EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R2826

Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 2826/2000 tad-19 ta' Diċembru 2000 dwar l-azzjonijiet ta' tagħrif u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern

OJ L 328, 23.12.2000, p. 2–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 031 P. 97 - 101
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 035 P. 215 - 219
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 035 P. 215 - 219

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/01/2008; Imħassar b' 32008R0003

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/2826/oj

32000R2826



Official Journal L 328 , 23/12/2000 P. 0002 - 0006


Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 2826/2000

tad-19 ta' Diċembru 2000

dwar l-azzjonijiet ta' tagħrif u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern

IL-KUNSILL TA' L- UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1) Skond id-dispożizzjonijiet settorjali fis-seħħ, il-Komunità tista' twettaq xogħol ta' promozzjoni fis-suq intern għal numru ta' prodotti agrikoli.

(2) Mogħtija d-dehra tas-swieq u l-esperjenza miksuba, u sabiex jiġi pprovdut tagħrif sħiħ lill-konsumaturi, għandhom jiġu segwiti tagħrif komprensiv u konsistenti u politika ta' promozzjoni, fis-suq intern, dwar il-prodotti agrikoli u l-metodu tal-produzzjoni tagħhom, u b'mod sussidjarju dwar il-prodotti ta' l-ikel, fuq l-istess linji kif ipprovduti rigward pajjiżi terzi madankollu mingħajr ebda inkoraġġiment għall-konsum ta' kull prodott minħabba l-oriġini speċifiku tiegħu.

(3) Din il-politika tissupplimenta b'mod utili u ssaħħaħ mill-ġdid l-iskemi mnedija mill-Istati Membri billi tqawwi d-dehra tal-prodott f'għajnejn il-konsumaturi tal-Komunità, b'mod partikolari rigward il-kwalità, il-valur nutrimentali u s-sigurtà ta' l-oġġetti ta' l-ikel u tal-metodi tal-produzzjoni.

(4) Għandhom jiġu sabbiliti kriterji għall-għażla tal-prodotti u għas-setturi interessati u t-temi tal-kampanja Komunitarja.

(5) Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-effettività tal-programmi, l-istħarriġ ġenerali dwar l-elementi essenzjali ta' dawn għandu jiġi ddefinit għal kull prodott jew settur permezz ta' linji gwida.

(6) Mogħtija n-natura teknika tax-xogħlijiet li jridu jitwettqu, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi li taqa' fuq kumitat ta' esperti tal-komunikazzjoni jew fuq assistenti tekniċi.

(7) Iridu jiġu stabbiliti r-regoli tal-finanzjament: bħala regola ġenerali, sabiex l-organizzazzjonijiet proponenti u l-Istati Membri jassumu r-responsabbilitajiet tagħhom, il-Kummissjoni għandha tħallas parti biss mill-ispiża fuq l-azzjonijiet. Madankollu, f'każi eċċezzjonali jista' jkun aktar xieraq illi ma tiġi meħtieġa l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati Membri relevanti. Fil-każ ta' tagħrif dwar uħud mill-skemi Komunitarji rigward l-oriġini ta' prodott, il-produzzjoni organika, il-logo relevanti u t-tikkettjar kif ukoll is-simboli grafiċi stabbiliti fil-leġislazzjoni msemmija, b'mod partikolari għal raġjunijiet estremament remoti, il-finanzjament maqsum bejn il-Komunità u l-Istati Membri jista' jkun iġġustifikat bil-ħtieġa illi jiġi pprovdut tagħrif lill-pubbliku dwar dawn l-iskemi relattivament reċenti.

(8) Sabiex tiġi żgurata l-akbar effettività fin-nefqa, l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet għandha tiġi fdata, permezz ta' proċeduri xierqa, f'idejn korpi bl-istrutturi u l-kompetenza meħtieġa.

(9) Sabiex jiġu vverifikati l-implimentazzjoni xierqa tal-programmi u l-impatt tagħhom, l-eżekuzzjoni tal-programm għandha tkun immonitorjata bil-għaqal mill-Istati Membri u l-impatt ta' l-azzjonijiet għandhom jiġu stmati minn korp indipendenti.

(10) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [4].

(11) In-nefqa dwar il-finanzjament ta' l-azzjonijiet u ta' l-għajnuna teknika Ewropea għandhom jiġu kklassifikati bħala nefqa ta' intervent skond l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [5].

(12) Il-miżuri tal-promozzjoni li jinsabu fid-dispożizzjonijiet regolatorji settorjali jvarjaw fir-regoli tagħhom ta' eżekuzzjoni u ġew emendati ta' spiss. B'riżultat ta' dan huma diffiċili li jiġu applikati. Għandhom jiġu standardizzati, issimplifikati u inkorporati f'test wieħed. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet settorjali u r-regoli li jirrigwardaw il-promozzjoni għandhom jiġu mħassra.

(13) Għandhom jiġu stabbiliti l-miżuri għat-tranżizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet settorjali u r-regoli u l-arranġementi l-ġodda pprovduti f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-Komunità tista' tiffinanzja, fl-intier tagħhom jew f'parti minnhom, l-azzjonijiet li jiġu mwettqa fit-territorju tagħha dwar it-tagħrif u l-promozzjoni li jirrigwardaw il-prodotti agrikoli u l-metodu tal-produzzjoni tagħhom u l-prodotti ta' ikel.

2. L-azzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu orjentati lejn id-ditta lanqas li jħajru l-konsum ta' prodott għar-raġunijiet ta' l-oriġini speċifiku tiegħu. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex teskludi l-possibbilità li tindika l-oriġini ta' prodott kopert bl-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2 fil-każ ta' l-ismijiet mogħtija skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji.

Artikolu 2

L-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 1 għandhom jikkomprendu:

(a) ix-xogħol tar-relazzjonijiet pubbliċi, tal-promozzjoni u tar-reklamar, li b'mod partikolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatturi intrinsiċi u l-vantaġġi tal-prodotti Komunitarji, notevolment rigward il-kwalità u s-sigurtà ta' l-ikel, il-metodi speċifiċi tal-produzzjoni, il-valur nutrimentali u s-saħħa, it-tikkettjar, l-istandards għolja tal-ġid komuni ta' l-annimali u r-rispett għall-ambjent;

(b) il-parteċipazzjoni fl-avvenimenti, il-fieri u l-esibizzjonijiet ta' importanza nazzjonali jew Ewropej, b'mod partikolari bi stands immirati li jgħollu d-dehra tal-prodotti Komunitarji;

(ċ) l-azzjonijiet ta' tagħrif notevolment dwar is-sistemi Komunitarji li jkopru l-isem protett ta' l-oriġini (PDO), l-indikazzjoni ġeografika protetta (PGI), l-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti (GTSs), il-produzzjoni organika, it-tikkettjar, kif ukoll is-simboli grafiċi stabbiliti fil-leġislazzjoni, b'mod partikolari għar-reġjuni estremament remoti;

(d) l-azzjonijiet ta' tagħrif dwar is-sistema Komunitarja li tkopri l-inbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjuni speċifiċi (inbejjed tal-kwalità psr), l-inbejjed b'indikazzjoni ġeografika u x-xorb spirituż b'indikazzjoni ġeografika jew b'indikazzjoni tradizzjonali riżervata;

(g) l-istudji sabiex jiġu stmati r-riżultati ta' l-attivitajiet promozzjonali u ta' tagħrif.

Artikolu 3

Is-setturi u l-prodotti li jistgħu jiġu koperti bl-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 1 għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu l-kriterji li ġejjin:

(a) kemm ikun mixtieq li tinġibed l-attenzjoni għall-kwalità, il-karatteristiċi tipiċi, il-metodu speċifiku tal-produzzjoni, il-valur nutrimentali u s-saħħa, is-sigurtà, ir-rispett lejn il-ġid komuni jew il-kura ta' l-ambjent tal-prodotti fil-kwistjoni, permezz ta' kampanji tematiċi jew b'mira speċifika;

(b) l-implimentazzjoni ta' sistema ta' tikkettjar b'tagħrif għall-konsumatur u ta' sistemi li jittraċċjaw jew jikkontrollaw il-prodott;

(ċ) il-ħtieġa li jiġu megħluba diffikultajiet speċifiċi jew fuq skond qasir f'setturi individwali;

(d) kemm ikun mixtieq li jiġi pprovdut tagħrif dwar il-PDO/PGI, GTS tal-Komunità u l-iskemi tal-produzzjoni organika;

(e) kemm ikun mixtieq illi jiġi pprovdut it-tagħrif dwar is-sistema Komunitarja li tkopri l-inbejjed tal-kwalità psr, l-inbejjed b'indikazzjoni ġeografika u x-xorb spirituż b'indikazzjoni ġeografika jew b'indikazzjoni tradizzjonali riżervata;

Artikolu 4

1. Kull sentejn, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13, tfassal lista tat-temi u tal-prodotti riferiti fl-Artikolu 3. Fejn meħtieġ din tista' tiġi mmodifikata fl-intervall taż-żmien bl-istess proċedura.

2. Qabel ma titfassal il-lista riferita fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Grupp Permanenti tal-Promozzjoni tal-Prodotti Agrikoli fi ħdan il-Kumitat tal-Pariri tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Prodotti Agrikoli.

Artikolu 5

1. Għal kull settur jew prodott magħżul, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(2), tadotta strateġija li tiddefinixxi l-linji gwida li magħhom għandhom jikkonformaw il-proposti għat-tagħrif u l-programmi ta' promozzjoni.

2. Qabel ma jitfasslu l-linji gwida riferiti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Grupp Permanenti tal-Promozzjoni tal-Prodotti Agrikoli fi ħdan il-Kumitat tal-Pariri tas-Saħħa u Sigurtà tal-Prodotti Agrikoli.

3. Dawn il-linji gwida għandhom jagħtu indikazzjonijiet ġenerali, b'mod partikolari dwar:

(a) l-għanijiet u l-miri,

(b) it-tema jew it-temi li jkunu bla ħsara għall-miżuri magħżula,

(ċ) it-tipi ta' azzjonijiet li jridu jiġu midħula għalihom,

(d) it-tul taż-żmien tal-programmi,

(e) it-tqassim indikattiv, skond is-suq u t-tip tal-miżura, ta' l-ammont disponibbli għall-kontribuzzjoni Komunitarja rigward il-programmi.

Artikolu 6

1. Għall-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(a),(b) u (d) u skond il-linji gwida riferiti fl-Artikolu 5, l-organizzazzjoni/jiet professjonali u/jew interprofessjonali li jirrappreżentaw is-settur/i interessat/i, għandhom, b'kollaborazzjoni ma' korp ta' l-implimentazzjoni li l-organizzazzjoni/jiet tkun/ikunu għażlet/għażlu wara stedina għal offerti kompetittivi bil-mezzi kollha xierqa, ifasslu programm ta' tagħrif u promozzjoni ta' tul massimu taż-żmien ta' 36 xahar. Programm jista' jkopri Stat Membru interessat jew iżjed, li għandu/hom iħejji/u speċifikazzjoni li tistabbilixxi l-kriterji sabiex jiġu evalwati l-programmi. Programm jista' jkun minn organizzazzjoni fil-livell Ewropew jew minn organizzazzjoni li tkopri Stat Membru jew aktar. Il-programmi ta' l-aħħar għandhom jingħataw prijorità.

2. L-Istat Membru/l-Istati Membri interessat/i għandu/hom jeżamina/w kemm ikun xieraq kull programm u l-konformità tiegħu u dak tal-korp propost ta' l-implimentazzjoni mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, mal-linji gwida u ma' l-ispeċifikazzjoni rilevanti. Għandhom ukoll jivverifikaw li l-programm joffri valur għan-nefqa finanzjarja. L-Istat Membru/Istati Membri għandu/hom ifassal/ifasslu lista proviżorja tal-programmi u tal-korpi magħżula fil-limiti tal-fondi disponibbli u jintrabtu li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' dawn il-programmi.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista proviżorja tal-programmi u tal-korpi magħżula u kopji tal-programmi.

Jekk il-Kummissjoni ssib illi programm li jiġi sottomess ma jkunx jaqbel mar-regoli jew mal-linji gwida Komunitarji għandha f'limitu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit tinnotifika lill-Istat Membru/Stati Membri interessat/i bl-ineliġibbiltà ta' dan il-programm jew ta' parti minnu. Ġaladarba jkun inqabeż dan il-limitu taż-żmien, il-programm għandu jiġi meqjus eliġibbli.

L-Istati Membri għandhom iqisu kull osservazzjoni magħmula mill-Komunità fil-limitu ta' żmien. Malli dan itemm, l-Istat Membru/Stati Membri għandu/hom jfassal/ifasslu u jibgħat/u minnufih lill-Kummissjoni il-lista finali tal-programmi magħżula.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat Maniġerjali riferit fl-Artikolu 13 bil-programmi magħżula u bl-estimi korrispondenti ma' l-ewwel opportunità.

Artikolu 7

1. Fin-nuqqas ta' programmi ta' tagħrif għal azzjoni jew aktar referiti fl-Artikolu 2(ċ) ippreżentati mill-organizzazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 6 kull wieħed mill-Istati Membri interessati għandu jfassal fuq il-bażi tal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni l-ispeċifikazzjoni tiegħu u jagħżel permezz ta' sejħa pubblika għall-offerti l-korp ta' implimentazzjoni għall-programm li tiffinanzja li jidħol għalih.

2. Għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-programm magħżul akkumpanjat b'opinjoni rraġunata dwar kemm ikun xieraq, il-konformità tiegħu u dik tal-korp propost flimkien mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u tal-linji gwida, u l-valur monetarju tiegħu.

3. Għall-għanijiet ta' l-eżami tal-programmi mill-Kummissjoni u l-approvazzjoni finali tagħhom mill-Istati Membri, għandhom japplikaw it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi ta' l-Artikolu 6(3).

Artikolu 8

1. Għat-tfassil tal-linji gwida riferiti fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni tista' titlob l-għajnuna ta' kumitat ta' esperti indipendenti tal-komunikazzjoni jew minn għand assistenti tekniċi.

2. Il-Kummissjoni għandha tuża sejħa miftuħa għall-offerti jew waħda ristretta sabiex tagħżel:

(a) l-assistent/i tekniku/tekniċi riferit/i fil-paragrafu 1,

(b) il-korp jew il-korpi responsabbli mill-istima ta' l-impatt ta' l-azzjonijiet implimentati skond l-Artikoli 6 u 7.

Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tiffinanzja:

(a) għal kollox, l-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(e):

(b) f'parti minnhom, it-tagħrif l-ieħor u l-azzjonijiet ta' promozzjoni riferiti fl-Artikolu 2.

2. Il-kontribuzzjoni Komunitarja għall-azzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1(b) ma għandhiex taqbeż il-50 % tan-nefqa reali.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jiffinazjaw 20 % tan-nefqa attwali ta' l-azzjonijiet riferiti fil-paragrafu 2, bil-bqija tal-finanzjament tinġarr mill-organizzazzjonijiet proponenti. Il-ħlasijiet magħmula mill-Istati Membri u/jew l-organizzazzjonijiet tan-negozju jew ta' l-intra-negozju jistgħu jiġu minn imposti parafiskali.

3. Madankollu, fejn iġġustifikat u sakemm il-programm ikun biċ-ċar ta' interess Komunitarju, jista' jiġi deċiż, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 13(2), illi l-organizzazzjoni proponent trid tkun responsabbli mill-finanzjament kollu mhux magħmul mill-Komunità.

4. Għall-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli minn dik il-parti tal-finanzjament mhux ipprovduta mill-Komunità.

Il-ħlasijiet ta' l-Istati Membri jistgħu jiġu minn imposti parafiskali.

Artikolu 10

1. Il-korp jew il-korpi fdati bl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) għandu jkollhom kompetenza fil-prodotti u fis-swieq interessati u għandu jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għal implimentazzjoni effettiva bis-sħiħ, waqt li jirrispettaw id-dimensjoni Ewropea tal-programmi.

2. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mis-sorveljanza u l-ħlasijiet rigward l-azzjonijiet kollha għajr dawk riferiti fl-Artikolu 9(1)(a).

Artikolu 11

Il-finanzjament Komunitarju ta' l-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 1 għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

Artikolu 12

Għandhom jiġu adottati regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 13

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Maniġerjali taż-Żjut u x-Xaħmijiet stabbilit skond l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 136/66/KEE [6] u mill-Kumitati Maniġerjali stabbiliti skond l-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (minn issa 'l quddiem imsejħa "l-Kumitati").

2. Fil-każijiet fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 ud 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 14

Kull sentejn, u għall-ewwel darba qabel il-31 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jittratta b'mod partikolari l-programmi magħżula u l-utilizzazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet, akkumpanjat b'kull proposta xierqa.

Artikolu 15

1. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jitħassru:

(a) l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill 136/66/KEE tat-22 ta' Settembru 1966 dwar l-istabbiliment ta' organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet [7],

(b) l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 1308/70 tad-29 ta' Ġunju 1970 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-kittien u l-qanneb [8],

(c) l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3763/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 li jintroduċi miżuri speċifiċi dwar ċerti prodotti agrikoli għall-benefiċċju tad-dipartimenti Franċiżi lil hemm mill-baħar [9],

(d) l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1332/92 tat-18 ta' Mejju 1992 li jintroduċi miżuri speċifiċi għaż-żebbuġ tal-mejda,

(e) l-Artikolu 31(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1600/92 tal-15 ta' Ġunju 1992 li jirrigwarda miżuri speċifiċi għall-Azores u għall-Madeira dwar ċerti prodotti agrikoli [10],

(f) l-Artikolu 26(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/92 tal-15 ta' Ġunju 1992 li jirrigwarda miżuri speċifiċi għall-Gżejjer Kanarji dwar ċerti prodotti agrikoli [11],

(g) it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1 u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 399/94 tal-21 ta' Frar 1994 li jirrigwarda miżuri speċifiċi għall-għeneb imnixxef [12],

(h) l-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta' Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħxejjex ta' l-ikel [13],

(i) l-Artikolu 35(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid [14],

2. Fir-Regolament (KE) Nru 399/94 il-kliem "u l-promozzjoni" u "(d) u (e)" għandhom jitħassru mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) rispettivament.

3. Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1195/90 tas-7 ta' Mejju 1990 dwar il-miżuri sabiex jiżdiedu l-konsum u l-utilizzazzjoni tat-tuffieħ ta' belludja [15], (KEE) Nru 1201/90 tas-7 ta' Mejju 1990 dwar il-miżuri sabiex jiżdied il-konsum tal-frott taċ-ċitru [16], (KEE) Nru 2067/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar il-miżuri sabiex jippromwovu u jqiegħdu fis-suq il-laħam taċ-ċanga u tal-vitella ta' kwalità [17], (KEE) Nru 2073/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar il-promozzjoni għall-konsum fil-Komunità u t-twessiħ tas-swieq tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib [18], (KEC) Nru 2275/96 tat-22 ta' Novembru 1996 li jintroduċi miżuri speċifiċi għall-pjanti ħajjin u l-prodotti mill-florikultura [19] u (KE) Nru 2071/98 tat-28 ta' Settembru 1998 dwar il-miżuri ta' pubbliċità għat-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella [20] għandhom jitħassru.

4. Id-dispożizzjonijiet, it-termini u r-regolamenti speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jissoktaw japplikaw għall-programmi ta' promozzjoni u ta' tagħrif deċiżi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament li japplika dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 13(2), il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mid-dispożizzjonijiet referiti fl-Artikolu 15 għal dawk ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Diċembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Glavany

[1] ĠU C 365 E, tad-19.12.2000, p. 270.

[2] Opinjoni mogħtija fil-15 ta’ Diċembru 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni mogħtija fil-15 ta’ Diċembru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[5] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.

[6] ĠU L 172, tat-30.9.1966, p. 3025. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2702/1999 (ĠU L 327, tal-21.12.1999, p. 7).

[7] ĠU L 146, ta’ l-4.7.1970, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2702/1999.

[8] ĠU L 356, ta’ l-24.12.1991, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2598/95 (ĠU L 267, tad-9.11.1995, p. 1).

[9] ĠU L 145, tas-27.5.1992, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1267/95 (ĠU L 123, tat-3.6.1995, p. 4).

[10] ĠU L 173, tas-27.6.1992, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2348/96 (ĠU L 320, tal-11.12.1996, p. 1).

[11] ĠU L 173, tas-27.6.1992, p. 13. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2348/96.

[12] ĠU L 54, tal-25.2.1994, p. 3.

[13] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 (ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80).

[14] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1622/2000 (ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 1).

[15] ĠU L 119, tal-11.5.1990, p. 53.

[16] ĠU L 119, tal-11.5.1990, p. 65.

[17] ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 57.

[18] ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 67.

[19] ĠU L 308, tad-29.11.1996, p. 7. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2702/1999.

[20] ĠU L 265, tat-30.9.1998, p. 2.

--------------------------------------------------

Top