EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R0856

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999 tat-22 ta’ April 1999 li jwaqqaf sistema speċjali ta’ għajnuna għall-fornituri tradizzjonali tal-banana ta’ l-ACP

OJ L 108, 27.4.1999, p. 2–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 025 P. 185 - 189
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 027 P. 240 - 244
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 027 P. 240 - 244
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 025 P. 69 - 73

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/11/2003

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/856/oj

31999R0856



Official Journal L 108 , 27/04/1999 P. 0002 - 0006


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 856/1999

tat-22 ta' April 1999

li jwaqqaf sistema speċjali ta' għajnuna għall-fornituri tradizzjonali tal-banana ta' l-ACP

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 130w tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni([1]),

Waqt li kien jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat([2]),

(1) Peress illi l-Unjoni Ewropea hija marbuta bil-pattijiet li għamlet mal-pajjiżi ta' l-ACP skond il-Konvenzjoni ta' Lomé, u b'mod iżjed partikolari l-Protokoll 5 tiegħu, li jfittex li jiggarantixxi li l-Istati ta ' l-ACP iżommu l-vantaġġi li għandhom fis-suq Ewropew, l-aċċess għas-suq f'kondizzjonijiet li m'għandhomx ikunu inferjuri għal dawk li kienu jgawdu qabel u t-titjib fil-produzzjoni u fil-kondizzjonijiet tas-suq fejn għandha x'taqsam il-banana ta' l-ACP;

(2) Peress illi l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 404/93([3]) waqqfet is-sistema biex il-fornituri tradizzjonali ta' l-ACP jibqgħu jgawdu l-vantaġġi li kienu jgawdu fl-imgħoddi;

(3) Peress illi, partikolarment, l-arranġamenti kummerċjali ma' pajjiżi terzi stabbiliti permezz tat-Titolu IV ta' l-imsemmi Regolament kienu maħsuba biex jippermettu li l-banana li tiġi mkabbra fl-Istati ta' l-ACP, li tradizzjonalment jissuplixxu l-Komunità, tinbiegħ fuq is-suq Komunitarju waqt li tipprovdi qliegħ lill-produtturi, konformi mal-wegħda tal-Komunità hawn fuq deskritta;

(4) Peress illi l-arranġamenti kummerċjali ġew emendati bir-Regolament (KE) Nru 1637/98;

(5) Peress illi l-modifiki kummerċjali bidlu sostanzjalment il-kondizzjonijet tas-suq għall-fornituri ta' l-ACP u jistgħu, b'mod partikolari, jagħmlu ħsara lill-fornituri l-aktar żvantaġġati;

(6) Peress illi għaldaqstant se jkunu meħtieġa sforzi partikolari biex il-fornituri tradizzjonali ta' l-ACP jaddattaw ruħhom għal dawn il-kondizzjonijiet ġodda tas-suq biex ikunu jistgħu jżommu preżenza fis-suq Komunitarju u biex il-provisti tradizzjonali ta' l-ACP jingħataw iċ-ċans li jibqgħu jkunu vijabbli;

(7) Peress illi l-għajnuna teknika u finanzjarja, b'żieda ma' dawk ipprovduti fir-raba' Konvenzjoni ta' l-ACP-EC ta' LOM, għandha għalhekk tingħata lil dawk li jissuplixxu tradizzjonalment ta' l-ACP biex tgħinhom jaddattaw ruħhom għall-kondizzjonijiet ġodda tas-suq u b'mod partikolari dawn biex itejbu l-kompetittività; peress illi fl-istess waqt metodi ta' produzzjoni u ta' bejgħ li jkunu ta' fejda għall-ambjent u li wkoll jirrispettaw l-istandards soċjali għandhom jiġu mħeġġa;

(8) Peress illi, minħabba li din l-għajnuna trid tkun irrelatata ma' l-isforzi speċjali li huma meħtieġa minħabba l-forzi ġodda tas-suq, għandhom jiġu ffissati kriterji oġġettivi biex jiġi ddeterminat kemm għandha tkun din l-għajnuna;

(9) Peress illi, biex jiġi żgurat li din l-għajnuna tkun xierqa għall-għanijiet li jkunu qed jiġu prospettati, din l-għajnuna għandha tkun temporanja u għandha tispiċċa bil-mod il-mod u mingħajr skossi;

(10) Billi, biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dawn id-disposizzjonijiet, għandha tiġi stabbilita proċedura li tkun tinvolvi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Sistema speċjali għall-għajnuna teknika u finanzjarja qiegħda hawnhekk titwaqqaf biex tgħin lil dawk li tradizzjonalment jissuplixxu l-banana ta' l-ACP biex jaddattaw ruħhom għall-kondizzjonijiet ġodda tas-suq wara l-emendi li jsiru għall-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-banana bir-Regolament (KE) Nru 1637/98.

2. Din is-sistema speċjali għandha tiġi implimentata għal perjodu ta' mhux aktar minn għaxar snin mill-1 ta' Jannar 1999.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

- " dawk li tradizzjonalment jissuplixxu l-ACP" tfisser il-pajjiżi ta' l-ACP imsemmija fl-Anness,

- " banana" tfisser banana friska jew imnixxfa koperta mill-kodiċi NM 0803, barra mill-plantain.

Artikolu 3

1. Dawk li tradizzjonalment jissuplixxu l-ACP għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna teknika u finanzjarja.

2. L-għajnuna teknika u finanzjarja tingħata fuq talba ta' l-ACP biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-programmi bil-għan:

(a) li tittejjeb il-kompetittività fis-settur tal-banana, partikolarment permezz ta:

- żieda fil-produttività, bla ma ssir ħsara lill-ambjent,

- titjib fil-kwalità, inklużi miżuri fitosanitarji,

- l-adozzjoni ta' metodi tal-produzzjoni, distribuzzjoni u bejgħ biex ilaħħqu ma' l-istandards tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93,

- it-twaqqif ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li għandhom l-għan ta' titjib fil-metodi tal-bejgħ u l-kompetittività tal-prodotti tagħhom u l-iżvilupp ta' sistemi ta' ċertifikazzjoni ta' metodi ta' produzzjoni li huma benefiċċji għall-ambjent, inkluża l-fair trade bananas,

- l-iżvilupp ta' strateġija ta' produzzjoni u/jew ta' bejgħ biex tlaħħaq mal-bżonnijiet tas-suq fid-dawl ta' l-organizzazzjoni komuni tal-Komunità tas-suq tal-banana,

- l-għoti ta' l-għajnuna, l-ipprospettar tas-swieq, l-iżvilupp ta' metodi tal-produzzjoni li jkunu benefiċċji għall-ambjent, inkluża l-fair trade bananas, it-titjib fl-infrastruttura tad-distribuzzjoni u t-titjib fis-servizzi kummerċjali u finanzjarji favur il-produtturi tal-banana;

(b) id-diversifikazzjoni ta' l-appoġġ fejn it-titjib fil-kompetittività fis-settur tal-banana ma jkunx sostenibbli.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-eliġibbilità tal-programmi msemmija fl-Artikolu 3 wara konsultazzjoni mal-fornituri tradizzjonali kkonċernati ta' l-ACP skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 6. Għandha tittieħed konsiderazzjoni speċjali taċ-ċirkostanzi individwali ta' kull proveditur ta' l-ACP, billi jitqies partikolarment il-bżonn ta' soluzzjonijiet speċifiċi għas-Somalja. Din għandha tqis ukoll il-konsistenza tal-progrmm maħsub ma' l-għanijiet ta' żvilupp ġenerali ta' l-Istat ta' l-ACP ikkonċernat u l-koerenza tiegħu mal-kooperazzjoni reġjonali ma' produtturi reġjonali, partikolarment il-produtturi Komunitarji.

Artikolu 5

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responabbli biex tivvaluta, tieħu d-deċiżjonijiet u timmaniġġja operazzjonijiet immexxija taħt dan ir-Regolament, konformi mal-proċeduri ta' l-estimi u l-proċeduri l-oħra li jkunu fis-seħħ, b'mod speċjali dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kull operazzjoni ffinanzjata taħt dan ir-Regolament bi spiża ta' aktar minn 2 miljun EUR, jew kwalunkwe aġġustament ta' operazzjoni bħal din li jkun jinvolvi awment ta' aktar minn 20 % fl-ammont li inizjalment kien hemm qbil dwaru, u proposti għal emendi fundamentali li għandhom jitwettqu bħala riżultat tad-diffikultajiet li tfaċċaw fil-proġetti implimentattivi li jkunu diġà nbdew, għandhom jiġu adottati permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6.

Meta s-somma skorruta msemmija fl-ewwel paragrafu tkun ta' aktar minn 4 miljun EUR iżda anqas minn 20 % ta' dak li ordinarjament ikun ġie mwiegħed, l-opinjoni tal-Kumitat, kif definita fl-Artikolu 6, għandha tintalab bi proċeduri ssimplifikati u aċċellerati.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat fil-qosor dwar id-deċiżjoni ta' finanzjament li bi ħsiebha tieħu rigward proġetti u programmi ta' valur taħt iż-2 miljun EUR. Din l-informazzjoni għandha tingħata mill-anqas ġimgħa qabel tittieħed id-deċiżjoni.

3. Il-ftehim u l-kuntratti finanzjarji kollha konklużi taħt dan ir-Regolament għandhom jipprovdu għal verfiki fuq il-post mill-Kummissjoni u mill-Qorti ta' l-Awdituri skond l-arranġamenti normali stabbiliti mill-Kummissjoni konformi mar-regoli li jkunu fis-seħħ, partikolarment dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. Fejn l-operazzjonijiet joħolqu ftehim finanzjarju bejn il-Komunità u l-pajjiżi li qegħdin jirċievu, dan il-ftehim għandu jistipula li t-taxxi, id-dazji u l-imposti għandhom jitħallsu mill-Komunità.

5. Il-parteċipazzjoni f'sejħiet għal offerti u kuntratti għandhom ikunu miftuħa b'kondizzjonijiet ugwali għall-persuni kollha naturali u legali ta'l-Istati Membri, il-pajjiżi li qed jirċievu u l-Istati ta' l-ACP. Il-parteċipazzjoni tista' tiġi estiża biex tkun tinkludi pajjiżi li qed jiżviluppaw f'każi li jkunu sostanzjati kif imiss u biex jiġi żgurat l-aqwa bilanċ bejn in-nefqa u l-akkwist.

6. Il-provisti għandhom ikunu ġejjin mill-Istati Membri jew mill-Istati ta' l-ACP. F'każijiet eċċezzjonali li jkunu sostanzjati kif imiss, dawn jistgħu jkunu minn pajjiżi oħra li qegħdin jiżviluppaw.

7. Attenzjoni partikolari għandha tingħata għal:

- l-insegwiment tal-bilanċ bejn l-infieq u l-akkwist u l-impatt sostenibbli fl-ippjanar tal-proġetti,

- id-definizzjoni ċara u l-monitoraġġ ta' l-għanijiet u l-indikaturi għall-kisba ta' l-għanijiet tal-proġetti kollha.

8. L-għajnuna pprovduta taħt dan ir-Regolament għandha tikkumplimenta u ssaħħaħ l-għajnuna pprovduta taħt strumenti oħra tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat kompost ġeografikament li jkun kompetenti għall-iżvilupp, u li jkun jikkonsisti minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentanti tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fiż-żmien stipulat li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata minn maġġoranza kif stabbilit fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mistenni li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu aġġustati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, bla dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li tkun irrelatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, wara li jiskadi l-perjodu ta' xahar mid-data tar-referenza lill-Kunsill, il-Kunsill jibqa' lura milli jaġixxi, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 7

1. Fl-ammont globali disponibbli għal matul sena partikolari, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont massimu disponibbli għal kull min tradizzjonalment jissuplixxi l-ACP għall-finanzjament tal-programmi msemmija fl-Artikolu 3(2), fuq il-bażi tad-differenza osservat u b'konsiderazzjoni għall-importanza tal-produzzjoni tal-banana fil-pajjiż ikkonċerant. Fejn ikunu implimentati biss programmi definiti fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)b, il-Kummissjoni għandha talloka ammont paragunabbli ma' dak mogħti lil min jissuplixxi tradizzjonalment l-oħra.

2. Mis-sena 2004 u għal kull sena sussegwenti minn hemm 'il quddiem, ko-effiċjenti ta' riduzzjoni massima ta' 15 % għandu jiġi applikat għal-livell ta' għajnuna disponibbli lil min tradizzjonalment jissuplixxi individwalment l-ACP. Fejn programmi definiti taħt l-Artikolu 3(2)(a) jiġu implimentati, dan il-ko-effiċjent ta' riduzzjoni għandu jitnaqqas b'mod ekwivalenti għaż-żieda li tiġi osservata fil-kompetittività meta mqabbla mas-sena ta' qabel.

3. Regoli dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 8.

Artikolu 8

1. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

3. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jissottomettu lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fiż-żmien stipulat li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza kif stabbilit fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mistenni li jadotta fuq proposti tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu aġġustati bil-mod kif hemm imniżżel f'dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, bla dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta rrelatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, malli jiskadi l-perjodu ta' tliet xhur mid-data tar-referenza lejn il-Kunsill, il-Kunsill jibqa' lura milli jaġixxi, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Sal-31 ta' Diċembru 2000, u kull tliet snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, akkompanjat minn proposti xierqa, dwar l-operat ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsilll.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-22 ta' April 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

W. MÜLLER

ANNESS

LISTA LI HEMM REFERENZA GĦALIHA FL-EWWEL SUB-PARAGRAFU TA' L-ARTIKOLU 2

Fornituri tradizzjonali tal-banana ta' l-ACP

Belize

Kamerun

Kap Verde

Kosta ta' l-Avorju

Domenika

Grenada

Ġamajka

Madagaskar

Santa Luċia

San Vinċenz u l-Grenadini

Somalja

Surinam

[1] ĠU C 364, 25.11.1998, p. 14.

[2] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 Ġunju 1998 (ĠU C 210, 6.7.1998), Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 1998 (ĠU C 364, 25.11.1998) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 Jannar 1999 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 47, 25.2.1993, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1637/98 (ĠU L 210, 28.7.1998, p. 28).

Top