Help Print this page 

Document 01998L0026-20120816

Title and reference
Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/26/2012-08-16
Multilingual display
Text

1998L0026 — MT — 16.08.2012 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA 98/26/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 1998

dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli

(ĠU L 166, 11.6.1998, p.45)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2009/44/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’rilevanza għaż-ŻEE tas-6 ta’ Mejju 2009

  L 146

37

10.6.2009

►M2

DIRETTIVA 2010/78/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-24 ta’ Novembru 2010

  L 331

120

15.12.2010

►M3

REGOLAMENT (UE) Nru 648/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta’ Lulju 2012

  L 201

1

27.7.2012




▼B

ID-DIRETTIVA 98/26/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 1998

dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni ta’ l-Istitut Monetarju Ewropej ( 2 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura eżiġita fl-Artikolu 189b tat-Trattat ( 4 ),

(1)

Billi r-rapport ta’ Lamfalussy ta’ 1990 lill-Gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Grupp ta’ l-Għaxra wera r-riskju sistematiku importanti inerenti fis-sistema tal-ħlas li jopera fuq il-bażi ta’ diversi tipi legali ta’ totalizzar ta’ ħlasijiet, partikolarment totalizzar multilaterali; billi t-tnaqqis ta’ riskji legali assoċjati mas-sehem fis-sistemi tal-grossi fil-ħin reali huwa ta’ importanza enormi, meqjusa ż-żieda fl-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi.

(2)

Billi huwa wkoll ta’ importanza massima li jitnaqqas ir-riskju assoċjat mal-parteċipazzjoni fis-sistemi ta’ settlement ta’ titoli, partikolarment fejn hemm konnessjoni mill-qrib bejn sistemi bħal dawn u sistemi ta’ ħlasijiet.

(3)

Billi din id-Direttiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-operazzjoni effiċjenti u konvenjenti ta’ ħlasijiet transfruntieri u arranġamenti għas-settlement ta’ titoli fil-Komunità, li ssaħħaħ il-libertà ta’ moviment tal-kapital fis-suq intern; billi din id-Direttiva ssegwi l-progress magħmul lejn it-twettieq tas-suq intern, partikolarment lejn il-libertà li jkunu provduti servizzi u l-liberalizzazzjoni tal-movimenti tal-kapitali, invista tar-realizzazzjoni ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

(4)

Billi huwa mixtieq li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jimmiraw sabiex jimminimizzaw id-disturbi għas-sistema li jinħolqu minn proċeduri ta’ insolvenza kontra parteċipant f’dik is-sistema.

(5)

Billi abbozz għal Direttiva dwar ir-riorganizzazzjoni u x-xoljiment ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sottomessi fl-1985 u emendati fit-8 ta’ Frar 1988 għadha pendenti quddiem il-Kunsill; billi l-Konvenzjoni dwar il-Proċeduri ta’ Insolvenza mħejjija fit-23 ta’ Novembru 1995 mill-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill espliċitament teskludi impriżi ta’ assigurazzjoni, istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment.

(6)

Billi din id-Direttiva hija intenzjonata sabiex tkopri sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli ta’ natura domestika kif ukoll dawk transfruntieri, billi d-direttiva hija applikabbli għal sistemi tal-Komunità u għal sigurtà kollaterali kostitwiti mill-parteċipanti tagħhom, sew jekk ikunu parteċipanti tal-Komunità sew jekk ta’ pajjiżi terzi, inkonnessjoni mal-parteċipazzjoni f’dawn is-sistemi.

(7)

Billi l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva lill-istituzzjonijiet domestiċi li jipparteċipaw direttament fis-sistemi ta’ terzi pajjiżi u għal sigurtà kollaterali pprovduta inkonnessjoni mal-parteċipazzjoni f’sistemi bħal dawn.

▼M1 —————

▼B

(9)

Billi t-tnaqqis ta’ riskju sistematiku jeħtieġ partikularment l-finalità tas-settlement u l-infurzar ta’ sigurtà kollaterali; billi s-sigurtà kollaterali għandha l-għan li tkun magħmula minn kull mezz pprovdut minn parteċipant lill-parteċipanti l-oħra fis-sistemi ta’ settlement tal-pagament u/jew titoli sabiex ikunu assigurati drittijiet u obbligazzjonijiet inkonnessjoni ma’ dik is-sistema, inkluż kull ftehim dwar xiri mill-ġdid, liens statutorji, u trasferimenti ta’ fiduċja; billi r-regolament fil-liġi nazzjonali tax-xorta ta’ sigurtà kollaterali li tista’ tintuża m’għandhomx ikunu affettwati mid-definizzjoni tas-sigurtà kollaterali f’din id-Direttiva.

(10)

Billi din id-Direttiva, billi tkopri s-sigurtà kollaterali li hija pprovduta b’konnessjoni ma’ l-operazzjonijiet tal-Banek Ċentrali ta’ l-Istati Membri li jiffunzjonaw bħala banek ċentrali, inkluża ħidma ta’ strateġija monetarja, tgħin lill-Istitut Monetarju Ewropej fil-ħidma tiegħu li jippromwovi l-effiċjenza ta’ ħlasijiet ’il barra mill-fruntieri invista għall-preparazzjoni tat-tielet stadju ta’ l-Għaqda Ekonomika u Monetarja u b’hekk tikkontribwixxi fl-iżvilupp ta’ qafas li fih bank ċentrali Ewropew tal-ġejjieni jkun jista jiżviluppa l-politika tiegħu.

(11)

Billi l-ordnijiet għal trasferiment u l-ġmiegħ tagħhom għandu jkun legalment eforzabbli permezz tal-ġurisdizzjonijiet ta’ l-Istati Membri kolha u li jkunu jorbtu fuq partijiet terzi.

(12)

Billi regoli dwar il-finalità tat-totalizzar m’għandhomx iċaħħdu s-sistemi ta’ testijiet, qabel ma ttotalizzar jitwettaq, independentament minn jekk ordnijiet li jkunu daħlu fis-sistema jkunu jaqblu mar-regoli ta’ dik is-sistema u jħallu li s-settlement ta’ dik is-sistema jseħħ.

(13)

Billi xejn f’din id-Direttiva m’għandu jċaħħad parteċipant jew parti terza li jeżerċita xi dritt jew talba li tirriżulta fir-rigward ta’ transazzjoni kif jidher hawn taħt li jista’ jkollhom fil-liġi għall-irkuprar jew ir-restituzzjoni fir-rigward ta’ ordni ta’ trasferiment li tkun daħlet f’sistema, e.ż. fil-każ ta’ frodi jew żball tekniku, sakemm dan ma jwassalx la għat-tħollija tat-totalizzar u lanqas għar-revoka ta’ l-ordni tat-trasferiment fis-sistema.

(14)

Billi huwa meħtieġ li jkun assigurat li ordnijiet ta’ trasferimenti ma jistgħux ikunu revokati wara mument definit bir-regoli tas-sistema.

▼M1

(14a)

Billi l-awtoritajiet kompetenti jew s-sorveljaturi nazzjonali għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi li jistabbilixxu s-sistemi interoperabbli jaqblu, kemm jista’ jkun possibbli, dwar regoli komuni dwar il-mument tad-dħul fis-sistemi interoperabbli. L-awtoritajiet kompetenti u s-sorveljaturi nazzjonali għandhom jiżguraw li r-regoli dwar il-mument tad-dħul fis-sistemi interoperabbli jkunu kkoordinati, sa fejn dan ikun possibbli u meħtieġ, sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali f’każ li jinqalgħu xi problemi f’sistema li tkun qed tipparteċipa.

▼B

(15)

Billi huwa meħtieġ li Stat Membru għandu immedjatament jgħarraf Stati Membri oħra dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità kontra parteċipant fis-sistema.

(16)

Billi proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità m’għandhomx ikollhom effett retroattiv fuq id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-parteċipanti f’sistema.

(17)

Billi, fil-każ ta’ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità kontra parteċipant fis-sistema, din id-Direttiva aktar u aktar għandha l-għan li tiddetermina liema liġi dwar nuqqas ta’ ħlas hija applikabbli għad-drittijiiet u l-obbligazzjonijiet ta’ dak il-parteċipant b’konnessjoni mas-sehem tagħha fis-sistema.

(18)

Billi sigurtà kollaterali għandha tkun iżolata mill-effetti tal-liġi minħabba nuqqas ta’ likwidità applikabbli għall-parteċipant li jkollu nuqqas ta’ likwidità.

(19)

Billi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(2) għandhom japplikaw biss għal reġistru, kont jew sistema ta’ depożitu ċentralizzat li juri evidenza ta’ drittijiet proprjetarji fi jew għal tqassim jew trasferiment ta’ l-assigurazzjonjiet konċernati.

(20)

Billi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(2) huma maħsuba sabiex jassiguraw li jekk il-parteċipant, il-bank ċentrali ta’ Stat Membru jew il-bank ċentrali Ewropew tal-ġejjieni għandu sigurtà kollaterali valida u effettiva kif stabbilit taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn ir-reġistru relevanti, kont jew depożitu ċentralizzat huwa allokat, umbagħad il-validità u l-infurzar ta’ dik is-sigurtà kollaterali fil-konfront ta’ dik is-sistema (u l-operatur) u kontra kull persuna oħra li titlob direttament jew indirettament permezz tagħha, għandha tkun iddeterminata biss permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

(21)

Billi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(2) m’humiex maħsuba li jippreġudikaw l-ħidma u l-effett tal-liġi ta’ l-Istat Membru taħt liema l-assigurazzjonijiet huma kostitwiti jew tal-liġi ta’ l-Istat Membru fejn l-assigurazzjonijiet jistgħu jkunu mod ieħor allokati (inkluż, bla limitazzjoni, il-liġi li tikkonċerna l-ħolqien, il-pussess jew trasferiment ta’ assigurazzjonijiet bħal dawn jew ta’ drittijiet f’dawn l-assigurazzjonijiet) u m’għandhomx ikunu interpretati li jfissru li kull sigurtà kollaterali bħal din tkun infurzata direttament jew tista’ tkun magħrufa f’kull Stat Membru bħal dan altrimenti mbagħad bi qbil mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

(22)

Billi huwa mixtieq li l-Istati Membri jħabirku sabiex jistabbilixxu kuntatti suffiċjenti bejn is-sistemi dwar ftehim ta’ l-assigurazzjonijiet kollha koperti minn din id-Direttiva bil-ħsieb li jippromwovu trasparenza massima u ċ-ċertezza legali ta’ transazzjonijiet relatati ma’ assigurazzjonijiet.

▼M1

(22a)

Billi fil-każ ta’ sistemi interoperabbli, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni rigward liema regoli dwar il-mument tad-dħul u l-irrevokabbiltà japplikaw, jista’ jesponi lill-parteċipanti f’sistema waħda, jew anki lill-operatur tas-sistema stess, għall-effetti ta’spillover ta’ nuqqas fis-sistema l-oħra. Bil-għan li jitnaqqas ir-riskju sistemiku, huwa mixtieq li jkun previst li l-operaturi tas-sistema ta’ sistemi interoperabbli jikkoordinaw ir-regoli dwar il-mument tad-dħul u l-irrevokabbiltà fis-sistemi li huma joperaw.

▼B

(23)

Billi l-addottar ta’ din id-Direttiva tikkostitwixxi l-aktar mod xieraq sabiex l-objettivi hawn fuq imsemmija jkunu mwettqa u ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex ikunu miksuba,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA



IT-TAQSIMA 1

GĦAN U DEFINIZZJONIJIET

L-Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal:

(a) xi sistema kif definita fl-Artikolu 2(a), irregolata bil-liġi ta’ Stat Membru u li topera f’kull munita, l- ►M1  euro ◄ jew il-muniti varji li s-sistema tikkonverti waħda ma’ l-oħra;

(b) kull parteċipant f’sistema bħal din;

(ċ) sigurtà kollaterali pprovduta b’konnessjoni ma’:

 parteċipazzjoni f’sistema, jew

▼M1

 operazzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest tal-funzjoni tagħhom bħala banek ċentrali.

▼B

L-Artikolu 2

Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

(a) “sistema” għandha tfisser arranġament formali:

▼M1

 bejn tliet parteċipanti jew aktar, minbarra l-operatur tas-sistema ta’ dik is-sistema, aġent għas-settlement potenzjali, kontroparti ċentrali potenzjali, clearing house potenzjali jew parteċipant indirett potenzjali, b’regoli komuni u arranġamenti standardizzati għall-clearing, kemm permezz ta’ kontroparti ċentrali kif ukoll mingħajru jew l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bejn il-parteċipanti,

▼B

 irregolati bil-liġi ta’ Stat Membru magħżul mill-parteċipanti; il-parteċipanti jistgħu, madankollu, jagħżlu biss il-liġi ta’ Stat Membru f’liema wieħed minnhom għandu l-uffiċċju ewlieni tagħhom, u

 innominati, mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet l-oħra aktar ħorox ta’ l-implimentazzjoni ġenerali ddettata mil-liġi nazzjonali, bħala sistema u notifikata lill-Kummissjoni mill-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli, wara li dak l-Istat Membru jkun sodisfatt skond kemm ir-regoli tas-sistema jkunu addattati.

Suġġett għall-kondizzjonijiet fl-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista’ jinnomina bħal sistema bħal din l-arranġament formali bħal dawn li xogħolhom jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment kif hemm definit fit-tieni subinċiż ta’ (i) u liema sa ċertu punt jesegwixxi ordnijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji oħra, meta dak l-Istat Membru jikkonsidra li nominazzjoni bħal din tkun ġustifikata abbażi ta’ riskji sistematiċi.

Stat Membru jista’ wkoll fuq il-bażi ta’ każ b’każ jinnomina bħala arranġament formali bejn żewġ parteċipanti, mingħajr ma jqisu l-possibbiltà ta’ aġent għal ftehim, il-possibbiltà ta’ kontraparti ċentrali, il-possibbiltà ta’ stabbiliment bankarju jew il-possibbiltà ta’ parteċipant indirett, meta dak l-Istat Membru jikkonsidra li nominazzjoni bħal din hija mogħtija abbażi ta’ riskju sistematiku.

Arranġament miftiehem bejn żewġ sistemi interoperabbli m’għandux jitqies bħala sistema;

(b) “istituzzjoni” għandha tfisser:

▼M1

 istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u ż-żamma ta’ negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mill-ġdid) ( 5 ) inklużi l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva,

 ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ( 6 ), ħlief l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tagħha,

▼B

 awtoritajiet pubbliċi u impriżi b’garanzija pubblika, jew

 kull impriża li l-uffiċċju ewlieni tagħha huwa ’l barra mill-Komunità u li l-funzjonijiet tagħha jikkorrispondu ma’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Komunità jew azjendi ta’ l-investiment kif definiti fl-ewwel u t-tieni subinċiżi,

li jieħdu sehem fis-sistema u li hija responsabbli mil-liberazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji li jiġu minn ordnijiet ta’ trasferiment fi ħdan dik is-sistema.

Jekk sistema hija ssorveljata skond il-leġislazzjoni nazzjonali u tesegwixxi ordnijiet ta’ trasferiment biss kif definit fit-tieni subinċiż ta’ (i), kif ukoll ħlasijiet li jirriżultaw minn ordnijiet bħal dawn, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li impriżi li jieħdu sehem f’sistema bħal din u li għandhom ir-responsabbiltà li jilliberalizzaw l-obligazzjonijiet finanzjarji li joriġinaw minn ordnijiet ta’ trasferiment fi ħdan is-sistema, jistgħu jkunu meqjusa bħala istituzzjonijiet, kemm-il darba almenu tliet parteċipanti ta’ din is-sistema huma koperti mill-kategoriji msemmija fl-ewwel subparagrafu u li t-tali deċiżjoni tingħat s-setgħa abbażi ta’ riskju sistematiku;

(ċ) “kontraparti ċentrali” għandha tfisser entità li tintervjeni bejn l-istituzzjonijiet fis-sistema u li taġixxi bħala l-kontraparti esklussiva ta’ dawn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ l-ordnijiet tagħhom ta’ trasferiment;

(d) “aġent għall-ħlas” għandu jfisser entità li tipprovdi lill-istituzzjonijiet u/jew lill-kontraparti ċentrali li jieħu sehem fis-sistemi, kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom ordnijiet ta’ trasferiment fi ħdan sistemi bħal dawn jitħallsu u, skond il-każ, kreditu estiż lil dawk l-istituzzjonijiet u/jew kontrapartijiet ċentrali għall-għanijiet ta’ ħlas;

(e) “stabbiliment ta’ rilaxx” għandu jfisser entità responsabbli għall-kalkolazzjoni tal-pożizzjoni netta ta’ l-istituzzjonijiet, possibbilment kontraparti ċentrali u/jew possibbilment aġent għall-ħlas;

(f)  ►M1  “parteċipant” għandha tfisser istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent għas-settlement, clearing house jew operatur tas-sistema. ◄

Skond ir-regoli tas-sistema, l-istess parteċipant jista’ jaġixxi bħala kontraparti ċentrali, aġent għall-ħlas jew stabbiliment ta’ rilaxx jew iwettaq parti minn, jew dawn il-ħidmiet kollha.

Stat membru jista’ jiddeċiedi li għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva parteċipant indirett jista’ jitqies bħala parteċipant jekk dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ riskju sistematiku. Fejn parteċipant indirett jitqies li jkun parteċipant abbażi ta’ riskju sistemiku, dan ma jillimitax ir-responsabilità tal-parteċipant li permezz tiegħu l-parteċipant indirett jgħaddi l-ordnijiet ta’ trasferiment lis-sistema;

(g) “parteċipant indirett” għandha tfisser istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent għas-settlement, clearing house jew operatur tas-sistema b’relazzjoni kuntrattwali ma’ parteċipant f’sistema li teżegwixxi ordnijiet ta’ trasferiment li jippermettu li l-parteċipant indirett jgħaddi l-ordnijiet ta’ trasferiment mis-sistema; sakemm l-parteċipant indirett ikun magħruf lill-operatur tas-sistema;

(h) “titoli” għandha tfisser l-istrumenti kollha li jissemmew fit-taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2004/39/KE;

▼B

(i) “ordni ta’ trasferiment” għandha tfisser:

▼M1

 kull istruzzjoni minn parteċipant sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ riċevitur ammont ta’ flus permezz ta’ reġistrazzjoni fil-kontijiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, bank ċentrali, kontroparti ċentrali jew aġent għas-settlement, jew kwalunkwe istruzzjoni li tirriżulta fis-suppożizzjoni jew fir-rilaxx ta’ obbligu ta’ ħlas kif definit mir-regoli tas-sistema, jew

▼B

 struzzjoni minn parteċipant sabiex jitrasferixxi t-titolu lil, jew l-interess fi, sigurta jew titoli permezz ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, jew b’mod ieħor;

(j) “proċedimenti għal nuqqas ta’ likwidità” għandhom ifissru kull miżura ta’ ġbir kif ipprovduta mil-liġi ta’ Stat Membru, jew pajjiż terz, jew sabiex ikun xolt il-parteċipant jew sabiex torganizzah mill-ġdid, meta miżura bħal din tinvolvi s-sospensjoni ta’, jew l-impożizzjoni ta’ limitazzjonijiet fuq, trasferimenti jew pagamenti;

(k) “totaliżżar” għandu jfisser il-konverżjoni f’talba waħda netta jew l-obbligazzjoni waħda netta ta’ talbiet u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn ordnijiet ta’ trasferiment li parteċipant inkella parteċipanti jew joħorġu għal, jew jirċievu minn, wieħed jew aktar parteċipanti bir-riżultat li talba netta biss tista’ tkun mitluba jew obbligazzjoni netta tkun dovuta;

▼M1

(l) “kont ta’ settlement” għandha tfisser kont fil-bank ċentrali, aġent għas-settlement jew kontroparti ċentrali użat sabiex jinżammu fondi jew titoli u sabiex jitħallsu tranżazzjonijiet bejn parteċipanti f'sistema;

(m) “sigurtà kollaterali” għandha tfisser l-assi realizzabbli kollha, inklużi, mingħajr limitazzjonijiet, il-kollateral finanzjarju msemmi fl-Artikolu 1(4)(a) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali ( 7 ), ipprovduti b’rahan (inklużi flus ipprovduti b’rahan), xiri mill-ġdid jew ftehim simili, jew mezz ieħor, bil-għan li jkunu żgurati drittijiet u obbligi li potenzjalment jirriżultaw b’konnessjoni ma’ sistema jew ikunu pprovduti lill-banek ċentrali tal-Istati Membri jew lill-Bank Ċentrali Ewropew;

▼M1

(n) “jum ta’ negozju” għandha tkopri s-servizzi ta’ settlement ta’ bi nhar u ta’ bil-lejl u għandha tinkludi l-avvenimenti kollha li jiġru matul iċ-ċiklu tan-negozju ta’ sistema;

(o) “sistemi interoperabbli” għandha tfisser żewġ sistemi jew aktar li l-operaturi tas-sistema tagħhom ikunu daħlu f’arranġament bejniethom li jinvolvi l-eżekuzzjoni minn sistema għall-oħra ta’ ordnijiet ta’ trasferiment;

(p) “operatur ta’ sistema” għandha tfisser l-entità jew l-entitajiet legalment responsabbli għat-tħaddim ta’ sistema. Operatur ta’ sistema jista’ jaġixxi wkoll bħala aġent għas-settlement, kontroparti ċentrali jew clearing house.

▼B



IT-TAQSIMA II

TOTALIZZAR’U ORDNIJIET TA’ TRASFERIMENT

L-Artikolu 3

▼M1

1.  L-ordnijiet ta’ trasferiment u t-totalizzar(netting) għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq partijiet terzi, anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant, ladarba l-ordnijiet ta’ trasferiment ikunu ddaħħlu fis-sistema qabel il-mument tal-bidu ta’ tali proċedimenti ta’ falliment kif definit fl-Artikolu 6(1). Dan għandu japplika anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant (fis-sistema kkonċernata jew f’sistema interoperabbli) jew kontra l-operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li mhuwiex parteċipant.

Fejn l-ordnijiet ta’ trasferiment jiddaħħlu f’sistema wara l-mument tal-bidu ta’ proċedimenti ta’ falliment u jitwettqu fil-jum tan-negozju, kif ġie definit mir-regoli tas-sistema, li matulu jseħħ il-bidu ta’ tali proċedimenti, dawn għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq partijiet terzi biss jekk l-operatur tas-sistema jista’ jipprova li, fil-ħin meta tali ordnijiet ta’ trasferiment saru irrevokabbli, ma kienx konxju, u lanqas ma kellu jkun konxju, bil-bidu ta’ tali proċedimenti.

▼B

2.  L-ebda liġi, regolament, regola jew prattika dwar it-twarrib ta’ kuntratti u transazzjonijiet konklużi qabel il-mument tal-bidu ta’ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità, kif definit fl-Artikolu 6(1) m’għandhom iwasslu għan-nuqqas ta’ temma ta’ totalizzar.

3.  Il-mument ta’ dħul ta’ ordni ta’ trasferiment fis-sistema għandu jkun definit mir-regoli ta’ dik is-sistema. Jekk hemm kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali li tirregola s-sistema dwar il-mument tad-dħul, ir-regoli ta’ dik is-sistema għandhom jaqblu mal-kondizzjonijiet bħal dawn.

▼M1

4.  Fil-każ ta’ sistemi interoperabbli, kull sistema għandha tiddetermina fir-regoli tagħha stess il-mument ta’ dħul fis-sistema tagħha, b’tali mod li tiżgura, safejn possibbli, li r-regoli tas-sistemi interoperabbli kkonċernati kollha huma kkoordinati f’dan ir-rigward. Sakemm ma jkunx espressament previst mir-regoli tas-sistemi kollha, li huma parti tas-sistema interoperabbli, ir-regoli ta’ sistema waħda dwar il-mument ta’ dħul m’għandhom ikunu affettwati mill-ebda regola tas-sistemi l-oħrajn li magħhom hi tkun interoperabbli.

▼M1

Artikolu 4

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-bidu ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant jew operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli m’għandux jipprevjeni li fondi jew titoli disponibbli fil-kont tal-ħlas ta’ dak il-parteċipant ikunu użati sabiex iwettqu l-obbligi ta’ dak il-parteċipant fis-sistema (jew f’sistema interoperabbli) fil-jum tan-negozju tal-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li faċilità ta’ kreditu tat-tali parteċipant konnessa mas-sistema tintuża kontra s-sigurtà kollaterali eżistenti disponibbli għat-twettiq tal-obbligi tal-parteċipant fis-sistema jew f’sistema interoperabbli.

▼B

L-Artikolu 5

Ordni ta’ trasferiment ma tistax tkun irrevokata minn parteċipant f’sistema, lanqas minn parti terza, mill-mument definit mir-regoli ta’ dik is-sistema.

▼M1

Fil-każ ta’ sistemi interoperabbli, kull sistema għandha tiddetermina fir-regoli tagħha stess il-mument ta’ irrevokabbiltà, b’ tali mod li tiżgura, safejn possibbli, li r-regoli tas-sistemi interoperabbli kkonċernati kollha huma kkoordinati f’dan ir-rigward. Sakemm ma jkunx espressament previst mir-regoli tas-sistemi kollha li huma parteċipanti fis-sistemi interoperabbli, ir-regoli ta’ sistema waħda dwar il-mument ta’ irrevokabbiltà m’għandhom ikunu affettwatti mill-ebda regola tas-sistemi l-oħrajn li magħhom hi tkun interoperabbli.

▼B



IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW PROĊEDIMENTI MINĦABBA NUQQAS TA’ LIKWIDITÀ

L-Artikolu 6

1.  Għall-għan ta’ din id-Direttiva, l-mument tal-bidu ta’ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità għandu jkun l-mument meta l-awtorita ġudizzjarja jew amministrattiva tkun għaddiet id-deċiżjoni tagħha.

2.  Meta deċiżjoni tkun ittieħdet bi qbil mal-paragrafu 1, l-awtorità relevanti ġudizzjarja jew amministrattiva għandha immedjatament tgħarraf dik id-deċiżjoni lill-awtorità xierqa magħżula mill-Istat Membru tagħha.

▼M2

3.  L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 2 għandu immedjatament jgħarraf lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (minn hawn ‘il quddiem “AETS”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 )

▼M1

Artikolu 7

Proċedimenti ta’ falliment m’għandhomx ikollhom effett retroattiv fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ parteċipant li joriġinaw minn, jew b’konnessjoni mal-parteċipazzjoni tiegħu f’sistema qabel il-mument tal-bidu ta’ tali proċedimenti kif definit fl-Artikolu 6(1). Dan għandu japplika inter alia b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi ta’ parteċipant f’sistema interoperabbli jew ta’ operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li ma jkunx parteċipant.

▼B

L-Artikolu 8

Fil-każ ta’ proċedimenti minħabba nuqqas ta’ likwidità li jinfetħu kontra parteċipant fis-sistema, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jfeġġu minn, jew b’konnessjoni mal-parteċipazzjoni ta’ dak il-parteċipant għandhom ikunu ddeterminati mil-liġi li tirregola dik is-sistema.



IT-TAQSIMA IV

INSULAZZJONI TAD-DRITTIJIET TA’ POSSESSURI TA’ SIGURTÀ KOLLATERALI MILL-EFFETTI TAN-NUQQAS TA’ LIKWIDITÀ TAL-FORNITUR

▼M1

Artikolu 9

1.  Id-drittijiet ta’ operatur tas-sistema jew ta’ parteċipant għas-sigurtà kollaterali pprovduti lilhom b’konnessjoni ma’ sistema jew kwalunkwe sistema interoperabbli, u d-drittijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sigurtà kollaterali pprovduta lilhom, m’għandhomx ikunu affettwati minn proċeduri ta’ falliment kontra::

(a) parteċipant (fis-sistema kkonċernata jew f’sistema interoperabbli),

(b) operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li mhuwiex parteċipant,

(c) kontroparti għall-banek ċentrali tal-Istati Membri jew il-Bank Ċentrali Ewropew, jew

(d) parti terza.li tipprovdi sigurta’ kollaterali.

Tali sigurtà kollaterali tista’ tiġi realizzata sabiex jiġu ssodisfati dawk id-drittijiet.

▼M3

Meta operatur ta’ sistema jkun ipprovda titolu kollaterali lil operatur ta’ sistema ieħor b’rabta ma’ sistema interoperabbli, id-drittijiet tal-operatur tas-sistema li jipprovdi għal dak it-titolu kollaterali ma għandhomx jiġu affetwati minn proċeduri ta’ insolvenza kontra l-operatur ta’ sistema riċevitur.

▼M1

2.  Meta t-titoli li jinkludu drittijiet f’titoli huma provduti bħala sigurtà kollaterali għall-parteċipanti, l-operaturi tas-sistemi u il-banek ċentrali tal-Istati Membri jew il-Bank Ċentrali Ewropew kif deskritt fil-paragrafu 1, u d-dritt tagħhom jew dak ta’ kull kandidat, aġent jew parti terza li j/taġixxi f’isimhom fir-rigward tat-titoli hija/huwa legalment reġistrat f'reġistru, kont jew sistema depositorja ċentralizzata li tinsab fi Stat Membru, id-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ tali entitajiet bħala detenturi ta’ sigurtà kollaterali fir-rigward ta’ dawk it-titoli għandha tkun regolata mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

▼B



IT-TAQSIMA V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

▼M1

Artikolu 10

▼M2

1.  L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw is-sistemi, u l-operaturi tas-sistemi rispettivi, li għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jinnotifikawhom lill-AETS u jinformawha bl-awtoritajiet magħżula skont l-Artikolu 6(2). L-AETS għandha tippubblika dik l-informazzjoni fuq il-website tagħha.

▼M1

L-operatur tas-sistema għandu jindika lill-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli l-parteċipanti fis-sistema, inkluż kwalunkwe parteċipanti indiretti potenzjali, kif ukoll kwalunkwe bidla fihom.

Barra mill-indikazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jimponu superviżjoni jew ħtiġiet ta’ awtorizzazzjoni fuq sistemi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

L-istituzzjoni għandha, fuq talba, tinforma kwalunkwe persuna bis-sistemi li fihom tipparteċipa u tipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli prinċipali li jirregolaw l-operazzjoni ta’ dawk is-sistemi.

2.  Is-sistema li tintgħażel qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li temenda id-Direttiva 98/26/KE taldwar il-finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollateral rigward sistemi konnessi u talbiet għal kreditu ( 9 ) għandha tibqa’ tkun dik magħżula għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

L-ordni ta’ trasferiment li tidħol fis-sistema qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2009/44/KE, li madankollu titħallas wara dak iż-żmien għandha titqies li hi ordni ta’ trasferiment għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

▼M2

Artikolu 10a

1.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-AETS għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien, lill-AETS bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha, f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

L-Artikolu 11

1.  L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel il-11 ta’ Diċembru 1999. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex tagħmel referenzi bħal dawn għandhom ikunu ddettati mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. F’din il-komunikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu tabella ta’ korrispondenza li turi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jeżistu jew huma introdotti fir-rigward ta’ kull Artikolu ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 12

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lejn il-Parlament Ewropej u lejn il-Kunsill dwar l-applikar ta’ din id-Direttiva, akkompanjat fejn xieraq minn proposti għar-reviżjoni tiegħu.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidħol b’seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) ĠU L 207, tat-18.7.1996, p. 13, u ĠU C 259, tas-26.8.1997, p. 6.

( 2 ) L-opinjoni mwassla fil-21 ta’ Novembru 1996.

( 3 ) ĠU C 56, ta’ l-24.2.1997, p. 1.

( 4 ) L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ April 1997 (ĠU C 132, tat-28.4.1997, p. 74), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU C 375, ta’ l-10.12.1997, p. 34), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Jannar 1998 (ĠU C 56, tat-23.2.1998). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ April 1998.

( 5 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

( 6 ) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

( 7 ) ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43.

( 8 ) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

( 9 ) ĠU L 146, 10.6.2009, p. 37.

Top