Help Print this page 
Title and reference
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel

OJ L 208, 24.7.1992, p. 1–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 03 Volume 043 P. 153 - 159
Special edition in Swedish: Chapter 03 Volume 043 P. 153 - 159
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 013 P. 4 - 11
Languages, formats and link to OJ
Multilingual display
Text

31992R2081



Official Journal L 208 , 24/07/1992 P. 0001 - 0008
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0153
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0153


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92

ta’ l-14 ta’ Lulju 1992

dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-produzzjoni, il-manufattura u d-distribuzzjoni tal-prodotti agrikoli u l-affarijiet ta’ l-ikel għandhom sehem importanti fl-ekonomija tal-Komunità;

Billi,bħala parti mill-aġġustament tal-politika komuni ta’ l-agrikoltura għandha tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni agrikola sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda fis-swieq; billi l-promozzjoni ta’ prodotti li għandhom ċerti karatteristiċi tista’ tkun ta’ benefiċċju konsiderevoli għall-ekonomija agrikola, b’mod partikolari għall dawk iż-żoni inqas vantaġġjati jew iktar mbegħdin billi jiżdied d-dħul tal-bdiewa u tħeġġeġ lill-popolazzjoni rurali tibqa’ f’dawn iż-żoni;

Billi, barra minn dan ġie osservat f’dawn l-aħħar snin illi l-konsumaturi qegħdin jagħtu importanza ikbar lill-kwalità ta’ l-ikel milli l-kwantità; billi din it-tfittxija għal prodotti speċifiċi toħloq domanda ikbar għall-prodotti agrikoli jew affarijiet ta’ l-ikel b’oriġini ġeografika li tista’ tiġi identifikata;

Billi minħabba il-varjetà kbira ta’ prodotti fis-suq u l-ammont kbir ta’ informazzjoni dwar dawn il-prodotti li hija pprovduta, il-konsumaturi, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet għandhom jingħataw informazzjoni ċara u konċiża dwar l-oriġini tal-prodott;

Billi t-tikkettjar ta’ prodotti agrikoli u ta’ affarijiet ta’ l-ikel huwa soġġett għar-regoli ġenerali stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti ta’ l-ikel [4]; billi, minħabba n-natura speċifika tagħhom, għandhom jiġu addottati dispożizzjonijiet addizzjonali speċjali għall-prodotti agrikoli u għall-prodotti ta’ l-ikel minn żoni ġeografiċi speċifiċi;

Billi x-xewqa illi l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel li għandhom oriġini ġeografika li tista’ tiġi identifikata jiġu protetti wasslet sabiex ċerti Stati Membri jintroduċu "denominazzjoni ta’ l-oriġini reġistrata"; billi dawn kienu ta’ suċċess mal-produtturi li kellhom introjtu ikbar b’riżultat ta’ sforz ġenwin biex titjieb il-kwalità, u mal-konsumaturi, li jistgħu jixtru prodotti ta’ kwalità għolja b’garanziji dwar il-metodi ta’ produzzjoni u l-oriġini;

Billi, madanakollu, hemm differenzi fil-prassi nazzjonali għall-implementazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi; billi għandha tiġi prevista prassi tal-Komunità; billi struttura ta’ regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet geografiċi u d- denominazzjoni ta’ l-oriġini; billi minħabba illi tipprovdi metodu iktar uniformi din l-istruttura tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-indikazzjonijiet u b’hekk tittejjeb il-kredibilità tal-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi;

Billi r-regoli ppjanati għandhom jikkunsidraw il-legislazzjoni eżistenti tal-Komunità dwar l-inbejjed u x-xorb alkoħoliku, li tagħti livell ta’ protezzjoni ikbar;

Billi l-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa llimitat għal ċerti prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel fejn hemm konnessjoni bejn il-prodott jew l-ikel u l-oriġini ġeografika; madanakollu dan l-iskop jista’ jiġi mwessa’ sabiex jinkludi prodotti jew prodotti ta’ l-ikel oħrajn;

Billi minħabba l-prassi eżistenti huwa xieraq illi żewġ tipi ta’ deskrizzjoni ġeografika jiġu definiti, u speċifikament l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u d-deskrizzjoni ta’ oriġini protetta;

Billi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li għandhom din l-indikazzjoni għandhom jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet stabbiliti fi speċifikazzjoni;

Billi sabiex igawdu minn protezzjoni f’kull Stat Membru l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-deskrizzjonijiet ta’ l-oriġini għandhom jiġu reġistrati fuq livell Komunitaju; billi skrizzjoni fir-reġistru għandha wkoll tipprovdi informazzjoni lil dawk involuti fil-kummerċ u lill-konsumaturi;

Billi l-proċedura ta’ reġistrazzjoni għandha tippermetti lil kull persuna interessata individwalment u direttament fi Stat Membru sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha billi tinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-oppożizzjoni tagħha;

Billi għandu jkun hemm proċeduri li jippermettu li ssir emenda ta’ l-ispeċifikazzjoni, wara r-reġistrazzjoni, fid-dawl tal-progress teknoloġiku jew l-irtirar mir-registru ta’ l-indikazzjoni ġeografika jew id-deskrizzjoni ta’ oriġini ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel jekk dawk il-prodotti ma jibqgħux konformi ma’ l-ispeċifikazzjoni li fuq il-bażi tagħha tkun ingħatat l-indikazzjoni jew id-deskrizzjoni ġeografika ta’ oriġini;

Billi għandhom isiru disposizzjonijiet għal kummerċ ma’ pajjiżi terzi li joffru garanziji ekwivalenti għall-ħruġ u l-ispezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ oriġini maħruġa fit-territorju tagħhom;

Billi għandhom isiru disposizzjonijiet għal proċedura illi tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni permezz ta’ Kumitat Regolatorju stabbilit għal dan l-iskop,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni dwar id- denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjoni ġeografika ta’ prodotti agrikoli għall-konsum tal-bniedem msemmija fl-Anness II tat-Trattat u tal-prodotti ta’ l-ikel msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u l-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness II tar-Regolament.

Madanakollu, dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-inbejjed jew xorb alkoħoliku.

L-Anness I jista’ jiġi emendat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet speċifiċi l-oħra tal-Komunità.

3. Id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi [5] m’għandhiex tapplika għad-deskrizzjoni ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

L- Artikolu 2

1. Il-protezzjoni tal-Komunità għad- denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel għandha tingħata skond dan ir-Regolament.

2. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) denominazzjoni ta’ oriġini: dan ifisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użati sabiex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel:

- illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż; u

- li għandhom kwalitajiet jew karatteristiċi li huma kkawżati essenzjalment jew esklussivament minħabba ambjent ġeografiku partikolari inklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu, u li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita;

(b) indikazzjoni ġeografika: tfisser l-isem ta’ reġjun, ta’ post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali ta’ pajjiż, użati biex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel:

- illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż, u

- li jippossjedu kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi marbuta ma’ dik l-oriġini ġeografika u li l-produzzjoni u/jew l-ipproċessar u/jew it-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita.

3. Ċerti ismijiet ġeografiċi jew mhux ġeografiċi illi jiddeskrivu prodotti agrikoli jew prodotti ta’ l-ikel li joriġinaw f’reġjun jew post speċifiku, illi jissodisfaw il-kondizzjonijiet msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2(a) għandhom ukoll jitqiesu bħala deskrizzjoni ta’ oriġini.

4. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2(a), ċerti deskrizzjonijiet ġeografiċi għandhom jiġu meqjusa bħala deskrizzjoni ta’ oriġini meta l-materja prima tal-prodotti inkwestjoni tkun tiġi minn żona ġeografika ikbar jew differenti miż-żona ta’ l-ipproċessar, sakemm:

- iż-żona ta’ produzzjoni tal-materja prima hija llimitata,

- jeżistu kondizzjonijiet speċjali għall-produzzjoni tal-materja prima, u

- jesistu arranġamenti ta’ spezzjoni sabiex ikun żgurat illi dawn il-kondizzjonijiet huma sodisfatti.

5. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 4, annimali ħajjin, laħam u ħalib biss jistgħu jitqiesu bħala materja prima. L-użu ta’ materja prima oħra tista’ tiġi awtorizzata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15.

6. Sabiex ikunu eliġibbli għad-deroga msemmija fil-paragrafu 4, id-deskrizzjonijiet inkwistjoni jridu jiġu rikonoxxuti jew iridu diġà jkunu ġew rikonoxxuti bħala deskrizzjoni ta’ oriġini bi protezzjoni nazzjonali mill-Istat Membru konċernat, jew jekk skema bħal din ma tkunx teżisti, irid ikollhom karattru tradizzjonali ppruvat u reputazzjoni u fama eċċezzjonali.

7. Sabiex ikunu eliġibbli għad-deroga msemmija fil-paragrafu 4, l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jridu jiġu sottomessi fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

L- Artikolu 3

1. Ismijiet li jkunu saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati.

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, "isem li sar ġeneriku" ifisser l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ l-ikel illi, minkejja li huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manufatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel.

Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi kollha, b’mod partikolari:

- is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn joriġina l-isem u fiż-żoni tal-konsum,

- is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra,

- il-liġijiet relevanti nazzjonali jew tal-Komunità.

Meta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi miċħuda minħabba illi l-isem ikun sar ġeneriku, il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-deċiżjoni fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Isem ma jistax jiġi rreġistrat bħala deskrizzjoni ta’ oriġini jew indikazzzjoni ġeografika meta jkun hemm kunflitt ma’ l-isem ta’ varjetà ta’ pjanta jew ta’ razza ta’ annimali u minħabba f’hekk jista’ jqarraq lill-pubbliku fir-rigward ta’ l-oriġini vera tal-prodott.

3. Qabel ma jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-Kunsill, permezz ta’ maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jagħmel lista indikattiva u mhux eżawrenti ta’ l-ismijiet tal-prodotti agrikoli jew tal-prodotti ta’ l-ikel li jaqgħu taħt l-iskop ta’ dan ir-Regolament u li huma meqjusa skond il-paragrafu 1 bħala ġeneriċi u li għalhekk ma jistgħux jiġu rreġistrati skond dan ir-Regolament, u għandu jippubblika l-istess lista fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L- Artikolu 4

1. Sabiex ikunu eliġibbli biex jużaw denominazzjoni protetta ta’ oriġini (DPO) jew indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) il-prodotti agrikoli jew il-prodotti ta’ l-ikel għandhom jikkonformaw ma’ ċerti speċifikazzjonijiet.

2. L-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandha tinkludi ta’ mill-inqas dawn li ġejjin:

(a) l-isem tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta’ l-ikel, inkluża d-deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika;

(b) deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta’ l-ikel inkluża l-materja prima, fejn ikun xieraq, u l-karatteristiċi prinċipali fiżiċi, kimiċi, mikrobioloġiċi u/jew organolettiċi tal-prodott jew l-ikel;

(ċ) id-definizzjoni taż-żona ġeografika u, fejn ikun xieraq, dettalji li jindikaw konformità mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 2 (4);

(d) xhieda illi l-prodott agrikolu jew l-ikel joriġina fiż-żona ġeografika skond id-definizzjoni fl-Artikolu 2(2) (a) jew (b), skond liema minnhom ikunu applikabbli;

(e) deskrizzjoni tal-metodu illi jintuża sabiex jinkiseb il-prodott agrikolu jew l-ikel u, fejn ikun xieraq, il-metodi lokali awtentiċi u li ma jvarjawx;

(f) id-dettalji li jindikaw ir-rabta ma’ l-ambjent ġeografiku jew l-oriġini ġeografika skond id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2(2)(a) jew (b), skond liema minnhom ikunu applikabbli;

(g) d-dettalji ta’ l-istrutturi ta’ spezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10;

(h) d-dettaliji speċifiċi tat-tikketjar li jindikaw DOP jew IĠP, skond liema minnhom ikunu applikabbli, jew l-indikazzjonijiet ekwivalenti tradizzjonali nazzjonali;

(i) kwalunkwe rekwiżit stabbilit mill-Komunità u/jew skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

L- Artikolu 5

1. Huwa biss grupp, jew soġġett għall-ċerti kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura fl-Artikolu 15, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li huma intitolati biex japplikaw għal reġistrazzjoni.

Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘grupp’ ifisser kull assoċjazzjoni, irrispettivament mill-forma legali jew mill-kompożizzjoni tagħha, ta’ produtturi u/jew proċessuri li jaħdmu l-istess prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel. Persuni oħra interessati jistgħu jieħdu sehem fil-grupp.

2. Grupp jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu japplikaw biss għar-reġistrazzjoni ta’ prodotti agrikoli jew prodotti ta’ l-ikel li jipproduċu jew jakkwistaw fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2)(a) jew (b).

3. L-applikazzjoni għar-registrazzjoni għandha tinkludi l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott msemmija fl-Artikolu 4.

4. L-applikazzjoni għandha tintbagħat lill-Istat Membru fejn tinsab iż-żona ġeografika.

5. L-Istat Membru għandu jikkonferma illi l-applikazzjoni hija ġġustifikata u għandu jibgħat l-applikazzjoni, inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 4 u d-dokumenti l-oħra li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tkun waslet għad-deċiżjoni tagħha, jekk huwa jkun ta’ l-opinjoni illi l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Jekk l-applikazzjoni tkun trrigwarda isem illi jindika żona ġeografika li tinsab fi Stat Membru iehor, dak l-Istat Membru għandu jiġu kkonsultat ukoll qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni.

6. L-Istati Membru għandhom jintroduċu l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.

L- Artikolu 6

1. Fi żmien perjodu ta’ sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tivverifika permezz ta’ investigazzjoni formali, jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tinkludix id-dettalji kollha msemmija fl-Artikolu 4.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar is-sejbiet tagħha.

2. Jekk, wara li tikkunsidra l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tikkonkludi illi l-isem jikkwalifika għall-protezzjoni, hija għandha tippublika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, l-isem u l-indirizz ta’ l-applikant, l-isem tal-prodott, il-punti prinċipali ta’ l-applikazzjoni, r-riferenzi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-preparazzjoni, il-produzzjoni jew il-manufattura tal-prodott u, fejn ikun hemm bżonn, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

3. Jekk ma tiġi nnotifikata ebda nota ta’ oġġezzjonijiet lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7, l-isem għandu jiddaħħal f’reġistru miżmum mill-Kummissjoni imsejjaħ "Reġistru ta’ deskrizzjoni ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti", li għandu jinkludi l-ismijiet tal-gruppi u l-għaqdiet ta’ spezzjoni involuti.

4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej:

- l-ismijiet imdaħħla fir-reġistru,

- kull emendi fir-reġistru skond l-Artikoli 9 u 11.

5. Jekk, fid-dawl ta’ l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tikkonkludi illi l-isem ma jikkwalifikax għall-protezzjoni, hija għandha tiddeċiedi, skond il-proċeduri fl-Artikolu 15, illi ma tissoktax bil-publikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Qabel il-publikazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 4 u r-reġistrazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista’ titlob l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15.

L- Artikolu 7

1. Fi żmien sitt xhur mid-data tal-publikazzjoni fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 6 (2), kull Stat Membru jista’ joġġezzjona għar-reġistrazzjoni.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi l-persuni kollha li għandhom interess ekonomiku leġittimu jkunu awtorizzati biex jikkonsultaw l-applikazzjoni. Barra minn dan u skond s-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu jagħtu aċċess lil persuni oħra b’interess leġittimu.

3. Kull persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu tista’ toġġezzjona għar-reġistrazzjoni proposta billi tibgħat dikjarazzjoni sostanzjata lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn jgħix jew huwa stabbilit. L-awtorità kompetenti għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra dawn il-kummenti jew l-oġġezzjoni fit-termini ta’ żmien stipulati.

4. Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni hija ammissibbli biss jekk:

- turi li m’hemmx konformità mal-kondizzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 2,

- jew turi illi r-reġistrazzjoni proposta ta’ isem tista’ tippreġudika l-eżistenza ta’ isem jew ta’ marka identika għal kollox jew parzjalment jew l-eżistenza ta’ prodotti li huma fuq is-suq legalment meta jiġi ppublikat dan ir-Regolament fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej,

- jew tindika l-karatteristiċi illi juru illi l-isem li għalih tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni huwa ta’ natura ġenerika.

5. Meta oġġezzjoni tkun ammissibbli skond il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri involuti sabiex jiftiehmu bejniethom skond il-proċeduri interni tagħhom fi żmien tlett xhur. Jekk:

(a) jintlaħaq ftehim, l-Istati Membri inkwistjoni għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni il-fatturi kollha li waslu għall-ftehim flimkien ma’ l-opinjoni ta’ l-applikant u dik tal-persuna li tkun għamlet l-oġġezzjoni. Meta ma jkun hemm l-ebda bidla fl-informazzjoni milqugħa skond l-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tipproċedi skond l-Artikolu 6(4). Jekk kien hemm xi bidla, għandha tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 mill-ġdid;

(b) ma jintlaħaqx ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 15, u għandha tqis il-prassi imparzjali tradizzjonali u l-possibiltà attwali ta’ konfużjoni. Jekk tiddeċiedi li tissokta bir-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq il-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 6(4).

L- Artikolu 8

L-indikazzjonijiet DPO, IĠP jew l-indikazzjonijiet tradizzjonali nazzjonali ekwivalenti jistgħu jidhru biss fuq il-prodotti agrikoli u l-ikel li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

L- Artikolu 9

L-Istat Membru involut jista’ jitlob bidliet għall-ispeċifikazzjonijiet, b’mod partikolari sabiex jiġu meqjusa l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija jew sabiex tiġi definita mill-ġdid l-arja ġeografika.

Il-proċedura ta’ l-Artikolu 6 għandha tapplika mutatis mutandis.

Madankollu il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15, illi ma tapplikax il-proċedura ta’ l-Artikolu 6 fil-każ ta’ emenda żgħira.

L- Artikolu 10

1. L-Istati membri għandhom jiżguraw illi mhux iktar minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-istrutturi ta’ l-ispezzjoni jkunu f’posthom, u l-funzjoni tagħom għandha tkun illi l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel li għandhom isem protett huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet.

2. Struttura ta’ spezzjoni tista’ tikkonsisti f’awtorità jew awtoritajiet imsemmija u/jew għaqdiet privati approvati għal dak l-iskop mill-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jibagħtu listi ta’ l-awtoritajiet u/jew l-għaqdiet approvati u tal-poteri rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-dettalji fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. L-awtoritajiet ta’ spezzjoni nominati u/jew l-għaqdiet privati approvati għandhom joffru garanziji biżżejjed ta’ oġġettività u imparzjalità fir-rigward tal-produtturi u l-proċessuri kollha taħt il-kontroll tagħhom u għandhom juru li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-ħaddiema kkwalifikati u r-riżorsi meħtieġa sabiex jispezzjonaw il-prodotti agrikoli u l-ikel li għandhom isem protett.

Jekk xi struttura ta’ spezzjoni tuża s-servizzi ta’entità oħra għal xi spezzjonijiet, dik l-għaqda għandha tagħti l-istess garanziji. F’dik l-eventwalità, l-awtoritajiet ta’ spezzjoni nominati u/jew l-entitajiet privati approvati għandhom jibqgħu jkunu responsabbli fil-konfront ta’ l-Istat Membru għall-ispezzjonijiet kollha.

Sa mill-1 ta’ Jannar 1998, sabiex jiġu approvati mill-Istati Membri għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, l-entitajiet privati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl- istandard EN 45011 tas-26 ta’ Ġunju 1989.

4. Jekk awtorità ta’ spezzjoni nnominata u/jew għaqda privata fi Stat Membru tistabbilixxi illi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li għandhom deskrizzjoni ta’ oriġini prottetta f’dak l-Istat Membru ma jissodisfawx il-kriterji ta’ l-ispeċifikazzjoni, għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi dan ir-Regolament jiġi mħares. Huma għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fl-ispezzjonijiet tagħhom. Il-partijiet inkwestjoni għandhom jiġu nnotifikati bid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu.

5. Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni għal għaqda ta’ spezzjoni meta l-kriterji msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma jibqgħux aktar sodisfatti. Għandu jinforma lill-Kummissjoni, li għandha tippubblika lista reveduta ta’ l-għaqdiet approvati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

6. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi produttur li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament ikollu aċċess għas-sistema ta’ spezzjoni.

7. L-ispejjeż ta’ l-ispezzjoni msemmija f’dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-produtturi li jużaw l-isem protett.

L- Artikolu 11

1. Kull Stat Membru jista’ jsostni illi kondizzjoni stabbilita fl-ispeċifikazzjoni ta’ prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel koperti b’isem protett ma kinetx osservata.

2. L-Istat Membru msemmi fl-ewwel paragrafu għandu jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu lill-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru involut għandu jeżamina l-ilment u jinforma lill-Istat Membru dwar is-sejbiet tiegħu u dwar kull miżura li tkun ittieħdet.

3. Fl-eventwalità ta’ irregolaritajiet ripetuti u n-nuqqas ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jasal għal ftehim, applikazzjoni sostanzjata għandha tintbagħat lill-Kummissjoni.

4. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni billi tikkonsulta ma’ l-Istat Membru involut. Fejn ikun xieraq u wara illi tikkonsulta lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa. Dawn jistgħu jinkludu it-tħassir tar-reġistrazzjoni.

L- Artikolu 12

1. Mingħajr preġudizzju għal kull ftehim internazzjonali, dan ir-Regolament jista’ japplika għal prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel kemm-il darba:

- il-pajjiż terz jista’ jagħti garanziji identiċi jew ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 4,

- il-pajjiż terz involut ikollu arranġamenti ta’ spezzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 10,

- il-pajjiż terz involut jkun lest li jagħti protezzjoni ekwivalenti għal dak applikabbli fil-Komunità għal prodotti agrikoli jew prodottita’ l-ikel simili provenjenti mill-Komunità.

2. Jekk l-isem protett ta’ pajjiż terz ikun identiku għal isem protett tal-Komunità, ir-reġistrazzjoni għandha tingħata b’kunsiderazzjoni xierqa għall-użu lokali u tradizzjonali u r-riskji prattiċi illi jkun hemm konfużjoni.

L-użu ta’ dawn l-ismijiet ikun awtorizzat biss jekk il-pajjiż ta’ l-oriġini tal-prodott ikun indikat b’mod ċar u viżibbli fuq it-tikketta.

L- Artikolu 13

1. L-ismijiet irreġistrati għandhom jkunu protetti kontra:

(a) kull użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-registrazzjoni biss jekk dawk il-prodotti jistgħu jiġu pparagunati mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew sakemm l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-isem protett;

(b) kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija ndikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma "stil", "tip", "metodu", "kif prodott fi", "imitazzjoni", jew "simili";

(ċ) kull indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq ġewwa jew fuq barra tal-pakkett, fir-reklamar jew fid-dokumenti dwar il-prodott in kwestjoni, u l-ippakkjar tal-prodott f’reċipjent, li jistgħu jagħtu impressjoni qarrieqa dwar l-oriġini tiegħu;

(d) kull prattika oħra li tista’ tiżvija lill-pubbliku dwar l-oriġini vera tal-prodott.

Meta isem irreġistrat jkun jinkludi l-isem ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li huwa meqjus bħala ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku u l-prodott agrikolu jew il-prodott ta’ l-ikel m’għandux jitqies li bħala kuntrarju għal (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu.

2. Madankollu, l-Istati membri jistgħu jżommu l-miżuri nazzjonali li jawtorizzaw l-użu ta’ l-espressjonijiet imsemmija fil-paragrafu (b) għal perjodu ta’ mhux iktar minn ħames snin mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm:

- il-prodotti kien ilhom jinbiegħu legalment b’dawk l-espressjonijiet għal żmien ta’ mhux inqas minn ħames snin mid-data tal-publikazzjoni ta’ dan ir-Regolament,

- it-tikkettjar jindika b’mod ċar l-oriġini vera tal-prodott.

Madankollu din l-eċċezzjoni ma tistax twassal għall-bejgħ liberu ta’ prodotti fit-territorju ta’ Stat Membru fejn dawn l-espressjonijiet huma projbiti.

3. L-ismijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi.

L- Artikolu 14

1. Meta d-deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika jkunu rreġistrati skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ marka li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 u li għandha x’taqsam ma’ l-istess tip ta’ prodott għandha tiġi rrifjutata, sakemm dik l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-marka kienet sottomessa wara d-data tal-publikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2).

Trade marks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu dikjarati bħala invalidi.

Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark tkun ġiet sottomessa qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), sakemm dik il-publikazzjoni tkun saret qabel ma ġiet irreġistrata t- trade mark.

2. B’rispett għal-liġijiet tal-Komunità, l-użu ta’ trade mark illi tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 li kienet ġiet irreġistrata in buona fede qabel id-data meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika jista’ jissokta minkejja r-reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, meta ma jkunx hemm raġuni għall-invalidità jew ir-revoka tal-marka kif stabbilit rispettivament permezz ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) u (g) u l-Artikolu 12 (2)(b) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it- trade marks [6]

3. Deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika m’għandhomx jiġu rregistrati meta, fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tat- trade mark u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża, ir-reġistrazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott.

L- Artikolu 15

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u immexxi mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'terminu ta' żmien li l-President jista' jistabilixxi skond l-urġenza tal-każ. F'dawk id-deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa mitlub li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni, l-opinjoni għandha tingħata minn maġġoranza kif stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jiġu mwieżna skond il-metodu stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri previsti jekk ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mill-aktar fis, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, malli jiskadi perjodu ta’ tlett xhur mid-data tar-riferenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L- Artikolu 16

Regoli ddettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15.

L- Artikolu 17

1. Fi żmien sitt xhur mill-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar liema mill-ismijiet tagħhom protetti legalment jew, f’dawk l-Istati Membri fejn m’hemmx sistema ta’ protezzjoni, liema mill-ismijiet stabbiliti permezz ta’ l-użu huma jixtiequ jirreġistraw skond dan ir-Regolament.

2. B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-ismijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li huma konformi ma’ l-Artikoli 2 u 4. L-Artikolu 7 m’għandux japplika. Madankollu m’għandhomx jiġu miżjuda ismijiet ġeneriċi.

3. L-Istati Membri jistgħu iżommu sistema ta’ protezzjoni nazzjonali ta’ l-ismijiet komunikati skond il-paragrafu 1 saż-żmien meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni.

L- Artikolu 18

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ tnax-il xahar wara li jiġi pubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul Brussel, fl-14 ta’ Lulju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Gummer

[1] ĠU C 30, tas-6.2.1991, p. 9 u ĠU K 69, tat-18 3.1992, p. 15.

[2] ĠU C 326, tas-16.12.1991, p. 35.

[3] ĠU C 269, ta' l-14.10.1991, p, 62.

[4] ĠU C 33, tat-8.2.1979, p. 1. kif emendat l-aħħar permezz tad-Direttiva 91/72/KEE (ĠU L 42, 15.2.1991, p. 27).

[5] ĠU C 109, tas-26.4.1983, p. 8. kif emendat l-aħħar permezz tad-Direttiva 90/230/KEE (ĠU L 128, tat-18.5.1990, p. 15).

[6] ĠU C 40, tal-11.2.1989, p. 1. emendat permezz tad-Deċiżżjoni 92/10/KEE (ĠU L 6, tal-11.1.1992, p. 35).

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Il-prodotti ta’ l-ikel li għalihom issir referenza fl-Artikolu 1(1)

- Birra,

- Ilmijiet naturali u minerali,

- Xorb magħmul mill-estratti tal-pjanti,

- Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u affarijiet oħra tal-forn,

- Gommom u raża naturali.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Il-prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 1(1)

- Ħuxlief

- Żjut essenzjali.

--------------------------------------------------

Top