EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0037

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi

OJ L 138, 1.6.1999, p. 57–65 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 004 P. 351 - 359
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 007 P. 74 - 82
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 007 P. 74 - 82
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 005 P. 18 - 26

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/03/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/37/oj

31999L0037



Official Journal L 138 , 01/06/1999 P. 0057 - 0065


Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE

tad-29 ta' April 1999

dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75(1)(d) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Jaġixxi b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

(1) Billi l-Komunità adottat ċertu numru ta' miżuri bil-ħsieb li joħolqu suq intern li jkun jikkonsisti f'żona mingħajr fruntieri li ġewwa fiha jkun garantit il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

(2) Billi l-Istati Membri kollha jeħtieġu li s-sewwieq ta' vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor ikollu ċertifikat ta' reġistrazzjoni li jkun jikkorrispondi ma' dik il-vettura, sabiex din tkun tista' tintuża fit-toroq tat-territorju tagħhom;

(3) Billi l-armonizzazzjoni tal-forma u tal-kontenut taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandha tiffaċilita l-ftehim tiegħu u b'hekk tippromwovi l-moviment liberu, fuq it-toroq fit-territorju ta' l-Istati Membri l-oħra, ta' vetturi rreġistrati fi Stat Membru;

(4) Billi l-kontenut taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jrid jippermetti li jiġi kkontrollat il-fatt li l-pussessur ta' liċenzja tas-sewqan maħruġa taħt id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan [4] isuq biss dawk il-kategoriji ta' vetturi li huwa jkun awtorizzat li jsuq; billi dan il-kontroll jgħin biex tittejjeb is-sigurtà fit-toroq;

(5) Billi, bħala prerekwiżit għar-reġistrazzjoni ta' vettura li tkun ġiet irreġistrata qabel fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri kollha jeħtieġu dokument li jiċċertifika dik ir-reġistrazzjoni u l-karatteristiċi tekniċi tal-vettura;

(6) Billi l-armonizzazzjoni taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandha tiffaċilita d-dħul fis-servizz mill-ġdid ta' vetturi li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor, u għandha tikkontribwixxi lejn il-ħidma tajba tas-suq intern;

(7) Billi l-Istati Membri jużaw ċertifikat ta' reġistrazzjoni li jikkonsisti jew f'parti waħda jew f'żewġ partijiet separati, u billi fil-preżent huwa xieraq li ż-żewġ sistemi jitħallew jikkoeżistu;

(8) Billi jibqgħu xi differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' l-interpretazzjoni tad-dettalji li jinsabu fiċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni; billi, fl-interessi tal-ħidma tajba tas-suq intern u tal-moviment liberu u tal-kontrolli li dawn jinvolvu, huwa għalhekk xieraq li jiġi speċifikat f'liema kapaċità l-persuni imsemmija fiċ-ċertifikat jistgħu jużaw il-vettura fir-rigward ta' liema kien ġie maħruġ iċ-ċertifikat;

(9) Billi, sabiex jiġu ffaċilitati dawk il-kontrolli intenzjonati speċifikament biex jiġġieldu kontra l-qerq u l-kummerċ illeċitu f'vetturi misruqa, huwa xieraq li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq skambju effettiv ta' informazzjoni;

(10) Billi huwa xieraq li jkun hemm proċedura ssimplifikata għall-aġġustament ta' l-aspetti tekniċi li jinsabu fl-Annessi I u II

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dokumenti maħruġin mill-Istati Membri fil-ħin tar-reġistrazzjoni ta' vetturi.

Ma għandhiex tippreġudika d-dritt ta' Stati Membri li jużaw, għar-reġistrazzjoni temporanja ta' vetturi, dokumenti li jistgħu ma jissodisfawx il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva f'kull aspett.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "vettura": għandha tfisser kull vettura kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [5] u fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur li għandhom żewġ jew tliet roti [6];

(b) "reġistrazzjoni": għandha tfisser l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz ta' vettura fit-traffiku tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-vettura u l-ħruġ tan-numru tas-serje għaliha, li għandu jissejjaħ in-numru ta' reġistrazzjoni;

(ċ) "iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni": għandu jfisser id-dokument li jiċċertifika li l-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru;

(d) "detentur taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni": għandha tfisser il-persuna li l-vettura tkun irreġistrata f'isimha.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom joħorġu ċertifikat ta' reġistrazzjoni għal vetturi li huma soġġetti għal reġistrazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Iċ-ċertifikat għandu jikkonsisti jew f'parti waħda b'mod konformi ma' l-Anness I jew f'żewġ partijiet b'mod konformi ma' l-Annessi I u II.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lis-servizzi li huma jappuntaw għal dan il-għan, b'mod partikolari dawk tal-fabbrikanti, sabiex jimlew il-partijiet tekniċi taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni.

2. Fejn jinħareġ ċertifikat ta' reġistrazzjoni ġdid għal vettura reġistrata qabel l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jużaw mudell ta' ċertifikazzjoni kif definit f'din id-Direttiva u jistgħu jillimitaw id-dettalji li jidhru fih għal dawk li għalihom tkun disponibbli l-informazzjoni meħtieġa.

3. L-informazzjoni mogħtija fiċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni, b'mod konformi ma' l-Annessi I u II, għandha tiġi rappreżentata mill-kodiċi armonizzati tal-Komunità murija f'dawk l-Annessi.

L-Artikolu 4

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra, għall-identifikazzjoni tal-vettura fi traffiku internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 5

1. Għall-iskopijiet ta' l-identifikazzjoni ta' vettura fit-traffiku tat-triq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li s-sewwieq iżomm miegħu il-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni.

2. Bil-għan li tiġi rreġistrata mill-ġdid vettura li qabel kienet reġistrata fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeħtieġu li tiġi ppreżentata l-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni preċedenti f'kull każ u l-preżentazzjoni tal-Parti II jekk din kienet inħarġet. Dawn l-awtoritajiet għandhom jirtiraw il-parti(jiet) taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni ta' qabel u għandhom iżommu din ta' l-aħħar għal sitt xhur. Huma għandhom, fi żmien xahrejn, jinformaw lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat dwar l-irtirar tiegħu. Huma għandhom jirritornaw iċ-ċertifikat li huma jkunu irtiraw lil dawk l-awtoritajiet jekk dawn ta' l-aħħar jitolbu li jsir dan fi żmien sitt xhur minn meta jiġi rtirat.

Jekk iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni ikun jikkonsisti fil-Partijiet I u II, u l-Parti II tkun nieqsa, l-Awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn ir-reġistrazzjoni il-ġdida tkun ġiet mitluba jistgħu jiddeċiedu, f'każijiet eċċezzjonali, li jerġgħu jirreġistraw il-vettura, iżda dan isir biss wara li jkunu kisbu konferma, bil-miktub jew b'mezz elettroniku, mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn kienet reġistrata qabel il-vettura, li l-applikant huwa intitolat sabiex jirreġistra mill-ġdid il-vettura fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 6

Kull emenda meħtieġa sabiex l-Anessi ta' din id-Direttiva jiġu addattati għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7.

L-Artikolu 7

1. Fejn issir referenza għall-proċedura stipulata f'dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-testijiet li jaraw il-vetturi bil-magna u t-trejlers tagħhom humiex tajbin għal fuq it-triq (roadworthiness tests) [7], minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-"kumitat", li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri b'rappreżentant tal-Kummissjoni bħala l-president.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu lill-Kumitat. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat f'każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kkunsidrati jekk dawn ikunu jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri kkunsidrati ma jkunux jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tagħmel proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk il-Kunsill ma jkunx ħa azzjoni fi żmien tliet xhur minn meta tkun ġiet ippreżentata l-proposta lilu, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Ġunju 2004. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif għandha ssir referenza bħal din, għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri l-mudelli kollha għal ċertifikati ta' reġistrazzjoni użati mill-amministrazzjoni nazzjonali.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Huma jistgħu jaqsmu informazzjoni fuq livell bilaterali jew multilaterali b'mod partikolari sabiex jikkontrollaw, qabel kwalunkwe reġistrazzjoni ta' vettura, l-istatus legali ta' din ta' l-aħħar, fl-Istat Membru fejn qabel kienet irreġistrata, fejn dan ikun meħtieġ. B'mod partikolari, dan il-kontroll jista' jinvolvi l-użu ta' sistema elettronika.

L-Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta' April 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Müller

[1] ĠU C 202, tat-2.7.1997, p. 13 u ĠU C 301, tat-30.9.1998, p. 8.

[2] ĠU C 19, tal-21.1.1998, p. 17.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Mejju 1998 (ĠU C 195, tat-22.6.1998, p. 21), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Novembru 1998 (ĠU C 388, ta' l-14.12.1999, p. 12) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 1999 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 237, ta' l-24.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 97/26/KE (ĠU L 150, tas-7.6.1997, p. 41).

[5] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/14/KE (ĠU L 91, tal-25.3.1998, p. 1).

[6] ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 72. Id-Direttiva kif emendata mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[7] ĠU L 46, 30.8.1993, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

IL-PARTI I TAĊ-ĊERTIFIKAT TA' REĠISTRAZZJONI [1]

I. Id-dimensjonijiet totali taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni ma għandhomx ikunu ikbar mill-format A4 (210 × 297 mm) jew minn folder tal-format A4.

II. Il-karta użata għall-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandha tkun protetta kontra falsifikazzjonijiet billi jintużaw għallinqas żewġ tekniki milli ġejjin:

- grafika,

- marka ta' l-ilma,

- fibri florixxenti, jew,

- oġġetti stampati florixxenti.

III. Il-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tista' tkun magħmula minn bosta paġni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu n-numru ta' paġni b'mod konformi ma' l-informazzjoni li tkun tinsab fid-dokument u fil-preżentazzjoni tiegħu.

IV. L-ewwel paġna tal-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandu jkun fiha:

- l-isem ta' l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ il-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni,

- il-marka distintiva ta' l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ il-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni, b'mod partikolari:

B Il-Belġju

DK Id-Danimarka

D Il-Ġermanja

GR Il-Greċja

E Spanja

F Franza

IRL L-Irlanda

I L-Italja

L Il-Lussemburgu

NL L-Olanda

A L-Awstrija

P Il-Portugall

FIN Il-Finlandja

S L-Isvezja

UK Ir-Renju Unit,

- l-isem ta' l-awtorità kompetenti,

- il-kliem "Il-Parti I taċ-Ċertifikat ta' Reġistrazzjoni" jew, jekk iċ-ċertifikat ikun magħmul minn parti waħda biss, il-kliem "Ċertifikat ta' Reġistrazzjoni" stampati b'ittri kbar fil-lingwa jew fil-lingwi ta' l-Istati Membri li joħorġu ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni; għandhom jidhru wkoll, wara spazju xieraq, b'tipa żgħira fil-lingwi l-oħra tal-Komunità Ewropea,

- il-kliem "Komunità Ewropea", stampati fil-lingwa jew lingwi ta' l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ il-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni,

- in-numru tad-dokument.

V. Il-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandu jkun fiha wkoll l-informazzjoni li ġejja, preċeduta bil-kodiċi armonizzati relattivi tal-Komunità:

(A) numru ta' reġistrazzjoni

(B) data ta' l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura

(Ċ) informazzjoni personali

(Ċ.1) pussessur taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni:

(Ċ.1.1) il-kunjom jew l-isem kummerċjali

(Ċ.1.2) isem (ismijiet) jew inizjali oħra (fejn xieraq)

(Ċ.1.3) l-indirizz fl-Istat Membru ta' reġistrazzjoni fid-data ta' ħruġ tad-dokument

(Ċ.4) Meta d-dettalji speċifikati f'VI, il-Kodiċi C.2 ma jkunux inklużi fiċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni, referenza għall-fatt li l-pussessur taċ-ċerifikat ta' reġistrazzjoni:

(a) huwa s-sid tal-vettura

(b) mhuwiex is-sid tal-vettura

(ċ) mhuwiex identifikat miċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni bħala s-sid tal-vettura

(D) vettura:

(D.1) għamla

(D.2) tip

- varjant (jekk disponibbli)

- verżjoni (jekk disponibbli)

(D.3) deskrizzjoni(jiet) kummerċjali

(E) numru ta' identifikazzjoni tal-vettura

(F) piż:

(F.1) piż massimu li jista' teknikament jiġi mgħobbi, għajr għall-muturi

(G) il-piż tal-vettura imħaddma, bil-bodi, u b'apparat bil-ganċ (coupling device) fil-każ ta' vettura ta' l-irmunkjar imħaddma, minn kull kategorija għajr dik M1

(H) il-perjodu ta' validità, jekk mhux illimitat

(I) id-data tar-reġistrazzjoni li għaliha jirreferi dan iċ-ċertifikat

(K) in-numru ta' l-approvazzjoni tat-tip (jekk disponibbli)

(P) il-magna

(P.1) il-kapaċità (bħala ċm3)

(P.2) saħħa massima netta (bħala kW) (jekk disponibbli)

(P.3) tip ta' karburant jew sors ta' enerġija

(Q) proporzjon saħħa/toqol (bħala kW/kg) (għal muturi biss)

(S) kemm tesa' passiġġieri bil-qiegħda

(S.1) numru ta' postijiet bil-qiegħda (seats), inkluż is-sit tas-sewwieq

(S.2) numru ta' postijiet bil-wieqfa (fejn applikabbli)

VI. Il-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jista' jkun fiha wkoll l-informazzjoni li ġejja, preċeduta bil-kodiċi armonizzati relattivi tal-Komunità:

(Ċ) informazzjoni personali

(Ċ.2) sid il-vettura

(Ċ.2.1) il-kunjom jew l-isem kummerċjali

(Ċ.2.2) l-isem (l-ismijiet) jew inizjali oħra (fejn xieraq)

(Ċ.2.3) indirizz fl-Istat Membru ta' reġistrazzjoni, fid-data ta' ħruġ tad-dokument

(Ċ.3) persuna naturali jew legali li tista' tuża l-vettura b'virtù ta' dritt legali għajr dak ta' pussess

(Ċ.3.1) il-kunjom jew l-isem kummerċjali

(Ċ.3.2) l-isem (l-ismijiet) jew inizjali oħra (fejn xieraq)

(Ċ.3.3) l-indirizz fl-Istat Membru ta' reġistrazzjoni fid-data ta' ħruġ tad-dokument

(Ċ.5), (Ċ.6), (Ċ.7), (Ċ.8) fejn bidla fl-informazzjoni personali mogħtija fil-punti V, il-kodiċi Ċ.1, VI, il-kodiċi Ċ.2 u/jew VI, il-kodiċi Ċ.3 ma tagħtix lok għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' reġistrazzjoni ġdid, l-informazzjoni personali ġdida li tkun taqbel ma' dawn il-punti tista' tiġi inkluża taħt il-kodiċi (Ċ.5), (Ċ.6), (Ċ.7) jew (Ċ.8); dawn għandhom imbagħad jiġu analizzati skond ir-referenzi fil-punti V, il-kodiċi Ċ.1, VI, il-kodiċi Ċ.2, VI, il-kodiċi Ċ.3 u V, il-kodiċi Ċ.4.

(F) il-piż:

(F.2) il-piż massimu permess tal-vettura mgħobbija mħaddma fl-Istat Membru ta' reġistrazzjoni

(F.3) il-piż massimu permess tal-vettura kollha mgħobbija mħaddma, fl-Istat Membru ta' reġistrazzjoni

(J) il-kategorija tal-vettura

(L) in-numru ta' fusien

(M) id-distanza bejn il-fus ta' quddiem u dak ta' wara (f'mm)

(N) għal vetturi b'piż totali ta' aktar minn 3500 kg, id-distribuzzjoni tal-piż massimu mgħobbi teknikament permess matul il-fusien:

(N.1) i1-fus nru 1 (f'kg)

(N.2) il-fus nru 2 (f'kg), fejn xieraq

(N.3) il-fus nru 3 (f'kg), fejn xieraq

(N.4) il-fus nru 4 (f'kg), fejn xieraq

(N.5) il-fus nru 5 (f'kg), fejn xieraq

(O) piż massimu teknikament permess tat-trejler li jista' jiġi rmunkat:

(O.1) wieqaf bil-brejkijiet (f'kg)

(O.2) mhux bil-brejkijiet (f'kg)

(P) magna:

(P.4) stima tal-veloċità (f'min−1)

(P.5) in-numru ta' identifikazzjoni tal-magna

(R) il-kulur tal-vettura

(T) il-velocità massima (f'km/h)

(U) il-livell ta' ħoss:

(U.1) wieqfa (f'dB(A))

(U.2) il-veloċità tal-magna (f'min−1)

(U.3) meta tiġi misjuqa (f'dB(A))

(V) emissjonijiet ta' l-exhaust:

(V.1) CO (fi g/km jew G/kWh)

(V.2) HC (fi g/km jew g/kWh)

(V.3) NOx (fi g/km jew g/kWh)

(V.4) HC + NOx (fi g/km)

(V.5) partikolati għad-diesel (fi g/km jew g/kWh)

(V.6) koeffiċjent ta' assorbiment ikkoreġut għad-diesel (f'min−1)

(V.7) CO2(f'g/km)

(V.8) konsum kombinat ta' karburanti (f'L/100 km)

(V.9) indikazzjoni tal-kategorija ambjentali ta' approvazzjoni tat-tip KE; referenza għall-verżjoni applikabbli taħt id-Direttiva 70/220/KEE [2] jew id-Direttiva 88/77/KEE [3].

(W) kapaċità tat-tank(ijiet) tal-karburanti (f'litri).

VII. L-Istati Membri jistgħu jinkludu informazzjoni addizzjonali (fil-Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni), u b'mod partikolari jistgħu jżidu bejn il-parentesi tal-kodiċi ta' identifikazzjoni (fil- Parti I taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni), kif stabbilit taħt V u VI, il-kodiċi nazzjonali addizzjonali.

[1] Iċ-ċertifikat li huwa magħmul minn parti waħda biss għandu jkun fih il-kliem "Ċertifikat ta' Reġistrazzjoni", u ma għandu jkun hemm ebda referenza fit-test għall-"Parti I."

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE ta' l-20 ta' Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar miżuri li jridu jittieħdu kontra t-tniġġiż ta' l-arja minn gassijiet ta' magni positive-ignition ta' vetturi b'magna (ĠU L 76, 6.4.1970, p. 1.), id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 96/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 282, ta' l-1.11.1996, p. 64).

[3] Id-Direttiva tal-Kunsill 88/77/KEE tat-3 ta' Diċembru 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri li jridu jittieħdu kontra l-emissjoni ta' gassijiet li jniġġsu minn magni diesel għal użu f'vetturi (ĠU L 36, tad-9.2.1988, p. 33). Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 96/1/KE (ĠU L 40, tas-17.2.1996, p. 1).

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

IL-PARTI II TAĊ-ĊERTIFIKAT TA' REĠISTRAZZJONI [1]

I. Id-dimensjonijiet totali taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni ma għandhomx ikunu ikbar mill-format A4 (210 × 297 mm) jew minn folder tal-format A4.

II. Il-karta użata għall-Parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandha tkun protetta kontra falsifikazzjoni permezz ta' għallinqas żewġ tekniki milli ġejjin:

- grafika,

- marka ta' l-ilma,

- fibri florixxenti, jew,

- oġġetti stampati florixxenti.

III. Il-parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tista' tkun magħmula minn bosta paġni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu n-numru ta' paġni b'mod konformi ma' l-informazzjoni li tinsab fid-dokument u fil-preżentazzjoni tiegħu.

IV. L-ewwel paġna tal-Parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandu jkun fiha:

- l-isem ta' l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ il-Parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni,

- il-marka distintiva ta' l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ il-Parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni, b'mod partikolari:

B Il-Belġju

DK Id-Danimarka

D Il-Ġermanja

GR Il-Greċja

E Spanja

F Franza

IRL L-Irlanda

I L-Italja

L Il-Lussemburgu

NL L-Olanda

A L-Awstrija

P Il-Portugall

FIN Il-Finlandja

S L-Isvezja

UK Ir-Renju Unit,

- l-isem ta' l-awtorità kompetenti,

- il-kliem "il- Parti II taċ-Ċertifikat ta' Reġistrazjoni", stampati b'ittri kbar fil-lingwa jew lingwi ta' l-Istati Membri li jkunu qegħdin joħorġu ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni; għandhom jidhru wkoll, wara spazju addattat, b'ittri żgħar fil-lingwi l-oħra tal-Komunità Ewropea,

- il-kliem "Komunità Ewropea", stampati fil-lingwa jew lingwi ta' l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ il-Parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni,

- in-numru tad-dokument.

V. Il-Parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandu jkun fiha wkoll l-informazzjoni li ġejja, preċeduta bil-kodiċi armonizzati relattivi tal-Komunità:

(A) in-numru ta' reġistrazzjoni

(B) id-data ta' l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura

(D) il-vettura:

(D.1) l-għamla

(D.2) it-tip

- il-varjant (jekk disponibbli)

- il-verżjoni (jekk disponibbli)

(D.3) id-deskrizzjoni(jiet) kummerċjali

(E) in-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura

(K) in-numru ta' l-approvazzjoni tat-tip (jekk disponibbli)

VI. Il-Parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jista' jkun fiha wkoll l-informazzjoni li ġejja, preċeduta bil-kodiċi armonizzati relattivi tal-Komunità:

(Ċ) informazzjoni personali

(Ċ.2) is-sid tal-vettura

(Ċ.2.1) il-kunjom jew l-isem kummerċjali

(Ċ.2.2) l-isem (l-ismijiet) jew inizjali oħra (fejn xieraq)

(Ċ.2.3) l-indirizz fl-Istat Membru ta' reġistrazzjoni fid-data ta' ħruġ tad-dokument

(Ċ.3) il-persuna naturali jew legali li tista' tuża l-vettura permezz ta' dritt legali apparti minn dak tal-pussess

(Ċ.3.1) il-kunjom jew l-isem kummerċjali

(Ċ.3.2) l-isem (l-ismijiet) jew inizjali oħra (fejn xieraq)

(Ċ.3.3) l-indirizz fl-Istat Membru ta' reġistrazzjoni fid-data ta' ħruġ tad-dokument

(Ċ.5), (Ċ.6) jekk xi bidla fl-informazzjoni personali mogħtija fil-punt VI, il-kodiċi Ċ.2 u/jew il-punt VI, il-kodiċi Ċ.3 ma tagħtix lok għall-ħruġ tal-Parti II ġdida taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni, l-informazzjoni personali ġdida li taqbel ma' dawn il-punti tista' tiġi inkluża taħt il-kodiċi (Ċ.5) jew (Ċ.6); dawn għandhom imbagħad jiġu analizzati skond il-punt VI, il-kodiċi Ċ.2, u skond il-punt VI, il-kodiċi Ċ.3.

(J) il-kategorija tal-vettura

VII. L-Istati Membri jistgħu jinkludu informazzjoni addizzjonali fil-Parti II taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni; b'mod partikolari jistgħu jżidu bejn il-parentesi tal-kodiċi ta' l-identifikazzjoni, kif stabbilit taħt il-punti V u VI, il-kodiċi nazzjonali addizzjonali.

[1] Dan l-Anness għandu x'jaqsam biss maċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni maghmulin mill-Partijiet I u II.

--------------------------------------------------

Top