhom ikunu bbażati b’mod partikolari fuq dawk stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 2519/97, adattat kif meħtieġ biex iqis is-sitwazzjoni tal-ġestjoni ta’ finanzi.

(5)

Ir-regoli ta’ xiri għandhom japplikaw fejn il-Kummissjoni tawtorizza l-NGOs li jixtru u jimmobilizzaw għajnuna f’ikel fi ħdan il-qafas tal-kuntratti li jridu jiġu ffirmati għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali ta’ għajnuna f’ikel, mingħajr ħsara għad-diskrezzjoni ta’ l-uffiċjal tal-Kummissjoni li jawtorizza li jinkludi f’kuntratti bħal dawn rekwiżiti addizzjonali għal skopijiet ta’ ġestjoni finanzjarja xieraq. Commission Decision 1998/2481 should therefore be repealed. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1998/2481 għalhekk għandha tiġi abbrogata.

(6)

l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1292/96, il-Kumitat ta’ Għajnuna f’Ikel u Sigurtà fl-Ikel ġie mgħarraf dwar il-miżura preżenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-regoli dwar ix-xiri ta’ għajnuna f’ikel minn organizzazzjonijiet non-governattivi awtorizzati mill-Kummissjoni biex jixtru u jimmobilizzaw prodotti li jridu jiġu forniti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/96 huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Those rules shall form an integral part of the contracts and conventions concluded by the Commission for that purpose. Dawn ir-regoli għandhom jiffurmaw parti integrali mill-kuntratti u l-konvenzjonijiet milħuqa mill-Kummissjoni għal dan il-għan.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Settembru 1998 li tawtorizza ċerti organizzazzjonijiet li jirċievu għajnuna f’ikel tal-Komunità biex jixtru huma stess ċerti prodotti bħala provvista ta’ għajnuna f’ikel tal-Komunità hija abbrogata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tibda sseħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, nhar is-27 ta’ Ottubru 2005.

Ghall-Kummissjoni

Louis MICHEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 166, 5.7.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 346, 17.12.1997, p. 23.

(3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS

L-organizzazzjoni non-governattiva li tibbenefika mill-għajnuna tal-Komunità (minn issa ’l quddiem “l-NGO”) għandha tapplika r-regoli li ġejjin għall-mobilizzazzjoni ta’ prodotti li jridu jiġu forniti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru. 1292/96 bħala għajnuna f’ikel tal-Komunità, mingħajr ħsara għal xi rekwiżiti addizzjonali ta’ ġestjoni finanzjarja inkluża fil-kuntratt li jkun sar mal-benefiċjarju għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ għajnuna f’ikel.

I.   PRINĊIPJI ĠENERALI

Dan l-Anness għandu japplika għall-prodotti li jridu jiġu forniti “b’xejn fid-destinazzjoni”.

II.   REGOLI TA’ ORIĠINI POST TA’ XIRI TAL-PRODOTTI

Skond x’ikunu l-kondizzjonijiet stabbiliti għal xi forniment partikolari, il-prodott li jrid jiġi fornit għandu jinxtara fil-Komunità Ewropea, jew pajjiż li qed jiżviluppa elenkat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru. 1292/96, li jekk jista’ jkun huwa ta’ l-istess reġjun ġeografiku. Sa fejn huwa possibbli, għandha tingħata prijorità lil xiri fil-pajjiż ta’ operazzjoni jew pajjiż qarib.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali u b’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru. 1292/96, il-prodotti jistgħu jinxtraw fis-suq ta’ pajjiż għajr għal dawk elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru. 1292/96.

L-NGO għandha tiżgura li l-prodotti li jridu jiġu forniti bħala għajnuna f’ikel jistgħu jiġu impurtati b’mod ħieles fil-pajjiż benefiċjarju u ma jkunux suġġetti għal xi dazju ta’ importazzjoni jew taxxa b’effett ekwivalenti.

III.   KARATTERISTIĊI TAL-PRODOTTI

Il-prodotti kemm jista’ jkun għandhom jaqblu mad-drawwiet ta’ nutrizzjoni tal-popolazzjoni benefiċjarja.

Il-karatteristiċi tal-prodotti li jridu jiġu mmobilizzati bħala għajnuna f’ikel għandhom ikunu konsistenti mar-rekwiżiti stipulati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni marbuta mal-karatteristiċi tal-prodotti li jridu jiġu forniti bħala għajnuna f’ikel tal-Komunità (1).

Barra minn hekk, l-imballaġġ għandu jkun konsistenti mal-ħtiġijiet stipulati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni marbuta ma’ l-imballaġġ tal-prodotti li jridu jiġu forniti bħala għajnuna f’ikel tal-Komunità (2).

IV.   REGOLI TA’ NAZZJONALITÀ

Is-sehem fil-proċeduri ta’ appalti stipulati fil-qafas ta’ mobilizzazzjoni ta’ prodotti li jridu jiġu forniti bħala għajnuna f’ikel għandu jkun miftuħ l-istess għal kulhadd għal kwalunkwe persuna naturali jew legali mill-Komunità Ewropea jew minn pajjiż li qed jiżviluppa elenkat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1292/96.

L-appaltatur għandu jkun reġistrat legalment u f’pożizzjoni li jagħti prova ta’ dan jekk mitlub.

V.   RAĠUNIJIET TA’ ESKLUŻJONI MIS-SEHEM FI PROĊEDURI TA’ XIRI PUBBLIKU U MINN GĦOTI TA’ KUNTRATTI

1.   Raġunijiet ta’ esklużjoni mis-sehem fi proċeduri ta’ xiri pubbliku

L-appaltaturi jiġu esklużi mis-sehem fi proċedura ta’ xiri pubbliku jekk:

(a)

ikunu falluti jew fi stat ta’ likwidazzjoni, jew ikollhom in-negozju tagħhom amministrat mill-qrati, ikunu daħlu f’xi arranġament mal-kredituri, ikunu ssospendew l-attivitajiet ta’ negozju, ikunu suġġetti għal proċedimenti li jirrigwardaw dawn l-affarijiet, jew ikunu fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tkun ġejja minn proċedura simili stipulata fil-leġiżlazzjoni jew ir-regolamenti nazzjonali;

(b)

ikunu ġew kkundannati għal offiża li tikkonċerna l-kondotta professjonali tagħhom b'sentenza li għandha s-saħħa ta' res judicata;

(c)

kienu ħatja ta' kondotta professjonali ħażina u gravi pprovata bi kwalunkwe mezz li l-benefiċjarju ta’ l-għotja jista’ jiġġustifika;

(d)

ma jkunux ssodisfaw l-obbligazzjonijiet marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali jew il-ħlas ta' taxxi skond id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih ikunu stabbiliti jew dawk tal-pajjiż tal-benefiċjarju ta' l-għotja jew dawk tal-pajjiż li fih ikun se jsir il-kuntratt;

(e)

kienu suġġetti għal sentenza li għandha s-saħħa ta' res judicata minħabba frodi, korruzzjoni, involviment f'xi għaqda kriminali jew kwalunkwe attività oħra illegali li tkun ta' ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

(f)

wara proċedura ta’ xiri pubbliku oħra jew proċedura ta’ għoti ffinanzjata mill-baġit tal-Komunità, ikunu ġew iddikjarati li wettqu ksur gravi ta’ kuntratt minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligazzjonijiet kuntrattwali tagħhom.

L-appaltaturi jridu jiċċertifikaw li ma jinsabux f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati hawn fuq.

2.   Esklużjoni minn għoti ta’ kuntratti

Il-kuntratti ma jistgħux jingħataw lill-appaltaturi li, matul il-proċedura ta’ xiri pubbliku:

(a)

huma suġġetti għal konflitt ta’ interess;

(b)

huma ħatja ta’ dikjarazzjoni falza huma u jagħtu t-tagħrif meħtieġ mill-benefiċjarju ta' l-għotja bħala kondizzjoni ta' parteċipazzjoni fil-proċedura tal-kuntratt jew jonqsu milli jipprovdu dan it-tagħrif.

VI.   PROĊEDURI TA’ GĦOTJA

1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

L-NGO għandħa tniedi sejħa miftuħa internazzjonali għal offerti ta’ kuntratti ta’ forniment b’valur ta’ EUR 150 000 jew aktar. Fil-każ ta’ sejħa miftuħa internazzjonali għal offerti, l-NGO għandha tippubblika avviż ta' offerti fil-mezzi kollha xierqa, b'mod partikolari fuq il-websajt ta' l-NGO, fl-istampa internazzjonali u fl-istampa nazzjonali tal-pajjiż li fih tkun qed titwettaq l-Azzjoni, jew perjodiċi speċjalisti oħra.

Kuntratti ta’ forniment għal valur ta’ EUR 30 000 jew aktar iżda inqas minn EUR 150 000 għandhom jingħataw permezz ta’ proċedura ta’ offerta miftuħa ppubblikata lokalment. Fil-każ ta’ proċedura ta’ offerta lokali miftuħa, l-avviż ta’ l-offerta għandu jiġi ppubblikat fil-mezzi kollha xierqa iżda f’dak il-pajjiż biss li fih l-Azzjoni tkun qegħdha titwettaq. Għandha iżda tipprovdi lil fornituri eliġibbli oħra bl-istess opportunitajiet ta’ dawk ta’ ditti lokali.

Kuntratti ta’ forniment b’valur ta’ anqas minn EUR 30 000 għandhom jingħataw permezz ta’ proċedura kompetittiva nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni, li fiha l-NGO tikkonsulta ta’ l-inqas tliet fornituri magħżula minnha u tinnegozja l-kondizzjonijiet tal-kuntratt ma’ fornitur wieħed minnhom jew aktar.

Kuntratti ta’ forniment b’valur ta’ anqas minn EUR 5 000 jistgħu jingħataw fuq bażi ta’ offerta waħda.

Il-limiti ta’ żmien li fih iridu jaslu l-offerti u t-talbiet ta’ parteċipazzjoni għandhom ikunu biżżejjed sabiex jippermettu lill-partijiet interessati perjodu raġonevoli u xieraq biex iħejju u jissottomettu l-offerti tagħhom.

2.   Proċedura nnegozjata

Il-Benefiċjarju jista’ juża l-proċedura nnegozjata fuq bażi ta’ offerta waħda fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema, riżultat ta’ grajjiet li l-Benefiċjarju ma setax ibassar u li bl-ebda mod ma setgħu jiġu attribwiti lilu, il-limitu ta’ żmien għall-proċeduri msemmija fit-taqsima 6.1 hawn fuq ma jistax jinżamm.

Iċ-ċirkustanzi invokati biex jiġġustifikaw l-urġenza estrema m’għandhom bl-ebda mod ikunu attribwibbli għall-Benefiċjarju.

(b)

Azzjonijiet imwettqa f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi identifikati mill-Kummissjoni jitqiesu bħala li jissodisfaw il-prova ta’ urġenza estrema. Il-Kummissjoni se tinforma lill-Benefiċjarju jekk tkun teżisti sitwazzjoni ta’ kriżi u meta tkun waslet fit-tmiem.

(c)

għal kunsinni addizzjonali mill-fornitur oriġinali intenzjonati jew bħala sostituzzjoni parzjali tal-provvisti jew installazzjonijiet normali jew bħala l-estensjoni tal-provvisti jew estensjonijiet eżistenti, fejn bidla fil-fornitur tobbliga lill-Benefiċjarju jakkwista tagħmir li għandu karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw f'inkompatibilità jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fit-tħaddim u ż-żamma.

(d)

Fejn il-proċedura ta’ l-offerti tkun mingħajr suċċess, jiġifieri fejn ebda offerta kwalitattivament u/jew finanzjarjament ta’ siwi ma tkun waslet. F’każijiet bħal dawn, wara li jħassar il-proċedura ta’ offerti, il-Benefiċjarju jista’ jinnegozja ma’ appaltatur wieħed jew aktar magħżula minnu, minn fost dawk li jkunu ħadu sehem fil-proċedura ta’ offerti, sakemm il-kondizzjonijiet inizjali tal-proċedura ta’ offerti ma jkunux inbidlu b'mod sostanzjali.

(e)

fejn il-kuntratt ikkonċernat jingħata lil korpijiet b’monopolju de jure jew de facto, sostanzjat kif xieraq fid-deċiżjoni ta’ għotja tal-Kummissjoni;

(f)

Kuntratt bi ftehim dirett jista’ jittieħed meta jkun iġġustifikat mill-kundizzjonijiet partikolari ta’ xi forniment u, b’mod partikolari, fil-każ ta’ forniment sperimentali.

3.   Obbligazzjonijiet għas-sottomissjoni ta’ offerti

L-NGO għandha tispeċifika fl-avviż ta’ offerti l-forma u l-limitu ta’ żmien li skond huma għandha ssir l-offerta ta’ l-appaltatur.

It-talbiet kollha ta’ parteċipazzjoni u l-offerti ddikjarati bħala li jissodisfaw il-ħtiġijiet għandhom ikunu evalwati u kklassifikati fuq bażi ta’ kriterji ta’ eskluzjoni, għażla u għotja mħabbra minn qabel. Dan il-kumitat irid ikollu għadd ta’ membri bil-fart, ta’ l-inqas tlieta, bil-ħiliet tekniċi u amministrattivi kollha meħtieġa biex jagħtu opinjoni infurmata dwar l-offerti.

Offerta waħda tista’ tintbagħat għal kull lott. Din għandha tkun valida biss jekk tkun relatata ma’ lott komplut. Fejn lott ikun maqsum f’partijiet ta’ lottijiet, l-offerta għandha tkun stabbilita bħala l-medja tagħhom. Fejn is-sejħa għall-offerti tkun marbuta mal-forniment ta’ aktar minn lott wieħed, offerta separata għandha tintbagħat għal kull lott. L-appaltatur mhux obbligat li jippreżenta offerta għal-lottijiet kollha.

L-offerti għandhom jipprovdu:

l-isem u l-indirizz ta’ l-appaltatur;

in-numri ta’ referenza tas-sejħa għall-offerti, il-lott u l-azzjoni;

il-piż nett tal-lott jew l-ammont speċifiku monetarju li miegħu hija marbuta l-offerta;

il-prezz propost għal kull tunnellata metrika netta ta’ prodott li bih l-appaltatur jimpenja ruħu li jwettaq il-forniment skond il-kondizzjonijiet stipulati;

jew

fejn is-sejħa għall-offerti hija għal kuntratt ta’ forniment ta’ kwantità massima ta’ xi prodott partikolari għal ammont monetarju speċifiku, il-kwantità netta ta’ prodotti li jiġu offruti;

l-ispejjeż ta’ trasport għall-istadju speċifiku ta’ kunsinna;

il-limitu ta’ żmien għall-kunsinna.

L-offerta għandha tkun valida biss jekk ikollha magħha evidenza li garanzija ta’ offerta ġiet reġistrata. L-ammont tal-garanzija ta’ offerta, espress fil-valuta tal-ħlas, u l-perjodu ta’ validità, għandhom jiġu stipulati fl-avviż ta’ offerti. Il-garanzija għandha tirrappreżenta minimu ta’ 1 % ta’ l-ammont totali ta’ l-offerta, u l-perjodu ta’ validità għandu jkun ta’ l-inqas xahar.

Il-garanzija għandha tiġi rreġistrata favur l-NGO f’forma ta’ sigurtà minn istituzzjoni ta’ kreditu rikonoxxuta minn Stat Membru jew aċċettata mill-NGO. Il-garanzija għandha tkun irrevokabbli u tkun tista’ tissejjaħ ma’ l-ewwel talba.

Fil-każ ta’ mobilizzazzjoni fil-pajjiż li huwa stess benefiċjarju ta’ l-għajnuna f’ikel, l-NGO tista’ tiddefinixxi fl-avviż ta’ offerti kondizzjonijiet oħrajn għall-garanzija filwaqt li titqies id-dwana tal-pajjiż.

Il-garanzija għandha tiġi rilaxxata:

b’ittra jew fax mill-NGO fejn l-offerta ma ġietx aċċettata jew ma ntlaqatx, jew fejn ebda kuntratt ma ngħata;

fejn l-appaltatur, nominat bħala l-fornitur, irreġistra l-garanzija ta’ kunsinna.

Il-garanzija tintilef jekk il-fornitur jonqos milli jipprovdi l-garanzija ta’ kunsinna f’limitu ta’ żmien fiss raġonevoli wara li jingħata l-kuntratt u anki jekk l-appaltatur jirtira l-offerta tiegħu wara li tkun waslet.

Offerta li ma tintbagħatx skond dawn id-dispożizzjonijiet jew li jkun fiha riżervi jew kondizzjonijiet għajr għal dawk stipulati fis-sejħa ta’ offerti ma tintlaqax.

Ebda offerta ma tista’ tinbidel jew tiġi rtirata wara li tkun waslet.

L-għotja ssir lill-appaltatur li ssottometta l-aktar offerta baxxa li tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha tas-sejħa ta’ offerti, b’mod partikolari l-karatteristiċi tal-prodotti mmobilizzati. Fejn l-aktar offerta baxxa tkun ippreżentata fl-istess ħin minn numru ta’ appaltaturi, il-kuntratt jingħata bix-xorti.

Meta l-kuntratt jingħata, kemm il-fornitur kif ukoll l-appaltaturi li l-offerta tagħhom ma ntlaqatx għandhom jiġu avżati kif xieraq b’ittra jew fax.

L-NGO tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix il-kuntratt malli tgħaddi l-ewwel jew it-tieni skadenza, b’mod partikolari fejn l-offerti mibgħuta jkunu ’l barra mill-medda ta’ prezzijiet normali tas-suq. L-NGO mhix marbuta li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha. L-appaltaturi għandhom jiġu infurmati bid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ għoti ta’ kuntratt b’avviż bil-miktub, fi żmien tlett ijiem tax-xogħol.

VII.   OBLIGAZZJONIJIET TAL-FORNITUR U KONDIZZJONIJIET TA’ FORNIMENT

L-NGO għandha tispeċifika fl-avviż ta’ offerti l-kondizzjonijiet rilevanti għar-responsabbiltajiet tal-fornitur skond ir-regoli ppreżenti, u l-fornitur għandu jwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu b’konformità mal-kondizzjonijiet kollha stipulati fl-avviż ta’ offerti kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-offerta tiegħu.

Il-fornitur għandu jorganizza t-trasport bi spejjeż tiegħu skond ir-rotta l-aktar xierqa filwaqt li jqis il-limitu ta’ żmien approvat, mill-port ta’ trasportazzjoni jew il-moll fejn issir it-tagħbija indikat fl-offerta tiegħu sal-post finali ta’ destinazzjoni speċifikat fl-avviż ta’ offerti.

Iżda, fuq talba bil-miktub tal-fornitur l-NGO tista’ tawtorizza li l-port ta’ trasportazzjoni jew il-moll fejn issir it-tagħbija jinbidlu, sakemm l-ispejjeż marbuta ma’ dan jaqgħu fuq il-fornitur.

Il-fornitur għandu joħroġ polza ta’ assigurazzjoni marittima jew jitlob li jkun kopert minn polza ġenerali. L-assigurazzjoni għandha tkun a’ l-inqas għall-ammont ta’ l-offerta u għandha tkopri r-riskji kollha assoċjati mal-ġarr u kwalunkwe attività oħra marbuta mal-provvista mill-fornitur sa l-istadju ta’ kunsinna speċifikat. Għandha wkoll tkopri l-ispejjeż kollha ta’ ssortjar, irtirar jew qerda ta’ merkanzija li jkollha ħsara, l-imballaġġ mill-ġdid u analiżi tal-merkanzija fejn il-medja ma twaqqafx milli jiġu aċċettati mill-benefiċjarju.

Il-merkanzija ma tistax tiġi kkunsinnata f’kunsinni maqsuma fuq aktar minn bastiment wieħed, sakemm l-NGO ma taqbilx li jsir hekk. F’dan il-każ, l-NGO teħtieġ li l-fornitur jerfa’ l-ispejjeż addizzjonali ta’ ċċekkjar.

Fejn xieraq, l-avviż ta’ offerti jista’ jispeċifika data li qabilha kull kunsinna tkun ikkunsidrata prematura.

Il-kunsinna għandha tkun kompluta meta l-prodotti kollha jkunu ġew ikkunsinnati “ħielsa fid-destinazzjoni”. Il-fornitur għandu jerfa’ l-ispejjeż kollha sakemm il-prodotti jkunu disponibbli fil-maħżen ta’ destinazzjoni.

Il-fornitur għandu jieħu r-riskji kollha, inkluż ta’ prodotti li jintilfu jew jitħassru, li għalihom il-prodotti jistgħu jkunu soġġetti sa tmiem il-kunsinna u r-reġistrar ta’ dan il-fatt minn min ikun qed iżomm kontroll fiċ-ċertifikat finali ta’ konformità (ara punt 8).

Il-fornitur għandu jgħarraf minnufih lill-benefiċjarju u lill-kontrollur bil-miktub dwar il-mezzi ta’ trasport użati, id-dati tat-tagħbija, id-data tal-wasla mistennija fid-destinazzjoni, u kull inċident li jseħħ sakemm il-prodotti jkunu fil-vjaġġ.

Il-fornitur għandu jwettaq il-formalitajiet marbuta mal-liċenzja ta’ esportazzjoni u ta’ ħruġ mid-dwana billi jerfa’ l-ispejjeż u l-ħlas relatati.

Sabiex ikun żgurat li jissodisfa l-obbligazzjonijiet tiegħu, il-fornitur għandu jressaq garanzija ta’ kunsinna sa ċerta data ta’ skadenza raġonevoli wara n-notifika ta’ l-għotja tal-kuntratt. Din il-garanzija, espressa fil-valuta tal-ħlas, għandha tirrappreżenta 5 sa 10 % ta’ l-ammont totali ta’ l-offerta. Il-perjodu ta’ validità għandu jiskadi xaħar wara d-data tal-kunsinna finali. Għandha titressaq bl-istess mod bħall-garanzija ta’ l-offerta.

Il-garanzija ta’ kunsinna għandha tinħareġ kompletament b’ittra jew fax mill-NGO meta l-fornitur:

ikun wettaq il-forniment b’konformità ma’ l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu; jew

ikun inħeles mill-obbligazzjonijiet tiegħu;

jew

ma jkunx wettaq il-forniment għal raġunijiet ta’ forza maġġuri rikonoxxuta mill-NGO.

VIII.   SORVELJANZA

Malli jingħata l-kuntratt, l-NGO għandha tgħarraf lill-fornitur ta’ l-aġenzija li tkun responsabbli biex tivverifika u tiċċertifika l-kwalità, kwantità, imballaġġ u immarkar tal-prodotti li jridu jiġu kkunsinnati fir-rigward ta’ kull forniment, billi toħroġ iċ-ċertifikat ta’ konformità jew iċ-ċertifikat ta’ kunsinna, u ġeneralment tikkoordina l-istadji kollha ta’ l-operazzjoni ta’ forniment (minn issa ’l quddiem imsemmija “l-aġenzija ta’ sorveljanza”).

Wara n-notifika ta’ l-għotja tal-kuntratt, il-fornitur għandu jinforma bil-miktub lill-aġenzija ta’ sorveljanza bl-isem u l-indirizz tal-fornitur, ta’ min jippakkja jew ta’ min għandu jkollu maħżuna l-prodotti li jridu jiġu kkunsinnati, u d-data bejn wieħed u ieħor ta’ manifattura jew ippakkjar, kif ukoll l-isem tar-rappreżentant tiegħu fil-post tal-kunsinna.

L-aġenzija ta’ sorveljanza għandha twettaq ta’ l-inqas żewġ kontrolli, ibbażati fuq termini ta’ referenza li jkunu konformi ma’ l-istandards internazzjonali ta’ sorveljanza, kif ġej:

(a)

Kontroll provviżorju għandu jitwettaq meta jitgħabbew il-prodotti jew fil-fabbrika. Il-kontroll finali għandu jsir fl-istadju ta’ kunsinna li jkun speċifikat.

(b)

Meta l-kontroll proviżorju jkun komplut, l-aġenzija ta’ sorveljanza għandha toħroġ ċertifikat proviżorju ta’ konformità lill-fornitur, suġġett għal riżervazzjoni jekk ikun meħtieġ. L-aġenzija ta’ sorveljanza għandha tiddikjara jekk hemmx xi riżerva b’tali mod li l-prodotti ma jkunux aċċettabbli fl-istadju ta’ kunsinna.

(c)

Meta l-kontroll finali jkun komplut, l-aġenzija ta’ sorveljanza għandha toħroġ ċertifikat finali ta’ konformità lill-fornitur li jispeċifika b’mod partikolari d-data ta’ meta l-forniment ikun komplut u l-kwantità netta fornita; dan iċ-ċertifikat għandu jkun suġġett għal riżervazzjoni jekk meħtieġ.

(d)

Fejn l-aġenzija ta’ sorveljanza toħroġ “avviż ta’ riżerva” motivata, għandha tavża lill-fornitur u l-NGO bil-miktub kemm jista’ jkun malajr. Jekk il-fornitur jixtieq iqajjem kwistjoni dwar dak li jkun instab ma’ l-aġenzija ta’ sorveljanza u l-NGO, għandu jagħmel dan fi żmien jumejn tax-xogħol wara li jintbagħat dan l-avviż.

L-ispejjeż tal-kontrolli msemmija hawn fuq għandhom jaqgħu fuq l-NGO. Il-fornitur għandu jerfa’ l-konsegwenzi finanzjarji fil-każ ta’ nuqqasijiet ta’ kwalità jew preżentazzjoni mhux fil-ħin ta’ prodotti għall-iċċekkjar.

Jekk il-fornitur jew il-benefiċjarju jsib oġġezzjoni dwar dak li jinstab matul kontroll, l-aġenzija ta’ sorveljanza, wara l-awtorizzazzjoni ta’ l-NGO, għandha tara li jkun hemm spezzjoni ta’ reviżjoni, skond in-natura ta’ l-oġġezzjoni, teħid ta’ kampjuni ta’ reviżjoni, analiżi ta’ reviżjoni, u/jew użin jew iċċekkjar mill-ġdid ta’ l-imballaġġ. L-ispezzjoni ta’ revizjoni għandha ssir mill-aġenzija jew laboratorju nnominat bi ftehim bejn il-fornitur, il-benefiċjarju aħħari u l-aġenzija ta’ sorveljanza.

L-ispejjeż ta’ din l-ispezzjoni ta’ reviżjoni għandhom jaqgħu fuq il-parti telliefa.

Jekk iċ-ċertifikat finali ta’ konformità ma jinħariġx wara li jkunu twettqu l-kontrolli jew l-ispezzjoni ta’ reviżjoni, il-fornitur għandu jkollu l-obbligu li jipprovdi l-prodotti mill-ġdid.

L-ispejjez ta’ provvista mill-ġdid u tal-kontrolli relatati għandhom jaqgħu fuq il-fornitur.

L-aġenzija ta’ sorveljanza għandha toħroġ avviżi bil-miktub lir-rappreżentanti tal-fornitur u tal-benefiċjarju aħħari biex ikunu preżenti waqt l-operazzjonijiet ta’ ċċekkjar, b’mod partikolari waqt li jittieħdu kampjuni biex jiġu użati għall-analiżi. It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir b’konformità mal-prassi professjonali. Meta t-teħid ta' kampjuni jitwettaq, l-aġenzija ta’ sorveljanza għandha tieħu żewġ kampjuni addizzjonali li għandhom jinżammu ssiġillati għad-dispożizzjoni ta’ l-NGO bil-għan ta’ aktar kontrolli jew fil-każ ta’ oġġezzjonijiet li jitqajmu mill-benefiċjarju jew il-fornitur.

L-ispejjeż tal-prodotti meħuda bħala kampjuni għandhom jaqgħu fuq il-fornitur.

Min jirċievi l-prodotti għandu joħroġ ċertifikat ta’ akkwist ta’ kontroll lill-fornitur mingħajr dewmien wara li l-prodotti jkunu ġew forniti “ħielsa fid-destinazzjoni” u l-fornitur ikun ipprovda lill-benefiċjarju ċertifikat oriġinali finali ta’ konformità, u fattura pro forma li tistabbilixxi sew il-valur tal-prodotti kif ukoll it-trasferiment tagħhom lill-benefiċjarju mingħajr ħlas.

Għall-prodotti forniti fil-massa, tolleranza ta’ 3 % bil-piż (mingħajr il-piż tal-kampjuni) taħt il-kwantità mitluba hija applikabbli. Għall-prodotti forniti fl-imballaġġ, din it-tolleranza hija limitata għal 1 %. Fejn jinqabżu t-tolleranzi, l-NGO tista’ titlob lill-fornitur jagħmel kunsinna addizzjonali bl-istess kondizzjonijiet finanzjarji tal-kunsinna tal-bidu.

IX.   KUNDIZZJONIJIET TA’ ĦLAS

Is-somma li trid titħallas mill-NGO lill-fornitur m’għandix taqbeż l-ammont ta’ l-offerta flimkien ma’ xi spejjeż, mingħajr xi tnaqqis stipulat hawn taħt.

Fejn il-kwalità, l-imballaġġ jew l-immarkar tal-prodotti jinstabu fl-istadju tal-kunsinna li ma jikkorrispondux ma’ l-ispeċifikazzjonijiet, mingħajr ma jkunu b’mod li jkunu waqqfu l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ akkwist ta’ kontroll, l-NGO, filwaqt li tikkalkola s-somma li trid titħallas, tista’ tapplika xi tnaqqis.

Ħlief għal każijiet ta’ forza maġġuri, il-garanzija ta’ kunsinna tintilef parzjalment fuq bażi akkumulattiva fil-każijiet li ġejjin:

10 % tal-valur tal-kwantitajiet mhux kunsinnati, mingħajr ħsara għat-tolleranzi msemmija f’punt 8 hawn fuq;

0,1 % tal-valur tal-kwantitajiet forniti wara l-iskadenza, għal kull jum ta’ dewmien;

fejn xieraq, u biss jekk dan ikun speċifikat fl-avviż ta’ offerti, 0,1 % kuljum meta l-prodotti jkunu ġew ikkunsinnati qabel iż-żmien.

L-ammont tal-garanziji li jintilfu għandu jitnaqqas mill-ammont finali li jrid jitħallas. Il-garanziji jinħelsu mbagħad flimkien kompletament.

L-NGO tista’ tħallas lura lill-fornitur, fuq talba tiegħu bil-miktub, ċerti spejjeż addizjonali, bħal pereżempju dawk ta’ ħażna jew assigurazzjoni fil-fatt imħallsa mill-fornitur, iżda esklużi xi spejjeż amministrattivi, li l-NGO għandha tevalwa fuq il-bażi ta’ dokumenti xierqa ta’ appoġġ, sakemm ċertifikat ta’ akkwist ta’ kontroll jew ċertifikat ta’ kunsinna jkun ħareġ mingħajr riżerva marbuta man-natura ta’ l-ispejjeż mitluba, u fil-każ ta’:

estenzjoni tal-perjodu ta’ kunsinna fuq talba ta’ min jirċievi; jew

dewmien li jaqbeż 30 jum bejn id-data ta’ kunsinna u l-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ akkwist ta’ kontroll, jew il-ħruġ taċ-ċertifikat finali ta’ konformità.

Spejjeż addizzjonali ma jigux aċċettati jekk jaqbżu:

EUR 1 għal kull tunnellata ta’ prodotti bil-massa u EUR 2 għal kull tunnellata ta’ prodotti pproċessati kull ġimgħa fil-każ ta’ spejjeż ta’ ħażna;

0,75 % fis-sena tal-valur tal-prodotti fil-każ ta’ spejjeż ta’ assigurazzjoni.

Is-somma li trid titħallas għandha titħallas fuq talba tal-fornitur mibgħuta f’żewġ kopji. Talba għall-ħlas ta’ l-ammont kollu ta’ l-offerta jew il-bilanċ tiegħu għandha tinhemeż mad-dokumenti li ġejjin:

fattura għas-somma mitluba;

l-oriġinal taċ-ċertifikat ta’ akkwist ta’ kontroll;

kopja ffirmata u ċċertifikata mill-fornitur bħala li tikkonforma ma’ l-oriġinali taċ-ċertifikat finali ta’ konformità.

Meta 50 % tal-kwantità totali stabbilita fl-avviż ta’ offerta tkun ġiet ikkunsinnata, il-fornitur jista’ jippreżenta talba għal ħlas bil-quddiem flimkien ma’ fattura għas-somma mitluba u kopja taċ-ċertifikat proviżorju ta’ konformità.

Kull talba għal pagament ta’ l-ammont sħiħ ta’ l-offerta jew il-bilanċ tiegħu għandha tiġi ppreżentata lill-NGO wara l-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ akkwist ta’ kontroll. Il-pagamenti kollha għandhom isiru fi żmien 60 jum minn meta l-NGO tirċievi talba kompluta u preċiża għal pagament. Dewmien mhux iġġustifikat iwassal għal imgħax arretrat bir-rata ta’ kull xahar applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.

X.   DISPOŻIZZJONI FINALI

Hija l-NGO li trid tiddeċiedi jekk fornitur li jonqos li jfornixxi l-prodotti jew li jissodisfa waħda mill-obbligazzjonijiet tiegħu ikunx minħabba forza maġġuri jew le. L-ispejjeż li jirriżultaw minn każ ta’ forza maġġuri rikonoxxut mill-NGO għandhom jaqgħu fuq din ta’ l-aħħar.


(1)  ĠU C 312, 31.10.2000, p. 1.

(2)  ĠU C 267, 13.9.1996, p. 1.


Top