EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008R0593-20080724

Consolidated text: Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/593/2008-07-24

2008R0593 — MT — 24.07.2008 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (KE) NRU 593/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Ġunju 2008

dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)

(ĠU L 177, 4.7.2008, p.6)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 309, 24.11.2009, p. 87  (593/2008)




▼B

REGOLAMENT (KE) NRU 593/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Ġunju 2008

dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 61(c) u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 67(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi:

(1)

Il-Komunità stabbilixxiet għaliha stess l-għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Sabiex jiġi progressivament stabbilit tali spazju, il-Komunità għandha tadotta partikolarment miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom impatt transkonfinali sa fejn dan ikun meħtieġ għall-funzjonament korrett tas-suq intern.

(2)

Skond l-Artikolu 65(b) tat-Trattat, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk li jippromwovu l-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri li jikkonċernaw il-konflitt tal-liġijiet u ġurisdizzjoni.

(3)

Waqt il-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew approva l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta' deċiżjonijiet oħra ta' awtoritajiet ġudizzjarji bħala s-sisien tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jadottaw programm ta' miżuri sabiex jiġi implimentat dan il-prinċipju.

(4)

Fit-30 ta' Novembru 2000, il-Kunsill adotta programm konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f'materji ċivili u kummerċjali ( 3 ). Il-programm jidentifika miżuri relatati ma' l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-konflitt tal-liġijiet bħal dawk li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi.

(5)

Il-Programm ta' l-Aja ( 4 ), adottat mill-Kunsill Ewropew fil-5 ta' Novembru 2004, talab li attivament isir xogħol fuq ir-regoli tal-konflitti tal-liġijiet dwar l-obbligazzjonijiet kuntrattwali (“Ruma I”).

(6)

Il-funzjonament korrett tas-suq intern jeħtieġ li r-regoli tal-konflitt tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali, irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fiha tiġi preżentata l-azzjoni, sabiex jitjiebu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-litigazzjoni, iċ-ċertezza ġuridika u l-moviment liberu tas-sentenzi.

(7)

L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (“Brussell I”) ( 5 ) u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) ( 6 ).

(8)

Ir-relazzjonijiet familjari għandhom ikopru filjazzjoni, żwieġ, affinità u qraba kollaterali. Ir-referenza fl-Artikolu 1(2) għal relazzjonijiet li jkollhom effetti komparabbli ma' relazzjonijiet ta' żwieġ u familjari oħra għandha tiġi interpretata skond il-liġi ta' l-Istat Membru fejn il-qorti ġiet ippreżentata bil-każ.

(9)

L-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kambjali, ċekkijiet, promissory notes u strumenti negozjabbli oħra għandhom ikopru wkoll poloz ta' kargu sa fejn l-obbligazzjonijiet taħt il-polza ta' kargu jirriżultaw mill-karattru negozjabbli tagħha.

(10)

L-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn trattativi qabel il-konklużjoni ta' kuntratt huma koperti mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007. Għalhekk, l-obbligazzjonijiet ta' dan it-tip għandhom ikunu esklużi mill-ambitu ta' dan ir-Regolament.

(11)

Il-libertà tal-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli għandha tkun parti ewlenija mis-sisien tas-sistema tar-regoli tal-konflitt tal-liġijiet fil-materja ta' l-obbligazzjonijiet kuntrattwali.

(12)

Il-ftehim bejn partijiet sabiex tingħata ġurisdizzjoni esklussiva lil waħda jew aktar mill-qrati jew tribunali ta' Stat Membru sabiex jiġu deċiżi disputi taħt il-kuntratt għandu jkun wieħed mill-fatturi li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni ta' jekk ġietx murija b'mod ċar l-għażla tal-liġi.

(13)

Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-partijiet milli jinkorporaw permezz ta' referenza fil-kuntratt tagħhom sistema legali mhux ta' Stat Membru jew konvenzjoni internazzjonali.

(14)

Jekk il-Komunità tadotta fi strument ġuridiku adatt regoli ta' liġi kuntrattwali sostantiva, inklużi termini u kondizzjonijiet standard, tali strument jista' jipprovdi li l-partijiet jistgħu jagħżlu li japplikaw dawk ir-regoli.

(15)

Fejn tkun saret għażla ta' liġi u l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni jkunu jinsabu f'pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu intgħażlet il-liġi, l-għażla tal-liġi m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi ta' dak il-pajjiż li minnhom ma tistax issir deroga bi ftehim. Din ir-regola għandha tapplika kemm jekk l-għażla tal-liġi kienet akkumpanjata minn għażla ta' qorti jew tribunal kif ukoll jekk le. Għalkemm ma kienet maħsuba l-ebda bidla sostantiva meta mqabbel ma' l-Artikolu 3(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligazzjonijiet Kuntrattwali ( 7 ) (il-Konvenzjoni ta' Ruma), it-test ta' dan ir-Regolament ġie kemm jista' jkun allinjat ma' l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007.

(16)

Sabiex jagħtu kontribut għall-għan ġenerali ta' dan ir-Regolament – iċ-ċertezza ġuridika – fiż-żona ta' ġustizzja Ewropea, ir-regoli ta-konflitt tal-liġijiet għandhom ikunu ta' livell għoli ta' prevedibbiltà. Madankollu, il-qrati għandhom iżommu grad ta' diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-liġi li tippreżenta l-eqreb rabtiet mas-sitwazzjoni.

(17)

Sa fejn tkun konċernata l-liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla, il-kunċetti ta' “forniment ta' servizzi” u “bejgħ ta' oġġetti” għandhom jkunu interpretati bl-istess mod meta jiġi applikat l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 sa fejn il-bejgħ ta' oġġetti u l-forniment ta' servizzi ikunu koperti minn dak ir-Regolament. Għalkemm kuntratti ta' konċessjoni u ta' distribuzzjoni huma kuntratti għal servizzi, huma s-suġġett ta' regoli speċifiċi.

(18)

Sa fejn il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta' l-għażla hija konċernata, is-sistemi multilaterali għandhom ikunu dawk fejn jitwettaq kummerċ, bħas-swieq regolati u l-faċilitajiet multilaterali ta' kummerċ kif imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ( 8 ), kemm jekk jiddipendu fuq kontroparti ċentrali kif ukoll jekk le.

(19)

Fejn ma saret l-ebda għażla tal-liġi, il-liġi applikabbli għandha tiġi stabbilita skond ir-regola speċifikata għat-tip partikolari ta' kuntratt. Meta l-kuntratt ma jistax jiġi kategorizzat bħala wieħed mit-tipi speċifikati jew meta l-elementi tiegħu jaqgħu taħt iktar minn wieħed mit-tipi speċifikati, għandu jiġi regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-parti li tkun meħtieġa twettaq il-prestazzjoni karatteristika tal-kuntratt ikollha r-residenza abitwali. Fil-każ ta' kuntratt li jikkonsisti minn pakkett ta' drittijiet u obbligazzjonijiet kapaċi li jkunu kategorizzati li jaqgħu fi ħdan iktar minn wieħed mit-tipi speċifikati ta' kuntratt, il-prestazzjoni karatteristika tal-kuntratt għandha tiġi stabbilita wara li jiġi kkunsidrat iċ-ċentru ta' gravità tagħha.

(20)

Meta l-kuntratt ikun manifestament marbut aktar ma' pajjiż ieħor għajr dak indikat fl-Artikolu 4(1) jew (2), klawżola liberatorja għandha tipprovdi li għandha tapplika l-liġi ta' dak il-pajjiż l-ieħor. Sabiex jiġi determinat dak il-pajjiż, għandu jitqies, inter alia, jekk il-kuntratt konċernat għandux relazzjoni mill-qrib ħafna ma' kuntratt jew kuntratti oħra.

(21)

Fin-nuqqas ta' għażla, meta l-liġi applikabbli ma tistax tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-fatt li l-kuntratt jista' jiġi kategorizzat bħala wieħed mit-tipi speċifikati jew bħala l-liġi tal-pajjiż ta' residenza abitwali tal-parti li tkun meħtieġa twettaq il-prestazzjoni karatteristika tal-kuntratt, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu ikun marbut l-aktar. Sabiex jiġi stabbilit dak il-pajjiż, għandu jitqies, inter alia, jekk il-kuntratt konċernat għandux relazzjoni mill-qrib ħafna ma' kuntratt jew kuntratti oħra.

(22)

Fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' kuntratti dwar it-trasport ta' merkanzija, m'hi maħsuba l-ebda bidla sostantiva fir-rigward tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta' Ruma. Konsegwentement, charter-parties għal vjaġġ uniku u kuntratti oħra li l-iskop ewlieni tagħhom ikun it-trasport ta' merkanzija għandhom jiġu trattati bħala kuntratti ta' trasport ta' merkanzija. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “kunsinnatur” għandu jirriferi għal kull persuna li tidħol f'kuntratt ta' trasport mat-trasportatur u t-terminu “trasportatur”għandu jirriferi għall-parti għall-kuntratt li jimpenja ruħu li jittrasporta l-merkanzija, kemm jekk iwettaq it-trasport hu innifsu kif ukoll jekk le.

(23)

Fir-rigward ta' kuntratti konklużi ma' partijiet kunsidrati bħala aktar dgħajfa, huwa xieraq li jiġu protetti permezz ta' regoli ta' konflitt li huma aktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-regoli ġenerali.

(24)

Fir-rigward, aktar partikolarment, ta' kuntratti konsumistiċi, ir-regola tal-konflitt għandha twassal sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għad-deċiżjoni ta' disputi li jikkonċernaw talbiet li ħafna drabi jkunu ta' valur relattivament żgħir, u sabiex jittieħed kont ta' l-iżvilupp tat-teknika ta' bejgħ minn distanza. Il-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 44/2001 teħtieġ, minn naħa waħda, li ssir referenza għall-kunċett ta' “attività indirizzata” bħala kondizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola li tipproteġi lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett jiġi interpretat b'armonija fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u f'dan ir-Regolament, fid-dawl ta' dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li tispeċifika li “sabiex l-Artikolu 15(1)(c) ikun applikabbli, mhuwiex suffiċjenti għal intrapriża li timmira l-attivitajiet tagħha lejn l-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur, jew lejn numru ta' Stati Membri inkluż dak l-Istat Membru; għandu jun hemm ukoll kuntratt konkluż fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħha”. Id-dikjarazzjoni tgħid ukoll li “s-sempliċi fatt li sit ta' l-Internet ikun aċċessibbli mhuwiex suffiċjenti sabiex l-Artikolu 15 ikun applikabbli, għalkemm ikun fattur li dan is-sit ta' l-Internet iħajjar il-konklużjoni ta' kuntratti minn distanza u li kuntratt ġie effettivament konkluż minn distanza, bi kwalunkwe mezz. F'dan ir-rigward, il-lingwa jew il-munita użata f'dan is-sit ta' l-Internet ma tikkostitwixxix fattur rilevanti”.

(25)

Il-konsumaturi għandhom ikunu protetti minn regoli bħal dawn, tal-pajjiż tar-residenza abitwali tagħhom, li minnhom ma tistax issir deroga bi ftehim, sakemm il-kuntratt konsumistiku ġie konkluż b'riżultat ta' l-eżerċizzju mill-professjonist ta' l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu f'dak il-pajjiż partikolari. L-istess protezzjoni għandha tkun garantita jekk il-professjonist, filwaqt li ma jkunx qed jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jindirizza l-attivitajiet tiegħu, bi kwalunkwe mezz, lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi, inkluż dak il-pajjiż, u l-kuntratt jiġi konkluż b'riżultat ta' dawn l-attivitajiet.

(26)

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, servizzi finanzjarji bħal servizzi u attivitajiet ta' investiment u servizzi anċillari provduti minn professjonist lil konsumatur, kif imsemmi fit-Taqsimiet A u B ta' l-Anness I mad-Direttiva 2004/39/KE u kuntratti ta' bejgħ ta' unitajiet f' intrapriżi ta' investiment kollettiv, koperti jew le mid-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma' intrapriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) ( 9 ), għandhom ikunu suġġetti għall-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, meta ssir referenza għal termini u kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ jew l-offerti lill-pubbliku ta' titoli trasferibbli jew meta ssir referenza għas-sottoskrizzjoni u l-fidwa ta' unitajiet f'intrapriżi ta' investiment kollettiv, dik ir-referenza għandha tinkludi l-aspetti kollha li jorbtu lil min ikun ħariġhom jew offrihom lill-konsumatur, iżda m'għandhomx jinkludu dawk l-aspetti li jinvolvu l-forniment ta' servizzi finanzjarji.

(27)

Għandhom isiru diversi eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali dwar l-għażla tal-liġi għall-kuntratti konsumistiċi. Taħt eċċezzjoni partikolari ta' dan it-tip, ir-regola ġenerali m'għandhiex tapplika għall-kuntratti relatati ma' drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jew ma' kiri ta' tali proprjetà, sakemm il-kuntratt ma jirrelatax mad-dritt li l-proprjetà immobbli tintuża fuq bażi ta' time share fis-sens tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja fir-rigward ta' ċerti aspetti ta' kuntratti relatati max-xiri tad-dritt għall-użu tal-proprjetà immobbli fuq bażi ta' timeshare ( 10 ).

(28)

Huwa importanti li jiġi żgurat li d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu strument finanzjarju ma jkunux koperti mir-regola ġenerali applikabbli għall-kuntratti konsumistiċi, minħabba li dan jista' jwassal għall-applikabbiltà ta' liġijiet differenti għal kull wieħed mill-istrumenti li jinħarġu, u b'hekk tkun qed tinbidel in-natura tagħhom u ma jkunux jistgħu jsiru l-kummerċ u l-offerta funġibbli tagħhom. Bl-istess mod, kull meta jinħarġu jew jiġu offruti strumenti bħal dawn, ir-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejn min joħroġhom jew joffrihom u l-konsumatur m'għandhiex neċessarjament tkun suġġetta għall-applikazzjoni obbligatorja tal-liġi fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, minħabba li jeħtieġ li tiġi żgurata uniformità fit-termini u l-kondizzjonijiet ta' ħruġ jew offerta ta' strument. L-istess raġunament għandu japplika fir-rigward tas-sistemi multilaterali koperti mill-Artikolu 4(1)(h), fejn għandu jiġi żgurat li l-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-konsumatur ma tinterferixxix mar-regoli applikabbli għall-kuntratti konklużi fi ħdan dawk is-sistemi jew ma' l-operatur ta' sistemi bħal dawn.

(29)

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-referenzi għad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu t-termini u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ, l-offerti lill-pubbliku jew offerti ta' take-over ta' titoli trasferibbli u r-referenzi għas-sottoskrizzjoni u l-fidwa ta' unitajiet f'intrapriżi ta' investiment kollettiv għandhom jinkludu t-termini li jirregolaw, inter alia, l-allokazzjoni ta' titoli jew unitajiet, id-dritiijiet fil-każ ta' sottoskrizzjoni eċċessiva, id-drittijiet ta' rtirar u materji simili fil-kuntest ta' l-offerta u kif ukoll dawk il-materji msemmija fl-Artikoli 10, 11, 12 u 13, sabiex b'hekk jiġi żgurat li l-aspetti kuntrattwali rilevanti kollha ta' offerta li jorbtu lil min joħroġhom jew min joffrihom lill-konsumatur ikunu regolati b'liġi unika.

(30)

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, strumenti finanzjarji u titoli trasferibbli huma dawk l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/39/KE.

(31)

Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jkun ta' ħsara għall-operazzjoni ta' arranġament formali magħżul bħala sistema skond l-Artikolu 2, punt (a) tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli ( 11 ).

(32)

Minħabba n-natura partikolari tal-kuntratti ta' trasport u l-kuntratti ta' l-assigurazzjoni, għandhom isiru dispożizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni ta' passiġġieri u ta' detenturi ta'polza. Għalhekk, l-Artikolu 6 m'għandux japplika fil-kuntest ta' dawk il-kuntratti partikolari.

(33)

Fejn kuntratt ta' assigurazzjoni li ma jkoprix riskju għoli jkopri iżjed minn riskju wieħed, fejn mill-inqas wieħed minnhom ikun fi Stat Membru u mill-inqas wieħed minnhom ikun f'pajjiż terz, ir-regoli speċjali dwar kuntratti ta' l-assigurazzjoni f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għar-riskju jew riskji li jinsabu fl-Istat Membru jew l-Istati Membri rilevanti.

(34)

Ir-regola dwar kuntratti individwali ta' impjieg m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji imprexxindibbli tal-pajjiż fejn jintbagħat l-impjegat skond id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi ( 12 ).

(35)

L-impjegat m'għandux ikun miċħud mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim jew li jistgħu biss jiġu derogati għall-benefiċċju tiegħu.

(36)

Fir-rigward tal-kuntratti individwali ta' impjieg, ix-xogħol imwettaq f'pajjiż ieħor għandu jkun kunsidrat bħala temporanju jekk l-impjegat ikun mistenni li jerġa' lura għax-xogħol fil-pajjiż ta' oriġini wara li jkun wettaq il-kompiti tiegħu f'pajjiż barrani. Il-konklużjoni ta' kuntratt ġdid ta' impjieg ma' min iħaddem oriġinarjament jew ma' persuna li tħaddem li tagħmel parti mill-istess grupp ta' kumpanniji ta' dak li ħaddem oriġinarjament m'għandhiex tipprekludi lill-impjegat milli jitqies bħala li jwettaq ix-xogħol tiegħu f'pajjiż ieħor b'mod temporanju.

(37)

Konsiderazzjonijiet ta' interess pubbliku jiġġustifikaw li l-qrati ta' l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jiġu applikati eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti. Il-kunċett ta' “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” għandu jkun distint mill-espressjoni “dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim” u għandu jkollu interpretazzjoni iktar ristretta.

(38)

Fil-kuntest ta' ċessjoni volontarja, it-terminu “relazzjoni” għandu jagħmilha ċara li l-Artikolu 14(1) japplika wkoll għall-aspetti ta' proprjetà ta' ċessjoni bħal bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju f'sistemi legali fejn aspetti bħal dawn huma trattati separatament mill-aspetti taħt il-liġi ta' l-obbligazzjonijiet. Madankollu, it-terminu “relazzjoni” m'għandux jinftiehem bħala relatat ma' kwalunkwe relazzjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju. B'mod partikolari, m'għandux jinkludi mistoqsijiet preliminari fir-rigward ta' ċessjoni volontarja jew ta' surroga kuntrattwali. It-terminu għandu jkun strettament limitat għall-aspetti li huma direttament rilevanti għaċ-ċessjoni volontarja/surroga kuntrattwali in kwistjoni.

(39)

Iċ-ċertezza ġuridika teħtieġ definizzjoni ċara tar-residenza abitwali, speċjalment għall-kumpanniji u persuni ġuridiċi oħrajn, kemm inkorporati kif ukoll mhux inkorporati. Għall-kuntrarju ta' l-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, li jistabbilixxi tliet kriterji, ir-regola tal-konflitt tal-liġijiet għandha tiġi limitata għal kriterju wieħed; diversament, ikun impossibbli għall-partijiet li jipprevedu l-liġi applikabbli għas-sitwazzjoni tagħhom.

(40)

Għandha tiġi evitata sitwazzjoni fejn ir-regoli tal-konflitt tal-liġijiet ikunu dispersi bejn diversi strumenti u fejn ikun hemm differenzi bejn dawk ir-regoli. Madankollu dan ir-Regolament m'għandux jeskludi l-possibbiltà ta' inklużjoni ta' regoli tal-konflitt tal-liġijiet relatati ma' l-obbligazzjonijiet kuntrattwali f'dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja fir-rigward ta' kwistjonijiet partikolari.

Dan ir-Regolament m'għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta' strumenti oħra li jistipulaw dispożizzjonijiet imfassla sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament korrett tas-suq intern sa fejn dawn ma jkunux jistgħu jiġu applikati b'mod konġunt mal-liġi indikata mir-regoli ta' dan ir-Regolament. L-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli indikata mir-regoli ta' dan ir-Regolament m'għandhiex tirrestrinġi l-moviment liberu ta' merkanzija u ta' servizzi hekk kif regolat mill-istrumenti Komunitarji, bħad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) ( 13 ).

(41)

Ir-rispett ta' l-impenji internazzjonali assunti mill-Istati Membri ifisser li r-Regolament ma għandux jinċidi fuq konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stati Membri jkunu Partijiet fil-mument li dan ir-Regolament jiġi adottat. Sabiex ir-regoli isiru iktar aċċessibbli, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-konvenzjonijiet rilevanti fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea abbażi ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

(42)

Il-Kummissjoni sejra tagħmel proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-proċeduri u l-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jkunu intitolati li jinnegozjaw u jikkonkludu, f'isimhom stess, strumenti ta' ftehim ma' pajjiżi terzi f'każijiet individwali u eċċezzjonali, fir-rigward ta' kwistjonijiet settorali u li jikkontjenu dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.

(43)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(44)

Konformement ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(45)

Skond l-Artikoli 1 u 2 ta' dak il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, ir-Renju Unit ma jipparteċipax fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(46)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

AMBITU

Artikolu 1

Ambitu materjali

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika, f'sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f'materji ċivili u kummerċjali.

M'għandux japplika, partikolarment, għal kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi.

2.  Dawn li ġejjin huma esklużi mill-ambitu ta' dan ir-Regolament:

(a) kwistjonijiet li jinvolvu l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta' persuni fiżiċi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13;

(b) obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn relazzjonijiet familjari u relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effetti komparabbli, inklużi obbligazzjonijiet ta' manteniment;

(ċ) obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn reġimi ta' proprjetà matrimonjali, reġimi ta' proprjetà ta' relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effett komparabbli ma' dak taż-żwieġ u tas-suċċessjoni;

(d) obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kambjali, ċekkijiet, u promissory notes kif ukoll minn strumenti negozjabbli oħra sa fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn dawn l-istrumenti negozjabbli oħra jirriżultaw min-natura negozjabbli tagħhom;

(e) arranġamenti ta' arbitraġġ u arranġamenti dwar l-għażla tal-qorti;

(f) kwistjonijiet regolati mil-liġi tal-kumpanniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati, bħall-kostituzzjoni f, permezz ta' reġistrazzjoni jew b'mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta' kumpanniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati, u r-responsabbiltà personali ta' uffiċjali u membri, bħala tali, għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija jew tal-korp;

(g) il-kwistjoni jekk l-aġent huwiex kapaċi jorbot prinċipal, jew jekk organu huwiex kapaċi jorbot kumpannija jew korp ieħor, inkorporat jew mhux inkorporat, fir-rigward ta' parti terza;

(h) il-kostituzzjoni ta' trusts u r-relazzjoni bejn settlors, trustees u l-benefiċjarji;

(i) obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn trattativi qabel il-konklużjoni ta' kuntratt;

(j) kuntratti ta' assigurazzjoni li jirriżultaw minn operazzjonijiet imwettqa minn organizzazzjonijiet diversi minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja ( 14 ), li jkollhom l-għan li jipprovdu benefiċċji għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u li jkunu parti minn intrapriża jew minn grupp ta' intrapriżi, jew assoċjati ma' sengħa jew ma' grupp ta' snajja, fil-każ ta' mewt jew ta' sopravvivenza jew fil-każ li l-attività titwaqqaf jew tiġi ridotta, jew f'każ ta' mard relatat max-xogħol, jew inċidenti fuq ix-xogħol.

3.  Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-prova u għall-proċedura, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18.

4.  F'dan ir-Regolament, it-terminu “Stat Membru” għandu jfisser l-Istati Membri kollha li għalihom japplika dan ir-Regolament. Madankollu, fl-Artikolu 3(4) u fl-Artikolu 7 it-terminu għandu jfisser l-Istati Membri kollha.

Artikolu 2

Applikazzjoni universali

Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tapplika kemm jekk tkun il-liġi ta' Stat Membru kif ukoll jekk ma tkunx.



KAPITOLU II

REGOLI UNIFORMI

Artikolu 3

Libertà ta' l-għażla

1.  Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha ssir espressament jew tkun manifestata b'mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-każ. Bl-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt.

2.  Il-partijiet jistgħu jiftiehmu f'kull mument li jissuġġettaw il-kuntratt għal liġi diversa minn dik li preċedentement kienet tirregolah, kemm jekk bħala riżultat ta' għażla preċedenti taħt dan l-Artikolu kif ukoll bħala riżultat ta' dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe bidla, fir-rigward tal-liġi applikabbli, li ssir wara l-konklużjoni tal-kuntratt, m'għandhiex tippreġudika l-validità formali tal-kuntratt taħt l-Artikolu 11 jew tinċidi fuq id-drittijiet ta' persuni terzi.

3.  Fejn l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta' l-għażla jinsabu f'pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu intgħażlet il-liġi, l-għażla tal-partijiet m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi, ta' dak il-pajjiż l-ieħor, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

4.  Fejn l-elementi l-oħra kollha li jkunu rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta' l-għażla jinsabu f'wieħed jew aktar Stati Membri, l-għażla tal-partijiet tal-liġi applikabbli diversa minn dik ta' Stat Membru m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, fejn xieraq, kif implimentati fl-Istat Membru tal-forum, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

5.  L-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta' l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom jiġu determinati skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 10, 11 u 13.

Artikolu 4

Liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla

1.  Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:

(a) kuntratt għall-bejgħ ta' merkanzija għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-bejjiegħ ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

(b) kuntratt għall-forniment ta' servizzi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

(ċ) kuntratt relatat ma' dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew ma' kiri ta' proprjetà immobbli għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih tkun tinsab il-proprjetà;

(d) minkejja l-punt (c), il-kiri ta' proprjetà immobbli konkluż għall-użu privat temporanju għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur konsekuttivi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-proprjetarju jkollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-kerrej ikun persuna fiżika u jkollu r-residenza abitwali tiegħu fl-istess pajjiż;

(e) kuntratt ta' konċessjoni għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-konċessjonarju jkollu r-residenza abitwali tiegħu;

(f) kuntratt tad-distribuzzjoni għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih id-distributur ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

(g) kuntratt ta' bejgħ ta' oġġetti b'irkant għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ l-irkant, jekk tali post ikun jista' jiġi determinat;

(h) kuntratt konkluż fi ħdan sistema multilaterali li tgħaqqad flimkien jew tiffaċilita l-għaqda ta' bosta interessi multipli ta' xiri u bejgħ minn partijiet terzi fi strumenti finanzjarji, kif definit fl-Artikolu 4(1), punt (17) tad-Direttiva 2004/39/KE, skond regoli non diskriminatorji u regolat minn liġi waħda, għandu jkun regolat minn dik il-liġi.

2.  Fejn il-kuntratt ma jkunx kopert mill-paragrafu 1 jew fejn l-elementi tal-kuntratt ikunu koperti minn aktar minn wieħed mill-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-parti li tkun meħtieġa twettaq il-prestazzjoni li tkun karatteristika tal-kuntratt ikollha r-residenza abitwali tagħha.

3.  Meta jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li l-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma' pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta' dak il-pajjiż l-ieħor.

4.  Meta l-liġi applikabbli ma tkunx tista' tiġi determinata skond il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu għandu l-eqreb rabta.

Artikolu 5

Kuntratti ta' trasport

1.  Sa fejn il-liġi applikabbli għal kuntratt ta' trasport ta' merkanzija ma ġietx magħżula skond l-Artikolu 3, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih it-trasportatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-post tar-riċezzjoni jew il-post tal-kunsinna jew ir-residenza abitwali tal-kunsinnatur ikunu wkoll f'dak il-pajjiż. Jekk dawk ir-rekwiżiti ma jiġux sodisfatti, għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż tal-kunsinna kif ġie miftiehem bejn il-partijiet.

2.  Sa fejn il-liġi applikabbli għal kuntratt ta' trasport ta' passiġġieri ma ġietx magħżula mill-partijiet skond it-tieni subparagrafu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih il-passiġġier ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-post ta' tluq jew il-post tad-destinazzjoni jkunu f'dak il-pajjiż Jekk dawn ir-rekwiżiti ma jiġux sodisfatti, għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn it-trasportatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

Fir-rigward tal-liġi applikabbli għal kuntratt ta' trasport ta' passiġġieri skond l-Artikolu 3, il-partijiet jistgħu jagħżlu biss il-liġi tal-pajjiż fejn:

(a) il-passiġġier ikollu r-residenza abitwali tiegħu; jew

(b) it-trasportatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu; jew

(ċ) it-trasportatur ikollu l-post ta' l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu; jew

(d) ikun hemm il-post tat-tluq; jew

(e) ikun hemm il-post tad-destinazzjoni;

3.  Fejn jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li, fin-nuqqas ta' għażla ta' liġi, il-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma' pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta' dak il-pajjiż l-ieħor.

Artikolu 6

Kuntratti ta' konsum

1.  Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista' jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (“il-konsumatur”), ma' persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (“il-professjonist”) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

(a) il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b) bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa' fl-ambitu ta' dawn l-attivitajiet.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, skond l-Artikolu 3. Tali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta' l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1.

3.  Jekk ir-rekwiżiti fil-paragrafu 1(a) jew (b) ma jiġux sodisfatti, il-liġi applikabbli għal kuntratt bejn konsumatur u professjonist għandha tiġi determinata skond l-Artikoli 3 u 4.

4.  Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal dawn il-kuntratti:

(a) kuntratti għall-forniment ta' servizzi fejn is-servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu fornuti esklussivament f'pajjiż divers minn dak li fih huwa jkollu r-residenza abitwali tiegħu;

(b) kuntratt ta' trasport divers minn kuntratt relatat ma' vjaġġ b'kollox kompriż fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż, il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż ( 15 );

(ċ) kuntratt relatat ma' dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew ma' kiri ta' proprjetà immobbli divers minn kuntratt relatat ma' dritt ta' użu ta' proprjetajiet immobbli fuq bażi ta' timeshare fis-sens tad-Direttiva 94/47/KE;

(d) drittijiet u obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu strument finanzjarju u drittijiet u obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu t-termini u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ jew l-offerta lill-pubbliku u offerti pubbliċi ta' take-over ta' titoli trasferibbli, u s-sottoskrizzjoni u l-fidwa ta' unitajiet f'intrapriżi ta' investiment kollettiv sa fejn dawn l-attivitajiet ma jikkostitwixxux forniment ta' servizz finanzjarju;

(e) kuntratt konkluż fi ħdan it-tip ta' sistema li taqa' fl-ambitu ta' l-Artikolu 4(1)(h).

Artikolu 7

Kuntratti ta' assigurazzjoni

1.  Dan l-Artikolu għandu japplika għal kuntratti msemmija fil-paragrafu 2, irrispettivament minn jekk ir-riskju kopert ikunx jinsab fi Stat Membru jew le, u għall-kuntratti ta' l-assigurazzjoni l-oħrajn kollha li jkopru riskji li jkunu jinsabu fit-territorju ta' l-Istati Membri. Dan m'għandux japplika għal kuntratti ta' riassigurazzjoni.

2.  Kuntratt ta' assigurazzjoni li jkopri riskju kbir kif definit fl-Artikolu 5(d) ta' l-Ewwel Direttiva 73/239/KEE tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta' l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja ( 16 ) għandu jiġi regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

Sa fejn il-liġi applikabbli ma tkunx intgħażlet mill-partijiet, il-kuntratt ta' l-assigurazzjoni għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn l-assiguratur ikollu r-residenza abitwali tiegħu. Meta miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ ikun jidher ċar li l-kuntratt ikun manifestament aktar marbut ma' pajjiż ieħor, għandha tapplika l-liġi ta' dak il-pajjiż.

3.  Fil-każ ta' kuntratt ta' assigurazzjoni divers minn kuntratt li jaqa' fl-ambitu tal-paragrafu 2, huma biss il-liġijiet li ġejjin li jistgħu jintgħażlu mill-partijiet skond l-Artikolu 3:

(a) il-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru fejn ikun jinsab ir-riskju fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt;

(b) il-liġi tal-pajjiż fejn id-detentur tal-polza ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

(ċ) fil-każ ta' assigurazzjoni tal-ħajja, il-liġi ta' l-Istat Membru li tiegħu ikun ċittadin id-detentur tal-polza;

(d) għal kuntratti ta' assigurazzjoni li jkopru riskji limitati għal avvenimenti li jiġru f'xi Stat Membru divers mill-Istat Membru li fih ikun jinsab ir-riskju, il-liġi ta' dak l-Istat Membru;

(e) fejn id-detentur tal-polza permezz ta' kuntratt li jaqa' fl-ambitu ta' dan il-paragrafu, jeżerċita attività kummerċjali jew industrijali jew professjoni libera u l-kuntratt ta' assigurazzjoni jkopri żewġ riskji jew iktar li jkunu konnessi ma' dawk l-attivitajiet u jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti, il-liġi ta' kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri konċernati jew il-liġi tal-pajjiż li fih tinsab ir-residenza abitwali tad-detentur tal-polza.

Fejn, fil-każijiet stipulati fil-punti (a), (b) jew (e), l-Istati Membri msemmija jagħtu libertà ta' l-għażla akbar fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta' l-assigurazzjoni, il-partijiet jistgħu jieħdu vantaġġ minn dik il-libertà.

Sa fejn il-liġi applikabbli għal kuntratt ma ġietx magħżula mill-partijiet skond dan il-paragrafu, tali kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta' l-Istat Membru li fih ikun jinsab ir-riskju fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt.

4.  Ir-regoli addizzjonali li ġejjin għandhom japplikaw għal kuntratti ta' assigurazzjoni li għalihom Stat Membru jimponi obbligu li ssir assigurazzjoni:

(a) il-kuntratt ta' assigurazzjoni m'għandux jissodisfa l-obbligu li ssir assigurazzjoni sakemm ma jkunx jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi konnessi ma' dik l-assigurazzjoni stipulata mill-Istat Membru li jimponi l-obbligu. Fejn il-liġi ta' l-Istat Membru li fih jinsab ir-riskju u l-liġi ta' l-Istat Membru li jimponi l-obbligu li ssir assigurazzjoni jikkontradixxu lil xulxin, din ta' l-aħħar għandha tipprevalixxi;

(b) b'deroga mill-paragrafi 2 u 3, Stat Membru jista' jistipula li l-kuntratt ta' assigurazzjoni jkun regolat mil-liġi ta' l-Istat Membru li jimponi l-obbligu li ssir assigurazzjoni.

5.  Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3, u tal-paragrafu 4, meta l-kuntratt ikopri riskji li jinsabu f'aktar minn Stat Membru wieħed, il-kuntratt għandu jitqies bħala kuntratt li jikkostitwixxi diversi kuntratti li kull wieħed minnhom jirrelata ma' Stat Membru wieħed biss.

6.  Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-pajjiż li jkun jinsab fih ir-riskju għandu jiġi determinat skond l-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357/KEE tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma'assigurazzjoni diretta ta' xort oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 17 ) u, fil-każ ta' l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-pajjiż li fih ikun jinsab ir-riskju għandu jkun il-pajjiż ta' l-impenn fis-sens ta' l-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva 2002/83/KE.

Artikolu 8

Kuntratti individwali ta' impjieg

1.  Kuntratt individwali ta' impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3. Madankollu, tali għażla ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta' dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta' għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

2.  Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta' l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta' dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m'għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f'pajjiż ieħor.

3.  Fejn il-liġi applikabbli ma tkunx tistà tiġi determinata skond il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun jinsab in-negozju li fih ġie impjegat.

4.  Fejn mit-totalità taċ-ċirkostanzi jirriżulta li l-kuntratt ta' impjieg ikun aktar marbut ma' pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 2 jew 2a, għandha tapplika l-liġi ta' dak il-pajjiż l-ieħor.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti

1.  Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta' l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.

2.  Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.

3.  Jista' jingħata effett lid-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt jkunu jridu jitwettqu jew ikunu twettqu, sa fejn dawn dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jagħmlu illegali t-twettiq tal-kuntratt. Sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi li ġejjin mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta' applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 10

Kunsens u validità materjali

1.  L-eżistenza u l-validità ta' kuntratt jew ta' dispożizzjoni ta' kuntratt għandhom jiġu determinati mil-liġi li tkun applikabbli għalih taħt dan ir-Regolament kieku l-kuntratt jew id-dispożizzjoni kienu validi.

2.  Madankollu, sabiex parti tistabbilixxi li ma tkunx tat il-kunsens tagħha, tista' tirriferi għal-liġi tal-pajjiż li fih ikollha r-residenza abitwali tagħha jekk miċ-ċirkostanzi jirriżulta li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-komportament ta' tali parti skond il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Validità formali

1.  Kuntratt konkluż bejn persuni li jkunu jew li jkollhom l-aġenti tagħhom fl-istess pajjiż fiż-żmien tal-konklużjoni huwa formalment validu jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet formali tal-liġi li tirregolah sostantivament taħt dan ir-Regolament jew tal-liġi tal-pajjiż li fih ġie konkluż.

2.  Kuntratt konkluż bejn persuni li jkunu jew li jkollhom l-aġenti tagħhom f'pajjiżi differenti fiż-żmien tal-konklużjoni tiegħu huwa formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti formali tal-liġi li tirregolah sostantivament taħt dan ir-Regolament, jew tal-liġi tal-pajjiżi fejn kwalunkwe wieħed mill-partijiet jew l-aġenti tagħhom ikunu preżenti fil-mument tal-konklużjoni, jew tal-liġi tal-pajjiż fejn kwalunkwe wieħed mill-partijiet kellu r-residenza abitwali tiegħu f'dak iż-żmien.

3.  Att unilaterali maħsub li jkollu effett ġuridiku fir-rigward ta' kuntratt eżistenti jew kontemplat huwa formalment validu jekk jissodissfa l-kondizzjonijiet formali tal-liġi li tirregolah sostantivament taħt dan ir-Regolament jew il-liġi tal-pajjiż li fih twettaq l-att, jew tal-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna li wettqitu jkollha r-residenza abitwali tagħhha f'dak iż-żmien.

4.  Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għall-kuntratti li jaqgħu fl-ambitu ta' l-Artikolu 6. Il-forma ta' dawn il-kuntratti għandha tiġi rregolata mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

5.  Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4, kuntratt li l-oġġett tiegħu ikun dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew kiri ta' proprjetà immobbli għandu jkun suġġett għar-rekwiżiti formalistiċi tal-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà jekk skond din il-liġi

(a) dawk ir-rekwiżiti huma imposti irrispettivament mill-pajjiż li fih il-kuntratt ġie konkluż u irrispettivament mil-liġi li tirregola l-kuntratt, u

(b) dawk ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

Artikolu 12

Ambitu tal-liġi applikabbli

1.  Il-liġi applikabbli għal kuntratt skond dan ir-Regolament għandha tirregola partikolarment:

(a) l-interpretazzjoni tiegħu;

(b) it-twettiq tiegħu;

(ċ) fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti mil-liġi proċedurali tagħha, il-konsegwenzi tal-ksur totali jew parzjali ta' l-obbligazzjonijiet, inkluża l-istima tad-danni sa fejn din tkun regolata minn regoli tal-liġi;

(d) il-modi varji ta' terminazzjoni ta' l-obbligazzjonijiet, kif ukoll il-preskrizzjoni ta' l-azzjonijiet;

(e) il-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt.

2.  Fir-rigward tal-modalitajiet ta' twettiq u l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-kreditur fil-każ ta' twettiq defiċjenti, għandu jittieħed kont tal-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ it-twettiq.

Artikolu 13

Inkapaċità

F'kuntratt konkluż bejn persuni li jinsabu fl-istess pajjiż, persuna fiżika li jkollha l-kapaċità skond il-liġi ta' dak il-pajjiż tista' tinvoka l-inkapaċità tagħha li tirriżulta minn liġi ta' pajjiż ieħor biss jekk il-parti l-oħra kienet konxja ta' dik l-inkapaċità fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew ma kinitx konxja ta' dan minħabba negliġenza.

Artikolu 14

Ċessjoni volontarja u surroga kuntrattwali

1.  Ir-relazzjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju f'ċessjoni volontarja jew surroga kuntrattwali ta' dritt kontra persuna oħra (“id-debitur”) għandha tkun regolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju taħt dan ir-Regolament.

2.  Il-liġi li tirregola dritt ċedut jew surrogat għandha tiddetermina ċ-ċessjonabbiltà tiegħu, ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur, il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni jew is-surroga tista' tiġi invokati kontra d-debitur u jekk l-obbligazzjonijiet tad-debitur ġewx eżegwiti jew le.

3.  Il-kunċett ta' ċessjoni f'dan l-Artikolu jinkludi trasferimenti diretti ta' drittijiet, trasferimenti ta' drittijiet permezz ta' garanziji u ta' rahan jew drittijiet oħrajn ta' garanzija.

Artikolu 15

Surroga ġuridika

Fejn persuna (“il-kreditur”) ikollha dritt kuntrattwali kontra oħra (“id-debitur”) u persuna terza jkollha l-obbligu li tissodisfa lill-kreditur, jew fil-fatt issodisfat lill-kreditur fit-twettiq ta' dak l-obbligu, il-liġi li tirregola l-obbligu tal-persuna terza li tissodisfa lill-kreditur għandha tiddetermina jekk u sa liema punt il-persuna terza jkollha l-jedd li teżerċita kontra d-debitur d-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur taħt il-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħhom.

Artikolu 16

Pluralità ta' debituri

Jekk kreditur ikollu pretensjoni kontra diversi debituri li jkunu marbuta mill-istess pretensjoni, u wieħed mid-debituri diġà ssodisfa l-pretensjonifis-sħiħ jew parzjalment, il-liġi li tirregola l-obbligazzjoni tad-debitur lejn il-kreditur għandha tirregola ukoll id-dritt tad-debitur li jitlob adempiment mid-debituri l-oħra. Id-debituri l-oħra jistgħu jeċċepixxu d-difiżi li kellhom kontra l-kreditur sal-limitu permess mil-liġi li tirregola l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn il-kreditur.

Artikolu 17

Tpaċija

Meta d-dritt għal tpaċija ma jkunx miftiehem mill-partijiet, it-tpaċija għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għal dak id-dritt li kontrih tiġi eċċepita t-tpaċija.

Artikolu 18

Oneru tal-prova

1.  Il-liġi li tirregola obbligazzjoni kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tapplika sa fejn, f'materji ta' obbligazzjonijiet kuntrattwali, hija tinkludi regoli li jistabbilixxu preżunzjonijiet ta' liġi jew li jiddeterminaw l-oneru tal-prova.

2.  Kuntratt jew att maħsub li jkollu effett ġuridiku jistgħu jiġu ppruvati b'kull mod ta' prova rikonoxxut mil-liġi tal-forum jew minn kwalunkwe waħda mil-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 11 li taħtha dak il-kuntratt jew att ikun formalment validu, sakemm dan il-mod ta' prova jista' jiġi amministrat mill-forum.



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRAJN

Artikolu 19

Residenza abitwali

1.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-residenza abitwali ta' kumpanniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati, għandha tkun il-post ta' l-amministrazzjoni ċentrali.

Ir-residenza abitwali ta' persuna fiżika fil-kors ta' l-eżerċizzju ta' l-attività professjonali tagħha għandha tkun il-post prinċipali tan-negozju tagħha.

2.  Fejn il-kuntratt jiġi konkluż fil-kors ta' l-operazzjoni ta' fergħa, aġenzija jew ta' kwalunkwe stabbiliment ieħor, jew jekk, skond il-kuntratt, il-prestazzjoni tkun ir-responsabbiltà ta' tali fergħa, aġenzija jew stabbiliment, il-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor ikunu jinsabu għandu jitqies bħala l-post ta' residenza abitwali.

3.  Għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali, iż-żmien rilevanti għandu jkun iż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt.

Artikolu 20

Esklużjoni ta' renvoi

L-applikazzjoni tal-liġi, ta' kwalunkwe pajjiż, speċifikata minn dan ir-Regolament tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f'dak il-pajjiż minbarra r-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Ordni pubbliku tal-forum

L-applikazzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi, ta' kwalunkwe pajjiż, speċifikata minn dan ir-Regolament tista' tiġi miċħuda biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli ma' l-ordni pubbliku tal-forum.

Artikolu 22

Stati b'aktar minn sistema ġuridika waħda

1.  Fejn Stat ikun fih diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom ikollha r-regoli proprji tagħha fil-qasam ta' obbligazzjonijiet kuntrattwali, kull unità territorjali għandha titqies bħala pajjiż għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli taħt dan ir-Regolament.

2.  Stat Membru fejn unitajiet territorjali differenti jkollhom ir-regoli ġuridiċi proprji tagħhom fir-rigward ta' obbligazzjonijiet kuntrattwali m'għandux ikun marbut li japplika dan ir-Regolament għal konflitti biss bejn il-liġijiet ta' dawn l-unitajiet.

Artikolu 23

Relazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi Komunitarja

Bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 7, dan ir-Regolament m'għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li, fir-rigward ta' kwistjonijiet partikolari, jistipulaw regoli tal-konflitt tal-liġijiet relatati ma' obbligazzjonijiet kuntrattwali.

Artikolu 24

Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta' Ruma

1.  Dan ir-Regolament għandu jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta' Ruma fl-Istati Membri, ħlief fir-rigward tat-territorji ta' l-Istati Membri li jaqgħu fl-ambitu territorjali ta' dik il-Konvenzjoni u li għalihom dan ir-Regolament ma japplikax skond l-Artikolu 299 tat-Trattat.

2.  Sa fejn dan ir-Regolament jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ruma, kwalunkwe referenza għall-Konvenzjoni għandha titqies bħala referenza għal dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Relazzjoni ma' Konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1.  Dan ir-Regolament m'għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu Partijiet Stat Membru jew aktar meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jistipulaw regoli tal-konflitt tal-liġijiet fir-rigward ta' obbligazzjonijiet kuntrattwali.

2.  Madankollu, dan ir-Regolament għandu, bħal bejn Stati Membri, ikollu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn żewġ Stati Membri jew aktar sa fejn dawn il-konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Lista ta' Konvenzjonijiet

1.  Sas-17 ta' Ġunju 2009, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(1). Wara dik id-data, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-denunzji kollha ta' dawn il-konvenzjonijiet.

2.  Fi żmien sitt xhur mir-riċezzjoni tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

a) lista tal-konvenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1;

b) id-denunzji msemmiija fil-paragrafu 1.

Artikolu 27

Klawsola ta' reviżjoni

1.  Sas-17 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jekk ikun il-każ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-emendament ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi:

(a) studju dwar il-liġi applikabbli għall-kuntratti ta' l-assigurazzjoni u stima ta' l-impatt tad-dispożizzjonijiet maħsuba li jiġu introdotti, jekk ikun hemm; u

(b) evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6, partikolarment dwar il-koerenza tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur.

2.  Sas-17 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar il-kwistjoni ta' l-effikaċja ta' ċessjoni jew surroga ta' dritt kontra terzi persuni u l-prijorità tad-dritt ċedut jew surrogat fuq dritt ta' persuna oħra. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn proposta għall-emendament ta' dan ir-Regolament u minn stima ta' l-impatt tad-dispożizzjonijiet maħsuba li jiġu introdotti.

▼C1

Artikolu 28

Applikazzjoni temporali

Dan ir-Regolament għandu japplika għal kuntratti konklużi sa mis-17 ta' Diċembru 2009.

▼B



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mis-17 ta' Diċembru 2009 ħlief għall-Artikolu 26 li għandu japplika mis-17 ta' Ġunju 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.



( 1 ) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 56.

( 2 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2008.

( 3 ) ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.

( 4 ) ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

( 5 ) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

( 6 ) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

( 7 ) ĠU C 334, 30.12.2005, p. 1.

( 8 ) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/10/KE (ĠU L 76, 19.3.2008, p. 33).

( 9 ) ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 76, 19.3.2008, p. 42).

( 10 ) ĠU L 280, 29.10.1994, p. 83.

( 11 ) ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

( 12 ) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

( 13 ) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

( 14 ) ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/19/KE. (ĠU L 76, 19.3.2008, p. 44).

( 15 ) ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

( 16 ) ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1).

( 17 ) ĠU L 172, 4.7.1988, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149 tal- 11.6.2005, p. 14).

Top