EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0095

Id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku

OJ L 37, 13.2.2003, p. 19–23 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 031 P. 127 - 131
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 039 P. 115 - 119
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 039 P. 115 - 119

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/01/2013; Imħassar b' 32011L0065

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/95/oj

32002L0095



Official Journal L 037 , 13/02/2003 P. 0019 - 0023


Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta’ Jannar 2003

dwar ir-restrizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Huma u jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni fit-8 ta’ Novembru 2002 [4],

Billi:

(1) Id-disparitajiet bejn il-liġijiet jew il-miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri rigward ir-restrizzjoni ta’ l-użu tas-sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku jista’ joħloq ostakoli għall-kummerċ u jgħawweġ il-kompetizzjoni fil-Komunità u jista’ b’hekk ikollu impatt dirett fuq li jiġi stabbilit u kif jiffunzjona s-suq intern. Jidher għalhelkk meħtieġ li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-kamp jitqarrbu lejn xulxin u jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-irkupru tat-tagħmir elettriku u elettroniku ta’ l-iskart u d-disponiment minnu ambjentalment sodi.

(2) Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f’Nizza fis-7, 8 u 9 ta’ Diċembru 2000 endorsja r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Diċembru 2000 dwar il-prinċipju prekawzjonarju.

(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 1996 dwar ir-rivista ta’ l-istrateġija Komunitarja għat-tensjonijiet tal-ġestjoni ta’ l-iskart il-ħtieġa li jitnaqqas il-kontenut tas-sustanzi ta’ riskju fl-iskart u turi l-benefiċċji potenzali tar-regoli mal-Komunità kollha li jillimitaw il-preżenza ta’ dawn is-sustanzi fil-prodotti u fil-proċessi tal-produzzjoni.

(4) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 1988 dwar programm ta’ azzjoni Komunitarja għalbiex tikkumbatti l-inkwinament ambjentali mill-kadmju [5] tistieden lill-Kummissjoni li ssegwi mingħajr dewmien l-iżvilupp ta’ miżuri speċifiċi għal programm bħal dan. Is-saħħa tal-bniedem ukoll trid tiġi protetta u għandha għalhekk tiġi implimentata strateġija ġenerali li b’mod partikolari tirrestrinġi l-użu tal-kadmju u tistimula r-riċerka fis-sostituti. Ir-Riżoluzzjoni tenfasizza illi l-użu tal-kadmju għandu jiġi limitat għall-każijiet fejn ma jeżistux alternattivi xierqa u ta’ siġurtà ikbar.

(5) Ix-xiehda disponibbli tindika illi l-miżuri dwar il-ġbir, it-trattament, ir-riċiklaġġ u d-disponiment mit-tagħmir elettriku u elettroniku ta’ l-iskart (WEEE) kif iddikjarati fid-Direttiva al-Kunsill dwar it-tagħmir elettriku u elettroniku ta’ l-iskart [6] għalbiex inaqqsu l-problemi tal-ġestjoni ta’ l-iskart marbuta mal-metalli t-tqal interessati u r-retardanti tal-fjammi tan-nar interessati. Minkejja dawn il-miżuri, madankollu, partijiet sinifikanti tal-WEEE jridu jissoktaw jinstabu fir-rotot tad-disponiment korrenti. Saħansitra jekk il-WEEE jiġi miġbur separatament u sottomess għall-proċessi tar-riċiklaġġ, il-kontenut tal-merkurju, tal-kadmju, taċ-ċomb, tal-kromju VI, tal-PBE u tal-PDBE x’aktarx li joħolqu riskji għas-saħħa jew għall-ambjent.

(6) Filwaqt li titqies il-probabbiltà teknika u ekonomika tas-suċċess, l-iktar manjiera effettiva għalbiex jiġi żgurat tnaqqis sinifikanti fir-riskji għas-saħħa u għall-ambjent li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk is-sustanzi li jistgħu jiksbu l-livell magħżul ta’ protezzjoni fil-Komunità hija s-sostituzjoni ta’ dawn i-sustanzi fit-tagħmir elettriku u elettroniku b’materjali żguri jew iktar żguri. Ir-restrizzjoni ta’ l-użu ta’ dawn is-sustanzi ta’ riskju x’aktarx li ttejjeb il-possibbiltajiet u l-profittabbiltà ekonomika tar-riċiklaġġ tal-WEEE u tnaqqas l-impatt negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema fl-impjanti tar-riċiklaġġ.

(7) Is-sustanzi koperti b’din id-Direttiva huma rriċerkati tajjeb xjentifikament kemm fil-livell Komunitarju u kemm fil-livell nazzjonali.

(8) Il-miżuri pprovvduti f’din id-Direttiva jqisu l-linji gwida u r-rakkommandazzjonijiet internazzjonali eżistenti u huma msejsa fuq stima tat-tagħrif xjentifiku u tekniku disponibbli. Il-miżuri huma meħtieġa għalbiex jinkiseb il-livell magħżul tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u ta’ l-ambjent, filwaqt li jingħata qies tar-riskji li n-nuqqas tal-miżuri x’aktarx li joħloq fil-Komunità. Il-miżuri għandhom jinżammu taħt rivista u, jekk meħtieġ, aġġustati sabiex iqisu t-tagħrif tekniku u xjentifiku disponibbli.

(9) Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni Komunitarja għall-ħtiġiet tas-sigurtà u tas-saħħa u għal-leġislazzjoni Komunitarja speċifika tal-ġestjoni ta’ l-iskart, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 91/157/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991 dwar il-batteriji u l-akkumulaturi li jkun fihom ċerti sustanzi perikolużi [7].

(10) Għandu jitqies l-iżvilupp tekniku tat-tagħmr elettriku u elettroniku mingħajr il-metalli t-tqal, il-PDBE u l-PBB. Hekk kif ix-xiehda xjentifika tkun disponibbli u filwaqt li jitqies il-prinċipju prekawzjonarju, għandha tiġi eżaminata l-projbizzjoni ta’ sustanzi oħra ta’ riskju u s-sostituzzjoni tagħhom b’alternattivi bonarji għall-ambjent li jiżguraw għall-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni lill-konsumaturi.

(11) L-eżenzjonijiet mill-ħieġa tas-sostituzzjoni għandhom jiġu permessi jekk is-sostituzzjoni ma tkunx possibbli mil-lat xjentifiku u tekniku jew jekk l-impatti negattivi ambjentali u fuq is-saħħa kkawżati mis-sostituzzjoni x’aktarx li jegħilbu l-benefiċċji umani u ambjentali tas-sostituzzjoni. Is-sostituzzjoni tas-sustanzi ta’ riskju fit-tagħrif elettriku u elettroniku għandha toitwettaq ukoll hekk li tkun komptibbli mas-saħħa u s-sigurtà ta’ l-utenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE).

(12) Billi l-użu mill-ġdid, l-arranġament mill-ġdid u l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-prodott huma ta’ benefiċċju, għandhom ikunu disponibbli l-i spare parts.

(13) L-addattament għall-progress xjentrifiku u tekniku ta’ l-eżenzjonijiet mill-ħtiġiet li jirrigwardaw it-tmiem iggradat u l-projbizzjoni tas-sustanzi ta’ riskju għandu jiġi effettwat mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta’ kumitat.

(14) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [8].

ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għanijiet

Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jitqarrbu lejn xulxin il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-restrizzjonijiet ta’ l-użu ta’ sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku u li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-irkupru tat-tagħmir elettriku u elettroniku ta’ l-iskart u d-disponiment minnu ambjentalment sodi.

Artikolu 2

L-Iskop

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, din id-Direttiva għandha tapplika għat-tagħmir elettriku u elettroniku li jidħol fil-kategoriji 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7 u 10 iddikjarati fl-Anness IA mad-Direttiva Nru 2002/96/KE (WEEE) u għall-bozoz ta’ l-elettriku, u l-luminarji fid-djar.

2. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħtiġiet tas-sigurtà u tas-saħħa u l-leġislazzjoni Komunitarjka speċifika dwar il-ġestjoni ta’ l-iskart.

3. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-i spare parts għat-tiswija, jew għall-użu mill-ġdid tat-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq qabel l-1 ta’ Lulju 2006.

Artikolu 3

Id-Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "tagħmir elettriku u elettroniku" jew "EEE" ifisser it-tagħmir li huwa dipendenti fuq il-kurrenti ta’ l-elettriku jew l-oqsma elettromanjetiċi għalbiex jaħdmu kif xieraq u t-tagħmir għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment u l-kejl ta’ dawn il-kurrenti u oqsma li jidħlu fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness IA mad-Direttiva 2002/96/KE (WEEE) u ddisinjati għall-użu ma ’ għoti tar-rata lill-voltaġġ li ma jaqbiżx il-1000 volt għall-kurrent li jalterna u l-1500 volt għall-kurrent dirett;

(b) "produttur" ifisser kull persuna li, irrispettivament mill-mod tat-teknika tal-bejgħ li tuża, inkluż permezz tal-komunikazzjoni mill-bogħod skond id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi rigward il-kuntratti mill-bogħod [9]:

(i) tiffabbrika u tbigħ taħmir elettriku u elettroniku bil-marka tagħha tal-fabbrika;

(ii) tbigħ mill-ġdid it-tagħmir bil-marka tagħha tal-fabbrika prodott minn fornituri oħra, filwaqt li bejjiegħ ma jitqiesx bħala l-"produttur" jekk il-marka tal-fabbrika tal-produttur tidher fuq it-tagħmir, kif ipprovvdut fis-sub-punt (i); jew

(iii) timporta jew tesporta t-tagħmir eletriku u eletroniku fuq bażi professjonali fi Stat Membru.

Kulmin jipprovdi b’mod eskluzziv il-finanzjament taħt jew skond kull ftehim finanzjarju ma għandux jitqies bħala "produttur" għajr jekk jaġixxi wkoll bħala produttur fit-tifsira tas-sub-punti minn (i) sa (iii).

Artikolu 4

Il-Prevenzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mill-1 ta’ Lulju 2006, it-tagħmir elettriku u elettroniku l-ġdid imqiegħed fis-suq ma jkunx fih ċomb, merkurju, kadmju, kromju essavalenti, bifenili ppolibrominatati (PBB) jew eteri tad-difenil polibominatat (PBDE). Jistgħu jinżammu sa l-1 ta’ Lulju 2006 il-miżuri nazzjonali restrittivi jew li jipprojbixxu l-użu ta’ dawn is-sustanzi fit-tagħmir elettriku u elettroniku li kienu adottati f’linja mal-leġislazzjoni Komunitarja qabel l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

2. Il-paragrafu 1 ma għandhux japplika għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness.

3. Fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu, hekk kif tkun disponibbli x-xiehda xjentifika, u skond il-prinċipji dwar il-politika tal-kimiċi kif stabbilita fis-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali, dwar il-projbizzjoni ta’ sustanzi oħra ta’ riskju u s-sostitituzzjoni tagħhom minn alternattivi iktar bonarji għall-ambjent li jiżguraw mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni lill-konsumaturi.

Artikolu 5

L-Addattament għall-progress xjentifiku u tekniku

1. Kull emenda li hija meħtieġa sabiex taddatta l-Anness mal-progress xjentifiku u tekniku għandha tiġi adottata bil-għanijiet li ġejjin skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 7(2):

(a) għalbiex tistabbilixxi, kif meħtieġ, il-valuri massimi tal-konċentrazzjoni safejn għandha tiġi ttollerata l-preżenza tas-sustanzi riferiti fl-Artikolu 4(1) rigward il-materjali speċifiċi u l-komponenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku;

(b) sabiex teżenta l-materjali u l-komponenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku mill-Artikolu 4(1) jekk l-eliminazzjoni jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz tal-bidliet fid-disinn jew tal-materjali u l-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda waħda mill-materjali u s-sustanzi riferiti fih ma jkunux teknikament jew xjentrifikament prattikabbli, jew meta l-impatti negattivi ambjentali, tas-saħħa u/jew għas-sigurtà tal-konsumatur ikkawżati bis-sostituzzjoni x’aktarx li jegħilbu l-benefiċċji ambjentali, tas-saħħa u għas-sigurtà tal-konsumatur ta’ dawn;

(ċ) sabiex titwettaq rivista ta’ kull eżenzjoni fl-Anness mill-inqas kull erba’ snin jew erba’ snin wara li oġġett jiġi miżjud fil-lista bil-għan li jiġi kkunsidrat it-tħassir tal-materjali u l-komponenti tat-tagħmir elettriku jew elettroniku mill-Anness jekk l-eliminazzjoni jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz tat-tibdiliet fid-disinn jew il-materjali u l-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda waħda mill-materjali jew is-sustanzi riferiti fl-Artikolu 4(2) ma jkunu possibbli teknikament jew xjentifikament, sakemm l-impatti negattivi ambjentali, tas-saħħa u/jew għas-sigurtà tal-konsumatur ikkawżati bis-sostituzzjoni ma jegħilbux il-benefiċċji possibbli ambjentali, tas-saħħa u/jew għas-sigurtà tal-konsumatur ta’ dawn.

2. Qabel ma jiġi emendat l-Anness skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha fost ħwejjeġ oħra tikkonsulta lill-produtturi tat-tagħmir elettriku u elettroniku, lir-riċiklaturi, lill-operaturi tat-trattament, lill-organizzazzjonijiet ambjentali u lill-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-konsumaturi. Il-kummenti għandhom jintbagħtu lill-Kumitat riferit fl-Artikolu 7(1)i. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rendikont tat-tagħrif li tirċievi.

Artikolu 6

Ir-rivista

Qabel it-13 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni għandha tagħmel rivista tal-miżuri pprovvduti għal din id-Direttiva sabiex titqies ix-xiehda xjentifika ġdida, kif meħtieġ.

B’mod partikolari l-Kummussjoni għandha, sa din id-data, tippreżenta proposti sabiex tinkludi fl-iskop ta’ din id-Direttiva t-tagħmir li jidħol fil-kategoriji 8 u 9 iddikjarati fl-Anness IA mad-Direttiva 2002/06/KE (WEEE).

Il-Kummissjoni għandha wkoll tistudja l-ħtieġa li taddatta l-lista tas-sustanzi ta’ l-Artikolu 4(1), fuq il-bażi tal-fatti xjentifiċi u filwaqt li tqis il-prinċipju prekawzjonarju, u tippreżenta proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal dawn l-addattamenti, jekk approprjat.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari matul ir-rivista lill-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem mis-sustanzi u l-materjali l-oħra ta’ riskju wżati fit-tagħmir elettriku u elettroniku. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-probabbiltà tas-suċċess meta jiġu mibdula dawn is-sustanzi u għandha tippreżenta proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex testendi l-iskop ta’ l-Artikolu 4, kif approprjat.

Artikolu 7

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 75/442/KE [10].

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkun ġie kkunsidrat l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien ipprovvdut fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 8

Il-Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. Il-penali hekk ipprovvduti għandhom ikunu effettivi, ipproporzjonati u dissważivi.

Artikolu 9

It-Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-13 ta’ Awissu 2004. Għandhom jgħarrfu fil-pront lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew inkella għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha fil-kamp kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 10

Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Jannar 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Drys

[1] ĠU C 365 E, tad-19.12.2000, p. 195 u ĠU C 240 E, tat-28.8.2001, p. 303.

[2] ĠU C 116, tal-20.4.2001, p. 38.

[3] ĠU C 148, tat-18.5.2001, p. 1.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2001 (ĠU C 34 E, tas-7.2.2002, p. 109), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Diċembru 2001 (ĠU C 90 E, tas-16.4.2002, p. 12) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2002 u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002.

[5] ĠU C 30, ta’ l-4.2.1988, p. 1.

[6] Ara l-paġna 24 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[7] ĠU L 78, tas-26.3.1991, p. 38. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/101/KE (ĠU L 1, tal-5.1.1999, p. 1).

[8] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[9] ĠU L 144, ta’ 1-4.6.1997, p. 19. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).

[10] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39.

--------------------------------------------------

ANNESS

L-applikazzjonijiet taċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju u l-kromju essavalenti, li huma eżentati mill-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 4 (1)

1. Il-merkurju b’bozoz tad-dawl fluworexxenti kompatti li ma jaqbiżx il 5 mg kull bozza,

2. Il-merkurju fil-bozoz dritti tad-dawl fluworezzenti għal għanijiet ġenerali li ma jaqbżux:

—l-alofosfat | 10 mg |

—it-trifosfat b’tul ta’ ħajja normali | 5 mg |

—it-trifosfat b’tul ta’ ħajja fit-tul | 8 mg |

.

3. Il-merkurju fil-bozoz dritti tad-dawl florexxenti għal għanijiet speċjali.

4. Il-Merkurju f’bozoz oħra tad-dawl mhux imsemmija speċifikament f’dan l-Anness.

5. Iċ-ċomb fil-ħġieġ tat-tubi tar-raġġ katodu, il-komponenti elettroniċi u t-tubi fluworexxenti.

6. Iċ-ċomb bħala element ta’ l-illig fl-azzar li jkun fih sa 0,35 % ċomb fil-piż, l-aluminju li jkun fih sa 0,4 % ċomb fil-piż u l-illig tar-ram li jkun fih sa 4 % ċomb fil-piż.

7. - Iċ-ċomb fl-istann tat-tip li jiddewweb f’temperaturi għolja (jiġifieri l-illigi ta’ l-istann u ċ-ċomb li ma jkunx fihom iktar minn 85 % ċomb,

- iċ-ċomb fl-istannijiet ta’ oġġetti li jservu, is-sistemi tal-ħażna u tal-wirja fl-ordni tal-ħażna (eżenzjoni konċessa sas-sena 2010),

- iċ-ċomb l-istann għat tagħmir ta’ l-infrastrutturi tan-networks għas-swiċċjar, is-sinjalar, it-trasmissjoni kif ukoll il-ġestjoni tan-networks għat-telekomunikazzjoni,

- iċ-ċomb fil-partijiet elettroniċi taċ-ċeramika (p.e., il-mezzi piezoelettroniċi).

8. Il-banjar bil-kadmju għajr għall-applikazzjonijiet ipprojbiti skond id-Direttiva 91/338/KEE [1] li temenda d-Direttiva 76/769/KEE [2] li għandha x’taqsam mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u tħejjijiet perikolużi.

9. Il-kromju essavalenti bħala anti-korrużjoni tas-sistema tat-tkessiħ ta’ l-azzar bil-karbonju fir-refriġeraturi ta’ l-assorbiment.

10. Ġewwa l-proċedura riferita fl-Artikolu 7 (2), il-Kummisjoni għandta tivvaluta l-applikazzjonijiet ta’:

- id-Deca BDE,

- il-merkurju fil-bozoz dritti tad-dawl fluworexxenti għal għanijiet speċjali,

- iċ-ċomb fl-istannijiet ta’ l-oġġetti li jservu, il-ħażna u s-sistemi tal-wiri fl-ordni tal-ħażna, it-tagħmir ta’ l-infrastrutturi tan-networks għas-swiċċjar, is-sinjalar, it-trasmissjoni kif ukoll il-ġestjoni tan-networks għat-telekomunikazzjonijiet (bil-ħsieb li jiġi ffissat limitu taż-żmien għal din l-eżenzjoni), u

- il-bozoz tad-dawl,

bħala materja ta’ prijorità sabiex jiġi stabbilit malajr kemm jista’ jkun jekk dawn l-intestaturi jridux jiġu emendati kif jixraq.

[1] ĠU L 186, tat-12.7.1991, p. 59.

[2] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201.

--------------------------------------------------

Top