EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0062

Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi

OJ L 187, 20.7.1999, p. 42–50 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 004 P. 372 - 380
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 007 P. 88 - 96
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 007 P. 88 - 96
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 006 P. 34 - 42

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/03/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/62/oj

31999L0062



Official Journal L 187 , 20/07/1999 P. 0042 - 0050


Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-17 ta' Ġunju 1999

dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 71(1) u 93 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Jaġixxu f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) L-eliminazzjoni ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn intrapriżi tat-trasport fl-Istati Membri teħtieġ kemm l-armonizzazzjoni ta' sistemi ta' taxxi kif ukoll l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ġusti għall-impożizzjoni ta' ħlas għall-ispejjeż ta' infrastruttura fuq dawk li jġorru l-merkanzija bl-art;

(2) Dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu biss fi stadji;

(3) Diġà inkiseb ċertu grad ta' armonizzazzjoni tas-sistemi ta' taxxi permezz ta' l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-istrutturi ta' dazji żejda fuq żjut minerali [5] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tar-rati ta' dazji fuq żjut minerali [6];

(4) B'sentenza tal-5 ta' Lulju 1995 fil-Każ C-21/94 il-Parlament Ewropew v. Il-Kunsill [7] il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej annullat id-Direttiva tal-Kunsill 93/89/KEE tal-25 ta' Ottubru 1993 dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta' taxxi fuq ċerti vetturi użati għat-trasport ta' merkanzija bl-art permezz ta' ħlasijiet fuq l-użu u ħlasijiet fuq l-utent għal ċerti infrastrutturi [8], waqt li ppreservat l-effetti ta' dik id-Direttiva sakemm il-Kunsill ikun adotta Direttiva ġdida; għalhekk, id-Direttiva 93/89/KEE hija mibdula b'din id-Direttiva;

(5) Taħt iċ-ċirkostanzi preżenti l-aġġustament ta' sistemi nazzjonali ta' taxxi għandu jkun limitat għal vetturi kummerċjali ta' iktar minn ċertu toqol gross mgħobbi;

(6) Għal dan il-għan, għandhom jiġu ffissati rati minimi għat-taxxi fuq vetturi fil-preżent applikati mill-Istati Membri jew għal dawk li jistgħu jintużaw minflokhom;

(7) L-użu ta' vetturi tajbin għal fuq it-toroq u li jniġġsu inqas għandu jiġi mħeġġeġ permezz ta' differenzazzjoni ta' taxxi jew ħlasijiet, sakemm din id-differenzazzjoni ma tfixkilx il-ħidma tas-suq intern;

(8) Huwa xieraq li ċerti Stati Membri jingħataw perjodu ta' deroga mill-minima sabiex tiġi ffaċilitata l-addattazzjoni tal-livelli meħtieġa minn din id-Direttiva;

(9) Ċerti operazzjonijiet ta' trasport lokali u domestiċi li jkollhom impatt żgħir ħafna fuq is-suq ta' trasport Komunitarju huma fil-preżent soġġetti għal rati mnaqqsa ta' taxxa fuq vetturi; sabiex tiġi assigurata transizzjoni mingħajr tfixkil, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati sabiex jistabbilixxu derogi temporanji mir-rati minimi;

(10) L-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw rati mnaqqsin jew eżenzjonijiet ta' taxxi fuq vetturi fil-każ ta' vetturi li l-użu tagħhom mhuwiex mistenni li jaffettwa s-suq tat-trasport Komunitarju;

(11) Sabiex issir konċessjoni għal ċerti sitwazzjonijiet speċjali, għandha tiġi stipulata proċedura li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jitħallew iżommu eżenzjonijiet jew riduzzjonijiet oħra;

(12) Id-distorsjoni eżistenti fil-kompetizzjoni ma tistax tiġi eliminata biss permezz ta' l-armonizzazzjoni ta' taxxi jew dazji fuq il-karburanti; madanakollu, sakemm jidħlu fis-seħħ forom ta' taxxi li huma iktar addattati fuq livell tekniku u ekonomiku, dan it-tgħawwiġ jista' jiġi mitigat bil-possibbiltà li jinżammu jew jiddaħħlu ħlasijiet għall-użu u/jew ħlasijiet fuq l-utenti ta' awtostradi; barra minn hekk l-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu ħlasijiet fuq l-użu ta' pontijiet, mini u passaġġi fil-muntanji;

(13) Minħabba l-kondizzjonijiet speċifiċi fuq ċerti rotot Alpini, jista' jkun xieraq għal Stat Membru sabiex ma japplikax sistema ta' ħlas fuq l-utent minn sezzjoni definita sew tas-sistema ta' awtostradi tiegħu sabiex jippermetti l-applikazzjoni ta' ħlas relatat ma' l-infrastruttura;

(14) Nolijiet għall-użu tat-toroq u ħlasijiet fuq l-utenti ma għandhomx ikunu diskriminatorji u l-anqas ma għandhom jinvolvu formalitajiet eċċessivi jew joħolqu xkiel fil-fruntieri interni; għalhekk għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex jitħalla jsir il-ħlas ta' ħlasijiet għall-użu tat-toroq u ħlasijiet fuq l-utenti f'kull ħin u b'modi differenti ta' ħlas;

(15) Ir-rati ta' ħlasijiet fuq l-utenti għandhom ikunu bbażati fuq it-tul tal-ħin ta' l-użu li jsir mill-infrastruttura inkwistjoni u għandhom ikunu differenzjati skond l-ispejjeż ikkawżati mill-vetturi tat-toroq;

(16) Rati mnaqqsa ta' ħlasijiet fuq l-utenti għandhom jiġu applikati temporanjament għal vetturi rreġistrati fil-Greċja minħabba d-diffikultajiet dovuti għall-pożizzjoni ġeopolitika tagħha;

(17) Sabiex jiġi żgurat li ħlasijiet fuq l-utenti u ħlasijiet għall-użu tat-toroq jiġu applikati b'mod omoġenju, għandhom jiġu stipulati ċerti regoli li jiddeterminaw il-mod kif għandhom jiġu applikati, bħal karatteristiċi ta' l-infrastuttura li għalihom japplikaw, il-livelli massimi ta' ċerti rati u kondizzjonijiet ġenerali oħrajn li jridu jiġu osservati; ħlasijiet medji skond it-toqol għandhom ikunu relatati ma' l-ispejjeż ta' kostruzzjoni, operazzjoni u żvilupp tas-sistema ta' infrastruttura kkonċernata;

(18) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jattribwixxu lejn il-ħarsien ta' l-ambjent u lejn l-iżvilupp ibbilanċat ta' sistemi tat-trasport, persentaġġ ta' l-ammont tal-ħlas fuq l-utent jew tal-ħlas għall-użu tat-toroq, sakemm dan l-ammont jiġi kkalkulat b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva;

(19) L-ammonti f'din id-Direttiva espressi f'unitajiet ta' munita nazzjonali ta' l-Istati Membri li jadottaw il-euro kienu ġew iffissati fl-1 ta' Jannar 1999 meta l-valur tal-euro ġie stabbilit skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 tal-31 ta' Diċembru 1998 dwar ir-rati ta' kambju bejn il-euro u l-muniti ta' l-Istati Membri li jadottaw il-euro [9]; huwa xieraq li l-Istati Membri li ma jadottawx il-euro għandhom jirrevedu annwalment l-ammonti f'din id-Direttiva f'muniti nazzjonali u jaġġustawhom kif xieraq sabiex jieħdu inkonsiderazzjoni l-bidliet fir-rati ta' kambju; aġġustamenti annwali fil-muniti nazzjonali ma jistgħux ikunu obbligatorji jekk il-bidla li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-rati ta' kambju l-ġodda tkun inqas minn ċertu livell perċentwali;

(20) Il-prinċipju tat-territorjalità għandu jiġi applikat; żewġ Stati Membri jew iżjed jistgħu jikkooperaw bl-għan li jintroduċu sistema komuni ta' ħlasijiet fuq l-utenti, soġġett għal konformità ma xi kondizzjonijiet addizzjonali;

(21) F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, din id-Direttiva tillimita ruħha għall-minimu meħtieġ għall-ilħuq ta' l-għanijiet taħt it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat;

(22) Għandha tiġi ffissata skeda stretta għar-revisjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u sabiex jiġu kkunsidrati aġġustamenti għalihom, jekk meħtieġa, bl-għan li tiġi żviluppata sistema ta' taxxi iktar territorjali,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tapplika għal taxxi fuq vetturi, ħlasijiet għall-użu ta' toroq u ħlasijiet fuq l-utenti imposti fuq vetturi kif definiti fl-Artikolu 2.

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa vetturi li jwettqu operazzjonijiet ta' trasport esklussivament fit-territorji mhux Ewropej ta' l-Istati Membri.

Anqas ma għandha taffetwa vetturi rreġistrati fil-Gżejjer Kanarji, Ċewta u Melilla, l-Ażores jew Madejra u li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport esklussivament f'dawk it-territorji jew bejn dawk it-territorji u, rispettivament, il-partijiet prinċipali ta' Spanja u tal-Portugall.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "awtostrada" tfisser triq iddisinjata u mibnija speċjalment għal traffiku tal-karrozzi, li ma twassalx għal proprjetajiet li jmissu magħha, u li:

(i) hija pprovduta, għajr f'punti speċjali jew b'mod temporanju, b'karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, separati minn xulxin jew bi strippa diviżorja mhux intenzjonata għat-traffiku jew, b'mod eċċezzjonali, permezz ta' mezzi oħra;

(ii) ma taqsamx fi grad ma ebda triq, linji tal-ferroviji jew linji tat-tramm, jew bankini;

(iii) hija msemmija speċifikament bħala awtostrada;

(b) "ħlas għall-użu tat-triq" tfisser ħlas ta' ammont speċifikat għal vettura li tkun qiegħda tivvjaġġa bejn żewġ punti fuq l-infrastrutturi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(2); l-ammont għandu jkun ibbażat fuq id-distanza vvjaġġata u t-tip tal-vettura;

(ċ) "ħlas fuq l-utent" tfisser ħlas ta' ammont speċifikat li jagħti d-dritt lil vettura li tuża għal perjodu speċifiku l-infrastrutturi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(2);

(d) "vettura" tfisser vettura bil-mutur jew kombinazzjoni ta' vettura artikulata intenzjonata esklussivament għat-trasport ta' merkanzija bl-art u li għandha toqol mgħobbi massimu permessibbli ta' mhux inqas minn 12-il tunnellata;

(e) "Vettura EURO I" tfisser vettura li għandha l-karatteristiċi stipulati fil-linja A tal-lista fit-Taqsima 8.3.1.1 ta' l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/77/KEE tat-3 ta' Diċembru 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-miżuri li jridu jittieħdu kontra l-emissjoni ta' sustanzi gassużi li jniġġsu u partikolati minn magni tad-diesel għal użu f'vetturi [10];

(f) "Vettura EURO II" tfisser vettura li għandha l-karatteristiċi stipulati fil-linja B tal-lista fit-taqsima 8.3.1.1 ta' l-Anness I tad-Direttiva 88/77/KEE.

IL-KAPITOLU II

Tassazzjoni tal-vetturi

L-Artikolu 3

1. It-taxxi fuq il-vetturi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu huma kif ġej:

- Il-Belġju:

taxe de circulation sur les véhicules automobiles/verkeersbelasting op de autovoertuigen,

- Id-Danimarka:

vaegtafgift of motorkeretrajer m.v.,

- Il-Ġermanja:

Kraftfahrzeugsteuer,

- Il-Greċja:

Τέλη κυκλοφορίας

- Spanja:

(a) impuesto sobre vehiculos de traccion mecanica;

(b) impuesto sobre actividades economicas (fir-rigward ta' l-ammont ta' taxxa mitluba għal vetturi b'mutur biss),

- Franza:

(a) taxe spéciale sur certains véhicules routiers;

(b) taxe différentielle sur les véhicules a moteur,

- L-Irlanda:

vehicle excise duty,

- L-Italja:

(a) tassa automobilistica;

(b) addizionale del 5 % sulla tassa automobilistica,

- Il-Lussemburgu:

taxe sur les véhicules automoteurs,

- L-Olanda:

motorrijtuigenbelasting,

- L-Awstrija:

Kraftfahrzeugsteuer,

- Il-Portugall:

(a) imposto de camionagem;

(b) imposto de circulaçao,

- Il-Finlandja:

varsinainen ajoneuvovero/egentlig fordonsskatt,

- L-Isvezja:

fordonsskatt,

- Ir-Renju Unit:

(a) vehicle excise duty;

(b) motor vehicles licence.

2. L-Istati Membri li jbiddlu kwalunkwe taxxa elenkata fil-paragrafu 1 b'taxxa oħra ta' l-istess xorta għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel l-emendi meħtieġa.

L-Artikolu 4

Il-proċeduri għall-impożizzjoni u ġbir tat-taxxi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3 għandhom jiġu stabbiliti minn kull Stat Membru.

L-Artikolu 5

Fir-rigward ta' vetturi rreġistrati fl-Istati Membri, it-taxxi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3 għandhom jiġu imposti biss mill-Istat Membru ta' reġistrazzjoni.

L-Artikolu 6

1. Tkun xi tkun l-istruttura tat-taxxi li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rati b'mod li jagħmlu ċert li r-rata ta' taxxa għal kull kategorija jew sottokategorija ta' vettura li hemm referenza għaliha fl-Anness I ma tkunx iktar baxxa mill-minimu stipulat f'dak l-Anness.

Sa sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja għandhom ikunu awtorizzati li japplikaw rati li huma iktar baxxi minn, iżda mhux inqas minn, 65 % tal-minima stipulati fl-Anness I.

2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa jew eżenzjonijiet għal:

(a) vetturi użati għal skopijiet ta' difiża nazzjonali jew ċivili, minn servizzi tan-nar jew ta' emerġenza oħrajn u mill-pulizija, u vetturi użati għall-manutenzjoni tat-toroq;

(b) vetturi li jivvjaġġaw b'mod okkażjonali biss fuq it-toroq pubbliċi ta' l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni huma wżati minn persuni naturali jew ġuridiċi li l-okkupazzjoni prinċipali tagħhom mhix it-trasport ta' merkanzija, sakemm l-operazzjonijiet ta' trasport imwettqa minn dawn il-vetturi ma jikkawżawx tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, u soġġett għall-kunsens tal-Kummissjoni.

3. (a) Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil Stat Membru biex imantni aktar eżenzjonijiet jew riduzzjonijiet minn taxxi fuq vetturi minħabba raġunijiet ta' politika speċifika tat-tip soċjo-ekonomika jew marbuta ma' l-infrastruttura ta' dak l-Istat. Dawn l-eżenzjonijiet jew tnaqqis jista' japplika biss għal vetturi rreġistrati f'dak l-Istat Membru li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport esklussivament ġewwa parti definita sew tat-territorju tiegħu.

(b) Kull Stat Membru li jixtieq imantni eżenzjoni jew riduzzjoni ta' dan it-tip għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan u għandu jgħaddilha wkoll kull informazzjoni meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar l-eżenzjoni jew ir-riduzzjoni proposti fi żmien xahar.

Il-Kunsill għandu jitqies li jkun awtorizza l-manteniment ta' l-eżenzjoni jew riduzzjoni proposta jekk, fi żmien perjodu ta' xahrejn mid-data meta l-Istati Membri l-oħra kienu ġew infurmati b'mod konformi ma' l-ewwel subparagrafu, la l-Kummissjoni u lanqas kwalunkwe Stat Membru ma jkun talab li l-kwistjoni tiġi eżaminata mill-Kunsill.

4. Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu jew għall-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar it-twaqqif ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport kombinat ta' merkanzija bejn Stati Membri [11], l-Istati Membri ma jistgħu jagħtu ebda eżenzjoni jew riduzzjoni mit-taxxi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3 li jagħmlu t-taxxa applikabbli iktar baxxa mill-minimu li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

IL-KAPITOLU III

Ħlas għall-użu ta' triq u ħlas fuq l-utent

L-Artikulo 7

1. L-Istati Membri jistgħu jmantnu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu ta' toroq u ħlasijiet imposti fuq l-utent taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 10.

2. (a) Ħlasijiet għall-użu ta' toroq u ħlasijiet fuq l-utent għandhom jiġu imposti biss fuq utenti ta' awtostradi jew toroq oħra b'diversi mogħdijiet b'karatteristiċi simili għal awtostradi, jew utenti ta' pontijiet, mini u passaġġi fil-muntanji.

Madanakollu, fi Stat Membru fejn ma teżisti ebda sistema ġenerali ta' awtostradi jew karreġġati b'karatteristiċi simili, jistgħu jiġu imposti ħlasijiet għall-użu ta' toroq u ħlasijiet fuq l-utent f'dak l-Istat fuq utenti ta' l-ogħla kategorija ta' triq mill-perspettiva teknika.

(b) Wara konsultazjonijiet mal-Kummissjoni, u b'mod konformi mal-proċedura stipulata fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 1962 li tistitwixxi proċedura għall-eżaminazzjoni u konsultazzjoni minn qabel fir-rigward ta' ċerti liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar trasport propost fl-Istati Membri [12].

(i) ħlas għall-użu ta' triq u ħlasijiet fuq l-utent jistgħu jiġu imposti wkoll fuq utenti ta' sezzjonijiet oħra tas-sistema ta' toroq prinċipali, b'mod partikolari

- meta jkun hemm raġunijiet ta' sigurtà għal dan,

- fi Stat Membru fejn ma teżisti ebda sistema koerenti ta' awtostradi jew karreġġati doppji b'karatteristiċi simili fil-parti maġġuri ta' l-Istat, f'dik il-parti tal-pajjiż, iżda biss fuq toroq użati għat-trasport internazjonali u interreġjonali ta' merkanzija tqila, sakemm id-domanda tat-traffiku u d-densità tal-popolazzjoni ma jiġġustifikawx ekonomikament il-kostruzzjoni ta' awtostradi jew ta' toroq b'karreġġati doppji b'karattersitiċi simili;

(ii) jistgħu jsiru arranġamenti speċjali għal żoni fil-fruntieri mill-Istati Membri kkonċernati;

(iii) l-Awstrija tista' teżenta mill-ħlas Awstrijak impost fuq l-utent il-biċċa awtostrada bejn Kufstein u Brenner.

3. Ħlas għall-użu ta' triq u ħlasijiet fuq l-utent ma jistgħux jiġu imposti fl-istess ħin għall-użu ta' sezzjoni waħda tat-triq. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jimponu wkoll ħlas għall-użu ta' triq fuq sistemi ta' toroq fejn jeżistu ħlasijiet fuq l-utenti fir-rigward ta' pontijiet, mini u passaġġi fil-muntanji.

4. Ħlas għall-użu ta' triq u ħlasijiet fuq l-utent ma jistgħux jiddiskriminaw, direttament jew indirettament, fuq il-bażi tan-nazzjonalità tat-trasportatur tal-merkanzija jew ta' l-oriġini jew destinazzjoni tal-vettura.

5. Ħlas għall-użu ta' triq u ħlasijiet fuq l-utent għandhom jiġu applikati u miġbura u l-ħlas tagħhom għandu jiġi sorveljat b'tali mod li jikkawża kemm jista' jkun mill-inqas xkiel għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' traffiku u li jevita kull kontroll obbligatorju fuq il-fruntieri interni tal-Komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxu metodi li jippermettu lit-trasportaturi tal-merkanzija sabiex jagħmlu l-ħlasijiet fuq l-utenti 24 siegħa kuljum, għallinqas fil-ħwienet ewlenin, permezz ta' mezzi ta' ħlas normali, ġewwa u barra l-Istati Membri fejn huma applikati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu faċilitajiet adegwati fil-punti ta' ħlas ta' ħlasijiet għall-użu ta' toroq u dawk fuq l-utenti sabiex imantnu livelli normali ta' sigurtà fit-toroq.

6. Stat Membru jista' jistipula li vetturi rreġistrati f'dak l-Istat Membru jkunu soġġetti għal ħlasijiet fuq l-utenti għall-użu tas-sistema ta' toroq kollha fit-territorju tiegħu.

7. Ħlasijiet fuq l-utenti, inklużi spejjeż amministrattivi, għall-kategoriji kollha ta' vetturi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat fuq livell li ma jkunx iktar għoli mir-rati massimi stabbiliti fl-Anness II.

Fl-1 ta' Lulju 2002 u kull tieni sena minn dakinhar 'il quddiem għandhom jiġu riveduti dawn ir-rati massimi. Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti għal aġġustamenti xierqa u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuqhom, b'mod konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat.

L-Istati Membri li japplikaw ħlas fuq l-utenti għandhom, sa sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, japplikaw riduzzjoni ta' 50 % fir-rati ta' ħlasijiet għall-utenti fir-rigward ta' vetturi rreġistrati fil-Greċja minħabba l-pożizzjoni ġeopolitika tagħha. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tawtorizza estensjoni ta' din ir-riduzzjoni minn dawn l-Istati Membri minn sena għal sena.

8. Rati ta' ħlas fuq l-utenti għandhom ikunu proporzjonati għat-tul ta' l-użu magħmul mill-infrastruttura.

Stat Membru jista' japplika biss rati annwali għal vetturi rreġistrati f'dak l-Istat.

9. Il-ħlasijiet għall-użu ta' toroq skond it-toqol għandhom ikunu relatati ma' l-ispejjeż tal-bini, ta' l-operazzjoni u ta' l-iżvilupp tas-sistema ta' l-infrastruttura kkonċernata.

10. Mingħajr preġudizzju għall-ħlasijiet għall-użu ta' toroq skond it-toqol li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 9, l-Istati Membri jistgħu jvarjaw ir-rati li bihom huma imposti dawn il-ħlasijiet skond:

(a) il-klassijiet ta' emissjoni tal-vetturi, sakemm ebda ħlas ma jkun iktar minn 50 % ogħla mill-ħlas impost għal vetturi ekwivalenti li jissodisfaw il-livelli ta' emissjoni l-iktar stretti;

(b) il-ħin tal-ġurnata, sakemm ebda ħlas ma jkun iżjed minn 100 % ogħla mill-ħlas impost waqt l-iktar perjodu rħis tal-ġurnata.

Kull varjazzjoni fil-ħlasijiet imposti fir-rigward ta' klassijiet ta' emissjoni ta' vetturi jew tal-ħin tal-ġurnata għandhom ikunu proporzjonati ma' l-għan segwit.

L-Artikolu 8

1. Żewġ Stati Membri jew iżjed jistgħu jikkooperaw billi jintroduċu sistema komuni għal ħlasijiet imposti fuq l-utenti applikabbli fit-territorji tagħhom komplessivament. F'dak il-każ, dawk l-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert li l-Kummissjoni tkun involuta f'dan mill-qrib u fit-tħaddim sussegwenti tas-sistema kif ukoll fl-emenda possibbli tagħha.

2. Sistema komuni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin flimkien ma' dawk fl-Artikolu 7:

(a) ir-rati komuni ta' ħlasijiet imposti fuq l-utenti għandhom jiġu ffissati mill-Istati Membri li jipparteċipaw fuq livelli li mhumiex iktar għoljin mir-rati massimi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(7);

(b) meta jsir il-ħlas komuni fuq l-utent dan għandu jagħti aċċess għas-sistema ta' toroq kif definita mill-Istati Membri li jipparteċipaw b'mod konformi ma' l-Artikolu 7(2);

(ċ) Stati Membri oħrajn jistgħu jissieħbu fis-sistema komuni;

(d) għandha tinħadem skala mill-Istati Membri li jipparteċipaw li permezz tagħha kull wieħed minnhom għandu jirċievi sehem ġust mid-dħul li jirriżulta mill-ħlasijiet fuq l-utenti.

IL-KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 9

1. Din id-Direttiva ma għandhiex twaqqaf l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta':

(a) taxxi jew ħlasijiet speċifiċi:

- intaxxati fuq ir-reġistrazzjoni tal-vettura, jew

- imposti fuq vetturi jew tagħbijiet ta' toqol jew dimensjonijiet mhux normali;

(b) ħlasijiet għall-parkeġġ u ħlasijiet speċifiċi tat-traffiku urban;

(ċ) ħlasijiet regolatorji mfassla speċifikament biex jikkumbattu l-konġestjoni tat-traffiku relatata mal-ħin u mal-post.

2. Lanqas ma għandha din id-Direttiva żżomm lill-Istati Membri milli jattribwixxu lejn il-ħarsien ta' l-ambjent u lejn l-iżvilupp ibbilanċat ta' sistemi tat-trasport, persentaġġ ta' l-ammont tal-ħlas fuq l-utent jew tal-ħlas għall-użu tat-toroq, sakemm dan l-ammont jiġi kkalkulat b'mod konformi ma' l-Artikolu 7(7) u (9).

L-Artikolu 10

1. Għall-iskop ta' din id-Direttiva, ir-rati ta' kambju bejn il-euro u l-muniti nazzjonali ta' l-Istati Membri li ma adottawx il-euro għandhom ikunu dawk fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ottubru u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej; għandu jkollhom effett mill-1 ta' Jannar tas-sena kalendarja ta' wara.

2. L-Istati Membri li ma adottawx il-euro jistgħu jżommu l-ammonti fis-seħħ fil-ħin ta' l-aġġustament annwali magħmul taħt il-paragrafu 1 jekk il-kambju ta' l-ammonti espressi f'euro jirriżulta f'bidla ta' inqas minn 5 % meta espressi f'muniti nazzjonali.

L-Artikolu 11

1. Sad-dati li hemm referenza għalihom fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(7), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, waqt li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fit-teknoloġija u fil-konġestjoni tat-traffiku.

2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn sitt xhur qabel id-dati li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tħejji r-rapport hawn fuq imsemmi.

3. L-Istati Membri li jintroduċu sistemi elettroniċi għall-ħlasijiet imposti fuq l-użu tat-toroq u fuq l-utenti għandhom jikkooperaw bl-għan li jiksbu livell xieraq ta' interoperabbiltà.

L-Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Lulju 2000. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn b'dan.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-17 ta' Ġunju 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-Robles

Għall-Kunsill

Il-President

F. Müntefering

[1] ĠU C 59, tas-26.2.1997, p. 9.

[2] ĠU C 206, tas-7.7.1997, p. 17.

[3] Opinjoni mogħtija fit-3 ta' Ġunju 1999 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 1997 (ĠU C 286, tat-22.9.1997, p. 217), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 1999 (ĠU C 58, ta' l-1.3.1999, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 1999 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 316, tal-31.10.1992, p. 12. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 94/74/KE (ĠU L 365, tal-31.12.1994, p. 46).

[6] ĠU L 316, tal-31.10.1992, p. 19. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 94/74/KE. [1995] ECR I-1827.

[7] ĠU L 36, tad-9.2.1988, p. 33. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 96/1/KE (ĠU L 40, tas-17.2.1996, p. 1).

[8] ĠU L 279, tat-12.11.1993, p. 32.

[9] ĠU L 359, tal-31.12.1998, p. 1.

[10] ĠU L 36, tad-9.2.1988, p. 33. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 96/1/KE (ĠU L 40, tas-7.2.1996, p. 1).

[11] ĠU L 368, tas-17.12.1992, p. 38.

[12] ĠU 23, tat- 3.4.1962, p. 720/62. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 73/402/KEE (ĠU L 347, tas-7.12.1973, p. 48),

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

RATI MINIMI TA' TAXXA LI GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI GĦAL VETTURI

Vetturi b'Mutur

Numru ta' fusien u t-toqol gross mgħobbi massimu permissibbli (f'tunnellati) | Rata minima ta' taxxa (f'euro/sena) |

Mhux inqas minn | Inqas minn | Fus/fusien tas-sewqan b'sospensjoni ta' l-arja jew ekwivalenti rikonoxxut(i) | Sistemi ta' sospensjoni oħrajn tal-fus/fusien tas-sewqan |

Żewġ fusien

12 | 13 | 0 | 31 |

13 | 14 | 31 | 86 |

14 | 15 | 86 | 121 |

15 | 18 | 121 | 274 |

Tliet fusien

15 | 17 | 31 | 54 |

17 | 19 | 54 | 111 |

19 | 21 | 111 | 144 |

21 | 23 | 144 | 222 |

23 | 25 | 222 | 345 |

25 | 26 | 222 | 345 |

Erba' fusien

23 | 25 | 144 | 146 |

25 | 27 | 146 | 228 |

27 | 29 | 228 | 362 |

29 | 31 | 362 | 537 |

31 | 32 | 362 | 537 |

Numru ta' fusien u t-toqol gross mgħobbi massimu permissibbli (f'tunnellati) | Rata minima ta' taxxa (f'euro/sena) |

Mhux inqas minn | Inqas minn | Fus/fusien tas-sewqan b'sospensjoni ta' l-arja jew ekwivalenti rikonoxxut(i) | Sistemi ta' sospensjoni oħrajn tal-fus/fusien tas-sewqan |

fusien 2 + 1

12 | 14 | 0 | 0 |

14 | 16 | 0 | 0 |

16 | 18 | 0 | 14 |

18 | 20 | 14 | 32 |

20 | 22 | 32 | 75 |

22 | 23 | 75 | 97 |

23 | 25 | 97 | 175 |

25 | 28 | 175 | 307 |

fusien 2 + 2

23 | 25 | 30 | 70 |

25 | 26 | 70 | 115 |

26 | 28 | 115 | 169 |

28 | 29 | 169 | 204 |

29 | 31 | 204 | 335 |

31 | 33 | 335 | 465 |

33 | 36 | 465 | 706 |

36 | 38 | 465 | 706 |

fusien 2 + 3

36 | 38 | 370 | 515 |

38 | 40 | 515 | 700 |

fusien 3 + 2

36 | 38 | 327 | 454 |

38 | 40 | 454 | 628 |

40 | 44 | 628 | 929 |

fusien 3 + 3

36 | 38 | 186 | 225 |

38 | 40 | 225 | 336 |

40 | 44 | 336 | 535 |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

AMMONTI MASSIMI F'EURO TA' ĦLASIJIET FUQ L-UTENTI, INKLUŻI SPEJJEŻ AMMINISTRATTIVI, LI HEMM REFERENZA GĦALIHOM FL-ARTIKOLU 7(7)

Annwali

| massimu tliet fusien | minimu erba' fusien |

MHUX EURO | 960 | 1550 |

EURO I | 850 | 1400 |

EURO II u iktar nadif | 750 | 1250 |

Fix-xahar u fil-ġimgħa

Rati massimi fix-xahar u fil-ġimgħa huma fi proporzjon għat-tul ta' l-użu magħmul mill-infrastruttura.

Kuljum

Il-ħlas ta' kuljum fuq l-utent għall-kategoriji kollha ta' vetturi jammonta għal EUR 8.

--------------------------------------------------

Top