EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0021

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)

OJ L 108, 24.4.2002, p. 33–50 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 029 P. 349 - 366
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 035 P. 195 - 212
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 035 P. 195 - 212
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 049 P. 25 - 42

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/12/2020; Imħassar b' 32018L1972

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/21/oj

32002L0021



Official Journal L 108 , 24/04/2002 P. 0033 - 0050


Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-7 ta' Marzu 2002

dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara l-kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Il-kwadru regolatorju preżenti għat-telekomunikazzjonijiet kellu suċċess fil-ħolqien tal-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni effettiva fis-setttur tat-telekomunikazzjonijiet matul it-transizzjoni mill-monopolju għall-kompetizzjoni sħiħa.

(2) Fl-10 ta' Novembru 1999, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni imsejħa "Lejn kwadru ġdid għal infrastruttura tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi assoċjati - ir-rivista tal-komunikazzjonijiet ta' l-1999". F'dik il-komunikazzjoni, il-Kummisjoni rrevediet il-kwadru eżistenti regolatorju għat-telekomunikazzjonijiet, skond l-obbligazzjonijiet tagħha taħt Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta' l-implimentazzjoni ta' provista ta' network miftuħ [4]. Preżentat ukoll serje ta' proposti politiċi għal kwadru ġdid regolatorju għall-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi assoċjati għall-konsultazzjoni pubblika.

(3) Fis-26 ta' April 2000 il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fuq ir-rivista tal-komunikazzjonijiet ta' l-1999 u l-orjentazzjonijiet għall-kwadru ġdid regolatorju. Il-komunikazzjoni rrappurtat fil-qosor l-konsultazzjoni pubblika u niżżlet ċerti orjentazzjonijiet prinċipali għal preparazzjoni ta' kwadru ġdid għall-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi assoċjati.

(4) Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 emfasizza l-potenzjal għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien ta' l-impiegi u l-bidla lejn ekonomija diġitali bażata fuq l-għerf. B'mod partikolari, emfasizza l-importanza biex in-negozji u ċ-ċittadini ta' l-Ewropa jkollhom aċċess għal infrastruttura ta' komunikazzjonijiet mhux għalja u ta' klassi dinjija u firxa wiesa’ ta' servizzi.

(5) Il-konverġenza tat-telekomunikazzjonijiet, il-media u s-settturi tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni tfisser li n-networks kollha ta' trasmissjoni u servizzi għandhom ikunu koperti b'kwadru regolatorju wieħed. Dak il-kwadru regolatorju jikkonsisti f'din id-Direttiva u erba’ Direttivi speċifiċi: Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni tan-networks tat-komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) [5], id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal u interkonnessjoni ma’ networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva dwar l-Aċċess) [6], id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2202 dwar dritt universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma’ networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi (Direttiva Servizz Universali) [7], id-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-setttur tat-telekomunikazzjonijiet [8], (hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejħa "id-Direttivi Speċifiċi"). Huwa meħtieġ li ssir separazzjoni bejn ir-regolament tat-trasmissjoni u r-regolament tal-kontenut. Dan il-kwadru għalhekk ma jkoprix il-kontenut tas-servizzi mwassla fuq in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jużaw servizzi elettroniċi ta' komunikazzjonijiet, bħal kontenut tax-xandir, is-servizzi finanzjarji u ċerti servizzi tas-soċjeta ta' l-informazzjoni, u hija għalhekk bla preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità u dak nazzjonali dwar dawk is-servizzi, b'konformità mal-liġi tal-Komunità, sabiex jippromwovu diversità kulturali u lingwistika u biex jiżguraw id-difiża tal-pluraliżmu fil-midja. Il-kontenut tal-programmi tat-televiżjoni huwa kopert bid-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet preskritti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni [9]. Is-separazzjoni bejn ir-regolament tat-trasmissjoni u r-regolament tal-kontenut ma tippreġudikax li jingħata kont tar-rabtiet li jeżistu bejniethom, b'mod partikolari biex jiġi garantit il-pluraliżmu tal-midja, id-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-konsumatur.

(6) Il-politika awdjoviżwali u r-regolament tal-kontenut huma mwettqa lejn il-ksib ta' miri ta' interess ġenerali, bħal-libertà ta' l-espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja, l-imparzjalità, id-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali, l-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-minuri. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Prinċipji u linji gwida għall-politika tal-Komunità awdjoviżwali u l-era diġitali", u l-konklużżjonijiet tas-6 ta' Ġunju 2000 jilqgħu din il-komunikazzjoni, jiffissaw l-azzjonijiet prinċipali li għandhom jittieħdu mill-Komunità għall-implimentazzjoni tal-politika tagħha awdjoviżwali.

(7) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-possibiltà li kull Stat Membru jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-protezzjoni ta' l-interessi tiegħu ta' sigurtà, biex jissalvagwardja l-politika pubblika u s-sigurtà pubblika, u biex jippermettu l-investigazzjoni, l-kxif u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, nkluż it-twaqqif ta' awtoritajiet nazzjonali regolatorji ta' obbligazzjonijiet speċifiċi u proporzjonali applikabbli għall-provdituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

(8) Din id-Direttiva ma tkoprix apparat fil-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar l-apparat tar-radju u l-apparat terminali tat-telekomunikazzjonijiet u l-għarfien komuni tal-konformità tagħhom [10], iżda tkopri l-apparat tal-konsumatur użat għat-televixin diġitali. Huwa importanti għar-regolaturi li jinkoraġġixxi lill-operaturi tan-networks u lill-manifatturi ta' apparat terminali li jikkoperaw sabiex jiġi faċilitat l-aċċess mill-utenti b'diżabilità għas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

(9) Is-servizzi tas-soċjeta ta' l-informazzjoni huma koperti bir-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali ta' servizzi tas-soċjeta ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-suq intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) [11].

(10) It-tifsira ta' "servizz tas-soċjeta ta' l-informazzjoni" f'Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tippreskrivi proċedura għall-provista ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-i standards tekniċi u regolamenti u tar-regoli tas-servizzi tas-soċjeta ta' l-informazzjoni [12] tkopri firxa wiesa’ ta' attivitajiet elettroniċi li jseħħu on-line. Il-parti l-kbira ta' dawn l-attivitajiet m'humiex koperti bl-iskop ta' din id-Direttiva għaliex ma jikkonsistux kollha kemm huma jew prinċipalment fit-twassil ta' sinjali fuq networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. It-telefonija bil-leħen u s-servizzi ta' twassil ta' posta elettronika huma koperti b'din id-Direttiva. L-istess impriża, per eżempju provditur ta' servizzi bl-Internet, jista joffri kemm servizz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal l-aċċess għall-Internet, u servizzi mhux koperti taħt din id-Direttiva, bħal provista ta' kontenut web-based.

(11) Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta' l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta' l-indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta' l-Istati Membri jew tal-prinċipju ta' newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sidien tal-proprjetà preskritta f'Artikolu 295 tat-Trattat. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta' impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom.

(12) Kull parti li hija s-suġġett ta' deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja għandu jkollha d-dritt ta' appell lil korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp jista’ jkun qorti. B'żieda, kull impriża li tqies li l-applikazzjonijiet tagħha għall-għoti ta' drittijiet ta' faċilitajiet ta' stallazzjoni ma ġewx ittrattati skond il-prinċipji stipulati f'din id-Direttiva għandu jkollha d-dritt li tappella kontra dawk id-deċiżjonijiet. Din il-proċedura ta' appell hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi fi ħdan is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji u tad-drittijiet ta' entitajiet legali u persuni naturali taħt il-liġi nazzjonali.

(13) L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom il-ħtieġa li jiġbru informazzjoni mill-parteċipanti fis-suq sabiex iwettqu b'mod effettiv ix-xogħol tagħhom. Jista’ jkun hemm il-ħtieġa wkoll li dik l-informazzjoni tinġabar għan-nom tal-Kummissjoni, biex tippermettilha li twettaq l-obbligazzjonijiet kollha tagħha taħt il-liġi tal-Komunità. Il-talbiet għall-informazzjoni għandhom ikunu proporzjonati u m'għandhomx jimponu piż żejjed fuq l-impriżi. L-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandha tkun pubblikament disponibbli, ħlief sal-limitu li tkun kunfidenzjali skodn ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u bla ħsara għall-liġi tal-Komunità u dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tan-negozju.

(14) Informazzjoni li hija meqjusa kunfidenzjali minn awtorità nazzjonali regolatorja, skond ir-regoli tal-Komunità u dawk nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tan-negozju, tista’ tinbidel biss mal-Kummissjoni u ma awtoritajiet nazzjonali regolatorji oħra fejn dak il-bdil huwa strettament meħtieġ għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew tad-Direttivi speċifiċi. L-informazzjoni mibdula għandha tkun limitata għal dak li huwa relevanti u proporzjonat għall-għand ta' dak il-bdil.

(15) Huwa iimportanti li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jikkonsultaw mal-partijiet kollha interessati dwar id-deċiżjonijiet proposti waqt li jingħata kont tal-kummenti tagħhom qabel ma tiġi adottata deċiżjoni finali. Sabiex jiġi żgurat li deċiżjonijiet f'livell nazzjonali ma jkollhomx effetti kuntrarji fuq is-suq wieħed jew miri oħra tat-Trattat, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ukoll jinnotifikaw ċerti abbozzi ta' deċiżjonijiet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji oħra biex jagħtuhom l-opportunità li jikkummentaw. Huwa xieraq li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jikkonsultaw mal-partijiet interssati fuq l-abbozzi kollha tal-miżuri li għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-każi fejn il-proċeduri msemmija f'Artikoli 6 u 7 japplikaw huma definiti f'din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat tal-Konsultazzjonijiet, li teħtieġ lill-awtorità nazzjonali regolatorja li tirtira abbozz ta' miżura fejn ikun jikkonċerna definizzjoni tas-swieq relevanti jew in-nomina jew le ta' impriżi b'saħħa sinifikanti fis-suq, u fejn dawk id-deċiżjonijiet joħolqu ostakolu għas-suq wieħed jew ikunu inkompattibbli mal-liġi tal-Komunitaà u b'mod partikolari mal-politika tal-miri li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom isegwu. Din il-proċedura hija bla preġudizzju għall-proċedura ta' notifikazzjoni li għaliha tipprovdi d-Direttiva 98/34/KE u tal-prerogattivi tal-Kummissjoni taħt it-Trattat dwar ksur tal-liġi tal-Komunità.

(16) L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandu jkollhom sett armonizzat ta' miri u prinċipji li jiggwidawhom, u għandhom, fejn meħtieġ, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħom ma’ l-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri l-oħra fit-twettieq tax-xogħol tagħhom taħt dan il-kwadru regolatorju.

(17) L-attivitajiet ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji stabbiliti taħt din id-Direttivi u d-Direttivi Speċifiċi jikkontribwixxu għat-twettieq ta' politika aktar wiesa’ fiż-żoni tal-kultura, l-impiegi, l-ambjent, il-koesjoni soċjali u l-ippjanar tal-bliet u rħula.

(18) Il-ħtiġiet li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jagħtu l-akbar kont tax-xewqa li jsiru regolamenti teknoloġikament newtrali, jiġifieri li la jimponu u lanqas jiddiskriminaw favur l-użu ta' tip partikolari ta' teknoloġija, ma jipprekludux li jittieħdu passi proporzjonati biex jippromwovu ċerti servizzi speċifiċi fejn dan ikun ġustifikat, per eżempju t-televixin diġitali bħala mezz għaż-żieda ta' l-effikaċja fl-Ispettru.

(19) Il-frekwenzi tar-radju huma kontribizzjoni essenzjali għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bbażati fuq ir-radju u, sal-limitu li jirrelataw ma’ dawk is-servizzi, għandhom għalhekk ikunu allokati u assenjati mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji skond settt ta' miri armonizzati u prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tagħhom kif ukoll fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, waqt li jingħata kont ta' l-interessi demokratiċi, soċjali, lingwistiċi u kulturali relatati ma l-użu tal-frekwenza. Huwa importanti li l-allokazzjoni u l-assenjament tal-frekwenzi tar-radju jiġu amministrati bl-aktar mod effiċjenti possibbli. It-trasferiment tal-frekwenzi tar-radju jista’ jkun mezz effettiv biex jiżdied l-użu effiċjenti ta' l-Ispettru, sakemm ikun hemm salvagwardi suffiċjenti operattivi li jipproteġu l-interess pubblika, b'mod partikolari l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza u s-sorveljanza regolatorja ta' dawk it-trasferimenti. Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju għall-politika ta' l-Ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) [13] tistabbilixxi kwadru għall-armonizzazzjoni tal-frekwenzi tar-radju, u azzjoni meħuda taħt din id-Direttiva għandha tfittex li tiffaċilita x-xogħol taħt dik id-Deċiżjoni.

(20) L-aċċess għar-riżorsi tan-numerazzjoni fuq il-bażi ta' kriterji trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji huwa essenzjali għall-impriżi biex jikkompetu fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-elementi kollha għall-pjani nazzjonali ta' numerazzjoni għandhom ikunu amministrati mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, inklużi l-kodiċi tal-punti wżati fl-indirizzar tan-networks. Fejn ikun hemm il-ħtieġa ta' l-armonizzazzjoni tar-riżorsi tan-numerazzjoni fil-Komunità biex jissostna l-iżvilupp ta' servizzi pan-Ewropew, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri tekniċi ta' implimentazzjoni bl-użu tas-settgħat esekuttivi tagħha. Fejn dan ikun xieraq biex tiġi żgurata l-interoperabilita globali sħiħa tas-servizzi, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-posizzjonijiet nazzjonali tagħhom skond it-Trattat f'organizzazzjonijiet internazzjonali u laqgħat fejn jittieħdu deċiżjonijiet dwar n-numerazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx jistabbilixxu xi żoni ġodda ta' responsabbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji fil-qasam ta' l-ismijiet u l-indirizzar ta' l-Internet.

(21) L-Istati Membri jistgħu jużaw, fost ħwejjeġ oħra, proċeduri ta' għażla kompetittivi jew komparattivi għall-assenjament ta' frekwenzi tar-radju kif ukoll tan-numri b'valur ekonomiku eċċezzjonali. Fl-amministrazzjoni ta' dawk l-iskemi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jagħtu kont tad-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8.

(22) Għandu jkun żgurat li jkunu jeżistu proċeduri għall-għoti ta' drittijiet għall-istallazzjoni ta' faċilitajiet li jkunu f'waqthom, mhux diskriminatorji u trasparenti, sabiex jiġu garantiti l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni ġusta u effettiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-esproprjazzjoni jew l-użu tal-proprjetà, eżerċizzju normali tad-drittijiet fuq il-proprjetà, l-użu normali tad-dominju pubbliku, jew għall-prinċipju tan-newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sidien tal-proprjetà.

(23) Il-qsim tal-faċilitajiet jista’ jkun ta' benefiċċju għall-ippjanar ta' l-ibliet, is-saħħa pubblika jew raġunijiet ambjentali, u għandu jkun inkoraġġit mill-awtoritajiet nazzjonali regplatorji fuq il-bażi ta' patti ta' ftehim volontarji. Fil-każi fejn l-impriżi jiġu mċaħħda minn aċċess għal alternattivi vijabbli, il-qsim obbligatorju ta' faċiltajiet jew proprjetà jista jkun adattat. ikopri fost ħwejjeġ oħra: ko-lokazzjoni fiżika u kanali, bini, arbli, antenni jew qsim ta' sistemi ta' antenni. Il-qsim obbligatorju ta' faċilitajiet jew proprjetà għandu jiġi mpost fuq impriżi biss wara konsultazzjoni pubblika sħiħa.

(24) Fejn operaturi mobbli jkunu meħtieġa li jaqsmu torrijiet jew arbli għal raġunijiet ambjentali, dakil-qsim mandatarju jista’ jwassal għal tnaqqis fil-leveli massimi tas-saħħa tat-trasmissjoni permissibbli għal kull operatur għal raġunijiet ta' saħħa pubblika, u dan jista jeħtieġ lill-operaturi li jistallaw aktar siti biex jiżguraw kopertura nazzjonali.

(25) Hemm il-ħtieġa ta' obbligazzjonijiet minn qabel f'ċerti ċirkostanzi sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' suq kompetitttiv. It-tifsira ta' saħħa sinifikanti fis-suq fid-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 1997 dwar interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward ta' l-assigurazzjoni ta' servizz universali u interoperabilità permess ta' l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-provista ta' retikolt miftuħ (ONP) [14] kienet effiċjenti fl-istadji inizjali tal-ftuħ tas-suq bħala limitu għall-obbligazzjonijiet, iżda issa hija meħtieġa li tiġi adattata biex isservi swieq aktar komplessi u dinamiċi. Għal din ir-raġuni, t-tifsira wżata f'din id-Direttiva hija ekwivalenti għall-konċett ta' dominanza kif definit fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti ta' l-Ewwel Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

(26) Żewġ impriżi jew aktar jistgħu jinstabu li jkunu jgawdu pożizzjoni konġunta dominanti mhux biss fejn jeżistu rabtiet strutturali jew oħrajn bejniethom iżda wkoll fejn l-istruttura tas-suq relevanti hija konduttiva għal effetti koordinati, jiġifieri, tinkoraġġixxi komportament prallel jew allinejat anti-kompetittiv fis-suq.

(27) Huwa essenzjali li obbligazzjonijiet regolatorji minn qabel għandhom jiġu imposti biss fejn ma jkunx hemm kompetizzjoni effettiva, jiġifieri fi swieq fejn ikun hemm impriża waħda jew aktar b'saħħa sinifikanti fis-suq, u fejn ir-rimedji tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali jew tal-Komunità ma jkunux suffiċjenti biex jindirizzaw dik il-problema. Huwa meħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tħejji linji gwida fil-livell Tal-Komunità kond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni biex l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jsegwu fl-istima jekk il-kompetizzjoni hijiex effettiva f'suq partikolari u fl-istima tas-saħħa sinifikanti fis-suq. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom janalizzaw jekk is-suq fi prodott partikolari jew servizz ikunx effettivament kompetittiv f'żona ġeografika partikolari, li tista’ tkun it-territorju kollu jew parti minnu ta' l-Istat Membru konċernat jew partijiet ġirien tat-territorji ta' l-Istati Membri meqjusa flimkien. Analiżi tal-kompetizzjoni effettiva għandu jinkludi analiżi dwar jekk is-suq hux prospettivament kompetittiv, u b'hekk jekk xi nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva hijiet dejjiema. Dawk il-linji gwida għandhom ukoll jindirizzaw il-kwistjoni ta' swieq ġodda emerġenti, fejn fil-fatt il-mexxej tas-suq x'aktarx li jkollu sehem sostanzjali tas-suq iżda m'għandux jiġi suġġett għal obbligazzjonijiet mhux adattati. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi regolarment il-linji gwida biex tassigura li jibgħqu adattati f'suq li jiżviluppa b'mod mgħaġġel. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom il-ħtieġa li jikkoperaw ma xulxin fejn jinstab li s-suq relevanti jkun transnazzjonali.

(28) Biex jiġi stabbilit jekk impriża jkollhix saħħa sinifikanti fis-suq f'suq speċifiku, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jaġixxu skond il-liġi tal-Komunità u jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida tal-Kummissjoni.

(29) Il-Komunità u l-Istati Membri daħlu fi rbit b’relazzjoni ma’ l-istandards u l-kwadru regolatorju tan-networks u tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(30) L-istandardizzazzjoni għandha tibqa’ primarjament proċess immexxi mis-suq. Iżda xorta waħda jista jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun adattat li tenħtieġ konformità ma’ standards speċifiċi fil-livell tal-Komunità biex tiġi assigurata l-interoperabilità fis-suq wieħed. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE. Id-Direttiva 95/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 1995 dwar l-użu ta' standards għat-trasmissjoni ta' sinjali televiżivi [15] m'għamlitx obbligatorja l-ħtieġa ta' xi sistema ta' trasmissjoni diġitali tat-televiżjoni jew servizz. Permezz tal-Grupp tax-Xandir Diġitali bil-Vidjo, il-parteċipanti tas-suq Ewropew żviluppaw familja ta' sistema ta' trasmissjoni televiżiva li ġiet standardised mill-Istitut ta' l-i standards Ewropew tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI) li sara rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet. Kull deċiżjoni biex l-implimentazzjoni ta' dawk l-istandards issir mandatarja għandha ssegwi konsultazzjoni pubblika sħiħa. Il-proċeduri ta' l-istandardizzazzjoni taħt din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 73/23/KEE tad-19 ta' Frar 1973 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw ma'apparat elettroniku maħsub biex jintuża fil-limiti ta' ċerti vultaġġi [16] u d-Direttiva tal-Kunsill 89/336/KEE tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-kompatibilità elettromanjetika [17].

(31) L-interoperabilità ta' servizzi diġitali interattivi tat-televiżjoni u tagħmir imtejjeb tat-televiżjoni diġitali, fil-livell tal-konsumatur, għandha tiġi mħajra sabiex tiżgura t-tmexxija libera ta' l-informazzjoni, il-pluraliżmu fil-media u d-diversità kulturali. Huwa mixtieq li l-konsumaturi jkollhom il-kapaċità li jirċievu jkun x'ikun il-mod ta' trasmissjoni, is-servizzi kollha diġitali nterattivi tat-televiżjoni, wara li jingħata kont tan-newtralità teknoloġika, il-progress teknoloġiku futur, il-ħtieġa tal-promozzjoni tat-televiżjoni diġitali skond l-għażla, u l-istat tal-kompetizzjoni fis-swieq għas-servizzi diġitali tat-televiżjoni. L-operaturi tat-televiżjoni diġitali interattiva għandhom jippruvaw li jimplimentaw interface miftuħ ta' applikazzjoni tal-programm (API) li jikkonforma ma’ l-istandards jew speċifikazzjonijiet adottai mill-organizzazzjoni Ewropea ta' l-i standards. L-emigrazzjoni minn APIs għal APIs ġodda miftuħa għandha tkun inkoraġġita u organizzata, per eżempju b'Memorandi ta' Ftehim bejn il-partijiet kollha relevanti tas-suq. APIs miftuħa jiffaċilitaw l-interoperabilità, jiġifieri l-portabilità tal-kontenut interattiv bejn il-mekkaniżmi tat-twassil, u l-funzjonalità sħiħa ta' dan il-kontenut fuq apparat diġitali mtejjeb tat-televiżjoni. Iżda, l-ħtieġa li ma jkunx hemm tfixkil għall-iffunzjonar ta' l-apparat li jirċievi u biex jiġi protett minn attakki malizzjużi, per eżempju minn viruses, għandu jingħata kont tagħha.

(32) Fil-każ ta' tilwim bejn żewġ impriżi fl-istess Stat membru f'żona koperta b’din id-Direttiva jew bid-Direttivi Speċifiċi, per eżempju li tirrelata ma’ obbligazzjonijiet għall-aċċess jew interkonnessjoni jew mal-mezzi tat-trasferimenti tal-listi ta' l-abbonati, il-parti milquta li tkun innegozjat in bona fede iżda li naqsett li tilħaq ftehim għandha tkun tista’ titlob lill-awtorità nazzjonali regolatorja biex tirriżolvi d-tilwim. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu jistgħu jimponu soluzzjoni fuq il-partijiet. L-intervent ta' awtorità nazzjonali regolatorja fir-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn intrapriżi li jipprovdu networks ta' komunikazzjonijiet pubbliċi jew servizzi fi Stat Membru għandu jfittex li jassigura l-konformità ma’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi.

(33) B'żieda mad-drittijiet ta' rikors mogħtija taħt il-liġi nazzjonali jew tal-Komunità, hemm il-ħtieġa ta' proċedura sempliċi li għandha tinbeda fuq it-talba ta' xi wieħed mill-partijiet fid-tilwim, biex jiġu riżolti tilwim bejn il-fruntieri li huma barra l-kompetenza ta' awtorità nazzjonali regolatorja waħda.

(34) Kumitat wieħed għandu jissostitwixxi "l-Kumitat ONP" maħtur b'Artikolu 9 tad-Direttiva 90/387/KEE u l-Kumitat tal-Liċenzi maħtur b'Artikolu 14 tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' April 1997 dwar kwadru komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzi individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet [18].

(35) L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jipprovdu lill-xulxin bl-informazzjoni meħtieġa biex japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi, sabiex ikun jistgħu jikkoperaw għal kollox flimkien. Fir-rigward ta' l-informazzjoni mibdula, l-awtorità li tirċievi għandha tassigura l-istess livel ta' kunfidenzjalità bħall-awtorità li toriġina.

(36) Il-Kummissjoni wriet il-ħsieb tagħha li tistabbilixxi grupp ta' regolaturi Ewropej għan-networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi li jikkostitwixxi mekkaniżmu adatta biex iħajjar il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali regolatorji, sabiex jippromwovi l-iżvilupp tas-suq intern għar-retikolai ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi, u biex ifittex li tinkiseb l-applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, b'mod partikolari fejn il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi tal-Komunità tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji settgħat kunsiderevoli ta' diskrezzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli relevanti.

(37) L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu meħtieġa li jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b'mod trasparenti biex tiġi assigurata l-applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi. Il-koperazzjoni tista’ sseħħ, fost ħwejjeġ oħra, fil-Kumitat tal-Komunikazjonijiet jew fil-Grupp li jikkomprendi r-regolaturi Ewropew. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu liema korpi huma l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għall-għanijiet ta' din id-Direttiva u tad-Direttivi Sepċifiċi.

(38) Miżuri li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri huma miżuri li jista’ jkollhom influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-Kummerċ bejn l-Istati Membri b'mod li jista’ jinħoloq ostakolu għas-suq wieħed. Jikkomprendu miżuri li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-operaturi jew l-utenti fi Stati Membri oħra, li jinkludu, fost ħwejjeġ oħra: miżuri li jeffettwaw il-prezzijiet għall-utenti fi Stati Membri oħra; miżuri li jeffettwaw l-abilità ta' mpriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li tipprovdi servizz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, b'mod partikolari miżuri li jeffettwaw l-abilità li jiġu offruti servizzi fuq bażi transnazzjonali; u miżuri li jeffettwaw l-istruttura tas-suq jew l-aċċess, li jwasslu għal riperkussjonijiet għal impriżi fi Stati Membri oħra.

(39) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jiġu riveduti perjodikament, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-ħtieġa ta' modifikazzjoni fid-dawl tal-kondizzjonijiet li jinbidlu teknoloġiċi u tas-suq.

(40) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-settgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [19].

(41) Minħabba li l-miri ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-ksib ta' kwadru armonizzat għar-regolament ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet asoċjati u servizzi assoċjati ma jistgħux suffiċjentement jinkisbu mill-Istati Membru u għandhom għalhekk, bir-raġuni ta' l-Ispettru u l-effetti ta' din l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stipulati f'Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proprozjonalità, kif stipulat f'dak Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx ’l hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dawk il-miri.

(42) Ċerti direttivi u deċiżjonijiet f'dan il-qasam għandhom jiġu mħassra.

(43) Il-Kummissjoni għandha tissorvelja it-transizzjoni mill-wafas eżistenti għall-kwadru il-ġdid, u tista’ b'mod partikolari, fi żmien adattat, iġġib il-quddiem proposta biex tħassar ir-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2000 dwar aċċess mhux marbut għall-konnessjoni lokali [20],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

IL-QASAM TA' APPLIKAZZJONI, L-GĦAN U T-TIFSIRIET

Artikolu 1

Il-qasam ta' applikazzjoni u miri

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi kwadru armonizzat għar-regolar ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati. Tistipula x-xogħol ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tistabbilixxi settt ta' proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru regolatorju mal-Komunità.

2. Din id-Direttiva kif ukoll id-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet iimposti bil-liġi nazzjonali skond il-liġi tal-Komunità jew bil-liġi tal-Komunità fir-rigward tas-servizzi provduti bl-użu ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi.

3. Din id-Direttiva kif ukoll id-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità jew nazzjonali, b'konformità mal-liġi tal-Komunità, li jfittxu miri ta' interess ġenerali, b'mod partikolari li jirrelataw mar-regolament tal-kontenut u l-politika awdjo-viżwali.

4. Din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 1999/5/KE.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "network ta' komunikazzjonijiet elettroniċi" tfisser sistemi ta' trasmissjoni u, fejn japplika, apparat għall-kommutazzjoni jew ta' routing u riżorsi oħra li jippermettu t-twassil ta' sinjali bil-wajer, bir-radju, b'mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra, inklużi networks tas-satellita, networks fiss (ċikwit-u packet-switched, inkluż l-Internet) u mobbli terrestri, sistemi ta' kejbil ta' l-elettriku, sal-limitu li jintużaw għall-għan ta' trasmissjoni tas-sinjali, networks wżati għax-xandir nir-radju u tat-televiżjoni, u networks tat-televixin bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta' informazzjoni mwassla;

(b) "swieq transnazzjonali" tfisser swieq identifikati skond Artikolu 15(4) li jkopru l-Komunità jew parti sostanzjali minnha;

(ċ) "sevizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi" tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta' sinjali fuq networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta' telekomunikazzjonijiet u servizzi ta' trasmissjoni f'servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b'eżerċizzu ta' kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi; ma jinkludix servizzi tas-soċjeta ta' l-informazzjoni, kif definiti f'Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE, li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta' sinjali b'networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi;

(d) "networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet" tfisser network ta' komunikazzjonijiet elettroniċi wżati kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għall-provista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi;

(e) "faċilitajiet assoċjati" tfisser dawk il-faċilitajiet assoċjati ma network ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi li jippermetti u/jew jappoġġa l-provista permezz ta' network u/jew servizz. Jinkludi sistemi ta' aċċess kondizzjonali u gwidi ta' programmi elettroniċi;

(f) "sistema ta' aċċess kondizzjonali" tfisser kull mezz tekniku u/jew arranġament li bih l-aċċess għal servizz protett tax-xandir bir-radju jew televiżjoni f'forma li tiftiehem ikun kondizzjonal bi sħubija forma oħra ta' awtorizzazzjoni ndividwali minn qabel;

(g) "awtorità nazzjonali regolatorja" tfisser il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b'xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f'din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi;

(h) "utent" tfisser entità legali jew persuna naturali li tuża jew li titlob servizz pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi;

(i) "konsumatur" tfisser kull persuna naturali li tuża jew titlob servizz pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi għal għanijiet li huma barra n-negozju tiegħu jew tagħha, kummerċ jew professjoni;

(j) "servizz universali" tfisser is-settt minimu ta' servizzi, definit fid-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali), ta' kwalità speċifikata li huwa disponibbli għall-utenti kollha tkun xi tkun il-lokazzjoni ġeografika tagħhom u, fid-dawl ta' kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, bi prezz li jista jintlaħaq;

(k) "abbonat" tfisser kull persuna naturali jew entità legali li jew hija parti f'kuntratt mal-provditur ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi għall-provista ta' dawk is-servizzi;

(l) "Direttivi Speċifiċi" tfisser id-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni), id-Direttiva 2002/19/KE (Id-Direttiva dwar l-Aċċess), Directive 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali Directive) u d-Direttiva 97/66/KE;

(m) "provista ta' network ta' komunikazzjonijiet elettroniċi" tfisser l-istabbiliment, l-operazzjoni, il-kontroll jew it-tagħmil disponibbli ta' dak in-network;

(n) "utent finali" tfisser utent li ma jipprovdix networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet jew servizzi pubbliċi ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

(o) "apparat imtejjeb ta' televiżjoni diġitali" tfisser kaxxi sett-top maħsuba għall-konnessjoni ma setttijiet tat-televixin jew setttijiet tat-televixinx diġitali ntegrati, kapaċi li jirċievu servizzi diġitali interattivi tat-televiżjoni;

(p) "interface għall-programm ta' applikazzjoni (API)" tfisser interfaces ta' software bejn applikazzjonijiet, magħmula disponibbli minn xandara jew provdituri ta' servizz, u r-riżorsi ta' apparat imtejjeb diġitali tat-televiżjoni għal servizzi diġitali ta-televixin jew tar-radju.

IL-KAPITOLU II

AWTORITAJIET NAZZJONALI REGOLATORJI

Artikolu 3

Awtoritajiet nazzjonali regolatorji

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f'din id-Direttiva u fid-Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

2. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji billi jassiguraw li jkun legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew jikkontrollaw intrapriżi li jipprovdu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jeżerċitaw is-settgħat tagħhom imparzjalment u trasparentement.

4. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ix-xogħlijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f'forma faċilment aċċessibbli, b'mod partikolari fejn dawk ix-xogħlijiet huma assenjati lill-aktar minn korp wieħed. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, fejn xieraq, konsultazzjoni u koperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet, u bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi tal-konsumatur, dwar kwistjonijiet ta' interess komuni. Fejn akatr minn awtorità waħda jkollha l-kompetenza li tindirizza dawk il-kwistjonijiet, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li x-xogħlijiet rispettivi ta' kull awtorità jiġu pubblikat f'forma faċilment aaċċessibbli.

5. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jipprovdu lill-xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi. Dwar l-informazzjoni mibdula, l-awtorità li tirċievi għandha tiżgura l-istess livell ta' kunfidenzjalità bħal ta' l-awtorità li toriġina.

6. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kollha assenjati xogħlijiet taħt din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 4

Dritt ta' appell

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b'deċiżjoni ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta' appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta' appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-ħila adattata disponibbli biex tippermettilu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jingħata kont debitu tagħhom u li jkun hemm mekkaniżmu effettiv ta' appell. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta' l-awtorità għandha tibqa’ sakemm il-bord ta' l-appell ma jiddeċidix xort'oħra.

2. Fejn il-korp ta' l-appell imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx ta, natura ġudizzjarja, raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tiegħu għandhom dejjem jingħataw. B'żieda, skond il-każ, id-deċiżjoni għandha tkun suġġetta għar-reviżjoni mill-qorti jew tribunal skond it-tifsira ta' Artikolu 234 tat-Trattat.

Artikolu 5

Provista ta' informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li ntrapriżi li jipprovdu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi jipprovdu l-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni finanzjarja, meħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji biex jassiguraw il-konformità tad-dispożizzjonijiet ma’, jew id-deċiżjonijiet magħmula skond, din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi. Dawn l-impriżi għandhom jipprovdu dak it-tagħrif malajr fuq talba u għall-limiti ta' żmien u l-livell ta' dettal meħtieġ mill-awtorità nazzjonali regolatorja. It-tagħrif mitlub mill-awtorità għandu jkun proporzjonat mat-twettieq ta' dak ix-xogħol. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tagħri raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba għal dak it-tagħrif.

2. L-Istati membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jipprovdu lill-Kummissjoni, wara talba raġonata, bl-informazzjoni meħtieġa għaliha biex twettaq ix-xogħlijiet tagħha taħt it-Trattat. L-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni għandha tkun proporzjonata mat-twettieq ta' dawk ix-xogħlijiet. Fejn l-informazzjoni provduta tirreferi għal informazzjoni provduta qabel minn impriżi fuq it-talba ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja, dawk l-impriżi għandhom ikunu nformati b'dan. Sal-limitu meħtieġ, u sakemm l-awtorità li provdiet l-informazzjoni tkun għamlet talba espliċita u raġjonata għall-kuntrarju, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni provduta disponibbli lill-awtorità oħra bħal dik fi Stat Membru ieħor.

Bla ħsara għall-ħtiġet tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-informazzjoni mibgħuta lill-awtorità nazzjonali regolatorja tista’ tintgħamel disponibbli lill-awtorità oħra bħal dik fl-istess Stat Membru jew ieħor differenti, wara talba sostanzjata, fejn meħtieġ biex ikun permes għall-kull waħda mill-awtoritajiet li twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha taħt il-liġi tal-Komunita.

3. Fejn informazzjoni tkun meqjusa kunfidenzjali mill-awtorità nazzjonali regolatorja skond ir-regoli tal-Komunità jew nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tal-kummerċ, il-Kummisjoni u l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji konċernati għandhom jassiguraw dik il-konfidenzjalità.

4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, waqt li jaġixxu skond ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u bla ħsara għar-regoli tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tal-kummerċ, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jippubblikaw dik l-informazzjoni li għandha tikkontribwixxi għal suq miftuħ u kompetittiv.

5. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippubblikaw it-termi għall-aċċes pubbliku għall-informazjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4, inklużi l-proċeduri għall-ksib ta' dak l-aċċess.

Artikolu 6

Mekkaniżmu ta' konsultazzjoni u trasparenza

Ħlief fil-każi li jaqgħu taħt Artikoli 7(6), 20 jew 21 l-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkollhom il-ħsieb li jieħu miżuri skond din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq relevanti, jagħti lill-partijiet interessati l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-miżuri f'perjodu ta' żmien raġonevoli. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippubblikaw il-proċeduri nazzjonali tagħhom ta' konsultazzjoni. L-Istati Membri għandhom jassiguraw l-istabbilir ta' punt wieħed ta' informazzjoni li minnu l-konsultazzjonijiet kurrenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati. Ir-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni għandhom jintgħamlu pubblikament disponibbli mill-awtorità nazzjonali regolatorja, ħlief fil-każ ta' informazzjoni kunfidenzjali skond il-liġi tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tal-kummerċ.

Artikolu 7

Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi

1. Fit-twettieq tax-xogħlijiet tagħhom taħt din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jagħtu l-akbar kont tal-miri stipulati f'Artikolu 8, inkluż sal-limitu li dawn jirrelataw mas-suq intern.

2. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b'mod trasparenti li jiżgura l-applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi. Għal dak il-għan, għandhom b'mod partikolari jfittxu li jiftiehmu dwar it-tipi ta' strumenti u rimedji l-aktar adattati biex jindirizzaw tipi partikolari ta' sitwazzjonijiet fil-post tas-suq.

3. B'żieda mal-konsultazzjoni msemmija f'Artikolu 6, fejn awtorità nazzjonali regolatorja jkollha l-ħsieb li tieħu miżuri li:

(a) jaqgħu fl-iskop ta' Artikoli 15 jew 16 ta' din id-Direttiva, Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess) jew Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar isiServizz Universali), u

(b) jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri,

għandha fl-istess żmien tagħmel abbozz tal-miżura aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji fl-Istati Membri l-oħra, flimkien mar-raġonament li fuqu tkun bażata l-miżura, skond Artikolu 5(3), u tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji l-oħra bih. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu l-kummenti lill-awtorità nazzjonali regolatorja konċernata fi żmien xahar jew fi żmien il-prjodu msemmi f'Artikolu 6 jekk dak il-perjodu jkun itwal. Il-perjodu ta' xahar ma jistgħax jiġi mtawwal.

4. Fejn miżura maħsuba koperta bil-paragrafu 3 timmira li:

(a) tiddefinixxi suq relevanti li jkun differenti minn dawk definiti fir-rakkomandazzjoni skond Artikolu 15(1), jew

(b) tiddeċiedi jekk tiddeskrivix jew le impriża bħala li jkollha, jew individwalment jew konġuntement ma’ oħrajn, saħħa sinifikanti fis-suq, taħt Artikolu 16(3), (4) jew (5),

u li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni tkun indikat lill-awtorità li tqis li l-abbozz tal-miżuri jista’ joħloq ostakolu għas-suq wieħed jew jekk ikollha dubju serji dwar il-kompatibilità mal-liġi tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-miri msemmija f'Artikolu 8, allura l-abbozz tal-miżura m'għandux jiġi adottat għal xahrejn oħra. Dan il-perjodu ma jistgħax jittawwal. F'dan il-perjodu l-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(2), tieħu deċiżjoni li teħtieġ lill-awtorita nazzjonali regolatorja konċernata li titrtira l-abbozz tal-miżura. Din id-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata b'analiżi dettaljat u oġġettiv tar-raġuni għaliex il-Kummisjoni tqis li l-abbozz tal-miżura m'għandux jiġi adottat flimkien ma’ proposti speċifiċi għall-emenda ta' l-abbozz tal-miżura.

5. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tagħti l-akbar kont tal-kummenti ta' awtoritajiet nazzjonali regolatorji oħra u l-Kummissjoni, u tista’ ħlief f'każijiet koperti bil-paragrafu 4, tadotta l-abbozz tal-miżura li tirriżulta u, fejn tagħmel dan, għandha tikkomunikah lill-Kummissjoni.

6. Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità nazzjonali regolatorja tqis li jkun hemm ħtieġa urġenti biex taġixxi, b’deroga mill-proċedura stipulata fil-paragrafi 3 u 4, sabiex tiġi mħarsa l-kompetizzjoni u protetti l-interessi ta' l-utenti, tista’ minnufih tadotta miżuri proporzjonati u provviżorji. Għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri, bir-raġunijiet sħaħ, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji. Deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja biex tirrendi permanenti dawk il-miżuri jew biex testendi ż-żmien li għalih huma applikabbli għandhom ikun suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4.

IL-KAPITOLU III

XOGĦLIJIET TA' L-AWTORITAJIET NAZZJONALI REGOLATORJI

Artikolu 8

Miri politiċi u prinċipji regolatorji

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

L-Istati Membri għandhom jassiġuarw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji stipulati f'din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jagħtu l-aktar kont tax-xewqa li jingħamlu regolamenti teknikament newtrali.

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji skond il-kompetenzi tagħhom biex jassigura l-implimentazzjoni tal-politika mmirata lejn il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, kif ukoll tal-pluraliżmu fil-midja.

2. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

(a) jiżguraw li l-utenti, nklużi utenti b'disablità, jieħu l-benefiċċju massimu f'termini ta' għażla, prezz, u kwalità;

(b) jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

(ċ) jinkoraġġixxu l-investiment effiċjenti fl-infrastruttura, u jippromwovu l-inovazzjoni; u

(d) jinkoraġġixxu l-użu effiċjenti u jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju u r-riżorsi tan-numerazzjoni.

3. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi fost ħwejjeġ oħra:

(a) ineħħu l-ostakoli li baqa’ għall-provista ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi f'livell Ewropew;

(b) jinkoraġġixxu l-istabbilir u l-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej u l-interoperabilità ta' servizzi trans-Ewropej, u l-konnettività tarf ma’ tarf;

(ċ) jassiguraw li, f'ċirkostanzi simili, ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fit-trattament ta' intrapriżi li jipprovdu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi;

(d) jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b'mod trasparenti biex jassiġuraw l-iżvilupp ta' prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi.

4. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea billi fost ħwejjeġ oħra:

(a) jassiguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għas-servizzi universali speċifikati fid-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali);

(b) jassiguraw livell għoli ta' protezzjoni ta' konsumaturi meta jittrattaw mal-provdituri, b'mod partikolari billi jassiguraw id-disponibilità ta' proċeduri sempliċi u mhux għaljin fir-riżoluzzjoni ta' tilwim mwettqa minn korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti;

(ċ) jikkontribwixxu billi jassiguraw livell għoli ta' protezzjoni tta-tagħrif personali u l-privatezza;

(d) jippromwovu l-provista ta' informazzjoni ċara, b'mod partikolari li teħtieġ trasparenza ta' tarifi u kondizzjonijiet għall-użu ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi;

(e) jindirizzaw il-ħtiġiet ta' gruppi soċjali speċifiċi, b'mod partikolari utenti b'disabilità; u

(f) jassiguraw li l-integrità u s-sigurtà ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet jiġu mantnuti.

Artikolu 9

L-amministrazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għal servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju għal servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fit-territoju tagħhom skond Artikolu 8. Għandhom jassiguraw li l-allokazzjoni u l-assenjament ta' dawk il-frekwenzi tar-radju mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

2. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni ta' l-użu ta' frekwenzi tar-radju mal-Komunità kollha, konsistenti mal-ħtieġa li jiġi assigurat l-użu effettiv u effiċjenti tagħhom u skond id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni ta' l-Ispettru tar-Radju).

3. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni sabiex impriżi jittraferixxu d-dritt li jużaw frekwenzi tar-radju ma’ impriżi oħra.

4. L-Istati Membri għandhom jasiguraw li l-ħsieb ta' impriża li titrasferixxi d-drittijiet għall-użu ta' frekwenzi tar-radju jiġi notifikat lill-awtorità nazzjonali regolatorja responsabbli għall-assenjament ta' l-Ispettru u li dak it-trasferiment iseħħ skond il-proċeduri stipulati mill-awtorità nazzjonali regolatorja u jintgħamel pubbliku. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jassiguraw li l-kompetizzjoni ma titgħawwiġx bħala riżultat ta' xi transazzjoni bħal dik. Fejn l-użu ta' frekwenzi tar-radju jkun ġie armonizzat permezz ta' l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni ta' l-Ispettru tar-Radju) jew ta' miżuri oħra tal-Komunità, kull trasferiment bħal dak m'għandux jirriżulta f'xi bidla fl-użu ta' dik il-frekwenza tar-radju.

Artikolu 10

Numerazzjoni, ismijiet u indirizzar

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jikkontrollaw l-assenjament tar-riżorsi kollha tan-numerazzjoni nazzjonali u l-amministrazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' numerazzjoni. L-Istati Membri għandom jassiguraw li firxiet adegwati ta' numri u numerazzjoni huma provduti għas-servizzi pubblikament disponibbli ta' komunkazzjonijiet elettroniċi. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jistabbilixxu proċeduri oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji ta' assenjament għar-riżorsi tan-numerazzjoni nazzjonali.

2. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jassiguraw li l-pjani għan-numerazzjoni u l-proċeduri jiġu applikati b'mod li jagħti trattament ugwali lill-provdituri kollha ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li mpriża allokata firxa ta' numri ma tiddiskriminax kontra provdituri oħra ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fir-rigward tas-sekwenzi tan-numri wżati biex jagħtu aċċess għas-servizzi tagħhom.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-pjani nazzjonali tagħhom ta' numerazzjoni, u ż-żidiet kollha sussegwenti jew emendi għalihom, jiġu ppubblikati, bla ħsara biss għall-limitazzjonijiet iimposti fuq il-bażi ta' sigurtà nazzjonali.

4. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-armonizzazzjoni tar-riżorsi ta' numerazzjoni fil-Komunità kollha fejn ikun meħtieġ li jappoġġaw l-iżvilupp ta' servizzi pan-Ewropew. Il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(3), tieħu miżuri tekniċi xierqa ta' implimentazzjoni dwar din il-kwistjoni.

5. Fejn dan ikunu xieraq sabiex tiġi assigurata interoperabilità sħiħa globali ta' servizzi, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-posizzjonijiet tagħhom f'organizzazzjonijiet internazzjonali u laqgħat li fihom jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jirrelataw man-numerazzjoni, ismijiet u indirizzi ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi.

Artikolu 11

Dritt ta' aċċess

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn awtorità kompetenti tqis:

- applikazzjoni għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika jew privata lill-impriża awtorizzata li tipprovdi networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, jew

- applikazzjoni għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika lill-impriża awtorizzata li tipprovdi networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi ħlief għall-pubbliku,

l-awtorità kompetenti:

- taġixxi fuq il-bażi ta' proċeduri ta' trasparenza u pubblikament disponibbli, applikati mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr dewmien, u

- issegwi l-prinċipji ta' trasparenza u non-diskriminazzjoni fil-kondizzjonijiet li hija tehmeż ma’ dawk id-drittijiet.

Il-proċeduri msemmija hawn fuq jistgħu jiddifferixxu skond jekk l-applikant jipprovdix networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet jew le.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi fejn awtoritajiet pubbliċi jew lokali jżommu l-proprjetà jew kontroll ta' impriżi li joperaw networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi, ikun hemm separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni responsabbli għall-għoti tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jeżistu mekkaniżmi effettivi li jippermettu li mpriżi jappellaw kontra deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' drittijiet biex jistallaw faċilitajiet lil korp li huwa ndipendenti mill-partijiet involuti.

Artikolu 12

Ko-lokazzjoni u qsim tal-faċilitajiet

1. Fejn impriża tipprovdi networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jkollha d-dritt taħt il-leġislazzjoni nazzjonali li tistalla faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika jew privata, jew tista’ tieħu vantaġġ bi proċedura għall-esproprjazzjoni jew użu ta' proprjetà l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jinkoraġġixxu l-qsim ta' dawk il-faċilitajiet jew proprjetà.

2. B'mod partikolari fejn impriżi huma mċaħda minn aċċess għal alternattivi vijabbli minħabba l-ħtieġa ta' protezzjoni ta' l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew biex jitħarsu l-miri ta' l-ippjanar tal-bliet u rħula, l-Istati Membri jistgħu jimponu l-qsim ta' faċilitajiet jew proprjetà (inkluża ko-lokazzjoni fiżika) fuq impriża li topera network ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni ta' xogħlijiet pubbliċi biss wara perjodu adattat ta' konsultazzjoni pubblika li matulu l-partijiet kollha nteressati għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjni tagħhom. Dawk l-arranġamenti ta' qsim jew koordinazzjoni jistgħu jinkludu regoli għat-tqassim tan-nefqa tal-qsim tal-faċilità jew proprjetà.

Artikolu 13

Separazzjoni fl-accounting u rapporti finanzjarji

1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta' komunikazzjonijiet jew servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi li għandhom drittijiet speċjali jew esklussivi għall-provista ta' servizzi f'settturi oħra fl-istess Stat membru jew f'ieħor li:

(a) jżommu accounts separati għall-faċilitajiet assoċjati mal-provista ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi, sal-limiti li kienu jkunu meħtieġa kieku dawn l-attivitajiet kienu mwettqa minn kumpaniji legalment indipendenti, sabiex jidentifikaw l-elementi kollha tan-nefqa u d-dħul, mal-bażi tal-kalkolazzjoni tagħhom u l-metodi dettaljati ta' attribuzzjoni wżati, li jirrelataw ma’ l-attivitajiet assoċjati tagħhom mal-provista ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi inkluż tqassim dettaljat ta' l-assi fissi u n-nefqiet strutturali, jew

(b) jkollhom separazzjoni strutturali għall-attivitajiet assoċjati mal-provista ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-ħtiġiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għal imprizi li l-bejgħ totali tagħhom ta' kull sena li tiegħu f'attivitajiet assoċjati ma’ networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi fl-Istat Membru jkun anqas minn EUR 50 miljun.

2. Fejn intrapriżi li jipprovdu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikajiet elettroniċi ma jkunux suġġetti għall-ħtiġiet tal-liġi tal-kumpaniji u ma jissodisfawx il-kriterji ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju tar-regoli tal-liġi tal-Komunità dwar l-accounting ir-rapporti finanzjarji tagħhom għandhom jitħejjew u jintbagħtu għal verifika ndipendenti u ppubblikati. Il-verifika għandha titwettaq skond ir-regoli relevanti tal-Komunità u nazzjonali.

Din il-ħtieġa għandha wkoll tapplika għall-accounts separati meħtieġa taħt il-paragrafu 1(a).

IL-KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 14

Impriżi b'saħħa sinifikanti fis-suq

1. Fejn id-Direttivi speċifiċi jeħtieġu l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji li jistabbilixxu jekk operaturi jkollhomx saħħa sinifikanti fis-suq skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 16, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan Artikolu għandhom japplikaw.

2. Impriża għandha titqies li jkollha saħħa sinifikanti fis-suq jekk, jew individwalment jew konġuntement ma’ oħrajn tgawdi pożizzjoni ekwivalenti ta' dominanza, jiġifieri pożizzjoni ta' saħħa ekonomika li tagħtiha s-saħħa li ġġib ruħha sa limitu apprezzabbli ndipendentement mill-kompetituri, flijenti jew klijenti eventwali.

B'mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom, meta jagħmlu stima jeek żewġ impriżi jew aktar humiex f'pożizzjoni dominanti konġunta fis-suq, jaġixxi skond il-liġi tal-Komunità u jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida dwar l-analiżi tas-suq u l-istima tas-saħħa sinifikanti tas-suq ippubblikata mill-Kummissjoni skond Artikolu 15. Il-kriterji li għandhom jintużaw fit-tagħmil ta' dik l-istima huma stipulati f'Anness II.

3. Meta impriża jkollha saħħa sinifikanti fis-suq f'suq speċifiku, tista’ wkoll titqies li jkollha saħħa sinifikanti fis-suq f'suq relatat mill-qrib, fejn ir-rabtiet bejn iż-żewġ swieq huma tali li jippermettu li s-saħħa fis-suq miżmuma f'suq wieħed titferra’ fis-suq l-ieħor, b'hekk issaħħaħ is-saħħa tas-suq ta' l-impriża.

Artikolu 15

Proċedura ta' definizzjoni tas-suq

1. Wara konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji il-Kummissjoni għandha tadotta rakkomandazzjoni dwar is-swieq relevanti tal-prodotti u tas-servizzi (hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejħa "ir-rakkomandazzjoni"). Ir-rakkomandazzjoni għandha tidentifika skond Anness I hawn mehmus dwak is-swieq tal-prodotti u servizzi fi ħdan is-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-karatteristiċi li jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw l-imposizzjoni ta' obbligazzjonijiet regolatorji stipulati fid-Direttivi Speċifiċi, mingħajr preġudizzju għas-swieq li jistgħu jiġu definiti f'każi speċifiċi taħt il-liġi tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi s-swieq skond il-liġi tal-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni għandha regolarment tirrevedi r-rakkomandazzjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, sa l-aktar tard id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, linji gwida għall-analiżi tas-suq u l-istima tas-saħħa sinifikanti fis-suq (hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejħa "l-linji gwida") li għandhom ikunu skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni.

3. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom, waqt li jagħtu l-akbar kont tar-rakkomandazzjoni u l-linji gwida, jiddefinixxu s-swieq relevanti adatti għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, b'mod partikolari is-swieq ġeografiċi relevanti fit-territorju tagħhom, skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom isegwu l-proċeduri msemmija f'Artikoli 6 u 7 qabel ma jiddefinixxu swieq li jkunu differenti minn dawk definiti fir-rakkomandazzjoni.

4. Wara konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji il-Kummissjoni tista’ waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(3), tadotta deċiżjoni li tidentifika swieq transnazzjonali.

Artikolu 16

Proċedura ta' analiżi tas-suq

1. Kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni jew xi aġġornament tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dan l-analiżi jitwettaq, fejn xieraq, b'kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2. Fejn awtorità nazzjonali regolatorja hija meħtieġa taħt Artikoli 16, 17, 18 jew 19 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali), jew Artikoli 7 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess) li jistabbilixxu jekk jimponux, iżommu, jemendaw jew jirtiraw obbigazzjonijiet fuq impriżi, għandha tistabbilixxi fuq il-bażi ta' l-analiżi tagħha tas-suq imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan Artikolu jekk is-suq relevanti hux effettivament kompetittiv.

3. Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tikkonkludi li s-suq huwa effetivament kompetittiv, m'għandhiex timponi jew iżżomm xi waħda mill-obbligazzjonijiet speċifiċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan Artikolu. F'każi fejn obbligazzjonijiet speċifiċi regolatorji fis-setttur jeżistu ġia, għandha tirtira dwak l-obbligazzjonijiet imqegħda fuq impriżi f'dak is-setttur relevanti. Perjodu xieraq ta' avviż għandu jingħata lill-partijiet affettwati b'dak l-irtirar ta' l-obbligazzjonijiet.

4. Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tistabbilixxi li suq relevanti mhux effettivament kompetittiv, gġandha tidentifika impriżi b'saħħa sinifikanti fis-suq fuq dak is-suq skond Artikolu 14 u l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha fuq dawk l-impriżi timponi l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn ġia jeżistu.

5. Fil-każ tas-swieq transnazzjonali identifikati fid-Deċiżjoni msemmija f'Artikolu 15(4), l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji konċernati għandhom konġuntement iwettqu analiżi tas-suq, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida u jiddeċiedu fuq kull imposizzjoni, manutenzjoni, emenda jew irtirar ta' l-obbligazzjonijiet regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu b'mod konċertat.

6. Il-miżuri meħuda skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3, 4 u 5 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri msemmija f'Artikoli 6 u 7.

Artikolu 17

Standardizzazzjoni

1. Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(2), għandha tħejji u tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej lista ta' l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet biex iservu bħala bażi biex jinkoraġġixxu l-provista armonizzata ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati jew servizzi. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista’, waqt li tagġixxi skond il-roċedura msemmija f'Artikolu 22(2) u wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bid-Direttiva 98/34/KE, titlob li l-i standards imħejjija mill-organizzazzjoni Ewropea dwar l-i standards (Kumitat Ewropew għall-istandardizzazzjoni (CEN), Kumitat Ewropew għall-istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC), u l-Istitut Ewropew għall-i standards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI)).

2. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta' l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għall-provista ta' servizzi, interfaces tekniċi, u/jew funzjonijiet tan-networks, sal-limitu strettament meħtieġ biex tiġi assigurata interoperabilità ta' servizzi u biex tittejjeb il-libertà ta' l-għażla għall-utenti.

Sakemm l-i standards u/jew speċifikazzjonijiet ma jkunux ġew pubblikati skond il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta' standards u/jew speċifikazzjonijiet adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' l-i standards.

Fin-nuqqas ta' dawk l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali jew rakkomandazzjonijiet adottati mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-istandardizzazzjoni (ISO) jew il-Kummissjoni Internazzjonali Elettroteknika (IEC).

Fejn jeżistu standards internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet ta' l-istandards Ewropej li jużawhom, jew il-partijiet relevanti tagħhom, bħala bażi għall-istandards li jiżviluppaw, ħlief fejn dawk l-istandards internazzjonali jew partijiet relevanti jkunu ineffettivi.

3. Jekk l-i standards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew adegwatament implimentati sabiex l-interoperabilità ta' servizzi fi Stat Membru wieħed jew aktar ma tkunx tista’ tiġi assigurata, l-implimentazzjoni ta' dawk l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet tista’ tintgħamel obbligatorja taħt il-proċedura preskritta fil-paragrafu 4, sal-limitu strettament meħtieġ biex tiġi assigurata dik l-interoperabilità u biex tittejjeb il-libertà ta' l-għażla għall-utenti.

4. Fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel l-implimentazzjoni ta' ċerti standards u/jew speċifikazzjonijiet obbligatorja, għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u tistieden kummenti pubbliċi mill-partijiet kollha konċernati. Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(3), għandha tagħmel l-implimentazzjoni ta' l-i standards relevanti obbligatorji billi tagħmel referenza għalihom bħala standards obbligatorji fil-lista ta' l-i standards u/jew speċifikazzjonijiet pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jikkontribwixxux aktar għall-provista ta' servizzi armonizzati ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, jew li ma jkunux aktar jilħqu l-ħtiġiet tal-konsumatur jew qed ifixklu l-iżvilupp teknoloġiku, għandha, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(2), tneħħihom mill-lista ta' standards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

6. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-istandards u/jew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 m'għadhomx jikkontribwixxu għall-provista ta' servizzi arminizzati ta' komunikazzjonijiet elettrroniċi, jew li m'għadhomx aktar jilħqu l-ħtiġiet tal-konsumatur jew qed ifixklu l-iżvilupp teknoloġiku, għandha, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(3), tneħħihom mill-lista ta' l-istandards u/ew speċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

7. Dan l-Artikolu m'għandux japplika fir-rigward ta' xi waħda mill-ħtiġiet essenzjali, l-ispeċifikazzjonijiet ta' interface jew l-i standards armonizzati li għalihom id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/5/KE japplikaw.

Artikolu 18

Interoperabilità ta' servizzi diġitali nterattivi tat-televiżjoni

1. Sabiex tiġi mħeġġa ċ-ċirkulazzjoni libera ta' l-informazzjoni, il-pluraliżmu fil-media u d-diversità kulturali, l-Istat Membri għandhom jinkoraġġixxu, skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 17(2):

(a) lill-provdituri ta' servizzi diġitali nterattivi tat-televiżjoni għat-tqassimm lill-pubbliku fil-Komunità fuq pjattaformi diġitali nterattivi tat-televiżjoni, jkun x'ikun il-mod tat-trasmissjoni, li jużaw API miftuħ;

(b) lill-provdituri ta' apparat imtejjeb diġitali tat-televiżjoni wżat biex jiġu riċevuti servizzi diġitali nterattivi tat-televiżjoni fuq pjattaformi nterattivi diġitali tat-televiżjoni biex jikkonformaw ma' API miftuħ skond il-ħtiġiet minimi ta' l-istandards relevanti jew speċifikazzjonijiet.

2. Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess), l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-proprjetarji ta' APIs li jagħmlu disponibbli fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji, kontra ħlas xieraq, dik l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa biex tippermetti lill-provdituri ta' servizzi diġitali nterattivi tat-televiżjoni biex jipprovdu s-servizzi kollha sostnuti mill-API f'forma sħiħa funzjonabbli.

3. Fi żmien sena mid-data ta' l-applikazzjoni msemmija f'Artikolu 28(1), it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effetti kollha ta' dan Artikolu. Jekk l-interoperabilità u l-libertà ta' l-għażla għall-utenti ma tkunx inkisbet adegwatament fi Stat Membru wieħed jew aktar, il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni skond il-proċedura preskritta f'Artikolu 17(3) u (4).

Artikolu 19

Armonizzazzjoni ta' proċeduri

1. Fejn il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(2), toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi sabiex jinkisbu aktar il-miri stipulati f'Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jagħtu l-akbar kont ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet fit-twettieq tax-xogħol tagħhom. Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tagħżel li ma ssegwix rakkomandazzjoni, għandha tinforma lill-Kummissjoni u tagħti r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha.

2. Fejn il-Kummissjoni ssib li diverġenza fil-livell nazzjonali fir-regolamenti mmirati lejn l-implimentazzjoni ta' Artikolu 10(4) taħloq ostakolu għas-suq wieħed, il-Kummissjoni tista, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 22(3), tieħu miżuri tekniċi xierqa ta' implimentazzjoni.

Artikolu 20

Riżoluzzjoni ta' tilwim bejn impriżi

1. Fil-każ ta' tilwim li jinqala’ b'konnessjoni ma’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi bejn iimpriżi li jipprovdu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi fi Stat Membru, l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha, fuq it-talba ta' xi waħda mill-partijiet, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, toħroġ deċiżjoni li torbot biex tirriżolvi t-tilwim f'perjodu ta' żmien l-anqas possibbli u f'kull każ fi żmien erba’ xhur ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali. L-Istat Membru konċernat għandu jeħtieġ li l-partijiet kollha jikkoperaw bis-sħiħ ma'l-awtorità nazzjonali regolatorja.

2. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jirrifjutaw li jirriżolvu t-tilwim permezz ta' deċiżjoni li torbot fejn mekkaniżmi oħra, inkluża l-mediazzjoni, jeżistu u jistgħu jikkontribwixxu aħjar għar-riżoluzzjoni tat-tilwim fi żmien qasir skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tinforma lill-partijiet mingħajr dewmien. Jekk wara erba’ xhur it-tilwim ma jkunx riżolt, u jekk it-tilwim ma jkunx inġab quddiem il-qorti mill-parti li tkun qed tfittex rimedju, l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha toħroġ, fuq it-talba ta' xi waħda mill-partijiet, deċiżjoni li torbot biex tirriżolvi t-tilwim f'perjodu ta' żmien l-anqas possibbli u f'kull każ fi żmien erba’ xhur.

3. Fir-riżoluzzjoni ta' tilwim, l-awtorita nazzjonali regolatorja għandha tieħu deċiżjonijiet immirati lejn il-ksib tal-miri stipulati f'Artikolu 8. Kull obbligazzjonijiet iimposti fuq impriża mill-awtorità nazzjonali regolatorja fir-riżoluzzjoni ta' tilwim għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew id-Direttivi speċifiċi.

4. Id-deċiżjoni ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tkun aċċessibbli mill-pubbliku, wara li jingħata kont tal-ħtiġiet tal-kunfidenzjalità tal-kummerċ. Il-partijiet konċernati għandhom jingħataw dikjarazzjoni sħiħa tar-raġunijiet li fuqhom tkun bażata.

5. Il-proċedura msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 m'għandhiex tipprekludi lil xi waħda mill-partijiet milli ġġib azzjoni quddiem il-qrati.

Artikolu 21

Riżoluzzjoni ta' tilwim bejn il-fruntieri

1. Fil-każ ta' tilwim transkonfini li jinqala’ taħt din id-Direttivi jew id-Direttivi Speċifiċi bejn partijiet fi Stati Membri differenti, fejn i-tilwim jaqa’ taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji ta' aktar minn Stat Membru wieħed, il-proċedura stipulata fil-paragrafi 2, 3, u 4 għandha tkun applikabbli.

2. Kull parti tista’ tirreferi t-tilwim lill-awtoritajiet nazzjonali konċernati. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex isibu riżoluzzjoni għat-tilwim, skond il-miri stipulati f'Artikolu 8. Kull obbligazzjoni mposta fuq impriża mill-awtorità nazzjonali regolatorja fir-riżoluzzjoni ta' tilwim għandha tirrispetta d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew tad-Direttivi Speċifiċi.

3. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji li jirrifjutaw konġuntement li jirriżolvu tilwim fejn mekkaniżmi oħra, nkluża l-mediazzjoni, jeżistu u jistgħu jikkontribwixxu aħjar għar-riżoluzzjoni tat-tilwim b'mod f'waqtu skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8. Għandhom jinfurmaw lill-partijiet mingħajr dewmien. Jekk wara erba’ xhur it-tilwim ma jkunx ġiet riżolt, jekk it-tilwim ma tkunx inġab quddiem il-qrati mill-parti li tkun qed tfittex ir-rimedju, u jekk xi waħda mill-partijiet titloba, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, skond id-dispożizzjonijiet stipulati f'Artikolu 8.

4. Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 m'għandhiex tipprekludi lil xi waħda mill-partijiet li ġġib azzjoni quddiem il-qrati.

Artikolu 22

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat ("il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet").

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jingħata kont ta' Artikolu 8 tagħha.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jingħata kont ta' Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu preskritt f'Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tlett xhur.

4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 23

Skambju ta' informazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha relevanti lill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet dwar ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet regolari mar-rappreżentanti ta' l-operaturi tan-networks, il-provdituri tas-servizzi, l-utenti, l-konsumaturi, il-manifatturi u t-trade unions, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

2. Il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet għandu, waqt li jagħti kont tal-politika tal-Komunità dwar komunikazzjonijiet elettroniċi, iħajjar il-bdil ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq is-sitwazzjoni u l-iżvilupp ta' l-attivitajiet regolatorji li jirrigwardaw networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi.

Artikolu 24

Pubblikazzjoni ta' informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li nformazzjoni aġġornata li tappartjeni għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi tkun aċċessibbli għall-pubbliku b'mod li jiggarantixxi li l-partijiet kollha interessati jkollhom aċċess faċilment għal dik l-informazzjoni. Għandhom jippubblikaw avviż fil-gazzetta nazzjonali uffiċjali tagħhom waqt li jiddeskrivu kif u fejn l-informazzjoni hija ppubblikata. L-ewwel avviż għandu jiġi pubblikat qabel id-data ta' l-applikazzjoni msemmija f'Artikolu 28(1), it-tieni subparagrafu, u wara avviż għandu jiġi ppubblikat kull meta jkun hemm tibdil fl-informazzjoni li tinsab fiha.

2. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni kopja ta' dawk l-avviżi kollha fil-waqt tal-pubblikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tqassam l-informazzjoni lill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet kif xieraq.

Artikolu 25

Proċeduri ta' reviżjoni

1. Il-Kummissjoni għandha perjodikament tirrevedi il-funzjonament ta' din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fl-ewwel okkażjoni mhux aktar tard minn tlett snin wara d-data ta' l-applikazzjoni msemmija f’Artikolu 28(1), it-tieni subparagrafu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni lill-Istati Membri, li għandha tingħata mingħajr dewmien żejjed.

IL-KAPITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Tħassir

Id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet li ġejjin huma hawnhekk imħassra b'effett mid-data ta' l-applikazzjoni msemmija f'Artikolu 28(1), it-tieni subparagrafu:

- id-Direttiva 90/387/KEE,

- id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/396/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-introduzzjoni ta' numru wieħed Ewropew għas-sejħa ta' emerġenza [21],

- id-Direttiva tal-Kunsill 92/44/KEE tal-5 ta' Ġunju 1992 dwar l-applikazzjoni tal-provista ta' network miftuħ għal linji mikrija [22],

- id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/264/KEE tal-11 ta' Mejju 1992 dwar l-introduzzjoni ta' kodiċi ta' aċċess standard internazzjonali tat-telefon fil-Komunità [23],

- id-Direttiva 95/47/KE,

- id-Direttiva 97/13/KE,

- id-Direttiva 97/33/KE,

- id-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 1998 dwar l-applikazzjoni tal-provista ta' network miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-leħen u servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f'ambjent kompetittiv [24].

Artikolu 27

Miżuri transitorji

L-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligazzjonijiet kollha taħt il-liġi nazzjonali msemmija f'Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess) u Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) sa dak iż-żmien li ssir determinazzjoni fir-rigward ta' dawk l-obbligazzjonjiet mill-awtorità nazzjonali regolatorja skond Artikolu 16 ta' din id-Direttiva.

L-operaturi ta' networks fissi pubbliċi tat-telefon li kienu identifikati mill-awtorità nazzjonali regolatorja tagħhom bħala li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq fil-provista ta' networks fissi tat-telefon u servizzi taħt Anness I, Taqsima I tad-Direttiva 97/33/KE jew id-Direttiva 98/10/KE għandhom jibqgħu jitqiesu bħala "operaturi notifikati" għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 2887/2000 sa dak iż-żmien li l-proċedura ta' analiżi tas-suq imsemmija f'Artikolu 16 tkun tlestiet. Wara dan għandhom jieqfu milli jkunu kunsidrati bħala "operaturi notifikati" għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Transposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-24 ta' Lulju 2003. Għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-25 ta' Lulju 2003.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għall din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva u ta' kull emendi sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

Artikolu 30

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-7 ta' Marzu 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

J. C. Aparicio

[1] ĠU Ċ 365 E, tad- 19.12.2000, p. 198 u ĠU Ċ 270 E, tal- 25.9.2001, p. 199.

[2] ĠU Ċ 123, tal- 25.4.2001, p. 56.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Marzu 2001 (ĠU Ċ 277, ta' l- 1.10.2001, p. 91), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Settembru 2001 (ĠU Ċ 337, tat- 30.11.2001, p. 34) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2001 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2002.

[4] ĠU L 192, ta' l-24.7.1990, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 295, tad-29.10.1997, p. 23).

[5] Ara paġna 21 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[6] Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[7] Ara paġna 51 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[8] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1.

[9] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).

[10] ĠU L 91, 07.4.1999, p. 10.

[11] ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1.

[12] ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 18).

[13] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[14] ĠU L 199, tas-26.7.1997, p. 32. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/61/KE (ĠU L 268, 03.10.1998, p. 37).

[15] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 51.

[16] ĠU L 77, tas-26.3.1973, p. 29.

[17] ĠU L 139, tat-23.5.1989, p. 19.

[18] ĠU L 117, 07.5.1997, p. 15.

[19] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[20] ĠU L 336, tat-30.12.2000, p. 4.

[21] ĠU L 217, 06.8.1991, p. 31.

[22] ĠU L 165, tad-19.6.1992, p. 27. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/80/KE (ĠU L 14, ta' l-20.1.1998, p. 27).

[23] ĠU L 137, ta' l-20.5.1992, p. 21.

[24] ĠU L 101, 01.4.1998, p. 24.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Lista tas-swieq li għandhom jiġu nklużi fir-rakkomandazzjoni inizjali tal-Kummissjoni dwar swieq relevanti ta' prodotti u servizzi msemmija f'Artikolu 15

1. Swieq imsemmija fid-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali)

Artikolu 16 - Swieq definiti taħt il-kwadru regolatorju ta' qabel, fejn l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu riveduti.

Il-provista ta' konnessjoni ma' u l-użu ta' networks pubbliċi tat-telefon f'lokazzjonijiet fissi.

Il-provista ta' linji mikrija lill-konsumaturi finali.

2. Is-swieq imsemmija fid-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess)

Artikolu 7 - Swieq definiti taħt il-kwadru regolatorju ta' qabel, fejn l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu riveduti.

Interkonnessjoni (Direttiva 97/33/KE)

bidu tas-sejħa f'network fiss pubbliku tat-telefon

terminazzjoni tas-sejħa f'network fiss pubbliku tat-telefon

servizzi ta' tranżitu f'network fiss pubbliku tat-telefon

bidu tas-sejħa fuq networks mobbli pubbliċi tat-telefon

terminazzjoni tas-sejħa fuq networks mobbli pubbliċi tat-telefon

interkonnessjoni ta' linji mikrija (interkonnessjoni ma' parti miċ-ċirkwiti)

Aċċess għan-networks u aċċess speċjali għan-networks (id-Direttiva 97/33/KE, id-Direttiva 98/10/KE)

aċċess għan-network fiss pubbliku tat-telefon, inkluż aċċess mhux marbut mal-konnessjoni lokali

aċċess għan-networks pubbliċi mobbli tat-telefon, inkluża l-għażla ta' trasportatur

Kapaċità bl-ingrossa ta' linji mikrija (id-Direttiva 92/44/KEE)

provista bl-ingrossa ta' kapaċità ta' linji mikrija lill-provdituri oħra ta' networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi

3. Is-swieq imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 2887/2000

Servizzi provduti fuq konnessjonijiet mhux marbuta (par metalliċi milwija).

4. Swieq addizzjonali

Is-swieq nazzjonali għal servizzi ta' roaming fuq networks pubbliċi mobbli tat-telefon.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Kriterji li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji fit-tagħmil ta' stima tad-dominanza konġunta skond Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Żewġ impriżi jew aktar jistgħu jinstabu li jkunu f'pożizzjoni ta' dominanza konġunta skond it-tifsira ta' Artikolu 14 jekk, ukoll fin-nuqqas ta' struttura jew rabtiet oħra bejniethom, joperaw f'suq li l-istruttura tiegħu hija meqjusa li tista' twassal għal effetti koordinati. Mingħajr preġudizzju għall-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dominanza konġunta, dan x'aktarx ikun il-każ fejn is-suq jissodisfa numru ta' karatteristiċi adattati, b'mod partikolari fit-termini tal-konċentrazzjoni tas-suq, trasparenza u karatteristiċi oħra msemmija hawn taħt:

- suq matur,

- tkabbir wieqaf jew moderat minn-naħa tad-domanda,

- elastiċità baxxa tad-domanda,

- prodott omoġenju,

- strutturi simili ta' l-infiq,

- ishma simili fis-suq,

- nuqqas ta' innovazzjoni teknika, teknoloġija matura,

- nuqqas ta' kapaċità eċċessiva,

- ostakoli għolja għad-dħul,

- nuqqas ta' poter ta' kontrobilanċ min-naħa tax-xerrej,

- nuqqas ta' kompetizzjoni potenzjali,

- diversi tipi ta' rabtiet informali jew oħrajn bejn l-impriżi konċernati,

- mekkaniżmi ritaljatorji,

- nuqqas ta' kamp jew kamp imnaqqas għall-kompetizzjoni fil-prezzijiet.

Din ta' hawn fuq mhijiex lista eżawstiva, lanqas il-kriterji ma huma kumulattivi. Anzi, l-lista hija maħsuba biex turi biss ix-xorta ta' evidenza li tista' tintuża biex issostni asserzjonijiet li jikkonċernaw l-eżistenza ta' dominanza konġunta.

--------------------------------------------------

Top