EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995L0018

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta' impriżi ferrovjarji

OJ L 143, 27.6.1995, p. 70–74 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 002 P. 258 - 262
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 003 P. 155 - 159
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 003 P. 155 - 159
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 003 P. 34 - 38

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/06/2015; Imħassar b' 32012L0034

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1995/18/oj

31995L0018



Official Journal L 143 , 27/06/1995 P. 0070 - 0074


Id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE

tad-19 ta' Ġunju 1995

dwar il-liċenzjar ta' impriżi ferrovjarji

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

Waqt li s-suq waħdieni għandu jkollu żona mingħajr fruntieri interni fejn ikun assigurat il-moviment ħieles ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital;

Billi l-prinċipju tal-libertà li jkunu pprovduti servizzi għandu jiġi applikat għas-settur tal-ferroviji, u jittieħed kont ta' karatteristiċi speċifiċi ta' dak is-settur;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 fuq l-iżvilupp ta' rotot ta' ferrovija tal-Komunità [4] tipprovdi għal ċerti drittijiet ta' aċċess fi trasport ta' ferrovija internazzjonali għal impriżi ferrovjarji u gruppi internazzjonali ta' impriżi ferrovjarji;

Billi, biex ikun assigurat li drittijiet ta' aċċess lil infrastruttura tal-ferroviji ikunu applikati fil-Komunità fuq bażi uniformi u mhux diskriminatorja, huwa xieraq li tkun introdotta liċenzja għal impriżi ferrovjarji li jipprovdu s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/440/KEE;

Billi huwa xieraq li biex jinżamm l-għan tad-Direttiva 91/440/KEE, inklużi l-eċċezzjonijiet tagħha għal servizzi reġjonali, urbani u suburbani u billi għandu jkun speċifikat li l-attivitajiet ta' trasport fil-forma ta' shuttle services fiċ-Channel Tunnel huma wkoll esklużi mill-għan ta' din id-Direttiva;

Billi liċenzja maħruġa minn Stat Membru għandha tkun rikonoxxuta bħala valida fil-Komunità;

Billi l-kondizzjonijiet tal-Komunità għal aċċess għal jew transitu permezz ta' infrastruttura ta' ferrovija tkun regolata minn dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità;

Billi, fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u biex tassigura l-uniformità u t-trasparenza meħtieġa, huwa xieraq li l-Komunità tistabbilixxi prinċipji wiesgħa ta' sistema simili ta' liċenzjar, u tħalli lil Stati Membri ir-responsabbiltà ta' l-għoti u l-amministrazzjoni ta' liċenzji;

Billi, biex ikunu żgurati servizzi adegwati u li wieħed joqgħod fuqhom, huwa neċessarju li jkun żgurat li l-impriżi ferrovjarji josservaw f'kull ħin ċerti rekwiżiti dwar reputazzjoni tajba, qagħda finanzjarja tajba u kompetenza professjonali;

Billi għall-protezzjoni tal-konsumaturi u terzi persuni oħra kkonċernati, huwa importanti li jkun żgurat li l-impriżi ferrovjarji jkunu suffiċjentement assigurati jew ikunu għamlu arranġamenti ekwivalenti dwar riskji ta' responsabbiltà;

Billi s-sospensjoni u r-revoka ta' liċenzji u l-għoti ta' liċenzji temporanji għandhom wkoll jiġu indirizzati f'dan il-kuntest;

Billi impriża ferrovjarja tkun ukoll meħtieġa li tosserva regoli nazzjonali u tal-Komunità fuq id-dispożizzjonijiet ta' servizzi ta' ferroviji, applikati f'manjiera mhux diskriminatorja, li huma intenzjonati biex jassiguraw li tista' tkompli bl-attivitajiet tagħha f'sigurtà kompleta fuq witat speċifiċi ta' binarji;

Billi, biex tassigura operazzjoni effiċjenti ta' trasport internazzjonali ta' ferroviji, huwa neċessarju li impriżi ferrovjarji jonoraw il-ftehim fis-seħħ f'dan is-settur;

Billi, finalment, il-proċeduri għall-għoti, manteniment u emendi ta' liċenzji operattivi għall-impriżi ferrovjarji għandhom jirriflettu xewqa ġenerali għat-trasparenza u nuqqas ta' diskriminazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

Għan u Skop

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-kriterji applikabbli għal ħruġ, tiġdid, jew emendi ta' liċenzji minn Stat Membru maħsub għal impriżi ferrovjarji li huma jew ser ikunustabbiliti fil- Komunità meta jipprovdu s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/440/KEE taħt il-kondizzjonijiet imniżżla f'dak l-Artikolu.

2. Impriżi ferrovjarji li l-attivitajiet tagħhom huma limitati għall-operazzjoni ta' servizzi urbani, suburbani jew reġjonali jkunu esklużi mill-iskop ta' din id-Direttiva.

Impriża ferrovjarji u gruppi internazzjonali li l-attività tagħhom hija limitata għall-għoti ta' servizzi shuttle li jittrasportaw vetturi tat-triq fiċ-Channel Tunnel ikunu wkoll esklużi mill-iskop ta' din id-Direttiva.

3. Liċenzja tkun valida fit-territorju kollu tal-Komunità.

L-Artikolu 2

Għall-iskop ta' din id-Direttiva:

(a) "impriża ferrovjarja" tfisser kull impriża privata jew pubblika li tiżvolġi n-negozju prinċipali tagħha billi tipprovdi servizz ta' trasport ta' ferroviji għall-oġġetti u/jew passiġġieri, bi skop li l-impriża trid tassigura ġarr ta' tagħbija;

(b) "liċenzja" tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru lill-impriża, li l-kapaċità tagħha bħala impriża ferrovjarja hija rikonoxxuta. Dik il-kapaċità tista' tiġi limitata għad-dispożizzjonijiet ta' tipi ta' servizzi speċifiċi.;

(ċ) "awtorità ta' liċenzjar" tfisser il-korp imqabbad min Stat Membru bil-ħruġ ta' liċenzji.

(d) - "servizzi urbani u suburbani" tfisser servizzi ta' trasport operati biex jilħqu l-ħtiġijiet ta' traffiku ta' ċentru urban jew wesgħa urbana, kif ukoll il-ħtiġijiet ta' trasport bejn dan iċ-ċentru jew wesgħa urbana u żoni li jiċċirkondawhom;

- "servizzi reġjonali" ifissru servizzi ta' trasport operati biex jilħqu l-ħtiġijiet ta' trasport ta' reġjun.

L-Artikolu 3

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-korp responsabbli għal ħruġ ta' liċenzji u biex jaqdi l-obbligi imposti minn din id-Direttiva.

IT-TAQSIMA II

Liċenzji

L-Artikolu 4

1. Impriża ferrovjarja tkun intitolata għal liċenzja fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

2. Stati Membri ma għandhomx joħroġux liċenzji jew jestendu l-validità tagħhom fejn ma jiġux imħarsa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

3. Impriża ferrovjarja li tosserva r-rekwiżiti imposti f'din id-Direttiva għandha tiġi awtorizzata biex tirċievi liċenzja.

4. Ebda impriża ferrovjarja ma għandha titħalla tipprovdi servizzi ta' trasport ta' ferroviji kopert minn din id-Direttiva kemm-il darba ma tingħatax il-liċenzja approprjata għas-servizzi li ħa jiġu pprovduti.

Madankollu, liċenzja simili ma tintitolax minnha nnifisha lid-detentur aċċess għall-infrastruttura ta' trasport bil-ferrovija.

L-Artikolu 5

1. Impriża ferrovjarja trid tkun kapaċi turi lill-awtoritajiet ta' liċenzjar ta' Stat Membru kkonċernat qabel il-bidu ta' l-attivitajiet li tkun kapaċi tosserva r-rekwiżiti dwar reputazzjoni tajba, qagħda finanzjarja soda, kompetenza professjonali, u r-responsabbiltà tagħha ċivili mniżżla fl-Artikoli 6 sa 9.

2. Għall-iskop tal-paragrafu 1, kull applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħtieġa ta' reputazzjoni tajba tiġi osservata biex tassigura li impriża ferrovjarja applikanti, jew il-persuni imqabbda mit-tmexxija tagħha:

- ma ġietx/ma ġewx ikkundannata/ikkundannati b'akkużi kriminali serji, inklużi reati ta' natura kummerċjali,

- ma ġietx/ma ġewx iddikjarata/iddikjarati falluta/fallutii,

- ma ġietx/ma ġewx ikkundannata/ikkundannati b'reati serji kontra leġislazzjoni speċifika applikabbli għat-trasport,

- ma ġietx/ma ġewx akkużata/akkużati b'nuqqas serju u ripetut li taqdi/jaqdu obbligi legali soċjali jew tax-xogħol, inklużi obbligi taħt sigurtà okkupazjonali u leġislazzjoni tas-saħħa.

L-Artikolu 7

1. Ir-rekwiżiti dwar qagħda finanzjarja għandhom jiġu osservati meta impriża applikanti ta' trasport ta' ferrovija tista' turi li tkun kapaċi tosserva l-obbligi attwali u potenzjali, stabbiliti taħt assunzjonijiet realistiċi, għal perjodu ta' tnax-il xahar.

2. Għall-iskop tal-paragrafu 1, kull applikant għandu jagħti mill-inqas il-partikolaritajiet imniżżla fit-Taqsima 1 ta' l-Anness.

L-Artikolu 8

1. Ir-rekwiżiti dwar kompetenza professjonalijtintlaħqu meta:

(a) impriża ferrovjarja applikanti għandha jew ser ikollha organizzazzjoni ta' tmexxija li għandha t-tagħrif u/jew esperjenza neċessarja biex teżerċita sigurtà u kontroll operattiv ta' min joqgħod fuqu u superviżjoni ta' tip ta' operazzjonijiet speċifikati fil-liċenzja.

(b) il-persunal responsabbli għas-sigurtà, b'mod partikolari sewwieqa, huma kwalifikati għas-settur ta' attività tagħhom u

(ċ) il-persunal tagħhom, rolling stock u organizzazzjoni jistgħu jassiguraw livell għoli ta' sigurtà għas-servizzi li ser jiġu pprovduti.

2. Għall-iskop tal-paragrafu 1, kull applikant għandu jagħti mill-inqas il-partikolaritajiet mniżżla fit-Taqsima II ta' l-Anness.

3. Prova xierqa bil-miktub ta' tħaris tar-rekwiżiti ta' kwalifiki għandha tkun prodotta.

L-Artikolu 9

Impriża ferrovjarja għandha tkun assigurata b'mod adegwat jew tagħmel arranġamenti ekwivalenti biex tkun koperta, skond il-liġi nazzjonali u internazzjonali, tar-responsabbilitajiet tagħha, fil-każ ta' aċċidenti, b'mod partikolari dwar passiġġieri, bagalji, merkanzija, posta u terżi persuni.

IT-TAQSIMA III

Validità tal-liċenzja

L-Artikolu 10

1. Liċenzja tibqa' valida sakemm l-impriża ferrovjarja tosserva l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva. Awtorità tal-liċenzji tista', iżda, tagħmel mod li jkun hemm eżami regolari mill-inqas kull ħames snin.

2. Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw is-sospensjoni jew revoka ta' liċenzja jistgħu jiġu inkorporati fil-liċenzja nnifisha.

L-Artikolu 11

1. Jekk hemm dubju serju dwar impriża ferrovjarja li tkun illiċenzjat biex tosserva r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, l-awtorità ta' liċenzji tistà, f'xi ħin, tiċċekkja jekk dik l-impriża ferrovjarja fil-fatt tosservax dawk ir-rekwiżiti.

Fejn awtorità ta' liċenzji hija sodisfatta li impriża ferrovjarja ma tistax aktar tosserva r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu, għandha tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja.

2. Fejn l-awtorità ta' liċenzji ta' Stat Membru hija sodisfatta li hemm dubju serju dwar it-tħaris tar-rekwiżiti mniżżla f'din id-Direttiva min-naħa ta' l-impriża ferrovjarja li għaliha ġiet maħruġa liċenzja minn awtorità ta' liċenzji ta' Stat ieħor, din għandha tinforma l-awtorità ta' l-aħħar bla dewmien.

3. Minkejja il-paragrafu 1, fejn liċenzja tiġi sospiża jew revokata għal raġunijiet ta'rekwiżiti ta' qagħda finanzjarja tajba, l-awtorità ta' liċenzji tista' tagħti liċenzja temporanja sakemm issir ir-riorganizzazzjoni ta' l-impriża ferrovjarja, sakemm ma tiġix ipperikolata s-sigurtà. Liċenzja temporanja ma tkunx, iżda, valida għal aktar minn sitt xhur wara d-data tal-ħruġ tagħha.

4. Meta impriża ferrovjarja waqfet topera għal sitt xhur, jew ma bdietx topera sitt xhur wara l-għoti tal-liċenzji, l-awtorità tal-liċenzji tista' tiddeċiedi li l-liċenzja tiġi sottomessa għall-approvazzjoni jew tkun sospiża.

Dwar il-bidu ta' l-attivitajiet, l-impriża ferrovjarja tista' titlob biex jiġi stabbilit perjodu itwal, u jittieħed kont tan-natura speċifika tas-servizzi li ħa jiġu pprovduti.

5. F'każ ta' bidla li taffettwa s-sitwazzjoni legali ta' l-impriża u, b'mod partikolari, f'każ ta' għaqda jew takeover, l-awtorità ta' liċenzji tista' tiddeċiedi li terġa' tiġi ppreżentata liċenzja għall-approvazzjoni. L-impriża ferrovjarja kkonċernata tista' tkompli bl-operazzjonijiet, sakemm l-awtorità tal-liċenzji tiddeċiedi li hija pperikolata s-sigurtà; f'dak il-każ jiġu mogħtija r-raġunijiet għal deċiżjoni simili.

6. Fejn impriża ferrovjarja fi ħsiebha tibdel jew testendi l-attivitajiet tiagħha, il-liċenzja tiagħha terġa' tingħata lill-awtorità ta' liċenzji għall-eżami.

7. Awtorità ta' liċenzji ma għandiex tħalli impriża ferrovjarja li kontriha bdew proċeduri ta' falliment jew oħrajn simili biex iżżomm il-liċenzja tagħha jekk dik l-awtorità hija konvinta li m'hemmx prospett realistiku ta' ristrutturar finanzjarju sodisfaċenti fi żmien raġjonevoli.

8. Meta awtorità ta' liċenzji tissospendi, tirrevoka jew temenda liċenzja, l-Istat Membru kkonċernat għandu mill-ewwel jinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan kollu.

L-Artikolu 12

B'żieda mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, impriża ferrovjarja għandha tosserva wkoll dawn id-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali li huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u huma applikati b'mod mhux diskriminatorju, b'mod partikolari:

- rekwiżiti tekniċi u operattivi għal servizzi ta' ferroviji,

- rekwiżiti ta' sigurtà li japplikaw għal persunal, rolling stock u -organizzazzjoni interna ta' l-impriża,

- dispożizzjonijiet fuq saħħa, sigurtà, kondizzjonijiet soċjali, u drittijiet tal-ħaddiema u konsumaturi.

L-Artikolu 13

Impriżi ta' trasport ta' ferroviji għandhom jirrispettaw l-arranġamenti applikabbli għal trasport internazzjonali ta' ferroviji fis-seħħ fl-Istati Membri fejn joperaw.

IT-TAQSIMA IV

Dispożizzjonijiet transitorji

L-Artikolu 14

Impriżi ta' trasport ta' ferroviji li joperaw fis-servizzi ta' ferroviji jingħataw perjodu transitorju ta' tnax il-xahar bħala data finali ta' traspożizzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2) biex josservaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Dak il-perjodu transitorju ma jkopri ebda dispożizzjoni li tista' taffettwa s-sigurtà ta' operazzjoni tal-ferroviji.

IT-TAQSIMA V

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 15

1. Il-proċeduri għall-għoti ta' liċenzji jiġu ppubblikati mill-Istat Membru kkonċernat, li jinforma lil Kummissjoni b'dan kollu.

2. L-awtorità ta' liċenzji għandha tieħu deċiżjoni fuq applikazzjoni malajr kemm jista' jkun, iżda mhux aktar tard minn tliet xhur wara li l-informazzjoni relevanti ġiet mogħtija, speċjalment il-partikolaritajiet msemmija fl-Anness, ġew sottomessi, wara li tkun ikkunsidrat l-informazzjoni kollha disponibbli. Id-deċiżjoni tkun komunikata lill-impriża ferrovjarja applikanti. Rifjut għandu jsemmi r-raġunijiet għalfejn.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li d-deċiżjonijiet ta' l-awtorità ta' liċenzji huma soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

L-Artikolu 16

1. Il-Kummissjoni, sentejn wara l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għandha tagħti lill-Kunsill rapport fuq din l-applikazzjoni akkumpanjata, jekk neċessarju, bi proposti li jikkonċernaw azzjoni kontinwa tal-Komunità, b'mod partikolari għall-possibbiltà li twessa' l-iskop tad-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, regolamenti, u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tagħha. Huma għandhom mill-ewwel jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan kollu.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha. Il-metodi biex issir din ir-referenza jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid- 19 ta' Ġunju 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Pons

[1] ĠU C 24, tat-28.1.1994, p. 2 u ĠU C 225, tat-13.8.1994, p. 9.

[2] L-Opinjoni mogħtija fl-14 ta' Settembru 1994 (ĠU C 393, tal-31.12.1994, p. 56).

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 1994 (ĠU C 205, tal-25.7.1994, p. 38), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 1994 (ĠU C 354 tat-13.12.1994, p. 11) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 1995 (ĠU C 89, ta' l-10.4.1995, p. 30).

[4] ĠU L 237, ta' l-24.8.1991, p. 25.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

I. Partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 7(2)

1. ħda finanzjarja tajba għandha tiġi verifikata bil-kontijiet annwali ta' l-impriża jew, fil-każ ta' impriżi applikanti li ma jistgħux jippreżentaw kontijiet annwali, permezz ta' balance sheet. Trid tingħata informazzjoni dettaljata, b'mod partikolari ta' dawn l-aspetti:

(a) fondi disponibbli, inklużi il-bilanċ bankarju, dispożizzjonijiet ta' pledged overdraft u self;

(b) fondi u assi disponibbli bħala garanzija;

(ċ) kapital għax-xogħol;

(d) spejjeż relevanti, inklużi spejjeż ta' ħlasijiet għal karozzi, art, bini, stallazzjonijiet u rolling stock;

(e) ħlasijiet fuq l-assi ta' l-impriża.

2. B'mod partikolari, applikant mhux ikkunsidrat bħal finazjarjament stabbli jekk arretrati konsiderevoli ta' taxxa jew sigurtà soċjali huma dovuti bħala riżultat ta' l-attività ta' l-impriża.

3. L-awtorità tista' b'mod partikolari teħtieġ l-għoti ta' rapport uffiċjali u dokumenti tajba minn bank, bank ta' kont kurrenti accountant jew awditur. Dawn id-dokumenti jrid ikun fihom informazzjoni dwar l-affarijiet msemmija fil-paragrafu 1.

II. Partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 8(2)

1. Partikolaritajiet dwar in-natura u l-manutenzjoni ta' rolling stock, partikolarment dwar standards ta' sigurtà.

2. Partikolaritajiet tal-kwalifiki tal-persunal responsabbli għas-sigurtà u dettalji ta' taħriġ tal-persunal.

--------------------------------------------------

Top