Help Print this page 

Document 12016ME/TXT

Title and reference
Verżjonijiet konsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) Protokolli Annessi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea Dikjarazzjonijiet annessi mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta' Lisbona ffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007 Tabella ta' korrispondenza

OJ C 202, 7.6.2016, p. 1–388 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html GA html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf GA pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

7.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/1


VERŻJONIJIET KONSOLIDATI

TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA U TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA

(2016/C 202/01)

Werrej

TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA) 18 13
PREAMBOLU 15

TITOLU 1

Dispożizzjonijiet Komuni 16

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PRINĊIPJI DEMOKRATIĊI 20

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTITUZZJONIJIET 22

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KOPERAZZJONI MSAĦĦA 27

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI U DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI 28

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni 28

Kapitolu 2

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni 30

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet komuni 30

Taqsima 2

Dispożizzjonijiet dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni 38

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 41
TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA) - 47
PREAMBOLU 49

L-EWWEL PARTI

PRINĊIPJI 50

TITOLU I

KATEGORIJI U OQSMA TA' KOMPETENZA TA' L-UNJONI 50

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI 53

IT-TIENI PARTI

NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA TA' L-UNJONI 56

IT-TIELET PARTI

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI 59

TITOLU I

IS-SUQ INTERN 59

TITOLU II

IL-MOVIMENT LIBERU TAL-MERKANZIJA 59

Kapitolu 1

Unjoni Doganali 60

Kapitolu 2

Koperazzjoni Doganali 61

Kapitolu 3

Projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri 61

TITOLU III

AGRIKOLTURA U SAJD 62

TITOLU IV

MOVIMENT LIBERU TAL-PERSUNI, SERVIZZI U KAPITAL 65

Kapitolu 1

Il-Ħaddiema 65

Kapitolu 2

Id-Dritt ta' stabbiliment 67

Kapitolu 3

Is-Servizzi 70

Kapitolu 4

Il-Kapital u l-pagament 71

TITOLU V

L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA 73

Kapitolu 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali 73

Kapitolu 2

Politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni 75

Kapitolu 3

Koperazzjoni Ġudizzjarja f'materji ċivili 78

Kapitolu 4

Koperazzjoni Ġudizzjarja f'materji kriminali 79

Kapitolu 5

Koperazzjoni tal-pulizija 83

TITOLU VI

IT-TRASPORT 85

TITOLU VII

REGOLI KOMUNI FUQ IL-KOMPETIZZJONI, FUQ IT-TASSAZZJONI U L-APPROSSIMAZZJONI TAL-LIĠIJIET 88

Kapitolu 1

Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni 88

Taqsima 1

Regoli li japplikaw għal impriżi 88

Taqsima 2

Għajnuna mill-Istati 121 91

Kapitolu 2

Dispożizzjonijiet Fiskali 93

Kapitolu 3

Aprossimazzjoni ta' liġijiet 94

TITOLU VIII

POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA 96

Kapitolu 1

Politika Ekonomika 97

Kapitolu 2

Politika Monetarja 102

Kapitolu 3

Dispożizzjonijiet Istituzzjonali 105

Kapitolu 4

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro 140 106

Kapitolu 5

Dispożizzjonijiet Tranżizzjonali 107

TITOLU IX

L-IMPJIEG 112

TITOLU X

POLITIKA SOĊJALI 114

TITOLU XI

FOND SOĊJALI EWROPEW 119

TITOLU XII

EDUKAZZJONI, FORMAZZJONI VOKAZZJONALI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT 120

TITOLU XIII

KULTURA 121

TITOLU XIV

IS-SAĦĦA PUBBLIKA 122

TITOLU XV

PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR 124

TITOLU XVI

NETWORKS TRANS-EWROPEJ 124

TITOLU XVII

L-INDUSTRIJA 126

TITOLU XVIII

KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI 127

TITOLU XIX

IR-RIĊERKA, L-IŻVILUPP TEKNOLOĠIKU U L-ISPAZJU 128

TITOLU XX

L-AMBJENT 132

TITOLU XXI

ENERĠIJA 134

TITOLU XXII

TURIŻMU 135

TITOLU XXIII

PROTEZZJONI ĊIVILI 135

TITOLU XXIV

KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA 136

IR-RABA' PARTI

L-ASSOĊJAZZJONI TA' PAJJIŻI U TERRITORJI EXTRA-EWROPEJ 137

IL-ĦAMES PARTI

L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI 139

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI 139

TITOLU II

IL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI 139

TITOLU III

IL-KOPERAZZJONI MAL-PAJJIŻI TERZI U L-GĦAJNUNA UMANITARJA 141

Kapitolu I

Il-Koperazzjoni fl-iżvilupp 141

Kapitolu 2

Koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi 142

Kapitolu 3

L-Għajnuna umanitarja 143

TITOLU IV

IL-MIŻURI RESTRITTIVI 144

TITOLU V

FTEHIM INTERNAZZJONALI 144

TITOLU VI

RELAZZJONIJIET TA' L-UNJONI MA' L-ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI U L-PAJJIŻI TERZI U DELEGAZZJONIJIET TA' L-UNJONI 147

TITOLU VII

KLAWŻOLA TA' SOLIDARJETÀ 148

IS-SITT PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI 149

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET 149

Kapitolu 1

L-Istituzzjonijiet 149

Taqsima 1

Il-Parlament Ewropew 149

Taqsima 2

Il-Kunsill Ewropew 152

Taqsima 3

Il-Kunsill 153

Taqsima 4

Il-Kummissjoni 155

Taqsima 5

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea 157

Taqsima 6

Il-Bank Ċentrali Ewropew 167

Taqsima 7

Il-Qorti ta' L-Awdituri 169

Kapitolu 2

Atti legali ta' l-Unjoni, proċeduri ta' adozzjoni u dispożizzjonijiet oħrajn 171

Taqsima 1

L-Atti legali ta' l-Unjoni 171

Taqsima 2

Proċeduri ta' adozzjoni ta' l-atti u dispożizzjonijiet oħra 173

Kapitolu 3

Korpi konsultattivi ta' l-Unjoni 177

Taqsima 1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali 177

Taqsima 2

Il-Kumitat tar-Reġjuni 178

Kapitolu 4

Il-Bank Ewropew ta' L-Investiment 180

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI 181

Kapitolu 1

Ir-Riżorsi proprji ta' l-Unjoni 181

Kapitolu 2

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 182

Kapitolu 3

Il-Baġit Annwali ta' L-Unjoni 183

Kapitolu 4

L-Implimentazzjoni tal-baġit u l-kwittanza 186

Kapitolu 5

Dispożizzjonijiet Komuni 187

Kapitolu 6

Il-Ġlieda kontra l-frodi 188

TITOLU III

KOPERAZZJONI IMSAĦĦA 189

IS-SEBA' PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI 192
PROTOKOLLI 201

Protokoll (Nru 1)

Dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea 203

Protokoll (Nru 2)

Dwar l-applikazzjoni tal-Prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità 206

Protokoll (Nru 3)

Dwar l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea 210

Protokoll (Nru 4)

Dwar l-istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew 230

Protokoll (Nru 5)

Dwar l-istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment 251

Protokoll (Nru 6)

Dwar il-lokalità tas-sede ta' l-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti ta' l-Unjoni Ewropea 265

Protokoll (Nru 7)

Dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea 266

Protokoll (Nru 8)

Dwar l-artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni mal-Konvenzjoni ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali 273

Protokoll (Nru 9)

Dwar id-deċiżjoni tal-kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 16(4) tat-trattat dwar l-unjoni ewropea u l-artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea bejn l-1 ta' novembru 2014 u l-31 ta' marzu 2017 minn naħa waħda, u mill-1 ta' april 2017 min-naħa l-oħra 274

Protokoll (Nru 10)

Dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 275

Protokoll (Nru 11)

Dwar l-artikolu 42 tat-trattat dwar l-unjoni ewropea 278

Protokoll (Nru 12)

Dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv 279

Protokoll (Nru 13)

Dwar il-kriterji ta' konverġenza 281

Protokoll (Nru 14)

Dwar il-grupp ta' l-Euro 283

Protokoll (Nru 15)

Dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-irlanda ta' fuq 284

Protokoll (Nru 16)

Dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka 287

Protokoll (Nru 17)

Dwar id-Danimarka 288

Protokoll (Nru 18)

Dwar Franza 289

Protokoll (Nru 19)

Dwar l-Acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea 290

Protokoll (Nru 20)

Dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għar-renju Unit u għall-Irlanda 293

Protokoll (Nru 21)

Dwar il-pożizzjoni tar-Renju unit u l-Irlanda fir-rigward ta' l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja 295

Protokoll (Nru 22)

Dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka 298

Protokoll (Nru 23)

Dwar ir-relazzjonijiet esterni ta' l-istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-qsim tal-fruntieri esterni 303

Protokoll (Nru 24)

Dwar l-asil għal ċittadini ta' l-istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea 304

Protokoll (Nru 25)

Dwar l-eżerċizzju ta' kompetenzi kondiviżi 306

Protokoll (Nru 26)

Dwar is-servizzi ta' interess ġenerali 307

Protokoll (Nru 27)

Dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni 308

Protokoll (Nru 28)

Dwar il- koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali 309

Protokoll (Nru 29)

Dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-istati Membri 311

Protokoll (Nru 30)

Dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit 312

Protokoll (Nru 31)

Dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti petrolifiċi raffinati fl-Antilles ta' l-Olanda 314

Protokoll (Nru 32)

Dwar l-akkwist tal-proprjeta immobbli fid-Danimarka 317

Protokoll (Nru 33)

Dwar l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 318

Protokoll (Nru 34)

Dwar arrangamenti specjali ghall-Groenlandja 319

Protokoll (Nru 35)

Dwar l-Artikolu 40.3.3 tal-Kostituzzjoni ta' l-Irlanda 320

Protokoll (Nru 36)

Dwar id-dispożizzjonijiet transitorji 321

Protokoll (Nru 37)

Dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta’ l-iskadenza tat-trattat tal-kefa u dwar il-fond tar-ricerka ghall-faham u l-azzar 327
ANNESSI TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI EWROPEA 329

ANNESS I

Lista prevista fl-Artikolu 38 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 331

ANNESS II

Pajjizi u territorji extra-Ewropej li ghalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-parti iv tat-trattat dwar il-funzjonament ta' l-unjoni ewropea 334
DIKJARAZZJONIJIET Annessi ma' l-Att Finali tal-konferenza intergovernementali li adottat it-trattat ta' lisbona iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007 335

A.

DIKJARAZZJONIJIET DWAR DISPOŻIZZJONIJIET TAT-TRATTATI 337

1.

Dikjarazzjoni dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea 337

2.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 337

3.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 337

4.

Dikjarazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew 337

5.

Dikjarazzjoni dwar il-qbil politiku mill-Kunsill Ewropew fir-rigward 337

6.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 15(5) u (6), l-Artikolu 17(6) u (7) u l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 338

7.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 338

8.

Dikjarazzjoni dwar il-miżuri prattiċi li għandhom jittieħdu mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Barranin 340

9.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16(9) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill 341

10.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 342

11.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 342

12.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 342

13.

Dikjarazzjoni dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni 343

14.

Dikjarazzjoni dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni 343

15.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 343

16.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 55(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 344

17.

Dikjarazzjoni dwar il-Primat 344

18.

Dikjarazzjoni dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi 344

19.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 345

20.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 345

21.

Dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali 345

22.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 48 u l-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 346

23.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 48, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 346

24.

Dikjarazzjoni dwar il-personalità ġuridika ta' l-Unjoni Ewropea 346

25.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 75 u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 346

26.

Dikjarazzjoni dwar in-non-parteċipazzjoni ta' Stat Membru f'miżura bbażata fuq it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 346

27.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 85(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 347

28.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 98 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 347

29.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 107(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 347

30.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 347

31.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 348

32.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 168(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 348

33.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 349

34.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 349

35.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 349

36.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali mill-Istati Membri dwar spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja 349

37.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 349

38.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 252 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar in-numru ta' Avukati-Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja 350

39.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 350

40.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 350

41.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 350

42.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 351

43.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 355(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 351

B.

DIKJARAZZJONIJIET DWAR PROTOKOLLI ANNESSI GĦAT-TRATTATI 352

44.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea 352

45.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea 352

46.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5(3) tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea 352

47.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5(3), (4) u (5) tal-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea 352

48.

Dikjarazzjoni dwar il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka 353

49.

Dikjarazzjoni dwar l-Italja 353

50.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji 354

C.

DIKJARAZZJONIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI 355

51.

Dikjarazzjoni tar-Renju tal-Belġju dwar il-parlamenti nazzjonali 355

52.

Dikjarazzjoni mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju ta' Spanja, mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika ta' Ċipru, mir-Repubblika tal-Litwanja, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Repubblika ta' l-Ungerija, mir-Repubblika ta' Malta, mir-Repubblika ta' l-Awstrija, mir-Repubblika Portugiża, mir-Rumanija, mir-Repubblika Slovena u mir-Repubblika Slovakka dwar is-simboli ta' l-Unjoni Ewropea 355

53.

Dikjarazzjoni tar-Repubblika Ċeka dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea 355

54.

Dikjarazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' l-Awstrija u r-Renju ta' l-Isvezja 356

55.

Dikjarazzjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq 356

56.

Dikjarazzjoni mill-Irlanda dwar l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta' l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja 356

57

Dikjarazzjoni tar-Repubblika Taljana dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew 357

58.

Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija u tar-Repubblika ta' Malta dwar l-ortografija ta’ l-isem tal-munita unika fit-Trattati 357

59.

Dikjarazzjoni tar-Renju ta' l-Olanda dwar l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 357

60.

Dikjarazzjoni tar-Renju ta' l-Olanda dwar l-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 358

61.

Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea 358

62.

Dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit 358

63.

Dikjarazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar id-definizzjoni tat-terminu "ċittadini'' 358

64.

Dikjarazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew 358

65.

Dikjarazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar l-Artikolu 75 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 359
Tabella ta' korrispondenza 361
Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 361
Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea 366

TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

PREAMBOLU

IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TAL-BEJĠJANI, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAD-DANIMARKA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IL-PRESIDENT TA' L-IRLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA, IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TA' SPANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, L-ALTEZZA RJALI TIEGĦU L-GRAN DUKA TAL-LUSSEMBURGU, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TA' L-OLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAL-GRAN BRITTANNJA U L-IRLANDA TA' FUQ (1),

DEĊIŻI li jirreġistraw stadju ġdid fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea li daħlu għalih bl-istabbiliment tal-Komunitajiet Ewropej,

ISPIRATI mill-wirt kulturali, religjuż u umanista ta' l-Ewropa, li minnu żviluppaw il-valuri universali tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-bniedem, kif ukoll il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, u l-istat tad-dritt;

IFAKKRU l-importanza storika li jtemmu l-qasma tal-kontinent Ewropew u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti sisien sodi għall-bini ta' l-Ewropa tal-ġejjieni,

JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mal-prinċipji tal-libertà, demokrazija u rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u lejn l-istat tad-dritt,

JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mad-drittijiet soċjali fundamentali kif definiti fil-Karta Soċjali Ewropea iffirmata f’Torin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u fil-Karta Ewropea tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema,

XEWQANA li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom,

XEWQANA li jkomplu jkabbru il-funzjonament demokratiku u effiċjenti ta' l-istituzzjonijiet sabiex jgħinuhom iwettqu aħjar, fi kwadru istituzzjonali wieħed, kull ħidma fdata lilhom,

DEĊIŻI li jakkwistaw it-tisħiħ u l-konverġenza ta' l-ekonomiji tagħhom u li jistabbilixxu unjoni ekonomika u monetarja li tinkludi, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat u tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, valuta waħda u stabbli,

DETERMINATI li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, li jieħdu kont tal-prinċipju ta’ l-iżvilupp sostenibbli u fil-kuntest tar-realizzazzjoni tas-suq intern u tat-tisħieħ tal-koeżjoni u tal-protezzjoni ambjentali, u għall-implimentazzjoni tal-politika li tassigura li l-avvanzi fl-integrazzjoni ekonomika jkunu akkompanjati bil-progress parallel f’oqsma oħra,

DEĊIŻI li jistabbilixxu ċittadinanza komuni għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tagħhom,

DEĊIŻI li jimplimentaw politika estera u ta’ sigurtà komuni inkluża l-formolazzjoni ta' politika komuni dwar id-difiża, li tista' twassal għal difiża komuni skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu42, u b’hekk isaħħu l-identità Ewropea u l-independenza tagħha sabiex jinkoraġixxu l-paċi, sigurtà u progress fl-Ewropa u fid-dinja,

DEĊIŻI li jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’persuni, waqt li jassiguraw il-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tagħhom, billi jistabbilixxu spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat u tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

DEĊIŻI li jissuktaw il-proċess li joħloq għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta' l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun fil-qrib taċ-ċittadin skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà,

IN VISTA tal-passi ulterjuri li ser jittieħdu sabiex timxi 'l quddiem l-integrazzjoni Ewropea,

(lista ta' plenipotenzjarji mhux riprodotta)

TITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

(ex Artikolu 1 TUE)  (2)

Permezz ta’ dan it-Trattat, Il-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA qegħdin jistabbilixxu bejniethom l-UNJONI EWROPEA, hawn iżjed ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni” li lilha l-Istati Membri jagħtu kompetenzi sabiex jiksbu għanijiet li għandhom komuni bejniethom.

Dan it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin.

L-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq dan it-Trattat u fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘it-Trattati’). Dawn iż-żewġ Trattati għandu jkollhom l-istess valur legali. L-Unjoni għandha tissostitwixxi u tkun is-suċċessur tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 2

L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Artikolu 3

(ex Artikolu 2 TUE)

1.   Il-mira ta' l-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha.

2.   L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma' miżuri xierqa f'dak li jirrigwarda l-kontroll tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

3.   L-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern. Hija għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta' mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent. Hija għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku.

Hija għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

Hija għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Hija għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.

4.   L-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro.

5.   Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Hija għandha tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

6.   L-Unjoni għandha tfittex li tikseb l-objettivi tagħha b'mezzi xierqa, skond il-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati.

Artikolu 4

1.   Skond l-Artikolu 5, il-kompetenzi kollha li m'humiex mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni jibqgħu għand l-Istati Membri.

2.   L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta' l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta' l-Istat, iż-żamma ta' l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B'mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru.

3.   Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jitwettqu.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tqiegħed f' periklu l-kisba ta' l-objettivi ta' l-Unjoni.

Artikolu 5

(ex Artikolu 3b TKE)

1.   Il-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni huma regolati mill-prinċipju ta' l-għoti tal-kompetenzi. L-eżerċizzju ta' dawn il-kompetenzi huwa regolat mill-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

2.   Skond il-prinċipju ta' l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri.

3.   Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi ta' l-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell ta' l-Unjoni.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà skond il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-Parlamenti nazzjonali għandhom jaraw li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi rispettat skond il-proċedura prevista fil-Protokoll imsemmi.

4.   Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Artikolu 6

(ex Artikolu 6 TUE)

1.   L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta' Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta m'għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta' l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b'kont debitu meħud ta' l-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

2.   L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Din l-adeżjoni m'għandhiex taffettwa l-kompetenzi ta' l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

3.   Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta' l-Unjoni.

Artikolu 7

(ex Artikolu 7 TUE)

1.   Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’ maġġoranza ta’ erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u jista' jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skond l-istess proċedura.

Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.

2.   Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta ta’ terz ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal- valuri msemmija fl-Artikolu 2, wara li jkunu stieden lil dan l-Istat Membru sabiex iressaq il-preżentazzjonijiet tiegħu.

3.   Meta tkun saret il-kostatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċidi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista’ jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi.

L-obbligi ta’ l-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu mit-Trattati jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat.

4.   Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’, sussegwentement, ibiddel jew iħassar il-miżuri li jkunu ttieħdu taħt il-paragrafu 3 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni li tkun wasslet sabiex dawn ikunu ttieħdu.

5.   L-arranġamenti tal-votazzjoni li, għall-fini ta' dan l-Artikolu, japplikaw għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill, huma stabbiliti fl-Artikolu 354 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi ġirien tagħha, bil-ħsieb li tistabbilixxi żona ta' prosperità u ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, ibbażata fuq il-valuri ta' l-Unjoni u karatterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi li jserrħu fuq il-koperazzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Unjoni tista' tikkonkludi arranġamenti speċifiċi mal-pajjiżi kkonċernati. Dawn il-ftehim jistgħu jġibu magħhom drittijiet u obbligi reċiproċi kif ukoll il-possibbiltà li jittieħdu azzjonijiet flimkien. L-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun suġġetta għal konsultazzjoni perjodika.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PRINĊIPJI DEMOKRATIĊI

Artikolu 9

Fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta' l-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru hija ċittadina ta' l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

Artikolu 10

1.   Il-funzjonament ta' l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva.

2.   Fil-livell ta' l-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew.

L-Istati Membri huma rappreżentati fil-Kunsill Ewropew mill-Kap ta' l-Istat jew tal-Gvern tagħhom u fil-Kunsill mill-gvernijiet tagħhom, li jkunu demokratikament responsabbli kemm lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll lejn iċ-ċittadini tagħhom.

3.   Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika ta' l-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.

4.   Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' l-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

Artikolu 11

1.   L-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha ta' l-Unjoni.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.

3.   Sabiex tassigura li l-azzjonijiet ta' l-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet konċernati.

4.   Ċittadini ta' l-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati.

Il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta' tali inizjattiva għandhom ikunu stabbiliti skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Il-Parlamenti nazzjonali għandhom jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb ta' l-Unjoni:

a)

billi jinżammu informati mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u billi jintbagħtulhom l-abbozzi ta' l-atti leġislattivi ta' l-Unjoni skond il-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea;

b)

billi jassiguraw li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi rispettat skond il-proċeduri previsti fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

c)

billi jieħdu sehem, fil-qafas ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, fil-mekkaniżmi ta' valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni f'dan l-ispazju, skond l-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u billi jinvolvu ruħhom fil-monitoraġġ politiku ta' l-Europol u l-valutazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Eurojust skond l-Artikoli 88 u 85 tat-Trattat imsemmi;

d)

billi jieħdu sehem fil-proċeduri ta' reviżjoni tat-Trattati, skond l-Artikolu 48 ta' dan it-Trattat:

e)

billi jiġu informati bl-applikazzjonijiet għall-adeżjoni ma' l-Unjoni, skond l-Artikolu 49 ta' dan it-Trattat;

f)

billi jieħdu sehem fil-koperazzjoni interparlamentari bejn il-Parlamenti nazzjonali u mal-Parlament Ewropew, skond il-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTITUZZJONIJIET

Artikolu 13

1.   L-Unjoni għandha qafas istituzzjonali maħsub sabiex jippromwovi l-valuri tagħha, isegwi l-objettivi tagħha, iservi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk ta' l-Istati Membri, kif ukoll sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kontinwità tal-politika u ta' l-azzjonijiet tagħha.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni huma:

il-Parlament Ewropew,

il-Kunsill Ewropew,

il-Kunsill,

il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-‘Kummissjoni’),

il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea,

il-Bank Ċentrali Ewropew,

il-Qorti ta' l-Awdituri.

2.   Kull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali.

3.   Id-dispożizzjonijiet dwar il-Bank Ċentrali Ewropew u dwar il-Qorti ta' l-Awdituri, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-istituzzjonijiet l-oħrajn, jinsabu fit-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu assistiti minn Kumitat Ekonomiku u Soċjali u minn Kumitat tar-Reġjuni, li jeżerċitaw funzjonijiet konsultattivi.

Artikolu 14

1.   Il-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u baġitarji. Huwa għandu jeżerċita funzjonijiet ta' kontroll politiku u ta' konsultazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati. Huwa għandu jeleġġi l-President tal-Kummissjoni.

2.   Il-Parlament Ewropew għandu jkun magħmul minn rappreżentanti taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.Dawn m'għandhomx jaqbżu l-għadd ta' seba' mija u ħamsin, minbarra l-President. Ir-rappreżentanza taċ-ċittadini għandha tkun digressivament proporzjonali, b'mhux anqas minn sitt membri għal kull Stat Membru. Ebda Stat Membru m'għandu jkun allokat aktar minn sitta u disgħin siġġu.

Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'unanimità, fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u bl-approvazzjoni tiegħu, deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, li tirrispetta l-prinċipji previsti fl-ewwel subparagrafu.

3.   Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti għal mandat ta' ħames snin b'vot universali dirett, liberu u sigriet.

4.   Il-Parlament Ewropew għandu jeleġġi l-President u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu.

Artikolu 15

1.   Il-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha. Huwa m'għandux jeżerċita funzjonijiet leġislattivi.

2.   Il-Kunsill Ewropew għandu jikkonsisti mill-Kapijiet ta' l-Istat jew tal-Gvern ta' l-Istati Membri, flimkien mal-President tiegħu u mal-President tal-Kummissjoni. Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jipparteċipa fil-ħidma tiegħu.

3.   Il-Kunsill Ewropew għandu jiltaqa' darbtejn kull sitt xhur, fuq sejħa mill-President tiegħu. Meta jkun meħtieġ skond l-aġenda, il-membri tal-Kunsill Ewropew jistgħu jiddeċiedu li kull wieħed ikun assistit minn ministru u, fil-każ tal-President tal-Kummissjoni, minn membru tal-Kummissjoni. Meta s-sitwazzjoni tkun teħtieġ, il-President għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew.

4.   Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew għandhom jittieħdu b'konsensus, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor.

5.   Il-Kunsill Ewropew għandu jeleġgi l-President tiegħu b'maġġoranza kwalifikata għal perijodu ta' sentejn u nofs, li jista' jiġġedded darba. F'każijiet ta' impediment jew ta' imġieba ħażina serja, l-Kunsill Ewropew jista' jtemm il-mandat tiegħu skond l-istess proċedura.

6.   Il-President tal-Kunsill Ewropew:

a)

għandu jippresjedi u jmexxi 'l quddiem il-ħidma tal-Kunsill Ewropew;

b)

għandu jassigura t-tħejjija u l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill Ewropew f'koperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni, u abbażi tal-ħidma tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali;

c)

għandu jaħdem sabiex jiffaċilita l-koeżjoni u l-konsensus fi ħdan il-Kunsill Ewropew;

d)

għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew wara kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Il-President tal-Kunsill Ewropew għandu, fil-livell tiegħu u fil-kapaċità tiegħu, jassigura r-rappreżentanza esterna ta' l-Unjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika estera u ta' sigurtà komuni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Il-President tal-Kunsill Ewropew m' għandux ikollu kariga nazzjonali.

Artikolu 16

1.   Il-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, għandu jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u baġitarji. Huwa għandu jeżerċita funzjonijiet ta' tfassil ta' politika u ta' koordinazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati.

2.   Il-Kunsill għandu jkun kompost minn rappreżentant ta' kull Stat Membru fil-livell ministerjali, li jista' jimpenja lill-gvern ta' l-Istat Membru li hu jirrapreżenta u jivvota għalih.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b'maġġoranza kwalifikata, ħlief fejn it-Trattati jipprovdi mod ieħor.

4.   Mill-1 ta' Novembru 2014, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija daqs mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li tinkludi mill-inqas ħmistax fosthom u li tirrappreżenta Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas erba' membri tal-Kunsill, u fin-nuqqas ta' dan għandu jitqies li ntlaħqet il-maġġoranza kwalifikata.

L-arranġamenti l-oħra li jirregolaw il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għandhom ikunu stabbiliti skond l-Artikolu 238 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

5.   Id-dispożizzjonijiet transitorji dwar id-definizzjoni tal-maġġoranza kwalifikata li għandhom japplikaw sal-31 ta' Ottubru 2014, kif ukoll dawk li ser ikunu applikabbli bejn l-1 ta' Novembru 2014 u l-31 ta' Marzu 2017, għandhom ikunu stabbiliti mill-protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji.

6.   Il-Kunsill jiltaqa' f'formazzjonijiet differenti, li l-lista tagħhom għandha tkun adottata skond l-Artikolu 236 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali għandu jara li jkun hemm konsistenza fil-ħidma tal-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill. Huwa għandu jħejji u jassigura s-segwitu tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni.

Il-Kunsill ta' l-Affarijiet Barranin għandu jelabora l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni skond il-linji gwida strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew, u jassigura li l-azzjoni ta' l-Unjoni tkun konsistenti.

7.   Kumitat ta' Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandu jkun responsabbli sabiex iħejji l-ħidma tal-Kunsill.

8.   Il-Kunsill għandu jiltaqa' fil-pubbliku meta jiddelibera u jivvota fuq abbozz ta' att leġislattiv. Għal dan l-għan, kull laqgħa tal-Kunsill għandha tkun maqsuma f'żewġ partijiet, li jittrattaw rispettivament id-deliberazzjonijiet dwar l-atti legislattivi ta' l-Unjoni u l-attivitajiet mhux leġislattivi ta' l-Unjoni.

9.   Il-Presidenza tal-formazzjonijiet tal-Kunsill, minbarra dik ta' l-Affarijiet Barranin, għandha tinżamm mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill skond sistema ta' rotazzjoni ndaqs, fil-kondizzjonijiet stabbiliti skond l-Artikolu 236 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

1.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta' l-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. Hija għandha tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet skond dawn it-Trattati. Hija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Hija għandha teżegwixxi l-baġit u tamministra l-programmi. Għandha teżerċita funzjonijiet ta' koordinazzjoni, eżekuzzjoni u amministrazzjoni, skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati. Bl-eċċezzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u ta' każijiet oħrajn previsti fit-Trattati, hija għandha tassigura r-rappreżentanza esterna ta' l-Unjoni. Hija għandha tieħu l-inizjattiva għall-programmazzjoni annwali u pluriennali ta' l-Unjoni sabiex jintlaħqu ftehim interistituzzjonali.

2.   L-atti leġislattivi ta' l-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq proposta tal-Kummissjoni, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. L-atti l-oħrajn għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni meta t-Trattati jipprovdu hekk.

3.   Il-mandat tal-Kummissjoni għandu jkun ta' ħames snin.

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom u ta' l-impenn Ewropew tagħhom u minn fost persuni li ma jkun hemm l-ebda dubbju dwar l-indipendenza tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b'indipendenza totali. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, il-membri tal-Kummissjoni la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern, xi istituzzjoni, korp jew organu. Huma għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mal-funzjonijiet tagħhom jew mat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

4.   Il-Kummissjoni maħtura bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-31 ta' Ottubru 2014, għandha tkun magħmula minn ċittadin wieħed minn kull Stat Membru, inklużi l-President tagħha u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li għandu jkun wieħed mill-Viċi-Presidenti tagħha.

5.   Mill-1 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni għandha tkun magħmula minn għadd ta' membri, inklużi l-President tagħha u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li jikkorrispondi għal żewġ terzi ta' l-għadd ta' Stati Membri, sakemm il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, ma jiddeċidix li jbiddel dan l-għadd.

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu minn fost iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri skond sistema ta' rotazzjoni strettament indaqs bejn l-Istati Membri li tirrifletti l-firxa demografika u ġeografika ta' l-Istati Membri kollha. Din is-sistema għandha tkun stabbilita b'unanimità mill-Kunsill Ewropew skond l-Artikolu 244 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

6.   Il-President tal-Kummissjoni għandu:

a)

jistabbilixxi l-linji gwida li fuqhom għandha taħdem il-Kummissjoni;

b)

jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kolleġġjalità ta' l-azzjoni tagħha;

c)

jaħtar Viċi-Presidenti, barra r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, minn fost il-membri tal-Kummissjoni.

Membru tal-Kummissjoni għandu jirriżenja jekk jiġi mitlub jagħmel hekk mill-President. Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jirriżenja, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, jekk jiġi mitlub jagħmel hekk mill-President.

7.   Waqt li jitqiesu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wara konsultazzjonijiet xierqa, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, għandu jipproponi lill-Parlament Ewropew kandidat għall-funzjoni ta' President tal-Kummissjoni. Dan il-kandidat għandu jkun elett mill-Parlament Ewropew b'maġgoranza tal-membri tiegħu. Jekk dan ma jiksibx il-maġġoranza, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu fi żmien xahar jipproponi kandidat ġdid li għandu jiġi elett mill-Parlament Ewropew skond l-istess proċedura.

Il-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President elett, għandu jadotta l-lista tal-persuni l-oħra li l-Kunsill jipproponi li jaħtar bħala membri tal-Kummissjoni. Huma għandhom jintgħażlu abbażi ta' suġġerimenti magħmula mill-Istati Membri, skond il-kriterji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5.

Il-President, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni għandhom ikunu suġġetti bħala grupp għal vot ta' approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Abbażi ta' din l-approvazzjoni l-Kummissjoni għandha tinħatar mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

8.   Il-Kummissjoni bħala grupp għandha tkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew jista' jadotta mozzjoni ta' ċensura tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 234 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Jekk tali mozzjoni tkun adottata, il-membri tal-Kummissjoni għandhom jirriżenjaw kollettivament u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jirriżenja mill-funzjonijiet li jeżerċita fi ħdan il-Kummissjoni.

Artikolu 18

1.   Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, bi ftehim mal-President tal-Kummissjoni, għandu jaħtar ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Il-Kunsill Ewropew jista' jtemm il-mandat tiegħu bl-istess proċedura.

2.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jmexxi l-politika estera u ta' sigurtà komuni ta' l-Unjoni. Huwa għandu jikkontribwixxi bil-proposti tiegħu għall-iżvilupp ta' din il-politika u jwettaqha bħala mandatarju tal-Kunsill. L-istess għandu japplika għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli jippresjedi l-Kunsill ta' l-Affarijiet Barranin.

4.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun wieħed mill-Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni. Huwa għandu jassigura l-koerenza ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Huwa għandu jkun responsabbli fi ħdan il-Kummissjoni għar-responsabbiltajiet tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u għall-koordinazzjoni ta' aspetti oħra ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Fl-eżerċizzju ta' dawn ir-responsabbiltajiet fi ħdan il-Kummissjoni, u għal dawn ir-responsabbiltajiet biss, ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun marbut bil-proċeduri li jirregolaw il-funzjonament tal-Kummissjoni sakemm dan ikun kompatibbli mal-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 19

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta' l-Unjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun komposta minn imħallef wieħed minn kull Stat Membru. Għandha tkun assistita minn avukati-ġenerali.

Il-Qorti Ġenerali għandha tinkludi mill-inqas imħallef wieħed minn kull Stat Membru.

L-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandhom jintgħażlu minn fost persuni li ma jkun hemm l-ebda dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 253 u 254 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Huma għandhom jinħatru bi ftehim komuni bejn il-gvernijiet ta' l-Istati Membri għal sitt snin. L-imħallfin u l-avukati ġenerali li l-mandat tagħhom ikun spiċċa jistgħu jinħatru mill-ġdid.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi skond it-Trattati sabiex:

a)

tiddeċiedi dwar rikorsi miġjuba minn Stat Membru, istituzzjoni jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi;

b)

tagħti deċiżjonijiet preliminari, fuq talba tal-qrati nazzjonali, fuq l-interpretazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni jew fuq il-validità ta' atti adottati mill-istituzzjonijiet;

c)

tiddeċiedi f'każijiet oħra kif previst fit-Trattati.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-KOPERAZZJONI MSAĦĦA

Artikolu 20

(ex Artikoli 27 A sa 27 E, 40 sa 40 B u 43 sa 45 TUE u ex Artikoli 11 u 11 A TKE)

1.   L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklużivi ta' l-Unjoni jistgħu jagħmlu użu mill-istituzzjonijiet tagħha u jistgħu jeżerċitaw dawn il-kompetenzi billi japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati suġġett għal-limiti u skond l-arranġamenti previsti f'dan l-Artikolu, kif ukoll skond l-Artikoli 326 sa 334 I tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-koperazzjonijiet imsaħħa għandhom jimmiraw sabiex jiffavorixxu l-kisba ta' l-objettivi ta' l-Unjoni, sabiex iħarsu l-interessi tagħha u jsaħħu l-proċess ta' integrazzjoni tagħha. Dawn il-koperazzjonijiet għandhom ikunu miftuħa għall-Istati Membri kollha f'kull ħin, skond l-Artikolu 328 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Id-deċiżjoni li tawtorizza l-koperazzjoni msaħħa għandha tiġi adottata mill-Kunsill bħala l-aħħar għażla meta jistabbilixxi li l-objettivi ta' dik il-koperazzjoni ma jistgħux jitwettqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa, u bil-kondizzjoni li mill-inqas disa' Stati Membri jipparteċipaw fiha. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-membri kollha tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda l-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f'koperazzjoni msaħħa biss jistgħu jivvotaw. L-arranġamenti tal-votazzjoni huma previsti fl-Artikolu 330 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

4.   L-atti adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa għandhom jorbtu biss l-Istati Membri li jipparteċipaw. M'għandhomx jitqiesu bħala parti mill-acquis li għandu jiġi aċċettat mill-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI U DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

Artikolu 21

1.   L-azzjoni ta' l-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta' l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubija mal-pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew globali, li jikkondividu l-prinċipji msemmija fl-ewwel subparagrafu. Hija għandha tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali għal problemi komuni, b'mod partikolari fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.   L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta' koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

a)

tissalvagwardja l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha;

b)

tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

c)

tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll skond il-prinċipji ta' l-Att Finali ta' Helsinki u skond l-objettivi tal-Karta ta' Pariġi, inklużi dawk dwar il-fruntieri esterni;

d)

tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar;

e)

tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali;

f)

tgħin sabiex jiġu żviluppati miżuri internazzjonali sabiex tiġi preservata u mtejba l-kwalità ta' l-ambjent u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali globali, sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp sostenibbli;

g)

tgħin lill-popolazzjonijiet, il-pajjiżi u r-reġjuni li jiffaċċjaw diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem; u

h)

tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq koperazzjoni multilaterali msaħħa u t-tmexxija globali tajba.

3.   L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji u tfittex li twettaq l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' l-azzjoni esterna tagħha fl-oqsma differenti koperti minn dan it-Titolu u mill-ħames parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-politika l-oħra tagħha fl-aspetti esterni tagħha.

L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti ta' l-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandhom jassiguraw dik il-koerenza u għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

Artikolu 22

1.   Abbażi tal-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21, il-Kunsill Ewropew għandu jidentifika l-interessi u l-objettivi strateġiċi ta' l-Unjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-interessi u l-objettivi strateġiċi ta' l-Unjoni għandhom jirrigwardaw il-politika estera u ta' sigurtà komuni u oqsma oħra ta' azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jikkonċernaw ir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni ma' pajjiż jew reġjun speċifiku jew jista' jkollhom approċċ tematiku. Dawn għandhom jiddefinixxu d-durata tagħhom, u l-mezzi li għandhom jipprovdu l-Unjoni u l-Istati Membri.

Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, adottata minn dan ta' l-aħħar skond l-arranġamenti stabbiliti għal kull qasam. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew għandhom jiġu implimentati skond il-proċeduri previsti fit-Trattati.

2.   Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għall-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u l-Kummissjoni għall-oqsma l-oħra ta' azzjoni esterna, jistgħu jippreżentaw proposti konġunti lill-Kunsill.

KAPITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 23

L-azzjoni ta' l-Unjoni fix-xena internazzjonali, skond dan il-kapitolu, għandha tkun gwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li twettaq l-objettivi u għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fil-Kapitolu 1.

Artikolu 24

(ex Artikolu 11 TUE)

1.   Il-kompetenza ta' l-Unjoni f'materji ta' politika estera u ta' sigurtà komuni għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà ta' l-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni, li tista' twassal għal difiża komuni.

Il-politika estera u ta' sigurtà komuni hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi. Hija għandha tkun definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill li jaġixxu b'mod unanimu, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. L-adozzjoni ta' atti leġislattivi għandha tkun eskluża. Il-politika estera u ta' sigurtà komuni għandha titwettaq mir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Istati Membri, skond it-Trattati. Ir-rwoli speċifiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni f'dan il-qasam huma definiti mit-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea m'għandhiex ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward ta' dawn id-dispożizzjonijiet, ħlief għall-kompetenza tagħha li tissorvelja l-konformità ma' l-Artikolu 40 ta' dan it-Trattat u sabiex tikkontrolla l-legalità ta' ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 275 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna tagħha, l-Unjoni għandha tmexxi, tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni bbażata fuq l-iżvilupp ta' solidarjetà politika reċiproka bejn l-Istati Membri, fuq l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet ta' interess ġenerali u t-twettiq ta' konverġenza dejjem akbar ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta' sigurtà ta' l-Unjoni attivament u mingħajr riserva fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom jirrispettaw l-azzjoni ta' l-Unjoni f'dan il-qasam.

L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex jtejbu u jiżviluppaw is-solidarjetà politika reċiproka tagħhom. Għandhom joqgħodu lura minn kull azzjoni li tkun kontra l-interessi ta' l-Unjoni jew li x'aktarx tagħmel ħsara għall-effettività tagħha bħala forza b'koeżjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali.

Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jassiguraw li dawn il-prinċipji jkunu rispettati.

Artikolu 25

(ex Artikolu 12 TUE)

L-Unjoni għandha twettaq il-politika estera u ta' sigurtà komuni billi:

a)

tiddefinixxi l-linji gwida ġenerali;

b)

tadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu:

i)

l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni;

ii)

il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni;

iii)

l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fil-punti i) u ii);

u

c)

billi ssaħħaħ il-koperazzjoni sistematika bejn l-Istati Membri fit-twettiq tal-politika tagħhom.

Artikolu 26

(ex Artikolu 13 TUE)

1.   Il-Kunsill Ewropew għandu jidentifika l-interessi strateġiċi ta' l-Unjoni, jistabbilixxi l-objettivi u jiddefinixxi l-linji gwida ġenerali għall-politika estera u ta' sigurtà komuni, inklużi materji b' implikazzjonijiet għad-difiża. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa.

Jekk l-iżviluppi internazzjonali ikunu jeħtieġu dan, il-President tal-Kunsill Ewropew għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew sabiex jiddefinixxi l-linji strateġiċi tal-politika ta' l-Unjoni fir-rigward ta' dawn l-iżviluppi.

2.   Il-Kunsill għandu jfassal il-politika estera u ta' sigurtà komuni u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għad-definizzjoni u għall-implimentazzjoni ta' din il-politika, abbażi tal-linji gwida ġenerali u l-linji strateġiċi definiti mill-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jassiguraw l-unità, il-konsistenza u l-effettività ta' l-azzjoni mill-Unjoni.

3.   Il-politika estera u ta' sigurtà komuni għandha tiġi eżegwita mir-Rappreżentant Għoli u mill-Istati Membri, bl-użu tar-riżorsi nazzjonali u dawk ta' l-Unjoni.

Artikolu 27

1.   Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li għandu jippresjedi l-Kunsill ta' l-Affarijiet Barranin, għandu jikkontribwixxi bil-proposti tiegħu għall-iżvilupp tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u għandu jassigura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill.

2.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrappreżenta lill-Unjoni f'materji li għandhom x'jaqsmu mal-politika estera u ta' sigurtà komuni. Huwa għandu jmexxi djalogu politiku ma' partijiet terzi f' isem l-Unjoni u għandu jesprimi l-pożizzjoni ta' l-Unjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fil-konferenzi internazzjonali.

3.   Fit-twettiq tal-mandat tiegħu, ir-Rappreżentant Għoli għandu jiġi assistit minn Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Dan is-servizz għandu jaħdem f'koperazzjoni mas-servizzi diplomatiċi ta' l-Istati Membri u għandu jkun magħmul minn uffiċjali mid-dipartimenti rilevanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll minn persunal issekondat mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali. L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jiġu stabbiliti b'deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 28

(ex Artikolu 14 TUE)

1.   Meta s-sitwazzjoni internazzjonali teħtieġ azzjoni operattiva mill-Unjoni, l-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa. Huma għandhom jistabbilixxu l-objettivi tagħhom, l-ambitu, il-meżżi li għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Unjoni, jekk meħtieġ it-tul ta' żmien tagħhom, u l-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħhom.

Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi li jkollha effett sostanzjali fuq kwistjoni suġġetta għal deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jirrieżamina l-prinċipji u l-għanijiet ta' dik id-deċiżjoni u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.

2.   Id-deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jikkommettu lill-Istati Membri fil-pożizzjonijiet li jadottaw u fit-tmexxija ta' l-attività tagħhom.

3.   Kull meta jkun hemm pjan sabiex tiġi adottata pożizzjoni nazzjonali jew sabiex tittieħed azzjoni nazzjonali fuq deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1, l-informazzjoni mill-Istati Membru konċernat għandha tingħata fi żmien li jippermetti, jekk ikun hemm bżonn konsultazzjoni minn qabel fi ħdan il-Kunsill. L-obbligu li tingħata informazzjoni bil-quddiem m’għandux japplika għal miżuri li huma sempliċement traspożizzjoni nazzjonali tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill.

4.   F'każijiet ta' bzonnijiet imperattivi li joriġinaw minn tibdil fis-sitwazzjoni u fin-nuqqas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill prevista fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa bħala materja ta' urġenza wara li jikkunsidraw l-għanijiet ġenerali tad-deċiżjoni msemmija. L-Istati Membri involuti għandhom jinformaw lill-Kunsill immedjatament dwar miżuri bħal dawn.

5.   Jekk jinħolqu diffikultajiet maġġuri fl-implimentazzjoni ta' deċiżjoni prevista f'dan l-Artikolu, Stat Membru għandu jirriferihom lill-Kunsill li għandu jiddiskutihom u jfittex soluzzjonijiet xierqa. Dawn is-soluzzjonijiet ma għandhomx imorru kontra l-għanijiet tad-deċiżjoni prevista fil-paragrafu 1 jew ifixklu l-effettività tagħha.

Artikolu 29

(ex Artikolu 15 TUE)

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament ta' l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet ta' l-Unjoni.

Artikolu 30

(ex Artikolu 22 TUE)

1.   Kull Stat Membru, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, jew ir-Rappreżentant Għoli bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jistgħu jirriferu lill-Kunsill kull kwistjoni li għandha x'taqsam mal-politika estera u ta' sigurtà komuni u jistgħu jippreżentaw, rispettivament, inizjattivi jew proposti lill-Kunsill.

2.   F'każijiet li jirrikjedu deċiżjoni malajr, ir-Rappreżentant Għoli fuq mozzjoni proprja, jew fuq it-talba ta' Stat Membru, għandu jlaqqa' seduta straordinarja tal-Kunsill fi żmien tmienja u erbgħin siegħa jew, f'każ ta’ emerġenza, fi żmien inqas.

Artikolu 31

(ex Artikolu 23 TUE)

1.   Id-deċiżjonijiet taħt dan it-Titolu għandhom jittieħdu mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill li jaġixxu b'mod unanimu, ħlief fil-każijiet fejn dan il-kapitolu jipprovdi mod ieħor. L-adozzjoni ta' atti leġislattivi għandha tkun eskluża.

Meta jastjeni minn xi vot, kull membru tal-Kunsill jista' jikkwalifika l-astensjoni tiegħu billi jagħmel dikjarazzjoni formali skond dan is-subparagrafu. F’dak il-każ, hu ma jkunx obligat li japplika dik id-deċiżjoni, imma għandu jaċċetta li dik id-deċiżjoni tikkommetti lill-Unjoni. Fi spirtu ta’ solidarjetà reċiproka, l-Istat Membru kkonċernat għandu joqgħod lura minn xi azzjoni li aktarx toħloq kunflitt ma', jew tostakola l-azzjoni ta' l-Unjoni li tkun ibbażata fuq dik id-deċiżjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jirrispettaw il-pożizzjoni tiegħu. Jekk il-membri tal-Kunsill li jikkwalifikaw l-astensjoni tagħhom b'dan il-mod jirrappreżentaw mill-inqas terz ta' l-Istati Membri li jinkludu mill-inqas terz tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni, id-deċiżjoni m'għandhiex tiġi adottata.

2.   B' deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ paragrafu 1, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata:

meta jadotta deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni ta' l-Unjoni abbażi ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-interessi u l-objettivi strateġiċi ta' l-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 22(1);

meta jadotta deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni ta' l-Unjoni, fuq proposta preżentata mir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà wara talba speċifika lilu mill-Kunsill Ewropew fuq inizjattiva ta' dan stess jew fuq dik tar-Rappreżentant Għoli;

meta jadotta xi deċiżjoni li timplimenta deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni ta' l-Unjoni;

meta jinħatar rappreżentant speċjali skond l-Artikolu 33.

Jekk membru tal-Kunsill jiddikjara li, minħabba raġunijiet vitali u indikati ta’ politika nazzjonali, hu jkollu l-intenzjoni li jopponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħudha b’maġġoranza kwalifikata, il-vot m’għandux jittieħed. Ir-Rappreżentant Għoli jfittex, b'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-Istat Membru kkonċernat, soluzzjoni aċċettabbli għal dan ta' l-aħħar. Fin-nuqqas ta' riżultat, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jitlob li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Kunsill Ewropew għal deċiżjoni b'unanimità.

3.   Il-Kunsill Ewropew jista', b'mod unanimu, jadotta deċiżjoni li tipprevedi li l-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata f'każijiet oħra minbarra dawk previsti fil-paragrafu 2.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 m'għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża.

5.   Għar-rigward tal-kwistjonijiet ta' proċedura, il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġġoranza tal-membri tiegħu.

Artikolu 32

(ex Artikolu 16 TUE)

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw ma' xulxin fi ħdan il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill dwar kull materja ta’ politika estera u ta’ sigurtà ta’ interess ġenerali bil-ħsieb li jiddefinixxu approċċ komuni. Qabel ma jieħu azzjoni fix-xena internazzjonali jew jintrabat b'xi obbligu li jista' jolqot l-interessi ta' l-Unjoni, kull Stat Membru għandu jikkonsulta ma' l-oħrajn fi ħdan il-Kunsill Ewropew jew il-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, permezz tal-konverġenza ta' l-azzjonijiet tagħhom, li l-Unjoni tkun kapaċi li tasserixxi l-interessi u l-valuri tagħha fix-xena internazzjonali. L-Istati Membri għandhom juru solidarjetà bejniethom.

Meta l-Kunsill Ewropew jew il-Kunsill ikun iddefinixxa approċċ komuni ta' l-Unjoni fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom fil-Kunsill.

Il-missjonijiet diplomatiċi ta' l-Istati Membri u d-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni fil-pajjiżi terzi u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jikkoperaw bejniethom u għandhom jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' l-approċċ komuni.

Artikolu 33

(ex Artikolu 18 TUE)

Il-Kunsill jista', fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, jaħtar rappreżentant speċjali li jingħata mandat dwar kwestjonijiet partikolari ta' politika. Ir-rappreżentant speċjali għandu jwettaq il-mandat tiegħu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli.

Artikolu 34

(ex Artikolu 19 TUE)

1.   L-Istati Membri għandhom jikoordinaw l-azzjoni tagħhom f’organizzazzjonijiet internazzjonali u waqt konferenzi internazzjonali. Għandhom isostnu l- pożizzjonijiet ta' l-Unjoni f’dawn il-fora. Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jassigura l-organizzazzjoni ta' din il-koordinazzjoni.

F’organizzazzjonijiet internazzjonali u f'konferenzi internazzjonali fejn mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw, dawk li jipparteċipaw għandhom isostnu l- pożizzjonijiet ta' l-Unjoni.

2.   Skond l-Artikolu 24(3), l-Istati Membri rappreżentati f’organizzazzjonijiet internazzjonali jew f'konferenzi internazzjonali li fihom mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw, għandhom iżommu lil dawn ta’ l-aħħar, kif ukoll ir-Rappreżentant Għoli, informati dwar kull materja ta’ interess komuni.

L-Istati Membri li huma wkoll membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jaħdmu flimkien u jżommu lill-Istati Membri membri l-oħra kif ukoll ir-Rappreżentant Għoli għal kollox informati dwar kollox. L-Istati Membri li huma membri fuq il-Kunsill tas-Sigurtà għandhom jiddefendu, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-pożizzjonijiet u l-interessi ta' l-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Meta l-Unjoni tkun iddefiniet pożizzjoni dwar suġġett li jkun fuq l-aġenda tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk l-Istati Membri li huma membri tiegħu għandhom jitolbu li r-Rappreżentant Għoli jkun mistieden jippreżenta l-pożizzjoni ta' l-Unjoni.

Artikolu 35

(ex Artikolu 20 TUE)

Il-missjonijiet diplomatiċi u konsulari ta' l-Istati Membri u delegazzjonijiet ta' l-Unjoni f'pajjiżi terzi u konferenzi internazzjonali, u r-rappreżentanti tagħhom f'organizzazzjonijiet internazzjonali, għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-pożizzjonijiet u l-azzjonijiet ta' l-Unjoni adottati skond dan il-kapitolu jiġu mħarsa u implimentati.

Għandhom iżidu l-koperazzjoni billi jiskambjaw informazzjoni u waqt li jagħmlu evalwazzjonijiet konġunti.

Huma għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt ta' protezzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fit-territorju ta' pajjiżi terzi, kif previst fl-Artikolu 20(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-miżuri adottati f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 23 ta' dak it-Trattat.

Artikolu 36

(ex Artikolu 21 TUE)

Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li għandu jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u jinformah bl-evoluzzjoni ta' din il-politika. Hu għandu jassigura li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut. Ir-rappreżentanti speċjali jistgħu jkunu involuti fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew jista' jagħmel mistoqsijiet jew rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill jew lir-Rappreżentant Għoli. Għandu jkollu dibattitu darbtejn fis-sena dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' siġurtà komuni, inkluża l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

Artikolu 37

(ex Artikolu 24 TUE)

L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' Stat wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali f'oqsma koperti minn dan il-Kapitolu.

Artikolu 38

(ex Artikolu 25 TUE)

Bla preġudizzju għall-Artikolu 240 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, Kumitat ta’ Politika u Sigurtà għandu jissorvelja s-sitwazzjoni internazzjonali ta’ dawk l-oqsma li huma koperti bil-politika estera u ta' sigurtà komuni u għandu jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ linji politiċi billi jagħti opinjonijiet lill-Kunsill fuq it-talba tal-Kunsill tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew b’inizjattiva tiegħu stess. Għandu jissorvelja wkoll l-implimentazzjoni tal-linji politiċi miftiehma, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tar-Rappreżentant Għoli.

Fil-qafas ta' dan il-Kapitolu, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet previsti fl-Artikolu 43.

Il-Kunsill jista’ jawtorizza lill-Kumitat, għall-finijiet u għaż-żmien ta’ l-operazzjoni sabiex issolvi l-kriżi, kif jiġi deċiż mil-Kunsill, sabiex jieħu d-deċiżjonijiet xierqa rigward il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-operazzjoni.

Artikolu 39

Skond l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u b'deroga mill-paragrafu 2 tiegħu, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu, u r-regoli dwar il-moviment liberu ta' din id-data. Il-ħarsien ta' dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti.

Artikolu 40

(ex Artikolu 47 TUE)

L-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni m'għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta' l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' l-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 E tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-politika prevista f'dawk l-Artikoli m'għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta' l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' l-Unjoni taħt dan il-Kapitolu.

Artikolu 41

(ex Artikolu 28 TUE)

1.   L-ispiża amministrattiva li tinqala' minħabba l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu għall-istituzzjonijiet għandha titħallas mill-baġit ta' l-Unjoni.

2.   L-ispiża operattiva li għandha x’taqsam ma' l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandha wkoll titħallas mill-baġit ta' l-Unjoni, ħlief għal dik l-ispiża li toriġina minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew tad-difiża u minn każijiet fejn il-Kunsill li jaġixxi unanimament jiddeċiedi mod ieħor.

F'każijiet fejn l-ispiża ma tkunx imħallsa mill-baġit ta' l-Unjoni din għandha titħallas mill-Istati Membri skond l-iskala tal-prodott domestiku gross, sakemm il-Kunsill li jaġixxi unanimament ma jiddeċidiex mod ieħor. F’dak li jirrigwarda l-ispiża li tinħoloq minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, l-Istati Membri li r-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill ikunu għamlu dikjarazzjoni formali skond l-Artikolu 31 (1), it-tieni subparagrafu, m’għandomx ikunu obbligati li jikkontribwixxu għal dan il-finanzjament.

3.   Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-proċeduri speċifiċi sabiex jiggarantixxi aċċess b' ħeffa għal approprjazzjonijiet fil-baġit ta' l-Unjoni għal finanzjament urġenti ta' inizjattivi fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u b'mod partikolari għall-attivitajiet preparatorji ta' missjonijiet previsti fl-Artikolu 42 (1) u fl-Artikolu 43. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

L-attivitajiet preparatorji għal missjonijiet previsti fl-Artikoli 42(1) u fl-Artikolu 43, li mhumiex a karigu tal-baġit ta' l-Unjoni għandhom jiġu finanzjati minn fond ta' tnedija magħmul minn kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

Il-Kunsill għandu jadotta, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, id-deċiżjonijiet li jistabbilixxu:

a)

il-proċeduri għall-istabbiliment u l-finanzjament tal-fond ta' tnedija, b'mod partikolari l-ammonti allokati lill-fond;

b)

il-proċeduri għall-amministrazzjoni tal-fond ta' tnedija;

c)

il-proċeduri għall-kontroll finanzjarju.

Meta l-missjoni pjanata skond l-Artikoli 42 (1) u l-Artikolu 43 ma tkunx tista' titpoġġa a karigu tal-baġit ta' l-Unjoni, il-Kunsill għandu jawtorizza lir-Rappreżentant Għoli sabiex juża dan il-fond. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-eżekuzzjoni ta' dan il-mandat.

TAQSIMA 2

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-POLITIKA TA' SIGURTÀ U TA' DIFIŻA KOMUNI

Artikolu 42

(ex Artikolu 17 TUE)

1.   Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tkun parti integrali mill-politika estera u ta' sigurtà komuni. Din għandha tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operattiva billi tagħmel użu minn riżorsi ċivili u militari. L-Unjoni tista' tużahom f'missjonijiet barra mill-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta' konflitti u sabiex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn il-kompiti għandhom jitwettqu permezz tal-kapaċitajiet provduti mill-Istati Membri.

2.   Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni ta' l-Unjoni. Din sejra twassal għal difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk. F'dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri li jadottaw deċiżjoni f' dan is-sens skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Il-politika ta’ l-Unjoni skond din it-taqsima m’ għandhiex tolqot il-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurta' u difiża ta’ ċerti Stati Membri, u għandha tirrispetta l-obbligazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom hija koperta mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku (NATO), taħt it-trattat tan-Nord Atlantiku u li tkun kompatibbli mal-politika komuni ta’ sigurta' u difiża stabbilita f’dan il-kuntest.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Unjoni l-kapaċitajiet ċivili u militari għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti mill-Kunsill. Dawk l-Istati Membri li jistabbilixxu forzi multinazzjonali flimkien jistgħu wkoll jagħmluhom disponibbli għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex itejbu progressivament il-kapaċitajiet militari tagħhom. L-Aġenzija fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża’) tidentifika l-ħtiġijiet operattivi, tippromwovi l-miżuri li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet, tikkontribwixxi sabiex tidentifika u, fejn ikun meħtieġ, timplimenta kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, tipparteċipa sabiex tidentifika politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti u tassisti lill-Kunsill fil-valutazzjoni tat-titjib tal-kapaċitajiet militari.

4.   Id-deċiżjonijiet dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inklużi dawk li jibdew missjoni kif previst f'dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew fuq inizjattiva minn Stat Membru. Ir-Rappreżentant Għoli jista' jipproponi li juża kemm riżorsi nazzjonali kif ukoll strumenti ta' l-Unjoni, flimkien mal-Kummissjoni fejn xieraq.

5.   Il-Kunsill jista' jafda l-eżekuzzjoni ta' missjoni fil-qafas ta' l-Unjoni lil grupp ta' Stati Membri sabiex jiġu protetti l-valuri ta' l-Unjoni u jinqdew l-interessi tagħha. L-eżekuzzjoni ta' din il-missjoni għandha tkun regolata mill-Artikolu 44.

6.   Dawk l-Istati Membri li l-kapaċitajiet militari tagħhom jissodisfaw kriterji ogħla u li jkunu ħadu impenji aktar vinkolanti ma' xulxin fil-qasam bil-ħsieb tat-twettiq tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi għandhom jistabbilixxu koperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas ta' l-Unjoni. Din il-koperazzjoni għandha tkun regolata mill-Artikolu 46. Din m'għandhiex tolqot d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 43.

7.   Jekk Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, l-Istati Membri l-oħra jkunu obbligati jtuh l-għajnuna u l-assistenza permezz tal-mezzi kollha li jista' jkollhom, skond l-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri.

L-impenji u l-koperazzjoni f'dan il-qasam għandhom ikunu konsistenti ma' l-impenji meħuda fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li, għal dawk l-Istati Membri li huma membri tagħha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha.

Artikolu 43

1.   Il-missjonijiet previsti fl-Artikolu 42, li matulhom l-Unjoni tista' tuża mezzi ċivili u militari, għandhom jinkludu operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, missjonijiet umanitarji u ta' salvataġġ, missjonijiet ta' għoti ta' pariri u ta' assistenza fi kwistjonijiet militari, missjonijiet ta' prevenzjoni ta' konflitti u taż-żamma tal-paċi, missjonijiet ta' forzi ta' kumbattiment fl-immaniġġar ta' kriżijiet, inklużi l-missjonijiet għall-istabbiliment tal-paċi u għall-istabbilizzazzjoni wara l-konflitti. Dawn il-missjonijiet kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom.

2.   Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet relatati mal-missjonijiet previsti fil-paragrafu 1, li jiddefinixxu l-objettivi u l-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll il-kondizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tagħhom. Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kunsill u f'kuntatt mill-qrib u kostanti mal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, għandu jassigura l-koordinazzjoni ta' l-aspetti ċivili u militari ta' dawn il-missjonijiet.

Artikolu 44

1.   Fil-qafas tad-deċiżjonijiet adottati skond l-Artikolu 43, il-Kunsill jista' jafda l-implimentazzjoni ta' missjoni lil grupp ta' Stati Membri li għandhom ir-rieda u l-kapaċitajiet meħtieġa għal tali missjoni. Dawn l-Istati Membri f'assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jiftiehmu bejniethom dwar l-amministrazzjoni tal-missjoni.

2.   L-Istati Membri li jipparteċipaw fit-twettiq tal-missjoni għandhom iżommu lill-Kunsill regolarment informat bil-progress tal-missjoni fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq it-talba ta' Stat Membru ieħor. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinformaw lill-Kunsill immedjatament jekk it-twettiq tal-missjoni jkollu konsegwenzi maġġuri jew jeħtieġ emenda ta' l-objettiv, tal-kamp ta' applikazzjoni jew tal-kondizzjonijiet stabbiliti għall-missjoni fid-deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 1. F'każijiet bħal dawn, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa.

Artikolu 45

1.   L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, imsemmija fl-Artikolu 42(3), u li tinsab taħt l-awtorità tal-Kunsill, għandha l-missjoni li:

a)

tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' l-objettivi ta' kapaċità militari ta' l-Istati Membri u l-valutazzjoni tar-rispett ta' l-impenji ta' kapaċità meħuda mill-Istati Membri;

b)

tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet operazzjonali u l-adozzjoni ta' metodi ta' akkwist effettivi u kompatibbli;

c)

tipproponi proġetti multilaterali sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi f'termini ta' kapaċitajiet militari, u tassigura l-koordinazzjoni tal-programmi implimentati mill-Istati Membri u l-amministrazzjoni ta' programmi speċifiċi ta' koperazzjoni;

d)

issostni r-riċerka dwar it-teknoloġija tad-difiża, tikkoordina u tippjana l-attivitajiet ta' riċerka konġunta u l-istudji ta' soluzzjonijiet tekniċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet operattivi futuri;

e)

tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u, jekk meħtieġ, għall-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżura utli għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u għat-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-infiq militari.

2.   L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw fiha. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu jadotta deċiżjoni li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli ta' funzjonament ta' l-Aġenzija. Din id-deċiżjoni għandha tikkunsidra l-livell ta' parteċipazzjoni effettiva fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija. Għandhom jiġu stabbiliti fl-Aġenzija gruppi speċifiċi li jiġbru flimkien Stati Membri involuti fi proġetti konġunti. L-Aġenzija għandha twettaq il-missjonijiet tagħha flimkien mal-Kummissjoni meta meħtieġ.

Artikolu 46

1.   Dawk l-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fil-koperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu 42(6), li jissodisfaw il-kriterji u li jkunu ħadu l-impenji dwar il-kapaċitajiet militari previsti fil-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

2.   Fi żmien tliet xhur min-notifika prevista fil-paragrafu 1, l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi koperazzjoni strutturata permanenti, u li tiddetermina l-lista ta' l-Istati Membri partecipanti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lir-Rappreżentant Għoli.

3.   Kull Stat Membri li, fi stadju aktar tard, jixtieq jieħu sehem fil-koperazzjoni strutturata permanenti għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli.

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat li jissodisfa l-kriterji u jirrispetta l-impenji previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lir-Rappreżentant Għoli. Il-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti biss jistgħu jieħdu sehem fil-votazzjoni.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3)(a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

4.   Jekk Stat Membru parteċipanti ma jibqax jissodisfa l-kriterji jew ma jkunx jista' jibqa' jirrispetta l-impenji previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni li tissospendi l-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti biss, bl-eċċezzjoni ta' l-Istat Membru konċernat, jistgħu jieħdu sehem fil-votazzjoni.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3)(a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

5.   Jekk Stat Membru parteċipanti jixtieq jirtira mill-koperazzjoni strutturata permanenti, dan għandu jgħarraf l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill, li għandu jieħu nota tal-fatt li l-Istat Membru in kwistjoni waqaf jipparteċipa.

6.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fil-qafas tal-koperazzjoni strutturata permanenti, minbarra dawk previsti fil-paragrafi 2 sa 5, għandhom jiġu adottati b'mod unanimu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-unanimità għandha tkun magħmula biss mill-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri parteċipanti.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 47

L-Unjoni għandha jkollha personalità ġuridika.

Artikolu 48

(ex Artikolu 48 TUE)

1.   It-Trattati jistgħu jkunu emendati skond proċedura ta' reviżjoni ordinarja. Dawn jistgħu jkunu emendati wkoll skond proċeduri ta' reviżjoni simplifikata.

2.   Il-gvern ta' kwalunkwe Stat Membru, il-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw lill-Kunsill proposti għar-reviżjoni tat-Trattati. Dawn il-proposti jistgħu jirrigwardaw fost l-oħrajn iż-żieda jew it-tnaqqis tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati. Dawn il-proposti għandhom jiġu preżentati mill-Kunsill lill-Kunsill Ewropew u jiġu notifikati lill-Parlamenti nazzjonali.

3.   Jekk il-Kunsill Ewropew, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni, jadotta deċiżjoni b'maġġoranza sempliċi favur li jiġu eżaminati l-emendi proposti, il-President tal-Kunsill Ewropew għandu jsejjaħ Konvenzjoni komposta minn rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali, tal-Kapijiet ta' l-Istat jew tal-Gvern ta' l-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat ukoll fil-każ ta' bidliet istituzzjonali fil-qasam monetarju. Il-Konvenzjoni għandha teżamina l-proposti għar-reviżjoni u għandha tadotta rakkomandazzjoni b'konsensus lil Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri kif previst fil-paragrafu 4.

Il-Kunsill Ewropew jista' jiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li ma jsejjaħx Konvenzjoni jekk dan ma jkunx ġustifikat mill-portata ta' l-emendi proposti. F' dak il-każ il-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi l-mandat għal Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

4.   Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandha tissejjaħ mill-President tal-Kunsill sabiex jiġu determinati bi ftehim komuni l-emendi li għandhom isiru lit-Trattati.

L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li jiġu ratifikati mill-Istati Membri kollha skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

5.   Jekk, sentejn wara l-iffirmar ta' Trattat li jemenda t-Trattati, erba' minn ħamsa ta' l-Istati Membri jkunu rratifikaw it-Trattat imsemmi u Stat Membru wieħed jew iktar ikun iltaqa' ma' diffikultajiet għar-ratifika, l-kwistjoni għandha titressaq lill-Kunsill Ewropew.

6.   Il-Gvern ta' kwalunkwe Stat Membru, il-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw lill-Kunsill Ewropew proposti għal reviżjoni sħiħa jew parzjali tad-dispożizzjonijiet tat-tielet parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, dwar il-politika u l-azzjonijiet interni ta' l-Unjoni.

Il-Kunsill Ewropew jista' jadotta deċiżjoni li temenda b'mod sħiħ jew parzjali id-dispożizzjonijiet tat-tielet parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni, kif ukoll mal-Bank Ċentrali Ewropew fil-każ ta' bidliet istituzzjonali fil-qasam monetarju. Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ biss wara l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Id-deċiżjoni prevista fit-tieni subparagrafu m'għandhiex iżżid il-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati.

7.   Fejn it-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew it-Titolu V ta' dan it-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu f'qasam jew każ partikolari, il-Kunsill Ewropew jista' jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kunsill sabiex jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata f'dak il-qasam jew każ. Dan is-subparagrafu m'għandux japplika għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew fil-qasam tad-difiża.

Fejn it-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jipprovdi li atti leġislattivi għandhom ikunu adottati mill-Kunsill skond il-proċedura leġislattiva speċjali, il-Kunsill Ewropew jista' jadotta deciżjoni li tawtorizza l-adozzjoni ta' l-atti msemmija skond il-proċedura leġislattiva ordinarja.

Kwalunkwe inizjattiva meħuda mill-Kunsill Ewropew abbażi ta' l-ewwel jew it-tieni subparagrafu għandha tkun notifikata lill-Parlamenti nazzjonali. Jekk parlament nazzjonali jgħarraf l-oppożizzjoni tiegħu fi żmien sitt xhur mid-data ta' tali notifika, id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel jew it-tieni subparagrafu m'għandhiex tiġi adottata. Fin-nuqqas ta' oppożizzjoni, il-Kunsill Ewropew jista' jadotta d-deċiżjoni msemmija.

Għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fl-ewwel jew it-tieni subparagrafu, il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata bil-maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

Artikolu 49

(ex Artikolu 49 TUE)

Kull Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista' japplika sabiex jsir membru ta' l-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati b'din l-applikazzjoni. L-Istat applikant għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill li għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Għandu jittieħed kont tal-kriterji ta' eliġibbiltà miftiehma mill-Kunsill Ewropew.

Il-kondizzjonijiet tad-dħul u l-tibdil li jkollu jsir fit-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni, minħabba f'dan id-dħul għandhom ikunu miftiehma bejn l-Istati Membri u l-Istat applikant. Dan il-ftehim għandu jiġi ppreżentat għar-ratifika mill-Istati Kontraenti kollha skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 50

1.   Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.

2.   L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma' dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma' l-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skond l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi konkluż f'isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3.   It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma' l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ m'għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew jew f'deċiżjonijiet li jkunu jikkonċernawh.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3)(b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

5.   Jekk l-Istat li jkun ħareġ mill-Unjoni jitlob li jaderixxi mill-ġdid, it-talba tiegħu għandha tkun suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu 49.

Artikolu 51

Il-Protokolli u l-Annessi mat-Trattati għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

Artikolu 52

1.   It-Trattati għandhom japplikaw għar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' l-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, Ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta' l-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

2.   Il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tat-Trattati huwa speċifikat fl-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 53

(ex Artikolu 51 TUE)

Dan it-Trattat qed isir għal perjodu indefinit.

Artikolu 54

(ex Artikolu 52 TUE)

1.   Dan it-Trattat għandu jkun ratifikat mill-Partijiet Kontraenti l-Għolja skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta' ratifika għandhom jiġu depożitati għand il-gvern tar-Repubblika Taljana.

2.   Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1993, bil-kondizzjoni li l-istrumenti ta' ratifika kollha jkunu ġew depożitati, jew fin-nuqqas, fl-ewwel ġurnata tax-xahar li jiġi wara li jkun depożitat l-istrument ta' ratifika mill-aħħar Stat firmatarju li jagħmel dan il-pass.

Artikolu 55

(ex Artikolu 53 TUE)

1.   Dan it-Trattat, redatt f'oriġinal wieħed bl-ilsien Ġermaniż, Ingliż, Bulgaru, Kroat, Daniż, Spanjol, Estonjan, Franċiż, Finlandiż, Grieg, Ungeriż, Irlandiż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Żvediż u Ċek, bit-testi ta' kull wieħed minn dawn ugwalment awtentiċi, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tal-gvern tar-Repubblika Taljana, li għandu jibgħat kopja awtentikata lil kull wieħed mill-gvernijiet ta' l-Istati firmatarji l-oħra.

2.   Dan it-Trattat jista' jiġi tradott ukoll fi kwalunkwe lingwa oħra determinata mill-Istati Membri minn fost dawk li, skond l-ordni kostituzzjonali ta' l-Istati Membri, igawdu minn status ta' lingwa uffiċjali fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi kopja awtentikata ta' tali traduzzjoni li għandha titqiegħed fl-arkivji tal-Kunsill.

B'XHIEDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji hawn sottoskritti ffirmaw dan it-Trattat.

Magħmul f'Maastricht fis-seba' jum ta' Frar tas-sena elf disa' mija u tnejn u disgħin.

(lista ta' plenipotenzjarji mhux riprodotta)


(1)  Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja saru wkoll membri ta' l-Unjoni Ewropea.

(2)  Din ir-referenza hija biss indikattiva. Ara t-Tabella ta' Korrispondenza.


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

PREAMBOLU

IL-MAESTA’ TIEGĦU IR-RE TAL-BELĠJANI, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, L-ALTEZZA TAGĦHA REALI L-GRAN DUKESSA TAL-LUSSEMBURGU, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TA' L-OLANDA (1),

DETERMINATI li jistabbilixxu s-sisien ta’ għaqda dejjem akbar fost il-popli Ewropej,

DEĊIŻI li jassiguraw il-progress ekonomiku u soċjali ta' l-Istati tagħhom b' ħidma komuni fit-tneħħija tal-barrieri li jaqsmu l-Ewropa,

FILWAQT LI JASSENJAW lill-isforzi tagħhom l-għan ewlieni li jtejbu kostantement l-għajxien u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-popli tagħhom,

FILWAQT LI JIFHMU li t-tneħħija ta’ l-ostakoli esiztenti titlob ħidma konċertata sabiex tiggarantixxi kondizzjonijiet stabbli għal espansjoni, kummerċ bilanċjat u kompetizzjoni ġusta,

ANZJUŻI sabiex isaħħu l-unità ta' l-ekonomiji tagħhom u jassiguraw l-iżvilupp tagħhom armonjuż bit-tnaqqis tad-disparità bejn ir-reġjuni differenti u r-ritard ta’ dawk inqas favoriti,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jikkontribwixxu permezz ta’ politika kummerċjali komuni għat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fil-kummerċ internazzjonali,

BIL-ĦSIEB li jikkonfermaw is-solidarjeta li tgħaqqad l-Ewropa u pajjiżi barranin, u bix-xewqa li jassiguraw l-Iżvilupp tal-prosperità tagħhom, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

RIŻOLUTI li jsaħħu il-ħarsien tal-paċi u l-libertà billi jibnu din l-għaqda ta’ rizorsi, u li jsejjħu lill-popli l-oħra ta' l-Ewropa li jaqsmu l-ideal tagħhom sabiex jingħaqdu fl-isforzi tagħhom,

IDDETERMINATI li jippromwovu l-iżvilupp ta’ l-għola livell possibli ta’ konoxxenza għall-popli tagħhom pemezz ta’ aċċess miftuħ għall-edukazzjoni u permezz ta’ aġġornament kontinwu,

(lista ta' plenipotenzjarji mhux riprodotta)

L-EWWEL PARTI

PRINĊIPJI

Artikolu 1

1.   Dan it-Trattat jorganizza l-funzjonament ta' l-Unjoni u jiddetermina l-oqsma, id-delimitazzjoni u l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

2.   Dan it-Trattat u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huma t-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Dawn iż-żewġ Trattati, li għandhom l-istess valur legali, huma indikati bil-kliem ‘it-Trattati’.

TITOLU I

KATEGORIJI U OQSMA TA' KOMPETENZA TA' L-UNJONI

Artikolu 2

1.   Meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f'qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista' tilleġisla u tadotta atti legalment vinkolanti, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw l-atti ta' l-Unjoni.

2.   Meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża ma' l-Istati Membri f'qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġislaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f'dak il-qasam. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid sal-punt fejn l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita tagħha.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-politika ekonomika u ta' l-impjieg tagħhom skond l-arranġamenti previsti f' dan it-Trattat, li l-Unjoni tkun kompetenti li tiddefinixxi.

4.   L-Unjoni għandha jkollha l-kompetenza, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża d-definizzjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni.

5.   F'ċerti oqsma u skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati, l-Unjoni għandha jkollha l-kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tagħti appoġġ, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri, madankollu mingħajr ma tissostitwihom fil-kompetenza tagħhom f'dawn l-oqsma.

L-atti legalment vinkolanti ta' l-Unjoni adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet fit-Trattati dwar dawn l-oqsma m' għandux ikun fihom l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

6.   Il-kamp ta' l-applikazzjoni u l-arranġamenti għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta' l-Unjoni għandhom jiġu determinati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati għal kull qasam.

Artikolu 3

1.   L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin:

a)

l-unjoni doganali;

b)

l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern;

c)

il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

d)

il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd;

e)

il-politika kummerċjali komuni.

2.   L-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f'att leġislattiv ta' l-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista' teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista' tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 4

1.   L-Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma' l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6.

2.   Il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin:

a)

is-suq intern;

b)

il-politika soċjali, għall-aspetti definiti f'dan it-Trattat;

ċ)

il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

d)

l-agrikoltura u s-sajd, eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

e)

l-ambjent;

f)

il-protezzjoni tal-konsumatur;

g)

it-trasport;

h)

in-netwerks trans-Ewropej;

i)

l-enerġija;

j)

l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

k)

l-interessi komuni ta' sigurtà f'materji ta' saħħa pubblika, għall-aspetti definiti f'dan it-Trattat.

3.   Fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet, b'mod partikolari sabiex tiddefinixxi u timplimenta programmi mingħajr ma' l-eżerċizzju ta' din il-kompetenza ma jkun jista' jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw tagħhom.

4.   Fl-oqsma tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u ta' l-għajnuna umanitarja, l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet u tmexxi politika komuni mingħajr ma l-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza jkun jista' jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw tagħhom.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom fi ħdan l-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Kunsill għandu jadotta miżuri, b'mod partikolari linji gwida ġenerali għal din il-politika.

Dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom japplikaw għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   L-Unjoni għandha tieħu miżuri sabiex tassigura l-koordinazzjoni tal-politika dwar l-impjieg ta' l-Istati Membri, partikolarment billi tiddefinixxi linji gwida għal din il-politika.

3.   L-Unjoni tista' tieħu inizjattivi sabiex tassigura l-koordinazzjoni tal-politika soċjali ta' l-Istati Membri.

Artikolu 6

L-Unjoni għandha kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri. Fil-livell Ewropew, l-oqsma ta' dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu:

a)

il-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem;

b)

l-industrija;

c)

il-kultura;

d)

it-turiżmu;

e)

l-edukazzjoni, il-formazzjoni vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport;

f)

il-protezzjoni ċivili;

g)

il-koperazzjoni amministrattiva.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI

Artikolu 7

L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud ta' l-objettivi kollha tagħha u skond il-prinċipju ta' l-għoti tal-kompetenzi.

Artikolu 8

(ex Artikolu 3(2) TKE)  (2)

Fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa.

Artikolu 9

Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

Artikolu 10

Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Artikolu 11

(ex Artikolu 6 TKE)

Il-ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta' l-Unjoni,partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli.

Artikolu 12

(ex Artikolu 153(2) TKE)

Fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ politika u attivitajiet oħra ta' l-Unjoni għandu jingħata' kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur.

Artikolu 13

Fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiċi ta' l-Unjoni dwar l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u ta' l-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħatu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri ta' l-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali.

Artikolu 14

(ex Artikolu 16 TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 93, 106 u 107 ta' dan it-Trattat, u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta' l-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu ta' l-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet, b'mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu dawn il-prinċipji u jistabbilixxu dawn il-kondizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri skond it-Trattati, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi.

Artikolu 15

(ex Artikolu 255 TKE)

1.   Sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ.

2.   Il-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kunsill meta jkun qiegħed jikkunsidra u jivvota dwar abbozz ta' att leġislattiv, għandhom jiltaqgħu fil-pubbliku.

3.   Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta' l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti permezz ta' regolamenti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja.

Kull istituzzjoni, korp jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu u jelabora fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu d-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, skond ir-regolamenti previst fit-tieni subparagrafu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandhom ikunu suġġetti għal dan il-paragrafu biss meta jeżerċitaw il-kompiti amministrattivi tagħhom.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jassiguraw il-pubblikazzjoni tad-dokumenti dwar il-proċeduri leġislattivi skond il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament imsemmi fit-tieni subparagrafu.

Artikolu 16

(ex Artikolu 286 TKE)

1.   Kull persuna għandha jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni, u mal-moviment liberu ta' din id-data. Il-ħarsien ta' dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti.

Ir-regoli adottati abbażi ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi previsti fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

1.   L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.

2.   L-Unjoni tirrispetta wkoll l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.

3.   Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u organizzazzjonijiet.

IT-TIENI PARTI

NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA TA' L-UNJONI

Artikolu 18

(ex Artikolu 12 TKE)

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw regoli intiżi sabiex jiprojbixxu din id-diskriminazzjoni.

Artikolu 19

(ex Artikolu 13 TKE)

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista' jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali.

2.   B’ deroga għall-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw il-prinċipji bażiċi għal miżuri ta’ inċentiva ta' l-Unjoni, b’esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri, bl-għan li jappoġġja azzjoni ta’ l-Istati Membri meħuda sabiex jikkontribwixxu sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 20

(ex Artikolu 17 TKE)

1.   Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta' l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru hija ċittadina ta' l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.   Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

a)

id-dritt ta' moviment liberu u d-dritt ta' residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri;

b)

id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

c)

id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta' pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta' l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

d)

id-dritt li jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew, id-dritt li jirrikorru għall-Ombudsman Ewropew, kif ukoll id-dritt li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi ta' l-Unjoni fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat u d-dritt li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa.

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 21

(ex Artikolu 18 TKE)

1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.

2.   Jekk ikun hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni mill-Unjoni sabiex dan il-għan jintlaħaq u t-Trattati ma pprovdewx il-poteri meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Għall-istess finijiet previsti fil-paragrafu 1, u biss jekk it-Trattati jkunu pprevedew is-setgħat meħtieġa, il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jadotta miżuri li jikkonċernaw is-sigurtà soċjali jew il-protezzjoni soċjali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 22

(ex Artikolu 19 TKE)

1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223 u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.

Artikolu 23

(ex Artikolu 20 TKE)

Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu, fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih m’hemmx rappreżentanza ta’ l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ikun intitolat għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet meħtieġa u jibdew in-negozjati internazzjonali meħtieġa sabiex jiżguraw din il-protezzjoni.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta' koordinazzjoni u ta' koperazzjoni meħtieġa sabiex jiffaċilitaw din il-protezzjoni.

Artikolu 24

(ex Artikolu 21 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta' inizjattiva taċ-ċittadini skond l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż in-numru minimu ta' Stati Membri li minnhom iridu jiġu ċ-ċittadini li jippreżentawha.

Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt li jressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 227.

Kull ċittadin ta’ l-Unjoni jista’ jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skond l-Artikolu 228.

Kull ċittadin ta' l-Unjoni jista' jikteb lil kull waħda mill-istituzzjonijiet, korpi u organi imsemmija f’dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea b'waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 55 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jkollu tweġiba bl-istess lingwa.

Artikolu 25

(ex Artikolu 22 TKE)

Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti. Dan ir-rapport għandu jikkonsidra l-iżvilupp ta’ l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta provvedimenti sabiex isaħħu jew iżidu mad-drittijiet elenkati fl-Artikolu 20(2). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

IT-TIELET PARTI

POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI

TITOLU I

IS-SUQ INTERN

Artikolu 26

(ex Artikolu 14 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

2.   Is-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

3.   Il-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni għandu jistabbilixxi l-linji-gwida u l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jiżguraw progress bilanċjat fis-setturi kollha interessati.

Artikolu 27

(ex Artikolu 15 TKE)

Meta tkun qiegħda tfassal il-proposti tagħha bil-ħsieb li tikseb l-għanijiet dikjarati fl-Artikolu 26, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-kobor ta' l-isforz li ċerti ekonomiji li juru differenzi fl-iżvilupp ikollhom jagħmlu għall-istabbiliment tas-suq intern u tista' tipproponi dispożizzjonijiet xierqa.

Jekk dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu l-forma ta' deroga, dawn għandhom ikunu ta' natura temporanja u għandhom jikkawżaw l-inqas tfixkil possibbli għall-funzjonament tas-suq intern.

TITOLU II

IL-MOVIMENT LIBERU TAL-MERKANZIJA

Artikolu 28

(ex Artikolu 23 TKE)

1.   L-Unjoni tinkludi unjoni doganali li tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u tikkomprendi kemm l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b' effett ekwivalenti, kif ukoll l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 u tal-Kapitolu 3 ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw għall-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri kif ukoll għall-prodotti ġejjin minn pajjiżi mhux membri li huma f’ ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri.

Artikolu 29

(ex Artikolu 24 TKE)

Prodotti li ġejjin minn pajjiż mhux membri għandhom jitqiesu li huma f’ ċirkolazzjoni libera fi Stat Membru jekk il-formalitajiet ta’ l-importazzjoni jkunu twettqu u d-dazji doganali jew piżijiet ekwivalenti pagabbli jkunu ġew miġbura fl-Istat Membru in kwistjoni, u li ma kinux ibbenefikaw minn xi rifużjoni totali jew parzjali ta’ dawk id-dazji jew piżijiet.

KAPITOLU 1

UNJONI DOGANALi

Artikolu 30

(ex Artikolu 25 TKE)

Id-Dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali.

Artikolu 31

(ex Artikolu 26 TKE)

Id-dazji tat-Tariffi Doganali Komuni għandhom jkunu stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 32

(ex Artikolu 27 TKE)

Fit-twettieq ta' dak li għandha tagħmel skond dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni għandha tkun gwidata minn:

a)

il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-kummerċ bejn Stati Membri u pajjiżi terzi;

b)

l-iżvilupp tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, sa fejn dan l-iżvilupp iwassal sabiex iżid il-kapaċità kompetittiva ta' l-impriżi;

c)

il-bżonnijiet ta' l-Unjoni f’dak li huwa l-provvista ta' materja prima u prodotti nofshom lesti, filwaqt li tassigura li l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn l-Istati Membri dwar prodotti lesti ma’ jiġux distorti;

d)

il-bżonn li jiġu evitati disturbi serji fil-ħajja ekonomika ta’ l-Istati Membri u li jiġi assigurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni u l-espansjoni tal-konsum fi ħdan l-Unjoni.

KAPITOLU 2

KOPERAZZJONI DOGANALI

Artikolu 33

(ex Artikolu 135 TKE)

Fil-limiti ta' l-applikazzjoni tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jieħdu miżuri sabiex isaħħu l-koperazzjoni doganali bejn Stati Membri u bejn dawn u l-Kummissjoni.

KAPITOLU 3

PROJBIZZJONI TA' RESTRIZZJONIJIET KWANTITATTIVI BEJN STATI MEMBRI

Artikolu 34

(ex Artikolu 28 TKE)

Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.

Artikolu 35

(ex Artikolu 29 TKE)

Restrizzjonijiet kwantitattiva fuq l-esportazzjoni u kull miżura li ghandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.

Artikolu 36

(ex Artikolu 30 TKE)

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 inklużi m’għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġustifikati abbażi ta' moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preservazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Artikolu 37

(ex Artikolu 31 TKE)

1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu fir-rigward ta’ monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali, dawk l-adattamenti li jassiguraw l-esklużjoni ta’ kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta’ provvista jew marketing ta' prodotti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw għal kull korp li permezz tiegħu Stat Membru, de jure jew de facto, direttament jew indirettament, jikkontrolla, jmexxi jew jinfluenza sew l-importazzjoni jew l-esportazzjoni bejn l-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-monopolji delegati mill-Istat għal oħrajn.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jieħdu miżuri ġodda li jmorru kontra il-prinċipji stipulati fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq, jew li jillimitaw il-portata ta’ l-Artikoli li jirrigwardaw il-projbizzjoni tad-dazji tad-dwana u r-restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri.

3.   Fil-każ ta’ monopolju ta' l-Istat ta’ natura kummerċjali li jkun akkumpanjat b’regoli intiżi li jiffaċilitaw il-bejgħ u ż-żamma ta’ livelli ta’ prezzijiet ta' prodotti agrikoli, ir-regoli stipulati f’dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati b’tali mod li jkun hemm garanziji ekwivalenti fir-rigward ta' l-impjiegi u l-livell ta’ l-għijxien tal-produtturi konċernati.

TITOLU III

AGRIKOLTURA U SAJD

Artikolu 38

(ex Artikolu 32 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta politika komuni ta' l-agrikoltura u s-sajd.

Is-suq intern jikkomprendi l-agrikoltura u l-kummerċ fi prodotti agrikoli u tas-sajd. 'Prodotti agrikoli' għandhom ifissru l-prodotti ta' l-art, tat-trobbija ta' l-annimali u tas-sajd kif ukoll ta' l-ewwel proċessar konness direttament ma’ dawn il-prodotti. Ir-referenzi għall-politika agrikola komuni jew għall-agrikoltura u l-użu tat-terminu ‘agrikola’, għandhom jinftiehmu bħala li jirriferu wkoll għas-sajd, b'kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi ta' dan is-settur.

2.   Ħlief fejn hemm dispożizzjonijiet kuntrarji fl-Artikoli 39 sa 44, ir-regoli li hemm għall-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern japplikaw għal prodotti agrikoli.

3.   Il-Prodotti suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 39 sa 44 huma elenkati fl-Anness I.

4.   Il-funzjonament u l-iżvilupp tas-suq intern għall-prodotti agrikoli għandhom jiġu akkompanjati mill-istabbiliment ta’ politika agrikola komuni.

Artikolu 39

(ex Artikolu 33 TKE)

1.   L-għan tal-politika agrikola komuni għandu jkun:

a)

li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol,

b)

li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura,

c)

li tagħmel is-swieq stabbli,

d)

li tiggarantixxi d-disponibilita' tal-provvisti,

e)

li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur.

2.   Fit-tfassil tal-politika agrikola komuni u l-metodi speċjali li tista’ tinvolvi, kunsiderazzjoni xierqa għandha tingħata lil dan li ġej:

a)

il-karattru partikolari ta' l-attivita agrikola, li joħroġ mill-istruttura soċjali agrikola u mid-disparità strutturali u naturali ta' bejn id-diversi reġjuni agrikoli,

b)

il-bżonn li jsiru gradwalment il-bidliet xierqa,

c)

il-fatt li fl-Istati Membri l-agrikoltura tikkostitwixxi settur marbut mill-qrib mal-bqija ta' l-ekonomija.

Artikolu 40

(ex Artikolu 34 TKE)

1.   Sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 39, għandha tiġi stabbilita organizazzjoni komuni għal swieq agrikoli.

Din l-organizazzjoni għandha tieħu waħda minn dawn il-forom skond il-prodotti konċernati:

a)

regoli komuni dwar il-kompetizzjoni;

b)

il-koordinament obbligatorju tad-diversi organizzazzjonijiet nazzjonali tas-suq;

c)

Organizzazzjoni tas-suq Ewropea.

2.   L-Organizzazjoni komuni f’waħda mill-forom imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ tikkomprendi l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 39, b’mod partikolari, kontrolli tal-prezzijiet, sussidji lill-produzzjoni u l-marketing ta’ diversi prodotti, arranġamenti dwar twarrib ta' prodotti u dwar riporti, u mekkaniżmu sabiex jistabbliżżaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni.

L-organizzazzjoni komuni għandha tillimita ruħha sabiex issegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 39 u għandha teskludi kull diskrimnazzjoni bejn il-produtturi jew konsumaturi ta' l-Unjoni.

Kull politika komuni tal-prezzijiet għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni u metodi uniformi ta’ kalkolu.

3.   Sabiex l-organizzazzjoni komuni msemmija fil-paragrafu 1 tkun tista’ tikseb l-għanijiet tagħha, jistgħu jiġu stabbiliti fond wieħed jew aktar agrikoli ta' gwida u ta' garanzija.

Artikolu 41

(ex Artikolu 35 TKE)

Sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 39, fi ħdan l-istruttura tal-politika agrikola komuni jista’ jiġi provdut partikolarment:

a)

il-koordinament effettiv ta’ sforzi rigward taħriġ fl-agrikoltura, ir-riċerka u l-popolarizzazzjoni ta’ l-agronomija, li jista’ jinvolvi proġetti jew istituzzjonijiet finanzjati in komun,

b)

miżuri konġunti sabiex tippromwovi l-konsum ta’ ċerti prodotti.

Artikolu 42

(ex Artikolu 36 TKE)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu li jirriferi għar-regoli tal-kompetizzjoni għandhom japplikaw għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli biss safejn jista’ jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tad-dispożizzjonijiet u skond il-proċedura li hemm fl-Artikolu 43(2), u meħud kont xieraq ta' l-objettivi imsemmija fl-Artikolu 39.

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza l-għoti ta’ għajnuna:

a)

biex jipproteġi impriżi żvantaġġati minħabba kondizzjonijiet strutturali jew naturali,

b)

fil-qafas ta' programmi ta’ żvilupp ekonomiku.

Artikolu 43

(ex Artikolu 37 TKE)

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti sabiex telabora u timplimenta l-politika agrikola komuni, inkluża s-sostituzzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet nazzjonali b’waħda mill-forom ta’ l-organizzazzjoni komuni previsti fl-Artikolu 40(1), u l-implimentazzjoni tal-miżuri speċifikati f'dan it-Titolu tat-Trattati.

Dawn il-proposti għandhom jieħdu konsiderazzjoni xierqa ta' l-interdipendenza tal-kwistjonijiet agrikoli mqajjma f' dan it-Titolu tat-Trattat.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba ta' l-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd.

3.   Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd.

4.   L-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-suq jistgħu jiġu ssostitwiti bl-organizzazzjoni komuni prevista fl-Artikolu 40(1) taħt il-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2:

a)

jekk l-organizzazzjoni komuni toffri lill-Istati Membri li jopponu din il-misura u li jippossjedu huma stess organizzazzjoni nazzjonali għall-prodotti in kwistjoni, garanziji ekwivalenti dwar l-impjieg u l-livell ta’ għijxien tal-produtturi interessati, waqt li jittieħed kont xieraq tar-ritmu ta' l-adattamenti li jkunu possibbli u ta’ gradi ta’ speċjalizzazzjoni meħtieġa; u

b)

jekk dik l-organizzazzjoni tkun tista’ tassigura għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni kondizzjonijiet simili għal dawk li jipprevalu fi swieq nazzjonali.

5.   Jekk organizzazzjoni komuni tiġi stabbilita għal ċerta materja prima, waqt li tkun għadha ma teżistix għal prodotti korrispondenti proċessati, il-materja prima in kwistjoni wżata għall-prodotti proċessati intizi għall-esportazzjoni f’pajjiżi mhux membri tista' tiġi importata minn barra l-Unjoni.

Artikolu 44

(ex Artikolu 38 TKE)

Meta fi Stat Membru prodott ikun suġġett għal organizzazzjoni nazzjonali tas-suq jew għal regoli interni li jkollhom effett ekwivalenti li jolqtu l-kompetizzjoni ta' produzzjoni simili fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri japplikaw fuq il-prodott in kwistjoni li jkun ġej mill-Istat Membru fejn ikunu l-organizzazzjoni jew ir-regoli fuq imsemmija ħlas ta' kumpens fl-importazzjoni, sakemm dan l-Istat ma japplikax ħlas ta' kumpens fl-esportazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet safejn huwa meħtieġ sabiex jerġa’ jintlaħaq il-bilanċ; tista’ wkoll tawtoriżża l-użu ta’ miżuri oħra, waqt li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tagħhom.

TITOLU IV

MOVIMENT LIBERU TAL-PERSUNI, SERVIZZI U KAPITAL

KAPITOLU 1

IL-ĦADDIEMA

Artikolu 45

(ex Artikolu 39 TKE)

1.   Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

2.   Dan jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

3.   Għandu jinkludi d-dritt, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika:

a)

li jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru,

b)

li jispostja ruħu liberament għal dan l-għan fit-territorju ta' l-Istati Membri,

c)

li joqgħod f'kull Stat Membru sabiex jaħdem f'impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,

d)

li jibqa' fit-territorju ta' Stat Membru wara li jkun okkupa impjieg hemm, suġġett għal kondizzjonijiet f' regolamenti implimentattivi li għandhom jitħejjew mill-Kummissjoni.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għal impjieg fl-amministrazzjoni pubblika.

Artikolu 46

(ex Artikolu 40 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom joħorġu direttivi jew jagħmlu regolamenti li jistipulaw l-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex iġibu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, kif definit fl-Artikolu 45, b’mod partikolari:

a)

billi tiġi assigurata kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tax-xogħol,

b)

billi jiġu aboliti l-proċeduri u l-prattiċi amministrattivi kollha u t-termini għat-teħid ta' impjiegi disponibbli skond leġislazzjoni interna jew skond ftehim milħuqa qabel bejn Stati Membri, li jekk jibqgħu eżistenti ikunu ta' xkiel għal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema,

c)

billi jiġu mneħħija t-termini u r-restrizzjonijiet l-oħra kollha kontemplati sew fil-leġislazzjoni interna sew taħt ftehim milħuqa qabel bejn Stati Membri, li għall-għażla ħielsa ta' mpjieg, jimponu fuq ħaddiema ta' Stati Membri oħra kondizzjonijiet differenti minn dawk imposti fuq ħaddiema nazzjonali,

d)

billi jinħolqu mekkaniżmi adatti sabiex iġibu flimkien l-offerti tax-xogħol u t-talbiet għax-xogħol, u sabiex dawn jiġu bilanċjati b’tali mod li jiġi evitat theddid serju għal-livell ta’ għajxien u ta' l-impjiegi fid-diversi reġjuni u industriji.

Artikolu 47

(ex Artikolu 41 TKE)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-iskambju ta’ ħaddiema żgħażagħ taħt il-qafas ta' programm konġunt.

Artikolu 48

(ex Artikolu 42 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom jadottaw dawk il-miżuri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema; għal dan l-għan, għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw il-ħaddiema migranti impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom :

a)

l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċju u fil-kalkolu ta' l-ammont tal-benefiċċju, tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti;

b)

il-pagament tal-benefiċċju lil persuni residenti fit-territorji ta’ l-Istati Membri.

Meta membru tal-Kunsill jiddikjara li abbozz ta' att leġislattiv imsemmi fl-ewwel subparagrafu jkun jaffettwa aspetti importanti tas-sistema ta' sigurtà soċjali tiegħu, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni, l-ispiża jew l-istruttura finanzjarja tagħha, jew ikun jaffettwa l-ekwilibriju finanzjarju ta' dik is-sistema, huwa jista' jitlob li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura leġislattiva ordinarja għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jew:

a)

jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill, li għandu jtemm is-sospensjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja, jew

b)

ma jieħu l-ebda azzjoni jew jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta ġdida; f'dak il-każ, l-att propost oriġinarjament għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

KAPITOLU 2

ID-DRITT TA' STABBILIMENT

Artikolu 49

(ex Artikolu 43 TKE)

Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta' hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta' l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 54 taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital.

Artikolu 50

(ex Artikolu 44 TKE)

1.   Sabiex tinkiseb il-liberta' ta’ l-istabbiliment għal xi attività speċifika, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandhom jaġixxu permezz ta’ direttivi.

2.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeserċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, b’mod partikolari:

a)

billi jagħtu prijorità in ġenerali, lil dawk l-attivitajiet li għalihom il-libertà ta’ l-istabbiliment tikkostitwixxi kontribut partikolarment utili għall-iżvilupp tal-produzzjoni u l-kummerċ,

b)

billi jiżguraw kollaborazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi nazzjonali kompetenti sabiex tiġi aċċertata s-sitwazzjoni speċjali fl-Unjoni tad-diversi attivitajiet konċernati,

c)

billi jabolixxu dawk il-proċeduri u prattiċi amministrattivi, kontemplati f'liġijiet nazzjonali jew fi ftehim konklużi qabel bejn Stati Membri, li jekk jibqgħu eżistenti ikunu ta’ xkiel għal-libertà ta' l-istabbiliment,

d)

billi jiżguraw li ħaddiema salarjati ta’ Stat Membru wieħed impjegati fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, ikunu jistgħu jibqgħu f’dak it-territorju għall-fini li jidħlu għal attivitajiet hemmekk bħala persuna li taħdem għal rasa, jekk jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet li kien ikollhom jissodisfaw kieku ġew f’dak l-Istat fiż-żmien li fih huma kien beħsiebhom jibdew dawn l-attivitajiet,

e)

billi jagħmluha possibli għal ċittadin ta’ Stat Membru li jakkwista u jisfrutta proprjetà immobbli sitwata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, sakemm ma jkunx hemm ksur tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 39(2),

f)

billi japplikaw l-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment, f’kull fergħa ta' l-attività kkunsidrata, kemm għall-kondizzjonijiet ta' l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji fit-territorju ta’ Stat Membru, kif ukoll għall-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ta’ impjegati ta’ l-istabbiliment prinċipali fl-organi amministrattivi u superviżorji ta’ tali aġenziji, fergħat u sussidjarji,

g)

billi jikkoordinaw, sa fejn hu neċessarju u bil-ħsieb li jiżguraw l-ekwivalenza tagħhom fl-Unjoni kollha, il-garanziji meħtieġa fi Stati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 54, sabiex jipproteġu l-interessi kemm tal-membri kif ukoll ta' terzi,

h)

billi jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta' stabbiliment ta’ negozju ma jiġux evitati permezz ta’ xi forma ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 51

(ex Artikolu 45 TKE)

Attivitajiet li fi kwalunkwe Stat, jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’dan il-Kapitolu sa fejn jirrigwarda dak l-Istat.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jeżentaw xi attivitajiet mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’dan il-Kapitolu.

Artikolu 52

(ex Artikolu 46 TKE)

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, u l-miżuri adottati bis-saħħa tagħhom, ma jippreġudikawx l-implementazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jipprovdu għal trattament speċjali ta' ċittadini barranin u li huma ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom joħorġu direttivi għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Artikolu 53

(ex Artikolu 47 TKE)

1.   Bl-għan li jkun eħfef għall-persuni li jridu jibdew u ikomplu attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom joħorġu direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali kif ukoll għall-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-bidu u t-tkomplija ta' l-attivitajiet ta' dawk li jaħdmu għal rashom.

2.   Fil-każ tal-professjonijiet mediċi, dawk relatati magħhom u dawk farmaċewtiċi, it-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet tiddependi mill-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom fid-diversi Stati Membri.

Artikolu 54

(ex Artikolu 48 TKE)

Il-kumpanniji jew ditti stabbiliti konformement mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċju reġistrati jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Unjoni, għandhom, għall-fini ta' dan il-Kapitolu ikunu meqjusa bħala persuni fiżiċi ċittadini ta’ l-Istati Membri.

'Kumpanniji jew ditti' ifissru kumpanniji jew ditti stabbiliti skond il-liġijiet ċivili jew kummerċjali, inklużi s-soċjetajiet koperattivi u persuni ġuridiċi oħra regolati bid-dritt pubbliku jew privat, ħlief għal dawk bla skop ta' qligħ.

Artikolu 55

(ex Artikolu 294 TKE)

Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tat-Trattati, l-Istati Membri għandhom jagħtu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra l-istess faċilitajiet rigward il-partiċipazzjoni finanzjarja fil-kapital tal-kumpanniji skond l-Artikolu 54 kif huma jagħtu liċ-ċttadini tagħhom proprji, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati.

KAPITOLU 3

IS-SERVIZZI

Artikolu 56

(ex Artikolu 49 TKE)

Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta' hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jestendu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għal servizzi mogħtija minn ċittadini ta’ Stat terz li jkunu stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 57

(ex Artikolu 50 TKE)

Servizzi fis-sens tat-Trattati għandhom jitqiesu li jinkludu servizzi normalment mogħtija bi ħlas, sa fejn ma jkunux regolati minn dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni.

Is-servizzi jinkludu b'mod partikolari:

a)

attivitajiet ta’ natura industrijali,

b)

attivitajiet ta’ natura kummerċjali,

c)

attivitajiet ta’ sengħa,

d)

l-attivitajiet tal-professjonijiet liberi.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu dwar id-dritt ta’ l-istabbiliment, persuna li tagħti servizz tista’, sabiex tagħti dan is-servizz, teżerċita l-attivita tagħha temporanjament fl-Istat Membru fejn ikun qed jingħata s-servizz, bl-istess kondizzjonijiet li huma imposti minn dan l-Istat fuq ċittadini tiegħu.

Artikolu 58

(ex Artikolu 51 TKE)

1.   Il-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta' l-intestatura dwar it-trasport.

2.   Il-liberalizzazzjoni ta’ l-attivitajiet bankarji u s-servizzi ta’ l-assigurazzjoni marbuta mal-movimenti tal-kapital għandha sseħħ f’armonija mal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital.

Artikolu 59

(ex Artikolu 52 TKE)

1.   Għall-finijiet tal-kisba tal-liberalizzazzjoni ta’ servizzi speċifiċi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jaġixxu permezz ta' direttivi.

2.   Fir-rigward tad-direttivi msemmija fil-paragrafu 1, jirrelataw, b'mod ġenerali, qabel kollox għas-servizzi li jaffettwaw direttament l-ispejjeż tal-produzzjoni, jew li l-liberalizzazzjoni tagħhom sejra tikkontribwixxi sabiex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ merkanzija.

Artikolu 60

(ex Artikolu 53 TKE)

L-Istati Membri jagħmlu ħilithom sabiex jilliberalizzaw is-servizzi ’l hinn mil-limitu magħmul obbligatorju mid-direttivi maħruġa b'implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 59(1), jekk dan ikun permess mis-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tagħhom u mis-sitwazzjoni tas-settur ikkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet f'dan is-sens lill-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 61

(ex Artikolu 54 TKE)

Sakemm l-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-għoti tas-servizzi ma tiġix effettwata, kull Stat Membru għandu japplika dawn ir-restrizzjonijiet mingħajr distinzjoni minħabba ċittadinanza jew residenza għal dawk kollha li jagħtu servizz msemmija fl-Artikolu 56, l-ewwel subparagrafu.

Artikolu 62

(ex Artikolu 55 TKE)

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 51 sa 54, inklużi, għandhom japplikaw għal ħwejjeġ regolati b’ dan il-Kapitolu.

KAPITOLU 4

IL-KAPITAL U L-PAGAMENT

Artikolu 63

(ex Artikolu 56 TKE)

1.   Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.

2.   Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita.

Artikolu 64

(ex Artikolu 57 TKE)

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta' xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta’ Diċembru 1993 skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi ta' l-Unjoni dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett - inkluż ukoll investiment f’beni immobbli - l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali. Rigward ir-restrizzjonijiet eżistenti skond il-liġi nazzjonali tal-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija, id-data rilevanti għandha tkun il-31 ta' Diċembru 1999. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet eżistenti taħt il-liġi nazzjonali fil-Kroazja, id-data rilevanti hija l-31 ta’ Diċembru 2002.

2.   Filwaqt li jaħdmu sabiex jiksbu l-mira ta’ moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, sa fejn huwa l-aktar possibbli u mingħajr ħsara għall-Kapitoli l-oħra tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri dwar il-moviment ta’ kapital lejn u minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett - li jinkludi investiment f’beni immobbli - l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, il-Kunsill biss, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b'unanimità u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri li jikkostitwixxu pass lura fid-dritt ta' l-Unjoni fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi.

Artikolu 65

(ex Artikolu 58 TKE)

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a)

li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.

b)

li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal finijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew is-sigurtà pubblika.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ta’ restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment li huma kompatibbli mat-Trattati.

3.   Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.

4.   Fin-nuqqas ta' miżuri f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 64(3), il-Kummissjoni jew, fin-nuqqas ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mit-talba ta' l-Istat Membru kkonċernat, il-Kunsill, jista' jadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-miżuri fiskali restrittivi adottati minn Stat Membru li jikkonċernaw pajjiż terz wieħed jew aktar, għandhom ikunu kkunsidrati kompatibbli mat-Trattati ġaladarba dawn ikunu ġustifikati minn wieħed mill-objettivi ta' l-Unjoni u jkunu kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq talba minn Stat Membru.

Artikolu 66

(ex Artikolu 59 TKE)

Fejn, f’każijiet eċċezzjonali, il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Bank Ċentrali Ewropew, jista’ jieħu miżuri ta’ salvagwardja rigward il-pajjiżi terzi għal żmien ta’ mhux aktar minn sitt xhur, jekk dawk il-miżuri jkunu strettament meħtieġa.

TITOLU V

L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 67

(ex Artikolu 61 TKE u ex Artikolu 29 TUE)

1.   L-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta' l-Istati Membri.

2.   L-Unjoni għandha tassigura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri esterni ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tkun ġusta lejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Għall-finijiet ta' dan it-titolu, persuni apolidi għandhom jiġu trattati bħala ċittadini ta' pajjiżi terzi.

3.   L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta' sigurtà permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta' miżuri ta' koordinazzjoni u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz ta' l-approssimazzjoni ta' liġijiet kriminali.

4.   L-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f'materji ċivili.

Artikolu 68

Il-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi l-linji gwida strateġiċi għal ippjanar leġislattiv u operazzjonali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Artikolu 69

Il-Parlamenti Nazzjonali għandhom jaraw li l-proposti u l-inizjattivi leġislattivi preżentati taħt il-Kapitoli 4 u 5 iħarsu l-prinċipju tas-sussidjarjetà, skond il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Artikolu 70

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 258, 259 u 260, il-Kunsill jista', fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta miżuri li jistabbilixxu l-arranġamenti li permezz tagħhom l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, jagħmlu valutazzjoni oġġettiva u imparzjali ta' l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni prevista f'dan it-Titolu mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jinżammu informati bil-kontenut u bir-riżultati ta' din il-valutazzjoni.

Artikolu 71

(ex Artikolu 36 TUE)

Għandu jiġi stabbilit kumitat permanenti fil-Kunsill sabiex jassigura li koperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna tiġi promossa u msaħħa fi ħdan l-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni ta' l-azzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Ir-rappreżentanti tal-korpi u l-organi konċernati ta' l-Unjoni jistgħu jkunu involuti fil-proċedimenti ta' dan il-Kumitat. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jinżammu informati bil-proċedimenti.

Artikolu 72

(ex Artikolu 64(1) TKE u ex Artikolu 33 TUE)

Dan it-titolu m'għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri rigward iż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

Artikolu 73

L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jorganizzaw bejniethom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom forom ta' koperazzjoni u ta' koordinazzjoni kif iqisu xieraq bejn id-dipartimenti kompetenti ta' l-amministrazzjonijiet tagħhom responsabbli sabiex jassiguraw is-sigurtà nazzjonali.

Artikolu 74

(ex Artikolu 66 TKE)

Il-Kunsill għandu jadotta miżuri sabiex jassigura l-koperazzjoni amministrattiva bejn is-servizzi kompetenti ta' l-Istati Membri fl-oqsma koperti b'dan it-Titolu, kif ukoll bejn dawk is-servizzi u l-Kummissjoni. Huwa għandu jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, suġġett għall-Artikolu 76, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 75

(ex Artikolu 60 TKE)

Fejn meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fl-Artikolu 67, fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u attivitajiet marbuta ma' dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jiddefinixxu qafas għal miżuri amministrattivi fir-rigward tal-movimenti tal-kapital u tal-pagamenti, bħall-iffriżar ta' fondi, assi finanzjarji jew benefiċċji ekonomiċi li jappartjenu lil, jew li jkunu proprjetà ta', jew miżmuma minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali.

Il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni għandu jadotta miżuri sabiex jimplimenta l-qafas imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-atti previsti f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.

Artikolu 76

L-atti previsti fil-Kapitoli 4 u 5, kif ukoll il-miżuri previsti fl-Artikolu 74 li jassiguraw koperazzjoni amministrattiva fl-oqsma koperti minn dawn il-kapitoli, għandhom jiġu adottati:

a)

fuq proposta tal-Kummissjoni, jew

b)

fuq l-inizjattiva ta' kwart mill-Istati Membri.

KAPITOLU 2

POLITIKA DWAR KONTROLLI FIL-FRUNTIERI, L-ASIL U L-IMMIGRAZZJONI

Artikolu 77

(ex Artikolu 62 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika bil-għan li:

a)

tassigura li ma jkun hemm l-ebda kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni;

b)

tassigura li jsiru kontrolli fuq persuni u sorveljanza effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni;

c)

iddaħħal b'mod gradwali sistema integrata ta' ġestjoni għall-fruntieri esterni.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar:

a)

il-politika komuni dwar viżi u permessi oħra ta' residenza għal permanenza qasira;

b)

il-kontrolli li huma suġġetti għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni;

c)

il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom il-libertà li jivvjaġġaw fl-Unjoni għal żmien qasir;

d)

kwalunkwe miżura meħtieġa għall-istabbiliment gradwali ta' sistema integrata ta' ġestjoni għall-fruntieri esterni;

e)

in-nuqqas ta' kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni.

3.   Jekk jidher li tkun meħtieġa azzjoni mill-Unjoni sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt, previst fl-Artikolu 20(2)(a) u biss jekk it-Trattati jkunu pprovdew is-setgħat meħtieġa, il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jadotta dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti, il-karti ta' l-identità, il-permessi ta' residenza jew kwalunkwe dokument ieħor relatat. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

4.   Dan l-Artikolu m'għandux jolqot il-kompetenza ta' l-Istati Membri dwar id-demarkazzjoni ġeografika tal-fruntieri tagħhom, skond id-dritt internazzjonali.

Artikolu 78

(ex Artikoli 63, punti 1 u 2, u 64(2) TKE)

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta' pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta' non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u mal-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif ukoll ma' trattati oħra rilevanti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta' asil li tinkludi:

a)

status uniformi ta' asil għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha;

b)

status uniformi ta' protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

c)

sistema komuni ta' protezzjoni temporanja, fil-każ ta' dħul massiv, għal persuni maqlugħa minn pajjiżhom;

d)

proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus uniformi ta' asil jew ta' protezzjoni sussidjarja;

e)

kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni ta' l-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għal asil jew għal protezzjoni sussidjarja;

f)

standards dwar il-kondizzjonijiet sabiex jintlaqgħu l-applikanti għal asil jew għal protezzjoni sussidjarja;

g)

sħubija u koperazzjoni ma' pajjiżi terzi għall-amministrazzjoni tal-flussi ta' persuni li japplikaw għal asil jew għal protezzjoni sussidjarja jew temporanja.

3.   F'każ li Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' emerġenza karatterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta' l-Istat(i) Membru(i) konċernat(i). Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 79

(ex Artikolu 63, punti 3 u 4, TKE)

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta' immigrazzjoni maħsuba sabiex tassigura, fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni, it-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda b' saħħa kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri fl-oqsma li ġejjin:

a)

il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza, kif ukoll l-istandards dwar il-ħruġ minn Stati Membri ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil, inklużi dawk sabiex terġa' tingħaqad il-familja;

b)

id-definizzjoni tad-drittijiet ta' ċittadin ta' pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta' moviment u ta' residenza fi Stati Membri oħra;

c)

l-immigrazzjoni illegali u r-residenza mhux awtorizzata, inkluża t-tkeċċija u r-ripatrijazzjoni ta' persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni;

d)

il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal.

3.   L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiżi terzi dwar id-dħul mill-ġdid fil-pajjiż ta' l-oriġini jew ta' provenjenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew ma jibqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet għad-dħul, għall-preżenza jew għar-residenza fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri.

4.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu miżuri sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-azzjoni ta' l-Istati Membri bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorju tagħhom, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

5.   Dan l-Artikolu m'għandux jolqot id-dritt ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu l-volumi ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ġejjin minn pajjiżi terzi, fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom.

Artikolu 80

Il-politika ta' l-Unjoni prevista f'dan il-Kapitolu u l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha bejn l-Istati Membri. Kull meta jkun meħtieġ, l-atti ta' l-Unjoni adottati skond dan il-Kapitolu għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

KAPITOLU 3

KOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F'MATERJI ĊIVILI

Artikolu 81

(ex Artikolu 65 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji. Din il-koperazzjoni tista' tinkludi l-adozzjoni ta' miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw, b'mod partikolari fejn dan ikunmeħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, miżuri bil-għan li jassiguraw:

a)

ir-rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri u l-infuzar ta' deċiżjonijiet f'każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji;

b)

in-notifika transkonfinali ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji;

c)

il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġurisdizzjoni;

d)

il-koperazzjoni sabiex jinkisbu l-provi;

e)

aċċess effettiv għall-ġustizzja;

f)

it-tneħħija ta' xkiel għall-funzjonament tajjeb ta' proċedimenti ċivili, jekk meħtieġ billi tkun promossa l-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-proċedura ċivili applikabbli fl-Istati Membri;

g)

l-iżvilupp ta' metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim;

h)

appoġġ fit-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, il-miżuri dwar il-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li skond il-proċedura leġislattiva speċjali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kumissjoni, jista' jadotta deċiżjoni li tiddetermina dawk l-aspetti tal-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali li jistgħu jkunu s-suġġett ta' atti adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Il-proposta prevista fit-tieni subparagrafu għandha tintbagħat lill-Parlamenti nazzjonali. Jekk Parlament nazzjonali jgħarraf l-oppożizzjoni tiegħu fi żmien sitt xhur mid-data ta' tali notifika, id-deċiżjoni m'għandhiex tiġi adottata. Fin-nuqqas ta' oppożizzjoni, il-Kunsill jista' jadotta din id-deċiżjoni.

KAPITOLU 4

KOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F'MATERJI KRIMINALI

Artikolu 82

(ex Artikolu 31 TUE)

1.   Il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha tinkludi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri fl-oqsma previsti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 83.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li:

a)

jistabbilixxu regoli u proċeduri sabiex jassiguraw ir-rikonoxximent fl-Unjoni kollha tal-forom kollha ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji;

b)

jipprevjenu u jsolvu konflitti ta' ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri;

c)

jappoġġaw it-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju;

d)

jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' proċedimenti f'materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet.

2.   Fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli minimi għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali ta' l-Istati Membri.

Dawn għandhom jikkonċernaw:

a)

l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri;

b)

id-drittijiet ta' l-individwi fil-proċedura kriminali;

c)

id-drittijiet ta' vittmi tal-kriminalità;

d)

aspetti speċifiċi oħra tal-proċedura kriminali li l-Kunsill ikun identifika minn qabel b'deċiżjoni; għall-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-adozzjoni tar-regoli minimi previsti f'dan il-paragrafu m'għandhiex iżomm lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew idaħħlu livell ogħla ta' protezzjoni għall-individwi.

3.   Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' direttiva kif previst fil-paragrafu 2 jkun ta' ħsara għal aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista' jitlob li l-abbozz tad-direttiva jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura leġislattiva ordinarja għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill, li għandu jtemm is-sospensjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja.

Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas 9 Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz tad-direttiva konċernata, dawn għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu bil-koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa.

Artikolu 83

(ex Artikolu 31 TUE)

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi ta' dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta' dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażijiet komuni.

Dawn l-oqsma ta' kriminalità huma li ġejjin: it-terroriżmu, it-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta' droga, it-traffiku illeċitu ta' armi, il-money laundering, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata.

Abbażi ta' l-iżviluppi fil-kriminalità, il-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni li tidentifika oqsma oħra ta' kriminalità li jissodisfaw il-kriterji indikati f'dan il-paragrafu. Huwa għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2.   Jekk l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri f'materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta' politika ta' l-Unjoni f'qasam li kien suġġett għall-miżuri ta' armonizzazzjoni, jistgħu jsiru direttivi li jistabbilixxu r-regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat. Dawn id-direttivi għandhom jiġu adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja jew speċjali bħal dik użata għall-adozzjoni tal-miżuri ta' armonizzazzjoni in kwistjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 76.

3.   Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' direttiva kif previst fil-paragrafu 1 jew 2 jolqot xi aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista' jitlob li l-abbozz ta' direttiva jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura leġislattiva ordinarja għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill, li għandu jtemm is-sospensjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja.

Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas disa' Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz tad-direttiva konċernata, huma għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu bil-koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) u tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar koperazzjoni msaħħa.

Artikolu 84

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja jistgħu jistabbilixxu miżuri sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-azzjoni ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

Artikolu 85

(ex Artikolu 31 TUE)

1.   Il-missjoni tal-Eurojust għandha tkun li tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni fir-rigward ta' kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar jew li teħtieġ prosekuzzjoni fuq bażi komuni, abbażi ta' operazzjonijiet immexxija u informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u mill-Europol.

F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jiddeterminaw l-istruttura, il-funzjonament, il-qasam ta' l-azzjoni u l-kompiti ta' l-Eurojust. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

a)

il-bidu ta' investigazzjonijiet kriminali kif ukoll proposti għall-bidu ta' prosekuzzjonijiet, immexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'mod partikolari dawk relatati ma' reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni;

b)

il-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet previsti fil-punt a);

c)

it-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja, inkluża bir-riżoluzzjoni tal-kunflitti dwar il-ġurisdizzjoni u b'koperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

Dawn ir-regolamenti għandhom jiddeterminaw ukoll l-arranġamenti ta' assoċjazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali fil-valutazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Eurojust.

2.   Fil-prosekuzzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 86, l-atti formali ta' proċedura ġudizzjarja għandhom jitwettqu mill-uffiċjali nazzjonali kompetenti.

Artikolu 86

1.   Sabiex jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-Eurojust. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fin-nuqqas ta' unanimità, grupp magħmul minn mill-anqas disa' Stati Membri jista' jitlob li l-abbozz ta' regolament jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura fil-Kunsill għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas disa' Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz ta' regolament konċernat, Dawn għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu b'koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) u tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa.

2.   L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun kompetenti għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja, fejn xieraq f'kollaborazzjoni ma' l-Europol, ta' l-awturi u l-kompliċi ta' reati kontra l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni, kif determinat mir-regolament previst fil-paragrafu 1. Huwa għandu jwettaq il-funzjoni ta' prosekutur fil-qrati kompetenti ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' dawn ir-reati.

3.   Ir-regolamenti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiddeterminaw ir-regoli ġenerali applikabbli għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, ir-regoli ta' proċedura applikabbli għall-attivitajiet tiegħu, kif ukoll dawk li jirregolaw l-ammissibbiltà tal-provi, u r-regoli applikabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri proċedurali meħuda minnu fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

4.   Il-Kunsill Ewropew jista', fl-istess ħin jew wara, jadotta deċiżjoni li temenda l-paragrafu 1 sabiex twessa' l-kompetenzi ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex jinkludu l-ġlieda kontra l-kriminalità serja b'dimensjoni transkonfinali u li konsegwentement temenda l-paragrafu 2 fir-rigward ta' l-awturi u l-kompliċi ta' reati serji li jolqtu lil aktar minn Stat Membru wieħed. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u wara li jikkonsulta l-Kummissjoni.

KAPITOLU 5

KOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA

Artikolu 87

(ex Artikolu 30 TUE)

1.   L-Unjoni għandha tistabbilixxi koperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha ta' l-Istati Membri, inkluża l-pulizija, is-servizzi tad-dwana u servizzi oħrajn ta' l-infurzar tal-liġi speċjalizzati fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati kriminali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu miżuri dwar:

a)

il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti;

b)

l-appoġġ għat-taħriġ tal-persunal, kif ukoll il-koperazzjoni dwar l-iskambju tal-persunal, dwar tagħmir u dwar ir-riċerka fil-kxif tal-kriminalità;

c)

it-tekniċi investigattivi komuni sabiex jinkixfu forom serji ta' kriminalità organizzata.

3.   Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista' jistabbilixxi miżuri dwar il-koperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet imsemmija f'dan l-Artikolu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Fin-nuqqas ta' unanimità, grupp magħmul minn mill-anqas disa' Stati Membri jista' jitlob li l-abbozz ta' miżuri jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura fil-Kunsill għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas disa' Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz tal-miżuri konċernati, dawn għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu b'koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw d-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa.

Il-proċedura speċifika prevista fit-tieni u t-tielet subparagrafu m'għandhiex tapplika għal atti li jkunu żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen.

Artikolu 88

(ex Artikolu 30 TUE)

1.   Il-missjoni ta' l-Europol għandha tkun li tappoġġja u ssaħħaħ azzjoni ta' l-awtoritajiet tal-pulizija u servizzi oħrajn ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri kif ukoll il-koperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tolqot lil żewġ Stati Membri jew iktar, it-terroriżmu u l-forom ta' kriminalità li jolqtu interess komuni kopert minn politika ta' l-Unjoni.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jiddeterminaw l-istruttura, il-funzjonament, il-qasam ta' l-azzjoni u l-kompiti ta' l-Europol. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:

a)

il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta' informazzjoni mgħoddi partikolarment mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi jew korpi terzi;

b)

il-koordinazzjoni, l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta' investigazzjonijiet u azzjonijiet operattivi mwettqa flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew fil-qafas ta' gruppi investigattivi konġunti, meta xieraq f'kollaborazzjoni ma' l-Eurojust.

Dawn ir-regolamenti għandhom jiddeterminaw ukoll il-proċeduri għal kontroll ta' l-attivitajiet ta' l-Europol mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-Parlamenti nazzjonali.

3.   Kwalunkwe azzjoni operattiva mill-Europol għandha titwettaq flimkien u bi ftehim ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li t-territorju tagħhom huwa konċernat. L-applikazzjoni ta' miżuri koerċitivi għandha tkun ir-responsabbiltà esklużiva ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Artikolu 89

(ex Artikolu 32 TUE)

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-limiti li fihom l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 82 u 87 jistgħu jintervjenu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor flimkien u bi ftehim ma' l-awtoritajiet ta' dan ta' l-aħħar. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

TITOLU VI

IT-TRASPORT

Artikolu 90

(ex Artikolu 70 TKE)

Rigward il-materji f’dan it-Titolu, l-objettivi tat-Trattati għandhom jiġu segwiti fil-kwadru ta’ politika komuni tat-trasport.

Artikolu 91

(ex Artikolu 71 TKE)

1.   Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 90, u filwaqt li jitqiesu l-fatturi partikolari tat-trasport, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jistabbilixxu:

a)

regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar;

b)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru;

c)

miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport;

d)

provvedimenti oħra xierqa.

2.   Fl-adozzjoni tal-miżuri previsti fil-paragrafu 1, għandu jittieħed kont tal-każijiet fejn l-applikazzjoni tagħhom taf tolqot b'mod gravi l-livell ta' l-għajxien u l-impjieg f'ċerti reġjuni, kif ukoll it-tħaddim tat-tagħmir tat-trasport.

Artikolu 92

(ex Artikolu 72 TKE)

Sakemm jiġu magħmula d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1), u sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta miżura li tagħti deroga, ebda Stat Membru m’għandu japplika d-diversi dispożizzjonijiet tat-trasport li jirregolaw il-materja fl-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni tagħhom, b'mod li jagħmilhom inqas favorevoli, fl-effett dirett jew indirett tagħhom, għat-trasportaturi ta’ Stati Membri oħra meta mqabbla mat-trasportaturi tagħhom nazzjonali.

Artikolu 93

(ex Artikolu 73 TKE)

Miżuri ta’ għajnuna meħtieġa għall-koordinament tat-trasport, jew li jikkorrispondu ma’ rimborżi dwar ċerti piżijiet li jeżistu fil-prinċipju ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati.

Artikolu 94

(ex Artikolu 74 TKE)

Kull miżura dwar prezzijiet u kondizzjonijiet tat-trasport, adottati fil-kwadru tat-Trattati, għandha tqis kif xieraq is-sitwazzjoni ekonomika tat-trasportaturi.

Artikolu 95

(ex Artikolu 75 TKE)

1.   Id-diskriminazzjonijiet kollha li jikkonsistu fl-applikazzjoni minn trasportaturi dwar l-istess merkanzija ittrasportata fl-istess rotot, ta’ prezzijiet u kondizzjonijiet tat-trasport li jvarjaw skond il-pajjiż ta’ l-origini jew tad-destinazzjoni tal-merkanzija li tinġarr, għandhom jiġu projbiti fi ħdan l-Unjoni.

2.   Il-Paragrafu 1 ma jeskludix l-adozzjoni ta’ miżuri oħra mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 91(1).

3.   Il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu, jagħmel regolamenti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

Il-Kunsill jista’, partikolarment jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ikunu jistgħu jassiguraw li r-regola li hemm fil-paragrafu 1 tiġi osservata u li dawk li jużawha jgawdu l-vantaġġi li tagħti.

4.   Il-Kummissjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, teżamina il-każijiet ta’ diskriminazzjoni msemmija f’paragrafu 1, u, wara li tikkonsulta kull Stat Membru interessat, għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa skond ir-regolamenti magħmula skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3.

Artikolu 96

(ex Artikolu 76 TKE)

1.   Dwar trasport effettwat fi ħdan l-Unjoni, l-applikazzjoni imposta minn Stat Membru ta’ prezzijiet u kondizzjonijiet li jinvolvu element ta’ sostenn jew protezzjoni, għall-benefiċċju ta’ impriża jew industrija waħda jew iktar partikolari, għandha tkun projbita, sakemm ma tkunx awtoriżżata mill-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, teżamina l-prezzijiet u l-kondizzjonijiet imsemmija f’paragrafu 1, b’kunsiderazzjoni partikolari, min-naħa l-waħda, għall-esiġenzi ta’ politika ekonomika reġjonali adegwata, l-bżonnijiet ta’ reġjuni sottożviluppati, u l-problemi ta’ reġjuni milqutin serjament minn ċirkostanzi politiċi u, min-naħa l-oħra, għall-effetti ta’ dawk il-prezzijiet u kondizzjonjiet fuq il-kompetizzjoni bejn il-forom differenti ta’ trasport.

Wara li tikkonsulta kull Stat Membru interessat, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.

3.   Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tapplikax għal tariffi ta' kompetizzjoni.

Artikolu 97

(ex Artikolu 77 TKE)

Ħlasijiet jew drittijiet miġbura minn trasportatur, biż-żieda tal-prezzijiet tat-trasport, għat-trasport li jaqsam il-fruntieri, ma għandhomx jeċċedu livell raġonevoli, meħuda kunsiderazzjoni xierqa ta' l-ispejjeż reali ta’ dak it-trasport.

L-Istati Membri għandhom iħabirku sabiex inaqqsu progressivament dawn l-ispejjeż.

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 98

(ex Artikolu 78 TKE)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma għandomx jostakolaw l-applikazzjoni ta' miżuri adottati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, safejn dawn huma meħtieġa sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi ekonomiċi kaġunati mid-divisjoni tal-Ġermanja, għall-ekonomija ta’ ċerti arej tar-Repubblika Federali milquta minn dik id-divisjoni. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni li tirrevoka dan l-Artikolu.

Artikolu 99

(ex Artikolu 79 TKE)

Kumitat konsultattiv, magħmul minn esperti maħtura mill-Gvernijiet ta’ Stati Membri, għandu jiġi anness mal-Kummissjoni, li għandha tikkonsultah fuq kwistjonijiet ta’ trasport kull meta tqis li jkun opportun.

Artikolu 100

(ex Artikolu 80 TKE)

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw għat-trasport bil-ferrovija, fit-triq, u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u ta' l-ajru. Huma għandhom jaġixxu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

TITOLU VII

REGOLI KOMUNI FUQ IL-KOMPETIZZJONI, FUQ IT-TASSAZZJONI U L-APPROSSIMAZZJONI TAL-LIĠIJIET

KAPITOLU 1

REGOLI LI JIRREGOLAW IL-KOMPETIZZJONI

TAQSIMA 1

REGOLI LI JAPPLIKAW GĦAL IMPRIŻI

Artikolu 101

(ex Artikolu 81 TKE)

1.   Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta' deċiżjonijiet assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:

a)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju,

b)

il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta' l-iżvilupp tekniku jew ta' l-investiment,

c)

it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista,

d)

l-applikazzjoni ta' kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b' hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

e)

is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawk il-kuntratti.

2.   L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti bid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli.

3.   Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu dikjarati inapplikabbli fil-każ ta’ xi wieħed milli ġejjin, jiġifieri:

akkordji jew kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi,

deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi jew kategoriji ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi,

prattiċi miftiehma jew kategoriji ta’ prattiċi miftiehma

li jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew sabiex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, izda li ma:

a)

jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta' l-għanijiet ta’ hawn fuq,

b)

jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f'parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

Artikolu 102

(ex Artikolu 82 TKE)

Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)

l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ,

b)

il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta' l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi,

c)

l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra, l i b' hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

d)

is-suġġettar tal-konklużjoni ta' kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta' obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawk il-kuntratti.

Artikolu 103

(ex Artikolu 83 TKE)

1.   Ir-regolamenti jew id-direttivi xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

2.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom l-għan, partikolarment:

a)

biex jassiguraw l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 101(1) u fl-Artikolu 102, bl-istituzzjoni ta’ multi jew penali perjodiċi,

b)

biex jiddeterminaw il-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 101(3), b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtieġa li jassiguraw superviżjoni adegwata flimkien ma’ l-iktar simplifikazzjoni massima possibbli ta’ kontroll amministrattiv,

c)

fejn meħtieġ, sabiex jiddefinixxu l-ambitu ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 101 u 102 dwar id-diversi setturi ekonomiċi,

d)

biex jispeċifikaw il-kompiti rispettivi tal-Kummissjoni u tal- Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu,

e)

biex jispeċifikaw ir-relazzjoni tal-liġijiet nazzjonali mad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima u dawk adottati fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 104

(ex Artikolu 84 TKE)

Sa meta l-miżuri meħuda fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 103 jidħlu fis-seħħ, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu fuq l-ammissibbiltà ta' akkordji u fuq kwistjonijiet dwar kull abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern, skond il-liġijiet tal-pajjiżi tagħhom u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 101, speċjalment il-paragrafu 3, u ta’ l-Artikolu 102.

Artikolu 105

(ex Artikolu 85 TKE)

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 104, il-Kummissjoni għandha, tissorvelja l-applikazzjoni tal-prinċipji li hemm fl-Artikoli 101 u 102. Fuq talba ta’ Stat Membru, jew fuq inizjattiva tagħha stess, hija għandha tinvestiga, flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jipprestaw l-assistenza tagħhom, kull ksur suspettat tal-prinċipji msemmija hawn fuq. Jekk isib li dak il-ksur ikun ġara, hija għandha tipproponi mezzi xierqa sabiex twaqqfu.

2.   Jekk dak il-ksur ikompli, il-Kummissjoni għandha toħroġ deċiżjoni motivata li tirreġistra l-ksur tal-prinċipji. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika d-deċiżjoni tagħha u tista’ tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni skond il-kondizzjonijiet u fil-modalitajiet li jiġu preskritti mill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti dwar il-kategoriji ta' ftehim li fir-rigward tagħhom il-Kunsill ikun adotta regolament jew direttiva skond l-Artikolu 103(2)(b).

Artikolu 106

(ex Artikolu 86 TKE)

1.   Dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli fit-Trattati, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 18 u fl-Artikoli 101 sa 109 inklużi.

2.   Kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b' mod kuntrarju għall-interessi ta' l-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tassigura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u għandha, fejn meħtieġ, toħroġ direttivi jew deċiżjonijiet opportuni lill-Istati Membri.

TAQSIMA 2

GĦAJNUNA MILL-ISTATI

Artikolu 107

(ex Artikolu 87 TKE)

1.   Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

2.   It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin ikunu kompatibbli mas-suq intern:

a)

għajnuna ta’ karattru soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, basta dik l-għajnuna tiġi mogħtija mingħajr diskriminazzjoni bażata fuq l-oriġini tal-prodotti konċernati,

b)

kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji,

c)

l-għajnuna mogħtija lill-ekonomiji ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta bid-diviżjoni tal-Ġermanja, safejn dik l-għajnuna tkun meħtieġa sabiex tikkompensa għall-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati b’dik id-diviżjoni. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta deċiżjoni li tħassar dan il-punt.

3.   It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern:

a)

għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta' l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg, kif ukoll tar-reġjuni msemmija fl-Artikolu 349, b'kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali, ekonomika u soċjali tagħhom,

b)

għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru,

c)

għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni,

d)

għajnuna sabiex tiġi promossa l-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni,

e)

dawk il-kategoriji oħra ta’ għajnuna li jistgħu jiġu speċifikati b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

Artikolu 108

(ex Artikolu 88 TKE).

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma' l-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta' l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq intern.

2.   Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq intern skond l-Artikolu 107, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

Jekk l-Istat interessat ma joqgħodx għal din id-deċiżjoni fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni jew kull Stat ieħor interessat ikun jista' jippreżenta l-materja direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 258 u 259.

Fuq talba ta’ kull Stat Membru, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, b’vot unanimu, li miżura ta’ għajnuna mogħtija jew li trid tingħata minn dak l-Istat għandha tkun ikkonsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern, b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 107 jew tar-regolamenti previsti fl-Artikolu 109, jekk din id-deċiżjoni tkun ġustifikata b’ċirkostanzi eċċezzjonali. Jekk il-Kummissjoni diġà tkun bdiet il-proċedura preskritta fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, rigward l-għajnuna in kwistjoni, it-talba magħmula lill-Kunsill mill-Istat interessat għandha ġġib is-sospensjoni ta’ dik il-proċedura sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-pożizzjoni tiegħu.

Madankollu, jekk il-Kunsill ma jkunx għarraf il-pożizzjoni tiegħu f’egħluq tliet xhur minn dik it-talba, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq intern skond it-termini ta’ l-Artikolu 107, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti dwar il-kategoriji ta' għajnuna mill-Istat li l-Kunsill ikun iddetermina skond l-Artikolu 109, li jistgħu jiġu eżentati mill-proċedura prevista fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 109

(ex Artikolu 89 TKE)

Il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista' jagħmel regoli approprijati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 107 u 108 u jista' partikolarment jiffissa l-kondizzjonijiet li fihom l-Artikolu 108(3) għandu japplika u l-kategoriji ta’ għajnuna eżenti minn din il-proċedura.

KAPITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET FISKALI

Artikolu 110

(ex Artikolu 90 TKE)

Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.

Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra.

Artikolu 111

(ex Artikolu 91 TKE)

Il-prodotti esportati għat-territorju ta’ Stat Membru ma jistgħux jibbenefikaw minn rifużjoni ta’ taxxi interni ogħla mit-taxxi li jkunu ġew imposti, direttament jew indirettament, fuqhom.

Artikolu 112

(ex Artikolu 92 TKE)

Rigward il-ħlasijiet ħlief ħlasijiet fuq it-turnover, dazji tas-sisa u miżuri oħra ta’ tassazjoni indiretta, eżenzjonijiet u rifużjonijiet dwar esportazzjonijiet għal Stati Membri oħra ma jistgħux jingħataw, u taxxi li jikkumpensaw fuq importazzjonijiet minn Stati Membri oħra ma jistgħux jiġu imposti, ħlief safejn il-miżuri kontemplati jkunu ġew approvati minn qabel għal perjodu limitat mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

Artikolu 113

(ex Artikolu 93 TKE)

Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta’ leġislazzjoni li tittratta dwar taxxi fuq it-turnover, dazji tas-sisa u forom oħra ta’ tassazzjoni indiretta daqs kemm din l-armonizzazzjoni tkun neċessarja sabiex tiżgura l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

KAPITOLU 3

APROSSIMAZZJONI TA' LIĠIJIET

Artikolu 114

(ex Artikolu 95 TKE)

1.   Ħlief fejn provdut xort'oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba ta’l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal dispożizzjonijiet fiskali, għal dawk li għandhom x'jaqsmu mal-moviment liberu ta' persuni u lanqas għal dawk li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet u l-interessi ta' l-impjegati.

3.   Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna s-saħħa, s-sigurtà, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv.

4.   Jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.

5.   Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ibbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta' l-ambjent jew ta' l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.

6.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali invlouti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le meżż ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.

Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m' hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista' tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perijodu msemmi f’dan il-paragrafu jista' jittawwal b’perijodu ieħor sa sitt xhur.

7.   Meta, bis-saħħa tal-paragrafu 6, xi Stat Membru jkun awtoriżżat li jżomm jew jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha immedjetament teżamina jekk tipproponix adattament għal dik il-miżura.

8.   Meta Stat Membru jqajjem problema speċifika dwar is-saħħa pubblika f’qasam li kien suġġett minn qabel għal miżuri ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni li għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix miżuri xierqa lill-Kunsill.

9.   B' deroga mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 258 u 259, il-Kummissjoni u xi Stat Membru jista' jressaq il-materja direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jekk jikkunsidraw li xi Stat Membru ieħor ikun qiegħed jgħamel użu mhux xieraq tal-poteri previsti f’dan l-Artikolu.

10.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni msemmija hawn fuq għandhom, fil-każi xierqa, jinkludu klawsola ta’ salvagwardja li tawtoriżża lill-Istati Membri li jieħdu għal raġuni waħda jew aktar li m' hijiex ta' natura ekonomika imsemmija fl-Artikolu 36, miżuri provviżorji suġġetti għall-proċedura tal-kontroll mill-Unjoni.

Artikolu 115

(ex Artikolu 94 TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern.

Artikolu 116

(ex Artikolu 96 TKE)

Jekk il-Kummissjomi issib li d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet, regolamenti jew regoli amministrattivi ta’ l-Istati Membri qed twassal għal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni distorti fis-suq intern, u b'hekk iġibu nuqqas ta’ bilanċ li jitlob korrezzjoni, hija għandha tikkonsulta ma’ l-Istati Membri interessati.

Jekk dawk il-konsultazzjonijiet ma jwasslux għal ftehim li bih in-nuqqas ta’ bilanċ imsemmi jiġi korrett, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom joħorġu d-direttivi meħtieġa għal dan il-għan. Kwalunkwe miżura utli oħra prevista fit-Trattati tista' tiġi adottata.

Artikolu 117

(ex Artikolu 97 TKE)

1.   Jekk ikollu raġuni għax jibża’ li l-adozzjoni jew emenda ta’ liġi, regolament jew regola amministrattiva tkun se ġġib f’nuqqas ta’ bilanċ fis-sens ta’ l-Artikolu preċedenti, l-Istat Membru li jkun irid jipproċedi għal dan għandu jikkonsulta l-Kummissjoni. Wara li tikkonsulta l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda lill-Istati interessati dawk il-miżuri li jistgħu jkunu xierqa sabiex jevitaw in-nuqqas ta’ bilanċ imsemmi.

2.   Jekk l-Istat li jkun jixtieq jintroduċi jew jemenda dispożizzjonijiet nazzjonali ma jwettaqx ir-rakkomandazzjoni magħmula lilu mill-Kummissjoni, Stati Membri oħra ma għandhomx jintalbu, skond it-termini ta’ l-Artikolu 116, sabiex jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom stess sabiex jikkoreġu dak in-nuqqas ta’ bilanċ. Jekk l-Istat Membru li jinjora r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jġib nuqqas ta’ bilanċ bi ħsara tiegħu nnifsu biss, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 116 ma għandhomx japplikaw.

Artikolu 118

Fil-qafas ta' l-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri dwar il-ħolqien ta' drittijiet Ewropej sabiex tiġi assigurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar l-Unjoni u dwar l-istabbiliment ta' sistemi ta' awtorizzazzjoni, ta' koordinazzjoni u ta' kontroll ċentralizzati fil-livell ta' l-Unjoni.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi, permezz ta' regolament, l-arranġamenti lingwistiċi għad-drittijiet Ewropej. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

TITOLU VIII

POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA

Artikolu 119

(ex Artikolu 4 TKE)

1.   Għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta’ l- Istati Membri u l-Unjoni għandhom jinkludu, kif provdut fit-Trattati, l-adozzjoni ta’ politika ekonomika li tkun ibbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri, fuq is-suq intern kif ukoll fuq id-definizzjoni ta’għanijiet komuni, u li tkun immexxija skond il-prinċipji ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

2.   Fl-istess waqt u bil-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri previsti fit-Trattati, din l-azzjoni għandha tinvolvi munita waħda, l-euro, kif ukoll id-definizzjoni u żvolġiment ta’ politika monetarja waħda u ta’ politika ta’ rata ta’ kambju waħda li l-għan primarju tagħhom għandu jkun dak li tinżamm l-istabbilità fil-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, li tiġi msaħħa kull politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni, skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

3.   Dawn l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u ta' l-Unjoni għandhom jeżiġu li jiġu mħarsa dawn il-prinċipji gwida li ġejjin: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli.

KAPITOLU 1

POLITIKA EKONOMIKA

Artikolu 120

(ex Artikolu 98 TKE)

L-Istati Membri għandhom imexxu l-politika ekonomika tagħhom bil-għan li jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Unjoni, kif definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fil-kuntest tal-linji direttivi ġenerali imsemmija fl-Artikolu 121(2). L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaġixxu skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, li jiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi, u konformement mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 119.

Artikolu 121

(ex Artikolu 99 TKE)

1.   L-Istati Membri għandhom iqisu il-linji tal-politika ekonomika tagħhom bħala materja ta' interess komuni u għandhom jikkordinawhom fi ħdan il-Kunsill, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 120.

2.   Il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jifformola abbozz għal-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni, u għandu jirrapporta r-riżultati lill-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew għandu, jiddiskuti x'konklużjoni għandu jasal għaliha dwar il-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tar-rapport tal-Kunsill.

Fuq il-bażi ta’ din il-konklużjoni, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni li tistipula dawn il-linji direttivi ġenerali. Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni tiegħu.

3.   Sabiex jiżgura koordinazzjoni aktar stretta tal-linji ta' politika ekonomika u l-konverġenża kontinwa fl-attività ekonomika ta' l-Istati Membri, il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta’ rapporti preżentati mill-Kummissjoni, jissorvelja l-iżviluppi ekonomiċi f'kull Stat Membru u fl-Unjoni, kif ukoll il-konformità ta’ kull politika ekonomika mal-linji direttivi ġenerali imsemmijja fil-paragrafu 2, kif ukoll jagħmel stima komplessiva regolarment.

Għall-finijiet ta’ din is-sorveljanza multilaterali, l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri importanti li jkunu ttieħdu minnhom fil-qasam tal-politika ekonomika tagħhom kif ukoll kull informazzjoni oħra li jqisu li tista' tkun meħtieġa.

4.   Meta jiġi stabbilit, taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 3, li l-politika ekonomika ta' Stat Membru mhijiex konformi mal-linji direttivi ġenerali previsti fil-paragrafu 2 jew li hemm ir-riskju li tipperikola l-funzjonament xieraq ta' l-Unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tista' tindirizza twissija lill-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jindirizza r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Istat Membru konċernat.Il-Kunsill jista', fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu in kunsiderazzjoni l-vot tal-membru tal-Kunsill li jkun qed jirrappreżenta lill-Istat Membru konċernat.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

5.   Il-President tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom jirrapportaw lill-Parlament Ewropew ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali. Il-President tal-Kunsill jista' jiġi mistieden sabiex jidher quddiem il-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, jekk il-Kunsill ikun għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu pubbliċi.

6.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw ir-regoli dettaljati sabiex jirregolaw il-proċedura tas-sorveljanza multilaterali msemmija fil-paragrafi 3 u 4 .

Artikolu 122

(ex Artikolu 100 TKE)

1.   Mingħajr preġudizzju għal proċeduri oħrajn provduti fit-Trattati, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b'mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta' ċerti prodotti, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-enerġija.

2.   Meta Stat Membru jsib ruħu f’diffikultajiet jew ikun mhedded b’diffikultajiet serji kkawżati min diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali li fuqhom ma jkollux kontroll, il-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’, taħt ċerti kondizzjonijiet, jagħti għajnuna finanzjarja lill-Istat Membru konċernat. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma l-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni li tkun ittieħdet.

Artikolu 123

(ex Artikolu 101TKE)

1.   Faċilitajiet ta’ overdraft jew ta’ xi tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali ta' l-Istati Membri (minn hawn 'il quddiem imsejħa “banek ċentrali nazzjonali”) favur istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali jew awtoritajiet lokali jew pubbliċi oħra, jew korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta’ Stati Membri, għandhom ikunu pprojbiti kif għandu ukoll ikun pprojbit ix-xiri dirett mingħand dawn ta' strumenti ta' debitu mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali nazzjonali.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandhux japplikax fil-każ ta’ istituzzjonijiet publiċi ta’ kreditu li, fil-kuntest tal-provvista ta’ riservi mill-banek ċentrali, għandhom jingħataw l-istess trattament mill-banek ċentrali nazzjonali u mill-Bank Ċentrali Ewropew bħal ma jingħataw istituzzjonijiet ta’ kreditu privati.

Artikolu 124

(ex Artikolu 102TKE)

Kull miżura, li mhijiex ibbażata fuq konsiderazzjonijiet prudenzjali u li tistabbilixxi aċċess privileġġat lill-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali, jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew korpi oħra li huma regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta' l-Istati Membri għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 125

(ex Artikolu 103 TKE)

1.   L-Unjoni m’għandhiex tkun responsabbli għal, jew tassumi l-obbligazzjonijiet ta' gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali, jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew korpi oħra li huma regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta’ Stat Membru mingħajr preġudizzju għall-għoti ta' garanziji finanzjarji reċiproċi għall-esekuzzjoni konġunta ta' proġett speċifiku. Stat Membru m’għandhux ikun responsabbli jew jassumi l-obbligazzjonjiet ta' gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku jew impriżi pubbliċi ta' Stat Membru ieħor, mingħajr preġudizzju għall-għoti ta' garanziji finanzjarji reċiproċi għall-eżekuzzjoni konġunta ta' xi proġett speċifiku.

2.   Jekk ikun meħtieġ, il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jispeċifika d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 123 u 124, kif ukoll f'dan l-Artikolu.

Artikolu 126

(ex Artikolu 104 TKE)

1.   L-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessivi tal-Gvern.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' l-estimi u ta' kull stock tad-dejn tal-gvern fl-Istati Membri bl-għan illi tidentifika żbalji kbar. B'mod partikolari għandha teżamina l-konformità mad-dixxipplina ta' l-estimi abbażi taż-żewġ kriterji li ġejjin:

a)

jekk il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ippjanat jew attwali għall-prodott domestiku gross ikunx jeċċedi xi valur ta' referenza, ħlief

jekk il-proporzjon ikun niżel b’mod sostanzjali u kontinwu u laħaq livell qrib tal-valur ta' referenza;

jew, alternattivament jekk, l-eċċess fuq il-valur ta' referenza jkun biss eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa' viċin tal-valur ta' referenza;

b)

jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-prodott domestiku gross ikunx jeċċedi xi valur ta' referenza, ħlief jekk l-proporzjon ikun qiegħed jonqos b’mod suffiċjenti u li joqrob lejn il-valur ta' referenza b’pass sodisfaċenti.

Il-valuri ta' referenza huma speċifikati fil-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati.

3.   Jekk Stat Membru ma jwettaqx il-ħtiġijiet taħt xi wieħed jew it-tnejn minn dawn il-kriterji, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis ukoll jekk id-defiċit tal-gvern ikunx jeċċedi n-nefqa tal-gvern f'investiment u jqis il-fatturi l-oħra kollha rilevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u ta' l-estimi għall-futur medju ta' l-Istat Membru.

Il-Kummissjoni tista' wkoll tipprepara rapport jekk, minkejja t-twettiq tal-ħtigijiet taħt il-kriterji, tkun ta’ l-opinjoni li hemm riskju ta’ defiċit eċċessiv ġewwa xi Stat Membru.

4.   Il-Kumitat ekonomiku u finanzjarju għandu jagħti opinjoni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni.

5.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżisti jew jista' jinħoloq defiċit eċċessiv fi Stat Membru, din għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkkonċernat u għandha tinforma b'dan lill-Kunsill.

6.   Il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru interessat ikun jixtieq jagħmel, jiddeċiedi wara stima komplessiva jekk jeżistix defiċit eċċessiv.

7.   Meta l-Kunsill jiddeċiedi, skond il-paragrafu 6, li jeżisti defiċit eċċessiv dan għandu jadotta, mingħajr dewmien inġustifikat, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru konċernat, bil-għan li dik is-sitwazzjoni tiġi mitmuma fi żmien determinat. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8, dawn ir-rakkomandazzjonijiet m’għandhomx jiġu pubblikati.

8.   Meta l-Kunsill jistabbilixxi illi ma’ kien hemm ebda azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-perjodu stipulat, huwa jista' jippubblika dawn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

9.   Jekk Stat Membru jippersisti li ma jieħux passi sabiex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista' jiddeċiedi illi javża lill-Istat Membru sabiex, fi żmien speċifiku stipulat, jieħu l-miżuri sabiex inaqqas id-deficit kif meqjus neċessarju mill-Kunsill sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

F’dak il-każ, il-Kunsill jista' jitlob lill-Istat Membru interessat sabiex jippreżenta rapporti skond programm speċifiku sabiex jiġi eżaminat kull sforz ta’ aġġustament ta' dak l-Istat Membru.

10.   Il-jedd li jinbdew il-proċeduri li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 258 u 259 ma jistax jiġi eżerċitat fil-kuntest ta' dak li hemm fil-paragrafi 1 sa 9 ta’ dan l-Artikolu.

11.   Sakemm Stat Membru jibqa' ma jikkonformax ruħu ma' deċiżjoni li tkun ittieħdet skond il-paragrafu 9, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li japplika jew, skond il-każ, jirrinforza xi wieħed jew aktar minn dawn il-miżuri li ġejjin:

jeżiġi li l-Istat Membru interessat jippubblika informazzjoni addizzjonali, kif speċifikata mill-Kunsill, qabel il-ħruġ ta’ bonds u titoli;

jistieden lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment sabiex jerġa' jikkonsidra l-politika tas-self tiegħu lejn l-Istat Membru interessat;

jeżiġi mingħand l-Istat Membru interessat li jagħmel kontijiet ta’ depożitu mingħajr imgħax ta’ ammont xieraq, ma' l-Unjoni sa meta d-defiċit eċċessiv ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett;

jimponi multi ta’ ammont adattat.

Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

12.   Il-Kunsill għandu jirrevoka x'uħud jew id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet tiegħu kollha msemmija fil-paragrafi 6 sa 9 u 11 sa fejn id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru interessat ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett. Jekk il-Kunsill ikun għamel rakkomandazzjonijiet pubbliċi, huwa għandu, hekk kif id-deċiżjoni taħt il-paragrafu 8 tkun ġiet revokata, jagħmel dikjarazzjoni pubblika li d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru interessat ma jkunx għadu jeżisti.

13.   Meta jieħu d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 8, 9, 11 u 12, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni.

Meta jadotta l-miżuri msemmija fil-pargarafi 6 sa 9, 11 u 12, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu kont tal-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkkonċernat.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

14.   Dispożizzjonijiet ulterjuri rigward l-implimentazzjoni tal-proċedura deskritta f’dan l-Artikolu huma indikati fil-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati.

Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew, jadotta d-dispożizzjonijiet approprijati li mbagħad għandhom jieħdu post il-Protokoll imsemmi.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-paragrafu il-Kunsill għandu, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, joħroġ regoli u definizzjonijiet dettaljati dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Protokoll.

KAPITOLU 2

POLITIKA MONETARJA

Artikolu 127

(ex Artikolu 105 TKE)

1.   L-għan primarju tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘SEBĊ’ għandu jkun li żżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-għan ta’ stabbiltà fil-prezzijiet, is-SEBĊ għandha tappoġġa l-linji ta' politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-oġġettivi ta' l-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Is-SEBĊ għandha tagixxi skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, li jiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi, u konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 119.

2.   Il-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz tas-SEBĊ jkunu:

li tiġi definita u implimentata l-politika monetarja ta' l-Unjoni;

li jitwettqu operazzjonijiet ta’ kambju konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 219;

li jinżammu in depositu u jiġu amministrati r-riżervi barranin uffiċjali ta' l-Istati Membri;

li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta' sistemi ta’ħlas.

3.   It-tielet subinċiż tal-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma in depositu u l-amministrazzjoni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri ta’ bilanċi operattivi ta’ valuta barranija.

4.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat:

dwar kull att propost mill-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu.

minn awtoritajiet nazzjonali dwar xi abbozz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu, iżda fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 129(4).

Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jippreżenta opinjonijiet lill-istituzzjonijiet, korpi u organi approprijati ta' l-Unjoni jew lill- awtoritajiet nazzjonali fuq kwistjonijiet fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

5.   S-SEBĊ għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija bla ostakoli ta' kull politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti relatata mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

6.   Il-Kunsill li jaġixxi b' mod unanimu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jagħti missjonijiet speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew li jirrigwardaw politika relatata mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bl-eċċezzjoni ta' l-impriżi ta' assigurazzjoni.

Artikolu 128

(ex Artikolu 106 TKE)

1.   L-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti ta' flus ta' l-euro fl-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu dawn il-karti tal-flus. Il-karti tal-flus li jinħarġu mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali jkunu l-uniċi karti tal-flus bi status ta’ valuta legali fl-Unjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti ta' l-euro suġġetti għall-approvazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-volum tal-ħruġ. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jadotta miżuri sabiex jarmonizza d-denominazzjonijiet u i-karatteristiċi tekniċi tal-muniti kollha intiżi għaċ-ċirkolazzjoni safejn dan ikun neċessarju għaċ-ċirkolazzjoni faċli fl-Unjoni.

Artikolu 129

(ex Artikolu 107 TKE)

1.   S-SEBĊ għandha tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew li għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

2.   L-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE’ huwa stipulat fi Protokoll anness mat-Trattati.

3.   L-Artikoli 5.1, 5.2, 5.3, 17, 18, 19.1, 22, 23, 24, 26, 32.2, 32.3, 32.4, 32.6, 33.1 a) u 36 ta' l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jistgħu jiġu emendati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja. Dawn għandhom jaġixxu jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew.

4.   Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kummisjoni, għandu jadotta id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5.4, 19.2, 20, 28.1, 29.2, 30.4, u 34.3 ta’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

Artikolu 130

(ex Artikolu 108 TKE)

Fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom mgħotija lilhom fit-Trattati u bl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, la l-Bank Ċentrali Ewropew, u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni u tal-gvernijiet ta' Stati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-bank ċentrali nazzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 131

(ex Artikolu 109 TKE)

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inkluż l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, tkun kumpatibbli mat-Trattati u ma' l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

Artikolu 132

(ex Artikolu 110 TKE)

1.   Sabiex jiġu eżegwiti l-kompiti fdati lis-SEBĊ, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE:

jagħmel ir-regolamenti sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġu implimentati l-kompiti definiti fl-Artikolu 3.1, l-ewwel subinċiż, fl-Artikoli 19.1, 22 u 25.2 ta’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE u f’dawk il-każijiet li ser ikunu indikati fl-atti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 129(4);

jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex jiġu esegwiti l-kompiti fdati lis-SEBĊ taħt it-Trattati u fl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE;

jagħmel rakkomandazzjonijiet u jagħti opinjonijiet.

2.   Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu.

3.   Fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet adottati mill-Kunsill bil-proċedura stipulata fl-Artikolu 129(4), il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu l-jedd li jimponi multi jew ħlasijiet penali perjodiċi fuq impriżi jekk dawn jonqsu milli jħarsu l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tiegħu.

Artikolu 133

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu ta' l-euro bħala l-munita unika. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew.

KAPITOLU 3

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

Artikolu 134

(ex Artikolu 114 TKE)

1.   Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qiegħed jiġi stabbilit sabiex jippromwovi l-koordinazzjoni tal-linji politiċi ta' l-Istati Membri sa fejn hu l-iktar possibbli għall-funzjonament tas-suq intern.

2.   Il-Kumitat Ekonomiku u Finazjarju għandu jkollu dawn il-mandati li ġejjin:

li jagħti opinjonijiet fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tiegħu stess sabiex dawn jiġu ppreżentati lil dawk l-istituzzjonijiet;

li jżomm taħt sorveljanza s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni u li jirraporta regolarment lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, partikolarment fuq ir-relazzjonijiet finanzjarji ma' pajjiżi terzi u ma' istituzzjonijiet internazzjonali;

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, sabiex jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kunsill imsemmija fl-Artikoli 66, 75, 121(2), (3), (4) u (6), 122, 124, 135, 126, 127(6), 128(2), 129(3) u (4), 138, 140(2) u (3), 143, 144(2) u (3), u 219 u li jagħmel xogħol ieħor konsultattiv u preparatorju assenjat lilu mill-Kunsill;

li jeżamina, għall-inqas darba fis-sena, s-sitwazzjoni tal-moviment ta’ kapital u libertà tat-trasferimenti tal-pagamenti, kif dawn jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-Kunsill; l-eżami għandu jkopri il-miżuri kollha relatati mal-movimenti tal-kapital u ma’ trasferimenti tal-ħlasijiet; il-Kumitat għandu jirraporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fuq l-eżitu ta' dan l-eżami;

L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jaħtru mhux aktar minn żewġ membri tal-Kumitat, kull wieħed.

3.   Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Kumitat imsemmi f’dan l-Artikolu, għandu jindika dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bid-deċiżjoni.

4.   Minbarra l-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 2, jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b’ deroga bħal dik imsemmija fl-Artikoli 139, il-Kumitat għandu jżomm taħt sorveljanza s-sitwazzjoni monetarja u finanzjarja u s-sistema ta’ ħlasijiet ġenerali ta’ dawk l-Istati Membri u jirrapporta regolarment dwar dan lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 135

(ex Artikolu 115TKE)

Għall-dawk l-affarijiet li jaqgħu taħt l-għan ta’ l-Artikoli 121(4), 126 bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 14, ta’ l-Artikoli 138, 140(1), 140(2), l-ewwel subparagrafu, 140(3) u 219, il-Kunsill jew Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel rakkomandazzjoni jew proposta, skond kif ikun xieraq. Il-Kummissjoni għandha teżamina din it-talba u tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill mingħajr dewmien.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-ISTATI MEMBRI LI L-MUNITA TAGĦHOM HIJA L-EURO

Artikolu 136

1.   Sabiex ikun assigurat il-funzjonament tajjeb ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, il-Kunsill għandu, skond il-proċedura rilevanti minn fost dawk previsti fl-Artikoli 121 u 126, bl-eċċezzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 126(14), jadotta miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex:

a)

tissaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom;

b)

jiġu stabbiliti l-linji gwida ta' politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li dawn ikunu kompatibbli ma' dawk adottati għall-Unjoni kollha u li jinżammu taħt sorveljanza.

2.   Għal dawk il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jieħdu sehem fil-vot biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Il-maġġoranza kwalifikata ta' dawn il-membri tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

3.   L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż- żona tal-euro kollha. L-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa taħt il-mekkaniżmu ser ikun suġġett għal kondizzjonalità stretta.

Artikolu 137

L-arranġamenti għal laqgħat bejn ministri ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiġu stabbiliti fil-Protokoll dwar il-Grupp ta' l-euro.

Artikolu 138

(ex Artikolu 111(4) TKE)

1.   Sabiex ikun assigurat il-post ta' l-euro fis-sistema monetarja internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet komuni dwar materji ta' interess partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja fl-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali kompetenti. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jadotta miżuri xierqa sabiex jassigura rappreżentazzjoni magħquda fl-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew.

3.   Għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jieħdu sehem fil-vot biss membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Il-maġġoranza kwalifikata ta' dawn il-membri tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

Artikolu 139

1.   L-Istati Membri li fir-rigward tagħhom il-Kunsill ma jkunx iddeċieda li jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta' l-euro għandhom jissejħu minn hawn 'il quddiem ‘Stati Membri b'deroga’.

2.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tat-Trattati m'għandhomx japplikaw għall-Istati Membri b'deroga:

a)

l-adozzjoni tal-partijiet tal-linji direttivi ġenerali tal-politika ekonomika li tikkonċerna ż-żona ta' l-euro in ġenerali (l-Artikolu 121(2));

b)

il-mezzi vinkolanti ta' rimedju għal defiċit eċċessiv (Artikolu 126(9) u (11));

c)

l-għan u l-ħidmiet tas-SEBĊ (Artikolu 127(1), (2), (3) u (5));

d)

il-ħruġ ta' l-euro (Artikolu 128);

e)

l-atti tal-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu 132);

f)

il-miżuri li jirregolaw l-użu ta' l-euro (Artikolu 133);

g)

il-ftehim monetarji u miżuri oħra dwar il-politika tar-rata tal-kambju (Artikolu 219);

h)

il-ħatra ta' membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu 283(2));

i)

id-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet komuni dwar il-kwistjonijiet ta' interess partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja fl-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali kompetenti (Artikolu 138(1));

j)

il-miżuri li jassiguraw rappreżentanza magħquda fl-istituzzjonijiet u l-konferenzi finanzjarji internazzjonali (Artikolu 138(2)).

Fl-Artikoli previsti fil-punti (a) sa (j), ‘Stati Membri’ għandha għalhekk tfisser l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

3.   Taħt il-Kapitolu IX ta' l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, Stati Membri b'deroga u l-banek ċentrali nazzjonali tagħhom ikunu esklużi mid-drittijiet u l-obbligi fis-SEBĊ.

4.   Id-drittijiet tal-vot ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri b'deroga għandhom jiġu sospiżi għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri previsti fl-Artikoli elenkati fil-paragrafu 2, u fil-każijiet li ġejjin:

a)

rakkomandazzjonijiet indirizzati lil dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fil-qafas ta' sorveljanza multilaterali, inklużi dwar il-programmi ta' stabbiltà u twissijiet (Artikolu 121(4));

b)

miżuri dwar defiċit eċċessiv li jikkonċernaw lil dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (Artikolu 126(6), (7), (8) (12) u (13)).

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri l-oħra tal-Kunsill għandha tiġi ddefinita skond l-Artikolu 238(3)(a).

Artikolu 140

(ex Artikoli 121(1), 122(2), it-tieni sentenza, u 123(5) TKE)

1.   Mill-inqas kull sentejn, jew fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jirrapportaw lill-Kunsill fuq il-progress magħmul mill-Istati Membri b'deroga fit-twettiq ta' l-obbligi tagħhom dwar it-twettiq ta’ unjoni ekonomika u monetarja. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu eżami tal-kompatibbiltà bejn il-leġislazzjoni nazzjonali ta' kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali tagħhom, u l-Artikoli 130 u 131 u l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Ir-rapporti għandhom jeżaminaw jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli b’ referenza għal jekk kull Stat Membru ikunx issodisfa dawn il-kriterji:

il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet; dan jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed tkun tixbaħ lil dik tat-tlett Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f'dik li hija l-istabbiltà fil-prezzijiet;

sostenibbiltà tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern; din tirriżulta minn sitwazzjoni baġitarja li tkun mingħajr defiċit eċċessiv fis-sens tal-Artikolu 126(6);

osservanza il-marġni ta’ fluttwazzjoni normali li dwarhom hemm provdut bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront ta' l-euro;

id-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru b' deroga u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju kif jidher fil-livelli tar-rati ta’ mgħax f'perjodi fit-tul.

Il-Protokoll anness mat-Trattati jispjega aħjar l-erba' kriterji msemmija f'dan il-paragrafu u ż-żminijiet rilevanti li fihom għandhom jiġu rispettati u żviluppati. Ir-rapporti tal-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jikkonsidraw ukoll ir-riżultati ta’ l-integrazzjoni tas-swieq, is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-bilanċi tal-pagamenti fuq il-kont kurrenti u eżami ta’ l-iżvilupp tal-kost ta' unità lavorattiva u indiċijiet oħra ta’ prezzijiet.

2.   Wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u wara diskussjoni fil-Kunsill Ewropew, il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kondizzjonjiet meħtieġa fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, u jtemm id-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati.

Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jirċievi rakkomandazzjoni minn maġġoranza kwalifikata ta' dawk fost il-membri tiegħu li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Dawn il-membri għandhom jaġixxu fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri msemmija, prevista fit-tieni subparagrafu, għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a).

3.   Jekk jiġi deċiż, skond il-proċedura prevista fil-paragrafu 2, li tiġi mitmuma deroga, il-Kunsill, waqt li jaġixxi bl-unanimità ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Istat Membru interessat, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jistabbilixxi irrevokabilment ir-rata li biha l-euro għandu jissostitwixxi l-munita korrenti ta' l-Istat Membru interessat, u jieħu l-miżuri l-oħra meħtieġa għad-dħul ta' l-euro bħala l-munita kurrenti unika fl-Istat Membru interessat.

Artikolu 141

(ex Artikolu 123(3), 117(2), l-ewwel ħames inċiżi, TKE)

1.   Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(1), il-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew riferit fl-Artikolu 44 ta' l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandu jiġi stabbilit bħala t-tielet korp deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri:

jsaħħaħ l-koperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali;

jsaħħaħ l-koordinazzjoni tal-politika monetarja ta' l-Istati Membri, bl-għan li jiżgura stabbiltà fil-prezzijiet.

jissorvelja l-funzjonament ta' mekkaniżmu tar-rata tal-kambju;

jagħmel konsultazzjonijiet dwar dawk l-affarjiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali u li jolqtu l-istabbiltà ta' istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq;

iwettaq il-kompiti li kellu qabel il-Fond Ewropew ta' Koperazzjoni Monetarja, li kienu ttieħdu mill-Istitut Monetarju Ewropew.

Artikolu 142

(ex Artikolu 124(1) TKE)

Kull Stat Membru b'deroga għandu jittratta l-politika tiegħu ta' rata tal-kambju bħala materja ta' interess komuni. Huma u jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jagħtu każ ta' l-esperjenza akkwiżita f'koperazzjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju.

Artikolu 143

(ex Artikolu 119 TKE)

1.   Meta Stat Membru b'deroga ikollu diffikultajiet jew ikun mhedded b’mod serju b’diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu bħala riżultat ta' skwilibriju totali fil-bilanċ tal-pagamenti tiegħu, jew bħala riżultat tat-tip ta’ munita li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, u meta dawk id-diffikultajiet x'aktarx li jistgħu b'mod partikolari jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern jew l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, il-Kummissjoni għandha minnufih, tinvestiga il-pożizzjoni ta’ l-Istat partikolari u l-azzjoni li dak l-Istat ikun ħa jew jista' jieħu waqt li juża l-meżżi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Il-Kummissjoni għandha tgħid liema miżuri tkun qegħda tirrakkomanda lil dak l-Istat sabiex jieħu.

Jekk l-azzjoni meħuda minn Stat Membru b'deroga u l-miżuri ssuġġeriti mill-Kummissjoni ma jkunux suffiċjenti sabiex jingħelbu d-diffikultajiet li jkunu qamu jew li jheddu li jqumu, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Kumitat ekonomiku u finanzjarju, tirrakkomanda lill-Kunsill li tiġi mogħtija assistenza reċiproka u l-metodi adattati għaldaqshekk.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill regolarment informat bis-sitwazzjoni u kif din tkun qiegħda tiżviluppa.

2.   Il-Kunsill għandu jagħti din l-assistenza reċiproka; huwa għandu jadotta direttivi jew deċiżjonijiet li jiffissaw il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ dik l-assistenza, li tista’ tieħu forom bħal:

a)

konċertazzjoni dwar il-mod kif wieħed jittratta ma' jew fi ħdan kull organizzazzjoni internazzjonali li għaliha l-Istati Membri b'deroga jistgħu jirrikorru;

b)

miżuri neċessarji li jevitaw tibdil tar-rotta tal-kummerċ meta l-Istat Membru b'deroga li jkun jinsab f’diffikultà iżomm jew jintroduċi mill-ġdid restrizzjonijiet kwantitattivi kontra pajjiżi terzi;

c)

l-għoti ta' kreditu limitat minn Stati Membri oħra, suġġett għall-qbil tagħhom ma' dan.

3.   Jekk l-assistenza reċiproka rrakomandata mill-Kummissjoni ma tingħatax mill-Kunsill jew jekk dik l-assistenza reċiproka u l-passi li jittieħdu ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istat Membru b'deroga li jkun jinsab f'diffikultà sabiex jieħu miżuri protettivi, li l-kondizzjonijiet u d-dettalji tagħhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

Dik l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrevokata u dawk il-kondizzjonijiet u d-dettalji jistgħu jiġu mibdula mill-Kunsill.

Artikolu 144

(ex Artikolu 120 TKE)

1.   Meta tinqala' kriżi f'daqqa fil-bilanċ ta’ pagamenti, u deċizjoni bħalma hemm fl-Artikolu 143(2) ma titteħidx immedjatament, Stat Membru b'deroga jista', bħala prekawzjoni, jadotta l-miżuri protettivi neċessarji. Dawk il-miżuri għandhom jikkawżaw l-inqas disturb possibli fil-funzjonament tas-suq intern u ma għandhomx ikunu aktar wiesa’ mill-għan ta' dak li jkun tabilħaqq meħtieġ sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet li jkunu nqalgħu f'daqqa.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu avżati b’dawk il-miżuri protettivi mhux aktar tard minn meta jibdew iseħħu. Il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jagħti l-assistenza reċiproka taħt l-Artikolu 143.

3.   Wara li l-Kummissjoni tkun tat rakkomandazzjoni u l-Kumitat ekonomiku u finanzjarju jkun ġie konsultat, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-Istat Membru involut għandu jemenda, jissospendi, jew jabolixxi għal kollox il-miżuri protettivi msemmija hawn qabel.

TITOLU IX

L-IMPJIEG

Artikolu 145

(ex Artikolu 125 TKE)

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom, skond dan it-Titolu, jaħdmu lejn żvilupp ta' strateġija koordinata għall-impjieg u partikolarment sabiex il-ħaddiema jkunu kwalifikati, imħarrġa u flessibbli u sabiex is-suq tax-xogħol jirrispondi għat-tibdil ekonomiku sabiex jistgħu jitwettqu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 146

(ex Artikolu 126 TKE)

1.   L-Istati Membri, permezz tal-politika tagħhom għall-impjieg, għandhom jikkontribwixxu sabiex jitwettqu l-objettivi li hemm imsemmija fl-Artikolu 145 b’mod konsistenti ma linji ta’ gwida ġenerali tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni adottati skond l-Artikolu 121(2).

2.   L-Istati Membri, wara li jikkunsidraw il-prattiċi nazzjonali fejn għandhom x'jaqsmu r-responsabbilitajiet ta' min imexxi u tal-ħaddiema, għandhom iqisu l-promozzjoni ta' l-impjiegi bħala materja ta’ interess komuni u għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma' dan fi ħdan il-Kunsill, skond id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 148.

Artikolu 147

(ex Artikolu 127 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi lejn livell għoli ta’ mpjieg billi tinkoraġixxi koperazzjoni bejn Stati Membri u billi ssostni u, jekk meħtieġ, tikkomplementa l-azzjoni tagħhom. Meta tagħmel dan, il-kompetenzi ta' l-Istati Membri għandhom ikunu rrispettati.

2.   Għandu jittieħed kont ta' l-għan ta’ livell għoli ta’ impjiegi fil-formolazzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Artikolu 148

(ex Artikolu 128 TKE)

1.   Il-Kunsill Ewropew għandu kull sena jikkonsidra il-qagħda ta' l-impjieg fl-Unjoni u jadotta konklużjonijiet dwarhom, fuq il-bażi ta’ rapport konġunt annwali mill-Kunsill u l-Kummissjoni.

2.   Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat ta' l-Impjieg imsemmi fl-Artikolu 150, għandu kull sena jħejji linji ta’ gwida li l-Istati Membri għandhom iqisu fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi. Dawn il-linji ta’ gwida għandhom ikunu konsistenti mal-linji ta’ gwida ġenerali adottati skond l-Artikolu 121(2).

3.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapport annwali fuq il-miżuri prinċipali meħudha għall-implementazzjoni tal-politika tiegħu għall-impjiegi fid-dawl ta’ linji ta’ gwida għall-impjiegi imsemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapporti imsemmija fil-paragrafu 3 u wara li jkun irċieva il-kummenti mill-Kumitat ta' l-Impjieg, għandu kull sena iwettaq eżami dwar l-implementazzjoni tal-politika ta' l-impjiegi ta' l-Istati Membri fid-dawl tal-linji ta’ gwida għall-impjieg. Il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista, jekk jikkunsidra li jkun xieraq fid-dawl ta’ dak l-eżami, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri.

5.   Fuq il-bażi tar-riżultat ta’ dak l-eżami, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu rapport konġunt annwali lill-Kunsill Ewropew dwar il-qagħda ta' l-Impjieg fl-Unjoni u dwar l-implementazzjoni tal-linji ta’ gwida għall-impjieg.

Artikolu 149

(ex Artikolu 129 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu jadottaw miżuri ta’ inċentiva li jkunu mmirati sabiex jinkoraġġixxu l-koperazzjoni bejn Stati Membri u sabiex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam ta' l-impjiegi permezz ta’ inizjattivi li jkollhom l-għan li jkun żviluppat l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ l-aħjar prattiċi, li tkun provduta l-analiżi kumparattiva u pariri kif ukoll li ssir promozzjoni ta' atteġġjamenti innovattivi u l-valutazzjoni ta' l-esperjenzi, partikolarment billi wieħed jirrikorri għall-proġetti pilota.

Dawk il-miżuri m’għandhomx jinkludu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

Artikolu 150

(ex Artikolu 130 TKE)

Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi Kumitat ta' l-Impjieg bi status ta' natura konsultattiva sabiex jipromwovi l-koordinament bejn l-Istati Membri dwar il-politika ta’ l-impjieg u tas-suq tax-xogħol. Il-kompiti tal-Kumitat għandhom ikunu:

li jissorvelja l-qagħda ta' l-impjieg u l-politika ta' l-impjieg fl-Istati Membri u fl-Unjoni;

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, li jifformula opinjonijiet fuq talba jew tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew inkella fuq l-inizjattiva tiegħu stess, u sabiex jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tal-proċedimenti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 148.

Fit-twettiq tal-mandat tiegħu, il-Kumitat għandu jikkonsulta lil min imexxi u lill-ħaddiema.

Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru żewġ membri tal-Kumitat.

TITOLU X

POLITIKA SOĊJALI

Artikolu 151

(ex Artikolu 136 TKE)

L-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità ta' l-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira il-promozzjoni ta' l-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijeit tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla it-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ mpjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

B'dan l-għan l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri li jieħdu kont tad-diversi forom ta’ prattiċi nazzjonali, partikolarment fil-qasam ta’ relazzjonijiet kontrattwalli, u l-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività fl-ekonomija ta' l-Unjoni.

Huma jemmnu li żvilupp bħal dan għandu jirriżulta mhux biss mill-funzjonament tas-suq intern, li għandu jiffavorixxi l-armonizzazzjoni ta’ sistemi soċjali, imma wkoll mill-proċeduri previsti fit-Trattati u mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva.

Artikolu 152

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol ta' l-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom.

Is-Summit bi tliet partijiet għat-Tkabbir u l-Impjiegi għandu jikkontribwixxi għad-djalogu soċjali.

Artikolu 153

(ex Artikolu 137 TKE)

1.   Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’dawn l-oqsma:

a)

it-titjib in partikolari ta’ l-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema;

b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

c)

is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema;

d)

il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt ta’ l-impjieg;

e)

l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema;

f)

ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva ta’ l-interessi tal-ħaddiema u s-sidien, inkluża it-tmexxija konġunta, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5;

g)

il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta' l-Unjoni;

h)

l-integrazzjoni ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, bla preġudizzju għall-Artikolu 166;

i)

l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa rigward l-opportunitajiet u t-trattament fis-suq tax-xogħol;

j)

il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;

k)

il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali bla preġudizzju għall-punt c).

2.   Għal dan l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

a)

jistgħu jadottaw miżuri intiżi sabiex iħajjru koperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta’ inizjattivi mmirati sabiex jameljoraw l-għarfien, jiżviluppaw skambji ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi, jippromwovu affronti innovattivi u jivvalutaw l-esperjenzi, b’esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri;

b)

jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, għandhom jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni.

Fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1 c), d), f) u g), il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b' mod unanimu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitati msemmija.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew, jista’ jiddeċiedi li l-proċedura leġislattiva ordinarja tkun applikabbli għall-paragrafu l d), f) u g).

3.   Stat Membru jista’ jafda f’idejn il-partijiet soċjali, fuq talba konġunta, l-implimentazzjoni tad-direttivi adottati skond il-paragrafu 2 jew, jekk ikun xieraq, l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill adottata skond l-Artikolu 155.

F’dan il-każ għandu jiżgura li, mhux aktar tard mid-data li fiha d-direttiva jew deċiżjoni għandha tiġi trasposta jew implimentata, il-partijiet soċjali jkunu ntroduċew bi ftehim il-miżuri meħtieġa waqt li l-Istat Membru jkun obbligat jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ f’kull ħin ikun f’pożizzjoni li jiggarantixxi r-riżultati imposti b’dik id-direttiva jew dik id-deċiżjoni.

4.   Id-dispożizzjonijiet adottatti skond dan l-Artikolu:

ma jaffettwawx id-dritt ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-ewilibriju finanzjarju tagħhom.

ma jipprekludu ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri iktar stretti ta’ protezzjoni kompatibbli mat-Trattati.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi, la għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ l-istrike u lanqas għad dritt li jiġi mpost lock out.

Artikolu 154

(ex Artikolu 138 TKE)

1.   Il-Kummissjoni għandha jkollha d-dmir li tippromwovi l-konsultazzjoni ta' min imexxi u tal-ħaddiema fil-livell ta' l-Unjoni u għandha tieħu l-miżuri rilevanti sabiex tiffaċilita id-djalogu ta’ bejniethom billi tassigura sostenn bilanċjat għal dawn il-partijiet.

2.   B'dan il-għan, qabel ma tippreżenta proposti fil-qasam tal-politika soċjali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-min imexxi u lill-ħaddiema dwar id-direzzjoni possibli ta’ l-azzjoni mill-Unjoni.

3.   Jekk, wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tikkonsidra li azzjoni mill-Unjoni tkun ta' min jirrakomandaha, hi għandha tikkonsulta lill-min imexxi u l-ħaddiema dwar il-kontenut tal-proposta maħsuba. Min imexxi u l-ħaddiema għandhom iwasslu lill-Kummissjoni opinjoni jew, fejn jixraq, rakkomandazzjoni.

4.   Fl-okkażjoni ta' konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, min imexxi u l-ħaddiema jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċess previst fl-Artikolu 155. It-tul ta' żmien ta' dan il-proċess m’għandux jeċċedi disa’ xhur, sakemm min imexxi u l-ħaddiema kkonċernati u l-Kummissjoni, flimkien jiddeċiedu li jestenduh.

Artikolu 155

(ex Artikolu 139 TKE)

1.   Jekk min imexxi u l-ħaddiema hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell ta' l-Unjoni jista' jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż ftehim.

2.   Il-Ftehim konklużi fil-livell ta' l-Unjoni għandhom jkunu implementati skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim in kwistjoni jkun fih dispożizzjoni waħda jew aktar konnessi ma’ wieħed mill-oqsma li għalihom hija meħtieġa l-unanimità skond l-Artikolu 153(2).

Artikolu 156

(ex Artikolu 140 TKE)

Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 151 u mingħajr preġidizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' l-azzjoni tagħhom fl-oqsma tal-politika soċjali skond dan il-kapitolu, partikolarment f’materji li għandhom x’jaqsmu ma':

l-impjieg;

il-liġi tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol;

it-taħriġ professjonali bażiku u avvanzat;

is-sigurtà soċjali;

il-prevenzjoni ta' l-inċidenti u l-mard kaġunati mix-xogħol;

l-iġjene fl-impjieg;

id-dritt ta' l-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv bejn min iħaddem u l-ħaddiema.

B'dan l-għan, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kuntatt mill-qrib ma' l-Istati Membri billi tagħmel studji, twassal opinjonijiet u tirranġa konsultazzjonijiet kemm fuq il-problemi li jqumu f’livell nazzjonali u wkoll f'dak li jikkonċerna l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw skambju ta' l-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament informat.

Qabel twassal l-opinjonijiet previsti f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu 157

(ex Artikolu 141 TKE)

1.   Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jkun applikat.

2   Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, “paga” tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu.

Paga ugwali mingħajr diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess tfisser:

a)

dik il-paga għall-istess xogħol bl-imqieta għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi ta’ l-istess unità ta' kejl;

b)

dik il-paga għal xogħol li jitħallas bil-ħin tkun l-istess għall-istess xogħol.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw miżuri li jassiguraw l-applikazzjoni tal-prinċpju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa f’materji ta’ impjiegi u xogħol, inklużi l-prinċipji ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

4.   Bl-għan li tkun assigurata l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta’ trattament indaqs m’għandux ifixkel lil xi Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat sabiex jfittex attività professjonali jew sabiex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali.

Artikolu 158

(ex Artikolu 142 TKE)

L-Istati Membri għandhom jgħamlu ħilithom sabiex jżommu l-ugwaljanza eżistenti bejn skemi ta’ vaganzi bil-ħlas.

Artikolu 159

(ex Artikolu 143 TKE)

Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport kull sena dwar il-progress fir-realizzazzjoni ta' l-objettivi ta’ l-Artikolu 151, inkluża s-sitwazzjoni demografika fl-Unjoni. Hi għandha twassal ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Artikolu 160

(ex Artikolu 144 TKE)

Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali ta’ xorta konsultattiva sabiex jippromwovi koperazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Ix-xogħol tal-Kumitat għandu jkun:

li jissorvelja s-sitwazzjoni soċjali u l-iżvilupp ta’ politika ta’ protezzjoni soċjali fl-Istati Membri u fl-Unjoni.

biex jippromwovi skambju ta’ informazzjoni, esperjenzi u prattiċi tajbin bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni;

bla preġudizzju għall-Artikolu 240, li jipprepara rapporti, jifformula opinjonijiet jew jidħol għal attivitajiet oħra fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu, fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

Fit-twettieq tal-mandat tiegħu, il-Kumitat għandu jistabbilixxi kuntatti xierqa mal-partijiet soċjali.

Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru żewġ membri tal-Kumitat.

Artikolu 161

(ex Artikolu 145 TKE)

Fir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tiddedika kapitolu speċjali għall-evoluzzjoni tal-qagħda soċjali fl-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel rapporti dwar problemi speċjali li jirrigwardaw is-sitwazzjoni soċjali.

TITOLU XI

FOND SOĊJALI EWROPEW

Artikolu 162

(ex Artikolu 146 TKE)

Sabiex jittejbu l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema fis-suq intern u sabiex b'hekk ikun hemm kontribut sabiex jogħla il- fil-livell tal-għixien għandu għalhekk jiġi stabbilit Fond Soċjali Ewropew konformement mad-dispożizzjonijiet stipulati iktar 'l isfel; għandu jkollu l-għan li jirrendi eħfef l-impjieg tal-ħaddiema u li jżid il-mobbiltà geografika u fl-impjiegi tagħhom ġewwa l-Unjoni, u li jiffaċilita l-adattament tagħhom għal tibdiliet industrijali u tibdiliet fis-sistemi ta' produzzjoni, partikolarment permezz ta' formazzjoni vokazzjonali u taħriġ mill-ġdid.

Artikolu 163

(ex Artikolu 147 TKE)

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Fond.

F’din il-ħidma l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat ippresedut minn membru tal-Kummissjoni li jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ Gvernijiet, ta’ trade unions u ta' assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem.

Artikolu 164

(ex Artikolu 148 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw regolamenti ta' implimentazzjoni relatati mal-Fond Soċjali Ewropew.

TITOLU XII

EDUKAZZJONI, FORMAZZJONI VOKAZZJONALI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT

Artikolu 165

(ex Artikolu 149 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta' tagħlim u l-organizzazzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija l-quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej ta' l-Isports, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu ibbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

2.   L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tkun immirata lejn:

l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta' l-Istati Membri;

l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximnet akkademiku ta' diplomi u perjodi ta' studju;

il-promozzjoni ta' koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi;

l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta' edukazzjoni fl-Istati Membri;

l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta' edukaturi soċjo-edukattivi u l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika ta' l-Ewropa;

l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta' edukazzjoni mill-bogħod;

l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta' l-isportivi, speċjalment ta' dawk l-aktar żgħażagħ fosthom.

3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u l-isport, partikolarment il-Kunsill ta' l-Ewropa.

4.   Sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-għanijiet imsemmija f'dan l-Artikolu:

il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istati Membri;

il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 166

(ex Artikolu 150 TKE)

1.   L-Unjoni għandha timplimenta politika ta' formazzjoni vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissuplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-formazzjoni vokazzjonali.

2.   L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha jkollha l-mira li:

tħaffef l-adattament għal bidliet industrijali, partikolarment permezz ta' formazzjoni vokazzjonali u taħriġ mill-ġdid;

ittejjeb il-formazzjoni vokazzjonali inizjali u kontinwu sabiex tħaffef l-integrazzjoni u r-re-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobilità ta' l-edukaturi u ta' min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażagħ;

tistimula l-koperazzjoni dwar taħriġ bejn istituzzjonijiet edukattivi jew ta' taħriġ ul-impriżi;

tiżviluppa skambji ta' informazzjoni u ta' esperjenza fuq kwistjonijiet komuni fis-sistemi ta' taħriġ ta' l-Istati Membri.

3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-formazzjoni vokazzjonali.

4.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw miżuri li jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni ta' l-objettivi msemmija f’dan l-Artikolu, eskluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri u l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjonijiet.

TITOLU XIII

KULTURA

Artikolu 167

(ex Artikolu 151 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi ta' l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta il-wirt kulturali komuni.

2.   L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha jkollha il-mira li tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk jinħtieġ, tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fl-oqsma li ġejjin:

it-titjib fit-tagħrif u fit-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej,

il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinifikanti,

skambji kulturali li mhumiex ta' natura kummerċjali,

il-kreazzjoni artistika u letterarja, inklużi dawk fis-settur awdjo-viżiv.

3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura, partikolarment il-Kunsill ta' l-Ewropa.

4.   L-Unjoni għandha tagħti każ ta' l-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, partikolarment sabiex tirrispetta u tippromwovi id-diversità tal-kulturi tagħha.

5.   Sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-għanijiet indikati f'dan l-Artikolu:

il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw miżuri ta' inċentiv, eskluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri;

il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni.

TITOLU XIV

IS-SAĦĦA PUBBLIKA

Artikolu 168

(ex Artikolu 152 TKE)

1.   Il-livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

L-Azzjoni ta' l-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jevitaw il-fonti ta' periklu għas-saħħa umana. Din l-azzjoni għandha tkopri il-ġlieda kontra il-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa, kif ukoll il-monitoraġġ ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih.

L-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri fit-tnaqqis ta’ ħsara għas-saħħa li tkun marbuta mad-drogi, inkluża l-informazzjoni u l-prevenzjoni.

2.   L-Unjoni għanda tinkoraġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma kollha imsemmija f’dan l-Artikolu u, jekk meħtieġ, tagħti sostenn lill-azzjoni tagħhom. B'mod partikolari għandha tħeġġeġ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex titjieb il-komplementarjetà tas-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-reġjuni ta' fruntiera.

L-Istati Membri għandhom, b ’kuntatt mal-Kummissjoni, jikoordinaw bejniethom l-politiċi tagħhom u l-programmi fl-oqsma imsemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista', b’kuntatt mill-qrib ma' l-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva siewja sabiex tinkoraġixxi dan il-koordinament, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-kontroll u l-valutazzjonijiet perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament informat.

3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika.

4.   B'deroga mill-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 6(a), u skond l-Artikolu 4(2)(k), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni ta’ l-objettivi imsemmija f’dan l-Artikolu, billi jadottaw, sabiex jiġu affrontati l-problemi komuni tas-sigurtà:

a)

miżuri li joħolqu parametri għolja ta’ kwalità u sigurtà għar-rigward ta’ organi u sustanzi ta’ oriġini umana, demm u derivati tad-demm; dawn il-miżuri m’għandhom ifixklu lil ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti.

b)

miżuri fl-oqsma veterenarji u fito-sanitarji, li jkollhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-ħarsien tas-saħħa pubblika;

c)

miżuri li jistabbilixxu standards għolja ta' kwalità u sigurtà għall-prodotti mediċinali u t-tagħmir għall-użu mediku.

5.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu jadottaw ukoll miżuri ta' inċentiva għall-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli transkonfinali għas-saħħa, miżuri li jikkonċernaw il-monitoraġġ ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert fuq dan it-theddid u l-ġlieda kontrih, kif ukoll miżuri li għandhom bħala objettiv dirett il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-rigward tat-tabakk u l-abbuż ta' l-alkoħol, bl-esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

6.   Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' wkoll jadotta rakkomandazzjonijiet għall-għanijiet kif stabbiliti f’dan l-Artikolu.

7.   L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika. Ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri jinkludu l-ġestjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, kif ukoll l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom. Il-miżuri previsti fil-paragrafu 4(a) m'għandhomx jolqtu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-donazzjoni jew l-użu ta' organi u demm għal finijiet mediċi.

TITOLU XV

PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Artikolu 169

(ex Artikolu 153 TKE)

1.   Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, s-sigurtà u interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom.

2.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' l-objettivi imsemmija fil-paragrafu 1, permezz ta’:

a)

miżuri adottati skond l-Artikolu 114 fil-kuntest tal-kompletament tas-suq intern;

b)

miżuri li jgħinu, jissuplimentaw u jissorveljaw l-politika użata mill-Istati Membri.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2(b).

4.   Il-miżuri adottati skond il-paragrafu 3 m’għandhomx jimpedixxu lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti. Dawn il-miżuri għandhom ikunu kumpattibli mat-Trattati. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħarrfa bihom.

TITOLU XVI

NETWORKS TRANS-EWROPEJ

Artikolu 170

(ex Artikolu 154 TKE)

1.   Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 26 u 174 u sabiex iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-Komunitajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu igawdu mill-benefiċċji ta' l-istabbiliment ta’ żona mingħajr fruntieri interni, l-Unjoni għandha tagħti l-kontribut tagħha sabiex jiġu stabbiliti u jiġu żviluppati networks trans-Ewropej fl-oqsma ta’ l-infrastrutturi tat-trasport, telekomunikazzjonijiet u enerġija.

2.   Fil-qafas ta’ sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni mill-Unjoni għandha tfittex li tiffaċilita l-interkonnessjoni u l-interoperabiltà ta' networks nazzjonali kif ukoll l-aċċess għal dawk in-networks. Għandha tqis b’mod partikolari il-ħtieġa li jingħaqdu l-gżejjer u r-reġjuni kemm dawk maqtugħa mill-baħar kif ukoll dawk periferiċi mar-reġjuni ċentrali ta' l-Unjoni.

Artikolu 171

(ex Artikolu 155 TKE)

1.   Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 170, l-Unjoni:

għandha tistabbilixxi sensiela ta’ linji gwida dwar il-miri, prioritatjiet u l-linji ġenerali tal-miżuri kontemplati fl-isfera tan-networks trans-Ewropej; dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni;

għandha timplementa kull miżura li titqies neċessarja sabiex tiżgura l-inter-operabbiltà tan-networks, b’mod partikolari fil qasam ta' l-istandardizzazzjoni teknika;

jista' jappoġġa proġetti ta’ nteress komuni li jkunu mogħtija sostenn mill-Istati Membri, li huma identifikati fil-qafas tal-linji ta’ gwida imsemmija fl-ewwel inċiż, partikolarment permezz ta’ studji ta' possibiltà, garanziji għal self jew sussidji fuq ir-rati ta’ l-interessi; l-Unjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi, permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit skond l-Artikolu 177, sabiex jiġu finanzjati proġetti speċifiċi fl-Istati Membri fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-trasport.

L-attivitajiet ta' l-Unjoni għandhom jagħtu konsiderazzjoni meħtieġa lill-validità ekonomika potenzjali tal-proġetti.

2.   L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-linji politiċi nazzjonali li jista’ jkollhom impatt konsiderevoli fuq il-kisba ta' l-għanijiet msemmija fl-Artikolu 170. Il-Kummissjoni tista', b’ħidma mill-qrib ma’ l-Istati Membri, tieħu kull inizzjattiva utli sabiex tippromwovi dik il-koordinazzjoni.

3.   L-Unjoni tista’ tiddeċiedi li tikkopera ma’ pajjiżi terzi sabiex tippromwovi proġetti ta’ interess reċiproku u sabiex tiżgura l-interoperabiltà ta' networks.

Artikolu 172

(ex Artikolu 156 TKE)

Il-linji gwida u l-miżuri l-oħra previsti fl-Artikolu 171(1) għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni;

Il-linji gwida u l-proġetti ta’ interess komuni li jirrigwardaw it-territorju ta’ Stat Membru partikolari għandhom ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni ta' l-Istat Membru interessat.

TITOLU XVII

L-INDUSTRIJA

Artikolu 173

(ex Artikolu 157 TKE)

1.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kondizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività ta' l-industrija ta' l-Unjoni.

Għal dan l-għan, skond is-sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni tagħhom għandha tfittex li:

tħaffef l-adattament ta’ l-industrija għal bidliet strutturali;

tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta’ l-impriżi fi ħdan l-Unjoni kollha, partikolarment ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-koperazzjoni bejn l-impriżi;

tikkoltiva l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal- politika ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku.

2.   L-Istati Membri, għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin, b’konnessjoni mal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi dik il-koordinazzjoni, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perijodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament informat.

3.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet kif stabbiliti fil-paragrafu 1 permezz tal-politika u l-attivitajiet li ssegwi skond dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jistgħu jiddeċiedu dwar miżuri speċifiċi b’appoġġ għall-azzjoni meħuda fl-Istati Membri sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, minbarra kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

Dan it-Titolu m’għandux iservi ta’ bażi għall-introduzzjoni mill-Unjoni ta’ xi miżura li tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li jkun fiha dispożizzjonijiet fiskali jew dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet jew l-interessi ta’ l-impjegati.

TITOLU XVIII

KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI

Artikolu 174

(ex Artikolu 158 TKE)

Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha.

B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti.

Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.

Artikolu 175

(ex Artikolu 159 TKE)

L-Istati Membri għandhom imexxu l-linji politiċi ekonomiċi tagħhom u jikkordinawhom b’tali mod li, jinkisbu wkoll l-għanijiet msemmija fl-Artikolu 174. Il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' kull politika u azzjoni ta' l-Unjoni u l-implimentazzjoni tas-suq intern għandhom jieħdu in konsiderazzjoni l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 u jwasslu għat-twettiq tagħhom. L-Unjoni għandha wkoll tappoġġa t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet imsemmija, bl-azzjoni li tieħu permezz tal-Fondi Strutturali (il-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji fl-Agrikoltura, Sezzjoni tal-Gwida; il-Fond Soċjali Ewropew; il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew), il-Bank Ewropew ta' l-Investiment u tal-bqija ta’ l-istrumenti finanzjarji eżistenti.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, kull tliet snin, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, dwar il-progress li jkun sar sabiex tintlaħaq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u dwar il-mod ta’ kif il-mezzi varji msemmija f’dan l-Artikolu ikunu wasslu għal dan l-għan. Dan ir-rapport għandu, jekk ikun hekk meħtieġ, jinkludi l-proposti xierqa.

Jekk jinħass il-bżonn li jkun hemm azzjonijiet speċifiċi barra l-Fondi u bla preġudizzju għall-miżuri deċiżi fil-qafas tal-politika l-oħra ta' l-Unjoni, dawk l-azzjonijiet jistgħu jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 176

(ex Artikolu 160 TKE)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huwa intiż sabiex jgħin sabiex jitnaqqsu l-iskwilibriji reġjonali prinċipali fi ħdan l-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni fl-iżvilupp u t-tibdil strutturali tar-reġjuni li jkunu għadhom lura kif ukoll fir-rikonverżjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura.

Artikolu 177

(ex Artikolu 161 TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 178, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja kif ukoll wara li jkunu kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u l-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jagħtu definizzjoni tal-kompiti, ta' l-għanijiet prioritarji u ta' l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali, li jistgħu jinvolvu l-istabbiliment tal-Fondi. Ir-regoli ġenerali applikabbli għalihom u l-provvedimenti meħtieġa sabiex jiżguraw l-effettività tagħhom, u l-koordinazzjoni tal-Fondi ma' xulxin kif ukoll mal-bqija ta’ l-istrumenti finanzjari eżistenti għandhom ikunu definiti wkoll mill-istess proċedura.

Permezz ta’ l-istess proċedura, għandu jiġi stabbilit Fond ta’ Koeżjoni sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-proġetti fl-oqsma ta’ l-ambjent u ta' networks trans-Ewropej fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-trasport.

Artikolu 178

(ex Artikolu 162 TKE)

Ir-Regolamenti ta' implimentazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali għandhom isiru mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji fl-Agrikoltura, Sezzjoni tal-Gwida, u mal-Fond Soċjali Ewropew, l-Artikolu 43 u 164 rispettivament għandhom jibqgħu japplikaw.

TITOLU XIX

IR-RIĊERKA, L-IŻVILUPP TEKNOLOĠIKU U L-ISPAZJU

Artikolu 179

(ex Artikolu 163 TKE)

1.   L-Unjoni għandha jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta' riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġixxi l-iżvilupp tal-kompetittivita tagħha u ta' l-industrija tagħha, kif ukoll li tippromwovi l-attivitajiet kollha ta' riċerka li huma meqjusa meħtieġa għal Kapitoli oħra tat-Trattati.

2.   Għal dan l-għan l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi, fl-Unjoni kollha, lill-impriżi inklużi l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, liċ-ċentri ta’ riċerka u lill-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta’ livell għoli; għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tagħhom li jikkoperaw ma’ xulxin, u timmira fuq kollox li tippermetti lir-riċerkaturi li jikkoperaw liberament lil hinn mill-fruntieri u lill-impriżi li jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-suq intern, speċjalment bill-ftuħ ta’appalti pubbliċi nazzjonali jinfetħu u bid-definizzjoni ta’ standards komuni u bit-tneħħija ta' xkiel legali u fiskali għal dik il-koperazzjoni.

3.   L-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni skond it-Trattati fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inklużi proġetti dimostrattivi, għandhom jiġu deċiżi u implimentati skond il-provvedimenti ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 180

(ex Artikolu164 TKE)

Filwaqt li tfittex li tikseb dawn l-għanijiet, l-Unjoni għandha twettaq dawn l-attivitajiet li ġejjin, li jikkomplementaw l-attivitajiet li jsiru fl-Istati Membri:

a)

l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, billi ssaħħaħ il-koperazzjoni ma’ u bejn l-impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet;

b)

il-promozzjoni ta' koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni ta' l-Unjoni;

c)

id-disseminazzjoni u l-valorizzazzjoni tar-riżultati ta’ attivitajiet fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni ta' l-Unjoni;

d)

l-istimulazzjoni tat-taħriġ u l-mobilità tar-riċerkaturi fl-Unjoni.

Artikolu 181

(ex Artikolu 165 TKE)

1.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku sabiex jiżguraw li kull politika nazzjonali u dik ta' l-Unjoni ikunu koerenti ma’ xulxin.

2.   B’ħidma mill-qrib ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tieħu kull inizjattiva siewja sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, b'mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perijodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament informat.

Artikolu 182

(ex Artikolu 166 TKE)

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw programm qafas pluriennali, li fih jitqiegħdu l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

Il-programm qafas għandu:

jistabbilixxi l-għanijiet xjentifiċi u teknologiċi li jridu jinkisbu permezz ta’ l-attivitajiet li hemm previsti fl-Artikolu 180 u jiddetermina l-prioritajiet rilevanti;

jindika l-linji ġenerali ta’ dawk l-attivitajiet;

jistabbilixxi l-ammont massimu totali u r-regoli dettaljati applikabbli għall-parteċipazzjoni finanzjarja ta' l-Unjoni fil-programm qafas, kif ukoll id-diversi ishma f’kull attività prevista.

2.   Il-programm qafas għandu jiġi adattat jew supplimentat skond kif tinbidel is-sitwazzjoni.

3.   Il-programm qafas għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi speċifiċi żviluppati f’kull attività. Kull programm speċifiku għandu jiddefinixxi r-regoli dettaljati sabiex dan jiġi implimentat, sabiex jiġi stabbilit kemm idum, kif ukoll sabiex jiġu provduti il-mezzi li jitqiesu meħtieġa. It-total ta’ l-ammonti li jitqiesu meħtieġa, stabbiliti fil-programmi speċifiċi, ma jistax jeċċedi l-ammont massimu totali stabbilit għall- programm qafas u għal kull attività.

4.   Il-Kunsill li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali, għandu jadotta l-programmi speċifiċi.

5.   B'mod komplementari għall-attivitajiet imfassla fil-programm qafas pluriennali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' żona ta' riċerka Ewropea.

Artikolu 183

(ex Artikolu 167 TKE)

Sabiex timplimenta il-programm qafas pluriennali, l-Unjoni għandha:

ddetermina r-regoli applikabbli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet;

pprovdi regoli dwar id-disseminazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka.

Artikolu 184

(ex Artikolu 168 TKE)

Fl-implimentazzjoni tal-programm ta’qafas pluriennali jistgħu jiġu deċiżi programmi supplimentari li jinvolvu l-parteċipazzjoni biss ta’ ċerti Stati Membri, li jkunu jiffinanzjawhom suġġetti għall-parteċipazzjoni possibli mill-Kommunita.

L-Unjoni għandha tadotta r-regoli applikabli għall-programmi supplimentari, partikolarment dwar it-tixrid ta’ konoxxenzi u aċċess minn Stati Membri oħra.

Artikolu 185

(ex Artikolu 169 TKE)

Fl-implimentazzjoni tal-programm qafas pluriennali, l-Unjoni tista’ bi ftehim mal-Istati Membri involuti, tipprovdi dwar parteċipazzjoni tagħha fi programmi ta’ riċerka w żvilupp mnedija minn diversi Stati Membri, inkluż il-parteċipazzjoni fl-istutturi maħluqa għall-esekuzzjoni ta’ dawn il-programmi.

Artikolu 186

(ex Artikolu 170 TKE)

Fl-implimentazzjoni tal-programm qafas pluriennali, l-Unjoni tista’ tipprovdi għall-koperazzjoni ma' stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tar-riċerka, ta' l-iżvilupp teknoloġiku u tad-dimonstrazzjoni ta' l-Unjoni.

L-arranġamenti dettaljati għal din il-koperazzjoni jistgħu jkunu s-suġġetti ta' ftehim bejn l-Unjoni u l-partijiet terzi involuti.

Artikolu 187

(ex Artikolu 171 TKE)

L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni jew kull struttura oħra neċessarja għall-esekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimonstrazzjoni ta' l-Unjoni.

Artikolu 188

(ex Artikolu 172 TKE)

Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 187.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 183, 184 u 185. L-adozzjoni tal-programmi supplimentari teħtieġ il-ftehim ta' l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 189

1.   Sabiex jiġu promossi l-progress xjentifiku u teknoloġiku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politika tagħha, l-Unjoni għandha tfassal politika Ewropea dwar l-ispazju. Għal dan il-għan, tista' tippromwovi inizjattivi konġunti, tagħti appoġġ lir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u tikkoordina l-isforzi meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' l-ispazju.

2.   Sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-objettivi previsti fil-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa, li jistgħu jieħdu l-forma ta' programm Ewropew dwar l-ispazju, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti ta' l-Istati Membri.

3.   L-Unjoni għandha tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa ma' l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ispazju.

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' dan it-Titolu.

Artikolu 190

(ex Artikolu 173 TKE)

Fil-bidu tal-kull sena l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar ir-riċerka u l-attivitajiet ta’ żvilupp teknoloġiku, u d-disseminazzjoni tar-riżultati matul is-sena ta’ qabel, u l-programm ta’ xogħol għas-sena kurrenti.

TITOLU XX

L-AMBJENT

Artikolu 191

(ex Artikolu 174 TKE)

1.   Il-politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent;

ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

2.   Il-politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta' livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta' l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.

F’dan il-kuntest, il-miżuri ta’armonizzazzjoni li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, fejn xieraq, klawsola ta’ salvagwardja li tħalli l-Istati Membri li jieħdu miżuri provviżorji għal raġunijiet ambjentali non-ekonomiċi, suġġett għall-proċedura ta' monitoraġġ mill-Unjoni.

3.   Fil-preparazzjoni tagħha tal-politika dwar l-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu in konsiderazzjoni:

i xjentifiċi u tekniċi eżistenti;

kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti ta' l-Unjoni;

vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni;

iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Unjoni in ġenerali u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni tagħha.

4.   Fil-qafas ta' l-isferi ta' kompetenza rispettiva tagħhom tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ pajjizi terzi u mal-organizazzjonijiet internazzjonali kompetenti. L-arranġamenti dwar il-koperazzjoni ta' l-Unjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim bejn l-Unjoni u t-terzi involuti.

Is-subparagrafu preċedenti m’għanduxjippreġudika il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.

Artikolu 192

(ex Artikolu 175 TKE)

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.

2.   B’deroga għall-proċedura ta’ deċizjoni prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jadotta:

a)

dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali;

b)

miżuri li jaffettwaw:

ippjanar ta' l-art;

immaniġġjar kwantitattiv tar-riżorsi ta’ l-ilma, jew dak kollu li jaffettwa, direttament jew indirettament, id-disponibbiltà ta’ dawn ir-riżorsi;

użu ta’ l-art, bl-eċċezzjoni ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart

c)

miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jista' jagħmel il-proċedura leġislattiva ordinarja applikabbli għall-oqsma previsti fl-ewwel subparagrafu.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw programmi ta' azzjoni ġenerali li jistabbilixxu objettivi prijoritarji li għandhom jitwettqu.

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi għandhom jiġu adottati skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew 2, skond il-każ.

4.   Mingħajr preġudizzju għal ċerti miżuri adottati mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiffinanzjaw u jimplimentaw il-politika dwar l-ambjent.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju li min iniġġes iħallas, jekk miżura li tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tirrekjedi spejjeż li jitqiesu sproporzjonati għall-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru, din il-miżura għandha tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet approprijati fl-għamla ta’:

derogi temporanji u/jew

appoġġ finanzjarju mill-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit skond l-Artikolu 177.

Artikolu 193

(ex Artikolu 176 TKE)

Il-miżuri protettivi adottati skond l-Artikolu 192, m’għandhomx jimpedixxu lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar iebsa. Dawn il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati. Dawn għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni.

TITOLU XXI

ENERĠIJA

Artikolu 194

1.   Fil-kuntest ta' l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b' kont meħud tal-ħtieġa ta' preservazzjoni u titjib ta' l-ambjent, il-politika ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri:

a)

tassigura l-funzjonament tas-suq ta' l-enerġija;

b)

tassigura s-sigurtà tal-provvista ta' l-energija fl-Unjoni,

c)

tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta' l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli; u

d)

tippromwovi l-interkonnessjoni ta' netwerks ta' l-enerġija.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kisba ta' l-objettivi previsti fil-paragrafu 1. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

Dawn m'għandhomx jolqtu d-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c).

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi l-miżuri li huma previsti fih meta dawn ikunu essenzjalment ta' natura fiskali.

TITOLU XXII

TURIŻMU

Artikolu 195

1.   L-Unjoni għandha tikkomplementa l-azzjoni ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu, b'mod partikolari billi tippromwovi l-kompetittività ta' l-impriżi ta' l-Unjoni f'dan is-settur.

Għal dan il-għan, l-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira:

a)

li tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' l-impriżi f'dan is-settur;

b)

li tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari bl-iskambju ta' prattika tajba.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri partikolari sabiex jikkomplementaw l-azzjonijiet fl-Istati Membri sabiex jitwettqu l-objettivi previsti f'dan l-Artikolu, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

TITOLU XXIII

PROTEZZJONI ĊIVILI

Artikolu 196

1.   L-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex issaħħaħ l-effettività ta' sistemi ta' prevenzjoni ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u ta' protezzjoni minnhom.

L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha timmira:

a)

li tappoġġa u tikkomplementa l-azzjoni ta' l-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali fil-prevenzjoni ta' riskju, fil-preparazzjoni tal-persunal tagħhom tal-protezzjoni ċivili fl-Istati Membri u fl-intervent f'każ ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem fl-Unjoni;

b)

li tippromwovi l-koperazzjoni operazzjonali rapida u effettiva fl-Unjoni bejn servizzi nazzjonali ta' protezzjoni ċivili;

c)

li tippromwovi l-koerenza ta' azzjonijiet ta' protezzjoni ċivili fil-livell internazzjonali.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni tal-kisba tal-objettivi previsti fil-paragrafu 1, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

TITOLU XXIV

KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 197

1.   L-implimentazzjoni effettiva tad-dritt ta' l-Unjoni mill-Istati Membri, li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb ta' l-Unjoni, għandha titqies bħala kwistjoni ta' interess komuni.

2.   L-Unjoni tista' tappoġġja l-isforzi ta' l-Istati Membri sabiex itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom fl-implimentazzjoni tad-dritt ta' l-Unjoni. Din l-azzjoni tista' tinkludi l-iffaċilitar ta' l-iskambju ta' informazzjoni u ta' impjegati fis-servizz ċivili kif ukoll l-appoġġ għal skemi ta' taħriġ. L-ebda Stat Membru m' għandu jkun marbut li jagħmel użu minn dan l-appoġġ. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri.

3.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri li jimplimentaw id-dritt ta' l-Unjoni kif ukoll għall-prerogattivi u d-dmirijiet tal-Kummissjoni. Għandu jkun wkoll mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati li jipprovdu għal koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri kif ukoll bejnhom u l-Unjoni.

IR-RABA' PARTI

L-ASSOĊJAZZJONI TA' PAJJIŻI U TERRITORJI EXTRA-EWROPEJ

Artikolu 198

(ex Artikolu 182 TKE)

L-Istati Membri jaqblu li jassoċjaw ma' l-Unjoni dawk il-pajjiżi u t-territorji mhux Ewropej u li għandhom relazzjonijiet speċjali mad-Danimarka, Franza, l-Olanda u r-Renju Unit. Dawn il-pajjiżi u territorji (hawn aktar ’l isfel imsejħa bħala “il-pajjizi u t-territorji”) huma elenkati fl-Anness II tat-Trattati.

L-għan ta’ din l-assoċjazzjoni huwa li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji, u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi viċini bejnhom u l-Unjoni kollha.

Konformement mal-prinċipji enunzjati fil-Preambolu ta’ dan it-Trattat, din l-assoċjazzjoni għandha, prinċipalment, tippermetti t-titjib ta' l-interessi u tal-prosperità ta' l-abitanti ta' dawn il-pajjizi u territorji sabiex twassalhom għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li għalih jaspiraw.

Artikolu 199

(ex Artikolu 183 TKE)

L-għanijiet ta’ l-assoċjazzjoni huma s-segwenti:

1)

Fil-kummerċ tagħhom mal-pajjiżi u t-territorji, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess kondizzjonijiet li jagħtu lil xulxin permezz tat-Trattati.

2)

Kull pajjiż jew territorju għandu japplika għall-kummerċ tiegħu ma’ l-Istati Membri u mal-pajjiżi jew territorji oħra l-istess kondizzjonijiet li japplika ma’ l-istat Ewropew li miegħu għandu relazzjonijiet speċjali.

3)

L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-investimenti meħtieġa għall-iżvilupp progressiv ta’ dawn il-pajjiżi u t-territorji.

4)

Fir-rigward ta’ investimenti iffinanzjati mill-Unjoni, il-parteċipazzjoni f’sejħiet għall-offerti u provvisti tkun miftuħa, b’mod indaqs, għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha, ċittadini ta’ l-Istati Membri jew tal-pajjiżi u t-territorji.

5)

Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi u t-territorji, id-dritt ta' l-istabbiliment taċ- ċittadini u kumpanniji għandu jiġi regolat skond id-dispożizzjonijiet, u bl-applikazzjoni tal-proċedura stipulata fil-Kapitolu li jittratta d-dritt ta' l-istabbiliment, u fuq bażi mhux diskriminatorja, mingħajr preġudizzju għall-miżuri speċjali meħuda taħt l-Artikolu 203.

Artikolu 200

(ex Artikolu 184 TKE)

1.   Id-dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet fl-Istati Membri ta' merkanzija li toriġina mill-pajjiżi u t-territorji għandhom jiġu projbiti f' konformita ma' l-projbizzjoni tad-dazji tad-dwana bejn l-istati Membri skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

2.   Dazji tad-dwana fuq il-merkanzija importata mill-Istati Membri u minn pajjiżi u territorji oħra mad-dħul f’xi wieħed mill-pajjiżi jew territorji għandhom jiġu projbiti skond id-dispozizzjonijiet ta’ l-Artikoli 30.

3.   Madankollu, il-pajjiżi u t-territorji jistgħu jiġbru dazji tad-dwana sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-iżvilupp u l-ħtiġijiet ta’ l-industrijalizzazzjoni tagħhom, jew dawk l-imposti, ta' karattru fiskali, maħsuba sabiex isostnu l-finanzi tagħhom.

Id-dazji msemmija fis-subparagrafu ta’ qabel dan, ma jistgħux jeċċedu il-livell ta’ dawk l-imposti fuq l-importazzjoni ta’ prodotti li ġejjin mill-Istat Membru li miegħu kull pajjiż jew territoru jkollu relazzjonijiet speċjali.

4.   Il-paragrafu 2 ma japplikax għall-pajjizi u t-territorji li, minħabba l-obbligi internazzjonali partikolari li jorbtuhom, ikunu qegħdin diġà japplikaw tariffa doganali mhux diskriminatorja.

5.   L-introduzzjoni jew l-emenda ta’ dazji imposti fuq merkanzija importata fil-pajjizi u t-territorji ma għandhomx, de jure jew de facto, iwasslu għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta bejn merkanzija importata li ġejja mid-diversi Stati Membri.

Artikolu 201

(ex Artikolu 185 TKE)

Jekk il-livell tad-dazji applikabbli fuq merkanzija li tkun ġejja minn pajjiż terz, mad-dħul f' pajjiż jew territorju, aktarx li, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 200(1), l-ewwel paragrafu, iġib devjazzjoni tal-kummerċ b'detriment ta' xi Stat Membru, dan ta' l-aħħar jista' jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi lil Stati Membri oħra sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

Artikolu 202

(ex Artikolu186 TKE)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fuq is-saħħa pubblika, is-sigurta' pubblika u l-ordni pubbliku, il-moviment liberu ta’ ħaddiema mill-pajjiżi u t-territorji fi Stati Membri, u tal-ħaddiema mill-Istati Membri fil-pajjiżi u t-territorji, għandu jiġi regolat b'atti adottati skond l-Artikolu 203.

Artikolu 203

(ex Artikolu 187 TKE)

Il-Kunsill, b' mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu, abbażi ta' l-esperjenza akkwistata taħt l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ma' l-Unjoni u tal-prinċipji stabbiliti fit-Trattati, jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar ir-regoli dettaljati u l-proċedura għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ma' l-Unjoni. Meta d-dispożizzjonijiet imsemmija jiġu adottati mill-Kunsill skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jiddeċiedi b'unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 204

(ex Artikolu 188 TKE)

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 198 sa 203 għandhom japplikaw għall-Groenlandja, suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Groenlandja stabbiliti fil-Protokoll dwar l-arranġamenti speċjali għall-Groenlandja, annessi mat-Trattati.

IL-ĦAMES PARTI

L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI

Artikolu 205

L-azzjoni ta' l-Unjoni fix-xena internazzjonali, skond din il-parti, għandha tkun gwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li tikseb l-għanijiet u għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

TITOLU II

IL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Artikolu 206

(ex Artikolu 131 TKE)

Permezz ta' l-istabbiliment ta' unjoni doganali skond l-Artikoli 28 sa 32, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi, fl-interess komuni, għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, għall-abolizzjoni progressiva ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll għat-tnaqqis ta' l-ostakoli doganali u ta' xort' oħra.

Artikolu 207

(ex Artikolu 133 TKE)

1.   Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta' bidliet fir-rati tariffarji, il-konklużjoni ta' ftehim tariffarji u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta' merkanzija u ta' servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba ta' l-uniformità fil-miżuri ta' liberalizzazzjoni, il-politika dwar l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta' dumping jew sussidji. Il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

3.   Fejn ikun meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu japplika l-Artikolu 218 suġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tressaq rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizzaha sabiex tiftaħ in-negozjati meħtieġa. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli sabiex jassiguraw li l-ftehim negozjati jkunu kompatibbli mal-politika u r-regoli interni ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn in-negozjati b'konsultazzjoni ma' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill sabiex jgħin lill-Kummissjoni f'din il-ħidma u fil-qafas ta' direttivi li l-Kunsill jista' jindirizza lilha. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, dwar il-progress tan-negozjati.

4.   Għan-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim previst fil-paragrafu 3, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Għan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim fl-oqsma tal-kummerċ fis-servizzi u ta' l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll ta' l-investiment barrani dirett, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fejn tali ftehim jinkludu dispożizzjonijiet li għalihom tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' regoli interni.

Il-Kunsill għandu wkoll jaġixxi b'mod unanimu għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' ftehim:

a)

fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi kulturali u awdjoviżivi, fejn hemm ir-riskju li dawn il-ftehim jippreġudikaw id-diversità kulturali u lingwistika ta' l-Unjoni;

b)

fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi soċjali, ta' l-edukazzjoni u tas-saħħa, fejn hemm ir-riskju li dawn il-ftehim jikkawżaw disturb serju għall-organizzazzjoni nazzjonali ta' dawn is-servizzi u jippreġudikaw ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fil-provvista ta' tali servizzi.

5.   In-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom ikunu suġġetti għat-Titolu VI tat-Tielet Parti u għall-Artikolu 218.

6.   L-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija minn dan l-Artikolu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni m'għandux jolqot id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u m'għandux iwassal għal armonizzazzjoni tal-liġijiet jew regolamenti ta' l-Istati Membri safejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni.

TITOLU III

IL-KOPERAZZJONI MAL-PAJJIŻI TERZI U L-GĦAJNUNA UMANITARJA

KAPITOLU I

IL-KOPERAZZJONI FL-IŻVILUPP

Artikolu 208

(ex Artikolu 177 TKE)

1.   Il-politika ta' l-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp għandha titwettaq fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Il-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

L-objettiv prinċipali tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jonoraw l-impenji tagħhom u jieħdu in konsiderazzjoni l-għanijiet li jkunu approvaw fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra kompetenti.

Artikolu 209

(ex Artikolu 179 TKE)

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, li jistgħu jinvolvu programmi ta' koperazzjoni pluriennali ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew programmi b' approċċ tematiku.

2.   L-Unjoni tista' tikkonkludi kwalunkwe ftehim, ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, li jgħin sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 208 ta' dan it-Trattat.

L-ewwel subparagrafu ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'sedi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim.

3.   Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jikkontribwixxi, skond kif provdut fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 210

(ex Artikolu 180 TKE)

1.   Sabiex tippromwovi l-komplementarità u l-effikaċja ta' l-azzjoni tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-linji ta' politika tagħhom dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp u għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-programmi tagħhom ta’ għajnuna, ukoll fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u f'konferenzi internazzjonali. Huma jistgħu jieħdu azzjoni konġunta. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna ta' l-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 211

(ex Artikolu 181 TKE)

Fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.

KAPITOLU 2

KOPERAZZJONI EKONOMIKA, FINANZJARJA U TEKNIKA MA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 212

(ex Artikolu 181 A TKE)

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, u b'mod partikolari dawk ta' l-Artikoli 208 sa 211, l-Unjoni għandha twettaq azzjonijiet ta' koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika, inkluża għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja, ma' pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn il-miżuri għandhom ikunu koerenti mal-politika għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u għandhom jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna tagħha. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3.   Fil-kwadru tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. Il-modalitajiet ta’ koperazzjoni ta' l-Unjoni jistgħu jkunu l-oġġett ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi involuti.

L-ewwel subparagrafu ma jippregudikax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jinnegozjaw f’sedi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.

Artikolu 213

Meta s-sitwazzjoni f'pajjiż terz teħtieġ għajnuna finanzjarja urġenti mill-Unjoni, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa fuq proposta tal-Kummissjoni.

KAPITOLU 3

L-GĦAJNUNA UMANITARJA

Artikolu 214

1.   L-azzjonijiet ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-għajnuna umanitarja għandhom jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu maħsuba sabiex jipprovdu assistenza u għajnuna mingħajr dewmien għal popolazzjonijiet f'pajjiżi terzi li jkunu vittma ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, u sabiex jipproteġuhom, sabiex jaffrontaw il-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn is-sitwazzjonijiet differenti. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

2.   L-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja għandhom jitwettqu skond il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' l-imparzjalità, in-newtralità u n-non diskriminazzjoni.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas li fih għandhom jiġu implimentati l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni.

4.   L-Unjoni tista' tikkonkludi kwalunkwe ftehim, ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, li jgħin sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

L-ewwel subparagrafu ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'sedi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim.

5.   Sabiex jiġi stabbilit qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni, għandu jkun stabbilit Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament ta' dan il-korp.

6.   Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet ta' l-Unjoni u dawk ta' l-Istati Membri, sabiex issaħħaħ l-effiċjenza u l-komplementarità tal-miżuri ta' għajnuna umanitarja ta' l-Unjoni u dawk nazzjonali.

7.   L-Unjoni għandha tassigura li l-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tagħha jkunu koordinati u koerenti ma' dawk ta' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

TITOLU IV

IL-MIŻURI RESTRITTIVI

Artikolu 215

(ex Artikolu 301 TKE)

1.   Meta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma' pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta' l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta' sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Għandu jinforma b'dan lill-Parlament Ewropew.

2.   Meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista' jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.

3.   L-atti previsti f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali.

TITOLU V

FTEHIM INTERNAZZJONALI

Artikolu 216

1.   L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali meta t-Trattati jipprovdu għal danjew meta l-konklużjoni ta' ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta' l-Unjoni, wieħed mill- objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f'att ta' l-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x'aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom.

2.   Ftehim konkluż mill-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u lill-Istati Membri.

Artikolu 217

(ex Artikolu 310 TKE)

L-Unjoni tista' tikkonkludi ma' pajjiż terz wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali ftehim li jistabbilixxu assoċjazzjoni li ġġib magħha drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali.

Artikolu 218

(ex Artikolu 300 TKE)

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

2.   Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta' negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta' ftehim u jikkonkludihom.

3.   Meta l-ftehim in kwistjoni jikkonċerna esklużivament jew prinċipalment il-politika estera u ta' sigurtà komuni, il-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina, skond is-suġġett tal-ftehim previst, in-negozjatur ta' l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta' negozjaturi ta' l-Unjoni.

4.   Il-Kunsill jista' jindirizza direttivi lin-negozjatur u jista' jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru f' konsultazzjoni ma' dan il-kumitat.

5.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.

6.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

Minbarra meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-politika estera u ta' sigurtà komuni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:

a)

wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

i)

ftehim ta' assoċjazzjoni;

ii)

ftehim dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

iii)

ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz ta' l-organizzazzjoni ta' proċeduri ta' koperazzjoni;

iv)

ftehim b'implikazzjonijiet baġitarji importanti għall-Unjoni;

v)

ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

F'każ ta' urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiftiehmu fuq limitu ta' żmien għall-approvazzjoni.

b)

wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-każijiet l-oħra. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f'limitu ta' żmien li l-Kunsill jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. Fin-nuqqas ta' opinjoni f'dak il-limitu ta' żmien, il-Kunsill jista' jaġixxi.

7.   Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista', b'deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9, jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova f' isem l-Unjoni emendi għall-ftehim meta dan jipprovdi li dawn l-emendi għandhom jiġu adottati skond proċedura simplifikata jew minn korp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista' jorbot kondizzjonijiet speċifiċi ma' din l-awtorizzazzjoni.

8.   Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha.

Mandankollu, għandu jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unamità għall-adozzjoni ta' att ta' l-Unjoni kif ukoll għal ftehim ta' assoċjazzjoni u l-ftehim previsti fl-Artikolu 212 ma' l-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi wkoll b'mod unanimu għall-ftehim ta' adeżjoni ta' l-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali; id-deċiżjoni li tikkonkludi dan il-ftehim tidħol fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

9.   Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta' Politika ta' Sigurtà għandu jadotta deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni ta' ftehim u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f' isem l-Unjoni f' sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

10.   Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.

11.   Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati. Meta l-opinjoni tal-Qorti tkun kuntrarja, il-ftehim maħsub ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew it-Trattati ma jiġux riveduti.

Artikolu 219

(ex Artikolu 111 (1) sa (3) u (5), TKE)

1.   B' deroga mill-Artikolu 218, il-Kunsill, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, inkella fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew bil-ħsieb li jilħaq konsensus kompatibbli ma' l-objettiv ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, jista' jikkonkludi ftehim formali dwar sistema ta' rati tal-kambju għall-euro fir-rigward tal-valuti ta' Stati terzi. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u skond il-proċedura prevista fil-paragrafu 3.

Il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew jew inkella fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew bil-ħsieb li jilħaq konsensus konformement ma' l-għan ta’ l-istabbiltà fil-prezzijiet, jista' jadotta, jaġġusta jew jabbanduna r-rati ċentrali ta’ l-euro fis-sistema ta' rata ta' kambju. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bl-adozzjoni, l-aġġustament jew l-abbandun tar-rati ċentrali ta’ l-euro.

2.   Meta ma jkunx hemm sistema ta' rata ta' kambju in relazzjoni ma' munita waħda jew aktar ta' Stati terzi kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew, jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew, jista’ jifformula orjentazzjonijiet ġenerali għall-politika ta’ rata ta’ kambju ma' dawn il-muniti. Dawn l-orjentazzjonijiet ġenerali m'għandhomx jippreġudikaw l-għan primarju tas-SEBĊ li tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet.

3.   B' deroga mill-Artikolu 218, fejn ikun hemm il-bżonn li xi ftehim rigward kwistjonijiet monetari jew tas-sistema ta’ kambju jiġi negozjat mill-Unjoni ma' xi Stat jew Stati terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti għan-negozjati u l-konkluzjoni ta' dan il-ftehim. Dawn l-arranġamenti għandhom jassiguraw li l-Unjoni tesprimi pożizzjoni unika. Il-Kummissjoni għandha tkun għal kollox assoċjata ma' dawn in-negozjati.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Unjoni u għal kull ftehim ta' l-Unjoni dwar l-unjoni ekonomika u monetarja, Stati Membri jistgħu jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u jikkonkludu ftehim internazzjonali.

TITOLU VI

RELAZZJONIJIET TA' L-UNJONI MA' L-ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI U L-PAJJIŻI TERZI U DELEGAZZJONIJIET TA' L-UNJONI

Artikolu 220

(ex Artikoli 302 sa 304 TKE)

1.   L-Unjoni għandha tistabbilixxi l-forom kollha xierqa ta' koperazzjoni ma' l-organi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet speċjalizzati tagħha, mal-Kunsill ta' l-Ewropa, ma' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u ma' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku.

L-Unjoni għandha wkoll iżżomm dawk ir-relazzjonijiet li jkunu opportuni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

2.   Ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 221

1.   Id-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni f'pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jirrappreżentaw l-Unjoni.

2.   Id-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom jitqiegħdu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Dawn għandhom jaġixxu f'koperazzjoni stretta mal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari ta' l-Istati Membri.

TITOLU VII

KLAWŻOLA TA' SOLIDARJETÀ

Artikolu 222

1.   L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta' solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem. L-Unjoni għandha tuża l-istrumenti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi r-riżorsi militari magħmula disponibbli mill-Istati Membri, sabiex:

a)

tipprevjeni t-theddida tat-terroriżmu fit-territorju ta' l-Istati Membri,

tipproteġi l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-popolazzjoni ċivili minn kwalunkwe attakk terroristiku,

tipprovdi assistenza lil xi Stat Membru fit-territorju tiegħu fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu f'każ ta' attakk terroristiku;

b)

tipprovdi assistenza lil Stat Membru fit-territorju tiegħu, fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu, f'każ ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem.

2.   Jekk Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta' diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem, l-Istati Membri l-oħra għandhom jgħinuh fuq talba ta' l-awtoritajiet politiċi tiegħu. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw bejniethom fil-Kunsill.

3.   L-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni ta' din il-klawżola ta' solidarjetà għandhom ikunu definiti permezz ta' deċiżjoni adottata mill-Kunsill, fuq proposta konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Meta din id-deċiżjoni jkollha implikazzjonijiet ta' difiża l-Kunsill għandu jaġixxi skond l-Artikolu 31(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat.

Fil-kuntest ta' dan il-paragrafu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, il-Kunsill għandu jiġi assistit mill-Kumitat tal-Politika u tas-Sigurtà bl-appoġġ ta' l-istrutturi żviluppati fil-kuntest tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u mill-Kumitat previst fl-Artikolu 71, biż-żewġ kumitati jippreżentaw opinjonijiet konġunti fejn ikun il-każ.

4.   Il-Kunsill Ewropew għandu jivvaluta regolarment it-theddid kontra l-Unjoni sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva.

IS-SITT PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET

KAPITOLU 1

L-ISTITUZZJONIJIET

TAQSIMA 1

IL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 223

(ex Artikolu 190(4) sa (5), TKE)

1.   Il-Parlament Ewropew għandu jħejji proposta bil-ħsieb li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex il-membri tiegħu jiġu eletti b'vot dirett universali skond il-poċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.

Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu għandu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

2.   Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi permezz ta' regolament fuq inizjattiva tiegħu stess skond il-proċedura leġislattiva speċjali, wara li jkun talab l-opinjoni tal-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-Kunsill għandu jifformula r-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-eserċizzju tal-funzjonijiet tad-doveri tal-Membri tiegħu. Ir-regoli u l-kondizzzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tassazzjoni tal-Membri jew tal-Membri ta’ qabel ikunu jeħtieġu l-unanimità fil-Kunsill.

Artikolu 224

(ex Artikolu 191, it-tieni subparagrafu, TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu, permezz ta' Regolament, ir-regoli li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew imsemmija fl-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom.

Artikolu 225

(ex Artikolu 192, it-tieni subparagrafu, TKE)

Il-Parlament Ewropew jista’, b’maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tissottemetti proposti adegwati fuq dawk il-kwistjonijiet li dwarhom ikun iqis li hu neċessarju li jsir att ta' l-Unjoni sabiex jiġu implimentata t-Trattati. Jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-raġunijiet.

Artikolu 226

(ex Artikolu 193 TKE)

Fil-qadi ta’ dmirijietu, l-Parlament Ewropew jista’, fuq talba ta’ kwart tal-Membri komponenti tiegħu, jistabbilixxi Kumitat ta’ Inkjesta temporanju sabiex jinvestiga, mingħajr preġudizzju għall-poteri mogħtija fit-Trattati, allegazzjonijiet ta’ ksur tal-liġi jew ta’ amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni ħlief meta l-fatti allegati jkunu qed jiġu eżaminati minn xi Qorti u sakemm il-każ ikun għadu suġġett għall-proċeduri legali.

L-eżistenza tal-Kumitat ta' Inkjesta temporanju għandha tintemm mal-preżentazzjoni tar-rapport tiegħu.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta għandhom jiġu stabbiliti mill-Parlament Ewropew, li jaġixxi permezz ta' regolament fuq inizjattiva tiegħu stess skond il-proċedura leġislattiva speċjali, wara l-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Artikolu 227

(ex Artikolu 194 TKE)

Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollhom d-dritt li tippreżenta petizzjoni, individwalment jew flimkien ma’ ċittadini jew persuni oħra, lill-Parlament Ewropew dwar kull suġġett li jaqa’ fl-isfera ta’ attività ta' l-Unjoni u li tkun tolqothom direttament.

Artikolu 228

(ex Artikolu 195 TKE)

1.   Ombudsman Ewropew, elett mill-Parlament Ewropew, għandu s-setgħa li jilqa' l-ilmenti ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni jew ta' kull persuna, kemm fiżika kif ukoll ġuridika li toqgħod jew ikollha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, li jinvolvu każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. Huwa għandu jinvestiga dawn l-ilmenti u jirrapporta dwarhom.

Konformement mal-missjoni tiegħu, l-Ombudsman għandu jagħmel stħarriġ li jaħseb li jkun ġustifikat, sew fuq inizjattiva tiegħu stess sew abbażi ta' ilmenti li jaslu direttament għandu jew permezz ta’ xi membru tal-Parlament Ewropew, ħlief meta l-fatti allegati mressqa jkunu jew kienu suġġetti għal proċeduri legali. Meta l-Ombudsman jistabbilixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, għandu jirriferi l-każ lill-istituzzjoni, korp jew organu interessat, li għandu jkollu perjodu ta’ tlett xhur sabiex jinformah bir-raġunijiet tiegħu. L-Ombudsman għandu imbagħad iressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill- istituzzjoni, korp jew organu interessat. Il-persuna li tkun ressqet l-ilment, għandha tiġi informata bir-riżultat ta’ dak l-istħarriġ.

L-Ombudsman għandu jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew fuq l-eżitu ta’ kull stħarriġ li jagħmel.

2.   L-Ombudsman għandu jiġi elett wara kull elezzjoni tal-Parlament Ewropew għat-tul tal-leġislatura tiegħu. L-Ombudsman jista’ jerga’ jinħatar.

L-Ombudsman jista’ jitneħħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament Ewropew jekk ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet mitluba għall-qadi ta’ dmirijietu jew jekk ikun ħati ta’ mġiba serjament ħażina.

3.   L-Ombudsman għandu jkun indipendenti għal kollox fil-qadi ta’ dmirijietu. Fil-qadi ta’ dawk id-dmirijiet, huwa m’għandu la jitlob u lanqas jieħu istruzzjonijiet mingħand l-ebda gvern, istituzzjoni, korp jew organu. L-Ombudsman ma jistax, sakemm idum fil-kariga, jinvolvi ruħu f’attivita professjonali oħra, kemm jekk bi qligħ kif ukoll mingħajr.

4.   Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi permezz ta' regolament fuq inizjattiva tiegħu stess skond il-proċedura leġislattiva speċjali, wara li jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-Kunsill għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’ l-Ombudsman.

Artikolu 229

(ex Artikolu 196 TKE)

Il-Parlament Ewropew għandu jżomm sessjoni annwali. Għandu jiltaqa’ awtomatikament fit-tieni nhar ta’ Tlieta ta’ Ottubru.

Fuq talba tal-maġġoranza tal-Membri komponenti tiegħu, jew fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew jista’ jiltaqa’ f'perijodu ta' sessjoni straordinarja.

Artikolu 230

(ex Artikolu 197, it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafu, TKE)

Il-Kummissjoni tista' tattendi għal-laqgħat kollha u għandha tinstema' fuq talba tagħha.

Il-Kummissjoni għandha twieġeb oralment jew bil-miktub il-mistoqsijiet magħmulha lilha mill-Parlament Ewropew jew mill-membri tiegħu.

Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għandhom jinstemgħu mill-Parlament Ewropew skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Ewropew u f'dawk tal-Kunsill.

Artikolu 231

(ex Artikolu 198 TKE)

Ħlief fejn provdut xort’oħra fit-Trattati, il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-voti espressi.

In-numru għal quorum għandu jiġi stipulat fir-regoli ta' proċedura.

Artikolu 232

(ex Artikolu 199 TKE)

Il-Parlament Ewropew għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu b’vot tal-maġġoranza tal-membri tiegħu.

L-atti tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu pubblikati skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tar-regoli ta' proċedura.

Artikolu 233

(ex Artikolu 200 TKE)

Il-Parlament Ewropew għandu jiddiskuti f'seduta pubblika r-rapport ġenerali annwali preżentat lilu mill-Kummissjoni.

Artikolu 234

(ex Artikolu 201 TKE)

Jekk mozzjoni ta’ ċensura fuq l-operat tal-Kummissjoni tiġi ppreżentata fil-Parlament Ewropew, il-vot dwarha jista' jittieħed biss wara terminu ta' mhux anqas minn tlett ijiem mill-preżentata tal-mozzjoni u biss b’vot miftuħ.

Jekk il-mozzjoni ta' ċensura tiġi adottata b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament Ewropew, il-membri tal-Kummissjoni għandhom jirriżenjaw kollettivament mill-kariga tagħhom u r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jirreżenja mill-kariga li jaqdi fil-Kummissjoni. Huma għandhom jibqgħu fil-kariga u jkomplu jwettqu x-xogħol kurrenti tagħhom sakemm jiġu sostitwiti skond l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'dan il-każ, il-mandat tal-membri tal-Kummissjoni maħtura sabiex jissostitwuhom għandu jiskadi fid-data li kellu jiskadi l-mandat tal-membri tal-Kummissjoni li kienu obbligati jirriżenjaw kollettivament.

TAQSIMA 2

IL-KUNSILL EWROPEW

Artikolu 235

1.   Meta jittieħed vot, kull membru tal-Kunsill Ewropew jista' wkoll jaġixxi f' isem membru ieħor biss.

L-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 238(2) ta' dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-Kunsill Ewropew meta jkun qed jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Meta l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi permezz ta' vot, il-President tiegħu u l-President tal-Kummissjoni m'għandhomx jieħdu sehem fil-vot.

L-astensjoni ta' minn membri preżenti jew rappreżentati m'għandiex iżomm l-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' atti li jeħtieġu l-unanimità.

2.   Il-President tal-Parlament Ewropew jista' jiġi mistieden sabiex jinstema' mill-Kunsill Ewropew.

3.   Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u għall-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

4.   Il-Kunsill Ewropew għandu jkun assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 236

Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'maġġoranza kwalifikata:

a)

deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista tal-formazzjonijiet tal-Kunsill minbarra dawk ta' l-affarijiet ġenerali u ta' l-affarijiet barranin, skond l-Artikolu 16(6), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

b)

deċiżjoni dwar il-Presidenza tal-formazzjonijiet tal-Kunsill minbarra dik ta' l-affarijiet barranin, skond l-Artikolu 16(9), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

TAQSIMA 3

IL-KUNSILL

Artikolu 237

(ex Artikolu 204 TKE)

Il-Kunsill għandu jiltaqa’ meta jiġi msejjaħ mill-President tiegħu fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni.

Artikolu 238

(ex Artikolu 205 (1) sa (2), TKE)

1.   Meta jkun meħtieġ jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

2.   B'deroga mill-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mill-1 ta' Novembru 2014 u suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni.

3.   Mill-1 ta' Novembru 2014, u suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, fil-każijiet fejn, skond it-Trattati, mhux il-membri kollha tal-Kunsill jieħdu sehem fil-vot, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita kif ġej:

a)

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

b)

b'deroga minn a), meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

4.   L-astensjonijiet minn membri sew jekk presenti personalment sew jekk rappreżentati ma għandhomx jimpedixxu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill li jeħtieġu unanimità.

Artikolu 239

(ex Artikolu 206 TKE)

Meta jittieħed vot, kull membru tal-Kunsill jista’ jaġixxi bħala prokuratur għal mhux iżjed minn membru wieħed ieħor.

Artikolu 240

(ex Artikolu 207 TKE)

1.   Kumitat li jikkonsisti mir-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandu jkun responsabbli għall-preparazzjoni tal-ħidma tal-Kunsill u sabiex iwettaq il-kompiti mogħtija lilu minn dan ta' l-aħħar. Il-Kumitat jista' jadotta deċiżjonijiet ta' proċedura fil-każijiet previsti fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.

2.   Il-Kunsill għandu jkun assistit minn Segretarjat Ġenerali, taħt ir-responsabbiltà ta' Segretarju Ġenerali maħtur mill-Kunsill.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali b'maġġoranza sempliċi.

3.   Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u għall-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 241

(ex Artikolu 208 TKE)

Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel l-istudji kollha li l-Kunsill jikkunsidra mixtieqa bl-għan li jinkisbu l-għanjiet komuni, u sabiex jippreżenta quddiemha kull proposta xierqa. Jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Kunsill bir-raġunijiet.

Artikolu 242

(ex Artikolu 209 TKE)

Wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, għandu jippreskrivi r-regoli li jirregolaw il-Kumitati previsti fit-Trattati.

Artikolu 243

(ex Artikolu 210 TKE)

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi s-salarji, l-allowances u l-pensjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew, tal-President tal-Kummissjoni, tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-membri tal-Kummissjoni, tal-Presidenti, il-membri u r-Reġistraturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, u tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill. Għandu jistabbilixxi wkoll kwalunkwe ħlas li għandu jsir minflok remunerazzjoni.

TAQSIMA 4

IL-KUMMISSJONI

Artikolu 244

Skond l-Artikolu 17(5), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu skond sistema ta' rotazzjoni stabbilita b'mod unanimu mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

a)

l-Istati Membri għandhom jiġu trattati b'ugwaljanza stretta fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sekwenza, u taż-żmien fil-kariga, taċ-ċittadini tagħhom bħala membri tal-Kummissjoni; għaldaqstant, id-differenza bejn l-għadd totali ta' mandati ta' ċittadini ta' kwalunkwe żewġ Stati Membri partikolari qatt ma tista' tkun ta' aktar minn wieħed;

b)

mingħajr preġudizzju għall-punt (a), kull Kummissjoni suċċessiva għandha tkun komposta b'tali mod li tirrifletti b'mod sodisfaċenti l-firxa demografika u ġeografika ta' l-Istati Membri kollha.

Artikolu 245

(ex Artikolu 213 TKE)

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli man-natura ta' dmirijiethom. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-indipendenza tagħhom u m'għandhomx ifittxu li jinfluenzawhom fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

Il-Membri tal-Kummissjoni ma jistgħux, sakemm idumu fil-kariga, jeżerċitaw xi professjoni oħra, kemm bi jew bla qligħ. Meta jidħlu fil-kariga tagħhom, huma jridu jorbtu rwieħhom b’mod solenni li, kemm waqt il-kariga, kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, huma jirrispettaw l-obligazzjonijiet li joħorġu minnha b’mod speċjali id-dmir tagħhom li jġibu rwieħhom b’integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji. F’każ ta’ xi ksur ta' dawn l-obligazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq talba tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jew tal-Kummissjoni, jiddikjara lill-membru involut bħala irtirat mill-funzjoni tiegħu skond l-Artikolu 247 jew jiddikjara revokat id-dritt tiegħu għall-pensjoni jew xi benefiċċju ieħor, skond iċ-ċirkostanzi.

Artikolu 246

(ex Artikolu 215 TKE)

Barra minn b’tiġdid regolari, jew bil-mewt, il-funzjonijiet ta’ Membru tal-Kummissjoni jintemmu individwalment meta dan jirriżenja minn jeddu jew għax imġiegħel.

Post battal ikkawżat b'riżenja, b'irtirar obbligatorju jew b'mewt għandu jimtela għall-bqija tal-mandat tal-membru minn membru ġdid ta' l-istess nazzjonalità maħtur mill-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u skond il-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-President tal-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li dan il-post battal m'hemmx bżonn li jimtela, b'mod partikolari meta ż-żmien li jkun fadal għall-mandat tal-Membru tal-Kummissjoni jkun qasir.

F’każ ta’ riżenja, voluntarja jew imġiegħla, jew f’każ ta’ mewt tal-President, huwa għandu jiġi sostitwit għall-bqija taż-żmien tal-kariga tiegħu. Il-proċedura stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandha tkun applikabbli għas-sostituzzjoni tal-President.

Fil-każ ta' riżenja volontarja, irtirar obbligatorju jew mewt, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jiġi ssostitwit, għall-bqija tal-mandat tiegħu, skond l-Artikolu 18(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Fil-każ tar-riżenja volontarja tal-Membri kollha tal-Kummissjoni, dawn għandhom jibqgħu fil-kariga u jkomplu jwettqu x-xogħol kurrenti tagħhom sakemm jiġu ssostitwiti, għall-bqija tal-mandat li jkun fadal, skond l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Artikolu 247

(ex Artikolu 216 TKE)

Jekk xi membru tal-Kummissjoni ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet mitluba għall-qadi ta’ dmirijietu jew ikun ħati ta’ mġiba serjament ħażina, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq talba tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jew tal-Kummissjoni, tiddikjarah irtirat.

Artikolu 248

(ex Artikolu 217(2), TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(4), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu organizzati u mqassma fost il-membri tagħha mill-President tagħha, skond l-Artikolu 17(6), ta' dan it-Trattat. Il-President jista’ jqalleb l-allokazzjoni ta’ dawk ir-responsabbiltajiet matul iż-żmien li l-Kummissjoni tkun fil-kariga. Il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom mill-President taħt l-awtorità tiegħu.

Artikolu 249

(ex Artikolu 218(2), u 212 TKE)

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha sabiex tiżgura li kemm hi u kemm id-dipartiment tagħha joperaw. Għandha tiżgura li dawn ir-regoli jiġu ppubblikati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika ta' kull sena, mhux aktar tard minn xahar qabel il-ftuħ tas-sessjoni tal-Parlament Ewropew, rapport ġenerali fuq l-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Artikolu 250

(ex Artikolu 219 TKE)

Il-Kummissjoni għandha taġixxi b’maġġoranza tal-Membri tagħha.

Ir-Regoli ta' Proċedura tagħha għandhom jiddeterminaw il-quorum.

TAQSIMA 5

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 251

(ex Artikolu 221 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja iżżomm is-seduti tagħha f’awli jew f' Awla Manja, skond ir-regoli stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Meta jkun hekk provdut fl-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiltaqa’ wkoll f’seduta plenarja.

Artikolu 252

(ex Artikolu 222 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tkun assistita minn tmien Avukati Ġenerali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hekk titlob, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’unanimità, jista jżid in-numru ta’ l-Avukati Ġenerali.

L-Avukat Generali għandu d-dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalita u b’indipendenza sħiha jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skond l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu.

Artikolu 253

(ex Artikolu 223 TKE)

L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu magħżula minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li għandhom il-kwalifiki kollha meħtieġa sabiex fil-pajjiżi rispettivi tagħhom jeżerċitaw l-ogħla funzjonijiet ġudizzjarji, jew li huma ġurikonsulti ta’ kompetenza magħrufa, jiġu maħturin bi qbil komuni għal sitt snin mill-gvernijiet ta l-Istati Membri, wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst bl-Artikolu 255.

Kull tliet snin jiġi magħmul tibdil parzjali ta’ l-Imħallfin u ta’ l-Avukati Ġenerali, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Imħallfin jaħtru minn fosthom il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għal tliet snin. Jista’ jarġa’ jinħatar.

L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali li jirtiraw jistgħu jerġgħu jinħatru.

Il-Qorti tal-Ġustizzja taħtar ir-Reġistratur tagħha u tippreskrivi r-regoli tas-servizz tiegħu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tagħha. Dawn ir-regoli jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Artikolu 254

(ex Artikolu 224 TKE)

In-numru ta’ l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali jiġi stabbilit mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. L-Istatut jista’ jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun assistita minn Avukati Ġenerali.

Il-membri tal-Qorti Ġenerali jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura. Dawn jiġu maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri għal sitt snin, wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst bl-Artikolu 255. Il-kompożizzjoni tal-Qorti tiġġedded parżjalment kull tliet snin. Il-membri li jirtiraw ikunu eliġibbli sabiex jerġgħu jinħatru.

L-Imħallfin jaħtru l-President tal-Qorti Ġenerali minn fosthom għal perjodu ta’ tliet snin. Dan jista’ jerġa’ jinħatar.

Il-Qorti Ġenerali taħtar ir-Reġistratur tagħha u tippreskrivi r-regoli tas-servizz tiegħu.

Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi r-regoli tal-Proċedura tagħha bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regoli jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Sakemm l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ma jipprovdix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu mal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw għall-Qorti Ġenerali.

Artikolu 255

Għandu jiġi stabbilit kumitat sabiex jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex jaqdu d-dmirijiet ta' Imħallef u ta' Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali qabel ma l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jagħmlu l-ħatriet skond l-Artikoli 253 u 254.

Il-kumitat għandu jinkludi seba' persuni magħżula minn fost membri preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, membri ta' qrati supremi nazzjonali u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta, li wieħed minnhom għandu jiġi propost mill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli ta' ħidma ta' dan il-kumitat, kif ukoll deċiżjoni għall-ħatra tal-membri tiegħu. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq l-inizjattiva tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja

Artikolu 256

(ex Artikolu 225 TKE)

1.   Il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 263, 265, 268, 270 u 272, bl-eċċezzjoni ta’ dawk assenjati lil qorti speċjalizzata stabbilita taħt l-Artikolu 257 u ta' dawk li l-Istatut jirriserva għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istatut jista’ jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun kompetenti għal kategoriji oħra ta’ rikorsi.

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali skond dan il-paragrafu jistgħu ikunu suġġetti għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja limitatament għal punti ta’ dritt, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut.

2.   Il-Qorti Ġenerali hija kompetenti tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi magħmula kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati speċjalizzati.

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali skond dan il-paragrafu jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut, fejn ikun hemm periklu serju li l-unità jew il-koerenza tal-liġi ta' l-Unjoni tiġi mittiefsa.

3.   Il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 267, f’oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut.

Meta l-Qorti Ġenerali tkun jidhrilha li l-kawża teħtieg deċiżjoni li tista’ tikkomprometti l-unità jew il-koerenza tal-liġi ta' l-Unjoni, tista’ tibgħat il-kawza għal deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti fl-Istatut, fejn hemm periklu serju għall-unita jew għall-koerenza tal-liġi ta' l-Unjoni.

Artikolu 257

(ex Artikolu 225A TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu qrati speċjalizzati annessi mal-Qorti Ġenerali, sabiex jieħdu konjizzjoni fil-Prim' Istanza ta' ċerti kategoriji ta' rikorsi f'oqsma speċifiċi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu permezz ta' regolament jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Ir-Regolament li jistabbilixxi qorti speċjalizzata jistabbilixxi r-regoli dwar il-kompożizzjoni ta' din il-qorti u safejn għandha tasal il-kompetenza tagħha.

Id-deċiżjonijiet tal-qrati speċjalizzati jistgħu jkunu suġġetti għall-appell fuq punti ta’ dritt biss, jew meta jkun hekk provdut fir-regolament li jistabbilixxi l-qorti speċjalizzata ukoll fuq kwistjonijiet ta’ fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali.

Il-membri tal-qrati speċjalizzati jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jippossedu l-kapaċità meħtieġa sabiex jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji. Jiġu maħtura mill-Kunsill waqt li jaġixxi unanimament.

L-qrati speċjalizzati jistabbilixxu r-Regoli ta’ Proċedura tagħhom bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regoli jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Sakemm ir-Regolament li jistabbilixxi l-qorti speċjalizzata ma jipprovdix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu mal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea u d-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea japplikaw għall-qrati speċjalizzati. It-Titolu I ta' l-Istatut u l-Artikolu 64 tiegħu għandhom japplikaw fi kwalunkwe każ għall-qrati speċjalizzati.

Artikolu 258

(ex Artikolu 226 TKE)

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond dan it-Trattat, hija għandha toħroġ opinjoni motivata dwar il-materja wara li tagħti lill-Istat interessat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

Jekk l-Istat in kwistjoni ma jikkonformax ruħu ma’ dik l-opinjoni fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar tista’ ġġib il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 259

(ex Artikolu 227 TKE)

Kull Stat Membru li jikkunsidra li Stat Membru ieħor ikun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond it-Trattati jista’ jġib il-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Qabel Stat Membru jibda, kontra Stat Membru ieħor, proċeduri dwar l-allegata vjolazzjoni allegata ta’ l-obbligi li jinkombu lil dak l-Istat Membru l-ieħor bis-saħħa tat-Trattati, għandu jġib il-materja quddiem il-Kummissjoni.

Il-Kummisjoni għandha toħroġ opinjoni motivita wara li l-Istati interessati jkunu ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-risposti għal dawn, kemm verbalment kemm bil-kitba.

Jekk il-Kummissjoni ma tkunx ħarġet din l-opinjoni fi żmien tlett xhur mid-data tat-talbiet, l-assenza tad-dikjarazzjoni tagħha ma timpedix milli l-materja tinġieb quddiem il-Qorti.

Artikolu 260

(ex Artikolu 228 TKE)

1.   Jekk lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ssib li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligazzjoni taħt it-Trattati, l-Istat ikun marbut li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimxi mas-sentenza tal-Qorti.

2.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri li jikkonsistu fl-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti, din tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti wara li tagħti lil dak l-Istat l-opportunità li jippreżenta l-oservazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li għandu jħallas l-Istat Membru konċernat li hi tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkostanzi.

Jekk lill-Qorti jirriżultalha li l-Istat Membru involut ma jkunx mexa skond is-sentenza tagħha, din tista' timponi fuqu l-ħlas ta’ somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta’ penali.

Din il-proċedura ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 259.

3.   Meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 258, fuq il-bażi li l-Istat Membru konċernat ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva, din tista', meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li għandu jħallas l-Istat Membru konċernat u li hi tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkostanzi.

Jekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta' liġi tista' timponi l-ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha.

Artikolu 261

(ex Artikolu 229 TKE)

Ir-Regolamenti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien, u mill-Kunsill, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, jistgħu jagħtu kompetenza assoluta lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea rigward is-sanzjonijiet li jkunu previsti f'dawn ir-regolamenti.

Artikolu 262

(ex Artikolu 229A TKE)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu, skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament ewropew, jista’ jadotta dispożizzjonijiet li bihom jattribwixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, fil-miżura li huwa stess jistabbilixxi, il-kompetenza li tiddeċiedi dwar tilwim konness ma’ l-applikazzjoni ta’ l-atti adottati taħt it-Trattati li joħolqu drittijiet Ewropej ta' proprjetà industrijali. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 263

(ex Artikolu 230 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġislattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta' terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta' l-atti ta' korpi jew organi ta' l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta' partijiet terzi.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta' kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta' xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti taħt l-istess kondizzjonijiet sabiex tiddeċiedi rikorsi mill-Qorti ta' l-Awdituri, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni bil-għan li jipproteġu l-prerogattivi tagħhom.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista', taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta' implimentazzjoni.

Atti li jistabbilixxu korpi u organi ta' l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta' dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom.

Il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta' dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.

Artikolu 264

(ex Artikolu 231 TKE)

Jekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara d-deċiżjoni in kwistjoni bħala nulla.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta' l-att li ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

Artikolu 265

(ex Artikolu 232 TKE)

Jekk il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-Bank Ċentrali Ewropew, bi ksur tat-Trattati, ma jieħdux azzjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni jistgħu jiftħu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea sabiex dan il-ksur jiġi ikkonstatat. Dan l-Artikolu għandu japplika bl-istess kondizzjonijiet, għal korpi u organi ta' l-Unjoni li jonqsu milli jaġixxu.

Ir-rikors ikun ammissibli biss jekk l-istituzzjoni, korp jew organu involut ikun l-ewwel ġie msejjaħ sabiex jieħu azzjoni. Jekk fi zmien xahrejn minn meta tkun ġie hekk imsejjaħ, l-istituzzjoni, korp jew organu involut ma jkunx spjega l-pożizzjoni tiegħu, ir-rikors jista' jinġieb f'terminu ġdid ta' xahrejn.

Kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet indikati fil-paragrafi ta’ hawn fuq, tilmenta quddiem il-Qorti li xi istituzzjoni jew xi wieħed mill-korpi jew organi ta' l-Unjoni tkun naqset milli tagħmel xi att fir-rigward ta' dik il-persuna barra minn rakkomandazzjoni jew opinjoni.

Artikolu 266

(ex Artikolu 233 TKE)

L-istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie iddikjarat null jew li n-nuqqas tiegħu li jaġixxi jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati għandu jkun marbut li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Din l-obligazzjoni ma tippreġudikax xi obligazzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 340.

Artikolu 267

(ex Artikolu 234 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

a)

l-interpretazzjoni tat-Trattati;

b)

il-validità u l-interpretazzjoni ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta' l-Unjoni;

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti.

Jekk din il-kwistjoni titressaq f'każ pendenti quddiem ġurisdizzjoni ta' Stat Membru fir-rigward ta' persuna miżmuma f' kustodja, il-Qorti għandha taġixxi mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 268

(ex Artikolu 235 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hi kompetenti li tittratta każijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kumpens għal danni kif previst fit-tieni u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 340.

Artikolu 269

Il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex tkun kompetenti li tiddeċiedi dwar il-legalità ta' att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill skond l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ħlief fuq talba ta' l-Istat Membru suġġett għall-kostatazzjoni tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill, u biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti f'dak l-Artikolu.

Din it-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta' tali kostatazzjoni. Il-Qorti għandha tiddeċiedi fi żmien xahar mid-data ta' dik it-talba.

Artikolu 270

(ex Artikolu 236 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra ta' l-Unjoni.

Artikolu 271

(ex Artikolu 237 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha, fil-limiti indikati aktar 'il quddiem, kompetenza f’kawżi li jirrigwardaw:

a)

it-twettiq mill-Istati Membri ta' l-obbligi tagħhom taħt l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' Investiment. F’dan ir-rigward, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank igawdi l-poteri mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 258;

b)

miżuri adottati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment. F’dan ir-rigward, kull Stat Membru, il-Kummissjoni jew il-Bord tad-Diretturi tal-Bank jistgħu jippreżentaw rikorsi taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 263;

c)

mizuri adottati mill-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment. Ir-rikorsi kontra dawn il-miżuri jistgħu jinbdew biss minn Stati Membri jew mill-Kummissjoni, taħt il-kondizzjonijiet indikati fl-Artikolu 263, u biss abbażi ta’ nonkonformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 19 (2), (5) sa (7) ta’ l-Istatut tal-Bank;

d)

it-twettiq minn banek ċentrali nazzjonali ta’ obligazzjonijiet taħt it-Trattati u l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. F’dan ir-rigward il-poteri tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, fir-rigward ta’ banek ċentrali nazzjonali, ikunu l-istess bħal dawk mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Stati Membri bl-Artikolu 258. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ssib li bank ċentrali nazzjonali ikun naqas milli jwettaq xi obbligazzjoni taħt it-Trattati, dak il-bank ikun mitlub jieħu il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti.

Artikolu 272

(ex Artikolu 238 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hi kompetenti li tiddeċiedi bis-saħħa ta' klawżola ta' l-arbitraġġ li jkun hemm f'kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f'isimha.

Artikolu 273

(ex Artikolu 239 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti li tiddeċiedi kull tilwim bejn l-Istati Membri konness ma' l-għanjiet tat-Trattati, jekk dan it-tilwim jitressaq quddiemha skond it-termini ta' ftehim ta' kompromess.

Artikolu 274

(ex Artikolu 240 TKE)

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fit-Trattati, it-tilwim li fih l-Unjoni tkun parti, m’għandhomx għal dik ir-raġuni jkunu esklużi mill-kompetenza ta’ qrati jew tribunali nazzjonali.

Artikolu 275

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea m'għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta' sigurtà komuni, u lanqas fir-rigward ta' l-atti adottati abbażi tagħhom.

Madankollu, il-Qorti għandha tkun kompetenti sabiex timmonitorja r-rispett taa' l-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 263 ta' dan it-Trattat dwar il-legalità ta' deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 276

Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha dwar il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti, dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea m' għandiex tkun kompetenti sabiex tivverifika l-validità jew il-proporzjonalità ta' operazzjonijiet imwettqa mill-pulizija jew minn servizz ieħor ta' l-infurzar tal-liġi fi Stat Membru jew sabiex tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

Artikolu 277

(ex Artikolu 241 TKE)

Minkejja l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fis-sitt subparagrafu ta' l-Artikolu 263 kwalunkwe parti tista', fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta' applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu ta' l-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta' dak l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 278

(ex Artikolu 242 TKE)

L-azzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ma ikollhomx l-effett ta' sospensjoni. Il-Qorti tista’, b’dana kollu, jekk tikkonsidra li ċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu, tordna s-sospensjoni ta' l-eżekuzjoni ta’ l-att li jkun sar ir-rikors kontra tiegħu.

Artikolu 279

(ex Artikolu 243 TKE)

Fil-kawżi miġjuba quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tista' tordna kull miżura provviżorja.

Artikolu 280

(ex Artikolu 244 TKE)

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkollhom forza eżekuttiva taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 299.

Artikolu 281

(ex Artikolu 245 TKE)

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jiġi stabbilit bi Protokoll separat.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jemendaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut, bl-eċċezzjoni tat-Titolu I u ta' l-Artikolu 64 tiegħu. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja.

TAQSIMA 6

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Artikolu 282

1.   Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali(SEBĊ). Il-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Eurosistema, għandhom iwettqu l-politika monetarja ta' l-Unjoni.

2.   Is-SEBĊ għandha tkun immexxija mill-organi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-objettiv prinċipali tas-SEBĊ għandu jkun li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal dan l-objettiv, għandha tagħti l-appoġġ tagħha lill-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-għanijiet tagħha.

3.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu personalità ġuridika. Hu biss jista' jawtorizza l-ħruġ ta' l-euro. Dan għandu jkun indipendenti fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu u fl-amministrazzjoni tal-finanzi tiegħu. L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni kif ukoll il-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom jirrispettaw din l-indipendenza.

4.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu skond l-Artikoli 127 sa 133 u 138 u skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Skond dawn l-istess Artikoli, dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, u l-banek ċentrali tagħhom, għandhom iżommu l-kompetenza tagħhom fil-kamp monetarju.

5.   Fl-oqsma tal-kompetenzi tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat fuq l-atti kollha proposti ta' l-Unjoni, kif ukoll fuq kull proposta ta' regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali, u jista' jagħti l-opinjoni tiegħu.

Artikolu 283

(ex Artikolu 112 TKE)

1.   Il-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompost minn President, Viċi President u erba’ membri oħra.

Il-President, il-Viċi-President u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv għandhom jinħatru minn fost persuni ta’ statura rikonoxxuta u esperjenza professjonali fi kwistjonijiet monetarji jew bankarji mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-mandat tagħhom għandu ikun ta' tmien snin u ma jistax jiġi mġedded.

Huma biss il-persuni li jkollhom ċittadinanza ta' l-Istati Membi li jistgħu jkunu membri tal-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 284

(ex Artikolu 113 TKE)

1.   Il-President tal-Kunsill u membru tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw, bla dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-President tal-Kunsill jista’ jippreżenta mozzjoni għad-deliberazzjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden sabiex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill meta l-Kunsill ikun qed jiddiskuti kwistjonijiet relatati ma’ l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ.

3.   Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jindirizza rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ u dwar il-politika monetarja kemm tas-sena ta’qabel kif ukoll tas-sena korrenti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Kunsill Ewropew. Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jippreżenta dan ir-rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, li jistgħu jkollhom dibattitu ġenerali fuqu.

Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu, fuq talba tal-Parlament Ewropew jew b'inizjattiva tagħhom stess, jinstemgħu mill-Kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

TAQSIMA 7

IL-QORTI TA' L-AWDITURI

Artikolu 285

(ex Artikolu 246 TKE)

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel il-verifika ta' l-Unjoni.

Għandha tkun komposta minn ċittadin wieħed minn kull Stat Membru. Il-membri tagħha għandhom jaqdu dmirijiethom f' indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali ta' l-Unjoni.

Artikolu 286

(ex Artikolu 247 TKE)

1.   Il-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom ikunu magħżula minn fost persuni li jagħmlu parti jew kienu jagħmlu parti, fl-Istat rispettiv tagħhom, minn korpi esterni ta’ verifika jew li huma kkwalifikati b'mod speċjali għal din il-kariga. Għandhom joffru kull garanzija ta' indipendenza.

2.   Il-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri jinħatru għal perjodu ta’ sitt snin. Il-Kunsill wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, jadotta l-lista tal-Membri magħmula skond il-proposti mressqa minn kull Stat Membru. Il-mandat tal-Membri tal-Qorti ta’ l-Awdituri jista’ jiġġedded.

Huma jaħtru minn fosthom il-Pesident tal-Qorti ta' l-Awdituri għal perjodu ta’ tliet snin. Il-President jista’ jerġa’ jinħatar.

3.   Fil-qadi ta’ dawn id-doveri, il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn xi gvern jew xi korp ieħor. Għandhom jastjenu minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-doveri tagħhom.

4.   Il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri ma jistgħux, matul iż-żmien tal-kariga tagħhom, jagħmlu xogħol ieħor, sew jekk bi ħlas sew jekk le. Fil-bidu tal-kariga tagħhom għandhom iwegħdu solennement li, kemm matul kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li jiġu minn din il-kariga u b’mod speċjali id-dmir tagħhom li jaġixxu b’integrità u diskrezzjoni rigward l-aċċettazzjoni ta’ xi ħatriet jew benefiċċji, wara li tintemm il-kariga tagħhom.

5.   Id-dmirijiet ta’ membru tal-Qorti ta' l-Awdituri jispiċċaw meta huwa jirriżenja, jew ikun imġiegħel jirtira b'xi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skond il-paragrafu 6 kif ukoll bit-tibdil normali jew bil-mewt.

Il-post vakanti li jkun inħoloq għandu jimtela għall-bqija taż-żmien tal-kariga ta’ dak il-membru.

Ħlief fil-każ ta’ rtirar furzat, il-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti.

6.   Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu jew jittneħħielu d-dritt tiegħu għall-pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Qorti ta' l-Awdituri, ssib li m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa, jew li mhux qieħed jaqdi, l-obbligazzjonijiet tal-kariga tiegħu.

7.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-President u tal-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri u b’mod partikolari s-salarji tagħhom, gratifikazzjonijiet u pensjonijiet. Bl-istess maġġoranza, għandha wkoll tiddetermina kull ħlas li għandu jsir minflok ir-rimunerazzjoni.

8.   Il-provvedimenti tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta' l-Unjoni applikabli għall-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għanhom japplikaw ukoll għall-membri tal-Qorti ta' l-Awdituri.

Artikolu 287

(ex Artikolu 248 TKE)

1.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollha ta' l-Unjoni. Teżamina wkoll il-kontijiet ta’ kull dħul u ħruġ tal-korpi jew l-organi kollha stabbiliti mill-Unjoni safejn l-att kostitutiv rilevanti ma jipprekludix dan l-eżami.

Il-Qorti ta' l-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità ta' l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, li tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi kompletata b’valutazzjoni speċifika għal kull qasam maġġuri ta’ l-attività ta' l-Unjoni’;.

2.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u l-ispiża kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u regolari u jekk it-tmexxija finanzjarja kienitx tajba. Meta tagħmel dan, għandha tiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal każijiet ta' irregolarità.

Il-verifika tad-dħul għandha ssir abbażi kemm ta' l-ammonti stabbiliti bħala dovuti kif ukoll ta’ dawk l-ammonti li ġew attwalment imħallsa lill-Unjoni.

Il-verifika tal-ħruġ għandha ssir abbażi kemm ta’ l-obbligi assunti kif ukoll tal-pagamenti magħmula.

Dawn il-verifiki jistgħu jsiru qabel l-għeluq tal-kontijiet għas-sena finanzjarja in kwistjoni.

3.   Il-verifika għandha tkun ibbażata fuq dak li jkun irreġistrat u, jekk meħtieġ, imwettqa fuq il-post ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni, fuq il-post ta' kwalunkwe organizzazzjoni li tieħu ħsieb id-dħul jew in-nefqa f’isem l-Unjoni u fl' Istati Membri, inklużi il-post ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit. Fl-Istati Membri l-verifika għandha sseħħ bi ftehim ma' organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika jew, jekk dawn ma jkollhomx il-poteri meħtieġa, mad-dipartimenti kompetenti nazzjonali. Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika ta' l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fi spirtu ta’ fiduċja waqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Dawn l-organizzazzjonijiet jew dipartimenti għandhom jinformaw lill-Qorti ta' l-Awdituri jekk tkunx l-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem fil-verifika.

L-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni, l-organizzazzjonijiet li jirregolaw id-dħul u l-ħruġ f’isem l-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu pagamaneti mill-baġit, u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika jew, jekk dawn ma jkollhomx il-poteri meħtieġa, id-dipartimenti nazzjonali kompetenti, għandhom jgħaddu lill-Qorti ta' l-Awdituri, fuq talba tagħha stess, kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħol tagħha.

F’dak li jirrigwarda l-attività tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment fil-ġestjoni ta' l-ispiża u d-dħul ta' l-Unjoni, id-dritt tal-Qorti għall-aċċess għal informazzjoni miżmuma mill-Bank għandu jkun irregolat bi ftehim bejn il-Qorti, il-Bank u l-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-Qorti għandha xorta waħda jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-verifika ta' l-ispejjeż u d-dħul ta' l-Unjoni ġestiti mill-Bank.

4.   Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel rapport annwali wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja. Dan għandu jintbagħat lill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni u jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea flimkien mat-tweġibiet ta' dawn l-istituzzjonijiet għall-osservazzjonijiet tal-Qorti ta’ l-Awdituri.

Il-Qorti ta' l-Awdituri tista’ wkoll, f'kull żmien, tippreżenta osservazzjonijiet, partikolarment fil-forma ta' rapporti speċjali, fuq kwistjonijiet speċifiċi u tagħti opinjonijiet fuq talba ta’ waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni.

Hija tadotta r-rapporti annwali, ir-rapporti speċjali jew opinjonijiet b’maġġoranza tal-Membri tagħha. Madankollu, tista’ tistitwixxi fi ħdanha awli bl-għan li tadotta ċerti kategoriji ta’ rapporti jew ta' opinjonijiet taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tagħha.

Hija tassisti l-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni ta’ l-estimi.

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tagħmel ir-Regoli tal-Proċedura tagħha. Dawn ir-regoli jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.

KAPITOLU 2

ATTI LEGALI TA' L-UNJONI, PROĊEDURI TA' ADOZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

TAQSIMA 1

L-ATTI LEGALI TA' L-UNJONI

Artikolu 288

(ex Artikolu 249 TKE)

Biex jeżerċitaw il-kompetenzi ta' l-Unjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

Regolament għandu jkollu applikazzjoni ġenerali. Ikun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

Id-deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawn biss.

Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet ma jkunux vinkolanti.

Artikolu 289

1.   Il-proċedura leġislattiva ordinarja tikkonsisti fl-adozzjoni ta' regolament, direttiva jew deċiżjoni b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni. Din il-proċedura tiġi definita fl-Artikolu 294.

2.   Fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, l-adozzjoni ta' Regolament, Direttiva jew Deċiżjoni mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill jew mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tikkostitwixxi l-proċedura leġislattiva speċjali.

3.   L-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva jikkostitwixxu atti leġislattivi.

4.   Fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, l-atti leġislattivi jistgħu jiġu adottati fuq inizjattiva ta' grupp ta' Stati Membri jew tal-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

Artikolu 290

1.   Att leġislattiv jista' jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġislattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta' l-att leġislattiv.

L-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta' l-applikazzjoni u d-durata tad-delega ta' setgħa għandhom jiġu definiti espressament fl-atti leġislattivi. L-elementi essenzjali ta' qasam għandhom ikunu riservati għall-att leġislattiv u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' delega ta' setgħa.

2.   L-atti leġislattivi għandhom jistabbilixxu espressament il-kondizzjonijiet li għalihom tkun suġġetta d-delega, dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jkunu kif ġej:

a)

il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jirtira d-delega;

b)

l-att iddelegat jista' jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fiż-żmien stabbilit mill-att leġislattiv.

Għall-finijiet ta' punti a) u b), il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, u l-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata.

3.   L-aġġettiv "delegat" jew "delegata" għandu jiddaħħal fit-titoli ta' l-atti delegati.

Artikolu 291

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-atti ta' l-Unjoni legalment vinkolanti.

2.   Meta jkun hemm bżonn ta' kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' l-atti ta' l-Unjoni legalment vinkolanti, dawk l-atti għandhom jagħtu setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b'mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

4.   Il-kelma ‘implimentazzjoni’ għandha tiddaħħal fl-atti ta' l-implimentazzjoni.

Artikolu 292

Il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet. Għandu jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni fil-każijiet kollha fejn it-Trattati jipprovdu li għandu jadotta atti fuq proposta tal-Kummissjoni. Għandu jaġixxi b'mod unanimu f'dawk l-oqsma fejn tkun meħtieġa l-unanimità sabiex jiġi adottat att ta' l-Unjoni. Il-Kummissjoni, kif ukoll il-Bank Ċentrali Ewropew fil-każijiet speċifiċi previsti fit-Trattati, għandhom jadottaw rakkomandazzjonijiet.

TAQSIMA 2

PROĊEDURI TA' ADOZZJONI TA' L-ATTI U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 293

(ex Artikolu 250 TKE)

1.   Meta, skond it-Trattati, il-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, dan ma jistax jemenda dik il-proposta sakemm ma jiddeċiedix b'mod unanimu, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 294(10) u (13), fl-Artikoli 310, 312, 314 u fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 315.

2.   Sakemm il-Kunsill ma jkun ħa l-ebda azzjoni, il-Kummissjoni tista tibdel il-proposta tagħha f’kull ħin tul il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ att ta' l-Unjoni.

Artikolu 294

(ex Artikolu 251 TKE)

1.   Meta fit-Trattati ikun hemm referenza għall-proċedura leġislattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ att, il-proċedura li ġejja għandha tapplika.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Il-Parlament Ewropew għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Kunsill.

4.   Jekk il-Kunsill japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-att in kwistjoni għandu jiġi adottat bil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew.

5.   Jekk il-Kunsill ma japprovax il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Parlament Ewropew.

6.   Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bir-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bil-pożizzjoni tagħha.

7.   Jekk, fi żmien tliet xhur minn din il-komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew:

a)

japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jew ma jkunx ħa deċiżjoni, l-att konċernat għandu jiġi kkunsidrat adottat bil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

b)

jirrifjuta, b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, l-att propost għandu jitqies li ma ġiex adottat;

c)

jipproponi, b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, t-test hekk emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li għandha tagħti opinjoni dwar dawk l-emendi.

8.   Jekk, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi l-emendi tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata:

a)

japprova dawk l-emendi kollha, l-att in kwistjoni għandu jitqies li ġie adottat;

b)

ma japprovax l-emendi kollha, il-President tal-Kunsill, bi ftehim mal-President tal-Parlament Ewropew, għandu jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fi żmien sitt ġimgħat.

9.   Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu fuq l-emendi li fuqhom il-Kummissjoni tkun tat opinjoni negattiva.

10.   Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li għandu jkun kompost mill-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom, u numru ugwali ta' membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq ftehim dwar test komuni, b'maġgoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u b'maġġoranza tal-membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni qari.

11.   Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fix-xogħol tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

12.   Jekk, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma japprovax it-test konġunt, l-att propost għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

13.   Jekk, f'dak il-perijodu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni japprova test konġunt, il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza tal-voti espressi, u l-Kunsill, li jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta' sitt ġimgħat minn din l-approvazzjoni sabiex fih jadottaw l-att in kwistjoni skond dan it-test. Jekk jonqsu li jagħmlu dan, l-att propost għandu jitqies li ma jkunx ġie adottat.

14.   Il-perijodi ta' tliet xhur u sitt gimgħat previsti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mtawwla b'massimu ta' xahar u ġimgħatejn rispettivament fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

15.   Meta, fil-każijiet previsti mit-Trattati, att leġislattiv ikun suġġett għall-proċedura leġislattiva ordinarja fuq l-inizjattiva ta' grupp ta' Stati Membri, fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew, jew fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-paragrafu 2, it-tieni sentenza tal-paragrafu 6, u l-paragrafu 9 m'għandhomx japplikaw.

F'dawn il-każijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkomunikaw l-abbozz ta' l-att propost lill-Kummissjoni flimkien mal-pożizzjonijiet tagħhom fl-ewwel u fit-tieni qari. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni tul il-proċedura kollha, liema opinjoni tista' tingħata wkoll mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess. Din tista' wkoll, jekk tqis meħtieġ, tipparteċipa fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni skond il-paragrafu 11.

Artikolu 295

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin u għandhom jorganizzaw l-arranġamenti għall-koperazzjoni ta' bejniethom bi ftehim komuni. Għal dan il-għan jistgħu jikkonkludu ftehim interistituzzjonali, f' konformita' mat-Trattati, li jista' jkun ta' natura vinkolanti.

Artikolu 296

(ex Artikolu 253 TKE)

Fejn it-Trattati ma jispeċifikawx it-tip ta' att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b' każ, skond il-proċeduri applikabbli, u skond il-prinċipju tal-proporzjonalità.

L-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom jirriferu għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni prevista fit-Trattati.

Meta jikkunsidraw abbozz ta' att leġislattiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom joqgħodu lura milli jadottaw atti li ma jkunux previsti mill-proċedura leġislattiva applikabbli għall-qasam konċernat.

Artikolu 297

(ex Artikolu 254 TKE)

1.   L-atti leġislattivi adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom ikunu ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill.

L-atti leġislattivi adottati skond il-proċedura leġislattiva speċjali għandhom ikunu ffirmati mill-President ta' l-istituzzjoni li tkun adottathom.

L-atti leġislattivi għandhom ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

2.   L-atti mhux leġislattivi adottati fl-għamla ta' regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, meta dawn ma jindikawx destinatarju, għandhom ikunu ffirmati mill-Presidenti ta' l-istituzzjoni li tkun adottathom.

Ir-regolamenti, id-direttivi li jkunu indirizzati lill-Istati Membri kollha, kif ukoll id-deċiżjonijiet, meta ma jindikawx destinatarju, għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

Id-direttivi l-oħra, kif ukoll id-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju, għandhom jiġu notifikati lil dawk li lilhom ikunu indirizzati u jkollhom effett minn meta ssir dik in-notifika.

Artikolu 298

1.   Fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet għal dan l-għan, konformement mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg adottati abbażi ta' l-Artikolu 336.

Artikolu 299

(ex Artikolu 256 TKE)

L-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati, ikollhom forza eżekuttiva.

L-eżekuzzjoni tiġi regolata bir-regoli tal-proċedura ċivili li sseħħ f'dak l-Istat fejn għandha titwettaq. Id-digriet ta' l-eżekuzzjoni għandu jiġi ffirmat, mingħajr ebda formalità oħra ħlief il-verifika ta' l-awtentiċità tad-dokument, mill-awtorità nazzjonali li l-Gvern ta' kull Stat Membru jaħtar għal dan l-għan u jgħarraf biha lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Wara t-twettiq ta' dawn il-formalitajiet fuq it-talba tal-parti konċernata, din ta' l-aħħar tista' tipproċedi bl-eżekuzzjoni skond il-liġi nazzjonali, billi jressaq il-kwestjoni direttament quddiem l-awtorita kompetenti.

L-Eżekuzzjoni tista' tiġi sospiża biss b' deċiżjoni tal-Qorti. Madankollu, il-verifika tar-regolarità tal-miżuri ta' eżekuzzjoni tkun fil-kompetenza ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

KAPITOLU 3

KORPI KONSULTATTIVI TA' L-UNJONI

Artikolu 300

1.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu assistiti minn Kumitat Ekonomiku u Soċjali u minn Kumitat tar-Reġjuni, li jeżerċitaw funzjonijiet konsultattivi.

2.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, ta' impjegati, u ta' partijiet oħra li jirappreżentaw is-soċjetà ċivili, speċjalment fl-oqsma soċjo-ekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali.

3.   Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-korpi reġjonali u lokali, li jew ikollhom mandat elettorali ta' awtorità reġjonali jew lokali jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta.

4.   Il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni m'għandhom ikunu marbuta minn ebda mandat obbligatorju. Għandhom jaqdu dmirijiethom f' indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali ta' l-Unjoni.

5.   Ir-regoli previsti fil-paragrafi 2 u 3 dwar in-natura tal-kompożizzjoni ta' dawn il-Kumitati għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari mill-Kunsill sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u demografiċi fi ħdan l-Unjoni. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjonijiet għal dan il-għan.

TAQSIMA 1

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

Artikolu 301

(ex Artikolu 258 TKE)

In-numru tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali m’għandux jaqbeż it-tliet mija u ħamsin.

Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat.

Il-Kunsill jiffissa l-indennizz tal-membri tal-Kumitat.

Artikolu 302

(ex Artikolu 259 TKE)

1.   Il-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru għal ħames snin. Il-Kunsill jadotta l-lista tal-membri magħmula skond il-proposti preżentati minn kull wieħed mill-Istati Membri. Il-mandat tal-membri tal-Kumitat jista’ jiġġedded.

2.   Il-Kunsill għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Jista' jikseb l-opinjoni tal-korpi Ewropej li jirrapreżentaw is-setturi ekonomiċi u soċjali differenti, u s-soċjetà ċivili konċernati mill-attivitajiet ta' l-Unjoni.

Artikolu 303

(ex Artikolu 260 TKE)

Il-Kumitat għandu jeleġġi l-president u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ sentejn u nofs.

Dan għandu jadotta r-regolamenti ta’ proċedura tiegħu.

Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ mill-president tiegħu fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Jista’ jitlaqqa’ wkoll b’inizjattiva tiegħu stess.

Artikolu 304

(ex Artikolu 262 TKE)

Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni meta hekk jipprovdu t-Trattati. Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat minn dawn l-istituzzjonijiet kull meta jidhrilhom xieraq. Jista’ joħroġ opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess meta jidhirlu li jkun xieraq li jagħmel hekk.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni għandhom, jekk jaħsbu li jkun hemm bżonn ta’ dan, jagħtu żmien definit lill-Kumitat sabiex jippreżenta l-opinjoni tiegħu, liema terminu m’għandux ikun ta’ anqas minn xahar mid-data meta l-president jirċievi n-notifika f'dan is-sens. Meta jagħlaq it-terminu stabbilit, in-nuqqas ta’ opinjoni m’għandux jimpedixxi azzjoni ulterjuri.

L-opinjoni tal-Kumitat, flimkien ma' reżokont tal-proċeduri, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

TAQSIMA 2

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Artikolu 305

(ex Artikolu 263, it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, TKE)

In-numru ta’ membri tal-Kumitat tar-Reġjuni ma jaqbizx it-tliet mija u ħamsin.

Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Kumitat.

Il-membri tal-Kumitat u numru ndaqs ta’ membri supplenti jinħatru għal ħames snin. Il-perjodu tal-mandat tagħhom jista’ jiġġedded. Il-Kunsill jadotta l-lista tal-membri u tal-membri supplenti li tiġi mfassla skond il-proposti li jsiru minn kull Stat Membru. Meta l-mandat imsemmi fl-Artikolu 300(3) li bis-saħħa tiegħu ikunu ġew proposti jiskadi, il-kariga tal-membri tal-Kumitat tintemm awtomatikament u dawn jiġu sostitwiti għaż-żmien li jkun fadal mill-perijodu msemmi tal-karigi skond l-istess proċedura. Ebda membru tal-Kumitat ma jista’ jkun fl-istess waqt membru tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 306

(ex Artikolu 264 TKE)

Il-Kumitat tar-Regjuni għandu jeleġġi l-president u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ sentejn u nofs.

Għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ mill-president fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jista’ jiltaqa’ wkoll fuq inizjattiva tiegħu stess.

Artikolu 307

(ex Artikolu 265 TKE)

Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun ikkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meta t-Trattati hekk jipprovdu u fil-każijiet l-oħra kollha, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-koperazzjoni transkonfinali, li fihom wieħed minn dawn l-istituzzjonijiet jikkonsidraw li jkun xieraq.

Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill jew il-Kummissjoni għandhom, jekk jaħsbu li jkun hemm bżonn ta’ dan, jagħtu terminu lill-Kumitat sabiex jippreżenta l-opinjoni tiegħu, terminu li żmien m’għandux ikun ta’ anqas minn xahar mid-data li fiha l-president jirċievi n-notifika f'dan is-sens. Meta jagħlaq it-terminu, in-nuqqas ta’ opinjoni m’għandux jimpedixxi azzjoni ulterjuri.

Meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jiġi kkonsultat skond l-Artikolu 304, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jiġi informat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni li tkun saret talba għal opinjoni. Meta jkun jidhirlu li jkun hemm involuti interessi reġjonali speċifiċi, il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jagħti opinjoni fuq il-kwistjoni.

Dan jista’ ukoll jagħti opinjoni fuq inizjattiva tiegħu nnifsu meta jkun jidhirlu li dan ikun xieraq.

L-opinjoni tal-Kumitat, flimkien ma’ l-inkartament tal-proċeduri, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

KAPITOLU 4

IL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

Artikolu 308

(ex Artikolu 266 TKE)

Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu personalità ġuridika.

Il-membri tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment huma l-Istati Membri.

L-Istatut tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment huwa stabbilit fi Prokoll anness mat-Trattati. Il-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità skond il-proċedura leġislattiva speċjali, fuq talba tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, jista’ jemenda l-Istatut tal-Bank.

Artikolu 309

(ex Artikolu 267 TKE)

Il-kompitu tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jkun li jikkontribwixxi, billi jirrikorri għas-suq kapitali u bill jagħmel użu mir-riżorsi tiegħu proprji, għall-iżvillupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interess ta' l-Unjoni. Għal dan l-għan il-Bank, li jopera mingħajr ma jfittex il-profitt, għandu jislef u jagħti garanziji li jiffaċilitaw il-finanzjament ta’ l-proġetti li ġejjin fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija:

a)

proġetti għall-iżvilupp tar-reġjuni anqas żviluppati;

b)

proġetti għall-modernizzazzjoni u r-rikonverżjoni ta’ impriżi jew għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ġodda li joħorġu mill-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern, meta dawn il-proġetti jkunu ta’ daqs jew xorta li ma jistgħux jiġu finanzjati għal kollox mid-diversi mezzi fl-Istati Membri individwali;

c)

proġetti ta’ interess komuni għal diversi Stati Membri li jkollhom ta’ daqs jew xorta li ma jistgħux jiġu finanzjati mid-diversi mezzi disponibbli fl-Istati Membri individwali.

Biex jagħmel dan, il-Bank għandu jiffaċilita l-finanzjament ta’ programmi ta’ investiment konġuntement ma’ assistenza minn Fondi strutturali u strumenti finanzjarji oħra ta' l-Unjoni.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 310

(ex Artikolu 268 TKE)

1.   L-entrati fil-kontijiet tad-ddħul u tal-ħruġ kollha ta' l-Unjoni għandhom jiġu nklużi fl-estimi li jsiru ta’ kull sena finanzjarja u għandhom jidhru fl-estimi.

Il-baġit annwali ta' l-Unjoni għandu jkun stabbilit mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skond l-Artikolu 314.

Id-dħul u l-ħruġ murija fl-estimi finanzjarji għandhom ikunu jaqblu.

2.   L-infiq li jidher fil-baġit għandu jkun awtorizzat għall-perijodu baġitarju annwali skond ir-regolament previst fl-Artikolu 322.

3.   L-implimentazzjoni ta' l-infiq li jidher fil-baġit jeħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta' att ta' l-Unjoni legalment vinkolanti li jipprovdi bażi legali għall-azzjoni tagħha u għall-implimentazzjoni ta' l-infiq korrispondenti skond ir-regolament previst fl-Artikolu 322, ħlief fil-każijiet previsti minn dan ta' l-aħħar.

4.   Biex tinżamm id-dixxiplina baġitarja, l-Unjoni m'għandha tadotta l-ebda att li jista' jkollu implikazzjonijiet notevoli fuq il-baġit mingħajr ma tipprovdi assigurazzjoni li n-nefqa li tirriżulta minn dawn l-atti tista' tiġi ffinanzjata fil-limitu tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni u skond il-qafas finanzjarju pluriennali previst fl-Artikolu 312.

5.   Il-baġit għandu jkun implimentat skond il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' l-Unjoni sabiex jassiguraw li l-approprazzjonijiet imdaħħla fil-baġit jintużaw skond dan il-prinċipju.

6.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 325, jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni.

KAPITOLU 1

IR-RIŻORSI PROPRJI TA' L-UNJONI

Artikolu 311

(ex Artikolu 269 TKE)

L-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b' suċċess il-politika tagħha.

Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni. F'dan il-kuntest jista' jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti. Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss wara l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni safejn dan ikun previst fid-Deċiżjoni adottata abbażi tat-tielet subparagrafu. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew

KAPITOLU 2

IL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI

Artikolu 312

1.   Il-qafas finanzjarju pluriennali għandu jassigura li l-infiq ta' l-Unjoni jiżviluppa b'mod ordnat u fil-limiti tar-riżorsi proprji tagħha.

Dan għandu jiġi stabbilit għall-perijodu ta' mill-inqas ħames snin.

Il-baġit annwali ta' l-Unjoni għandu jirrispetta l-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali. Dan għandu jaġixxi b'mod unanimu wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

Il-Kunsill Ewropew jista' jadotta, b'mod unanimu, deċiżjoni li tawtorizza l-Kunsill jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata meta jadotta r-regolament previst fl-ewwel subparagrafu.

3.   Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi l-ammonti tal-limiti massimi annwali ta' approprjazzjonijiet għal impenji skond il-kategorija ta' l-infiq u tal-limitu massimu annwali ta' approprjazzjonijiet għall-pagamenti. Il-kategoriji ta' l-infiq, ta' numru limitat, għandhom jikkorrispondu għas-setturi prinċipali ta' attività ta' l-Unjoni.

Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit.

4.   Meta r-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas finanzjarju ġdid ma jkunx ġie adottat sa l-iskadenza tal-qafas finanzjarju preċedenti, il-limiti massimi u dispożizzjonijiet oħra li jikkorrispondu għall-aħħar sena ta' dak il-qafas għandhom jiġu estiżi sa l-adozzjoni ta' dak l-att.

5.   Tul il-proċedura kollha li twassal għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw din l-adozzjoni.

KAPITOLU 3

IL-BAĠIT ANNWALI TA' L-UNJONI

Artikolu 313

(ex Artikolu 272(1), TKE)

Is-sena finanzjarja għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

Artikolu 314

(ex Artikolu 272(2) sa (10) TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandhom jistabbilixxu l-baġit annwali ta' l-Unjoni skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

1.

Qabel l-1 ta' Lulju, kull istituzzjoni, minbarra l-Bank Ċentrali Ewropew, għandha tfassal estimi ta' l-infiq tagħha għas-sena finanzjarja ta' wara. Il-Kummissjoni għandha tikkonsolida dawn l-estimi f'abbozz ta' baġit li jista' jkun fih estimi diverġenti.

L-abbozz tal-baġit għandu jkun fih stima tad-dħul u stima ta' l-infiq.

2.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta li tinkludi l-abbozz ta' baġit lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux iktar tard mill-1 ta' Settembru tas-sena ta' qabel dik li fiha l-baġit għandu jiġi implimentat.

Il-Kummissjoni tista' temenda l-abbozz tal-baġit tul il-proċedura sa meta jissejjaħ il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, previst fil-paragrafu 5.

3.

Il-Kunsill għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' baġit u jgħaddih lill-Parlament Ewropew sa mhux iktar tard mill-1 ta' Ottubru tas-sena ta' qabel dik li fiha l-baġit għandu jiġi implimentat. Dan għandu jinforma lill-Parlament Ewropew kompletament bir-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu.

4.

Jekk, fi żmien tnejn u erbgħin jum wara din il-komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew:

a)

japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill, il-baġit għandu jiġi adottat;

b)

ma jkunx ħa deċiżjoni, il-baġit għandu jitqies li ġie adottat;

c)

jadotta emendi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, l-abbozz emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-President tal-Parlament Ewropew, bi ftehim mal-President tal-Kunsill, għandu isejjaħ minnufih laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Madanakollu, jekk fi żmien għaxart ijiem minn meta jintbagħat l-abbozz, il-Kunsill jinforma lill-Parlament Ewropew li jkun approva l-emendi kollha tiegħu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni m'għandux jiltaqa'.

5.

Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, li għandu jlaqqa' l-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u numru ugwali ta' membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq ftehim fuq test konġunt, b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew tar-rappreżentanti tagħhom u b'maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fi żmien wieħed u għoxrin jum minn meta jissejjaħ, abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-għan li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

6.

Jekk, fi żmien il-wieħed u għoxrin jum previsti fil-paragrafu 5, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jilħaq ftehim fuq test konġunt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta' erbatax-il jum mid-data ta' dak il-ftehim sabiex jadottaw it-test konġunt.

7.

Jekk fil-perijodu ta' erbatax-il jum previst fil-paragrafu 6:

a)

il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn japprovaw it-test konġunt jew jonqsu milli jieħdu deċiżjoni, jew jekk waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tapprova it-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, il-baġit għandu jiġi meqjus li jkun adottat b'mod definittiv skond it-test konġunt, jew

b)

kemm il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, kif ukoll il-Kunsill jirrifjutaw it-test konġunt, jew waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, għandu jiġi preżentat abozz ta' baġit ġdid mill-Kummissjoni, jew

c)

il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, jirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-Kunsill japprovah, għandu jiġi preżentat abbozz ta' baġit ġdid mill-Kummissjoni, jew

d)

il-Parlament Ewropew japprova t-test konġunt filwaqt li l-Kunsill jirrifjutah, il-Parlament Ewropew jista', fi żmien erbatax-il jum mid-data tar-rifjut tal-Kunsill u billi jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħamsa tal-voti espressi, jiddeċiedi li jikkonferma l-emendi kollha imsemmija fil-paragrafu 4(c) jew parti minnhom. Jekk xi emenda tal-Parlament Ewropew ma tiġix ikkonfermata għandha tinżamm il-pożizzjoni miftehma fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni dwar l-intestatura tal-baġit suġġetta għall-emenda. Il-baġit għandu jitqies adottat b'mod definittiv fuq din il-bażi.

8.

Jekk, fi żmien il-wieħed u għoxrin jum imsemmija fil-paragrafu 5, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma jaqbilx fuq test konġunt, għandu jiġi preżentat abbozz ta' baġit ġdid mill-Kummissjoni.

9.

Meta tintemm il-proċedura prevista f'dan l-Artikolu, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie addottat b'mod definittiv.

10.

Kull istituzzjoni għandha teżerċita s-setgħa mogħtija lilha f' dan l-Artikolu skond it-Trattati u l-atti adottati taħthom, b' mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni u tal-bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

Artikolu 315

(ex Artikolu 273 TKE)

Jekk, fil-bidu tas-sena finanzjarja, il-baġit ikun għadu ma ġiex adottat b'mod definittiv, somma ekwivalenti ta’ mhux aktar minn wieħed minn tnax ta’ l-approprazjonijiet għall-kapitolu in kwistjoni tal-baġit tas-sena finanzjarja preċedenti tista' tintnefaq kull xahar fir-rigward ta’ xi kapitolu tal-baġit skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, mingħajr ma din is-somma taqbeż il-wieħed minn tnax ta' l-approprjazzjonijiet previsti fl-istess kapitolu ta' l-abbozz tal-baġit.

Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni jista', sakemm il-kundizjonijiet l-oħra stabbiliti fl-ewwel subparagrafu jkunu osservati, jawtorizza nefqa in eċċess ta’ wieħed minn tnax skond ir-regolament stabbilit permezz ta' l-Artikolu 322. Għandu jittrasmetti immedjatament id-deċiżjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew.

Id-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa fir-rigward tar-riżorsi għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, skond l-atti msemmija fl-Artikolu 311.

Din għandha tidħol fis-seħħ tletin jum wara l-adozzjoni tagħha sakemm il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġgoranza tal-membri komponenti tiegħu, ma jkunx iddeċieda li jnaqqas dik in-nefqa f' dak il-limitu ta' żmien.

Artikolu 316

(ex Artikolu 271 TKE)

Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stipulati fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 322, l-approprjazzjonijiet kollha, barra dawk assenjati għall-ispejjeż tal-persunal, li ma jintefqux sa l-aħħar tas-sena finanzjarja, jistgħu jiġu mgħoddija għal wara, iżda mhux għal iktar tard minn tmiem is-sena finanzjarja ta' wara.

L-approprjazzjonijiet għandhom isiru taħt kapijiet differenti, skond it-tip jew l-għan u suddiviżi skond ir-regolamenti adottati taħt l-Artikolu 322.

Għandu jkun hemm sezzjonijiet separati tal-baġit għan-nefqa tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-dħul ta’ ċerti spejjeż komuni taħt kap speċjali.

KAPITOLU 4

L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT U L-KWITTANZA

Artikolu 317

(ex Artikolu 274 TKE)

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti ta' l-approprazzjonijiet, b' konsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprazzjonijiet jkunu wżati skond il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba.

Ir-regolament għandu jistabbilixxi l-obbligi ta' kontroll u ta' verifika ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabbiltajiet li joħorġu minn dan. Għandu jistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet u r-regoli dettaljati li magħhom għandha timxi kull istituzzjoni fl-implimentazzjoni ta' l-infiq tagħha.

Fl-ambitu ta' l-estimi, il-Kummisjoni tista', suġġetta għal-limiti u l-kondizzjonijiet iffissati fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, tittrasferixxi ammonti votati minn kapitolu għall-ieħor jew minn sottodiviżjoni għall-oħra.

Artikolu 318

(ex Artikolu 275 TKE)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kell sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kontijiet tas-sena finanzjarja preċidenti li jirrelataw għall-implementazzjoni tal-baġit. Il-Kummissjoni għandha wkoll twaslilhom dikjarazzjoni finanzjarja ta' l-assi u djun pendenti ta' l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni tal-finanzi ta' l-Unjoni bbażat fuq ir-riżultati miskuba b'mod partikolari fir-rigward ta' l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skond l-Artikolu 319.

Artikolu 319

(ex Artikolu 276 TKE)

1.   Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-baġit. Għal dan l-għan, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom wieħed wara l-ieħor jeżaminaw il-kontijiet, id-dikjarazzjoni finanzjarja u r-rapport ta' valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 318, ir-rapport annwali mill-Qorti ta' l-Awdituri flimkien mar-risposti mill-istituzzjonijiet li tkun qiegħda ssirilhom il-verifika għall-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri, l-istqarrija ta’ assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, u kull rapport speċjali relevanti mill-Qorti ta' l-Awdituri.

2.   Qabel ma jagħti l-kwittanza tiegħu lill-Kummissjoni, jew għal kull raġuni oħra in konnessjoni ma' l-eżerċizzju tal-poteri tiegħu fuq l-implimentazzjoni ta' l-estimi, il-Parlament Ewropew jista' jitlob li jisma' lill-Kummissjoni tixhed dwar l-eżekuzzjoni tan-nefqa jew l-operat tas-sistemi ta’ kontroll finanzjarju. Il-Kummissjoni għandha tagħti kull informazzjoni neċessarja lill-Parlament Ewropew fuq talba ta’ dan ta' l-aħħar.

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha approprijati sabiex taġixxi fuq l-osservazzjonijiet fid-deċiżjonijiet ta’ kwittanza u fuq osservazzjonijiet oħra mill-Parlament Ewropew rigward l-esekuzzjoni tan-nefqa, kif ukoll fuq il-kummenti li jkunu annessi mar-rakkomandazzjoni dwar il-kwittanza adottati mill-Kunsill.

Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-Kummisjoni għandha tirraporta dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u l-kummenti u b’mod partikolari fuq l-istruzzjonijiet mogħtija lid-dipartimenti li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-estimi. Dawn ir-rapporti għandhom jintbagħtu wkoll lill-Qorti ta' l-Awdituri.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 320

(ex Artikolu 277 TKE)

Il-qafas finanzjarju pluriennali u l-baġit annwali għandhom jitfasslu f'euro.

Artikolu 321

(ex Artikolu 278 TKE)

Il-Kummissjoni tista’, basta tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati interessati, tittrasferixxi l-assi monetarji tagħha fil-munita ta' xi wieħed mill-Istati Membri għall-munita ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dan jista’ jkun meħtieġ sabiex dawn il-fondi jkunu jistgħu jiġu użati għall-għanijiet li għalihom huma destinati fit-Trattati. Il-Kummissjoni għandha kemm jista' jkun iżżomm milli tagħmel tali trasferimenti jekk hija tkun tippossjedi flus likwidi jew assi realizzabbli fil-munita li tkun teħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika ma’ kull Stat Membru permezz ta' l-awtorità indikata mill-Istat. Għall-esekuzzjoni ta' l-operazzjonijiet finanzjarji, hija għandha tuża s-servizzi tal-bank ta' l-emissjoni ta' l-Istat Membru interessat, jew ta’ xi istituzzjoni finanzjarja oħra approvata minn dak l-Istat.

Artikolu 322

(ex Artikolu 279 TKE)

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni mal-Qorti ta' l-Awdituri għandhom jadottaw, permezz ta' regolament:

a)

ir-regoli finanzjarji li jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet;

b)

ir-regoli dwar il-kontroll tar-responsabbiltà ta' l-atturi finanzjarji, u b'mod partikolari ta' l-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni u l-uffiċjali tal-kontijiet

2.   Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Qorti ta' l-Awdituri, għandu jiffissa l-modalità u jistabbilixxi l-proċeduri dwar kif id-dħul mill-estimi kif previsti fl-arranġamenti li għandhom x’jaqsmu mar-riżorsi ta' l-Unjoni jkun disponibbli għall-Kummissjoni, u jiddetermina l-miżuri li għandhom jiġu applikati, jekk meħtieġa, sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet finanzjarji.

Artikolu 323

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li jkun hemm disponibbli l-mezzi finanzjarji sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi.

Artikolu 324

Laqgħat regolari bejn il-Presidenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jissejjħu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni taħt il-proċeduri tal-baġit previsti f'dan it-Titolu. Il-Presidenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jippromwovu l-konsultazzjoni kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet li jippresjedu fuqhom, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu.

KAPITOLU 6

IL-ĠLIEDA KONTRA L-FRODI

Artikolu 325

(ex Artikolu 280 TKE)

1.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom li tkun immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan huma għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti.

4.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, wara li jikkonsultaw l-Qorti ta' l-Awdituri, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa fl-oqsma ta’ prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni bl-għan li joffru protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni.

5.   Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha kull sena tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-miżuri meħuda għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

TITOLU III

KOPERAZZJONI IMSAĦĦA

Artikolu 326

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

Kull koperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta it-Trattati u d-dritt ta' l-Unjoni.

Din il-koperazzjoni m'għandha tikkomprometti la s-suq intern u lanqas il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. M'għandhiex tkun ta' ostakolu jew ta' diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas m'għandha tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bejniethom.

Artikolu 327

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

Kull koperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha. Dawn l-Istati Membri m'għandhomx ifixklu l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 328

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

1.   Meta tkun qed tiġi stabbilita koperazzjoni msaħħa, din għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha, bil-kondizzjoni li jiġu rispettati l-kondizzjonijiet eventwali tal-parteċipazzjoni stabbiliti mid-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni. Il-koperazzjoni msaħħa għandha tkun miftuħa għalihom ukoll fi kwalunkwe ħin ieħor, bil-kondizzjoni li, minbarra l-kondizzjonijiet imsemmija, jiġu rispettati l-atti diġà adottati f'dak il-qafas.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti f'koperazzjoni msaħħa għandhom jassiguraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni mill-ikbar għadd possibbli ta' Stati Membri.

2.   Il-Kummissjoni u, fejn hu xieraq, ir-Rappreżentant ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jinformaw regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tal-koperazzjoni msaħħa.

Artikolu 329

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

1.   L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom f'wieħed mill-oqsma previsti mit-Trattati, bl-eċċezzjoni ta' l-oqsma ta' kompetenza esklużiva u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, għandhom jindirizzaw talba lill-Kummissjoni, li fiha jispeċifikaw il-kamp ta' l-applikazzjoni u l-objettivi tal-koperazzjoni msaħħa proposta. Il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. Fil-każ li l-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar ir-raġunijiet għal dan.

L-awtorizzazzjoni sabiex titwettaq koperazzjoni msaħħa prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2.   It-talba ta' l-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni għandha tkun indirizzata lill-Kunsill. Din għandha tgħaddi għand ir-Rappreżentant ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-koerenza tal-koperazzjoni msaħħa proposta mal-politika estera u ta' sigurtà komuni ta' l-Unjoni, kif ukoll lill-Kummissjoni, li tagħti l-opinjoni tagħha, b'mod partikolari dwar il-koerenza tal-koperazzjoni msaħħa proposta mal- politika l-oħra ta' l-Unjoni. Din għandha tintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni.

L-awtorizzazzjoni għal koperazzjoni msaħħa għandha tingħata b'deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 330

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

Il-membri kollha tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda l-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f'koperazzjoni msaħħa biss għandhom jieħdu sehem fil-vot.

L-unanimità għandha tkun kostitwita mill-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jipparteċipaw biss.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3).

Artikolu 331

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

1.   Kull Stat Membru li jixtieq jipparteċipa f'koperazzjoni msaħħa li tkun għaddejja f'waħda mill-oqsma previsti fl-Artikolu 329(1), għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien erba' xhur mid-data li tirċievi n-notifika, tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat. Din għandha tikkonstata, fejn meħtieġ, li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu ġew milħuqa u għandha tadotta l-miżuri transitorji meħtieġa rigward l-applikazzjoni ta' l-atti diġà adottati fil-qafas tal-koperazzjoni msaħħa.

Madankollu, jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ma ġewx milħuqa, din għandha tindika l-arranġamenti li għandhom isiru sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet u għandha tistabbilixxi skadenza sabiex terġa' teżamina t-talba. Meta tiskadi dik l-iskadenza, għandha terġa' teżamina t-talba skond il-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu għadhom ma ntlaħqux, l-Istat Membru konċernat jista' jirriferi l-kwistjoni lill-Kunsill, li għandu jiddeċiedi fuq dik it-talba. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond l-Artikolu 330. Jista' wkoll jadotta l-miżuri transitorji previsti fit-tieni subparagrafu fuq proposta tal-Kummissjoni.

2.   Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jipparteċipa f'koperazzjoni msaħħa fil-qafas mal-politika estera u ta' sigurtà komuni għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill, lir-Rappreżentant ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni.

Il-Kunsill għandu jikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru in kwistjoni, wara konsultazzjoni tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta' Sigurtà u wara li jkun ikkonstata, fejn meħtieġ, li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu ntlaħqu. Il-Kunsill, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli, jista' wkoll jadotta l-miżuri transitorji meħtieġa rigward l-applikazzjoni ta' l-atti diġà adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa. Madankollu, jekk il-Kunsill iqis li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ma jkunux ġew milħuqa, dan għandu jindika l-arranġamenti li għandhom isiru sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet u għandu jistabbilixxi skadenza sabiex terġa' tiġi eżaminata t-talba għal parteċipazzjoni.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu u skond l-Artikolu 330.

Artikolu 332

(ex Artikoli 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

In-Nefqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' koperazzjoni msaħħa, minbarra l-ispejjeż amministrattivi magħmula mill-istituzzjonijiet, għandha tkun a karigu ta' l-Istati Membri parteċipanti, sakemm il-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimita' tal-Membri kollha tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċidix mod ieħor.

Artikolu 333

(ex Artikoli 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

1.   Fejn dispożizzjoni tat-Trattati li tista' tiġi applikata fil-kuntest ta' koperazzjoni msaħħa tipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 330 jista' jadotta deċiżjoni li tipprovdi li dan ser jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata.

2.   Fejn dispożizzjoni tat-Trattati li tista' tiġi applikata fil-kuntest ta' koperazzjoni msaħħa tipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta atti skond il-proċedura leġislattiva speċjali, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skond l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 330 jista' jadotta deċiżjoni li tipprovdi li dan ser jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

Artikolu 334

(ex Artikolu 27A sa 27E, 40 sa 40B u 43 sa 45 TUE u l-ex Artikoli 11 u 11A TKE)

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw il-koerenza ta' l-azzjonijiet imwettqa fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa kif ukoll il-koerenza ta' dawn l-azzjonijiet mal-politika ta' l-Unjoni, u għandhom jikkoperaw għal dak il-għan.

IS-SEBA' PARTI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 335

(ex Artikolu 282 TKE)

F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Unjoni għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa' mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni. Madankollu, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa ta' l-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom.

Artikolu 336

(ex Artikolu 283 TKE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet l-oħra interessati, għandhom jistabbilixxu r-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta' l-Unjoni.

Artikolu 337

(ex Artikolu 284 TKE)

Biex twettaq il-kompiti fdati lilha, il-Kummissjoni tista’ tiġbor kull tagħrif u tagħmel il-verifiki kollha meħtieġa fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

Artikolu 338

(ex Artikolu 285 TKE)

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri għall-produzzjoni ta’ statistiċi fejn meħtieġa għat-twettiq ta' l-attivitajietta' l-Unjoni.

2.   L-istatistiċi li jiġu prodotti għandhom jirrispettaw l-imparzjalità, l-affidabbiltà, l-oġġettività, l-indipendenza xjentifika, il-proporzjonalità ta' l-ispiża mar-riżultat u l-konfidenzjalità statistika; m'għandhomx joħolqu piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi.

Artikolu 339

(ex Artikolu 287 TKE)

Il-membri ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra ta' l-Unjoni, ikunu meħtieġa ukoll wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirriferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.

Artikolu 340

(ex Artikolu 288 TKE)

Ir-responsabbiltà kontrattwali ta' l-Unjoni għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni.

Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

B'deroga mit-tieni subparagrafu, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jagħmel tajjeb, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, għad-danni kkawżati minnu jew mill-aġenti tiegħu fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Ir-responsabbiltà personali ta’ l-impjegati tagħha lejn l-Unjoni għandhom jiġu rregolati bil-provvedimenti previsti fir-Regolamenti dwar il-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għalihom.

Artikolu 341

(ex Artikolu 289 TKE)

Is-sedi ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 342

(ex Artikolu 290 TKE)

In-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, jiġu stabbiliti mill-Kunsill, b’mod unanimu permezz ta' regolament.

Artikolu 343

(ex Artikolu 291 TKE)

L-Unjoni għandha tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-pivileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha, skond il-kondizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll tat-8 ta’April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea. L-istess għandu japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment.

Artikolu 344

(ex Artikolu 292 TKE)

L-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jippreżentawx kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattati.

Artikolu 345

(ex Artikolu 295 TKE)

It-Trattati għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.

Artikolu 346

(ex Artikolu 296 TKE)

1.   Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati m'għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

a)

l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

b)

kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurta’ tiegħu, u li jkollhom x'jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta' l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-għanijiet speċifikament militari.

2.   Il-Kunsill jista', waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jagħmel tibdiliet għal-lista, li hu kien ħejja fil-15 ta’ April 1958, għal prodotti li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(b).

Artikolu 347

(ex Artikolu 297 TKE)

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jieħdu flimkien il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu li l-funzjonament tas-suq intern jiġi milqut minn miżuri li Stat Membru jista’ jkollu jieħu fil-każ ta’ disturb serju intern li jolqot l-ordni pubbliku, fil-każ ta’ gwerra jew tensjoni internazzjonali serja li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra, jew sabiex jesegwixxi obbligi li jkun assuma bil-għan li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Artikolu 348

(ex Artikolu 298 TKE)

Jekk il-miżuri meħuda fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 346 u 347 jirriżultaw f' distorsjoni tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni, li taġixxi flimkien ma’ l-Istat interessat, għandha teżamina kif dawn il-miżuri jistgħu jiġu adattati għar-regoli stabbiliti fit-Trattati.

B’deroga għall-proċedura prevista fl-Artikoli 258 u 259, il-Kummissjoni jew kull Stat Membru jistgħu jirrikorru direttament għall-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li Stat Membru ieħor ikun qiegħed jabbuża mis-setgħat previsti fl-Artikoli 346 u 347. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tisma’ l-kawża in camera.

Artikolu 349

(ex Artikolu 299(2), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, TKE)

B'kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika tal-Gwadelup, tal-Gujana Franċiża, tal-Martinique, tal-Majott, ta' Réunion, ta' Saint Martin, l-Azores, il-Madejra u l-Gżejjer Kanarji, li hija aktar ikkumplikata bid-distanza u l-insularità tagħhom, bid-daqs żgħir, bit-topografija u l-klima diffiċli, bid-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu bi kbir l-iżvilupp tagħhom, il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jadotta miżuri speċifiċi bl-għan li, partikolarment, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati presenti għal dawk ir-Reġjuni, inklużi l-politiki komuni. Meta jiġu adottati l-miżuri speċifiċi in kwistjoni mill-Kunsill skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jiddeċiedi wkoll fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jikkonċernaw b'mod partikolari oqsma bħalma huma l-politika doganali u tal-kummerċ, il-politika fiskali, iż-żoni liberi, il-politika dwar l-agrikoltura u s-sajd, il-kondizzjonijiet għall-fornitura ta’ materja prima u oġġetti essenzjali għall-konsumatur, l-għajnuniet ta' l-Istat u l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fondi strutturali u għal programmi oriżżontali ta' l-Unjoni.

Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu billi jieħu kont tal-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi mingħajr ma jnaqqas l-integrità u l-koerenza ta' l-ordni legali ta' l-Unjoni, inklużi s-suq intern u l-politika komuni.

Artikolu 350

(ex Artikolu 306 TKE)

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati m'għandhomx ikunu inkompatibbli ma' l-eżistenza jew l-istabbiliment ta' l-unjonijiet reġjonali bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, u bejn il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Olanda, sa fejn l-għanijiet ta' dawn l-unjonijiet reġjonali ma jinkisbux bl-applikazzjoni tat-Trattati.

Artikolu 351

(ex Artikolu 307 TKE)

Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

Sa fejn dawn il-ftehim ma' jkunux kompatibbli mat-Trattati, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista' tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni.

Fl-implimentazzjoni tal-ftehim imsemmija fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-vantaġġi mogħtija bit-Trattati minn kull Stat Membru jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment ta' l-Unjoni u huma għalhekk marbuta inseparabbilment mal-kreazzjoni ta' l-istituzzjonijiet komuni, ma' l-għotja lilhom tas-setgħat tagħhom u l-konċessjoni ta' l-istess vantaġġi mill-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 352

(ex Artikolu 308 TKE)

1.   Jekk tidher meħtieġa azzjoni ta' l-Unjoni, fil-qafas tal-politika definita fit-Trattati, għall-kisba ta' wieħed mill-objettivi previsti mit-Trattati, u t-Trattati ma jkunux stabbilew is-setgħat meħtieġa għal dan l-għan, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa. Meta l-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet in kwistjoni skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jadottahom ukoll b'unanimità, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Parlamenti nazzjonali għall-proposti bbażati fuq dan l-Artikolu permezz tal-proċedura għall-monitoraġġ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà previst fl-Artikolu 5(3), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,.

3.   Il-miżuri bbażati fuq dan l-Artikolu m'għandhomx jinvolvu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti ta' l-Istati Membri fil-każijiet fejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni.

4.   Dan l-Artikolu ma jistax iservi bħala bażi sabiex jintlaħaq objettiv tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u kull att adottat skond dan l-Artikolu għandu jirrispetta l-limiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta' Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 353

L-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea m'għandux japplika għall-Artikoli li ġejjin:

Artikolu 311, it-tielet u r-raba' subparagrafi,

Artikolu 312(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 352, u

Artikolu 354.

Artikolu 354

(ex Artikolu 309 TKE)

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar is-sospensjoni ta' ċerti drittijiet li jirriżultaw mis-sħubija ma' l-Unjoni, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru konċernat m'għandux jieħu sehem fil-vot u l-Istat Membru konċernat ma jiġix ikkunsidrat fil-kalkolu tat-terz jew ta' erba' minn ħamsa ta' l-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dak l-Artikolu. L-astensjonijiet minn membri preżenti jew rappreżentati m'għandhomx iżommu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu.

Għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 7 (3) u (4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-maġġoranza kwalifikata għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(b) ta' dan it-Trattat.

Meta, wara deċiżjoni ta' sospensjoni tad-drittijiet ta' vot adottata skond l-Artikolu 7(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jaġixxi, b'maġġoranza kwalifikata, abbażi ta' waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati, din il-maġġoranza kwalifikata għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(b) ta' dan it-Trattat, jew, meta l-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, skond l-Artikolu 238(3)(a).

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi bil-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

Artikolu 355

(ex Artikolu 299(2), l-ewwel subparagrafu, u (3) sa (6), TKE)

Barra mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tat-Trattati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1.

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw għall-Gwadelup, għall-Gujana Franċiża, għall-Martinique, għall-Majott, għal Réunion, għal Saint Martin, għall-Azores, għall-Madejra u għall-Gżejjer Kanarji, skond l-Artikolu 349.

2.

L-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni stabbiliti fil-Parti Erbgħa għandhom japplikaw għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej imsemmija fl-Anness II.

It-trattati ma japplikawx għal dawk il-pajjiżi u territorji extra-ewropej li jkollhom relazzjonijiet speċjali mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li m' humiex inklużi fil-lista msemmija hawn fuq.

3.

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw għal territorji Ewropej li r-relazzjonijiet barranin tagħhom huma r-responsabbiltà ta' Stat Membru.

4.

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati ikunu japplikaw għal Gżejjer Åland skond id-dispożizzjonijiet kif indikati fi Protokoll Nru 2 ta' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja.

5.

B'deroga mill-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mill-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu:

a)

It-Trattati ma japplikawx għal Gżejjer Faeroe;

b)

It-Trattati m'għandhomx japplikaw għall-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit f'Akrotiri u Dhekelia f'Ċipru għajr safejn hu meħtieġ sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti stabbiliti fil-Protokoll dwar l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru annessi ma' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka għall-Unjoni Ewropea u skond it-termini ta' dak il-Protokoll.

c)

It-Trattati japplikaw għaċ-Channel Islands u l-Gżira ta' Man sal-limitu biss li hu meħtieg sabiex tiġi aċċertata l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti għal dawk il-gżejjer stipulati fit-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda mal-Komunita' Ekonomika Ewropeja u mal-Komunita' Ewropea ta' l-Enerġija Atomika iffirmat fit-22 ta' Jannar 1972.

6.

Il-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru kkonċernat, jista' jadotta deċiżjoni li temenda l-istatus, fir-rigward ta' l-Unjoni, ta' pajjiż jew territorju Daniż, Franċiż jew Olandiż previst fil-paragrafi 1 u 2. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni.

Artikolu 356

(ex Artikolu 312 TKE)

Dan it-Trattat għandu jiġi konkluż għal żmien indeterminat.

Artikolu 357

(ex Artikolu 313 TKE)

Dan it-Trattat għandu jiġi ratifikat mill-Partijiet Kontraenti Għolja skond ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta' ratifika għandhom jiġu depositati mal-Gvern tar-Repubblika ta' l-Italja.

Dan it-Trattat jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara li jkun ġie depożitat l-istrument ta' ratifika minn dak l-Istat firmatarju li jkun l-aħħar li jwettaq din il-formalità. Madankollu, jekk dan id-depożitu jsir inqas minn ħmistax-il ġurnata qabel il-bidu tax-xahar li jmiss, dan it-Trattat ma jidħolx fis-seħħ qabel l-ewwel jum tat-tieni xahar li jkun imiss wara d-data ta' dak id-depożitu.

Artikolu 358

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 55 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu applikabbli għal dan it-Trattat.

B'XIEHDA TA' DAN, il-Pjenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw fi tmiem dawn it-Trattati.

Magħmul Ruma fil-ħamsa u għoxrin jum ta' Marzu tas-sena elf disa' mija u sebgħa u ħamsin.

(lista tal-firmatarji mhux riprodotta)


(1)  Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta' l-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq saru wkoll membri ta' l-Unjoni Ewropea.

(2)  Din ir-referenza hija biss indikattiva. Ara t-Tabella ta' Korrispondenza.


PROTOKOLLI

PROTOKOLL (NRU 1)

DWAR IR-RWOL TAL-PARLAMENTI NAZZJONALI FL-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-mod li bih il-Parlamenti nazzjonali jeżerċitaw il-kontroll fuq il-gvern tagħhom f'dak li jolqot l-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea jiddependi mill-organizzazzjoni u l-prattika kostituzzjonali partikolari ta' kull Stat Membru,

BIX-XEWQA li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni akbar tal-Parlamenti nazzjonali fl-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea u li jkabbru l-kapaċità tagħhom li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar abbozzi ta' atti leġislattivi ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll dwar materji oħra li jistgħu jkunu ta' interess partikolari għalihom,

FTIEHMU dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika:

TITOLU I

INFORMAZZJONI GĦALL-PARLAMENTI NAZZJONALI

Artikolu 1

Id-dokumenti ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni (green papers, white papers u komunikazzjonijiet) għandhom jintbagħtu direttament mill-Kummissjoni lill-Parlamenti nazzjonali hekk kif jiġu pubblikati. Il-Kummissjoni għandha wkoll tibgħat lill-Parlamenti nazzjonali l-programm leġislattiv annwali kif ukoll kwalunkwe strument ieħor ta' ppjanar leġislattiv jew ta' strateġija politika fl-istess ħin li tibgħathom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 2

L-abbozzi ta' atti leġislattivi mibgħuta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jintbagħtu lill-Parlamenti nazzjonali.

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, “abbozz ta' att leġislattiv”, għandha tfisser il-proposti mill-Kummissjoni, l-inizjattivi ta' grupp ta' Stati Membri, l-inizjattivi tal-Parlament Ewropew, it-talbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew u t-talbiet mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-adozzjoni ta' att leġislattiv.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali mill-Kummissjoni, fl-istess ħin li jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu mill-Parlament Ewropew għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali mill-Parlament Ewropew.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandhom jintbagħtu lill-Parlamenti nazzjonali mill-Kunsill.

Artikolu 3

Il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jibgħatu opinjoni motivata lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dwar il-konformità ta' abbozz ta' att leġislattiv mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, skond il-proċedura stabbilita fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv jiġi minn grupp ta' Stati Membri, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni jew l-opinjonijiet motivati lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv jiġi mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni jew l-opinjonijiet motivati lill-istituzzjoni jew il-korp konċernat.

Artikolu 4

Għandu jgħaddi perijodu ta' tmien ġimgħat bejn id-data ta' meta abbozz ta' att leġislattiv ikun disponibbli għall-Parlamenti nazzjonali fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni u d-data meta jitpoġġa fuq l-aġenda provviżorja tal-Kunsill sabiex jiġi adottat jew sabiex tiġi adottata pożizzjoni skond proċedura leġislattiva. Għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet f'każijiet ta' urġenza, li r-raġunijiet għalihom għandhom jiġu dikjarati fl-att jew fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Ħlief f'każijiet urġenti li għalihom ikunu ngħataw raġunijiet xierqa, ma jista' jintlaħaq l-ebda ftehim fuq abbozz ta' att leġislattiv matul dawk it-tmien ġimgħat. Ħlief f'każijiet urġenti li għalihom ikunu ngħataw raġunijiet xierqa, għandu jgħaddi perijodu ta' għaxar t' ijiem bejn meta jitpoġġa abbozz ta' att leġislattiv fuq l-aġenda provviżorja tal-Kunsill u l-adozzjoni ta' pożizzjoni.

Artikolu 5

L-aġendi u r-riżultati tal-laqgħat tal-Kunsill, inklużi l-minuti tal-laqgħat li fihom il-Kunsill jiddiskuti abbozzi ta' atti leġislattivi, għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali, fl-istess ħin li jintbagħtu lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 6

Meta l-Kunsill Ewropew ikollu l-intenzjoni li jagħmel użu mill-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati dwar l-inizjattiva tal-Kunsill Ewropew mill-inqas sitt xhur qabel ma tkun adottata deċiżjoni.

Artikolu 7

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tibgħat ir-rapport annwali tagħha lill-Parlamenti nazzjonali għall-informazzjoni, fl-istess ħin li tibagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Fejn is-sistema parlamentari nazzjonali ma tkunx b' kamra waħda, l-Artikoli 1 sa 7 għandhom japplikaw għall-kmamar li jikkomponuha.

TITOLU II

KOPERAZZJONI INTERPARLAMENTARI

Artikolu 9

Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jiddeterminaw flimkien l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' koperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fi ħdan l-Unjoni.

Artikolu 10

Konferenza tal-kumitati parlamentari speċjalizzati fl-affarijiet ta' l-Unjoni tista' tippreżenta kull kontribuzzjoni li jidhrilha xierqa għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Din il-konferenza għandha tippromwovi, fost affarijiet oħra, l-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattika bejn il-Parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, inklużi il-kumitati speċjali tagħhom. Din tista' wkoll torganizza konferenzi interparlamentari fuq suġġetti speċifiċi, partikolarment sabiex tiddibatti dwar il-kwistjonijiet ta' politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni. Il-kontribuzzjonijiet tal-konferenza m'għandhomx jorbtu lill-Parlamenti nazzjonali u m'għandhomx jippreġudikaw il-pożizzjonijiet tagħhom.

PROTOKOLL (Nru 2)

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJI TA' SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JIXTIEQU li jaraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib taċ-ċittadini ta' l-Unjoni,

DETERMINATI li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u kif ukoll li jistabbilixxu sistema għall-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Kull istituzzjoni għandha tassigura r-rispett kontinwu tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Qabel ma tipproponi att leġislattiv, il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, fejn ikun xieraq, iqisu d-dimensjoni reġjonali u lokali ta' l-azzjoni maħsuba. F'każijiet ta' urġenza eċċezzjonali, l-Kummissjoni m'għandhiex tagħmel dawn il-konsultazzjonijiet. Din għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha fil-proposta tagħha.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, “abbozz ta' att leġislattiv”, għandha tfisser il-proposti mill-Kummissjoni, l-inizjattivi ta' grupp ta' Stati Membri, l-inizjattivi tal-Parlament Ewropew, it-talbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew jew it-talbiet mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-adozzjoni ta' att leġislattiv.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozzi tagħha ta' atti leġislattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tagħha lill-Parlamenti nazzjonali fl-istess ħin li tibgħathom lil-leġislatur ta' l-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew għandu jibgħat l-abbozzi tiegħu ta' atti leġislattivi kif ukoll l-abbozzi emendati tiegħu lill-Parlamenti nazzjonali.

Il-Kunsill għandu jibgħat l-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, kif ukoll abbozzi emendati, lill-Parlamenti nazzjonali.

Ir-riżoluzzjonijiet leġislattivi tal-Parlament Ewropew u l-pożizzjonijiet tal-Kunsill għandhom, meta jiġu adottati, jintbagħtu mill-Kunsill lill-Parlamenti nazzjonali.

Artikolu 5

L-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom jiġu ġustifikati fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Kull abbozz ta' att leġislattiv għandu jinkludi fih dikjarazzjoni bl-elementi dettaljati li tippermetti l-valutazzjoni tar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi elementi li jippermettu l-valutazzjoni ta' l-impatt finanzjarju ta' l-abbozz u, fil-każ ta' direttiva, ta' l-implikazzjonijiet tagħha għar-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, inkluż, fejn ikun meħtieġ, il-leġislazzjoni reġjonali. Ir-raġunijiet li jwasslu għall-konklużjoni li objettiv ta' l-Unjoni jista' tintlaħaq aħjar fil-livell ta' l-Unjoni għandhom jiġu sostanzjati b'indikaturi kwalitattivi u, fejn ikun possibbli, kwantitattivi. L-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, ikun minimizzat kemm jista' jkun u jkun proporzjonat ma' l-objettiv li jrid jintlaħaq.

Artikolu 6

Kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu, fi żmien tmien ġimgħat mid-data minn meta jirċievu abbozz ta' att leġislattiv fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni, jibgħatu lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni opinjoni motivata bir-raġunijiet li għalihom iqisu li l-abbozz in kwistjoni ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Kull parlament nazzjonali u kull kamra ta' parlament nazzjonali jistgħu jikkonsultaw, fejn ikun xieraq, mal-Parlamenti reġjonali li jkollhom setgħat leġislattivi.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej minn grupp ta' Stati Membri, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni lill-istituzzjoni jew il-korp konċernat.

Artikolu 7

1.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll, fejn huwa xieraq, il-grupp ta' Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ġej minnhom, għandhom iqisu l-opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali jew ta' kamra ta' parlament nazzjonali.

Kull parlament nazzjonali għandu jkollu żewġ voti, imqassma fuq il-bażi tas-sistema parlamentari nazzjonali. Fil-każ ta' sistema Parlamentari bikamerali, kull waħda miż-żewgt ikmamar għandha jkollha vot wieħed.

2.   Meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' abbozz ta' att leġislattiv jirrappreżentaw għall-anqas terz tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-abbozz għandu jiġi rivedut. Dan il-proporzjoni għandu jkun ta' kwart fil-każ ta' abbozz ta' att leġislattiv preżentat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni jew, skond il-każ, il-grupp ta' Stati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, jekk l-abbozz ta' att leġislattiv ikun ġej minnhom, jistgħu jiddeċiedu li jżommu, jemendaw jew jirtiraw l-abbozz. Għandhom jingħataw raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

3.   Barra minn hekk, fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ordinarja, meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' proposta ta' att leġislattiv jirrappreżentaw għall-anqas maġġoranza sempliċi tal-voti kollha allokati lill-Parlamenti nazzjonali skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-proposta għandha tiġi riveduta. Wara din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li żżomm, li temenda jew li tirtira l-proposta.

Jekk tagħżel li żżommha, il-Kummissjoni jkollha tiġġustifika għaliex tqis li l-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, permezz ta' opinjoni motivata. Din l-opinjoni motivata kif ukoll l-opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali, iridu jintbagħtu lil-leġislatur ta' l-Unjoni għall-konsiderazzjoni fil-proċedura:

a)

qabel jiġi konkluż l-ewwel qari, il-leġislatur (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) għandu jeżamina l-kompatibbiltà tal-proposta leġislattiva mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, b'kont partikolari meħud tar-raġunijiet espressi u kondiviżi mill-maġġoranza tal-Parlamenti nazzjonali kif ukoll ta' l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni;

b)

Jekk, permezz ta' maġġoranza ta' 55 % tal-membri tal-Kunsill jew ta' maġġoranza tal-voti espressi fil-Parlament Ewropew, il-leġislatur huwa ta' l-opinjoni li l-proposta ma' tkunx kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta leġislattiva m'għandhiex tiġi kkunsidrata aktar.

Artikolu 8

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi fuq ksur tal-prinċipji tas-sussidjarjetà minn att leġislattiv, li jitressqu skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Istati Membri jew li jiġu notifikati minnhom skond l-ordinament ġuridiku tagħhom f'isem parlament nazzjonali jew kamra minnu.

Skond ir-regoli previsti fl-imsemmi Artikolu, il-Kumitat tar-Reġjuni jista' wkoll jagħmel rikors bħal dan kontra l-atti leġislattivi li għalihom t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jipprevedi l-konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport kull sena lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Parlamenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport annwali għandu jiġi mgħoddi wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

PROTOKOLL (Nru 3)

DWAR L-ISTATUT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JRIDU li jistabbilixxu l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea kif previst fl-Artikolu 281 tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 160 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hija kostitwita u teżerċita l-funzjoni tagħha skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (it-Trattat KEEA) u ta’ dan l-Istatut.

TITOLU I

L-IMĦALLFIN U L-AVUKATI ĠENERALI

Artikolu 2

Qabel ma jassumi l-kariga kull Imħallef għandu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mlaqqa' f'seduta pubblika, jaħlef li jwettaq id-dmirijiet tiegħu b’imparzjalità u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 3

L-Imħallfin igawdu l-immunità minn proċedimenti legali kontrihom. Wara li jkunu spiċċaw mill-kariga, jibqgħu igawdu l-immunità rigward l-atti li jkunu wettqu fil-kariga uffiċjali tagħhom, inklużi l-kliem u l-kitba tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’seduta plenarja, tista’ tneħħi din l-immunità. Jekk id-deċiżjoni tikkonċerna membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-qorti konċernata.

Meta l-immunità tkun tneħħiet u jittieħdu proċeduri kriminali kontra Mħallef, dan ikun jista' jiġi proċessat biss minn qorti kompetenti sabiex tiġġudika l-membri ta’ l-ogħla ġudikatura nazzjonali, f’xi wieħed mill-Istati Membri.

L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea japplikaw għall-Imħallfin, għall-Avukati Ġenerali, għar-Registratur u għall-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immunità ta' l-Imħallfin minn proċedimenti legali, li huma msemmija fil-paragrafi ta’ qabel.

Artikolu 4

L-Imħallfin ma' jistgħu ikollhom ebda kariga politika jew amministrattiva.

Ma jistgħu jeżerċitaw ebda attività professjonali, bi ħlas jew mingħajr, ħlief bl-eżenzjoni eċċezzjonali mogħtija mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi.

Meta jassumu d-doveri tagħhom, dawn għandhom jintrabtu solennement li kemm matul il-perjodu tal-kariga tagħhom, kif ukoll wara li din tkun intemmet, jirrispettaw l-obbligi marbuta magħha, b’mod partikolari d-doveri ta' l-onestà u d-diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-aċċettazzjoni, wara li jkunu temmew il-kariga, ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji.

F'każ ta' dubbju tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk id-deċiżjoni tikkonċerna membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-qorti konċernata.

Artikolu 5

Apparti s-sostituzzjoni normali, jew il-mewt, id-dmirijiet ta’ Mħallef jintemmu meta dan jirriżenja.

Meta Mħallef jirriżenja, l-ittra tar-riżenja għandha tiġi indirizzata lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tintbagħat lill-President tal-Kunsill. Din in-notifika iġġib post battal fis-sedja.

Ħlief fejn ikun jgħodd l-Artikolu 6, Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu.

Artikolu 6

L-Imħallfin jistgħu jiġu mneħħija mill-kariga tagħhom jew miċħuda mid-dritt tagħhom għal pensjoni jew minn vantaġġi oħra minflokha, f'każ biss li, fuq ġudizzju unanimu ta' l-Imħallfin u ta' l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jkunux iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew ma jissodisfawx iktar l-obbligi tal-kariga tagħhom. L-Imħallef interessat ma jieħux parti f'deliberazzjoni bħal din. Jekk il-persuna kkonċernata tkun membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-qorti konċernata.

Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jikkomunika din id-deċiżjoni tal-Qorti lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni u għandu jgħarraf ukoll lill-President tal-Kunsill.

F'każ ta’ deċiżjoni li jitneħħa Mħallef mill-kariga, in-notifika ġġib post battal fis-sedja.

Artikolu 7

L-Imħallfin li l-funzjoni tagħhom tintemm qabel l-iskadenza tal-mandat tagħhom jiġu sostitwiti għall-bqija taż-żmien tal-mandat.

Artikolu 8

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 7 japplikaw għall-Avukati Ġenerali.

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 9

Meta, kull tliet snin, ikun hemm sostituzzjoni parzjali tal-Imħallfin, għandhom jiġu sostitwiti nofs l-Imħallfin. Jekk l-għadd ta' Mħallfin ikun numru bil-fard, l-għadd ta' Mħallfin li jiġu sostitwiti għandu jkun alternat bejn in-numru li jmiss li jkun akbar minn nofs l-għadd ta' Mħallfin u n-numru li jmiss li jkun inqas minn nofs.

L-ewwel paragrafu għandu japplika wkoll meta kull tliet snin jiġu sostitwiti parzjalment l-Avukati Ġenerali.

Artikolu 9a

L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom għal perjodu ta’ tliet snin il-President u l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-mandat tagħhom jista' jiġi mġedded.

Il-Viċi President għandu jassisti lill-President skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Huwa għandu jissostitwixxi lill-President fil-każ ta’ impediment ta’ dan ta' l-aħħar jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti.

Artikolu 10

Ir-Registratur jieħu ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jaqdi dmirijietu b’imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

Artikolu 11

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taħseb minn qabel għas-sostituzzjoni tar-Reġistratur f'każ ta' l-impediment ta' dan.

Artikolu 12

Għandhom jiġu addetti uffiċjali u impjegati oħra mal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tkun tista’ tiffunzjona. Huma għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur taħt l-awtorità tal-President.

Artikolu 13

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu, skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jipprovdu sabiex jaħtru Assistenti Relaturi u jistabbilixxu r-regoli dwar is-servizz tagħhom. L-Assistenti Relaturi jistgħu jiġu msejħa, skond il-kondizzjonijiet stipulati fir-Regoli tal-Proċedura, sabiex jipparteċipaw fl-istruzzjoni tal-kawzi miġjuba quddiem il-Qorti u sabiex jikkoperaw ma’ l-Imħallef Relatur.

L-Assistenti Relaturi, li għandhom jintgħażlu minn persuni li ma jkun hemm l-ebda dubbju mill-indipendenza tagħhom u li jippossedu l-kwalifiki legali meħtieġa, jiġu maħtura mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi. Huma għandhom jaħilfu quddiem il-Qorti li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza u li jħarsu s-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

Artikolu 14

L-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistratur għandhom joqogħdu fil-lokalità fejn tiltaqa’ l-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 15

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ b’mod permanenti. It-tul tal-vaganzi ġudizzjarji jiġi stabbilit mill-Qorti billi tqis il-ħtiġijiet tax-xogħol tagħha.

Artikolu 16

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistitwixxi fi ħdanha awli komposti minn tlieta u ħames Imħallfin. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-Presidenti ta’ l-awli. Il-Presidenti ta’ l-awli ta’ ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti darba biss.

L-Awla Manja għandha tikkonsisti fi ħmistax-il Imħallef. Din tkun presjeduta mill-President tal-Qorti. Jagħmlu parti ta' l-Awla Manja l-Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, tlieta mill-Presidenti ta’ l-awli b’ħames Imħallfin u Mħallfin oħra.

Il-Qorti tiltaqa’ f’Awla Manja meta Stat Membru jew istituzzjoni ta' l-Unjoni li jkunu parti fil-kawża hekk jitolbu.

Il-Qorti tiltaqa’ bħala Qorti plenarja meta jinġiebu quddiemha kawżi skond l-Artikolu 228(2), l-Artikolu 245(2), l-Artikolu 247 jew l-Artikolu 286(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, meta jidhrilha li każ pendenti quddiemha jkun ta’ importanza eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, li tirriferi l-kawża lill-Qorti plenarja.

Artikolu 17

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi validament biss meta tkun komposta bil-fard.

Id-deċiżjonijiet ta’ l-awli li jikkonsistu minn tlieta jew minn ħames Imħallfin ikunu validi biss jekk mogħtija minn tliet Imħallfin.

Id-deċiżjonijiet ta’ l-Awla Manja jkunu validi biss jekk l-Imħallfin preżenti jkunu ħdax.

Id-deċizjonijiet tal-Qorti f’seduta plenarja jkunu validi biss jekk ikun hemm sbatax-il Imħallef preżenti.

Fil-każ ta' impediment ta' wieħed mill-Imħallfin ta’ awla li jattendi, Imħallef ta’ awla oħra jista’ jissejjaħ sabiex jieħu s-sedja skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 18

Ebda Mħallef jew Avukat Ġenerali ma jista’ jieħu parti fit-trattazzjoni ta’ kawża li jista' jkun ħa parti fiha qabel bħala aġent jew konsulent jew ikun aġixxa għal waħda mill-partijiet, jew li jkun ġie msejjaħ sabiex jippronunzja ruħu bħala membru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tribunal, ta’ Kummissjoni ta’ inkjesta jew f’kapaċità oħra.

Jekk, għal xi raġuni speċjali, xi Mħallef jew Avukat Ġenerali jikkonsidra li m’għandux jieħu parti f’ġudizzju jew eżami ta’ xi kawża partikolari, hu għandu jinforma lill-President. Jekk il-President jikkonsidra li xi Mħallef jew Avukat Ġenerali għal xi raġuni speċjali m’għandux jisma’ jew jippreżenta konklużjonijiet f’kawża partikolari, huwa għandu jgħarraf b’dan lill-persuna interessata.

F'każ ta diffikultà dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu din għandha tiġi deċiża mill-Qorti.

Parti ma tistax titlob il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti jew ta’ waħda mill-awli tagħha la għar-raġuni kemm taċ-ċittadinanza ta’ Imħallef u l-anqas ta’ l-assenza mill-Qorti jew mill-awla ta’ Mħallef taċ-ċittadinanza ta’ dik il-parti.

TITOLU III

PROĊEDURA QUDDIEM IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 19

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

Minbarra l-Istati Membri, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u wkoll ta’ l-Awtorità għas-Sorveljanza ta’ l-EFTA msemmija f’dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod.

Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.

Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.

Dawn l-aġenti, konsulenti u avukati, meta jidhru quddiem il-qorti, igawdu mid-drittijiet u l-immunitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tad-doveri tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Fir-rigward ta’ dawn il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiemha, il-Qorti għandha jkollha s-setgħat li normalment igawdu qrati u tribunali, skond il-kondizzjonijet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Għalliema ta’ l-Università li jkunu ċittadini ta' l-Istati Membri li l-liġi tagħhom tagħtihom id-dritt ta’ udjenza għandu jkollhom l-istess drittijiet quddiem il-Qorti li dan l-Artikolu jagħti lill-avukati.

Artikolu 20

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonsisti f’żewġ partijiet: dik miktuba u dik orali.

Il-proċedura miktuba tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni li d-deċiżjoni tagħhom tkun qiegħda tiġi mistħarrġa, ta’ applikazzjonijiet, stqarrijiet dwar il-każ, difiżi u osservazzjonijiet, u ta’ repliki, jekk ikun hemm, kif ukoll ta’ skritti u dokumenti miġjuba sabiex isaħħu l-każ jew ta’ kopji awtentikati tagħhom.

Il-komunikazzjonijiet isiru permezz ta' Reġistratur fl-ordni u fit-termini stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Il-proċedura orali tikkonsisti fis-smigħ mill-Qorti ta’ aġenti, konsulenti u avukati, u fil-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, kif ukoll fis-smigħ, jekk ikun il-każ, ta’ xhieda u periti.

Meta l-Qorti tqis li l-kawża ma tqajjimx xi punt ġdid ta’ dritt, hija tista’ tiddeċiedi, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, illi l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

Artikolu 21

Każ jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rikors bil-miktub indirizzat lir-Reġistratur. Fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, l-isem tal-parti jew tal-partijiet avversarji, is-suġġett tal-kwistjoni, it-talbiet, u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba.

Ir-rikors għandu jkun akkompanjat, meta ikun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament jew fl-ipotesi kontemplata fl-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, minn dokument li jiċċertifika d-data tat-talba prevista f'dawn l-Artikoli. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux ġew preżentati mar-rikors, ir-Reġistratur għandu jsejjaħ lil parti nteressata sabiex iġġibhom fi żmien raġonevoli, bla ma iżda tkun tista tiġi eċċepita d-dekadenza f'każ li d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors.

Artikolu 22

Il-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 18 tat-Trattat tal-KEEA għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ appell indirizzat lir-Reġistratur. L-appell għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, referenza għad-deċiżjoni li minnha jkun qed isir l-appell, l-ismijiet tal-partijiet avversarji, is-suġġett tal-kawża, it-talbiet, u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba.

Mar-rikors għandu jkun hemm kopja awtentika tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ l-Arbitraġġ li tkun qed tiġi kontestata.

Jekk il-Qorti tiċħad l-appell, is-sentenza tal-Kumitat ta’ l-Abitraġġ tkun definittiva.

Jekk il-Qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ l-Arbitraġġ, il-kwistjoni tista’ tarġa’ tinfetaħ jekk ikun il-każ, fuq l-inizjattiva ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża, quddiem il-Kumitat ta’ l-Arbitraġġ. Dan ta’ l-aħħar għandu jikkonforma ruħu mal-punti ta' dritt deċiżi mill-Qorti.

Artikolu 23

Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali li tissospendi l-proċedimenti u tirriferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi notifikata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti jew tribunal nazzjonali. Din id-deċiżjoni għandha tiġi mbagħad notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti lill-partijiet, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu ta' l-Unjoni li adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata.

Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, il-partijiet, l-Istati Membri, l-Kummisjoni u meta jkun il-każ, l-istituzzjoni, l-korp jew l-organu ta' l-Unjoni li adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata jkollhom id-dritt li jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti.

F’każijiet kontemplati fl-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali għandha tiġi notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti ukoll lill-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, kif ukoll lill-Awtorita' ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dak il-ftehim, li fi żmien xahrejn min-notifika, meta jkollu x' jaqsam wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim, ikunu jistgħu jippreżentaw lill-Qorti, noti jew osservazzjonijiet bil-miktub.

Fejn ftehim relatat ma' suġġett speċifiku, konkluż mill-Kunsill u Stat wieħed jew aktar li mhux membri, jipprovdi li dawk l-Istati jkunu intitolati li jippreżentaw noti jew osservazzjoni bil-miktub meta qorti jew tribunal ta' Stat Membru tirriferi għall-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari kwistjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali li fiha dik il-kwistjoni għandha tkun innotifikata lill-Istati mhux membri kkonċernati. Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, dawk l-Istati jistgħu jippreżentaw lill-Qorti noti jew osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 23a (1)

Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu jipprovdu għal proċedura mħaffa u, fir-rigward ta’ rinviji preliminari li jirrigwardaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, għal proċedura b’urġenza.

Dawn il-proċeduri jistgħu jipprovdu, fir-rigward tal-preżentata ta’ noti jew ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, għal terminu iqsar minn dak previst mill-Artikolu 23, u, b’deroga mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 20, li ma jiġux ippreżentati konklużjonijiet mill-Avukat Ġenerali.

Il-proċedura b’urġenza tista’ wkoll tipprovdi għal-limitazzjoni tal-partijiet u ta’ dawk l-oħrajn interessati msemmija fl-Artikolu 23, awtorizzati li jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub, u, f’każijiet ta’ urġenza estrema, għad-dispensa mill-fażi bil-miktub tal-proċedura.

Artikolu 24

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titlob lill-partijiet sabiex iġibu d-dokumenti kollha u sabiex jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tkun tixtieq. F' każ ta' rifjut, tieħu nota formali.

Il-Qorti tista’ wkoll teħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, korpi jew organi li ma jkunux parti fil-kawża jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tqis meħtieġa għall-fini tal-proċess.

Artikolu 25

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista f’kull żmien tagħti perizja lil kull persuna, korp, uffiċju, kummissjoni jew organu li tagħżel hi.

Artikolu 26

Jistgħu jinstemgħu xhieda skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 27

Rigward xhieda li jonqsu li jidhru, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-poteri li ġeneralment jingħataw lill-qrati u lit-tribunali u tista’ timponi pieni ta’ flus skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 28

Ix-xhieda u l-periti jistgħu jinstemgħu bil-ġurament li jittieħed skond il-forma stabbilita fir-Regoli tal-Proċedura jew bil-mod kif stabbilit fil-liġijiet tal-pajjiż tax-xhud jew tal-perit.

Artikolu 29

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna li xhud jew perit jinstama’ mill-awtorità ġudizzjarja tal-post fejn ikun joqgħod.

L-ordni tintbagħat għall-esekuzzjoni lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. L-atti riżultanti mill-esekuzzjoni tar-rogatorji għandhom jiġu rritornati lill-Qorti bl-istess kondizzjonijiet.

Il-Qorti għandha tħallas l-ispejjeż, b'dan li tgħaddihom, jekk ikun il-każ, lill-partijiet.

Artikolu 30

Kull Stat Membru għandu jqis kull vjolazzjoni tal-ġurament minn xhud jew minn perit bħala l-istess reat kommess quddiem Qorti tal-Ġustizzja nazzjonali tiegħu f'materji ċivili. Fuq denunzja tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru konċernat għandu jipproċedi kontra l-awturi ta' dak ir-reat quddiem il-qorti kompetenti nazzjonali.

Artikolu 31

Is-smigħ fil-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun pubbliku, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-partijiet konċernati, ma tiddeċidix mod ieħor għal raġunijiet serji.

Artikolu 32

Waqt is-smigħ il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina l-periti, ix-xhieda u l-partijiet infushom. Madanakollu dawn ta’ l-aħħar jistgħu jindirizzaw il-Qorti tal-Ġustizzja biss permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

Artikolu 33

Għandhu jinżamm verbal ta’ kull smigħ li jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur.

Artikolu 34

Il-lista tal-kawżi għandha tiġi ffissata mill-President.

Artikolu 35

Id-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu u jibqgħu sigrieti.

Artikolu 36

Is-sentenzi għandhom ikunu motivati. Għandu jkollhom l-ismijiet ta’ l-Imħallfin li jkunu ħadu parti fid-deliberazzjonijiet.

Artikolu 37

Is-sentenzi għandhom jiġu ffirmati mill-President u mir-Reġistratur. Għandhom jinqraw fil-Qorti bil-miftuħ.

Artikolu 38

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Artikolu 39

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiddeċiedi, skond proċedura sommarja li tkun tista tidderoga safejn meħtieġ minn xi wħud mir-regoli li fih dan l-Istatut u li għandha tiġi stabbilita mir-Regoli tal-Proċedura, fuq talbiet intiżi kemm għas-sospensjonijiet previsti fl-Artikolu 278 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 157 tat-Trattat KEEA, kemm fuq l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji skond l-Artikolu 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq is-sospensjoni ta' l-esekuzzjoni furzata skond ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat KEEA.

Is-setgħat imsemmija fl-ewwel paragrafu jistgħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, jiġu eżerċitati mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

F’każ ta’ impediment tal-President u tal-Viċi President, jieħu posthom Imħallef ieħor skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Id-deċiżjoni tal-President jew ta’ l-Imħallef li jkun issostitwih tkun biss ta' karattru provviżorju u bl-ebda mod ma tippreġudika d-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-meritu.

Artikolu 40

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi li jkunu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

L-istess dritt jappartjeni lill-korpi u lill-organi ta' l-Unjoni u lil kull persuna oħra li tista' turi li għandha interess fir-riżultat ta' xi kawża miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jintervjenu f'kawżi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jew bejn Stati Membri u istituzzjonijiet ta' l-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu, l-Istati, barra mill-Istati Membri, li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Awtorita ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dan il-ftehim, jistgħu jintervjenu fil-kawżi li jkunu quddiem il-Qorti meta dawn jirrigwardaw wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni ta' l-istess Ftehim.

It-talbiet fir-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta' waħda mill-partijiet.

Artikolu 41

Meta l-parti konvenuta, regolarment imħarrka, tonqos milli tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub tingħata s-sentenza fil-kontumaċja tagħha. Is-sentenza tkun suġġetta għall-oppożizzjoni fi żmien xahar min-notifika tagħha. Salv deċiżjoni kuntrarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-oppożizzjoni ma twaqqafx l-esekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja.

Artikolu 42

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni u kull persuna oħra fisika jew ġuridika jistgħu, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet li jiġu stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, jibdew proċedimenti ta' terzi kontra sentenzi mogħtija mingħajr ma huma jkunu ġew imsejħa fil-kawża, meta dik is-sentenza tkun ta' preġudizzju għad-drittijiet tagħhom.

Artikolu 43

F' każ ta' dubbju dwar it-tifsir jew il-portata ta' sentenza, ikun imiss lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha fuq talba ta' xi parti jew ta' xi istituzzjoni ta' l-Unjoni li turi li jkollha interess f'dan.

Artikolu 44

Ir-reviżjoni ta' sentenza tista' tintalab lill-Qorti tal-Ġustizzja biss għar-raġuni li jiġi skopert fatt ta' natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel il-għoti tas-sentenza ma kienx magħruf lill-Qorti u lill-parti li titlob ir-reviżjoni.

Il-proċedura tar-reviżjoni tinfetaħ b'sentenza tal-Qorti li tikkonstata espressament l-eżistenza ta' fatt ġdid, tirrikonoxxi li jkun ta' karattru li jgħati lok għar-reviżjoni u tiddikjara li fuq dan il-motiv it-talba tkun ammissibli.

Ebda talba għar-reviżjoni ma tista’ ssir wara li jgħaddu għaxar snin mid-data tas-sentenza.

Artikolu 45

Ir-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi perijodi ta' grazzja fuq konsiderazzjonijiet ta' distanza.

Ebda dritt ma jintilef bħala riżultat ta' l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta' każ fortuwitu jew ta' forza maġġuri.

Artikolu 46

L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f' materja ta' responsabbilltà non-kontrattwali jiġu preskritti b'ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista' tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti ta' l-Unjoni. F' dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi preżentat fit-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea; japplikaw meta jkun il-każ, rispettivament id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikoli 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal rikorsi kontra l-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tar-responsabbiltà non-kontrattwali.

TITOLU IV

QORTI ĠENERALI

Artikolu 47

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9, l-Artikolu 9a, l-Artikoli 14 u 15, l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 17 u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Qorti Ġenerali u għall-membri tagħha.

Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 3 u l-Artikoli 10, 11 u 14 japplikaw mutatis mutandis għar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 48

Il-Qorti Ġenerali għandha tikkonsisti minn:

(a)

40 Imħallef mill-25 ta' Diċembru 2015;

(b)

47 Imħallef mill-1 ta' Settembru 2016;

(c)

żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru mill-1 ta' Settembru 2019.

Artikolu 49

Il-membri tal-Qorti Ġenerali jistgħu jissejħu sabiex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ Avukat Ġenerali.

L-Avukat Ġenerali għandu l-funzjoni li jippreżenta pubblikament, bl-imparzjalità kollha u bl-indipendenza kollha, konklużjonijiet motivati fuq ċerti kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali bl-għan li jassisti lilha fix-xogħol tagħha.

Il-kriterji tal-għażla ta' dawn il-kawżi, kif ukoll il-modalitajiet sabiex jiġu nominati l-Avukati Ġenerali, huma stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Membru tal-Qorti Ġenerali li jiġi msejjaħ sabiex jeżerċita l-funzjoni ta’ Avukat Ġenerali f’kawża ma jistax jieħu sehem fid-deċizjoni ta' dik il-kawża.

Artikolu 50

Il-Qorti Ġenerali tiltaqa' f’awli komposti minn tlieta jew ħames Imħallfin. L-Imħallfin jeleġġu minn fosthom il-Presidenti ta’ l-awli. Il-Presidenti ta’ l-awli ta’ ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti għal darba oħra.

Il-kompożizzjoni ta’ l-awli u t-tqassim tal-kawżi bejniethom isiru skond ir-Regoli tal-Proċedura. F’ċerti każi, determinati mir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiltaqa’ f’seduta plenarja jew tkun kostitwita minn Imħallef wieħed.

Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu ukoll jipprovdu li l-Qorti Ġenerali tiltaqa’ f'Awla Manja fil-każi u skond il-kondizzjonijiet speċifikati fihom.

Artikolu 51

B'deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 256(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, ġurisdizzjoni għandha tkun riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja fl-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea meta jitressqu minn Stat Membru kontra:

(a)

xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, jew minn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet f'azzjoni konġunta, ħlief għal:

deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

azzjonijiet tal-Kunsill adottati skond xi regolament tal-Kunsill dwar miżuri sabiex iħarsu l-kummerċ fis-sens ta' l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

azzjonijiet tal-Kunsill li permezz tagħhom il-Kunsill jeżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

(b)

kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Ġurisdizzjoni għandha tkun ukoll riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja fl-azzjonijiet imsemmija fl-istess Artikoli meta dawn jitressqu minn xi istituzzjoni ta' l-Unjoni kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, minn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet f'azzjoni konġunta, jew mill-Kummissjoni, jew jitressqu minn xi istituzzjoni ta' l-Unjoni kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 52

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti Ġenerali għandhom jistabbilixxu, bi qbil bejniethom, il-kondizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra adetti mal-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Qorti Ġenerali sabiex jassiguraw il-funzjonament tagħha. Ċerti uffiċjali jew impjegati oħra jkunu responsabbli lejn ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 53

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi regolata bit-Titolu III.

Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi preċizata u kompletata, safejn ikun meħtieġ, mir-Regoli tal-Proċedura. Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu jidderogaw mir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 40 u mill-Artikolu 41 sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-litigazzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

B'deroga mir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 20, l-Avukat Ġenerali jista’ jippreżenta l-konklużjonijiet motivati tiegħu bil-miktub.

Artikolu 54

Jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti Ġenerali jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur ta-Qorti Ġenerali; bl-istess mod, jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta l-Qorti Ġenerali ssib li ma tkunx kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta' rikors li jidħol fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja; bl-istess mod meta l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li rikors jidħol fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, hija tirriferi lil din ta' l-aħħar, li mbagħad ma tkunx tista' tirrifjuta l-kompetenza tagħha.

Meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jinġiebu kawżi fejn tkun qed issir l-istess talba, fejn titqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew jitqanqal dubbju dwar il-validita' ta' l-istess att, il-Qorti Ġenerali tista', wara li tkun semgħet il-partijiet, twaqqaf il-proċedimenti sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat sentenza, jew, fejn l-azzjoni titressaq skond l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, ma taċċettax il-ġurisdizzjoni sabiex hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiddeċiedi dwar dawk l-applikazzjonijiet. Fl-istess ċirkostanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tiddeċiedi li twaqqaf il-proċedimenti li jkun hemm quddiemha; f'dak il-każ il-proċedimenti ta' quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom jitkomplew.

Meta Stat Membru u istituzzjoni ta' l-Unjoni jkunu jirrikużaw l-istess att, il-Qorti Ġenerali m'għandhiex taċċetta ġurisdizzjoni sabiex hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiddeċiedi dawk il-kontestazzjonijiet.

Artikolu 55

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment, deċiżjonijiet li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibbiltà għandhom jiġu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet kollha kif ukoll lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni anke jekk dawn ma kinux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Artikolu 56

Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll mid-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibbiltà.

Dan l-appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. B'danakollu dawk li jintervjenu ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komuntajiet, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali taffettwahom direttament.

Ħlief fil-każ ta' kawżi bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħhom, appell jista wkoll jitressaq minn Stati Membri u istituzzjonijiet ta' l-Unjoni li ma kinux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. F'dan il-każ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ikunu fl-istess pożizzjoni bħal dik ta' Stati Membri jew istituzzjonijiet li jkunu intervjenew fi Prim' Istanza.

Artikolu 57

Jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn li jmissu min-notifika tad-deċiżjoni taċ-ċaħda, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija skond l-Artikolu 278 jew l-Artikolu 279 jew ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew skond l-Artikolu 157 jew it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat KEEA fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

L-appell imsemmi fl-ewwel żewġ paragrafi ta’ dan l-Artikolu jiġi deċiż skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39.

Artikolu 58

Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta' l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta' ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt ta' l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

L-appell ma jistax isir biss fuq l-ammont ta' l-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom

Artikolu 59

Fil-każ ta' appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tikkonsisti f’parti bil-miktub u parti orali. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr il-proċedura orali.

Artikolu 60

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew għall-Artikolu 157 tat-Trattat KEEA, l-appell ma jkollux effett sospensiv.

B'deroga għall-Artikolu 280 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta' skadenza tat-terminu previst fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 56 ta' dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f'dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda ta' l-appell, mingħajr preġudizzju għall-fakulta ta' parti li tagħmel talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jew skond l-Artikolu 157 tat-Trattat KEEA, għas-sospensjoni ta’ l-effetti tar-regolament annullat jew għall-adozzjoni ta' kull provvediment ieħor provviżorju.

Artikolu 61

Jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

F' każ ta' rinviju, fuq punti ta' dritt il-Qorti Ġenerali tkun marbuta bid-deċizjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta appell magħmul minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-Unjoni li ma jkunux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista', jekk ikun jidhrilha meħtieġ, tindika dawk l-effetti tad-deċiżjoni annullata tal-Qorti Ġenerali li jkollhom jiġu konsidrati definittivi di fronti l-partijiet fil-kawża.

Artikolu 62

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 256(2) u (3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista', meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta' preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt ta' l-Unjoni, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

Il-proposta għandha ssir fi żmien xahar mill-għoti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Fi zmien xahar minn meta tirċievi l-proposta magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni.

Artikolu 62a

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjonijiet fuq il-kwistjonijiet li huma suġġetti għal eżami mill-ġdid permezz ta' proċedura b' urġenza abbażi ta' inkartament li jkun intbagħatilha mill-Qorti Ġenerali.

Il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta' dan l-Istatut kif ukoll, fil-każijiet previsti mill-Artikolu 256(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-partijiet fil-proċediment quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom id-dritt li jressqu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, noti jew osservazzjonijiet bil-miktub dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fi żmien stipulat għal dan il-għan.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali qabel ma tieħu deċiżjoni.

Artikolu 62 b

Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 256(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-proposta ta' eżami mill-ġdid u d-deċiżjoni ta' ftuħ ta' proċedura ta' eżami mill-ġdid m' għandhomx natura sospensiva. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tipperikola l-unità jew il-koerenza tad-Dritt ta' l-Unjoni, hija għandha tirriferi l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li tkun marbuta bil-punti ta' liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja; il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tindika liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandhom jitqiesu bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet involuti fit-tilwima. Madankollu, jekk, b'konsiderazzjoni tar-riżultat ta' l-eżami mill-ġdid, is-soluzzjoni tal-kwistjoni toħroġ minn konstatazzjonijiet ta' fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjoni li ma tkunx appellabbli.

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 256(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, fin-nuqqas ta' proposta ta' eżami mill-ġdid jew ta' deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura ta' eżami mill-ġdid, ir-risposta jew ir-risposti mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-kwistjonijiet li jkunu ġew imressqa lilha jkollhom effett minn meta jiskadu l-perijodi previsti għal dan il-għan mill-Artikolu 62, it-tieni subparagrafu. F'każ ta' ftuħ ta' proċedura ta' eżami mill-ġdid, ir-risposta jew risposti li jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid għandu jkollhom effett meta tintemm din il-proċedura, ħlief jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mod ieħor. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tipperikola l-unità jew il-koerenza tad-dritt ta' l-Unjoni, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid tieħu post dik tal-Qorti Ġenerali.

TITOLU IVa

QRATI SPEĊJALIZZATI

Artikolu 62c

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenzi, il-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-proċedura ta' l-qrati speċjalizzati stabbiliti bis-saħħa ta' l-Artikoli 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjon