Help Print this page 
Title and reference
Id-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol

OJ L 303, 2.12.2000, p. 16–22 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Estonian: Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Latvian: Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Lithuanian: Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Hungarian Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Maltese: Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Polish: Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Slovak: Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Slovene: Chapter 05 Volume 004 P. 79 - 85
Special edition in Bulgarian: Chapter 05 Volume 006 P. 7 - 13
Special edition in Romanian: Chapter 05 Volume 006 P. 7 - 13
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 001 P. 69 - 75
Languages, formats and link to OJ
Multilingual display
Text

32000L0078



Official Journal L 303 , 02/12/2000 P. 0016 - 0022


Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE

tas-27 ta’ Novembru 2000

li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

(2) Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn nisa u rġiel huwa stabbilit sewwa minn dokumenti importanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikulari fid-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad− 9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-irġiel u n-nisa għar-rigward ta’ l-aċċess għall-impjieg, il-formazzjoni u l-promozzjoni professjonali, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol [5].

(3) Fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Komunità għandha, skond l-Artikolu 3(2) tat-Trattat tal-KE, timmira biex telimina l-inugwaljanzi, u tippromwovi l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa, speċjalment ladarba n-nisa huma ħafna drabi vittmi ta’ diskriminazzjoni multipla.

(4) Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

(5) Huwa importanti li jiġu rrispettati dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Din id-Direttiva hija bla ħsara għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, inkluż id-dritt li persuna tistabbilixxi għaqda ma’ oħrajn u li tidħol f’għaqda ma’ ħaddieħor biex tiddefendi d-drittijiet tagħha.

(6) Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema tirrikonoxxi l-importanza li tiġi kumbattuta kull forma ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll il-bżonn li tittieħed azzjoni approprjata għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika ta’ nies anzjani u b’dizabilità.

(7) It-Trattat tal-KE jinkludi fost l-obbjettivi tiegħu il-promozzjoni ta’ koordinazzjoni bejn il-politika ta’ impjieg ta’ l-Istati Membri. Għal dan l-iskop, kapitolu ġdid dwar l-impjieg kien inkorporat fit-Trattat tal-KE bħala mezz għall-iżvilupp ta’ strateġija koordinata Ewropea għall-impjieg u b’mod partikolari il-promozzjoni ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata, mħarrġa u kapaċi li taddatta ruħha.

(8) Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’diżabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.

(9) L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

(10) Fid-29 ta’Ġunju 2000 il-Kunsill adotta d-Direttiva 2000/43/KE [6] li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn persuni bla distinzjoni ta’ razza jew oriġini etnika. Dik id-Direttiva diġà tagħti protezzjoni kontra din id-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u x-xogħol.

(11) Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12) B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. Din il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandha wkoll tapplika għal ċittadini ta’ pajjizi terzi imma ma tkoprix id-differenzi ta’ trattament ibbażati fuq ċittadinanza u ma tippreġudikax d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess tagħhom għall-impjieg u x-xogħol.

(13) Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 ta’ t-Trattat tal-KE, lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg.

(14) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabilixxu l-età ta’ l-irtirar.

(15) L-aprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu, b’mod partikolari illi d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b’kull mezz inkluż dak abbażi tal-prova statistika.

(16) Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax-xogħol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità.

(17) Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.

(18) Din id-Direttiva ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi.

(19) Barra minn hekk, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jżommu sħiħa il-kapaċità tal-forzi armati tagħhom huma jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din id-dispożizzjonjiet ta’ din id-Direttiva li jirrigwardaw id-diżabilità u l-età għal parti jew għat-totalità tal-forzi armati tagħhom. L-Istati Membri li jagħmlu dik il-għażla għandhom jidefinixxu il-kamp ta’ dik id-deroga.

(20) Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id-distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.

(21) Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkawżawx piż sproporzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.

(22) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u d-drittijiet li jiddependu minnhom.

(23) F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(24) L-Unjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni Nru 11 tagħha dwar l-istatus tal-knejjes u l-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam, irrikonoxxiet espliċitament li tirrispetta u ma tippreġudikax l-istat taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri u li ugwalment tirrispetta l-istat ta’ l-organizzazzjonijiet filosofiċi u dawk mhux konfessjonali. B’dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistabilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar rekwiżiti tax-xogħol essenzjali, leġittimi u ġustifikati, li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi eżerċitata attività professjonali.

(25) Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.

(26) Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex jipprevjenu jew jikkompensaw għall-żvantaġġi li jbatu gruppi ta’ persuni ta’ reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, u dawn il-miżuri jistgħu jippermettu lill-organizzazzjoniet ta’ reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, meta l-iskop prinċipali tagħhom ikun il-promozzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta’ dawk il-persuni.

(27) Fir-Rakkomandazzjoni tagħha 86/379/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-impjieg ta’ persuni b’dizabilità fil-Komunità [7], il-Kunsill stabbilixxa qafas ta’ gwida li jistabbilixxi eżempji ta’ azzjoni pożittiva biex tippromwovi l-impjieg u t-taħriġ ta’ persuni b’diżabilità, u fir-Reżoluzzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar opportunitajiet ta’ mpjieg ugwali għall-persuni b’diżabilitajiet [8], iddikjarat l-importanza li tingħata attenzjoni speċifika fost affarijiet oħra lir-reklutaġġ, lid-detenzjoni, lit-taħriġ u t-tagħlim kontinwu għar-rigward ta’ persuni b’diżabilità.

(28) Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandihex isservi biex tiġġustifika xi regressjoni għar-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru.

(29) Persuni li kienu soġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali għandhom ikollhom mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali. Sabiex jingħata livell tal-protezzjoni aktar effettiv, l-assoċjazzjonijiet jew l-entijajiet legali għandhom ukoll ikunu awtorizzati biex jidħlu fi proċeduri, kif stabbilit mill-Istati Membri hekk tistabbilixxi, jew għan-nom jew in sostenn ta’ xi vittma, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ proċedura dwar ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati.

(30) L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza teħtieġ protezzjoni adegwata ġudizzjarja kontra l-vittimizzazzjoni.

(31) Ir-regoli dwar il-piż tal-prova għandhom jiġu addattati meta jkun hemm kaz prima facie ta’ diskriminazzjoni u, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biex jiġi applikat effettivament, il-piż tal-prova għandu jiġi spustat fuq il-konvenut meta tinġjieb prova ta’ din id-diskriminazzjoni. Madankollu, il-piż ma jkunx fuq il-konvenut li jipprova illi l-attur jappartjeni għal reliġjon partikulari jew għandu konvinzjoni jew diżabilità jew età jew orjentazzjoni sesswali, partikolari.

(32) L-Istati Membri mhumiex obbligati japplikaw ir-regoli dwar il-piż tal-prova għall-proċedimenti li fihom il-qorti jew xi awtorità oħra kompetenti għandhom l-obbligu li jinvestigaw il-fatti tal-każ. Il-proċeduri hekk imsemmija huma dawk li fihom l-attur mhuwiex meħtieġ li jipprova l-fatti, li għandhom jiġu investigati mill-qorti jew il-korp kompetenti.

(33) L-Istati Membri għandhom jippromwovu djalogu bejn l-imsieħba soċjali, fil-qafas tal-prattika nazzjonali, ma’ organizzazzjonijiet non-governattivi biex jiddiskutu dwar forom differenti dwar id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u biex jikkumbattuhom.

(34) Il-bżonn li jiġu promossi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet prinċipali fl-Irlanda ta’ Fuq jeħtieġ li jiġu nklużi dispożizzjonijiet partikulari f’din id-Direttiva.

(35) L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u diswassivi f’ każ ta’ ksur ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.

(36) L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ftehim kollettiv, sakemm jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li kull ħin jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva.

(37) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE, l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri il-ħolqien fil-Komunità kamp ekwu fir-rigward ta’ l-ugwaljanza fl-impjieg u fix-xogħol, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, għar-raġuni tal-kobor u l-impatt ta’ l-azzjoni, ikun milħuq aħjar f’livell Komunitarju. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Skop

L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

L-Artikolu 2

Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni

1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, "il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament" għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a) għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b) għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i) meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii) fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

3. Il-molestji għandhom jitqiesu bħala forma ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1, meta kondotta mhux xierqa għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tavvera ruħha bl-iskop li tnaqqas id-dinjità ta’ persuna u li tikkrea ambjent ta’ biza’, ostili, degradanti, umiljanti, jew offensiv. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ molestja jista’ jkun definit skond il-liġijiet u l-prattika nazzjonali ta’ l-Istati Membri.

4. Kull ordni lil kull persuna biex tipprattika diskriminazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandha titqies bħala diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1.

5. Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

L-Artikolu 3

Il-kamp ta’ applikazzjoni

1. Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a) il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

(b) l-aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta’ gwida professjonali, formazzjoni professjonali, formazzjoni u riformazzjoni professjonali iktar avvanzata, inkluż taħriġ ta’ xogħol prattiku;

(ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

(d) is-sħubija ma’, u l-involviment, f’organizzazzjoni ta’ ħaddiema jew ta’ min iħaddem jew f’kull organizzazzjoni li l-membri tagħha jeżerċitaw professjoni partikulari, inklużi l-benefiċċji li huma pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet.

2. Din id-Direttiva ma tkoprix differenzi ta’ trattament ibbażati fuq ċittadinanza u tinftiehem bla preġudizzju għal dispożizzjonijiet u kondizzjonijiet dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni bla ċittadinanza fit-territorju ta’ l-Istati Membri, u għal kull trattament marbut ma’ l-istatus ġuridiku taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni bla ċittadinanza.

3. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li din id-Direttiva, sa fejn tirrelata ma’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżablità u età, m’għandhiex tapplika għall-forzi armati.

L-Artikolu 4

Il-ħtiġiet tax-xogħol

1. Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.

2. L-Istati Membri jistgħu jżommu leġislazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva jew jipprovdu għal-leġislazzjoni futura li tinkorpora prattiċi nazzjonali eżistenti fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva li skond liema, fil-kaz ta’ attivitajiet tax-xogħol fi knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, differenza ta’ trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin ta’ persuna m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ dawn l-attivitajiet jew l-kuntest li fihom jitwettqu, ir-reliġjon jew it-twemmin ta’ persuna jikkostitwixxu rekwiżit ġenwin, leġittimu u ġġustifikat tax-xogħol meta jitqies l-ethos ta’ l-organizzazzjoni. Din id-differenza ta’ trattament għandha tiġi implimentata fir-rispett tad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, u m’għandhiex tiġġustifka diskriminazzjoni fuq xi bażi oħra.

Sakemm id-dispożizzjonijiet tagħha huma f’kull każ irrispettati, din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt tal-knejjes u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, li l-ethos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, li konformement mal-kostituzzjoni u l-liġijiet nazzjonali, jesiġu mingħand persuni li jaħdmu għalihom illi jaġixxu in buonafede u b’lealtà lejn l-etika ta’ l-organizzazzjoni.

L-Artikolu 5

Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’dizabilità

Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Artikolu 6

Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età

1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a) l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b) L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ) l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2. Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.

L-Artikolu 7

Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi

1. Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

2. Fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkreaw jew iżommu dispożizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol.

L-Artikolu 8

Ħtiġiet minimi

1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva.

2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha taħt l-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi bażi għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

IL-KAPITOLU II

RIMEDJI U EŻEKUZZJONI

Artikolu 9

Id-difiża ta’ drittijiet

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħrajn li, skond il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati, jistgħu jibdew, jew għan-nom jew bħala sostenn ta’ min għamel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, xi proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva prevista għall-esekuzzjoni ta’ obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva

3. Il-Paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti taż-żmien biex iġibu azzjonijiet għar-rigward tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament.

L-Artikolu 10

Il-piż tal-prova

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni l-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ prova li huma aktar favorevoli għal min jagħmel l-ilment.

3. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-proċeduri kriminali.

4. Il-paragrafi 1,2 u 3 għandhom ukoll japplikaw għal proċeduri legali mibdija skond l-Artikolu 9(2).

5. L-Istati Membri m’humiex obbligati japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri li fihom il-qorti jew korp kompetenti jkunu obbligati jinvestigaw il-fatti tal-każ.

L-Artikolu 11

Il-vittimizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma neċessarji biex jipproteġu l-impjegati kontra sensji u trattament kuntrarju ieħor, bħala reazzjoni ta’ min iħaddem għal ilment li jsir fl-impriża jew għal kwalunkwe proċedura legali mmirata għall-esekuzzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

L-Artikolu 12

It-tixrid ta’ l-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li d-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet relevanti diġà fis-seħħ f’dan il-qasam, jinġiebu għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati permezz tal-mezzi kollha approprjati, per eżempju fil-post tax-xogħol, fit-territorju kollu tagħhom.

L-Artikolu 13

Id-djalogu soċjali

1. L-Istati Membri għandhom, skond it-tradizzjonijet u l-prattiċi nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri adegwati biex jippromwovu djalogu bejn l-imsieħba soċjali bi skop li jikkoltivaw l-ugwaljanza fit-trattament, inkluż is-sorveljanza tal-prattiċi fil-post tax-xogħol, il-ftehim kollettiv, il-kodiċi ta’ kondotta u permezz ta’ riċerka jew skambju ta’ esperjenza u prattiċi tajba.

2. Meta konsistenti mat-tradizzjonijiet u l-prattika nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinkoraġixxu lill-imsieħba soċjali, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tagħhom, biex jikkonkludu ftehim fil-livell approprjat ta’ regoli anti-diskriminatorji fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3 li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ negozjati kollettivi. Dan il-ftehim għandu jirrispetta l-ħtiġiet minimi stabbiliti b’din id-Direttiva bil-miżuri nazzjonali rilevanti li jimplimentawha.

L-Artikolu 14

Djalogu ma’ organizzazzjonijiet non governattivi

L-Istati Membri għandhom jinkoraġixxu djalogu ma’ organizzazzjonijiet non governattivi approprjati li għandhom, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi msemmja fl-Artikolu 1 sabiex jippromwovu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

IL-KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET PARTIKULARI

L-Artikolu 15

L-Irlanda ta’ Fuq

1. Sabiex tirrimedja s-sottorappreżentazzjoni ta’ waħda mill-komunitajiet reliġjużi maġġuri fis-servizz tal-pulizija fl-Irlanda ta’ Fuq, differenzi fit-trattament li jirrigwarda ir-reklutaġġ f’dak is-servizz, inkluż il-persunal ta’ sostenn tiegħu, ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni sakemm u sa fejn dawk id-differenzi fit-trattament huma awtorizzati espressament mill-leġislazzjoni nazzjonali.

2. Sabiex jinżamm bilanċ ta’ opportunità fl-impjieg għall-għalliema fl-Irlanda ta’ Fuq waqt li ssir kontribuzzjoni għar-rikonċiljazzjoni ta’ qasmiet storiċi bejn il-komunitajiet reliġjużi maġġuri hemmhekk, id-dispożizzjonijiet dwar ir-reliġjon jew twemmin f’din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għar-reklutaġġ ta’ għalliema fl-iskejjel fl-Irlanda ta’ Fuq sakemm u sa fejn dan hu espressament awtorizzat mill-leġislazzjoni nazzjonali.

IL-KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 16

Il-konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

(a) kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

(b) kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.

L-Artikolu 17

Is-Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kumissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijet sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

L-Artikolu 18

L-implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 jew jistgħu jafdaw l-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għar-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettiv. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, l-imsieħba soċjali jintroduċu l-miżuri neċessarji bi ftehim, u l-Istati Membri kkoncernati jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex fi kwalunkwe ħin ikunu f’pożizzjoni li jigarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom minnufih.

Sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta’ diżabilità. F’ dak il-kaz għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih. Kull Stat Membru li jagħżel li juża dan il-perijodu addizzjonali għandu kull sena jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-passi li qed jieħu biex jiġġieled id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u diżabilità u dwar il-progress li jkun qed jagħmel lejn l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Kunsill.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 19

Ir-Rapport

1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2005 u kull ħames snin wara, l-informazzjoni kollha neċessarja biex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jieħu kont, kif approprjat, ta’ l-opinjonijiet ta’ l-imsieħba soċjali u ta’ l-organizzazzjonijiet non governattivi relevanti. Skond il-prinċipju illi jittieħed kont sistematiku ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u -nisa, dan ir-rapport, għandu fost l-oħrajn, jipprovdi stima ta’ l-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq in-nisa u l-irġiel. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni miġbura, dan ir-rapport għandu jinkludi, jekk neċessarju, proposti għar-reviżjoni u l-aġġornament ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 20

Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 21

Id-Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Novembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

É. Guigou

[1] ĠU C 177 E, tas-27.6.2000, p. 42.

[2] L-Opinjoni mogħtija fit-12 ta’ Ottubru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 204, tat-18.7.2000, p. 82.

[4] ĠU C 226, tat-8.8.2000, p. 1.

[5] ĠU L 39, ta’ l-14.2.1976, p. 40.

[6] ĠU L 180, tad-19.7.2000, p. 22.

[7] ĠU L 225, tat-12.8.1986, p. 43.

[8] ĠU C 186, tat-2.7.1999, p. 3.

--------------------------------------------------

Top