EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R2667

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 tal-5 ta' Diċembru 2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni

OJ L 306, 7.12.2000, p. 7–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Estonian: Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Latvian: Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Lithuanian: Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Hungarian Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Maltese: Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Polish: Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Slovak: Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Slovene: Chapter 11 Volume 034 P. 308 - 311
Special edition in Bulgarian: Chapter 11 Volume 022 P. 46 - 49
Special edition in Romanian: Chapter 11 Volume 022 P. 46 - 49

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/2667/oj

32000R2667



Official Journal L 306 , 07/12/2000 P. 0007 - 0010


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000

tal-5 ta' Diċembru 2000

dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) L-għajnuna għall-Albanija, il-Bożnja u l-Herżegovina, il-Kroatzja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ġiet implimentata essenzjalment taħt ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 [2] u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3906/89 tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar l-għajnuna ekonomika għal xi pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant [3].

(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1628/96, stabbilixxa l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni.

(3) Il-Kunsill addotta r-Regolament (KE) Nru 2666/2000 [4], li jqiegħed qafas wieħed legali għall-assistenza Komunitarja għal dawk il-pajjiżi u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96.

(4) Id-dispożizzjonijiet li jiggvernaw l-istabbiliment u l-ħidma ta' l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni għandhom għalhekk jiġu adattati għar-Regolament (KE) Nru 2666/2000 u inkorporati f'Regolament ġdid, u tibdiliet xierqa magħmula fl-istess ħin.

(5) Il-Kunsill Ewropew ta' Feira tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2000 emfasizza li l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni, bħala awtorità li timplimenta l-programm tal-ġejjieni CARDS, għandha titħalla tuża l-potenzjal kollu tagħha sabiex jinkisbu l-għanijiet mfassla mill-Kunsill Ewropew ta' Cologne tat-3 u l-4 ta' Ġunju 1999.

(6) It-Trattat ma jipprovdix, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, poteri ħlief dawk taħt l-Artikolu 308,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni tista' tiddelega lill-Aġenzija l-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja provduta fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000 għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja.

L-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni, minn hawn ‘l quddiem magħrufa bħala l-"Aġenzija", għandha titwaqqaf b'dak l-iskop bil-għan li tiġi mplimentata din l-assistenza Komunitarja.

Artikolu 2

1. Sabiex jintaħaq l-għan msemmi fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1, l-Aġenzija għandha twettaq ix-xogħolijiet li ġejjin, fi ħdan il-limiti tal-poteri tagħha u bi wbil mad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni:

(a) tiġbor, tanaliżża u tikkomunika informazzjoni lill-Kummissjoni dwar:

(i) ħsara, il-ħtiġijiet għar-rikostruzzjoni u r-ritorn tar-refuġjati u l-persuni mitlufa, u inizjattivi żrelatati meħuda mill-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali jew reġjonali u l-komunità internazzjonali;

(ii) il-ħtiġijiet urġenti tal-komunitajiet konċernati, wara li jiġu kunsidrati l-ispostamenti varji fil-popolazzjoni u l-possibiltajiet tar-ritorn ta' dawk mitlufa;

(ii) is-setturi ta' prijorità u ż-zoni ġeografiċi li jeħtieġu assistenza urġenti mill-komunità internazzjonali;

(b) il-preparazzjoni ta' abbozzi ta' programmi għar-rikostruzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u r-ritorn tar-refuġjati u l-persuni mitlufa skond il-linji ta' gwida mogħtija mill-Kummissjoni;

(ċ) l-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1, kull fejn hu possibbli f'kooperazzjoni mal-popolazzjoni lokali u fejn neċessarju billi jduru għas-servizzi ta' operaturi magħżula permezz ta' sejħa għall-offerti. Il-Kummissjoni tista' mbagħad tagħmel l-Aġenzija responsabbli għall-ħidmiet kollha meħtieġa biex jiġu implimentati l-programmi msemmija f' (b), inklużi:

(i) it-tħejjija ta' termini ta' referenza;

(ii) il-preparazzjoni u il-valutazzjoni ta' inviti għall-offerti;

(iii) l-iffirmar ta' kuntratti;

(iv) il-konklużjoni ta' ftehim ta' finanzjament;

(v) l-għoti ta' kuntratti, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(vi) il-valutazzjoni ta' abbozzi ta' programmi msemmija f' (b);

(vii) il-verifika ta' l-implimentazzjoni tal-abozzi tal-imsemmija f' (b);

(viii) twettieq ta' pagamenti.

2. Il-Bord tat-Tmexxija msemmi fl-Artikolu 4 għandu jinżamm infurmat dwar l-implimentazzjoni tax-xogħolijiet imniżżla fil-paragrafu 1. Għandu fejn meħtieġ jadotta rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u miġjuba għall-attenzjoni tal-Kumitat CARDS stabbilit bl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000.

3. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ħidma finanzjata konġuntament fil-qafas tar-responsabbiltajiet mogħtija lill-Aġenzija taħt l-Artikolu 1, l-Aġenzija tista' timplimenta programmi ta' rikostruzzjoni, programmi għat-treġġiegħ lura tas-soċjetà ċivili u l-istat tad-dritt u l-programmi li jagħtu għajnuna għar-ritorn tar-refuġjati u l-persuni mitlufa li l-Istati Membri u donaturi oħra jafdawlha, fost l-oħrajn, taħt l-arranġamenti għall-kooperazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni mal-Bank Dinji, l-istituzzjonijiet internazzjonali finanzjarji u l-Bank Ewropew għal Investiment (BEI).

Implimentazzjoni bħal din għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-finanzjament għandu jingħata kollu kemm hu mid-donaturi oħrajn;

(b) il-finanzjament għandu jkopri kwalunkwe spejjeż amministrattivi assoċjati;

(ċ) it-tul taż-żmien tagħha għandha tkun kompatibbli mal-perjodu ta' l-egħluq taż-żmien maħsub għall-istralċ ta' l-Aġenzija stabbilita fl-Artikolu 14.

4. Il-Kummissjoni tista' wkoll tafda l-Aġenzija li ssegwi (inkluż is-sorveljar, il-valutazzjoni u l-verifika) id-deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-appoġġ tal-Missjoni Interim fil-Kosovo tan-Nazzjonijiet Uniti (UNMIK) meħuda fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1080/2000 [5].

Artikolu 3

L-Aġenzija għandu jkollha personalità legali. Għandha tgawdi f'kull wieħed mill-Istati Membri l-iktar kapaċità legali estensiva mogħtija lill-persuni legali taħt il-liġijiet tagħhom. Tista', b'mod partikulari, tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fil-proċeduri legali. L-Aġenzija m'għandhiex tagħmel profitt.

L-Aġenzija tista' tistabilixxi ċentri ta' ħidma bi grad konsiderevoli ta' awtonomija fit-tmexxija.

Is-servizzi ġenerali ta' l-Aġenzija għandhom jkunu fis-sede tagħha ġewwa Tessaloniki.

Artikolu 4

1. L-Aġenzija għandu jkollha Bord ta' Gvernaturi kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri għandhom jinħatru mill-Istat Membru konċernat, wara li jiġu konsidrati kif jixraq l-esperjenza u l-kwalifiki rilevanti għall-attivitajiet ta' l-Aġenzija.

3. Ir-rappreżentanti għandhom jibqgħu fil-kariga għal tletin xahar.

4. Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-President m'għandux jivvota.

5. Il-BIE għandu jaħtar osservatur li ma jivvutax.

6. Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

7. Il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fuq il-Bord ta' Gvernaturi għandhom kull wieħed ikollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Gvernaturi għandhom jiġu adottati minn maġġoranza ta' żewġ terzi.

8. Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jiddetermina b'deċiżjoni unanima r-regoli li jiggvernaw il-lingwi wżati mill-Aġenzija.

9. Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jissejjaħ mill-President kull fejn meħtieġ, u mill-inqas darba kull tlett xhur. Għandu jissejjaħ ukoll fuq it-talba tad-Direttur ta' l-Aġenzija jew mill-inqas b'maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha.

10. Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jinżamm infurmat mid-Direttur bil-qafas ta' strateġija, il-programm multiannwali u l-programm t'azzjoni annwali imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000, li għandhom jinkludu l-assistenza Komunitarja għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja kif ukoll lista tal-proġetti li għandhom jiġu implimentati.

11. Id-Direttur għandu jirrapporta regolarment lill-Bord ta' Gvernaturi fuq il-progress ta' l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Bord ta' Gvernaturi jista' mbagħad japprova r-rakkomandazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu:

(a) mal-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni xierqa tal-proġetti

(b) ma' l-aġġustamenti possibbli għall-proġetti li qed jiġu eżegwiti

(ċ) mal-proġetti individwali li jistgħu ikunu partikolarment sensittivi.

12. Id-Direttur għandu jirrapporta regolarment lill-Bord ta' Gvernaturi dwar il-finzjnament u l-attivitajiet taċ-ċentri ta' ħidma mwaqqfa skond l-Artikolu 3. Il-Bord ta' Gvernaturi jista' japprova r-rakkomandazzjonijiet f'dan is-sens.

13. Fuq proposta mid-Direttur, il-Bord ta' Gvernaturi għandu jiddeċiedi fuq:

(a) l-arranġamenti għall-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni xierqa tal-proġetti;

(b) il-proposti għall-programmi minn donaturi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 2(3) għall-implimentazzjoni possibbli mill-Aġenzija;

(ċ) it-twaqqif tal-qafas kuntrattwali multiannwali ma' l-awtorità proviżorja responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Kosovo, għall-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komuinitarja msemmija fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000;

(d) jekk ir-rappreżentanti tal-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet li jiddelegaw l-implimentazzjoni tal-programmi tagħhom lill-Aġenzija għandhomx ikunu preżenti bħala osservaturi fuq il-Bord ta' Gvernaturi;

(e) it-twaqqif ta' ċentri ta' ħidma ġdida skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3.

14. Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jippreżenta abbozz ta' rapport annwali lill-Kummissjoni sa' mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu kull sena dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija fis-sena ta' qabel u kif kienu finanzjati.

Il-Kummissjoni għandha taddotta r-rapport annwali u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 5

1. Id-Direttur ta' l-Aġenzija għandu jinħatar mill-Bord ta' Gvernaturi fuq proposta mill-Kummissjoni u għandu jdum fil-kariga għall-tletin xahar. Il-kariga tista' tintemm bl-istess proċedura.

Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-:

(a) preparazzjoni ta' abbozz ta' programm t'azzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000 u l-implimentazzjoni tiegħu;

(b) preparazzjoni u l-organizzazzjoni tax-xogħol fuq il-Bord ta' Gvernaturi u l-għotja regolari ta' tagħrif lill-Bord;

(ċ) it-tagħrif lill-Bord ta' Gvernaturi bl-inviti għall-offerti, xiri u kuntratti;

(d) l-amministrazzjoni minn ġurnata għall-oħra ta' l-Aġenzija;

(e) il-preparazzjoni tal-prospett tad-dħul u l-infiq u l-eżekuzzjoni ta' l-estimi ta' l-Aġenzija;

(f) il-preparazzjoni u l-ippubblikar tar-rapporti speċifikati f'dan ir-Regolament;

(g) il-kwistjonijiet kollha tal-persunal;

(h) l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-linji ta' gwida tal-Bord ta' Gvernaturi provduti għall-attivitajiet ta' l-Aġenzija.

2. Id-Direttur għandu jirrespondi lill-Bord ta' Gvernaturi għall-attivitajiet tiegħu u għandu jattendi l-laqgħat tiegħu.

3. Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali ta' l-Aġenzija.

4. Id-Direttur għandu jżomm il-poter ta' l-Awtorità tal-Ħatra.

5. Id-Direttur għandu jippreżenta kull tliet xhur rapport ta' l-attivitajiet lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 6

1. L-istimi tad-dħul u l-infiq kollha ta' l-Aġenzija għandhom jiġu ppreparati għal kull sena finanzjarja, li għandha tikkorispondi ma' sena kalendarja, u għandha tintwera fl-estimi ta' l-Aġenzija, li għandu jinkludi pjan ta' l-istituzzjoni.

2. Id-dħul u l-infiq murija fl-estimi ta' l-Aġenzija għandhom ikunu f'bilanċ.

3. Id-dħul ta' l-Aġenzija għandu jinkludi, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta' dħul, sussidju mill-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, ħlasijiet magħmula bħala kumpens għal servizzi provduti u fondi minn sorsi oħrajn.

4. L-estimi għandhom wkoll jinkludi dettalji ta' kwalunkwe fondi magħmula disponibbli mill-istess pajjiżi benefiċjarji għall-proġetti li jirċievu assistenza finanzjarja mill-Aġenzija.

Artikolu 7

1. Id-Direttur għandu jistabilixxi kull sena abbozz ta' l-estimi għall-Aġenzija li jkopri spejjeż amministrattivi u nfiq għall-ħidmiet għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jissottomettih lill-Bord ta' Gvernaturi.

2. Fuq din il-bażi, il-Bord ta' Gvernaturi għandu jadotta abbozz ta' l-estimi għall-Aġenzija sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar ta' kull sena, u għandu jissottomettih lill-Kummissjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tistma l-abbozz ta' l-estimi ta' l-Aġenzija wara li kkunsidra il-prijoritajiet li tistabilixxi u l-linji ta' gwida globali finanzjarji għall-assistenza Komunitarja għar-rikostruzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja.

Għandha tistabilixxi, fuq il-bażi u fi ħdan il-limiti proposti ta' l-ammont globali li għandu jkun disponibbli għall-assistenza Komunitarja għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja, il-kontribuzzjoni indikattiva annwali lill-estimi ta' l-Aġenzija li għandha tiġi inkluża fl-abbozz preliminari ta' l-estimi ta' l-Unjoni Ewropea.

4. Il-Bord ta' Gvernaturi, wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni, għandu jaddotta l-estimi ta' l-Aġenzija fil-bidu ta' kull sena finanzjarja, u jaġġustah għall-kontibuzzjonijiet varji mogħtija lill-Aġenzija u lill-fondi minn sorsi oħrajn. L-estimi għandhom wkoll jispeċifikaw in-numru, l-grad u l-kategorija tal-persunal impjegat ma' l-Aġenzija matul is-sena finanzjarja msemmija.

5. Għal raġunijiet ta' trasparenza ta' l-estimi, fondi minn sorsi ta' xort' oħra mill-estimi Komunitarji għandhom jiddaħħlu b'mod separat fid-dħul ta' l-Aġenzija. Fit-taqsima ta' l-infiq, l-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal għandhom ikunu separati b'mod ċar mill-ispejjeż tal-ħidmiet tal-programmi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(3).

Artikolu 8

1. Id-Direttur għandu jimplimenta l-estimi ta' l-Aġenzija.

2. Id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għal verifiki finanzjarji.

3. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, id-Direttur għandu jissottometti lill-Kummissjoni, lill-Bord ta' Gvernaturi u lill-Qorti ta' l-Awdituri il-kontijiet dettaljati ta' kull dħul u nfiq mis-sena finanzjarja ta' qabel.

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet skond l-Artikolu 248 tat-Trattat. Għandha tippubblika kull sena rapport dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija.

4. Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew għandu jagħti liberazzjoni lid-Direttur fejn tidħol l-implimentazzjoni ta' l-estimi ta' l-Aġenzija.

Artikolu 9

Il-Bord ta' Gvernaturi, wara li jirċievi l-ftehim tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri, għandu jaddotta r-Regolament Finanzjarju ta' l-Aġenzija u tispeċifika b'mod partikulari l-proċedura li għandha tiġi wżata għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' l-estimi ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 142 tar-Regolament Finanzjarju tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1977 applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [6].

Artikolu 10

Il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jkun soġġett għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u ħaddiema oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Bord ta' Gvernaturi, bi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jaddotta r-regoli neċessarja għall-implimentazzjoni.

Il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti f'numru strettament limitat ta' uffiċjali maħtura jew issekondati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri biex iwettqu dmirijiet ta' tmexxija. Il-persunal l-ieħor għandu jikkonsisti f'impjegati oħrajn magħżula mill-Aġenzija għall-perjodu strettament limitat għall-ħtiġijiet tagħha.

Artikolu 11

Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-ġestjoni ta' l-Aġenzija għandhom, bħala regola, jiġu provduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni tal-korpi ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jiddeċiedi fuq l-adeżjoni ta' l-Aġenzija għall-Ftehim Interistituzzjonali fuq l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF). Għandu jaddotta l-provedimenti neċessarji għat-tmexxija ta' investgazzjonijiet interni mill-OLAF.

Deċiżjonijiet ta' finanzjar u kwalunkwe strument jew kuntratt t'implimentazzjoni mnissel minn hemm għandhom jipprovdu espressament li l-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF jistgħu, jekk meħtieġ, iwettqu tfittxijiet fuq il-post fuq benefiċjarji ta' fondi ta' l-Aġenzija jew fuq intermedjarji li jqassmuhom.

Artikolu 13

1. Il-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Aġenzija għandha tkun iggvernata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt partikolari.

2. Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mill-Aġenzija jew il-ħaddiema tagħha fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kumpens ta' kwalunkwe dannu bħal dan.

3. Ir-responsabbiltà personali tal-ħaddiema lejn l-Aġenzija għandha tkun iggvernata mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal ta' l-Aġenzija.

Artikolu 14

Hekk kif il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Aġenzija laħħqet il-mandat deskritt fl-Artikolu 1, għandha tissottometti lill-Kunsill proposta għall-istralċ ta' l-Aġenzija. Fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2004, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni fuq l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u proposta fuq il-pożizzjoni ta' l-Aġenzija.

Artikolu 15

Il-Kummissjoni tista' tiddelega lill-Aġenzija l-eżekuzzjoni ta' l-assistenza Komunitarja deċiża għar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja taħt ir-Regolament (KE) Nru 1628/96.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-5 ta' Diċembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Pierret

[1] Opinjoni tal-15.11.200 (mħux ippubblikata).

[2] ĠU L 204, ta' l-14.8.1996, p. 1. Regolament emendat bir-Regolament Nru 2454/1999 (ĠU L 299, tal-20.11.1999, p. 1).

[3] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11. Regolament emendat bir-Regolament Nru 1266/1999 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 68).

[4] Ara paġna 1 ta' dan il-ĠU.

[5] ĠU L 122, ta' l-24.5.2000, p. 27.

[6] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1.

--------------------------------------------------

Top