Help Print this page 

Document 01998R2533-20150308

Title and reference
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 Novembru, 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2533/2015-03-08
Multilingual display
Text

1998R2533 — MT — 08.03.2015 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2533/98

tat-23 Novembru, 1998

dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew

(ĠU L 318, 27.11.1998, p.8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 951/2009 tad-9 ta’ Ottubru 2009

  L 269

1

14.10.2009

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/373 tal-5 ta' Marzu 2015

  L 64

6

7.3.2015




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2533/98

tat-23 Novembru, 1998

dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ l-“Istatut”) u partikolarment l-Artikolu 5.4 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-“BĊE”) ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ( 3 ),

Huwa u jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 106(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 42 ta' l-Istatut,

(1)

Billi l-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut jeħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”), megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor jew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi t-tagħrif statistiku li huwa meħtieġ biex isir ix-xogħol tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentral (hawnhekk izjed 'il quddiem imsejħa l-“ESCB”); billi, biex jiffaċilita l-eżekuzzjoni ta' dan ix-xogħol, stabbilit fl-Artikolu 105 tat-Trattat, u partikolarment għat-tmexxija tal-politika monetarja, dan it-tagħrif statistiku jiġi primarjament użat għal produzzjoni flimkien ta' informazzjoni ta' statistika, li għaliha l-identità ta' l-aġenti ekonomiċi individwali hija irrelevanti, iżda tista' tiġi wkoll użata fil-livell ta' aġenti ekomiċi individwali; billi l-Artikolu 5.2 ta' l-Istatut jeħtieġ li l-banek ċentrali nazzjonali jwettqu, sa' kemm hu possibli, ix-xogħol deskritt fl-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut; billi l-Artikolu 5.4 ta' l-Istatut jeħtieġ li l-Kunsill jiddefinixxi l-persuni naturali u legali soġġetti għall-ħtiġiet tar-rappurtaġġ, ir-reġim tal-konfidenzjalità u d-dispożizzjonijiet xierqa għall-infurzar; billi l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jikkoperaw ma' l-awtoritajiet oħra kompetenti, inklużi l-istituti nazzjonali ta' l-istatistika u regolaturi tas-swieq, għall-għanijiet ta' l-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut;

(2)

Billi, sabiex it-tagħrif statistiku jkun effettiv bħala strument għall-qadi tax-xogħol ta' l-ESCB, jeħtieġ li jiġu strutturati definizzjonijiet u proċeduri għal-ġbir tiegħu sabiex il-BĊE ikollu l-kapaċità u l-flessibilità u l-opportunità ta' maniera f'waqtha ta' statistika ta' kwalità għolja li tirrifletti il-bdil tal-kondizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u jagħti każ tal-piż impost fuq l-aġenti tar-rappurtaġġ; billi waqt li jsir dan għandha tingħata attenzjoni mhux biss għal kif l-ESCB iwettaq xogħlu u għall-indpendenza tiegħu imma wkoll biex iżomm f'minimu l-piż impost fuq l-aġenti tar-rappurtaġġ;

(3)

Billi għalhekk huwa mixtieq li tiġi definita popolazzjoni li tirrapporta r-riferenzi f'termini tal-kategoriji ta' l-unitajiet ekonomiċi u l-applikazzjonijiet ta' l-istatistika involuti, li għalihom il-poteri ta' l-istatistika tal-BĊE huma kkonfinati u li minnhom l-BĊE jistabbilixxi l-popolazzjoni attwali ta' rappurtaġġ permezz tal-poter regolatorju tiegħu;

(4)

Billi l-popolazzjoni tar-rappurtaġġ omoġenju hija meħtieġa għall-produzzjoni tal-balance sheet konsolidata tas-settur ta' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji ta' l-Istati Membri parteċipanti, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jipprovdi lill-BĊE bi stampa komprensiva ta' l-statistika dwar l-iżviluppi monetarji fl-Istati Membri parteċipanti, li jidhru bħala territorju ekonomiku wieħed; billi l-BĊE għandu jwaqqaf u jżomm Lista ta' Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji għall-għanijiet ta' l-istatistika bażata fuq definizzjoni komuni bejn dawn l-istituzzjonijiet;

(5)

Billi l-imsemmija definizzjoni komuni għal għanijiet ta' l-istatistika tispeċifika li l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji għandhom jinkludu istituzzjonjiet ta' kreditu kif definiti fil-liġijiet tal-Komunità, u l-istituzzjonijiet finanzjarji residenti oħrajn kollha li l-kummerċ tagħhom huwa li jirċievu depożiti u/jew jagħlqu sostituti għal depożiti minn entitajiet oħra għajr l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji u, għall-kont tagħhom stess (mill-inqas f'termini ekonomiċi), li joħorġu krediti u/jew jagħmlu investimenti f'titoli;

(6)

Billi dawk l-istituzzjonijiet ta' l-uffiċini postali giro li ma jistgħux iwettqu d-definizzjoni komuni għall-skopijiet ta' l-istatistika ta' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji jistgħu madankollu jeħtiġilhom jkunu suġġetti għall-ħtiġiet tar-rappurtaġġ tal-BĊE fil-qasam ta' flus u ta' l-istatistika bankarja u statistiċi tas-sistemi ta' pagamenti għaliex jistgħu, għal limitu sinjifikanti, jirċievu depożiti u/jew jagħlqu sostituti għal depożiti u jwettqu kummerċ tas-sistemi ta' pagamenti;

(7)

Billi fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali 1995 ( 4 ) (hawnhekk izjed 'il quddiem imswejħa “ESA 95”), l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji għalhekk jikkomprendu s-sotto-setturi “il-bank ċentrali” u “istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra” u jistgħu jitwessgħu biss permezz ta' l-inklużjoni ta' kategoriji ta' istituzzjonijiet ġejjin mis-sotto-settur “intermedjarji finanzjarji oħra, minbarra korporazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni u fondi ta' pensjonijiet”;

(8)

Billi statistiċi dwar il-bilanċ tal-pagamenti, jinħtieġu l-Pożizzjoni ta' l-Investiment Internazzjonali, titoli, sistemi ta' flejjes u pagamenti elettroniċi biex jgħinu lill-ESCB iwettaq xogħlu f'manjiera indipendenti;

(9)

Billi l-użu tat-terminu “persuni legali u naturali” fl-Artikolu 5.4 ta' l-Istatut għandu jitfisser f'manjiera li hija konsistenti mal-prattiċi ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-istatistiċi dwar flus u x-xogħol tal-banek u statistiċi dwar il-bilanċ tal-pagamenti u għalhekk iħaddan ukoll entitajiet li la huma persuni legali u lanqas persuni naturali taħt il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom imma xorta waħda jaqgħu taħt is-sotto-setturi rilevanti ta' l-ESA 95; billi ħtiġiet tar-rappurtaġġ jistgħu għalhekk jiġu imposti fuq entitajiet bħal sħubija fin-negozju, fergħat, impriżi għall-investimenti kollettivi f'titoli trasferibbli (UCITS) u fondi li, taħt il-liġijiet rispettivi tagħhom, ma jgawdux l-i status ta' persuna legali; billi f'dawn il-każi l-obbligu tar-rappurtaġġ jiġi impost fuq dawk il-persuni li, taħt il-liġijiet nazzjonali applikabbli, jirrappreżentaw legalment l-entitajiet interessati;

(10)

Billi r-rapporti tal-balance sheets statistiċi ta' istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut jistgħu jkunu wżati wkoll biex jiġi kalkolat l-ammont ta' riservi minimi li jistgħu jkunu obbligati li jżommu;

(11)

Billi huwa d-dmir tal-Kunsill li jirreġola l-BĊE li jispeċifika t-tqassim tax-xogħol bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali fejn għandhom x'jaqsmu l-ġbir u l-verifika ta' tagħrif ta' l-istatistika u l-infurżar tagħhom, huma u jieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 5.2 ta' l-Istatut, kif ukoll tax-xogol li jidħul għalih l-awtoritajiet nazzjonali fil-limitu tal-kompetanza tagħhom, bil-għanijiet li jiġbru statistika ta' kwalità konsistentement għolja;

(12)

Billi, fis-snin bikrija tal-erja ta' munita waħdanija, l-effettività tan-nefqa tista' teħtieġ li l-bżonnijiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE jiġu sodisfatti permezz ta' proċeduri transizzjonali dovuti minħabba kostrizzjonijiet eżistenti fuq is-sistemi ta' ġbir; billi dan jista' partikolarment jimplika illi, fil-każ tal-Kont Finanzjarju dwar il-bilanċ tal-pagamenti, informazzjoni dwar pożizzjonijiet jew operazzjonijiet li jaqsmu fruntieri fl-Istati Membri parteċipanti li jidhru bħala territorju ekonomiku wieħed jistgħu jinbnew fis-snin bikrija tal-erja tal-munita waħdanija bl-użu tal-pożizzjonijiet jew l-operazzjonijiet kollha bejn ir-residenti ta' l-Istat Membru parteċipanti u r-residenti ta' pajjiżi oħra;

(13)

Billi l-limiti u l-kondizzjonijiet li fihom l-BĊE għandu l-poter li jimponi sanzjonijiet fuq impriżi minħabba li jonqsu milli jwettqu l-obbligi stabbiliti fir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-BĊE ġew definiti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 Novembru, 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet ( 5 ), skond l-Artikolu 34.3 ta' l-Istatut; billi fil-każ ta' konflitt bejn id-dispożizzjonijiet fl-imsemmi Regolament u dan ir-Regolament li jagħti poteri lill-BĊE li jimponi sanzjonijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jibqgħu fis-seħħ; billi s-sanzjonijiet għal nuqqas ta' konformità ma' l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament huma bla ħsara għall-possibilità li l-ESCB jistabbilixxi dispożizzjonijiet xierqa ta' infurzar fir-relazzjonijiet tiegħu ma' kontra-partijiet, inkluża l-esklużjoni totali jew parzjali ta' l-aġent tar-rappurtaġġ mill-operazzjonijiet mill-politka monetarja fil-każ ta' ksur serju tal-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika;

(14)

Billi r-regolamenti magħmulin mill-BĊE skond l-Artikolu 34.1 ta' l-Istatut ma jagħtu l-ebda dritt u ma jimponu l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri mhux parteċipanti;

(15)

Billi d-Danimarka, b'riferenza għall-paragrafu 1 tal-Protokoll (Nru 12) dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka, bagħtet notifika, fil-kuntest tad-Deċiżjoni ta' Edinburgh tat-12 ta' Diċembru, 1992, illi mhix sejra tipparteċipa fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja; billi, għalhekk, skond il-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Protokoll, l-Artikoli u d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u ta' l-Istatut li jirreferu għal deroga jkunu japplikaw għad-Danimarka;

(16)

Billi skond il-paragrafu 8 tal-Protokoll (Nru 11) dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq, l-Artikolu 34 ta' l-Istatut ma japplikax għar-Renju Unit jekk kemm-il darba ma jipparteċipax fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

(17)

Billi, filwaqt li huwa magħruf illi t-tagħrif ta' l-istatistika meħtieġ biex iwettaq il-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE mhux l-istess għall-Istati Membri parteċipanti bħal dak ta' l-Istati membri mhux parteċipanti, l-Artikolu 5 ta' l-Istatut japplika kemm għall-Istati Membri parteċipanti u kemm għall-Istati Membri mhux parteċipanti; billi dan il-fatt, flimkien ma' l-Artikolu 5 tat-Trattat, jimplika obbligu ta' tfassil u implimentazzjoni fuq il-livell nazzjonali l-miżuri kollha li l-Istati Membri jikkunisdraw xierqa sabiex iwettqu l-ġbir tat-tagħrif ta' l-istatistika meħtieġ biex iwettaq il-ħtiġiet tar rappurtaġġ tal-BĊE u tat-tħejjijiet f'waqthom fil-qasam ta' l-istatistika sabiex ikunu jistgħu jsiru Stati Membri parteċipanti;

(18)

Billi t-tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jkollhom jiksbu għall-qadi tad-dmirijiet ta' l-ESCB għandhom ikunu protetti sabiex tinkiseb u tinżamm il-fiduċja fl-aġenti tar-rappurtaġġ; billi la darba dan ir-Regolament jiġi adottat ma jkunx hemm iktar il-ħtieġa li jiġu nvokati dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-konfidenzjalità li ma jħallux l-iskambju ta' tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali li għandu x'jaqsam max-xogħol ta' l-ESCB, suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwu fejn jidħol l-ipproċessar ta' l-informazzjoni personali u l-moviment ħieles ta' dan it-tagħrif ( 6 );

(19)

Billi l-Artikolu 38.1 ta' l-Istatut jistabbilixxi li membri tal-korpi li jirregolaw l-BĊE u l-impjegati tiegħu u tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu ordnati, saħansitra meta jtemmu dmirijiethom, li ma jikxfux tagħrif tax-xorta kopert bl-obbligu tas-sigriet professjonali iżda l-Artikolu 38.2 ta' l-Istatut jistabbilixxi illi persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni koperta bil-leġislazzjoni tal-Komunità li timponi l-obbligu tas-segretezza għandhom ikunu suġġetti għal din il-leġislazzjoni;

(20)

Billi kull ksur tar-regoli li jorbtu l-membri tal-persunal tal-BĊE, sewwa jekk kommessi intenzjonalment jew b'negliġenza, jirrendihom li jkunu suġġetti għas-sanzjonijiet dixxiplinarji u, jekk xieraq, għal penali legali minħabba vjolazzjoni tas-segriet professjonali, suġġett għad-dispożizzjonijiet flimkien ta' l-Artikoli 12 u 18 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropew;

(21)

Billi l-possibilità ta' l-użu tat-tagħrif ta' l-istatistika għat-twettiq tax-xogħol li għandu jagħmel l-ESCB skond l-Artikolu 105 tat-Trattat, filwaqt li jnaqqas il-piż totali tar-rappurtaġġ, jimplika illi r-reġim ta' konfidenzjalità definit f'dan ir-Regolament għandu jkun differenti sa' ċertu punt mill-prinċipji ġenerali dwar il-konfidenzjalità ta' l-istatistika tal-Komunità u dawk internazzjonali, u partikolarment mid-dispożizzjonijiet dwar konfidenzjalità fl-istatistika fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 Frar, 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità ( 7 ); billi, suġġett għal dan il-punt, l-BĊE irid jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipji li huma s-sies ta' l-istatistika tal-Komunità stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(22)

Billi r-reġim ta' konfidenzjalità mfisser f'dan ir-Regolament japplika biss għal tagħrif ta' l-istatistika konfidenzjali trasmess lill-BĊE għall-qadi tad-dmirijiet ta' l-ESCB u ma jaffettwax dispożizzjonijiet speċjali nazzjonali jew tal-Komunità li għandhom x'jaqsmu mat-trasmissjoni ta' xorta oħra tat-tagħrif lill-BĊE; billi r-regoli dwar konfidenzjalità ta' l-istatistika applikati mill-istituti nazzjonali ta' l-istatistika u mill-Kummissjoni dwar l-informazzjoni ta l-istatistika li jiġbru għalihom infushom għandhom ikunu rispettati;

(23)

Billi, għall-għanijiet ta' l-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut, l-BĊE huwa mitlub li jikkopera fil-qasam ta' l-istatistika ma' l-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità u ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzzjonali; billi l-BĊE u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu forom xierqa ta' koperazzjoni fil-qasam ta' l-istatistika sabiex iwettqu x-xogħol tagħhom fl-iktar manjiera effiċjenti, u jippruvaw inaqqsu l-piż minn fuq l-agenti tar-rappurtaġġ;

(24)

Billi l-ESCB u l-BĊE ġew fdati bix-xogħol li jħejju l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-statistika fl-erja ta' l-Euro għall-operazzjoni tagħħom fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ “it-Tielet Stadju”); billi tħejjija f'waqtha hija essenzjali fil-qasam ta' l-istatistika biex l-ESCB ikun jista' jwettaq xogħlu fit-Tielet Stadju; billi element essenzjali tat-tħejjija huwa l-adozzjoni, minn qabel it-Tielet Stadju, tar-regolamenti tal-BĊE dwar l-istatistika; billi huwa mixtieq li l-parteċipanti fis-swieq jiġu infurmati matul l-1998 bid-dispożizzjonijiet dettaljati li l-BĊE jista' jidhirlu li jkunu meħtieġa li jadotta għall-implimentazzjoni tal-ħtiġiet tiegħu tar-rappurtaġġ ta' l-statistika; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-BĊE jiġi provdut b'poter regolatorju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

(25)

Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu applikati effettivament biss jekk l-Istati Membri parteċipanti fl-intier tagħhom ikunu adottaw il-miżuri meħtieġa bl-intenzjoni li jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom ikollhom il-poteri li jgħinu u jikkolaboraw bis-sħiħ ma' l-BĊE biex iwettaq il-verifika u l-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-statistika, skond l-Artikolu 5 tat-Trattat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



▼M1

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1. “Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE” għandha tfisser l-informazzjoni statistika li l-aġenti ta’ rappurtar huma meħtieġa li jipprovdu u li hija neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ;

1a. “Statistika Ewropea” għandha tfisser statistika li hija: (i) neċessarja sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ kif imsemmi fit-Trattat; (ii) iddeterminata fil-programm ta’ ħidma statistiku tas-SEBĊ; u (iii) żviluppata, prodotta u disseminata f’konformità mal-prinċipji statistiċi msemmija fl-Artikolu 3a;

2. “L-aġenti ta’ rappurtar” għandha tfisser dawk il-persuni legali u fiżiċi u l-entitajiet u l-fergħat imsemmija fl-Artikolu 2(3) li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-istatistika lil-BĊE;

3. “L-Istat Membru parteċipanti” għandha tfisser l-Istat Membru li jkun adotta l-munita waħdanija skont it-Trattat;

4. “residenti” u “li jirrisjedu” għandhom ifissru li jkollhom ċentru ta’ interess ekonomiku fit-territorju ekonomiku ta’ pajjiż kif deskritt fil-Kapitolu 1 (1.30) tal-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità ( 8 ); f’dan il-kuntest, “pożizzjonijiet mingħajr fruntieri” u “operazzjonijiet mingħajr fruntieri” għandhom ifissru rispettivament pożizzjonijiet u operazzjonijiet fl-attiv u passiv tar-residenti tal-Istati Membri parteċipanti li jidhru bħala territorju ekonomiku wieħed vis-a-vis r-residenti ta’ Istati Membri mhux parteċipanti u/jew residenti ta’ pajjiżi terzi;

5. “Il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali” għandha tfisser il-balance sheet tal-istock tal-attiv u passiv finanzjaru mingħajr fruntieri;

6. “flus elettroniċi” għandhom ifissru ħażna elettronika ta’ valur monetarju b’mezz tekniku, li jinkludu cards imħallsa minn qabel, li jistgħu jiġu wżati f’diversi pajjiżi sabiex isiru pagamenti lill-entitajiet oħra minbarra min joħroġhom mingħajr ma neċessarjament jinvolvu kontijiet bankarji fl-operazzjoni, imma li jaġixxu bħala strument ta’ ħlas minn qabel mill-persuna nnifisha.

7. “użu għal għanijiet statistiċi” għandha tfisser l-użu esklussiv għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ riżultati u analiżijiet statistiċi;

8. “żvilupp” għandha tfisser attivitajiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu, isaħħu u jtejbu l-metodi, l-istandards u l-proċeduri statistiċi użati għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika kif ukoll għat-tfassil ta’ statistika u indikaturi ġodda;

9. “produzzjoni” għandha tfisser l-attivitajiet kollha relatati mal-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar u l-analiżi neċessarja għall-ġbir tal-istatistika;

10. “disseminazzjoni” għandha tfisser l-attività li biha l-istatistika, l-analiżi statistika u l-informazzjoni mhux kunfidenzjali isiru disponibbli għall-utenti;

11. “ informazzjoni statistika” għandha tfisser id-data, l-indikaturi u l-metadata rilevanti aggregati u individwali;

12. “ informazzjoni statistika kunfidenzjali” għandha tfisser informazzjoni statistika li tippermetti li l-aġenti ta’ rappurtar jew kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa oħra tkun identifikata direttament minn isimhom jew l-indirizz tagħhom jew minn kodiċi ta’ identifikazzjoni allokat uffiċjalment jew indirettament permezz ta’ deduzzjoni, b’hekk tiġi żvelata informazzjoni individwali. Sabiex jiġi ddeterminat jekk aġent ta’ rappurtar jew kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa oħra hija identifikabbli, għandu jittieħed kont tal-mezzi kollha li jistgħu jintużaw raġonevolment minn parti terza sabiex jiġu identifikati l-aġent ta’ rappurtar imsemmi jew il-persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa l-oħra.

▼B

Artikolu 2

Popolazzjoni li jirrappurtaw dwar referenzi

▼M1

1.  Sabiex jitwettqu r-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE, il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 5.2 tal-Istatut, għandu jkollu d-dritt li jiġbor informazzjoni statistika fil-limiti tal-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza u għal dak li huwa neċessarju sabiex iwettaq il-kompiti tas-SEBĊ. L-informazzjoni tista’ tinġabar b’mod partikolari fil-qasam tal-istatistika monetarja u finanzjarja, l-istatistika dwar il-karti tal-flus, statistika dwar ħlasijiet u sistemi ta’ ħlasijiet, statistika dwar l-istabbiltà finanzjarja, statistika dwar il-bilanċ tal-ħlasijiet u l-istatistika dwar il-pożizzjoni internazzjonali tal-investimenti. Fejn neċessarju sabiex iwettaq il-kompiti tas-SEBĊ, informazzjoni addizzjonali tista’ jinġabar ukoll f’oqsma oħrajn f’każijiet debitament ġustifikati. L-informazzjoni miġbura sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE għandha tiġi speċifikata aktar fil-programm ta’ ħidma statistiku tas-SEBĊ.

2.  F’dan ir-rigward, il-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza għandha tinkludi l-aġenti ta’ rappurtar li ġejjin:

(a) persuni ġuridiċi u fiżiċi li jirrisjedu fi Stat Membru u li jaqgħu taħt is-settur ta’ “korporazzjonijiet finanzjarji” kif definit fl-ESA 95;

(b) istituzzjonijiet post office giro li jirrisjedu fi Stat Membru;

(c) persuni ġuridiċi u fiżiċi li jirrisjedu fi Stat Membru, sakemm huma jkollhom pożizzjonijiet transkonfinali jew wettqu transazzjonijiet transkonfinali;

(d) persuni ġuridiċi u fiżiċi li jirrisjedu fi Stat Membru, sakemm huma ħarġu titoli jew flus elettroniċi;

(e) persuni ġuridiċi u fiżiċi li jirrisjedu fi Stat Membru parteċipanti sakemm huma jkollhom pożizzjoni finanzjarja vis-à-vis residenti ta’ Stati Membri parteċipanti oħrajn jew wettqu transazzjonijiet finanzjarji ma’ residenti ta’ Stati Membri parteċipanti oħrajn.

▼B

3.  Entità li tkun b'mod ieħor koperta bid-definizzjoni fil-paragrafu 2, iżda li skond il-liġijiet nazzjonali tal-pajjiż tagħha tar-residenza la hi persuna legali u lanqas ġemgħa ta' persuni naturali, filwaqt li tista' tkun is-suġġett għal drittijiet u obbligi, għandha tkun aġent ta' rappurtaġġ. L-obbligu tar-rappurtaġġ ta' entità bħal din għandu jitwettaq minn persuni li jirrappreżentawha legalment.

Fejn persuna legali, ġemgħa ta' persuni legali jew entità kif hemm riferenza ghaliha fl-ewwel sotto-paragrafu għanda fergħa residenti f'pajjiż ieħor, il-fergħa għandha tkun aġent ta' rappurtaġġ għal rasha irrispettivament fejn ikun jinsab l-uffiċċju ġenerali sakemm il-fergħa tissodisfa l-kondizzjonijiet definiti fil-paragrafu 2, bl-eċċezzjoni tal-ħtieġa li tippossjedi personalità legali separata. Kull numru ta' fergħat miftuħa fl-istess Stat Membru għandu jitqies bħala fergħa waħda meta jappartjienu lill-istess sotto-settur ta' l-ekonomija. L-obbligu tar-rappurtaġġ ta' fergħa għandu jitwettaq mill-persuni li jirrappreżentawha legalment.

▼M1

4.  F’każijiet debitament ġustifikati, bħal pereżempju statistika dwar l-istabbiltà finanzjarja, il-BĊE għandu jkollu d-dritt li jiġbor mill-persuni ġuridiċi u fiżiċi msemmijin fil-paragrafu 2(a), u mill-entitajiet u fergħat imsemmijin fil-paragrafu 3, informazzjoni statistika fuq bażi konsolidata, inkluż informazzjoni dwar l-entitajiet ikkontrollati minn tali persuni ġuridiċi u fiżiċi u entitajiet. Il-BĊE għandu jispeċifika l-limitu tal-konsolidazzjoni.

Artikolu 2a

Kooperazzjoni mas-SSE

Sabiex jiġi minimizzat il-piż ta’ rappurtar u tiġi garantita l-koerenza neċessarja sabiex tiġi prodotta l-istatistika Ewropea, is-SEBĊ u s-SSE għandhom jikkooperaw mill-qrib, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipji statistiċi stabbiliti fl-Artikolu 3a.

▼M1

Artikolu 3

Modalitajiet għad-definizzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku

Meta jiddefinixxi u jimponi r-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tiegħu, il-BĊE għandu jispeċifika l-popolazzjoni attwali ta’ rappurtar fil-limiti tal-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza kif definit fl-Artikolu 2. Mingħajr preġudizzju għat-twettiq tar-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tiegħu, il-BĊE:

(a) għandu juża statistika eżistenti safejn huwa possibbli;

(b) għandu jieħu kont tal-istandards statistiċi Ewropej u internazzjonali rilevanti;

(c) jista’ totalment jew parzjalment jeżenta klassijiet speċifiċi ta’ aġenti ta’ rappurtar mir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tiegħu.

Qabel jadotta regolament kif imsemmi fl-Artikolu 5 rigward statistika ġdida, il-BĊE għandu jivvaluta l-merti u l-ispejjeż tal-ġbir tal-informazzjoni statistika ġdida inkwistjoni. B’mod partikolari huwa għandu jieħu kont tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ġbir, id-daqs tal-popolazzjoni ta’ rappurtar u l-perjodiċità, u l-informazzjoni statistika diġà miżmuma mill-awtoritajiet jew l-amministraturi statistiċi.

▼M1

Artikolu 3a

Prinċipji statistiċi sottostanti l-istatistiċi Ewropej prodotti mis-SEBĊ

L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea mis-SEBĊ għandhom ikunu rregolati mill-prinċipji ta’ imparzjalità, oġġettività, indipendenza professjonali, kost-effettività, kunfidenzjalità statistika, minimizzazzjoni tal-piż ta’ rappurtar u riżultati ta’ kwalità għolja, inkluża l-affidabbiltà, u d-definizzjonijiet ta’ dawn il-prinċipji għandhom jiġu adottati, elaborati u ppubblikati mill-BĊE. Dawn il-prinċipji huma simili għall-prinċipji statistiċi tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ MArzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea ( 9 ).

▼B

Artikolu 4

Obbligi ta' l-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jorganizzaw ruħhom fil-qasam ta' l-istatistika u għandhom jikkoperaw għalkollox ma' l-ESCB sabiex jiżguraw it-twettiq ta' l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 5 ta' l-Istatut.

Artikolu 5

Poter Regolatorju tal-BĊE

1.  Il-BĊE jista' jadotta regolamenti għad-definizjoni u l-impożizzjoni tal-ħtiġiet tiegħu tar-rapportaġġ ta' l-statistika tiegħu fuq il-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ ta' l-Istati Membri parteċipanti.

2.  Biex jiggarantixxi l-koerenza meħtieġa għall-produzzjoni ta' l-istatistika li tilħaq il-ħtiġiet rispettivi tagħhom ta' tagħrif, l-BĊE għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni dwar abbozzi ta' regolamenti kull meta jeżistu rabtiet mal-ħtiġiet ta' l-istatistika tal-Kummissjoni. Il-Kumitat ta' l-Istatistika Finanzjarja, Monetarja u dwar Bilanċ tal-Pagamenti għandu jieħu parti, fil-limiti tal-kompetenza tiegħu, fil-proċess tal-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-BĊE.

Artikolu 6

Dritt tal verifikazzjoni u tal-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-istatistika

1.  Jekk aġent tar-rappurtaġġ residenti fi Stat Membru parteċipanti jaqa' taħt suspett ta' ksur tal-liġi dwar il-ħtiġiet ta' l-istatistika tal-BĊE, kif stabbilit fl-Artikolu 7(2), l-BĊE u, skond l-Artikolu 5.2 ta' l-Istatut, il-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru parteċipanti interessat għandu jkollu d-dritt li jivverifika l-eżattezza u l-kwalità tat-tagħrif statistiku u li jwettaq l-ġbir obbligatorju tiegħu. Madankollu, jekk it-tagħrif ta' l-istatistika msemmi jkun ta' ħtieġa sabiex juri konformità mal-ħtiġiet tar-riżerva minima, il-verifika għandha titwettaq skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 Novembru, 1998 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew ( 10 ). Id-dritt ta' verifika tat-tagħrif ta' l-istatistika jew tat-twettiq tal-ġbir obbligatorju tiegħu għandu jikkomprendi d-dritt li:

(a) jitlob is-sottomissjoni tad-dokumenti;

(b) jeżamina l-kotba u r-reġistri ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ;

(ċ) jieħu kopji jew siltiet minn dawn il-kotba u reġistri; u

(d) jikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew bil-fomm.

2.  Il-BĊE jew il-Bank Ċentrali nazzjonali kompetenti għandu jgħarraf lill-aġent tar-rappurtaġġ bil-miktub dwar id-deċiżjoni tiegħu li jivverifika t-tagħrif ta' l-istatistika jew li jiġbru b'mod obbligatorju, jispeċifika l-limitu ta' żmien biex jikkonforma mat-talba tal-verifika, is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ tan-nuqqas ta' konformità u għad-dritt ta' reviżjoni. Il-BĊE u l-bank ċentrali nazzjonali konċernat għandhom jinfurmaw lil xulxin b'din it-talba għal verifiki ta' din ix-xorta.

3.  Għall-verifika u l-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-istatistika, għandhom jiġu segwiti l-proċeduri nazzjonali. L-ispejjeż tal-proċedura għandhom jitħallsu mill-aġent tar-rappurtaġġ konċernat jekk jiġi stabbilit li l-aġent tar-rappurtaġġ kiser il-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika.

4.  L-BĊE jista' jadotta regolamenti li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li fuqhom jista' jiġi eżerċitat id-dritt għall-verifika jew biex isir il-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-istatistika.

5.  Fil-limiti tal-kompetatnza tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali fl-eżerċizzju tal-poteri stabbiliti f'dan l-Artikolu.

6.  Meta aġent tar-rappurtaġġ jopponi jew ifixkel il-proċess tal-verifika jew il-ġbir obbligatorju tat-tagħrif ta' l-istatistika meħtieġ, l-Istat Membru parteċipanti fejn ikun jinsab il-fond ta' l-aġent tar-rappurtaġġ għandu joffri l-għajnuna meħtieġa, inklużi l-assiguranza ta' l-aċċess għall-fond ta' l-aġent tar-rappurtaġġ lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali sabiex id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu jistgħu jiġu eżerċitati.

Artikolu 7

Impożizzjoni ta' sanzjonijiet

1.  Il-BĊE għandu jkollu l-poter li jimponi s-sanzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu fuq l-aġenti tar-rappurtaġġ li jkunu suġġetti għall-ħtiġiet tar-rappurtaġġ u li huma residenti fl-Istat membru parteċipanti u li jonqsu li jħarsu l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament jew mir-regolamenti tal-BĊE jew minn deċiżjonijiet li jiddefinixxu jew jimponu l-ħtiġiet tar-rappurtaġġ ta' l-istatistika tal-BĊE.

2.  L-obbligu li ċertu tagħrif ta' l-istatistika jiġi mibgħut lill-BĊE jew lill-banek ċentrali nazzjonali għandu jiftiehem bħala miksur jekk:

(a) il-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali ma jirċievu l-ebda tagħrif ta' l-istatistika mad-data tat-tmiem stabbilita; jew

(b) it-tagħrif ta' l-istatistika mhux korrett, hu inkomplet jew f'forma li ma tikkonformax kif mitlub.

3.  L-obbligu li jħalli lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali biex jivverifikaw l-eżattezza u l-kwalità ta' tagħrif ta' l-istatistika mogħti mill-aġenti tar-rappurtaġġ lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi kkunsidrat bħala miksur kull meta aġent tar-rappurtaġġ ifixkel din l-attività. Xkiel bħal dan jinkludi, iżda mhux limitat għat-twarrib tad-dokumenti u l-prevenzjoni ta' l-aċċess fiżiku lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali fejn ikunu meħtieġa li jwettqu x-xogħol tagħhom ta' verifika jew ta' ġbir obbligatorju.

4.  Il-BĊE jista' jimponi sanzjonijiet fuq l-aġent tar-rappurtaġġ kif ġej:

(a) fil-każ tal-ksur tal-liġi kif imfisser fil-paragrafu 2(a), penali pagabbli kuljum li ma jeċċedix l-10 000 EUR, u multa totali li ma teċċedix il-100 000 EUR;

(b) fil-każ ta' ksur tal-liġi kif imfisser fil-paragrafu 2(b), multa li ma teċċedix il-200 000 EUR; u

(ċ) fil-każ ta' ksur tal-liġi kif imfisser fil-paragrafu 3, multa li ma teċċedix il-200 000 EUR.

5.  Is-sanzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 għandhom jiżdiedu ma' l-obbligu li l-aġent tar-rappurtaġġ iħallas l-ispejjeż tal-proċedura tal-verifika u tal-ġbir obbligatorju kif stabbilit fl-Artikolu 6(3).

6.  Fl-eżerċizzju tal-poteri stabbiliti f'dan l-Artikolu, il-BĊE għandu jaġixxi skond l-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 2532/98.

▼M1

Artikolu 8

Protezzjoni u użu ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali miġbura mis-SEBĊ

Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw sabiex jiġu pprevenuti l-użu illegali u l-iżvelar ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali pprovduta mill-aġent ta’ rappurtar jew minn persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa oħra lil membru tas-SEBĊ jew trasmessa fis-SEBĊ.

1. Is-SEBĊ għandu juża informazzjoni statistika kunfidenzjali esklussivament għall-eżerċizzju tal-kompiti tas-SEBĊ ħlief fi kwalunkwe ċirkostanza li ġejja:

(a) jekk l-aġent ta’ rappurtar jew il-persuna ġuridika jew fiżika, entità jew fergħa l-oħra li tista’ tiġi identifikata, taw il-kunsens espliċitu tagħhom sabiex tintuża din l-informazzjoni statistika għal għanijiet oħrajn;

(b) għat-trasmissjoni lill-membri tas-SEE skont l-Artikolu 8a (1);

(c) għall-għoti ta’ aċċess lil korpi ta’ riċerka xjentifika għal informazzjoni statistika kunfidenzjali li ma tippermettix l-identifikazzjoni diretta u bil-kunsens espliċitu minn qabel tal-awtorità li pprovdiet l-informazzjoni;

▼M2

(d) fir-rigward tal-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, jekk din l- informazzjoni statistika tintuża fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali;

▼M2

(e) fir-rigward tal-banek ċentrali nazzjonali fil-konformità mal-Artikolu 14.4 tal-Istatut, għat-twettiq ta' funzjonijiet għajr dawk speċifikati fl-Istatut.

▼M1

2. L-aġenti ta’ rappurtar għandhom jiġu infurmati dwar l-użu statistiku, amministrattiv jew użu ieħor ta’ informazzjoni statistika pprovduta minnhom. L-aġenti ta’ rappurtar għandhom ikollhom id-dritt li jiksbu informazzjoni dwar il-bażi legali għat-trasmissjoni u dwar il-miżuri protettivi adottati.

3. Il-membri tas-SEBĊ għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi kollha neċessarji sabiex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali. Il-BĊE għandu jiddefinixxi regoli komuni u jimplimenta standards minimi sabiex jevita l-iżvelar illegali u l-użu mhux awtorizzat ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali.

4. It-trasmissjoni ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali fis-SEBĊ li nġabret skont l-Artikolu 5 tal-Istatut għandha ssir:

▼M2

(a) sal-punt u l-livell ta' dettall neċessarju sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ imsemmija fit-Trattat jew kompiti fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali assenjati lill-membri tas-SEBĊ; jew

▼M1

(b) dment li din it-trasmissjoni hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew id-disseminazzjoni effiċjenti ta’ statistika taħt l-Artikolu 5 tal-Istatut jew sabiex tiżdied il-kwalità tagħha.

▼M2

4a. Is-SEBĊ tista' tittrasmetti informazzjoni statistika kunfidenzjali lil awtoritajiet jew korpi tal-Istati Membri u tal-Unjoni responsabbli għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji, swieq u infrastrutturi jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni u lill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), sal-punt u fil-livell ta' dettall meħtieġ biss għall-prestazzjoni tal-kompiti rispettivi tagħhom. L-awtoritajiet jew korpi li jirċievu informazzjoni statistika kunfidenzjali għandhom jieħdu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzazzjonali biex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika tal-informazzjoni statistika kunfidenzjali. Kwalunkwe trasmissjoni ulterjuri minn hemm 'il quddiem għandha tkun meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' dawk il-kompiti u u għandha tkun espliċitament awtorizzata mill-membru tas-SEBĊ li jkun ġabar dik l-informazzjoni statistika kunfidenzjali. Tali awtorizzazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa għal trasmissjoni ulterjuri mill-Membri tal-MES lill-parlamenti nazzjonali sal-punt meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, dment li l-Membru tal-MES ikun ikkonsulta lill-Istati Membru tas-SEBĊ qabel it-trasmissjoni, u li, fi kwalunkwe każ, l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri neċessarji kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzazzjonali biex tkun żgurata l-protezzjoni fiżika u loġika tal-informazzjoni statistika kunfidenzjali f'konformità ma' dan ir-Regolament.Meta titrasmetti informazzjoni statistika kunfidenzjali f'konformità ma' dan il-paragrafu s-SEBĊ għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzazzjonali biex tkun żġurata l-protezzjoni fiżika u loġika tal-informazzjoni statistika kunfidenzjali skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

▼M1

5. Il-BĊE jista’ jiddeċiedi dwar il-ġbir u t-trasmissjoni, sal-punt u livell ta’ dettall neċessarju, fis-SEBĊ ta’ informazzjoni kunfidenzjali li nġabret oriġinarjament għal għanijiet oħra minn dawk tal-Artikolu 5 tal-Istatut, dment li din tkun neċessarja għall-iżvilupp jew il-produzzjoni effiċjenti ta’ statistika jew sabiex tiżdied il-kwalità tagħha u li din l-istatistika hija neċessarja sabiex jitwettqu l-kompiti tas-SEBĊ msemmija fit-Trattat.

6. Informazzjoni statistika kunfidenzjali tista’ tiġi skambjata fis-SEBĊ sabiex jingħata aċċess lil korpi ta’ riċerka xjentifika għal din l-informazzjoni, skont il-paragrafi 1(c) u 2.

7. Informazzjoni statistika meħuda minn sorsi li huma disponibbli għall-pubbliku skont il-leġislazzjoni nazzjonali m’għandhomx jitqiesu kunfidenzjali.

8. L-Istati Membri u l-BĊE għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali, inkluża l-impożizzjoni tal-miżuri ta’ infurzar adatti fil-każ ta’ ksur.

Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċjali nazzjonali jew Komunitarji rigward it-trasmissjoni ta’ informazzjoni għajr informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-BĊE u m’għandhomx japplikaw għal tagħrif statistiku kunfidenzjali trasmess inizjalment bejn awtorità SSE u membru tas-SEBĊ, għal liema għandu japplika l-Artikolu 8a.

Dan l-Artikolu m’għandux jipprevjeni li informazzjoni statistikakunfidenzjali miġbura għal għanijiet għajr, jew bħala addizzjonali, sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE milli tintuża sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet l-oħrajn.

▼M1

Artikolu 8a

Skambju ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali bejn is-SEBĊ u s-SSE

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali għajr informazzjoni imsemmija f’dan ir-Regolament, it-trasmissjoni ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali bejn membru tas-SEBĊ li ġabar dik l-informazzjoni u awtorità tas-SSE tista’ sseħħ dment li din it-trasmissjoni hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew id-disseminazzjoni effiċjenti jew sabiex tiżdied il-kwalità ta’ statistika Ewropea fl-isfera rispettiva ta’ kompetenza tas-SSE u tas-SEBĊ u li din in-neċessità tkun ġiet ġustifikata.

2.  Kwalunkwe trasmissjoni ulterjuri wara l-ewwel trasmissjoni għandha tiġi espliċitament awtorizzata mill-awtorità li ġabret dik l-informazzjoni.

3.  Informazzjoni statistika kunfidenzjali li hija trasmessa bejn awtorità tas-SEE u membru tas-SEBĊ m’għandhiex tintuża għal għanijiet li m’humiex esklussivament statistiċi, bħal għal għanijiet amministrattivi jew ta’ taxxa jew proċedimenti legali jew għall-għanijiet imsemmijin fl-Artikoli 6 u 7.

4.  Informazzjoni statistika li l-membri tas-SEBĊ jirċievu mill-awtoritajiet tas-SSE u li nkisbet minn sorsi legalment disponibbli għall-pubbliku u li tibqa’ disponibbli għall-pubbliku skont il-leġislazzjoni nazzjonali m’għandhiex titqies kunfidenzjali għall-fini tad-disseminazzjoni tal-istatistika miksuba minn din l-informazzjoni statistika.

5.  Il-membri tas-SEBĊ, fl-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-protezzjoni fiżika u loġika tal-informazzjoni statistika kunfidenzjali (kontroll tal-iżvelar statistiku) ipprovdut mill-awtoritajiet tas-SSE.

6.  Informazzjoni statistika kunfidenzjali pprovduta mill-awtoritajiet SSE għandha tkun aċċessibbli biss għal persunal li jaħdem f’attivitajiet statistiċi fl-oqsma ta’ ħidma speċifiċi tagħhom. Dawn il-persuni għandhom jużaw din id-data esklussivament għal finijiet statistiċi. Huma għandhom ikunu soġġetti għal din ir-restrizzjoni anke wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom.

7.  L-Istati Membri u l-BĊE għandhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jipprevjenu u jippenalizzaw kwalunkwe ksur tal-protezzjoni tal-informazzjoni statistika kunfidenzjali prevista mill-awtoritajiet tas-SSE.

Artikolu 8b

Rapport ta’ kunfidenzjalità

Il-BĊE għandu jippubblika rapport ta’ kunfidenzjalità annwali dwar il-miżuri adottati sabiex tiġi salvagwardjata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika msemmija fl-Artikoli 8 u 8a.

Artikolu 8c

Protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar individwi

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 11 ) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data ( 12 ).

Artikolu 8d

Aċċess għal rekords amministrattivi

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq il-parteċipanti, il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE għandhom ikollhom aċċess għal sorsi rilevanti ta’ data amministrattiva fis-sistemi amministrattivi pubbliċi rispettivi, sal-punt li din id-data hija neċessarja għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea.

L-arranġamenti prattiċi u l-kondizzjonijiet għall-kisba ta’ aċċess effettiv għandhom jiġu determinati fejn neċessarju minn kull Stat Membru u l-BĊE, fl-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom.

Din id-data għandha tintuża mill-membri tas-SEBĊ esklussivament għal għanijiet statistiċi.

▼B

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

L-Artikolu 5, l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 8(9) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir Regolament. Il-bqija ta' l-Artikoli għandhom japplikaw mill-1 Jannar, 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1 —————



( 1 ) ĠU C 246, tas-6.8.1998, p. 12.

( 2 ) ĠU C 328, tas-26.10.1998.

( 3 ) Opinjoni mogħtija fit-8 Ottubru' 1998 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 4 ) ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1.

( 5 ) Ara paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 6 ) ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

( 7 ) ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1.

( 8 ) ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

( 9 ) ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164

( 10 ) Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 11 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

( 12 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

Top