EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31985R3820

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq

OJ L 370, 31.12.1985, p. 1–7 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)
Spanish special edition: Chapter 07 Volume 004 P. 21 - 27
Portuguese special edition: Chapter 07 Volume 004 P. 21 - 27
Special edition in Finnish: Chapter 07 Volume 003 P. 113 - 119
Special edition in Swedish: Chapter 07 Volume 003 P. 113 - 119
Special edition in Czech: Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Estonian: Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Latvian: Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Lithuanian: Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Hungarian Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Maltese: Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Polish: Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Slovak: Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Slovene: Chapter 05 Volume 001 P. 319 - 325
Special edition in Bulgarian: Chapter 05 Volume 002 P. 45 - 51
Special edition in Romanian: Chapter 05 Volume 002 P. 45 - 51

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/04/2007; Revokat u sostitwit bi 32006R0561

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1985/3820/oj

31985R3820



Official Journal L 370 , 31/12/1985 P. 0001 - 0007
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0113
Spanish special edition: Chapter 07 Volume 4 P. 0021
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0113
Portuguese special edition Chapter 07 Volume 4 P. 0021


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85

ta' l-20 ta' Diċembru 1985

dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffetwaw il-kompetizzjoni fit-trasport permezz tal-ferrovija, tat-toroq u ta' passaġġi ta' l-ilma interni [1], u b'mod partikolari t-Taqsima III tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [4],

Billi fil-qasam ta' trasport bit-triq, ir-Regolament (KEE) Nru 543/69 [5] kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 2829/77 [6] jistabbilixxi leġislazzjoni soċjali Komunitarja; billi dik il-leġislazzjoni timmira lejn l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn mezzi ta' trasport interni, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-toroq u t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà bit-triq; billi l-progress li sar f'dawn l-oqsma jrid jiġi salvagwardjat u estiż; billi, madanakollu, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Regolament isiru iktar flessibbli mingħajr ma jixxejnu l-għanijiet tagħhom;

Billi, wara li jiġu kkunsidrati l-emendi li jinsabu hawnhekk iżjed 'il quddiem, sabiex jiġu ċċarati l-affarijiet, id-dispożizzjonijiet relevanti kollha għandhom jinġiebu flimkien f'test wieħed, u b'konsegewenza ta' dan, ir-Regolament (KEE) Nru 543/69 għandu jintneħħa; billi, madanakollu, l-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 fir-rigward ta' ċerti vetturi u d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 dwar ċerti operazzjonijiet ta' trasport tal-passiġġieri għandhom jinżammu fis-seħħ għal ċertu żmien;

Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li għandhom x'jaqsmu mal-kondizzjonijiet tax-xogħol ma jistgħux jitħallew jippreġudikaw id-dritt taż-żewġ naħat ta' l-industrija biex jistabbilixxu, permezz ta' collective bargaining jew b'mod ieħor, dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema; billi, sabiex mhux biss jiġi promoss il-progress soċjali iżda wkoll sabiex tittejjeb is-sigurtà bit-triq, kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt li jadotta ċerti miżuri xierqa;

Billi minħabba l-waqgħa fin-numru ta' sħab tas-sewwieqa u kundutturi m'għadux neċessarju li wieħed jirregola l-perjodi ta' serħan ta' membri ta' l-ekwipaġġ ħlief għas-sewwieq;

Billi s-sostituzzjoni tal-ġimgħa flessibbli bil-ġimgħa fissa tagħmilha eħfef għas-sewwieqa sabiex jorganizzaw xogħlhom u jittejjeb il-kontroll;

Billi għandha tiġi definita sistema li tapplika għal operazzjonijiet internazzjonali tat-trasport lejn jew minn pajjiż terz jew bejn żewġ pajjiżi fi transitu minn ġewwa t-territorju ta' Stat Membru; billi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewropew dwar ix-Xogħol ta' l-Ekwipaġġ ta' Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali fuq it-Triq (AETR) ta' l-1 ta' Lulju 1970 għandhom japplikaw għal dawk l-operazzjonijiet tat-trasport; billi fil-każ ta' vetturi reġistrati fi Stat li m'huwiex Parti Kontraenti ta' l-AETR, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw biss għal dik il-parti tal-vjaġġ li ssir ġewwa l-Komunità;

Billi, permezz li is-soġġett tal-Ftehim AETR jaqa' taħt l-iskop ta' dan ir-Regolament, il-Komunità għandha l-poter li tinnegozja u tikkonkludi l-Ftehim; billi, madanakollu, iċ-ċirkostanzi partikolari li fihom saru n-negozjati ta' l-AETR jiġġustifikaw, permezz ta' eċċezzjoni, proċedura li permezz tagħha l-Istati Membri tal-Komunità individwalment jiddepositaw l-istrumenti ta' ratifika jew adeżjoni tagħhom f'azzjoni orkestrata iżda xorta jaġixxu fl-interess u f'isem il-Komunità;

Billi, sabiex tiġi żgurata s-supremazija tal-liġi Komunitarja fit-trasport intra-Komunitarju, l-Istati Membri għandhom idaħħlu riserva meta jiddepositaw l-istrumenti ta' ratifika jew adeżjoni tagħhom li permezz tagħha operazzjonijiet ta' trasport internazzjonali bejn Stati Membri m'għandhomx jitqiesu bħala operazzjonijiet ta' trasport internazzjonali fis-sens tal-Ftehim;

Billi l-possibbilitajiet li jinsabu f'dan ir-Regolament innifsu dwar ftehim bilaterali bejn Partijiet Kontraenti li jidderogaw mill-Ftehim imsemmi fir-rigward ta' żona tal-fruntiera u operazzjonijiet tat-trasport ta' transitu huma kwistjonijiet li fil-prinċipju jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità;

Billi, jekk emenda għar-regoli interni tal-Komunità fil-qasam inkwistjoni toħloq il-ħtieġa ta' emenda korrispondenti fil-Ftehim, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b'mod konġunt sabiex jiksbu emenda għall-Ftehim skond il-proċedura stabbilita minnu;

Billi ċerti operazzjonijiet tat-trasport jistgħu jiġu eżentati mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

Billi huwa mixtieq li jiġu amplifikati u kjarifikati ċerti definizzjonijiet u li jiġu aġġornati ċerti dispożizzjonijiet, b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu ma' l-eċċezzjonijiet għal ċerti kategoriji ta' vetturi;

Billi huwa mixtieq li jkun hemm dispożizzjonijiet dwar l-etajiet minimi għal sewwieqa involuti fil-ġarr ta' merkanzija jew ta' passiġġieri — kont tenut hawnhekk ta' ċerti rekwiżiti ta' taħriġ vokazzjonali — u wkoll dwar l-età minima għal sħab is-sewwieqa u kondutturi; billi għall-iskopijiet tat-taħriġ vokazzjonali, l-Istati Membri jridu jkunu jistgħu inaqqsu l-età minima approvata għal sħab is-sewwieqa għal 16-il sena;

Billi, fir-rigward ta' perjodi ta' sewqan, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti limiti dwar ħinijiet ta' sewqan kontinwu u dwar ħin ta' sewqan kuljum, imma mingħajr preġudizzju għal kull regoli nazzjonjali li permezz tagħhom s-sewwieqa huma projbiti milli jsuqu għal iżjed milli jistgħu b'sigurtà sħiħa;

Billi ġurnata itwal ta' sewqan, flimkien ma' ħin iqsar ta' sewqan għal perjodu ta' ġimagħtejn x'aktarx jistgħu jiffaċilitaw l-amministrazzjoni ta' l-impriżi tat-trasport u jikkontribwixxu għall-progress soċjali;

Billi d-dispożizzjonijiet dwar waqfiet fis-sewqan għandhom jiġu aġġustati minħabba l-ħin itwal ta' sewqan kuljum;

Billi, fir-rigward tal-perjodi ta' serħan, huwa mixtieq li jiġi stabbilit it-tul minimu u kondizzjonjiet oħrajn li jirregolaw il-perjodi ta' serħan kuljum u fil-ġimgħa tal-membri ta' l-ekwipaġġ;

Billi l-vjaġġi jkunu eħfef kieku s-sewwieq ikun jista' jaqsam il-perjodu ta' serħan ta' kuljum, b'mod partikolari sabiex tiġi evitata li jkollu jieħu l-ikla u r-raqda fl-istess post;

Billi huwa ta' benefiċċju għall-progress soċjali u għas-sewqan bit-triq li jittawlu l-perjodi ta' serħan fil-ġimgħa, waqt li fl-istess ħin jitqassru dawn il-perjodi, sakemm is-sewwieq jista' jikkumpensa għal partijiet mill-perjodu ta' serħan tiegħu li huwa ma jkunx ħa f'post li jagħżel hu fi żmien determinat;

Billi ħafna operazzjonijiet tat-trasport bit-triq ġewwa l-Komunità jinvolvu trasport permezz tal-vapur jew bil-ferrovija għal parti mill-vjaġġ; billi r-regoli għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jirrigwardaw perjodi ta' serħan kuljum u waqfiet li huma xierqa għal operazzjonijiet bħal dawn;

Billi, fl-interessi tas-sigurtà bit-triq, il-ħlas ta' bonuses marbuta mad-distanza li tkun ġiet misjuqa u/jew it-tunnellaġġ li jkun inġarr li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà bit-triq għandhom jiġu projbiti;

Billi huwa mixtieq li jitħallew isiru eċċezzjonijiet minn dan ir-Regolament għal ċerti operazzjonijiet ta' trasport nazzjonali b'karatteristiċi speċjali; billi f'każ li jsiru xi eċċezzjonijiet l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livell ta' protezzjoni soċjali u s-sigurtà bit-triq ma jiġux kompromessi;

Billi huwa ġustifikat, minħabba l-karattru speċjali tat-trasport tal-passiġġieri, li l-kategoriji ta' vetturi li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni tar-Regolament fil-qasam ta' trasport nazzjonali jerġgħu jiġu definiti;

Billi l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati, bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, li jagħtu eċċezzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament f'ċirkostanzi eċċezzjonali; billi f'każijiet urġenti, għandu jkun possibbli li jingħataw dawn l-eċċezzjonijiet għal żmien limitat mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni;

Billi fil-każ ta' sewwieqa ta' vetturi użati għal servizzi regolari tal-passiġġiera, kopja ta' l-iskeda u silta mir-roster ta' l-impriża tista' tissostitwixxi l-apparat ta' reġistrazzjoni; billi jkun utli għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u għall-prevenzjoni ta' l-abbuż, li jintbagħtu siltiet tar-roster ta' kuljum lis-sewwieqa li jitolbuhom;

Billi huwa mixtieq, fl-interess tal-kontroll effettiv, li s-servizzi regolari tal-passiġġieri internazzjonali, bl-eċċezzjoni ta' ċerti servizzi tal-fruntiera ma jibqgħux eżentati mill-obbligu li jinstallaw u li jużaw apparat ta' reġistrazzjoni;

Billi huwa mixtieq illi tkun enfasizzata l-importanza u l-ħtieġa tal-ħarsien ta' dan ir-Regolament minn dawk li jħaddmu u mis-sewwieqa;

Billi l-Kummissjoni għandha tissorvelja l-mod kif is-sitwazzjoni tiżviluppa fl-Istati Membri u għandha tissottometti lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tar-regoli kull sentejn;

Billi, sabiex dan ir-Regolament jiġi applikat u sabiex jiġi ikkontrollat il-ħarsien tiegħu, huwa xieraq li l-Istati Membri jgħinu lil xulxin,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TAQSIMA I

Definizzjonijiet

L-Artikolu 1

F'dan ir-Regolament:

1. "ġarr fuq it-triq" tfisser kull vjaġġ li jsir fuq toroq miftuħa għall-pubbliku minn vetturi, kemm jekk mgħobbija u kemm jekk le, użati għall-ġarr ta' passiġġieri jew merkanzija;

2. "vetturi" tfisser vetturi bil-mutur, tractors, karrijiet u semi-karrijiet, definiti kif ġej:

(a) "vettura bil-mutur": kull vettura li timbotta lilha innifisha mekkanikament u li tiċċirkola fuq it-triq, ħlief għal vettura li tiġri fuq il-linji, u li tintuża normalment għall-ġarr ta' passiġġieri jew merkanzija;

(b) "tractor": kull vettura li timbotta lilha innifisha mekkanikament u li tiċċirkola fuq it-triq, ħlief għal vettura li tiġri fuq il-linji, u li hija speċifikament iddisinjata biex tiġbed, timbotta jew iċċaqlaq karrijiet, semi-karrijiet, għodda jew magni;

(ċ) "karru": kull vettura ddisinjata biex tiżdied ma' vetturi bil-mutur jew tractor,

(d) "semi-karru": karru mingħajr il-fus tar-rota ta' quddiem b'mod li parti sostanzjali tat-toqol tiegħu u tat-toqol tat-tagħbija tiegħu hija merfugħa mit-tractor jew mill-vettura bil-mutur;

3. "sewwieq" tfisser kull persuna li ssuq il-vettura anki għal perjodu qasir, jew li tinġarr fil-vettura sabiex tkun tista' ssuq jekk jinqala' l-bżonn;

4. "ġimgħa" tfisser il-perjodu bejn 00.00 tat-Tnejn u 24.00 tal-Ħadd;

5. "serħan" tfisser kull perjodu mhux interrott ta' mill-inqas siegħa li waqtu s-sewwieq jista' jiddisponi liberalment minn ħinu;

6. "toqol massimu permissibbli" tfisser it-toqol massimu awtorizzat għall-vettura meta tkun kompletament mgħobbija;

7. "servizzi regolari tal-passiġġiera" tfisser servizzi nazzjonali u internazzjonali kif definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 117/66/KEE tat-28 ta' Lulju 1966 dwar l-introduzzjoni ta' regoli komuni għall-ġarr internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ jew bix-xarabank [7].

IT-TAQSIMA II

Kompetenza

L-Artikolu 2

1. Dan ir-Regolament japplika għall-ġarr bit-triq, kif definit fl-Artikolu 1(1), ġewwa l-Komunità.

2. Il-Ftehim Ewropew dwar ix-Xogħol ta' Ekwipaġġi ta' Vetturi involuti fi Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR) għandu japplika minflok ir-regoli preżenti għal operazzjonijiet ta' trasport internazzjonali bit-triq:

- lejn u/jew minn pajjiżi terzi li huma Partijiet Kontraenti fil-Ftehim, jew li jkun għaddej fi transitu minn dawn il-pajjiżi, għall-vjaġġ kollu fejn jitwettqu dawn l-operazzjonijiet minn vetturi reġistrati fi Stat Membru jew f'wieħed mill-imsemmijin pajjiżi terzi;

- lejn u/jew minn pajjiżi terzi li m'humiex Partijiet Kontraenti fil-Ftehim, fil-każ ta' kull vjaġġ magħmul ġewwa l-Komunità fejn jitwettqu dawn l-operazzjonijiet minn vetturi reġistrati f'wieħed minn dawk il-pajjiżi;

L-Artikolu 3

Il-Komunità għandha tidħol f'kull negozjati ma' pajjiżi terzi li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-ġarr permezz ta':

1. vetturi użati għall-ġarr ta' merkanzija fejn it-toqol massimu permissibbli tal-vettura, inkluż kull karru jew semi-karru, ma jaqbiżx 3,5 tunnellati;

2. vetturi użati għall-ġarr ta' passiġġieri li, minħabba l-binja u l-apparat tagħhom, m'humiex addattati biex iġorru iktar minn disa' persuni, inkluż is-sewwieq, u huma intenzjonati għal dak l-iskop;

3. vetturi użati għall-ġarr ta' passiġġieri fuq servizzi regolari meta r-rotta koperta mis-servizz inkwistjoni ma teċċedix il-50 kilometru;

4. vetturi b'ħeffa massima awtorizzata li ma taqbiżx it-tletin kilometru fis-siegħa;

5. vetturi użati minn jew taħt il-kontroll tas-servizzi armati, id-difiża ċivili, is-servizzi tat-tifi tan-nar, u l-forzi responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni pubblika;

6. vetturi użati inkonnessjoni mas-sitema ta' dranaġġ, mal-protezzjoni mill-għarar, mas-servizzi ta' ilma, gass u elettriku, manutenzjoni u kontroll ta' l-awtostrada, ġbir u rimi taż-żibel, servizzi tat-telegraf u tat-telefon, ġarr ta' merkanzija postali, xandir tar-radju u tat-televiżjoni u t-tfittxija għal trasmettituri u riċevituri tar-radju u tat-televiżjoni;

7. vetturi użati f'operazzjonijiet ta' emerġenza jew ta' salvataġġ;

8. vetturi speċjalizzati użati għal skopijiet mediċinali;

9. vetturi li jittrasportaw apparat taċ-ċirku u tal-fieri tad-divertiment;

10. vetturi speċjalizzati li jagħtu għajnuna meta vetturi oħrajn ikollhom il-ħsara;

11. vetturi li jkunu qegħdin jintużaw għal testijiet fuq it-triq għal skopijiet ta' żvilupp tekniku, tiswija jew manutenzjoni, u vetturi ġodda jew mibnija mill-ġdid li għadhom ma bdewx jintużaw biex jagħtu servizz;

12. vetturi użati għall-ġarr mhux kummerċjali ta' oġġetti għal użu personali;

13. vetturi użati għall-ġbir ta' ħalib minn irziezet u r-ritorn għall-irziezet ta' kontenituri tal-ħalib jew prodotti tal-ħalib intenzjonati li jintużaw biex jitimgħu l-annimali.

IT-TAQSIMA III

Ekwipaġġ

L-Artikolu 5

1. L-etajiet minimi tas-sewwieqa involuti fil-ġarr ta' merkanzija għandhom ikunu kif ġej:

(a) għal vetturi, inklużi, fejn xieraq, karrijiet u semi-karrijiet, li jkollhom toqol massimu permissibbli ta' mhux aktar minn 7,5 tunnellati, 18-il sena;

(b) għal vetturi oħrajn:

- 21 sena, jew

- 18-il sena sakemm il-persuna kkonċernata jkollha ċertifikat ta' kompetenza professjonali rikonoxxut minn wieħed mill-Istati Membri li jikkonferma li hija għamlet kors ta' taħriġ għas-sewwieqa ta' vetturi intenzjonati għall-ġarr ta' merkanzija fuq it-triq, skond ir-Regoli tal-Komunità dwar il-livell minimu ta' taħriġ għal sewwieqa ta' trasport bit-triq.

2. Kull sewwieq involuti fil-ġarr ta' passiġġieri jrid ikun laħaq l-età ta' 21 sena.

Kull sewwieq involut fil-ġarr ta' passiġġieri fuq vjaġġi li jaqbżu radju ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura hija normalment ibbażata irid ukoll jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) irid ikun ħadem għal mill-inqas sena fil-ġarr ta' merkanzija bħala sewwieq ta' vetturi b'toqol massimu permissibbli ta' iżjed minn 3,5 tunnellati;

(b) irid ikun ħadem għal mill-inqas sena bħala sewwieq ta' vetturi użati biex jipprovdu servizzi lill-passiġġieri fil-limiti ta' radju ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura normalment tinżamm, jew tipi oħra ta' servizzi lil passiġġieri li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament, sakemm l-awtorità kompetenti tikkunsidra li b'din l-attività huwa jkun akkwista l-esperjenza meħtieġa;

(ċ) irid ikollu ċertifikat ta' kompetenza professjonali rikonoxxut minn wieħed mill-Istati Membri li jikkonferma li huwa għamel kors ta' taħriġ għas-sewwieqa ta' vetturi intenzjonati għall-ġarr ta' passiġġieri fuq it-triq, skond ir-Regoli tal-Komunità dwar il-livell minimu ta' taħriġ għal sewwieqa ta' trasport bit-triq.

3. L-età minima għal sħab is-sewwieqa u għall-kondutturi hija ta' 18-il sena.

4. Sewwieq li jġorr il-passiġġieri m'għandux ikun soġġett għal dawk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, it-tieni sottoparagrafu, (a), (b) u (ċ) jekk dan ikun wettaq dan ix-xogħol għal mill-inqas sena qabel l-1 ta' Ottubru 1970.

5. Fil-każ ta' operazzjonijiet interni ta' trasport li jitwettqu fil-limiti ta' radju ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura tinżamm, inklużi żoni amministrattivi lokali li ċ-ċentri tagħhom jinsabu fil-limiti ta' dak ir-radju, l-Istati Membri jistgħu inaqqsu l-età minima għal sħab is-sewwieqa għal 16-il sena, bil-kondizzjoni li dan ikun għal skopijiet ta' taħriġ vokazzjonali u suġġett għal-limiti imposti mil-liġi nazzjonali tagħhom dwar kwistjonijiet ta' impjieg.

IT-TAQSIMA IV

Perjodi ta' sewqan

L-Artikolu 6

1. Il-perjodu ta' sewqan bejn kull żewġ perjodi ta' serħan kuljum jew bejn perjodu ta' serħan fil-ġurnata u perjodu ta' serħan fil-ġimgħa, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "perjodu ta' sewqan kuljum", ma jistax jaqbeż id-disa' sigħat. Jista' jiġi estiż darbtejn f'ġimgħa waħda għal 10 sigħat.

Sewwieq irid, wara mhux iżjed minn sitt perjodi ta' sewqan kuljum, jieħu perjodu ta' serħan fil-ġimgħa kif definit fl-Artikolu 8(3).

Il-perjodu ta' serħan fil-ġimgħa jista' jiġi pospost sat-tmiem tas-sitt jum jekk it-total tal-ħin ta' sewqan f'sitt ijiem ma jaqbiżx il-massimu li jiġi daqs sitt perjodi ta' sewqan kuljum.

Fil-każ tal-ġarr internazzjonali ta' passiġġiera, ħlief għal servizzi regolari, il-kliem "sitta" u "is-sitt" fit-tieni u fit-tielet sottoparagrafi għandhom jiġu sostitwiti bi "tnax" u "t-tnax" rispettivament.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni tal-paragrafu preċedenti għal servizzi nazzjonali ta' passiġġieri fit-territorju tagħhom, ħlief għal servizzi regolari.

2. Il-perjodu totali ta' sewqan fi ħmistax ma jistax jaqbeż id-90 siegħa.

IT-TAQSIMA V

Pawżi u perjodi ta' mistrieħ

Artikolu 7

1. Wara erba' sigħat u nofs ta' sewqan, is-sewwieq għandu jieħu pawża ta' mill-inqas 45 minuta, sakemm ma jibdiex perjodu ta' mistrieħ.

2. Din il-pawża tista' tiġi sostitwita b'pawżi ta' mill-inqas 15-il minuta kull waħda mqassmin fuq il-perjodu ta' serħan jew immedjatament wara dan il-perjodu b'mod li jaqbel mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

3. B'eċċezzjoni mill-paragrafu 1, fil-każ tal-ġarr nazzjonali ta' passiġġieri fuq servizzi regolari l-Istati Membri jistgħu jiffissaw pawża minima ta' mhux inqas minn 30 minuta wara perjodu ta' sewqan ta' mhux iktar minn erba' sigħat. Eċċezzjonijiet bħal dawn jistgħu jingħataw biss f'każijiet fejn pawżi fis-sewqan ta' iktar minn 30 minuta jistgħu itellfu ċ-ċirkolazzjoni ta' traffiku urban u fejn m'huwiex possibbli għas-sewwieqa li jieħdu pawża ta' 15-il minuta f'erba' sigħat u nofs ta' sewqan qabel pawża ta' 30 minuta.

4. Waqt dawn il-pawżi, is-sewwieq ma jista' jagħmel ebda xogħol ieħor. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, il-ħin ta' stennija u l-ħin dedikat mhux għas-sewqan imqatta' f'vettura li tkun miexja, fuq vapur, jew fuq ferrovija m'għandux jitqies bħala "xogħol ieħor".

5. Il-pawżi osservati taħt dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu meqjusa bħala perjodi ta' serħan ta' kuljum.

L-Artikolu 8

1. F'kull perjodu ta' 24 siegħa, is-sewwieq irid ikollu perjodu ta' mistrieħ kuljum ta' mill-inqas 11-il siegħa konsekuttiva, li jista' jitnaqqas għal minimu ta' disa' sigħat konsekuttivi mhux iktar minn tliet darbiet fil-ġimgħa, bil-kondizzjoni li perjodu ekwivalenti ta' mistrieħ jingħata bħala kumpens qabel it-tmiem tal-ġimgħa ta' wara.

Fi ġranet meta l-mistrieħ ma jitnaqqasx skond l-ewwel sottoparagrafu, jista' jittieħed f'żewġ jew fi tliet perjodi separati waqt perjodu ta' 24 siegħa, li wieħed minnhom irid ikun ta' mill-inqas tmien sigħat konsekuttivi. F'dan il-każ it-tul minimu tal-mistrieħ irid jiżdied għal 12-il siegħa.

2. Waqt kull perjodu ta' 30 siegħa meta vettura tkun immexxija minn ta' mill-inqas żewġ sewwieqa, kull sewwieq irid jieħu perjodu ta' mistrieħ ta' mhux inqas minn tmien sigħat konsekuttivi.

3. Waqt kull ġimgħa, wieħed mill-perjodi ta' mistrieħ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi estiż, permezz ta' serħan fil-ġimgħa, għal total ta' 45 siegħa konsekuttivi. Dan il-perjodu ta' mistrieħ jista' jitnaqqas għal minimu ta' 36 siegħa konsekuttivi jekk jittieħed f'post fejn il-vettura tinżamm normalment u fejn joqgħod is-sewwieq, jew minimu ta' 24 siegħa jekk jittieħed xi mkien ieħor. Kull tnaqqis irid jiġi kumpensat b'mistrieħ ekwivalenti meħud f'daqqa qabel it-tmiem tat-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa inkwistjoni.

4. Perjodu ta' mistrieħ fil-ġimgħa li jibda f'ġimgħa waħda u jkompli fil-ġimgħa ta' wara jista' jiżdied ma' xi waħda minn dawn il-ġimgħat.

5. Fil-każ ta' ġarr ta' passiġġieri li għalihom japplika l-Artikolu 6(1), ir-raba' u l-ħames sottoparagrafu, il-perjodu ta' serħan fil-ġimgħa jista' jiġi differit sal-ġimgħa ta' wara dik meta l-mistrieħ huwa dovut u miżjud mas-serħan fil-ġimgħa ta' dik it-tieni ġimgħa.

6. Kull mistrieħ meħud bħala kumpens għat-tnaqqis tal-perjodi ta' serħan kuljum u/jew fil-ġimgħa irid jiġi miżjud ma mistrieħ ieħor ta' mill-inqas tmien sigħat u għandu jingħata, fuq talba tal-persuna konċernata, fil-post fejn tiġi ipparkjata il-vettura jew fil-bażi tas-sewwieq.

7. Il-perjodu ta' mistrieħ kuljum jista' jittieħed ġewwa vettura, sakemm ikollha dawn il-mezzi u tkun wieqfa.

L-Artikolu 9

Minkejja l-Artikolu 8(1) meta sewwieq involut fil-ġarr ta' merkanzija jew passiġġieri jakkumpanja vettura li tiġi trasportata bil-vapur jew ferrovija, il-perjodu ta' serħan kuljum jista' jiġi interrott mhux iktar minn darba, sakemm ikunu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

- dik il-parti tal-perjodu ta' serħan kuljum li sseħħ fuq l-art trid tkun tista' tittieħed qabel jew wara l-porzjon tal-perjodu ta' serħan kuljum meħud fuq il-vapur jew fuq il-ferrovija,

- il-perjodu bejn iż-żewġ porzjonijiet ta' perjodu ta' serħan kuljum irid ikun qasir kemm jista' jkun u ma jista' qatt jaqbeż siegħa qabel l-imbarkazzjoni jew wara d-diżimbarkazzjoni, bil-formalitajiet doganali inklużi ma' l-operazzjonijiet ta' imbarkazzjoni u diżimbarkazzjoni,

- waqt iż-żewġ porzjonijiet tal-perjodu ta' serħan is-sewwieq irid ikollu aċċess għal sodda jew couchette.

Il-perjodu ta' serħan kuljum, interrott b'dan il-mod, għandu jiżdied b'sagħtejn.

IT-TAQSIMA VI

Projbizzjoni ta' ċertu tipi ta' ħlas

L-Artikolu 10

Ħlasijiet lil sewwieqa li jaqilgħu paga, anki fil-forma ta' bonuses jew supplimenti mal-paga, relatati mad-distanzi vvjaġġati u/jew l-ammont ta' oġġetti li jkunu ġarru huma projbiti, sakemm dawn il-ħlasijiet ma jkunux ta' tip li ma jipperikolawx is-sigurtà fit-triq.

IT-TAQSIMA VII

Eċċezzjonijiet

L-Artikolu 11

Kull Membru jista' japplika minimi iktar għoljin jew massimi iktar baxxi minn dawk li jinsabu fl-Artikoli 5 sa 8. Madanakollu, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jibqgħu applikabbli għal sewwieqa involuti f'operazzjonijiet ta' trasport internazzjonali fuq vetturi reġistrati fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 12

Sakemm is-sigurtà bit-triq ma tiġix ipperikolata u sabiex ikun jista' jilħaq post adattat ta' waqfien, is-sewwieq jista' jiżvija mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament sa fejn dan ikun neċessarju biex jiżgura is-sigurtà ta' persuni, tal-vettura jew tat-tagħbija. Is-sewwieq għandu jindika ix-xorta ta' u r-raġuni għad-devjazzjoni tiegħu minn dawk id-dispożizzjonijiet fuq il-karta ta' noti ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol tiegħu.

L-Artikolu 13

1. Kull Stat Membru jrid jagħti eċċezzjonijiet fuq it-territorji tiegħu jew, bi ftehim ma' l-Istati kkonċernati, fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor minn kull dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament applikabbli għall-ġarr permezz ta' vettura li taqa' taħt waħda jew iżjed minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a) vetturi użati għall-ġarr ta' passiġġiera, li minħabba l-binja u l-apparat tagħhom huma xierqa għall-ġarr ta' mhux iktar minn 17-il persuna, inkluż is-sewwieq, u huma intenzjonati għal dak l-iskop;

(b) vetturi użati minn awtoritajiet pubbliċi biex jipprovdu servizzi pubbliċi li m'humiex f'kompetizzjoni ma' trasportaturi professjonali;

(ċ) vetturi użati minn impriżi agrikoli, ortikulturali, ta' forestrija jew tas-sajd għall-ġarr ta' merkanzija ġewwa radju ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura tinżamm normalment, inklużi żoni amministrattivi lokali li ċ-ċentri tagħhom jinsabu ġewwa dak ir-radju;

(d) vetturi użati għall-ġarr tal-ħmieġ ta' l-annimali jew karkassi li m'humiex intenzjonati għall-konsum uman;

(e) vetturi użati għall-ġarr ta' annimali ħajjin minn irziezet sas-swieq lokali u viċe-versa jew minn swieq sal-biċċeriji lokali;

(f) vetturi użati bħala ħwienet fi swieq lokali jew f'bejgħ minn bieb għal bieb, jew użati għal transazzjonijiet mobbli ta' banek, skambju jew tfaddil, għal qima, għas-self ta' kotba, diski jew cassettes, għal avvenimenti jew eżibizzjonijiet kulturali, u armati speċjalment għal dawn l-użi;

(g) vetturi li jġorru materjali jew apparat għall-użu tas-sewwieq waqt xogħlu fil-limitu ta' radju ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura tinżamm normalment, sakemm l-attività maġġuri tas-sewieq ma tkunx li jsuq il-vettura u sakemm l-eċċezzjoni ma tippreġudikax serjament l-objettivi tar-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dawn l-eċċezzjonijiet soġġetti għal awtorizzazzjoni individwali;

(h) vetturi li joperaw esklussivament fuq gżejjer b'erja ta' mhux iktar minn 2300 kilometri kwadri li m'humiex marbutin mal-kumplament tat-territorju nazzjonali permezz ta' pont, baxxfond jew mina miftuħa għall-użu minn vetturi bil-mutur;

(i) vetturi użati għall-ġarr ta' merkanzija u mbuttati permezz ta' gass prodott fuq il-vettura jew elettriku jew li huma armati b'mekkaniżmi li jikkontrollaw il-magna awtomatikament sa fejn huma kkonċernati dawn il-vetturi, taħt il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni, bħala ekwivalenti għal vetturi imbuttati b'magna tal-petrol jew tad-diżil, li jkollhom toqol massimu permissibbli, inkluż it-toqol ta' karrijiet u semi-karrijiet, ta' mhux iktar minn 3,5 tunnellati;

(j) vetturi użati għat-tagħlim tas-sewqan bil-għan li tinkiseb liċenzja tas-sewqan;

(k) tractors użati esklussivament għal xogħol agrikolu u ta' forestrija.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet mogħtija taħt dan il-paragrafu.

2. L-Istati Membri jistgħu, wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, jagħtu eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għal operazzjonijiet tat-trasport li jseħħu f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk dawn l-eċċezzjonijiet ma jipperikolawx serjament l-objettivi tar-Regolament.

F'każijiet urġenti huma jistgħu jagħtu eċċezzjoni temporanja ta' mhux iktar minn 30 ġurnata, li trid tiġi notifikata immedjatament lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-Istati Membri l-oħra dwar kull eċċezzjoni mogħtija taħt dan ir-Regolament.

IT-TAQSIMA VIII

Proċeduri ta' kontroll u penali

L-Artikolu 14

1. Fil-każ ta':

- servizzi nazzjonali ta' passiġġieri regolari, u

- servizzi nazzjonali ta' passiġġieri regolari li t-termini tar-rotot tagħhom ikunu jinsabu fil-limiti ta' distanza ta' 50 kilometru f 'linja dritta minn fruntiera bejn żewġ Stati Membri u li t-tul tar-rotot tagħhom ma jkunx jaqbeż il-100 kilometru,

li huma soġġetti għal dan ir-Regolament, għandhom jiġu mfassla skeda ta' servizz u roster ta' xogħol mill-impriża.

2. Ir-roster tax-xogħol għandu juri, fir-rigward ta' kull sewwieq, l-isem, il-post fejn huwa ibbażat u l-iskeda stabbilita minn qabel għal perjodi diversi ta' sewqan, xogħol ieħor u disponibbiltà.

3. Ir-roster tax-xogħol għandu jinkludi id-dettalji kollha speċifikati fil-pararagrafu 2 għal perjodu minimu li jkopri kemm il-ġimgħa kurrenti u l-ġimgħat ta' qabel u ta' wara dik il-ġimgħa.

4. Ir-roster tax-xogħol għandu jiġi ffirmat mill-kap ta' l-impriża jew minn persuna awtorizzata biex tirrappreżentah.

5. Kull sewwieq magħżul għal servizz imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jġorr silta mir-roster tax-xogħol u kopja ta' l-iskeda tas-servizz.

6. Ir-roster tax-xogħol għandu jinżamm mill-impriża għal sena wara l-iskadenza tal-perjodu kopert. L-impriża għandha tagħti silta mir-roster lis-sewwieqa konċernati li jitolbuha.

7. Dan l-Artikolu m'għandux japplika għas-sewwieqa ta' vetturi armati b'apparat ta' reġistrazzjoni użat skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni fi trasport bit-triq [8].

L-Artikolu 15

1. L-impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tas-sewwieqa b'tali mod li s-sewwieqa jkunu jistgħu josservaw id-dispożizzjonijiet relevanti ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

2. L-impriża għandha tagħmel kontrolli perjodiċi sabiex tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta' dawn iż-żewġ Regolament ġew osservati. Jekk jinstab li kien hemm xi ksur, l-impriża għandha tieħu l-passi approprjati sabiex dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.

L-Artikolu 16

1. Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport kull sentejn dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Istati Membri u dwar l-iżviluppi fl-oqsma inkwistjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fi żmien 13-il xahar mill-iskadenza tal-perjodu ta' sentejn kopert mir-rapport.

2. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tħejji r-rapport msemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni neċessarja lill-Kummissjoni kull sentejn, permezz ta' forma standard. Din l-informazzjoni għandha tasal għand il-Kummissjoni mhux iktar tard mit-30 ta' Settembru wara d-data meta jiskadi l-perjodu ta' sentejn kopert mir-rapport.

3. Il-Kummissjoni għandha tfassal il-formola standard wara li tikkonsulta lill-Istati Membri.

L-Artikolu 17

1. L-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni u fi żmien tajjeb, jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dawn il-miżuri għandhom ikopru, inter alia, l-organizzazzjoni, il-proċedura u l-mezzi ta' kontroll u l-penali li għandhom jiġu imposti fil-każ ta' ksur.

2. L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u sabiex jikkontrollaw il-ħarsien tiegħu.

3. Fil-qafas ta' din l-għajnuna reċiproka l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jibagħtu lil xulxin regolarment kull informazzjoni disponibbli dwar:

- xi ksur ta' dan ir-Regolament minn non-residenti u kull penali imposti għal dan il-ksur;

- xi penali imposti minn Stat Membru fuq ir-residenti tiegħu għal ksur bħal dan kommess fi Stati Membri oħra.

IT-TAQSIMA IX

Id-dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 18

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 543/69 qiegħed jiġi mħassar.

Madanakollu:

- L-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Regolament għandu, sal-31 ta' Diċembru 1989, ikompli japplika għal vetturi użati mill-awtoritajiet pubbliċi li ma jikkompetux ma' impriżi kummerċjali tat-trasport u għal tractors użati biss għal xogħol lokali ta' l-agrikoltura u tal-forestrija. Stat Membru jista', madanakollu, jistabbilixxi li dan ir-Regolament għandu japplika għal operazzjonijiet nazzjonali ta' trasport bħal dawn fit-territorju tiegħu minn data iktar bikrija.

- L-Artikolu 15 ta' l-imsemmi Regolament għandu, sal-31 ta' Diċembru 1989, ikompli japplika għal vetturi u sewwieqa impjegati f'servizzi internazzjonali tal-passiġġieri regolari sakemm il-vetturi użati għal dawn is-servizzi ma jkunux armati b'apparat ta' reġistrazzjoni użat kif stabbilit fir-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

2. Referenzi għar-Regolament imħassar taħt il-paragrafu 1 għandhom jiftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

L-Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-29 ta' Settembru 1986.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Krieps

[1] ĠU L 88, ta' l-24.5.1965, p. 1500/65.

[2] ĠU C 100, tat-12.4.1984, p. 3, u ĠU C 223, tat-3.9.1985, p. 5.

[3] ĠU C 122, ta' l-20.5.1985, p. 168.

[4] ĠU C 104, tal-25.4.1985, p. 4, u ĠU C 303, tal-25.11.1985, p. 29.

[5] ĠU L 77, tad-29.3.1969, p. 49.

[6] ĠU L 334, ta' l-24.12.1977, p. 1.

[7] ĠU 147, tad-9.8.1966, p. 2688/66.

[8] Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

Top