EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02015R0735-20150508

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/735 tas- 7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/735/2015-05-08

2015R0735 — MT — 08.05.2015 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/735

tas-7 ta' Mejju 2015

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014

(ĠU L 117 8.5.2015, p. 13)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 146, 11.6.2015, p.  30 (2015/735)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/735

tas-7 ta' Mejju 2015

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 748/2014 ( 1 ) jagħti effett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/449/PESK ( 2 ) u jipprevedi restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' persuni li jostakolaw il-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel, inkluż permezz ta' atti ta' vjolenza jew ksur ta' ftehim ta' waqfien mill-ġlied, kif ukoll ta' persuni responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel.

(2)

Fit-3 ta' Marzu 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2206 (2015) li tipprevedi restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni responsabbli għal, kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, f'azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel.

(3)

Fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 ( 3 ), il-Kunsill iddeċieda li jintegra l-miżuri restrittivi previsti mill-UNSCR 2206 (2015) u l-miżuri restrittivi imposti bid-Deċiżjoni 2014/449/PESK fi strument ġuridiku uniku.

(4)

Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex isiru effettivi, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

(6)

Is-setgħa li tiġi emendata l-lista fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà fir-reġjun li tirriżulta mis-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emendar u r-reviżjoni tal-Annessi għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740.

(7)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tiġi żgurata ċertezza legali massima fl-Unjoni, l-ismijiet u dejta oħra rilevanti li jikkonċernaw persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolament, iridu jsiru pubbliċi. Kull ipproċessar ta' dejta personali għandu jkun konformi mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ).

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2014 għandu jitħassar u għandu jiġi sostitwit b'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “servizzi ta' senserija” tfisser:

(i) in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta' beni u teknoloġija jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, minn pajjiż terz lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor; jew

(ii) il-bejgħ jew ix-xiri ta' beni u teknoloġija, jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, li jinsabu f'pajjiżi terzi għat-trasferiment tagħhom lejn pajjiż terz ieħor;

(b) “pretensjoni” tfisser kull pretensjoni, sew jekk asserita permezz ta' proċeduri legali sew jekk le, li tkun saret qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, taħt kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta ma' wieħed minnhom, u b'mod partikolari tinkludi:

(i) pretensjoni għall-eżekuzzjoni ta' kull obbligu li jirriżulta taħt kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta ma' wieħed minnhom;

(ii) pretensjoni għall-proroga jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

(iii) pretensjoni għal kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv) kontropretensjoni;

(v) pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, ta' deċiżjoni bl-arbitraġġ jew ta' deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

(c) “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kull tranżazzjoni ta' kwalunkwe forma u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, li tista' tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li tirriżulta mit-tranżazzjoni, jew b'konnessjoni magħha;

(d) “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti elettroniċi elenkati fl-Anness III;

(e) “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull tip, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

(f) “iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, beni jew servizzi b'kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

(g) “iffriżar tal-fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess għal, jew innegozjar ta' fondi b'mod li jwassak għal xi bidla fil-volum, l-ammont, il-post, il-propjetà, il-pussess, il-karattru, id-destinazzjoni jew xi bidla oħra li tipermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-amministrazzjoni tal-portafolli;

(h) “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull xorta, inkluż, iżda mhux limitat għal:

(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

(ii) depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii) titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inkluż stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv) imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jirriżulta jew li hu iġġenerat minnhom;

(v) kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi) ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta' bejgħ; u

(vii) dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(i) “assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista' tieħu forom ta' istruzzjoni, pariri, taħriġ, trażmissjoni ta' tagħrif prattiku jew ħiliet jew servizzi ta' konsulenza, inkluż forom verbali ta' assistenza;

(j) “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

Għandu jkun ipprojbit:

(1) l-għoti ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma' attivitajiet militari u mal-fornitura, manifattura, manutenzjoni u l-użu ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-partijiet ta' sostituzzjoni għalihom, direttament jew indirettament lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan t'Isfel, jew għall-użu f'dak il-pajjiż;

(2) l-għoti ta' finanzjar jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għal forniment ta' assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan t'Isfel, jew għall-użu f'dak il-pajjiż.

Artikolu 3

1.  B' deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta' finanzjar u assistenza finanzjarja, assistenza teknika u servizzi ta' senserija fir-rigward ta':

(a) apparat militari mhux letali maħsub unikament għall-użu umanitarju, ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem jew għal użu protettiv, jew għal programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet tan-NU, l-Unjoni Afrikana (UA), l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD);

(b) materjal maħsub għall-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-UE, in-NU u tal-UA;

(c) tagħmir għat-tneħħija tal-mini u materjal għall-użu f'operazzjonijiet tat-tneħħija tal-mini;

(d) appoġġ għall-proċess ta' Riforma fis-Settur tas-Sigurtà fis-Sudan t'Isfel.

2.  L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tingħata għal attivitajiet li jkunu diġà saru.

Artikolu 4

L-Artikolu 2 ma għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinforzati bil-metall u elmi militari, temporanjament esportati lejn is-Sudan t'Isfel mill-persunal tal-UE jew tal-Istati Membri tiegħu, mill-persunal tan-NU jew tal-IGAD jew minn rappreżentanti tal-midja, ħaddiema umanitarji u tal-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

Artikolu 5

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati. L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi identifikati mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stabbilit skont il-paragrafu 16 tal-UNSCR 2206 (2015) (“Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) bħala responsabbli għal, jew kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, f'azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel, skont il-paragrafi 6, 7, 8 u 12 tal-UNSCR 2206 (2015).

2.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkat fl-Anness II għandhom jiġu ffriżati. L-Anness II għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740, ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli li qed ixekklu l-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel, inkluż b'atti ta' vjolenza jew ksur ta' ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied, kif ukoll persuni responsabbli għal ksur serju ta' drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

3.  L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi I u II.

Artikolu 6

B' deroga mill-Artikolu 5(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew iqiegħdu għad-disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont kondizzjonijiet li jqisu xierqa, sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

(i) neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, inkluż ħlas għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(ii) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali; jew

(iii) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

u

(b) l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bid-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti l-awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal din l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika.

Artikolu 7

B'deroga mill-Artikolu 5(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew iqiegħdu għad-disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont kondizzjonijiet li jitqiesu xierqa, sakemm il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għal spejjeż straordinarji;

(b) l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'dik id-determinazzjoni u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approva dik id-determinazzjoni.

Artikolu 8

1.  B'deroga mill-Artikolu 5(2), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi economiċi ffriżati jew iqiegħdu għad-disposizzjoni ċerti fondi jew riżorsi economiċi ffriżati, taħt il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew r-riżorsi economiċi kkonċernati huma:

(a) neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II, u tal-membri dipendenti tal-familji ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlas għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(b) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

(c) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d) neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 9

B'deroga mill-Artikolu 5(1), l-awtoritajiet kompetenti, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma s-suġġett ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data tal-adozzjoni tal-UNSCR 2206 (2015), jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni ser jintużaw esklużivament sabiex jissodisfaw pretensjonijiet assigurati b'tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c) il-garanzija jew is-sentenza ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness I jew II;

(d) ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat;

(e) il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru bil-garanzija jew bis-sentenza.

Artikolu 10

1.  B'deroga mill-Artikolu 5(2), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrarja stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew korp imsemmijin fl-Artikolu 5(2) ġew elenkati fl-Anness II, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fi Stat Membru, jew deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b) il-fondi jew riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jagħmlu tajjeb għal pretensjonijiet assigurati mit-tali sentenza jew rikonoxxuti bħala validi fit-tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c) id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew II;

(d) ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 11

B'deroga mill-Artikolu 5(1) u sakemm pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li nħoloq għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kienu nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu adatti, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat dan kollu li ġej:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(b) il-pagament ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 5(3);

(c) il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru relevanti dwar l-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni għaxart ijiem ta' xogħol bil-quddiem.

Artikolu 12

1.  B'deroga mill-Artikolu 5(2) u sakemm pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li nħoloq għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness II, l-awtoritajiet kompetenti, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu adatti, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat dan kollu li ġej:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II;

(b) il-pagament ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 5(3).

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 13

1.  L-Artikolu 5(3) ma għandux iwaqqaf l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, tal-entità jew tal-korp elenkati, sakemm kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni bħal din mingħajr dewmien.

2.  Sakemm kull tali mgħax, qligħ u pagamenti oħrajn jiġu ffriżati skont l-Artikolu 5(1) u (2), l-Artikoli 5(3) ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta' kwalunkwe minn dawn li jmiss:

(a) imgħax jew qligħ ieħor f'dawk il-kontijiet; jew

(b) ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 5 jkunu ġew inklużi fl-Anness I jew II.

3.  Fir-rigward ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II, l-Artikolu 5(3) ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta' pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm kull tali pagament jiġi ffriżat skont l-Artikolu 5(2).

Artikolu 14

1.  Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 5 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b) jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti fi kwalunkwe verifika ta' din l-informazzjoni.

2.  Kull informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri.

3.  Kull informazzjoni mogħtija jew riċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet riċevuta.

Artikolu 15

Il-parteċipazzjoni, konsapevoli u intenzjonata, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri imsemmija fl-Artikli 2 u 5 għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 16

1.  L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li dawn il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, li jkun sar in bona fede u għar-raġuni li tali azzjoni tikkonforma ma' dan ir-Regolament, ma għandu joħloq l-ebda tip ta' responsabbiltà fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawha, la għad-diretturi u lanqas għall-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma minħabba negliġenza.

2.  L-azzjonijiet mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhomx jagħtu lok għal responsabbiltà tal-ebda xorta fuq in-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 17

1.  Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni ta' dawn tkub ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal proroga jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi nominati, elenkati fl-Anness I jew II;

(b) kull persuna, entità jew korp li taġixxi permezz ta' waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi jew li taġixxi f'isimhom, imsemmija fil-punt (a).

2.  Fi kwalunkwe proċedura għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-obbligu ta' prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

3.  Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nonadempiment ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 18

1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u għandhom jikkondividu kull informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni fir-rigward ta':

(a) fondi ffriżati skont l-Artikolu 5 u awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 6 sa 12;

(b) ksur u ta' problemi li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness III abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 20

1.  Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp u jkun ipprovda dikjarazzjoni tar-raġunijiet għad-deżinjazzjoni, il-Kunsill għandu jinkludi dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni ta' raġunijiet lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, fejn dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

2.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ.

3.  Fejn in-NU tiddeċiedi li tneħħi mil-lista persuna, entità, jew korp, jew li temenda d-dejta li tidentifika persuna, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I skont il-każ.

Artikolu 21

L-Anness I għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet neċessarja biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data tad-deżinjazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 22

1.  Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jagħmel persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp soġġetta għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, hu għandu jemenda l-Anness II skont il-każ.

2.  Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmijin fil-paragrafu 1, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, fejn dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ.

4.  Il-lista fl-Anness II għandha tiġi riveduta f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

Artikolu 23

1.  L-Anness II għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati.

2.  L-Anness II għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 24

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn ir-regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha b' kull emenda sussegwenti.

Artikolu 25

1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti elettroniċi elenkati fl-Anness III. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti elettroniċi tagħhom elenkati fl-Anness III.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

3.  Fejn dan ir-Regolament jippreżenta l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew issir xi komunikazzjoni magħha xorta oħra, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom jkunu dawk indikati fl-Anness III.

Artikolu 26

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c) għal kull persuna ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e) għal kull persuna ġuridika, entità jew korpi fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

▼C1

Artikolu 27

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2014 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 28

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼B

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 5(1)

A. PERSUNI FIŻIĊI

B. PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI




ANNESS II

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 5(2)



 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

1.

Santino DENG

(magħruf ukoll bħala: Santino Deng Wol)

Kmandant tat-tielet Diviżjoni tal-Fanterija tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA)

Santino Deng huwa kmandant tat-tielet Diviżjoni tal-Fanterija tal-SPLA li ħa sehem fl-akkwist mill-ġdid ta' Bentiu f'Mejju 2014. Santino Deng huwa għalhekk responsabbli għal ksur tal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tat-23 ta' Jannar.

11.7.2014

2.

Peter GADET

(magħruf ukoll bħala: Peter Gatdet Yaka; Peter Cadet; Peter Gadet Yak; Peter Gadet Yaak: Peter Gatdet Yaak; Peter Gatdet; Peter Gatdeet Yaka)

Mexxej tal-milizzja Nuer, li hija kontra l-gvern. Post tat-twelid: Mayom County Unity State

Peter Gadet huwa l-mexxej tal-milizzja Nuer kontra l-gvern li wettqet attakk fuq Bentiu fil-15 - 17 ta' April 2014, bi ksur tal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tat-23 ta' Jannar. L-attakk wassal għall-qtil ta' aktar minn 200 membru tal-popolazzjoni ċivili. Peter Gadet hu għalhekk responsabbli għall-instigar ta' ċiklu ta' vjolenza, b'hekk ostakola l-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel, u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

11.7.2014




ANNESS III

Siti elettroniċi għal informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u indirizz biex tiġi nnotifikata l-Kummissjoni Ewropea

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://2010-2014.kormany.hu/download/b/3b/70000/ENSZBT-ET-szankcios-tajekoztato.pdf

MALTA

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

IN-NETHERLANDS

http://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

INDIRIZZ GĦAL NOTIFIKI LILL-KUMMISSJONI EWROPEA:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 748/2014 tal-10 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (ĠU L 203, 11.7.2014, p. 13).

( 2 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/449/PESK tal-10 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (ĠU L 203, 11.7.2014, p. 100).

( 3 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (ara l-paġna 52 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

( 4 ) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 015, p. 355).

( 5 ) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

Top