Help Print this page 

Document 31989L0656

Title and reference
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għall-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)
  • In force
OJ L 393, 30.12.1989, p. 18–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 05 Volume 004 P. 187 - 197
Special edition in Swedish: Chapter 05 Volume 004 P. 187 - 197
Special edition in Czech: Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Estonian: Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Latvian: Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Lithuanian: Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Hungarian Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Maltese: Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Polish: Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Slovak: Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Slovene: Chapter 05 Volume 001 P. 375 - 385
Special edition in Bulgarian: Chapter 05 Volume 002 P. 114 - 124
Special edition in Romanian: Chapter 05 Volume 002 P. 114 - 124
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 002 P. 8 - 18

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/656/oj
Multilingual display
Text

31989L0656



Official Journal L 393 , 30/12/1989 P. 0018 - 0028
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0187
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0187


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-30 ta' Novembru 1989

dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għall-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(89/655/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1]

, ppreżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol, B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' direttivi, ħtiġiet minimi imfassla sabiex jinkoraġġixxu titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-saħħa u tas-sigurtà ta' ħaddiema;

Billi, taħt l-Artikolu msemmi, Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw milli jimponu limitazzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li jista' jrażżan il-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

Billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol [4] tipprovdi għall-adozzjoni ta' direttiva dwar l-użu ta' tagħmir protettiv personali fuq ix-xogħol;

Billi l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, iġjene u saħħa fuq ix-xogħol [5], ħa nota ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta lill-Kunsill, fil-futur qrib, ħtiġiet minimi dwar l-organizzazzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol;

Billi l-konformità mal-ħtiġiet minimi mfassla sabiex jiggarantixxu aktar saħħa u sigurtà għal min juża tagħmir ta' protezzjoni personali hija essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva hija direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkorraġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema fuq ix-xogħol [6]; billi, konsegwentament, id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jgħoddu kollha kemm huma għall-użu mill-ħaddiema ta' tagħmir ta' protezzjoni personali fuq il-post tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi f'din id-Direttiva;

Billi din id-Direttiva tikkostitwixxi f'pass prattiku lejn l-ilħuq tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

Billi mezzi ta' protezzjoni kollettivi għandhom jingħataw prijorità fuq it-tagħmir ta' protezzjoni individwali; billi min iħaddem għandu jkun meħtieġ li jipprovdi tagħmir ta' protezzjoni u jieħu miżuri ta' sigurtà;

Billi l-ħtiġiet stabbiliti f'din id-Direttiva ma għandhomx jinvolvu tibdiliet għal tagħmir ta' protezzjoni personali li d-diżinn u l-manifattura tiegħu ikun konformi mad-direttivi tal-Komunità li jkollhom x'jaqsmu mas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol;

Billi għandha ssir disposizzjoni għal deskrizzjonijiet li Stati Membri jistgħu jużaw meta jistabbilixxu regoli ġenerali għall-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni individwali;

Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE [7], kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1985, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-xogħol għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni għall-abbozzar tal-proposti f'dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IS-SEZZJONI I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Suġġett

1. Din id-Direttiva, li hija t-tielet direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, litistabbilixxi ħtiġiet minimi għal tagħmir ta' protezzjoni personali użat mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

2. Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE jgħoddu għal kollox għall-kamp kollu li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Definizzjoni

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, tagħmir ta' protezzjoni personali ifisser kull tagħmir imfassal sabiex jintlibes jew sabiex jinżamm mill-ħaddiem sabiex jipproteġih minn xi riskju jew riskji li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà u s-saħħa tiegħu fuq il-post tax-xogħol, u kwalunkwe addizzjoni jew aċċessorju mfassla sabiex jissodisfa dan l-għan.

2. Id-definizzjoni f'paragrafu 1 teskludi:

(a) ħwejjeġ ta' xogħol ordinarji u uniformijiet li mhumiex imfassla speċifikament sabiex jipprotegu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem;

(b) tagħmir użat minn servizzi ta' emerġenza u ta' salvataġġ;

(ċ) tagħmir ta' protezzjoni personali milbus jew użat mill-militar, il-pulizija jew xi aġenziji żamma ta' l-ordni pubbliċi oħra;

(d) tagħmir personali ta' protezzjoni għal mezzi tat-trasport bit-triq;

(e) tagħmir sportiv;

(f) tagħmir ta' difiża personali jew ta' diterrent;

(g) apparat li jinġarr sabiex jiskopri u jimmarka riskji u disturbi.

L-Artikolu 3

Regola ġenerali

Tagħmir ta' protezzjoni personali għandu jiġi użat meta r-riskji ma jistgħux jiġu evitati jew limitati biżżejjed b'mezzi tekniċi ta' protezzjoni kollettiva jew b'miżuri, metodi jew proċeduri ta' organizzazzjoni tax-xogħol.

IS-SEZZJONI II

OBBLIGI TA' MIN IĦADDEM

L-Artikolu 4

Disposizzjonijiet ġenerali

1. Tagħmir ta' protezzjoni personali għandu jikkonforma mad-disposizzjonijiet rilevanti tal-Komunità dwar it-tfassil u l-manifattura fir-rigward tas-sigurtà u tas-saħħa.

It-tagħmir ta' protezzjoni personali għandu:

(a) jkun addattat għar-riskji involuti, mingħajr ma jwassal hu stess għal xi riskju miżjud;

(b) jikkorrispondi għall-kondizzjonijiet eżistenti fuq il-post tax-xogħol;

(ċ) jagħti kas tal-ħtiġiet ergonomiċi u ta' l-istat ta' saħħa tal-ħaddiem;

(d) jkun jiġi tajjeb lil min jilbsu wara kwalunkwe aġġustament meħtieġ.

2. Fejn il-preżenza ta' aktar minn riskju wieħed jobbliga ħaddiem jilbes simultanjament aktar minn oġġett wieħed ta' tagħmir ta' protezzjoni personali, tagħmir bħal dan għandu jkun kompatibbli u jibqa' jkun effettiv kontra r-riskju jew riskji msemmija.

3. Il-kondizzjonijiet ta' użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali, b'mod partikolari l-perjodu li fih jintlibes, għandhom jiġu determinati fuq il-bażi tal-gravità tar-riskju, tal-frekwenza għall-espożizzjoni għar-riskju, tal-karatteristiċi ta' l-istazzjon tax-xogħol ta' kull ħaddiem u tar-rendiment tat-tagħmir ta' protezzjoni personali.

4. Tagħmir ta' protezzjoni personali huwa, fil-prinċipju, maħsub għal użu personali.

Jekk iċ-ċirkostanzi jeħtieġu li tagħmir ta' protezzjoni personali jintlibes minn aktar minn persuna waħda, għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li dan l-użu ma joħloqx problemi ta' sigurtà jew ta' iġjene għall-persuni differenti li jużawh.

5. Għandha tkun provduta informazzjoni adegwata fuq kull oġġett tat-tagħmir ta' protezzjoni personali, meħtieġa taħt paragrafi 1 u 2, u għandha tkun magħmula disponibbli fl-intrapriża u/jew fl-istabbiliment.

6. It-tagħmir ta' protezzjoni personali għandu jiġi pprovdut b'xejn minn min iħaddem, li għandu jiżgura l-kondizzjoni operattiva tajba tiegħu u kondizzjoni iġjenika sodisfaċenti permezz tal-manutenzjoni, tiswija u tibdil li jkun hemm bżonn.

Iżda, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, skond il-prattika nazzjonali tagħhom, li l-ħaddiem ikun mitlub jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta' ċertu tagħmir ta' protezzjoni personali fiċ-ċirkostanzi fejn l-użu tat-tagħmir ma jkunx esklussiv għall-post tax-xogħol.

7. Min iħaddem għandu l-ewwel jinforma lill-ħaddiem bir-riskji li kontrihom jipproteġih l-ilbies ta' tagħmir ta' protezzjoni personali.

8. Min iħaddem għandu jirranġa għal taħriġ u għandu, jekk ikun addattat, jorganizza wirjiet dwar l-ilbies ta' tagħmir ta' protezzjoni personali.

9. Tagħmir ta' protezzjoni personali jista' jintuża biss għal skopijiet speċifikati, minbarra f'ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali.

Għandu jintuża skond l-istruzzjonijiet.

Dawn l-istruzzjonijiet għandhom ikunu jinftehmu mill-ħaddiema.

L-Artikolu 5

Stima tat-tagħmir ta' protezzjoni personali

1. Qabel ma jintgħażel tagħmir ta' protezzjoni personali, min iħaddem jeħtieġ li jistma jekk it-tagħmir ta' protezzjoni personali li jkollu l-ħsieb li juża jissodissfax l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 4(1) u (2).

L-istima għandha tinvolvi:

(a) analiżi u stima tar-riskji li ma jistgħux ikunu evitati b'mezzi oħra;

(b) definizzjoni tal-karatteristiċi li t-tagħmir ta' protezzjoni personali jista' jkollu sabiex ikun effettiv kontra r-riskji li hemm riferenza għalihom f'(a), billi jingħata kas ta' kwalunkwe riskji li t-tagħmir stess jista' joħloq;

(ċ) paraguna tal-karatteristiċi tat-tagħmir ta' protezzjoni personali disponibbli mal-karatteristiċi li hemm riferenza għalihom f'(b).

2. L-istma li għaliha hemm provdut f'paragrafu 1 għandha tiġi riveduta jekk isiru xi tibdiliet ta' xi elementi minn tiegħu.

L-Artikolu 6 [8]

Regoli għall-użu

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3, 4 u 5, Stati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti regoli ġenerali għall-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali u/jew regoli li jkopru każijiet u sitwazzjonijiet fejn min iħaddem għandu jipprovdi t-tagħmir ta' protezzjoni personali, billi jingħata kas tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-moviment ħieles ta' dan it-tagħmir.

Dawn ir-regoli għandhom jindikaw b'mod partikolari iċ-ċirkostanzi jew is-sitwazzjonijiet ta' riskju li fihom, mingħajr preġudizzju għall-prijorità li għandha tingħata għal mezzi kollettivi ta' protezzjoni, għandu jsir l-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali.

L-Annessi I, II u III, li jikkostitwixxu gwida, fihom informazzjoni utili sabiex jiġu stabbiliti regoli bħal dawn.

2. Meta Stati Membri jadottaw ir-regoli li hemm riferenza għalihom f'paragrafu 1, għandhom jagħtu kas ta' kwalunkwe tibdiliet sinnifikanti għar-riskju, mezzi kollettivi ta' protezzjoni u ta' tagħmir ta' protezzjoni personali miġjub minn żviluppi teknoloġiċi.

3. Stati Membri għandhom jikkonsultaw ma' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema li hemm riferenza għalihom f'paragrafi 1 u 2.

L-Artikolu 7

Informazzjoni għall-ħaddiema

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu informati bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu fir-rigward tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema meta jiġi użat tagħmir ta' protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq ix-xogħol.

L-Artikolu 8

Konsultazzjoni tal-ħaddiema u parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom għandha ssir skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-materji koperti b'din id-Direttiva, inklużi l-Annessi magħha.

IS-SEZZJONI III

DISPOSIZZJONIJIET MIXXELLANJI

L-Artikolu 9

Aġġustament ta' l-Annessi

Tibdiliet ta' natura strettament teknika għall-Annessi I, II u III li jirriżultaw minn:

- l-addozzjoni ta' direttivi ta' armonizzazzjoni teknika u ta' standardizzazzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' tagħmir ta' protezzjoni personali, u/jew

- progress tekniku u bidliet f'regolamenti internazzjonali u speċifikazzjonijiet jew tagħrif fil-qasam ta' tagħmir ta' protezzjoni personali,

għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li għaliha hemm provdut fl-Artikolu 17 tad- Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 10

Diżposizzjonijiet finali

1. Stati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1992. Għandhom jinfurmaw mal-ewwel lill-Kummissjoni bihom..

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, it-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw, kif ukoll dawk li diġà adottaw, fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

3. Stati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni prattika tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva, waqt li jindikaw l-opinjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol.

4. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta perjodikament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fid-dawl ta' paragrafi 1, 2 u 3.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-30 ta' Novembru 1989.

Għall-KunsillIl

President

J. P. Soisson

[1] ĠU C 161, ta' l-20.6.1988, p. 1,ĠU C 115, tat-8.5.1989, p. 27 uĠU C 287, tal-15.11.1989, p. 11.

[2] ĠU C 12, tas-16.1.1989, p. 92 uĠU C 256, tad-9.10.1989, p. 61.

[3] ĠU C 318, tat-12.12.1988, p. 30.

[4] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3.

[5] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1.

[6] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[7] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15.

[8] Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU Nru C 328, tat-30.12.1989, p. 3).

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

ABBOZZ TA' TABELLA TA' SURVEY TAR-RISKJU GĦALL-UŻU TA' TAGĦMIR TA' PROTEZZJONI PERSONALI

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

LISTA GWIDA MHUX EŻAWRJENTI TA' OĠĠETTI TA' TAGĦMIR TA' PROTEZZJONI

PERSONALI PROTEZZJONI TAR-RAS

- Elmi ta' protezzjoni sabiex jintużaw fl-industrija (minjieri, siti tal-bini, użu ieħor industrijali).

- Protezzjoni tal-qorriegħa tar-ras (brieret, kpiepel, xbieki tax-xagħar — bi jew mingħajr ilqugħ għall-għajnejn).

- Xedd ir-ras (kpiepel, brieret, sou'westers, eċċ. tad-drapp, tad-drapp bl-inforra, eċċ).

PROTEZZJONI TAS-SMIGĦ

- Saddieda tal-widnejn (ear plugs) u apparat simili.

- Elmi akustiċi għal kollox.

- Muffs tal-widnejn li jistgħu jiġu mdaħħla fl-elmi industrijali.

- Ilqugħ tal-widnejn b'riċevitur għal LF induction loop.

- Protezzjoni tal-widnejn b'apparat intercom.

PROTEZZJONI TA' L-GĦAJNEJN U TAL-WIĊĊ

- Nuċċalijiet.

- Nuċċalijiet ta' protezzjoni.

- Nuċċalijiet ta' protezzjoni għal raġġi X, nuċċalijiet ta' protezzjoni għal raġġi tal-laser, nuċċalijiet ta' protezzjoni għal raġġi ultra-vjola, infra-red, radjazzjoni viżibbli.

- Ilqugħ tal-wiċċ.

- Maskli ta' l-arc welding u elmi (maskli ta' l-id, maskli b'faxxa li tintlibes madwar ir-ras jew maskli li jistgħu jiġu mwaħħla ma' l-elmi ta' protezzjoni).

PROTEZZJONI TAN-NIFS

- Filtri tat-trab, filtri tal-gass u filtri ta' trab radjoattiv.

- Appliances iżolaturi bi provvista ta' arja.

- Apparat tan-nifs li jinkludi maskla tal-welding li tista' titneħħa.

- Tagħmir tal-bugħaddasa.

- Ilbies tal-bugħaddasa.

PROTEZZJONI TA' L-IDEJN U TAD-DRIEGĦ

- Ingwanti biex jipprovdu protezzjoni:

- minn makkinarju (ta' titqib, ta' qtugħ, vibrazzjonijiet, eċċ.),

- minn sustanzi kimiċi,

- għal elettriċisti u mis-sħana.

- Mittens

- Ingwanti tas-swaba'.

- Kmiem barranin milbusa fuq oħrajn.

- Protezzjoni tal-polz għal xogħol tqil.

- Ingwanti bla swaba'.

- Ingwanti ta' protezzjoni.

PROTEZZJONI TAS-SAQAJN U TAR-RIĠLEJN

- Żraben qosra, żraben sa l-għarqub, żraben sal-pexxun, żraben tas-sigurtà.

- Żraben li jistgħu jinħallu mil-lazz jew żganċati malajr.

- Żraben b'kappa tas-swaba' miżjuda għall-protezzjoni.

- Żraben u overshoes bil-qiegħ reżistenti għas-sħana.

- Żraben reżistenti għas-sħana, boots u overboots.

- Żraben termali, boots u overboots.

- Żraben reżistenti għal vibrazzjonijiet, boots u overboots.

- Żraben anti statiċi, boots u overboots.

- Żraben iżolaturi, boots u overboots.

- Boots ta' protezzjoni għal operaturi ta' lupi.

- Zukkletti ta' l-injam (Clogs).

- Milqgħat ta' l-irkobba.

- Ilqugħ għall-instep li jistgħu jitneħħew.

- Getti.

- Qigħan li jittneħħew (reżistenti għas-sħana, reżistenti għat-titqib jew reżistenti għall-għaraq).

- Spikes li jistgħu jittneħħew għas-silġ, borra jew art li tiżloq.

PROTEZZJONI TAL-ĠILDA

- Dlik/ingwenti għall-protezzjoni tal-ġilda.

PROTEZZJONI TAT-TRONK U TAŻ-ŻAQQ

- Sdieri, ġkieket u fradal ta' protezzjoni biex jipprovdu protezzjoni minn makkinarju (ta' titqib, ta' qtugħ, ta' titjir tal-metall maħlul, etc).

- Sdieri, ġkieket u fradal ta' protezzjoni biex jipprovdu protezzjoni minn sustanzi kimiċi.

- Sdieri msaħħna.

- Ġkieket tas-salvataġġ.

- Fradal ta' protezzjoni minn raġġi X.

- Ċintorini taż-żaqq (panċieri).

PROTEZZJONI TAL-ĠISEM KOLLU

- Tagħmir imfassal biex jipprevjeni waqgħat

- Tagħmir biex jipprevjeni waqgħat (tagħmir sħiħa bl-aċċessorji kollha meħtieġa).

- Tagħmir tal-brejk li jassorbi enerġija kinetika (tagħmir sħiħ bl-aċċessorji kollha meħtieġa).

- Apparat ta' żamma tal-ġisem (harness tas-sigurtà).

- Ilbies ta' protezzjoni

- Ilbies tax-xogħol "ta"' protezzjoni (f'biċċtejn u fradal).

- Ilbies li jipprovdi protezzjoni minn makkinarju (ta' titqib, ta' qtugħ, eċċ).

- Ilbies li jipprovdi protezzjoni minn sustanzi kimiċi.

- Ilbies li jipprovdi protezzjoni minn titjir ta' metall maħlul u radjazzjoni infra-ħamra.

- Ilbies reżistenti għas-sħana.

- Ilbies termali.

- Ilbies li jipprovdi protezzjoni minn kontaminazzjoni radjoattiva.

- Ilbies li minnu ma jgħaddix trab.

- Ilbies li minnu ma jgħaddix gass.

- Sinjali fluworexxenti, ilbies u aċċessorji li jirreflettu (faxex ma' l-idejn, ingwanti, eċċ).

- Għata ta' protezzjoni.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

LISTA TA' GWIDA MHUX EŻAWRJENTI TA' ATTIVITAJIET U SETTURI TA' ATTIVITÀ LI JISTGĦU JEĦTIEĠU L-PROVIŻJON TA' TAGĦMIR TA' PROTEZZJONI PERSONALI

1. PROTEZZJONI TAR-RAS (PROTEZZJONI TAL-QORRIEGĦA)

Elmi ta' protezzjoni

- Xogħol ta' bini, b'mod partikolari xogħol fuq, taħt jew fil-viċinanzi ta' scaffolding u postijiet tax-xogħol elevati, twaqqif u tneħħija ta' strutturi temporanji, xogħol ta' assemblaġġ u xogħol ta' installazzjoni, xogħol fuq scaffolding u xogħol ta' twaqqigħ.

- Xogħol fuq pontijiet ta' l-azzar, kostruzzjoni ta' bini ta' l-azzar, arbli, torrijiet, strutturi idrawliċi ta' l-azzar, kalkara ta' funderiji, fabbriki tal-ħadid u fabbriki tar-rolling, containers kbar, pajpijiet twal, impjanti tal-boilers u power stations.

- Xogħol f'fosos, kanal, xaftijiet u mini.

- Xogħol l-art u l-blat.

- Xogħol f'xogħlijiet taħt l-art, f'barrieri, tħaffir fil-miftuħ, tneħħija ta' provvisti tal-faħam.

- Xogħol b'għodda li twassal il-boltijiet.

- Xogħol ta' blasting.

- Xogħol fil-viċinanzi ta' liftijiet, tagħmir ta' rafa', krejnijiet u conveyors.

- Xogħol b'kalkara tal-funderiji, impjanti ta' riduzzjoni diretta, fabbriki ta' l-azzar, fabbriki ta' rolling, fabbriki tal-metall, kiwi tal-metalli, kiwi tal-metalli bil-qatra (drop forging) u tidwib tal-metall (casting).

- Xogħol bi fran industrijali, containers, makkinarju, silos, bunkers u pajpijiet.

- Bini ta' vapuri.

- Xogħol ta' tħarrik bl-użu ta' linji tal-ferrovija.

- Biċċeriji.

2. PROTEZZJONI TAS-SIEQ

Żraben tas-sigurtà b'qiegħ kontra t-titqib

- Xogħol strutturali, pedamenti u xogħlijiet fit-toroq.

- Xogħol bl-użu ta' scaffolding.

- Twaqqigħ ta' xogħol strutturali.

- Xogħol tal-konkos u b'biċċiet prefabbrikati li jinvolvi xogħol ta' twaqqif u ta' tneħħija ta' strutturi temporanji.

- Xogħol fil-btieħi u mħażen ta' kuntratturi.

- Xogħol tal-bjut.

Żraben tas-sigurtà mhux bil-qiegħ ma jittaqqabx

- Xogħol fuq pontijiet ta' l-azzar, kostruzzjoni ta' bini ta' l-azzar, arbli, torrijiet, liftijiet, strutturi idrawliċi ta' l-azzar, kalkara ta' funderiji, fabbriki tal-ħadid u fabbriki tar-rolling, containers kbar, pajpijiet twal, krejnijiet, impjanti tal-boilers u power stations.

- Kostruzzjoni ta' fran, installazzjoni ta' tisħin u ta' ventilazzjoni u xogħol ta' assemblaġġ tal-metall.

- Xogħol ta' konverżjoni u manutenzjoni.

- Xogħol b'kalkara tal-funderiji, impjanti ta' riduzzjoni diretta, fabbriki ta' l-azzar, fabbriki ta' rolling, fabbriki tal-metall, kiwi tal-metalli, kiwi tal-metalli bil-qatra (drop forging), hot pressing, drawing plants.

- Xogħol fil-barrieri u tħaffir fil-miftuħ, tneħħija ta' provvisti tal-faħam.

- Xogħol u proċessar tal-blat.

- Manifattura xogħol u pproċessar ta' prodotti ċatti tal-ħġieġ u ta' reċipjenti tal-ħġieġ.

- Xogħol bil-forom fl-industrija taċ-ċeramika.

- Kisi bil-kalkara fl-industrija taċ-ċeramika.

- Xogħol bil-forma fl-industrija ta' affarijiet taċ-ċeramika u ta' materjal tal-bini.

- Trasport u ħżin.

- Xogħol bi blokok ta' laħam iffriżat u ppakkjar ta' ikel priservat.

- Bini ta' vapuri.

- Xogħol ta' tħarrik bl-użu ta' linji tal-ferrovija.

Żraben tas-sigurtà bit-takkuna jew żraben b'takkuna b'forma ta' feles u bil-qiegħ ma jittaqqabx.

- Xogħol tal-bjut.

Żraben ta' protezzjoni bil-qiegħ iżolat

- Xogħol bi u fuq materjal jaħraq ħafna jew kiesaħ ħafna.

Żraben tas-sigurtà li jistgħu jitneħħew malajr

- Fejn ikun hemm riskju ta' penetrazzjoni ta' sustanzi maħlulin.

3. PROTEZZJONI TA' L-GĦAJNEJN JEW TAL-WIĊĊ

Nuċċalijiet ta' protezzjoni, ilqugħ tal-wiċċ jew screens

- Xogħol tal-welding, tal-grinding jew ta' separar.

- Mili u xogħol bil-furmatur.

- Xogħol u proċessar il-blat.

- Xogħol b'għodda li twassal il-boltijiet.

- Xogħol fuq magni li jneħħu l-istokk għal frak żgħar.

- Kiwi tal-metalli bil-qatra (drop forging).

- It-tneħħija u ksur ta' frammenti.

- Sprejjar ta' sustanzi li joborxu.

- Xogħol b'aċidi u soluzzjonijiet kawstiċi, diżinfettanti u prodotti korrużivi tat-tindif.

- Xogħol bi sprays likwidi.

- Xogħol bi u fil-viċinanzi ta' sustanzi mdewbin.

- Xogħol bis-sħana radjanti.

- Xogħol bil-laser.

4. PROTEZZJONI GĦAN-NIFS

Respirators/apparat tan-nifs

- Xogħol f'containers, żoni ristretti u kalkari industrijali bil-gas fejn jista' jkun hemm gass jew nuqqas ta' ossiġnu.

- Xogħol fil-viċinanza taċ-ċarġ ta' kalkara tal-funderiji.

- Xogħol fil-viċinanzi ta' converters tal-gass u ta' pajpijiet tal-gass ta' kalkari tal-funderiji.

- Xogħol fil-viċinanza ta' truf ta' kalkari tal-funderiji fejn jista' jkun hemm ħafna dħaħen ta' metalli.

- Xogħol fuq il-kisi ta' fran u ta' kuċċara fejn jista' jkun hemm trab.

- Żebgħa bi sprej fejn it-tneħħija tat-trab ma tkunx adegwata.

- Xogħol f'-xaftijiet, kanali tad-dranaġġ u żoni oħra taħt l-art li jkollhom x'jaqsmu mad-dranaġġ.

- Xogħol f'impjanti ta' refriġerazzjoni fejn ikun hemm perikolu li jkun jista' joħroġ ir-refriġerant.

5. PROTEZZJONI TAS-SMIGĦ

Protezzjoni għall-widna

- Xogħol bi preses tal-metalli.

- Xogħol bi drillijiet pnewmatiċi.

- Ix-xogħol ta' persunal ta' l-art fl-ajruporti.

- Xogħol ta' pile driving.

- Xogħol ta' l-injam u tat-tessuti.

6. PROTEZZJONI TAL-ĠISEM, TAD-DIRGĦAJN U TA' L-IDEJN

Ilbies ta' protezzjoni

- Xogħol b'aċidi u soluzzjonijiet kawstiċi, diżinfettanti u sustanzi korrużivi tat-tindif.

- Xogħol bi jew fil-viċinanza ta' materjali sħanu fejn l-effetti tas-sħana ikunu jinħassu.

- Xogħol fuq prodott ċatti tal-ħġieġ.

- Shot blasting.

- Xogħol fi kmamar friża.

Ilbies ta' protezzjoni reżistenti għan-nar

- Iwweldjar f'żoni ristretti.

Fradal li ma jittaqbux

- Xogħol ta' tneħħija ta' għadam u ta' qtugħ.

- Xogħol bi skieken ta' l-idejn li jinvolvi l-ġbid tas-sikkina lejn il-ġisem.

Fradal tal-ġilda

- Iwweldjar.

- Kiwi tal-metalli.

- Tidwib tal-metalli (casting).

Protezzjoni tad-driegħ

- Tneħħija ta' għadam u qtugħ.

Ingwanti

- Iwweldjar.

- Immanniġġjar ta' oġġetti bit-tarf jaqta', minbarra magni oħra fejn ikun hemm il-perikolu li jinqabdu l-ingwanti.

- Xogħol b'aċidi u soluzzjonijiet kawstiċi mingħajr ilqugħ.

Ingwanti magħmulin minn xbieki tal-metall

- Tneħħija ta' għadam u qtugħ.

- Qtugħ normali bl-użu ta' sikkina ta' l-id għall-produzzjoni u għall-qtil.

- Bdil ta' skieken ta' magni ta' qtugħ.

7. ILBIES LI JILQA' L-MALTEMP

- Xogħol fl-arja aperta fix-xita u f'temp kiesaħ.

8. ILBIES LI JIRRIFLETTI

- Xogħol fejn il-ħaddiema għandhom ikunu jidhru b'mod ċar.

9. HARNESSES TA' SIGURTÀ

- Xogħol fuq scaffolding.

- Assemblaġġ ta' partijiet prefabbrikati.

- Xogħol fuq arbli.

10. ĦBULA TAS-SIGURTÀ

- Xogħol f'kabini ta' krejnijiet fl-għoli.

- Xogħol f'kabini għoljin ta' tagħmir ta' stivar u ta' lħuq.

- Xogħol f'sezzjonijiet għoljin ta' drilling towers.

- Xogħol f'xaftijiet u kanali tad-dranaġġ.

11. PROTEZZJONI TAL-ĠILDA

- Proċessar ta' materjali tal-kisi.

- Kunzatura.

--------------------------------------------------

Top