EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R0907

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 907/2000 tat-2 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 rigward l-għajnuna għall-ħażna privata fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella

OJ L 105, 3.5.2000, p. 6–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 029 P. 60 - 68
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 032 P. 131 - 140
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 032 P. 131 - 140

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/08/2008; Imħassar b' 32008R0826

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/907/oj

32000R0907



Official Journal L 105 , 03/05/2000 P. 0006 - 0014


IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KEE) Nru 907/2000

tat-2 ta' Mejju 2000

li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 rigward l-għajnuna għall-ħażna privata fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam taċ-ċanga u l-vitella([1]), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(5), l-Artikolu 41 u l-Artikolu 48(2) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1254/1999 jipprovdi għall-appoġġ lis-suq fl-għamla ta' għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella. Madankollu, mill-1 ta' Lulju 2002, din l-għajnuna għandha tkun disponibbli biss meta l-prezz medju Komunitarju għall-karkassi tal-bhejjem maskili ta' l-ifrat jinżel taħt il-103 % tal-prezz bażiku. Sabiex jitqiesu l-arranġamenti l-ġodda u fl-interess taċ-ċarezza, huwa meħtieġ illi jiġi abbozzat mill-ġdid ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3445/90 tas-27 ta' Novembru 1990 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-konċessjoni ta' l-għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella([2]), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3533/93([3]).

(2) Jekk trid li tikseb l-iskop tagħha, l-għajnuna għall-ħażna privata għandha tiġi konċessa biss lill-persuni naturali jew legali stabbiliti fil-Komunità li l-attivitajiet u l-esperjenza tagħhom fis-settur joffru ċertezza biżżejjed illi l-ħażna trid tiġi effettwata b'mod sodisfaċenti u li għandhom il-kapaċità adegwata għall-ħażna bil-kesħa ġewwa l-Komunità.

(3) Għall-istess raġunijiet, l-għajnuna għandha tingħata biss għall-ħażna ta' prodotti ta' kwalità soda u li tista' tiġi kkummerċjata b'mod ġust wara li tkun kisbet il-marka tas-saħħa riferita fil-Kapitolu XI ta' l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar kondizzjonijiet tas-saħħa rigward il-produzzjoni u l-għoti tal-marka lil-laħam frisk([4]), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/23/KE([5]). Il-prodotti għandhom ikunu ta' oriġini Komunitarja u mnissla minn bhejjem imkabbra skond il-ħtiġiet veterinarji prevalenti. Barra minn hekk, il-laħam għandu jikkonforma mal-livelli massimi tar-radjoattività permessi skond il-liġijiet Komunitarji.

(4) Is-sitwazzjoni tas-suq u l-iżvilupp futur tiegħu jistgħu jagħmluha opportun li tiġi mistiedna l-parti kontrattanti sabiex tinnomina l-ħażniet tagħha għall-esportazzjoni mill-mument li fihom jitqiegħdu fil-ħażna: huwa approprjat, jekk tagħmel dan, li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijjiet li fuqhom il-laħam li jkun bla ħsara għal kull kuntratt tal-ħażna jista' jitqiegħed simultanjament taħt l-arranġamenti li jinsabu fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 565/80 ta' l-4 ta' Marzu 1980 dwar il-ħlas bil-quddiem rigward il-prodotti agrikoli([6]), kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2026/83([7]), sabiex jikkwalifika għall-ħlas bil-quddiem tar-rimborżi għall-esportazzjoni.

(5) Sabiex l-iskema tintgħamel aktar effettiva, il-kuntratti għandhom ikollhom x'jaqsmu ma' ċerta kwantità minima, iddifferenzjata skond il-prodott kif approprjat, u l-obbligi li jridu jitwettqu mill-parti kontrattanti għandhom jiġu speċifikati, b'mod partikolari dawk li jgħinu lill-aġenzija ta' l-intervent sabiex tagħmel spezzjon effettiv tal-kondizzjoni tal-ħażna.

(6) L-ammont tas-sigurtà ddisinjat sabiex jiżgura l-obbligi kuntrattwali għandhom jiġu ffissati bħala perċentwal ta' l-għajnuna.

(7) Skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta' Lulju 1985 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli ([8]), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1932/1999([9]), il-ħtiġiet primarji li jridu jintlaħqu għar-rilaxx tal-garanzija għandhom jiġu ddefiniti. Il-ħażna tal-kwantità kuntrattwali għall-perjodu miftiehem taż-żmien tikkostitwixxi waħda mill-ħtiġiet primarji għall-konċessjoni ta' l-għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella. Sabiex titqies il-prattika kummerċjali u għal raġunijiet prattiċi, għandu jiġi permess ċertu marġini ta' tolleranza rigward il-kwantità ta' l-għajnuna.

(8) Għandha tapplika miżura tal-proporzjonalità fir-rilaxx tal-garanzija u fl-għoti ta' l-għajnuna fejn ma jintlaħqux ċerti ħtiġiet li jkollhom x'jaqsmu mal-kwantitajiet li jridu jiġu maħżuna.

(9) Sabiex tittejjeb l-effiċjenza ta' l-iskema, il-parti kontrattanti għandha tiġi permessa li tirċievi ħlas bil-quddiem ta' għajnuna bla ħsara għal garanzija, u għandhom jiġu stabbiliti regoli rigward is-sottomissjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, id-dokumenti ta' appoġġ li jridu jiġu prodotti, u l-limitu taż-żmien għall-ħlas.

(10) Għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu stabbiliti r-rati tal-kambju li jridu jiġu applikati fuq l-ammonti ta' l-għajnuna u fuq il-garanziji.

(11) L-esperjenza preċedenti dwar skemi oħra għall-ħażna privata tal-prodotti agrikoli wriet il-ħtieġa li jiġi speċifikat safejn japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71([10]) sabiex jiġu stabbiliti l-perjodi taż-żmien, id-dati u l-limiti taż-żmien riferiti f'dawn l-iskemi u sabiex jiġu ddefiniti bil-preċiż id-dati dwar meta tibda u tispiċċa l-ħażna fuq kuntratt.

(12) Għandha tintgħamel disposizzjoni għal miżura tal-proporzjonalità fil-konċessjoni ta' l-għajnuna meta ma jiġix osservat għal kollox il-perjodu taż-żmien tal-ħażna. Għandha wkoll issir disposizzjoniji sabiex il-perjodu taż-żmien tal-ħażna jitqassar meta l-laħam imneħħi mill-ħażna jkun maħsub għall-esportazzjoni. Il-prova illi l-laħam ikun ġie esportat għandha tiġi fornita, bħal fil-kaz tar-rifużjonijiet, skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 800/1999 tal-15 ta' April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli([11]).

(13) L-ammont ta' l-għajnuna għall-ħażna privata jista' jiġi ffissat bil-quddiem. Għandhom jiġu stabbiliti l-miżuri approprjati sabiex jiġi evitat l-użu eċċesiv jew spekulattiv ta' din l-iskema. Dawn il-miżuri jistgħu jipprovdu perjodu taż-żmien ta' riflessjoni sabiex jippermettu li tiġi stmata s-sitwazzjoni tas-suq qabel jiġu nnotifikati d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, meta approprjat, għandhom jintgħamlu disposizzjonijiet għal miżuri speċjali li japplikaw b'mod partikolari għall-applikazzjonijiet pendenti.

(14) L-ammont ta' l-għajnuna għall-ħażna privata jista' jiġi stabbilit ukoll permezz ta' proċedura għall-offerti. Wara s-sottomissjoni ta' l-offerti, jista' jiġi ffisat ammont massimu ta' għajnuna. L-ebda azzjoni ma għandha tittieħed meta l-ebda offerta ma tiġi aċċettata.

(15) Għandha tintgħamel disposizzjoni għal sistema ta' kontrolli sabiex jiġi żgurat illi l-għajnuna ma tiġix konċessa mingħajr ma tistħoqq. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-kontrolli approprjati għall-istadji varji tal-ħażna.

(16) Għandhom jittieħdu l-passi sabiex jimpedixxu u, meta meħtieġ, jippenalizzaw l-irregolaritajiet u l-frodi. Għal dan il-għan huwa xieraq, fil-każ ta' dikjarazzjoni falza, illi l-parti kontrattanti tiġi eskluża mill-għoti ta' l-għajnuniet għall-ħażna privata għas-sena kalendarja li tiġi wara dik li fiha tkun ġiet mikxufa dikjarazzjoni falza. Barra minn hekk, għall-irregolaritajiet minuri l-Istati Membri għandhom jimponu l-penalitajiet xierqa.

(17) Sabiex jagħtu lill-Kummissjoni veduta ġenerali rigward l-effett ta' l-iskema ta' l-għajnuna għall-ħażna privata, l-Istati Membri għandhom ifornuha bit-tagħrif mitlub.

(18) Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ġenerali għall-konċessjoni ta' l-għajnuna għall-ħażna privata, ipprovduta fl-Artikoli 26 u 48 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999.

Artikolu 2

1. Mill-1 ta' Lulju 2002, il-konċessjoni ta' l-għajnuna għall-ħażna privata tista' tiġi deċiża meta l-prezz medju tas-suq Komunitarju għall-karkassi tal-bhejjem ta' l-ifrat adulti maskili espressi bħala tal-grad R3, ikkalkolat skond l-Anness I, jiġi rreġistrat għal dak ta' 2291 Ewro għal kull tunnellata metrika, jew inqas.

2. L-għoti ta' l-għajnuna għal ħażna privata tista' tiġi applikata f'kull Stat Membru jew fil-Komunità kollha.

3. L-ammont ta' l-għajnuna għal ħażna privata jista' jiġi stabbilit bil-quddiem jew iffissat bl-offerta.

Artikolu 3

1. Il-kuntratti għall-għajnuna għall-ħażna privata tal-laħam taċ-ċanga għandhom jiġu konklużi bejn l-aġenziji ta' l-intervent ta' l-Istati Membri u persuni naturali jew legali, minn issa 'l-quddiem referiti bħala "il-parti kontrattanti ", li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandhom ikunu attivi fis-settur tal-laħam u tal-bhejjem ħajjin matul it-12-il xahar li jiġu qabel l-applikazzjoni tal-kuntratt jew it-temma tad-data ta' l-offerta;

(b) għandhom ikunu rreġistrati f'reġistru nazzjonali tal-VAT;

(ċ) għandu jkollhom il-faċilitajiet xierqa tal-ħażna għad-disposizzjoni tagħhom ġewwa l-Komunità.

2. L-għajnuna għall-ħażna privata tista' tiġi konċessa biss rigward il-laħam li jwettaq il-kriterji li ġejjin:

(a) għandu jkun ikklassifikat skond l-iskala Komunitarja dwar il-klassifika tal-karkassi stabbilità fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1208/81([12]), kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1026/91([13]), u identifikata skond l-Artikolu 4(3)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 562/2000([14]);

(b) għandu jkun kiseb il-marka tas-saħħa riferita fil-Kapitolu XI ta' l-Anness I mad-Direttiva 64/433/KEE; (ċ) ma għandu jkollu l-ebda karatteristika li jagħmluh mhux tajjeb għall-ħażna jew għall-użu sussegwenti;

(d) ma għandu jiġi minn bhejjem maqtula b'riżultat ta' miżuri ta' emerġenza;

(e) għandu joriġina fil-Komunità skond l-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93([15]), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1662/1999([16]);

(f) ma għandux jaqbeż il-livelli massimi tar-radjoattività permessi skond ir-regolamenti Komunitarji, bil-livell tal-kontaminazzjoni mir-radjoattività tal-prodott jiġi mmonitorjat biss jekk is-sitwazzjoni hekk teħtieġ u biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ u għat-tul taż-żmien u għall-iskop ta' kull kontroll meħtieġ li jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999;

(g) għandu jkun idderivat minn bhejjem maqtula mhux aktar minn għaxart ijiem qabel id-data li fiha l-prodotti jitqiegħdu fil-ħażna kif riferit fl-Artikolu 5(3);

(h) għandu jitqiegħed fil-ħażna fl-istat frisk u maħżun fl-istat iffriżat;

(i) għandu jkun idderivat minn bhejjem imkabbra skond il-ħtiġiet veterinarji prevalenti.

Artikolu 4

1. Kull kuntratt għandu jkollu x'jaqsam ma' mill-anqas kwantità minima, li trid tiġi stabbilita għal kull prodott.

2. L-applikazzjoni għal kuntratt jew l-offerta għandhom jiġu ddepożitati għand l-aġenzija ta' l-intervent fl-Istat Membru fejn il-laħam irid jiġi maħżun.

3. L-applikazzjoni għal kuntratt jew l-offerta, u kull kuntratt sussegwenti, għandhom ikollhom x'jaqsmu ma' wieħed biss mill-prodotti li għalihom tista' tiġi konċessa l-għajnuna.

4. L-applikazzjoni għal kuntratt jew l-offerta ma għandhomx jiġi aċċettati għajr jekk jinkludu d-dettalji riferiti fil-punti (a), (b), (d) u (e) tal-paragrafu 5, u tkun ġiet fornita prova illi ġiet iddepożitata l-garanzija rilevanti.

5. Kuntratt għandu jinkludi d-dettalji li ġejjin:

(a) dikjarazzjoni li fiha l-parti kontrattanti tindaħal li tqiegħed fil-ħażna u li taħżen biss il-prodotti li jwettqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2);

(b) il-kwantità u d-deskrizzjoni tal-prodott li jrid jiġi maħżun;

(ċ) il-limitu taż-żmien għat-tqegħid fil-ħażna riferit fl-Artikolu 5(1), tal-kwantità totali riferita fil-kuntratt; (d) it-tul taż-żmien tal-ħażna;

(e) l-ammont ta' l-għajnuna għal kull tunnellata metrika;

(f) l-ammont tal-garanzija ddepożitata;

(g) disposizzjoni li tippermetti li jitqassar jew li jiġi mtawwal il-perjodu tal-ħażna skond il-kondizzjonijiet stbbiliti fir-regolamenti Komunitarji.

6. Kuntratt għandu jimponi mill-anqas l-obbligi li ġejjin fuq il-parti kontrattanti:

(a) li jqiegħed il-kwantità miftiehma tal-prodott fil-ħażna fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 5 u li jaħżen għar-riskju u l-ispejjez tiegħu f'kondizzjonijiet li jiżguraw iż-żamma tal-karatteristiċi tal-prodotti riferiti fl-Artikolu 3(2) għall-perjodu taż-żmien tal-kuntratt, mingħajr ma jibdel il-prodotti maħżuna, jew jibdilhom b'oħrajn jew jittrasferihom għal maħżen ieħor; madankollu, f'każijiet eċċezzjonali u fuq talba mmotivata kif dovut, l-aġenzija ta' l-intervent tista' tawtorizza l-allokazzjoni mill-ġdid tal-prodotti maħżuna;

(b) li jagħti parir lill-aġenzija ta' l-intervent li magħha jkun ikkonkluda l-kuntratt, fi ż-żmien biżżejjed qabel id-dħul fil-ħażna ta' kull lott individwali, fit-tifsira ta' t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 5(1), dwar id-data u l-post tal-ħażna kif ukoll dwar in-natura u l-kwantità tal-prodott li jrid jiġi maħżun; l-aġenzija ta' l-intervent tista' teħtieġ illi dan it-tagħrif jingħata mill-inqas jumejn qabel it-tqegħid fil-ħażna ta' kull lott individwali;

(ċ) li jibgħat id-dokumenti li għandhom x'jaqsmu mal-ħidmiet għat-tqegħid fil-ħażna lill-aġenzija ta' l-intervent mhux aktar tard minn xahar wara d-data riferita fl-Artikolu 5(4);

(d) li jaħżen il-prodotti skond il-ħtiġiet għall-identifikazzjoni ddikjarata fl-Artikolu 26;

(e) li jippermetti lill-aġenzija ta' l-intervent li tiċċekkja f'kull ħin illi jkunu qegħdin jiġu mħarsa l-obbligi kollha fil-kuntratt.

Artikolu 5

1. It-tqegħid fil-ħażna finali għandha titlesta mhux aktar minn 28 jum wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

Il-prodotti jistgħu jitqiegħdu fil-ħażna f'lottijiet individwali, b'kull lott jirrappreżenta l-kwantità mqiegħda fil-ħażna f'data mogħtija skond il-kuntratt u skond il-maħżen.

2. Il-kuntratturi jistgħu, matul il-perjodu taż-żmien tad-dħul fil-ħażna, jaqtgħu jew ineħħu l-għadam kollu mil-laħam involut jew minn parti minnu, sakemm dan jirrigwarda biss il-kwantità li għaliha l-kuntratt ikun ġie konkluż u li l-qatgħat kollha li jirriżultaw minn dawn il-ħidmiet jitqiegħdu fil-ħażna. L-aġenzija ta' l-intervent tista' teħtieġ illi n-notifika ta' l-intenzjoni li jsir użu minn din il-faċilità tingħata mill-inqas f'jumejn tax-xogħol qabel it-tqegħid fil-ħażna ta' kull lott individwali.

L-għeruq il-kbar, il-qrieqeċ, il-biċċiet tax-xaħam u fdalijiet oħra għar-rimi li jifdlu wara l-qtugħ jew it-tneħħija ta' l-għadam ma għandhomx jiġu maħżuna.

3. It-tqegħid fil-ħażna għandu jibda, għal kull lott individwali tal-kwantità kkontrattata, fil-jum li fih jiġi taħt il-kontroll ta' l-aġenzija ta' l-intervent.

Dan il-jum għandu jkun il-jum, li fih jiġi stabbilit il-piż nett tal-prodott frisk jew imkessaħ:

(a) fil-post tal-ħażna meta l-laħam jiġi ffriżat fuq il-fond;

(b) fil-post tal-friża, meta l-laħam jiġi ffriżat f'faċilitajiet xierqa 'il barra mill-post tal-ħażna;

(ċ) fuq il-post fejn jitneħħa l-għadam jew isir il-qtugħ, meta l-laħam jitqiegħed fil-ħażna wara t-tneħħija ta' l-għadam jew wara l-qtugħ.

4. It-tqegħid fil-ħażna għandu jintemm fil-jum li fih jitqiegħed fil-ħażna l-aħħar lott individwali tal-kwantità kuntrattwali.

Dan il-jum għandu jkun il-jum li fih kull prodott taħt il-kuntratt ikun daħal fil-post tal-ħażna finali, sewwa jekk frisk u sewwa jekk iffriżat.

Artikolu 6

1. Meta l-prodotti mqiegħda fil-ħażna jkunu bla ħsara għall-arranġamenti stabbliti fl-Artikolu 5(1) tar- Regolament (KEE) Nru 565/80, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2. Il-limitu taż-żmien ipprovdut fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 għandu jiżdied sabiex ikopri t-tul tal-perjodu taż-żmien massimu kkuntrattat tal-ħażna, miżjud b'xahar.

3. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu illi t-tqegħid fil-ħażna u t-tqegħid taħt l-arranġamenti skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KEE) Nru 565/80 għandhom jibdew flimkien. F'dan il-każ, meta l-kuntratt għal ħażna privata jiġi konkluż għal kwantità li tikkonsisti minn lottijiet diversi li jkunu tqiegħdu fil-ħażna f'dati differenti, kull wieħed mil-lottijiet imsemmija jista' jkun bla ħsara għal dikjarazzjoni separata ta' ħlas.

Id-dikjarazzjoni tal-ħlas riferita fl-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 għandha tiġi sottomessa rigward kull lott fil-jum li fih jiddaħħal fil-ħażna.

Artikolu 7

1. L-ammont tal-garanzija riferit fl-Artikolu 4(4) għandu jkun ta' 20 % ta' l-ammont applikat għalih.

2. Il-ħtiġiet primarji fit-tifsira ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għandhom ikunu:

(a) li ma jiġux irtirati applikazzjoni għal kuntratt jew offerta;

(b) li jitqiegħdu jew jinżammu fil-ħażna mill-inqas 90 % tal-kwantità kuntrattwali għall-perjodu taż-żmien tal-kuntratt tal-ħażna, għar-riskju tal-parti kontrattanti u taħt il-kondizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 4(6)(a); u

(ċ) meta japplika l-Artikolu 17, li jiġi esportat il-laħam skond waħda mit-tliet għażliet elenkati fih.

3. Bla ħsara għall-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament, id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 rigward ir-rilaxx tal-garanzija ma għandhomx japplikaw.

4. Il-garanziji għandhom jiġu rrilaxxjati minnufih meta l-applikazzjonijiet għal kuntratt jew l-offerti ma jiġux aċċettati.

5. Meta jinqabeż il-limitu taż-żmien għat-tqegħid fil-ħażna, kif iddikjarat fl-Artikolu 5(1), il-garanzija għandha tiġi ssekwestrata skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

Jekk il-limitu taż-żmien riferit fl-Artikolu 5(1) jinqabeż b'aktar minn għaxart ijiem, ma għandha tiġi konċessa l-ebda għajnuna.

Artikolu 8

1. L-ammont ta' l-għajnuna għandu jiġi ffissat għal kull tunnellata metrika u għandu jkollu x'jaqsam mal-piż stabbilit skond l-Artikolu 5(3).

2. Bla ħsara għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u ta' l-Artikolu 17, il-partijiet kontrattanti għandhom ikunu intitolati għall-għajnuna jekk jintlaħqu il-ħtiġiet primarji riferiti fl-Artikolu 7(2).

3. L-għajnuna għandha tiġi konċessa biss rigward il-kwantità kuntrattwali.

Artikolu 9

Jekk il-kwantità attwalment maħżuna matul il-perjodu kuntrattwali taż-żmien tal-ħażna tkun inqas mill-kwantità kuntrattwali u mhux inqas minn 90 % ta' din il-kwantità, l-għajnuna għandha titħallas għall-kwantità attwalment maħżuna.

Jekk tkun inqas minn 90 % imma mhux inqas minn 80 % tal-kwantità kuntrattwali, l-għajnuna għall-kwantità attwalment maħżuna għandha titnaqqas bin-nofs.

Jekk tkun inqas minn 80 % tal-kwantità kuntrattwali, ma għandha titħallas l-ebda għajnuna.

Artikolu 10

Fil-kaz tat-tneħħija ta' l-għadam, jekk il-kwantità attwalment maħżuna ma taqbiżx is-67 kilogramma ta' laħam mingħajr l-għadam għal kull 100 kilogramma tal-laħam bl-għadam użat, ma għandha titħallas l-ebda għajnuna.

Jekk il-kwantità attwalment maħżuna taqbeż is-67 kilogramma imma hija inqas minn 75 kilogramma ta' laħam mingħajr għadam għal kull 100 kilogramm tal-laħam bl-għadam użat, l-ammont ta' l-għajnuna jiġi mnaqqas proporzjonalment.

Ma għandhom japplikaw l-ebda tnaqqis jew żieda fl-ammont ta' l-għajnuna meta l-kwantità attwalment maħżuna tkun ta' 75 kilogramma jew aktar tal-laħam taċ-ċanga mingħajr l-għadam għal kull 100 kilogramma ta' laħam bl-għadam użat.

Artikolu 11

Wara tliet xhur tal-ħażna, jista' jsir ħlas wieħed bil-quddiem, fuq it-talba tal-parti kontrattanti, sakemm jiddepożita garanzija egwali għall-pagament bil-quddiem miżjud b'20 %.

Il-ħlas bil-quddiem ma għandux jaqbeż l-ammont ta' l-għajnuna li jikkorrispondi mal-perjodu taż-żmien tal-ħażna ta' tliet xhur. Meta l-prodotti jiġu esportati skond l-Artikolu 17 qabel il-ħlas bil-quddiem, għandu jitqies il-perjodu attwali taż-żmien tal-ħażna ta' dawn il-prodotti meta jiġi kkalkolat l-ammont tal-ħlas bil-quddiem.

Artikolu 12

1. L-applikazzjoni għall-ħlas ta' l-għajnuna u d-dokumenti ta' appoġġ għandhom jiġu ddepożitati għand l-awtorità kompetenti fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu massimu ikkuntrattt taż-żmien tal-ħażna.

Meta ma jistgħux jiġu prodotti d-dokumenti ta' appoġġ fil-limitu taż-żmien stabbilit minkejja li l-parti kontrattanti tkun aġixxiet minnufih sabiex tiksibhom fil-ħin, jistgħu jiġu konċessi limiti taż-żmien addizzjonali, li ma jistgħux jaqbżu t-total ta' sitt xhur, għalbiex jiġu prodotti.

Meta jiġi applikat l-Artikolu 17, il-prova meħtieġa għandha tiġi prodotta fil-limiti taż-żmien speċifikati fl-Artikolu 49(2), (4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

2. Għajr fil-kazijiet meta tkun ġiet miftuħa inkjesta dwar id-dritt għall-għajnuna, l-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn tliet xhur mill-jum tad-depożitu mill-parti kontrattanti ta' applikazzjoni għall-ħlas, flimkien mad-dokumenti meħtieġa ta' appoġġ.

Artikolu 13

1. Ir-rata tal-kambju li trid tiġi mħallsa għall-ammonti ta' l-għajnuna għandha tkun ir-rata tal-kambju fil-jum riferit fl-Artikolu 15.

2. Ir-rata tal-kambju li trid tiġi applikata għall-ammont tal-garanzija għandha tkun ir-rata tal-kambju fil-jum ta' qabel ma tiġi ddepożitata l-garanzija għand l-aġenzija ta' l-intervent.

Artikolu 14

L-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 m'għandux japplika sabiex jistabbilixxi l-perjodu taż-żmien tal-ħażna riferit fl-Artikolu 4(5)(d) ta' dan ir-Regolament jew il-perjodu taż-żmien tal-ħażna kif emendat skond l-Artikolu 4(5)(g) jew skond l-Artikolu 17.

Artikolu 15

L-ewwel jum tal-perjodu taż-żmien ikkuntrattat tal-ħażna għandu jkun il-jum li jiġi wara dak li fih it-tqegħid fil-ħażna jkun ġie mitmum.

Artikolu 16

It-tneħħija mill-ħażna tista' tibda fil-jum li jiġi wara l-aħħar jum tal-perjodu taż-żmien kuntrattwali tal-ħażna.

Artikolu 17

1. Mat-temma tal-perjodu taż-żmien tal-ħażna ta' xahrejn, il-parti kontrattanti tista' tneħħi mill-ħażna l-kwantità tal-prodotti taħt il-kuntratt fl-intier tagħha jew ta' parti minnha, bla ħsara għall-minimu ta' ħames tunnellati metriċi għal kull kuntrattur u għal kull maħżen jew, jekk tkun disponibbli kwantità inqas minn din, il-kwantità totali taħt il-kuntratt f'maħżen, sakemm, fi żmien 60 jum wara t-tneħħija mill-ħażna, il-prodotti jkunu:

(a) ħallew id-dwana territorjali tal-Komunità mingħajr aktar proċessar;

(b) laħqu d-destinazzjoni tagħhom mingħajr aktar proċessar, fil-kazijiet riferiti fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999; jew

(ċ) tqiegħdu mingħajr iktar proċessar f'maħżen tal-forniment approvat skond l-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

2. Il-perjodu taż-żmien kuntrattwali tal-ħażna għandu jtemm għal kull lott individwali maħsub għall-esportazzjoni fil-jum li jiġi qabel il-jum tat-tneħħija mill-ħażna.

Għandu jtemm fil-jum ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni, meta prodott ma jkunx ġie mċaqlaq.

3. L-ammont ta' l-għajnuna għandu jiġi mnaqqas fil-proporzjon tat-tnaqqis fil-perjodu taż-żmien tal-ħażna billi jiġu applikati ammonti ta' kuljum li jridu jiġu stabbiliti skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999.

4. Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, għandha tiġi fornita prova ta' l-esportazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

Artikolu 18

1. Meta jiġu applikati l-Artikoli 16 u 17, il-parti kontrattanti għandha tavża lill-aġenzija ta' l-intervent fil-ħin dovut qabel il-bidu maħsub tat-tneħħija mill-ħażna. L-aġenzija ta' l-intervent tista' teħtieġ illi dan it-tagħrif jingħata mill-inqas jumejn tax-xogħol qabel din id-data.

2. Meta ma jitħarsux l-obbligi li tiġi nnotifika l-aġenzija ta' l-intervent, ma għandha titħallas l-ebda għajnuna rigward il-kuntratt interessat u l-garanzija kollha tiġi ssekwestrata rigward il-kuntratt interessat.

Meta ma titħarisx din il-ħtieġa imma fejn tkun ġiet fornita xiehda biżżejjed rigward id-data tat-tneħħija mill-ħażna u l-kwantitajiet interessati, l-għajnuna għandha tingħata, fi żmien 30 jum wara t-tneħħija mill-maħżen u għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità kompetenti, u 15 % tal-garanzija għandha tiġi ddikjarata ssekwestrata rigward il-kwantità interessata.

Id-disposizzjonijiet tat-tieni subparagrafu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(3) u 9.

Artikolu 19

Meta l-parti kontrattanti tonqos milli tosserva t-temma tal-perjodu taż-żmien kuntrattwali tal-ħażna jew il-limitu taż-żmien ta' xahrejn riferit fl-Artikolu 17(1) rigward it-totalità tal-prodott maħżun, kull jum kalendarju tan-nuqqas tal-konformità għandu jintitola t-tnaqqis ta' 10 % mill-ammont ta' l-għajnuna għall-kuntratt fil-kwistjoni.

Artikolu 20

Fil-każ ta' forza maġġuri fejn jiġi affettwat it-twettiq ta' l-obbligi kuntrattwali minn parti kontrattanti, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru interessat għandha tiddeċiedi dwar il-miżuri li jidhrilha meħtieġa wara filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi ppreżentati. Din l-awtorità għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar kull kaz ta' forza maġġuri u l-azzjoni meħuda f'dan ir-rigward.

KAPITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET SPEĊJALI

Artikolu 21

1. Meta l-għajnuna tiġi ffissata bil-quddiem, id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet sabiex jiġu konklużi l-kuntratti għandhom jiġu nnotifikati mill-aġenzija ta' l-intervent lil kull applikant b'ittra rreġistrata, bit-telex, jew bil-fax, jew ikkunsinnati fuq irċevuta, fil-ħames jum tax-xogħol li jiġi wara l-jum li fih tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni, sakemm il-Kummissjoni ma tadottax miżuri speċjali fil-perjodu taż-żmien li jintervjieni.

Meta eżami tas-sitwazzjoni jiżvela illi jkun sar użu eċċessiv mill-iskema introdotta b'dan ir-Regolament, jew jekk ikun hemm riskju ta' l-użu eċċessiv, dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

(a) is-sospensjoni li jiġi applikat dan ir-Regolament għal mhux aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol;

(b) l-iffissar ta' perċentwal waħdieni li bih jitnaqqsu l-kwantitajiet fl-applikazzjonijiet sabiex jiġu konklużi l-kuntratti, bla ħsara għat-tħaris tal-kwantità minima fejn approprjat;

(ċ) ir-rifjut ta' l-applikazzjonijiet magħmula qabel il-perjodu taż-żmien tas-sospensjoni li l-aċċettazzjoni tagħhom tkun ġiet deċiża matul il-perjodu taż-żmien tas-sospensjoni.

Fil-kaz ipprovdut fil-punt (a), l-applikazzjonijiet sabiex jiġu konklużi l-kuntratti sottomessi matul dan il-perjodu taż-żmien ma għandhomx jiġu aċċettati.

2. Meta l-applikazzjoni tiġi aċċettata, il-kuntratt għandu jitqies li jkun ġie konkluz fil-jum tan-notifika riferita fil-paragrafu 1. L-aġenzija ta' l-intervent għandha tispeċifika d-data riferita fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5(1).

Artikolu 22

1. Meta l-għajnuna tiġi ffissata bl-offerta, l-offerti għandhom isiru fl-Ewro u sottomessi għand l-aġenzija ta' l-intervent interessata f'envelop magħluq, li fuqu jkun hemm ir-referenza għar-regolament ta' l-offerta interessata. L-envelop magħluq ma għandux jinfetaħ mill-aġenzija ta' l-intervent qabel ma tiskadi t-temma taż-żmien ta' l-offerta.

2. L-offerti għandhom jiġu eżaminati f'sessjoni privata mill-aġenziji approprjati ta' l-Istati Membri; il-persuni preżenti waqt l-eżami għandhom jieħdu l-ġurament tas-segretezza.

3. L-offerti eliġibbli għandhom jiġu mgħoddija anonimament lill-Kummissjoni mill-Istat Membru sabiex jaslu mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol li jiġi wara d-data finali tas-sottomissjonijiet kif speċifikat fis-sejħa.

4. Meta ma tiġi sottomessa l-ebda offerta, l-Istati membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni biha fil-limitu taż-żmien speċifikat fil-paragrafu 3.

5. Fuq il-bażi ta' l-offerti rċevuti, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999 sabiex jew tiffissa l-ammont minimu ta' l-għajnuna jew li ma tagħti l-ebda offerta.

6. Meta jiġi ffissat ammont massimu ta' għajnuna, għandhom jiġu aċċettati l-offerti li ma jaqbżux dan l-ammont.

7. Fi żmien ħamest ijiem li jiġu wara l-jum li fih l-Istati Membri jiġu nnotifikati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-aġenzija ta' l-intervent interessata għandha tgħarraf lil kull min ikun tefa' offerta bid-deċiżjoni meħuda b'ittra rreġistrata, bit-telex jew b'rikkonoxximent bil-miktub.

8. Meta tiġi aċċettata offerta, il-kuntratt għandu jitqies li jkun ġie konkluż fid-data tan-notifika mill-aġenzija ta' l-intervent lil min ikun tefa' l-offerta kif riferit fil-paragrafu 7. L-aġenzija ta' l-intervent għandha tispeċifika d-data sabiex jiġi applikat l-Artikolu 5(1).

KAPITOLU III

L-ISPEZZJON U S-SANZJONIJIET

Artikolu 23

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jitwettqu l-kondizzjonijiet li joħolqu intitolament għall-għajnuna. Għal dan il-għan għandhom jinnominaw awtorità nazzjonali responsabbli milli tiċċekkja l-ħidmiet tal-ħażna (minn issa 'l quddiem referita bħala "l-awtorità ta' l-ispezzjon").

Artikolu 24

Il-parti kontrattanti għandha tagħmel disponibbli lill-awtorità ta' l-ispezzjon kull dokumentazzjoni, għal kull kuntratt, li tippermetti b'mod partikolari illi jiġi vverifikat it-tagħrif li ġej dwar il-prodotti mqiegħda fil-ħażna privata:

(a) il-pussess fil-waqt tat-tqegħid fil-ħażna;

(b) id-data tat-tqegħid fil-ħażna;

(ċ) il-piż u n-numru tal-kaxex jew il-biċċiet ippakkettjat xorta oħra;

(d) il-preżenza fil-maħżen;

(e) id-data kkalkolata tat-tmiem tal-perjodu minimu taż-żmien kuntrattwali u, meta japplikaw l-Artikoli 17 u 19, id-data attwali tat-tneħħija.

Artikolu 25

Il-parti kontrattanti jew, meta japplika, l-operatur tal-maħżen għandhom iżommu rendikont tal-ħażniet disponibbli fil-post tal-ħażna, filwaqt li juri dan li ġej kontra kull numru tal-kuntratt:

(a) l-identifikazzjoni tal-prodotti imqiegħda fil-ħażna privata;

(b) id-data ta' tqegħid fil-ħażna u d-data kkalkolata tat-tmiem tal-perjodu minimu taż-żmien ikkontrattat tal-ħażna, imlestija sad-data attwali tat-tneħħija mill-ħażna;

(ċ) in-numru tan-nofs-karkassi, robbijiet, kaxex jew oġġetti oħra maħżuna individwalment, b'deskrizzjoni tal-prodotti u tal-piż ta' kull pallet jew ta' l-oġġetti l-oħra maħżuna individwalment, irreġistrati, fejn japplika, f'lottijiet individwali;

(d) il-lokazzjoni tal-prodotti fil-maħżen.

Artikolu 26

Il-prodotti maħżuna għandhom jiġu identifikati faċilment u għandhom jiġu identifikati individwalment skond il-kuntratt. Kull palit individwali u, meta japplika, kull unità ppakkettjata maħżuna individwalment għandha tiġi mmarkata hrkk li jkunu jidhru n-numru tal-kuntratt, id-deskrizzjoni tal-prodott u l-piż. Id-data tat-tqegħid fil-ħażna għandha tidher fuq kull lott individwali mqiegħed fil-ħażna f'jum mogħti.

Meta l-prodotti jitqiegħdu fil-ħażna, l-awtorità ta' l-ispezzjon għandha tivverifika l-marki riferiti fl-ewwel subparagrafu u tista' tissiġġilla ż-żona li jkun fiha l-prodotti fil-ħażna.

Artikolu 27

1. L-awtorità ta' l-ispezzjon għandha tindaħal, rigward kull kuntratt, li tiċċekkja l-konformità ma' l-obbligi kollha stabbiliti fl-Artikolu 4(6), skond id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu.

2. L-awtorità ta' l-ispezzjon għandha tindaħal jew li tissiġilla l-prodotti kollha maħżuna fuq kuntratt skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 26, jew li twettaq kontroll għall-għarrieda ta' kampjun sabiex tiżgura illi l-prodotti jkunu preżenti fil-maħżen.

Fil-kaz ta' kontroll ta' kampjun, il-kampjun meħud għandu jkun rappreżentattiv u għandu jikkorrispondi ma' mill-inqas 10 % tal-kwantità kollha fil-ħażna f'kull wieħed mill-Istati Membri skond il-miżura ta' l-għajnuna għall-ħażna privata.

Dawn il-kontrolli tal-kampjuni għandhom jinkludu, b'żieda ma' kull eżami tal-kontijiet riferiti fl-Artikolu 25, kontroll fiżiku dwar il-piż, it-tip tal-prodotti u l-identifikazzjoni tagħhom u għandhom ikunu fuq mill-inqas 5 % tal-kwantità bla ħsara għall-kontroll għall-għarrieda.

3. L-awtorità ta' l-spezzjon għandha tindħal għal kontroll obbligatorju sabiex tiżgura illi l-prodotti jkunu preżenti fil-maħżen matul l-aħħar ġimgħa tal-perjodu kuntrattwali taż-żmien tal-ħażna.

4. L-ispejjeż tas-siġġillar jew tat-tqandil għandhom jinġarru mill-parti kontrattanti.

5. Il-kontrolli skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu bla ħara għal rapport li jiddikjara:

(a) id-data tal-kontrolli;

(b) it-tul tal-perjodu taż-żmien tiegħu;

(ċ) il-ħidmiet magħmula.

Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-uffiċjal responsabbli u kkontroffirmat mill-parti kontrattanti jew, meta japplika, mill-operatur tal-maħżen u għandu jiġi inkluż fid-dokument tal-ħlas.

6. Fil-kaz ta' irregolaritajiet sinifikanti li jaffetwaw mill-inqas 5 % tal-kwantitajiet tal-prodotti koperti b'kuntratt waħdieni bla ħsara għall-kontrolli, il-verifika għandha tiġi estiża għal kampjun akbar li jrid jiġi stabbilit mill-awtorità responsabbli mill-kontrolli.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn il-kazijiet lill-Kummissjoni fi żmien erba' ġimgħat.

Artikolu 28

1. Meta jiġi stabbilit u vverifikat mill-awtorità ta' l-ispezzjon illi d-dikjarazzjoni riferita fl-Artikolu 4(5)(a) hija dikjarazzjoni falza magħmula jew deliberatament jew b'negliġenza serja, il-parti kontrattanti fil-kwistjoni għandha tiġi eskluża mill-benefiċċji ta' l-iskema ta' l-għajnuna għall-ħażna privata sa l-aħħar tas-sena kalendarja li tiġi wara s-sena li fiha tiġi aċċertata l-falsifikazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri approprjati meta l-parti kontrattanti tonqos milli tissodisfa l-ħtiġiet skond l-Artikoli 24, 25 u 26.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha adottati skond dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni permezz tal-fax:

(a) nhar ta' Tnejn u nhar ta' Ħamis ta' kull ġimgħa, bil-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu ġew sottomessi applikazzjonijiet sabiex jiġu konklużi l-kuntratti;

(b) qabel in-nhar ta' Ħamis ta' kull ġimgħa, bil-prodotti u l-kwantitajiet li matul il-ġimgħa ta' qabel kienu ġew konklużi l-kuntratti tagħhom, fejn jingħata t-tqassim tagħhom wieħed wieħed skond il-perjodu taż-żmien tal-ħażna u sommarju tal-prodotti u tal-kwantitajiet li l-kuntratti tagħhom ikunu ġew konklużi;

(ċ) kull xahar, il-prodotti u l-kwantitajiet totali mqiegħda fil-ħażna u, fil-każ tat-tneħħija ta' l-għadam, il-kwantità totali tal-laħam mingħajr għadam użat;

(d) kull xahar, tal-prodotti u tal-kwantitajiet attwalment fil-ħażna u l-prodotti u l-kwantitajiet totali li rigward tagħhom ikun temm il-perjodu taż-żmien kuntrattwali tal-ħażna;

(e) kull xahar, jekk il-perjodu taż-żmien tal-ħażna jkun ġie mqassar jew imtawwal skond l-Artikolu 4(5)(g) jew imnaqqas skond l-Artikoli 17 jew 19, il-prodotti u l-kwantitajiet li rigward tagħhom il-perjodu taż-żmien tal-ħażna jkun ġie rrivedut u x-xhur oriġinali u rriveduti tat-tneħħija mill-ħażna.

Artikolu 30

Ir-Regolament (KEE) Nru 3445/90 jiġi mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 31

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-2 ta' Mejju 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz FISCHLER

Membru tal-Kummissjoni

ANNESS I

(l-Artikolu 2)

Il-kalkolu tal-prezz medju tas-suq Komunitarju għall-karkassi tal-bhejjem ta' l-ifrat maskili adulti, epressi bħala tal-grad R3

(a) Il-prezz medju tas-suq nazzjonali tal-kategorija A, espress bħala tal-grad R3, ikkalkolat skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 562/2000.

(b) Il-prezz medju tas-suq nazzjonali tal-kategorija Ċ, espress bħala tal-grad R3, ikkalkolat skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 562/2000.

(ċ) Il-prezz medju tas-suq nazzjonali tal-kategorija A/Ċ = il-piż medju ppeżat ta' l-(a) u l-(b) bil-piż irid jiġi bbażat fuq il-proporzjon tal-qatliet f'kull kategorija għat-total tal-qtil kollu nazzjonali tal-kategorija A/Ċ.

(d) Il-prezz medju tas-suq Kommunitarju tal-kategorija A/Ċ = il-piż medju taċ-(ċ) bil-peżament ibbażat fuq il-proporzjon tal-qtil totali tal-kategorija A/Ċ f'kull Stat Membru mal-qtil totali tal-kategorija A/Ċ fil-Komunità.

ANNESS II

(l-Artikolu 30)

It-Tabella tal-korrelazzjoni

Dan ir-Regolament Ir-Regolament (KEE) Nru 3445/90

L-Artikolu 1 L-Artikolu 1

L-Artikolu 2 -

L-Artikolu 3 L-Artikolu 2

L-Artikolu 4 L-Artikolu 3

L-Artikoli 5, u 6 L-Artikolu 4

L-Artikolu 7 L-Artikolu 5

L-Artikoli 8, 9 u 10 L-Artikolu 6

L-Artikolu 12 L-Artikolu 7

L-Artikolu 13 L-Artikolu 8

L-Artikoli 14, 15, 16, 17. 18 u 19 L-Artikolu 9

L-Artikolu 20 L-Artikolu 10

L-Artikolu 21 L-Artikolu 11

L-Artikolu 22 L-Artikolu 12

L-Artikoli 23, 24, 25, 26 u 27 L-Artikolu 13

L-Artikolu 28 L-Artikolu 14

L-Artikolu 29 L-Artikolu 15

L-Artikolu 30 L-Artikolu 16

L-Artikolu 31 L-Artikolu 17

L-Anness I -

L-ANNESS II L-ANNESS

[1] ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21.

[2] ĠU L 333, 30.11.1990, p. 30.

[3] ĠU L 321, 23.12.1993, p. 9.

[4] ĠU C 121, 29.7.1964, p. 2012/64.

[5] ĠU L 243, 11.10.1995, p. 7.

[6] ĠU L 62, 7.3.1980, p.1.

[7] ĠU L 199, 22.7.1983, p. 12.

[8] ĠU L 205, 3.8.1985, p. 5.

[9] ĠU L 240, 10.9.1999, p. 11.

[10] ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.

[11] ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11.

[12] ĠU L 123, 7.5.1981, p. 3.

[13] ĠU L 106, 26.4.1991, p. 2.

[14] ĠU L 68, 16.3.2000, p. 22.

[15] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

[16] ĠU L 197, 29.7.1999, p. 25.

Top