EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0052

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/52/KEE tas-26 ta’ Lulju 2000 li temenda d-Direttiva 80/723/KEE dwar it-trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u impriżi pubbliċi

OJ L 193, 29.7.2000, p. 75–78 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14
Special edition in Estonian: Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14
Special edition in Latvian: Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14
Special edition in Lithuanian: Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14
Special edition in Hungarian Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14
Special edition in Maltese: Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14
Special edition in Polish: Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14
Special edition in Slovak: Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14
Special edition in Slovene: Chapter 08 Volume 002 P. 11 - 14

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/52/oj

32000L0052



Official Journal L 193 , 29/07/2000 P. 0075 - 0078


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/52/KEE

tas-26 ta’ Lulju 2000

li temenda d-Direttiva 80/723/KEE dwar it-trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u impriżi pubbliċi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 86(3) tiegħu,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/84/KEE [2], titlob li l-Istati Membri jiżguraw li r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi jkunu trasparenti. Id-Direttiva 80/723/KEE titlob li ċerta informazzjoni finanzjarja tinżamm mill-Istati Membri u tingħata lill-Kummissjoni meta mitluba, filwaqt li informazzjoni oħra għandha tingħata f’forma ta’ rapporti annwali.

(2) Setturi varji ta’ l-ekonomija li fil-passat kienu karatterizzati mill-eżistenza ta’ monopolji nazzjonali, reġjonali jew lokali li ġew jew qed ikunu parzjalment jew kompletament miftuħa għall-kompetizzjoni b’applikazzjoni tat-Trattat jew bir-regoli adottati mill-Istati Membri u l-Komunità. Dan il-proċess enfasizza l-importanza li jkun żgurat li r-regoli dwar il-kompetizzjoni li jinsabu fit-Trattat ikunu applikati ġustament u effettivament f’dawn s-setturi, partikolarment li ma jkunx hemm abbuż minn posizzjoni dominanti skond t-tifsira ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat, u ebda għajnuna ta’ l-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat sakemm mhux kompatibbli mas-suq komuni, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli ta’ l-Artikolu 86(2) tat-Trattat.

(3) F’dawn is-setturi l-Istati Membri spiss jagħtu drittijiet speċjali jew esklussivi lil impriżi partikolari jew jagħmlu pagamenti jew jagħtu xi tip ieħor ta’ kumpens lill-impriżi partikolari li huma fdati bl-operazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Dawn l-impriżi huma spiss f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra.

(4) Skond l-Artikolu 86(2) u (3) tat-Trattat, bħala prinċipju, huma l-Istati Membri li jafdaw ċerti impriżi bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku li huma jiddefinixxu, waqt li l-Kummissjoni tkun responsabbli li tiżgura l-applikazzjoni kif suppost għad-disposizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu.

(5) L-Artikolu 86(1) tat-Trattat jitlob li, f’każ ta’ impriżi pubbliċi u impriżi li l-Istati Membri tawhom drittijiet speċjali jew esklussivi, l-Istati Membri għandhom jew jagħmlu jew iżommu fis-seħħ xi miżura kontra r-regoli li jkunu jinsabu fit-Trattat. L-Artikolu 86(2) tat-Trattat japplika għall-impriżi li ġew fdati biex iħaddmu s-servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku. L-Artikolu 86(3) tat-Trattat jitlob li l-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 86 u tindirizza direttivi jew deċiżjonijiet xierqa lill-Istati Membri. Id-disposizzjonijiet ta’ interpretazzjoni annessi mat-Trattat mill-Protokoll fuq is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri jgħidu li d-disposizzjonijiet tat-Trattat li jwaqqfu l-Komunitajiet Ewropej għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu finanzi għax-xandir pubbliku sakemm dawn il-finanzi jingħataw lill-organizazzjonijiet tax-xandir biex isiru termini ta’ referenza għal servizz pubbliku magħmul, definit, u organizzat minn kull Stat Membru, u sakemm dawn il-finanzi ma jaffettwax il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u l-kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li jmur kontra l-interess komuni, mentri r-realizzazzjoni tat-termini ta’ referenza ta’ dak is-servizz pubbliku jkunu kkunsidrati. Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 86 tat-Trattat il-Kummissjoni għandha jkollha l-informazzjoni kollha meħtieġa. Dan ifisser li jiġu definiti l-kondizzjonijiet biex tinkiseb it-trasparenza.

(6) Sitwazzjonijiet komplessi li għandhom konnessjoni mal-forom diversi ta’ impriżi pubbliċi u privati li ngħataw drittijiet speċjali jew esklussivi jew li ġew fdati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif ukoll medda ta’ attivitajiet li jistgħu jitwettqu minn impriża waħda u l-livelli differenti tal-liberalizzazzjoni tas-suq fl-Istati Membri varji jistgħu jikkumplikaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, u partikolarment l-Artikolu 86 tat-Trattat. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom informazzjoni dettaljata fuq l-istruttura interna finanzjarja u organizzattiva ta’ dawn l-impriżi, partikolarment kontijiet separati u ta’ min joqgħod fuqhom li jirrelataw ma’ l-attivitajiet differenti magħmulin mill-istess impriża. Din l-informazzjoni mhux dejjem tkun disponibbli jew mhijiex dejjem dettaljata biżżejjed jew ta’ min joqgħod fuqha.

(7) Dawn il-kontijiet għandhom juru d-distinzjoni bejn l-attivitajiet differenti, il-ħruġ u d-dħul li għandhom x’jaqsmu ma’ kull attività u l-metodi ta’ assenjament u allokazzjoni tal-ħruġ u d-dħul. Dawn il-kontijiet separati għandhom ikunu disponibbli rigward, min-naħa l-oħra, prodotti u servizzi li għalihom l-Istati Membri taw drittijiet speċjali u esklussivi jew fdaw l-impriża bl-operat ta’ servizz ta’ interess ġenerali ekonomiku, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għal kull prodott jew servizz ieħor li fihom hija attiva l-impriża. L-obbligu ta’ kontijiet separati m’għandux japplika għall-impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma limitati għall-provvediment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u li ma jagħmlux attivitajiet li jaqgħu barra l-iskop ta’ dawn is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Ma jidhirx meħtieġ li huma bżonnjużi kontijiet separati fil-qasam ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew fil-qasam ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi, peress li dan mhux meħtieġ għall-allokazzjoni tad-dħul u l-ħruġ bejn dawn is-servizzi u prodotti u dawk li jaqgħu barra l-interess ekonomiku ġenerali jew drittijiet speċjali jew esklussivi.

(8) L-Istati Membri jintalbu li jiżguraw li l-impriża rilevanti żżomm dawn il-kontijiet separati għax dan huwa l-aktar mod effettiv li bih l-applikazzjoni xierqa u effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ dawn l-impriżi tista’ tiġi żgurata. Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni fuq servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fl-Ewropa [3] li fiha tenfasizza l-importanza tagħhom. Hemm il-bżonn li tiġi kkunsidrata l-importanza tas-setturi konċernati, li jistgħu jinvolvu servizzi ta’ interess ġenerali, il-posizzjoni b’saħħitha fis-suq li l-impriżi rilevanti jista’ jkollhom u l-vulnerabbiltà ta’ kompetizzjoni ġdida fis-setturi li qegħdin jiġu liberalizzati. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa bżonnjuż u xieraq biex jintlaħaq l-għan bażiku ta’ trasparenza li jitniżżlu regoli fuq dawn il-kontijiet separati. Din id-Direttiva tillimita ruħha għal dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet segwiti skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat.

(9) F’ċerti setturi disposizzjonijiet adottati mill-Komunità jitolbu li l-Istati Membri u ċerti impriżi jżommu kontijiet separati. Hemm il-bżonn li jiġi żgurat l-istess trattament fil-Komunità kollha u tiġi estiża l-ħtieġa li jinżammu kontijiet separati għas-sitwazzjonijiet kollha komparabbli. Din id-Direttiva m’għandhiex temenda regoli speċifiċi stabbiliti għall-istess skop f’disposizzjonijiet oħra tal-Komunità u ma tapplikax għal attivitajiet ta’ l-impriżi koperti minn dawk id-disposizzjonijiet.

(10) Minħabba l-potenzal limitat ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni u sabiex jiġi evitat li jiġi sfurzat piż amministrattiv eċċessiv m’hemmx bżonn, għalissa, li l-intrapiżi b’ammont totali ta’ bejgħ ta’ inqas minn 40 miljun EUR fis-sena jkunu meħtieġa jżommu kontijiet separati. Minħabba l-potenzal limitat ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, m’hemmx bżonn, għalissa, li jintalbu kontijiet separati għall-provvediment ta’ ċerti kategoriji ta’ servizzi. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull regola oħra li tikkonċerna l-provvediment ta’ informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(11) F’każijiet fejn il-kumpens għat-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku ġie ffissat għal perjodu xieraq wara proċedura miftuħa, trasparenti u mhix diskriminatorja ma tidhirx il-ħtieġa għalissa li dawn l-impriżi jintalbu li jżommu kontijiet separati.

(12) L-Artikolu 295 tat-Trattat jipprovdi li t-Trattat m’għandu bl-ebda mod jippreġudika r-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema ta’ pussess ta’ proprjetà. M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn l-impriżi pubbliċi u privati fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Din id-Direttiva għandha tapplika kemm għall-impriżi pubbliċi kif ukoll għal dawk privati.

(13) L-Istati Membri għandhom strutturi territorjali amministrattivi differenti. Din id-Direttiva għandha tkopri lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha f’kull Stat Membru.

(14) Id-Direttiva 80/723/KEE għandha għalhekk tkun emendata skond il-każ,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 80/723/KEE hija emendata kif ġej:

1. It-titolu huwa mibdul b’dan li ġej:

"Id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE ta’ l-25 ta’ Ġunju 1980 fuq it-trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll fuq it-trasparenza finanzjarja f’ċerti impriżi."

2. L-Artikoli 1 u 2 huma mibdulin b’dan li ġej:

"L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi huma trasparenti kif hemm provdut f’din id-Direttiva, biex li ġej joħroġ ċar:

(a) il-fondi pubbliċi li jsiru disponibbli direttament mill-awtoritajiet pubbliċi lill-impriżi pubbliċi konċernati;

(b) il-fondi pubbliċi li jsiru disponibbli mill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ l-impriżi pubbliċi jew l-istituzzjonijiet finanzjarji bħala intermedjarji;

(ċ) l-użu għaliex dawn il-fondi pubbliċi qed verament jintużaw.

2. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet speċifiċi mniżżla mill-Komunità l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istruttura finanzjarji u ta’ l-organizzazzjoni ta’ kull impriża meħtieġa li żżomm kontijiet separati huma riflessi kif suppost fil-kontijiet separati, biex dan li ġej joħroġ ċar:

(a) il-ħruġ u d-dħul assoċjati ma’ l-attivitajiet differenti;

(b) dettalji kompluti tal-metodi kif il-ħruġ u d-dħul huma assenjati jew allokati lill-attivitajiet differenti.

Artikolu 2

1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a) "l-awtoritajiet pubbliċi" jfissru l-awtoritajiet pubbliċi kollha, inklużi l-Istat u l-awtoritajiet reġjonali, lokali u territorjali oħra kollha;

(b) "impriża pubblika" tfisser kull impriża li fiha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-pussess li għandhom fiha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha;

(ċ) "impriżi pubbliċi li joperaw fis-settur tal-manifattura" jfissru kull impriża li l-qasam prinċipali ta’ l-attività tagħha, definit ta’ mill-inqas b’50 % tat-total ta’ sena qligħ, huwa fil-manifattura. Dawn l-impriżi huma dawk li l-operat tagħhom jaqa’ taħt Sezzjoni D - Manifattura (li hija s-subsezzjoni DA sa u tinkludi s-subsezzjoni DN) tan-NACE (Rev. 1) klassifikazzjoni [4];

(d) "impriża mitluba żżomm kontijiet separati" tfisser kull impriża li tgawdi minn dritt speċjali jew esklussiv mogħti minn Stat Membru skond l-Artikolu 86(1) tat-Trattat, jew fdata bl-operat ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali skond l-Artikolu 86(2) tat-Trattat u tirċievi għajnuna mill-Istat f’kull forma li tkun, inklużi kull għotja, għajnuna jew kumpens, rigward dan is-servizz u twettaq attivitajiet oħra;

(e) "attivitajiet differenti" jfissru, min-naħa l-oħra, il-prodotti u s-servizzi kollha li minħabba fihom ingħata dritt speċjali jew esklussiv lil impriża jew is-servizzi kollha ta’ interess ekonomiku ġenerali li ġew fdati f’idejn impriża u, min-naħa l-oħra, kull prodott jew servizz ieħor separat li fihom l-impriża għandha attività;

(f) "drittijiet esklussivi" jfissru drittijiet mogħtija minn Stat Membru lil impriża waħda b’kull strument leġislattiv, regolatorju jew amministrattiv, u li jagħtiha d-dritt li tipprovdi servizz jew twettaq attività f’settur ġeografiku limitat;

(g) "drittijiet speċjali" jfissru drittijiet mogħtija minn Stat Membru lil numru limitat ta’ impriżi, bi strument leġislattiv, regolatorju jew amministrattiv, li, f’settur ġeografiku limitat:

- jillimita għal tnejn jew iżjed in-numru ta’ tali impriżi. Awtorizzati li jipprovdu servizz jew iwettqu attività, minflok skond kriterji oġġettivi, proporzjonali u mhux diskriminatorji, jew

- jinnomina, minflok skond it-tali kriterji, numru ta’ impriżi li jikkompetu, bħala awtorizzati biex jipprovdu servizz jew iwettqu attività, jew

- jagħti lil xi impriża jew impriżi, minflok skond it-tali kriterji, xi vantaġġi legali jew regolatorji li jaffetwaw sostanzjalment l-abbiltà li xi impriża oħra tipprovdi l-istess servizz jew topera l-istess attività fl-istess settur ġeografiku taħt kondizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti.

2. Influenza dominanti mill-parti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi tkun meqjusa meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament rigward impriżi:

(a) ikollhom il-biċċa l-kbira tal-kapital sottoskritt ta’ l-impriżi; jew

(b) jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbutin ma’ l-azzjonijiet maħruġa mill-impriżi; jew

(ċ) jistgħu jaħtru iktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, tat-tmexxija jew tas-superviżuri ta’ l-impriżi."

3. Fl-Artikolu 3, "l-Artikolu 1" huwa mibdul bi "l-Artikolu 1(1)"

4. L-Artikolu 3a huwa mdaħħal:

"L-Artikolu 3a

1. Biex jiżguraw it-trasparenza riferuta fl-Artikolu 1(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li għal kull impriżi meħtieġa biex iżżomm kontijiet separati:

(a) il-kontijiet interni li jikkorrispondu ma’ l-attivitajiet differenti huma separati;

(b) l-ispejjeż u d-dħul kollha huma assenjati u allokati kif suppost fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ "cost accounting" applikati konsistentament u ġustifikabbli b’oġġettività;

(ċ) il-prinċipji tal-"cost accounting" li fuqhom il-kontijiet separati jinbnew huma ċari.

2. Il-Paragrafu 1 japplika biss għal attivitajiet li mhumiex koperti minn disposizzjonijiet speċifiċi provduti mill-Komunità u ma jaffetwa l-ebda obbligu ta’ l-Istati Membri jew l-impriżi li joħroġ mit-Trattat jew mit-tali disposizzjonijiet speċifiċi."

5. L-Artikoli 4 u 5 huma mibdulin b’dan li ġej:

"Artikolu 4

1. Sa fejn it-trasparenza riferuta fl-Artikolu 1(1) hija konċernata, din id-Direttiva ma tapplikax għal relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u

(a) impriżi pubbliċi, rigward servizzi li l-provvista tagħhom mhix se taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri b’livell apprezzabbli;

(b) banek ċentrali;

(ċ) istituzzjonijiet pubbliċi li joffru kreditu, rigward depożiti ta’ fondi pubbliċi li tpoġġew magħhom mill-awtoritajiet pubbliċi skond termini ta’ kummerċ normali;

(d) l-impriżi pubbliċi li l-qligħ nett tagħhom fuq perjodu tas-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik meta l-fondi riferuti fl-Artikolu 1(1) jsiru disponibbli jew użati kien inqas minn 40 miljun EUR. Madankollu, għall-istituzzjonijiet pubbliċi li joffru kreditu, il-limitu li jikkorrispondi għandu jkun total fil-"balance sheet" ta’ mhux aktar minn 800 miljun EUR.

2. Sa fejn it-trasparenza riferuta fl-Artikolu 1(2) hija konċernata, din id-Direttiva ma tapplikax

(a) għall-impriżi, rigward servizzi li l-provvista tagħhom mhix se taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri b’livell apprezzabbli;

(b) għall-impriżi li l-qligħ annwali nett totali fuq il-perjodu tas-sentejn ta’ qabel dik is-sena meta tgawdi minn dritt speċjali jew esklussiv mogħti minn Stat Membru skond l-Artikolu 86(1) tat-Trattat, jew meta ġiet fdata bl-operat ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali skond l-Artikolu 86(2) tat-Trattat huwa inqas minn 40 miljun EUR; iżda, għall-istituzzjonijiet pubbliċi li joffru kreditu l-livell li jikkorrispondi għandu jkun total fil-"balance sheet" ta’ mhux aktar minn 800 miljun EUR;

(ċ) għall-impriżi li ġew fdati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skond l-Artikolu 86(2) tat-Trattat jekk l-għajnuna ta’ l-Istat f’kull forma li tkun, inkluża kull għotja, għajnuna jew kumpens li huma jirċievu kien fiss għal perjodu adattat wara proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li għandha x’taqsam mar-relazzjonijiet finanzjarji riferuti fl-Artikolu 1(1) tinżamm għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni għal ħames snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja ta’ meta l-fondi pubbliċi saru disponibbli lill-impriżi pubbliċi konċernati. Madankollu, billi l-istess fondi huma użati matul sena finanzjarja aktar’ il quddiem, il-limitu ta’ ħames snin jibda jgħodd mill-aħħar ta’ dik is-sena finanzjarja.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-istruttura finanzjarja u ta’ l-organizzazzjoni riferuta fl-Artikolu 1(2) tinżamm għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni għal ħames snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja li għaliha l-informazzjoni qed tirreferi.

3. L-Istati Membri għandhom, fejn il-Kummissjoni tikkunsidra l-bżonn li titlob hekk, jipprovdulha l-informazzjoni riferuta fil-paragrafi 1 u 2, flimkien ma’ kull informazzjoni fl-isfond meħtieġ, l-aktar l-oġġettivi li qed jiġu segwiti."

6. Fl-Artikolu 5a(3), "EKU" hija mibdula b’ "EUR".

7. Fl-Artikolu 6(1), "L-Artikolu 5(2)" huwa mibdul bl-"L-Artikolu 5(3)".

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jimxu ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2001. Huma mbagħad iridu jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 80/723/KEE, kif emendat b’din id-Direttiva, jidħol fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-disposizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati bl-imsemmija referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif it-tali referenza għandha ssir.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tibda sseħħ fl-20 ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta’ Lulju 2000.

Għall-Kummissjoni

Mario Monti

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 195, tad-29.7.1980, pġ. 35.

[2] ĠU L 254, tat-12.10.1993, pġ. 16.

[3] ĠU C 281, tas-26.9.1996, pġ. 3.

[4] ĠU L 83, tat-3.4.1993, pġ. 1.

--------------------------------------------------

Top