EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996R2271

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta' Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

OJ L 309, 29.11.1996, p. 1–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Estonian: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Latvian: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Lithuanian: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Hungarian Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Maltese: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Polish: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Slovak: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Slovene: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 001 P. 75 - 80
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 001 P. 18 - 23

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/08/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2271/oj

31996R2271



Official Journal L 309 , 29/11/1996 P. 0001 - 0006


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96

tat-22 ta' Novembru 1996

li jipproteġi kontra l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 73ċ, 113 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi l-għanijiet tal-Komunità jinkludu l-kontribuzzjoni għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji u t-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali;

Billi l-Komunità tipprova tilħaq bl-aqwa mod possibli l-għan tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, inkluża t-tneħħija ta' xi restrizzjonijiet fuq l-investiment dirett — inkluż l-investiment fil-proprjeta immobbli — stabbiliment, il-provvista tas-servizzi finanzjarji jew id-dħul tal-ġaranziji fis-swieq tal-kapitali;

Billi pajjiz terz ikun ippromulga ċertu liġijiet, regolamenti, u strumenti leġislattivi oħra li suppost li jkollhom l-għan li jirregolaw l-attivitajiet tal-persuni naturali u legali taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri;

Billi permezz ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tagħhom dawn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti leġislattivi oħra jkunu jiksru l-liġi internazzjonali u jimpedixxu l-ksib ta' l-għanijiet hawn fuq imsemmija;

Billi dawn il-liġijiet, inklużi r-regolamenti u l-istrumenti leġislattivi l-oħra, kif ukoll l-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom jaffettwaw jew x'aktarx għad jaffettwaw l-ordni legali stabbilit u għandhom l-effetti negattivi fuq l-interessi tal-Komunità u l-interessi tal-persuni naturali u legali li jeżerċitaw id-drittijiet taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

Billi, taħt dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa neċessarju li tittieħed azzjoni fuq livell Komunitarju biex jitħares l-ordni legali stabbilit, l-interessi tal-Komunità u l-interessi ta' l-imsemmija persuni naturali u legali, b'mod partikolari billi jitneħħew, jiġu newtralizzati, jiġu mwaqqfa' jew inkella jintlaqgħu l-effetti tal-leġislazzjoni barranija konċernata;

Billi t-talba biex tiġi pprovduta l-informazzjoni taħt dan ir-Regolament ma tipprekludix Stat Membru milli jitlob informazzjoni ta' l-istess tip biex tiġi pprovduta lill-awtoritajiet ta' dak l-Istat;

Billi l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 96/668/CFSP tat-22 ta' Novembru 1996 [2] biex jassigura li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lil dawk il-persuni naturali u legali li l-interessi tagħhom ikunu effettwati mil-liġijiet fuq imsemmija u l-azzjonijiet fuqhom ibbażati, safejn dawn l-interessi ma jkunux protetti minn dan ir-Regolament;

Billi l-Kummissjoni, fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandha tkun assistita minn kumitat kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri;

Billi l-azzjonijiet li huma pprovduti f'dan ir-Regolament huma neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

Billi għall-adozzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament it-Trattat ma jipprovdix poteri oħra għajr dawk ta' l-Artikolu 235,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jipprovdi protezzjoni kontra u jikkumbatti l-effetti ta' l-applikazzjoni estraterritorjali tal-liġijiet speċifikati fl-Anness ta' dan ir-Regolament, inklużi regolamenti u strumenti leġislattivi oħra, u ta' l-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, fejn din l-applikazzjoni teffettwa l-interessi tal-persuni, imsemmija fl-Artikolu 11, involuti fil-kummerċ internazzjonali u/jew fil-moviment tal-kapital u f'attivitajiet kummerċjali relatati bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

Filwaqt li jaġixxi skond id-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat u minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(ċ), il-Kunsill jista' jżid jew iħassar liġijiet fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Meta l-interessi ekonomiċi u/jew finanzjarji ta' xi persuna msemmija fl-Artikolu 11 jiġu effettwati, direttament jew indirettament, mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqu jew li jirriżultaw minnu, dik il-persuna għandha tinforma b'dan lill-Kummissjoni fi żmien 30 ġurnata mid-data meta din tkun kisbet dik l-informazzjoni; safejn l-interessi ta' persuna legali jiġu effetwati, dan l-obbligu jgħodd għad-diretturi, għall-amministraturi u għal persuni oħra li jkollhom responsabbiltajiet maniġerjali [3].

Fuq talba tal-Kummissjoni, dawn il-persuni għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha rilevanti għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament skond it-talba mill-Kummissjoni fi żmien 30 ġurnata mid-data tat-talba.

L-informazzjoni kollha għandha tingħata lill-Kummissjoni jew direttament inkella permezz tal-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Jekk l-informazzjoni tingħata direttament lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li fiha tkun residenti jew inkorporata l-persuna li tkun tat l-informazzjoni.

L-Artikolu 3

L-informazzjoni kollha pprovduta skond l-Artikolu 2 għandha tintuża biss għall-iskopijiet li għaliha tkun ġiet ipprovduta.

L-informazzjoni li min-natura tagħha tkun kunfidenzjali jew li tkun ġiet ipprovduta fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun protetta permezz ta' l-obbligazzjoni tas-segretezza professjonali. Din m'għandhiex tiġi mxandra mill-Kummissjoni mingħajr il-permess dikjarat tal-persuna li tkun qed tipprovdiha.

Il-komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni għandha tkun permessa meta l-Kummissjoni tkun obbligata jew awtorizzata biex tagħmel hekk, b'mod partikolari inkonnessjoni ma' proċeduri legali. Komunikazzjoni ta' din ix-xorta għandha tqies l-interessi legittimi tal-persuna kkonċernata li s-sigrieti tan-negozju tiegħu jew tagħha m'għandhomx jiġu mxandra.

Dan l-Artikolu ma jipprekludiex l-iżvelar ta' informazzjoni ġenerali mill-Kummissjoni. Dan l-iżvelar mhux se jitħalla jekk dan ikun inkompatibbli ma' l-iskop oriġinali ta' dik l-informazzjoni.

Fl-eventwalità ta' ksur tal-kunfidenzjalità, min joriġina l-informazzjoni għandu jkollu l-jedd li jġiegħel li din tiġi mħassra, skartata ta' jew ikkoreġuta, skond kif ikun il-każ.

L-Artikolu 4

Ebda sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal u ebda deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrativa li tinsab barra mill-Komunità u li tagħti effett, direttament jew indirettament, lil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew lil azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, ma tiġi rikonoxxuta jew tkun imponibbli bi kwalunkwe mod.

L-Artikolu 5

Ebda persuna msemmija fl-Artikolu 11 m'għandha tikkonforma, kemm direttament jew permezz ta' persuna sussidjarja jew intermedjarju ieħor, attivament jew permezz ta' omissjoni intenzjonata, ma' kwalunkwe rikjesta jew projbizzjoni, inklużi talbiet minn qrati barranin, ibbażati fuq jew li jirriżultaw, direttament jew indirettament, mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.

Persuni jistgħu jiġu awtorizzati, skond il-proċeduri provduti fl-Artikoli 7 u 8, biex jikkonformaw kompletament jew parzjalment safejn in-non-konformità tkun ser tikkawża danni serji lill-interessi tagħhom jew lil dawk tal-Komunità. Il-kriterji għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ser jiġu stabbiliti skond il-proċedura mfassla fl-Artikolu 8. Meta jkun hemm provi biżżejjed li non-konformità tkun ser tikkawża danni serji lil persuna naturali jew legali, il-Kummissjoni għandha tissottometti malajr lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 8 abbozz tal-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu skond il-kondizzjonijiet tar-Regolament.

L-Artikolu 6

Kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 11, li li tkun involuta fi kwalunkwe attività msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun intitolata tirkupra kwalunkwe danni, inklużi l-ispejjeż legali, ikkawżati lil dik il-persuna bl-applikazzjoni tal-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.

Dan l-irkupru jista' jsir mingħand il-persuna naturali jew legali jew min għand kwalunkwe entità oħra li tkun ikkawżat id-danni jew mingħand kwalunkwe persuna li tkun topera f'isimha jew bħala intermedjarju tagħha.

Il-Konvenzjoni tal-Brussel tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali għandha tgħodd fil-każ ta' proċeduri mressqa u sentenzi mogħtija taħt dan l-Artikolu. L-irkupru jista' jsir fuq bażi tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjonijiet 2 sa 6 tat-Titolu II ta' dik il-Konvenzjoni, kif ukoll, skond l-Artikolu 57(3) ta' dik il-Konvenzjoni, bis-saħħa ta' proċeduri ġudizzjarji istitwiti fil-Qrati ta' kwalunkwe Stat Membru fejn dik il-persuna, l-entità, il-persuna li topera f'isimha jew l-intermedjarju tagħha jkollhom il-beni.

Mingħajr preġudizzju għall-mezzi l-oħra disponibbli u skond il-liġi applikabbli, l-irkupru jkun jista' jieħu l-forma ta' sekwestru u bejgħ tal-beni li jappartienu lil dawk il-persuni, entitajiet, persuni li joperaw f'isimhom jew intermedjarji fil-Komunità, inklużi ishma miżmuma minn persuna legali li tkun inkorporata fil-Komunità.

L-Artikolu 7

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha:

(a) tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill immedjatament u b'mod sħiħ dwar l-effetti tal-liġijiet, regolamenti u strumenti leġislattivi oħra u azzjonijiet konsegwenti msemmija fl-Artikolu 1, fuq bażi ta' l-informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament, u għandha tagħmel rapport pubbliku sħiħ dwarhom regolarment;

(b) tagħti awtorizzazzjoni taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 u, meta tistabbilixxi l-limiti taż-żmien rigward l-għoti ta' l-opinjoni tal-Kumitat, din għandha tieħu inkonsiderazzjoni bis-sħiħ il-limiti taż-żmien li għandhom jiġu mħarsa mill-persuni li ser ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni;

(c) iżżid jew tħassar, fejn ikun xieraq, ir-referenzi għal regolamenti jew strumenti oħrajn leġislattivi mnisslin mil-liġijiet speċifikati fl-Anness, u li jaqgħu taħt l-ambitu ta' dan ir-Regolament;

(d) tippubblika avviż fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-sentenzi u d-deċiżjonijiet għalihom jgħoddu l-Artikoli 4 u 6;

(e) tippubblika fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2.

L-Artikolu 8

Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 7(b) u (ċ), il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u preseduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza kif stabbilit fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat ikunu peżati skond il-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kkontemplati jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri kkontemplati ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jieħu azzjoni fuq maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, meta jispiċċa l-perijodu ta' gimagħtejn mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx ħa passi, il-miżuri proposti jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 9

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu mposti f'każ ta' ksur ta' xi dispożizzjonijiet relevanti ta' dan ir-Regolament. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

L-Artikolu 10

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu taħt dan ir-Regolament u dwar kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti li għandha x'taqsam ma' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jgħodd għal:

1. kull persuna naturali li tkun residenti fil-Komunità [4],

2. kull persuna legali nkorporata fil-Komunità,

3. kull persuna naturali jew legali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4055/86 [5],

4. kull persuna oħra naturali li tkun residenti fil-Komunità, sakemm dik il-persuna tkun fil-pajjiż li tiegħu jkollha ċ-ċittadinanza,

5. kull persuna oħra naturali fil-Komunità, inklużi l-ibħra territorjali u l-ispazju ta' l-ajru fuq il-pajjiżi u f'kull inġenju ta' l-ajru jew fuq kull bastiment taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll ta' Stat Membru, li jkun jaġixxi f'kapaċità professjonali.

L-Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Brussel, fit-22 ta' Novembru 1996..

Għall-Kunsill

Il-President

S. Barrett

[1] L-opinjoni mogħtija fil-25 ta' Ottubru 1996 (ĠU C 347, tat-18. 11. 1996).

[2] Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[3] L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fl-indirizz li ġej: Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali I, Rue de la Loi/Wetstraat 200, B — 1049 Brussel (fax (32-2) 295 65 05).

[4] Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "li tkun residenti fil-Komunità" tfisser: li tkun legalment stabbilita fil-Komunità għal perijodu ta' mill-anqas sitt xhur matul il-perijodu tat-12-il xahar immedjatament qabel id-data ta' meta, taħt dan ir-Regolament, tinħoloq obbligazzjoni jew jiġi eżerċitat dritt.

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta' Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, tal-31.12.1986, p. 1). Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 3573/90 (ĠU C 353, tas-17.12.1990, p. 16)).

--------------------------------------------------

ANNESS

IL-LIĠIJIET, IR-REGOLAMENTI U L-ISTRUMENTI LEĠISLATTIVI L-OĦRA [1]

msemmija fl-Artikolu 1

IL-PAJJIŻ: L-ISTATI UNITI TA' L-AMERIKA

L-ATTI

1. "L-Att Dwar l-Awtorizzazzjoni tad-Difiża Nazzjonali għas-Sena Fiskali 1993", IT-Titolu XVII "L-Att dwar id-Demokrazzija Kubana 1992", sezzjonijiet 1704 u 1706

Il-konformità meħtieġa:

Ir-rekwiżiti jinsabu msaħħa fit-Titolu I ta' l-"Att dwar il-Libertà Kubana u s-Solidarjetà Demokratika tal-1996", ara iżjed 'l isfel.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-KE:

Il-obbligazzjonijiet assunti issa ġew inkorporati fl-"Att dwar il-Libertà u s-Solidarjetà Demokratika Kubana ta' l-1996", ara iżjed 'l isfel.

2. "L-Att dwar il-Libertà u s-Solidarjetà Demokratika Kubana tal-1996"

It-Titolu I

Il-konformità meħtieġa:

Biex ikun hemm konformità ma' l-embargo ekonomiku u finanzjarju rigward il-Kuba mill-USA, billi, inter alia, ma jiġux esportati lejn l-USA l-ebda merkanzija jew servizz ta' oriġini Kubana jew li fihom materjali jew merkanzija li joriġinaw fil-Kuba kemm direttament kif ukoll permezz ta' pajjiżi terzi, ma tiġix nnegozjata merkanzija li hi jew li ġiet illokalizzata jew ittrasportata jew li għaddiet mill-Kuba, ma ssirx ri-esportazzjoni taz-zokkor li joriġina mill-Kuba lejn l-USA mingħajr ma jkun hemm notifikazzjoni mill-awtorità kompetenti nazzjonali ta' l-esportatur jew ma jiġux importati għall-USA prodotti taz-zokkor mingħajr assigurazzjoni li dawk il-prodotti mhumiex prodotti ta' Kuba, jiġu ffriżati assi Kubani, u n-negozji finanzjarji mal-Kuba.

Id-danni possibbli lill-interessi tal-KE:

Il-projbizzjoni li titgħabba jew tinħatt merkanzija minn bastiment fi kwalunkwe post ġewwa l-USA jew li tiddaħħal f'port fil-USA; iċ-ċaħda mill-importazzjoni ta' kwalunkwe merkanzija jew servizz li joriġina fil-Kuba u mill-importazzjoni fil-Kuba ta' merkanzija jew servizzi li joriġinaw fil-USA, it-twaqqif ta' negozji finanzjarji li jinvolvu lil Kuba.

It-Titolu III u t-Titolu IV:

Il-konformità meħtieġa:

Biex jintemm t-"traffikar" fil-proprjetà, li qabel kienet tappartieni lil persuni tal-US (inklużi l-Kubani li kisbu ċ-ċittadinanza tal-US) u li ġiet esproprjata mir-reġim Kuban. (L-ittraffikar jinkludi: l-użu, il-bejgħ, it-trasferiment, il-kontroll, l-immaniġġar u attivitajiet oħrajn għall-benefiċċju ta' persuna).

Id-danni possibbli lill-interessi tal-KE:

Il-proċeduri legali fil-USA, ibbażati fuq obbligazzjoni li diġà teżisti, kontra ċ-ċittadini tal-KE jew kumpaniji involuti fit-traffikar, li jwasslu għal sentenzi/deċiżjonijiet biex jitħallas kumpens (multiplu) lill-parti tal-USA. Iċ-ċaħda mid-dħul ġewwa l-USA ta' persuni involuti fl-ittraffikar, inklużi l-mara jew ir-raġel, it-tfal minorenni u l-aġenti tagħhom.

3. "L-Att ta' l-1996 dwar is-Sanzjonijiet kontra l-Iran u l-Libja"

Il-konformità meħtieġa:

Biex ma jiġi investit fl-Iran jew fil-Libja l-ebda ammont akbar minn 40 miljun USD matul il-perijodu ta' 12-il xahar li jikkontribwixxi direttament u b'mod sinifikattiv favur tkabbir fl-abilità Iranjana jew Libjana biex dawn jiżviluppaw ir-riżorsi tagħhom tal-petrolju. (L-investiment li jkopri l-parteċipazzjoni f'kuntratt għall-imsemmi żvilupp, jew li dan jiġi ggarantit, jew li jsir profitt minnu jew ix-xiri ta' sehem propjetarju fih.)

NB:

L-investimenti taħt kuntratti li kienu jeżistu qabel il-5 ta' Awissu 1996 huma eżenti.

Rispett għall-embargo li jikkonċerna l-Libja stabbilit mir-Resoluzzjonijiet 748 (1992) u 883 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurta ta' l-Istati Uniti [2].

Id-danni possibbli għall-interessi tal-KE:

Il-miżuri li ttieħdu mill-President tal-US biex jillimitaw l-importazzjoni ġewwa l-USA jew l-akkwist għall-USA, il-projbizzjoni ta' nominazzjonijiet għal bejgħ primarju jew għall-kustodja ta' fondi tal-Gvern tal-USA, iċ-ċaħda ta' l-aċċess għal self minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-USA, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni mill-USA, jew iċ-ċaħda ta' l-għajnuna mill-Bank tal-EXIM.

IR-REGOLAMENTI

1. 31 CRF (Codiċi tar-Regolamenti Federali) il-Kapitolu. V (7-1-95 edizzjoni) il-Parti 515 — Regolamenti għall-Kontroll ta' l-Assi Kubani, subparti B (Projbizzjonijiet), E (Liċenzji, Awtorizzazzjonijiet u Stqarrijiet dwar Regolamenti fuq il-Licenzjar) u G (Pieni)

Il-konformita meħtieġa:

Il-projbizzjonijiet ġew imsaħħa taħt Titolu I ta' l-"Att tal-1996 dwar il-Libertà u s-Solidarjetà Demokratika Kubana", ara aktar "il fuq. Barra minn dan, tirrikjedi l-kisba ta" liċenzji u/jew awtorizzazzjonijiet dwar l-attivitajiet ekonomiċi li għandhom x'jaqsmu mal-Kuba.

Id-danni possibbli lill-interessi tal-KE:

Multi, qbid, priġunerija f'każi ta' vjolazzjoni.

[1] Aktar informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti hawn fuq imsemmija jistgħu jinkisbu mill-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali I.E. 3, Rue de la Loi/Wetstraat 200, B — 1049 Brussel (fax: (32-2) 295 65 05).

[2] Ara l-implementazzjoni mill-Komunità ta' dawk ir-Riżoluzzjonijiet permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3274/93 (ĠU L 295, tat-30. 11. 1993, p. 1).

--------------------------------------------------

Top