Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0404

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2012.
    Il‑Kummissjoni Ewropea vs Éditions Odile Jacob SAS.
    Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi — Regolamenti (KEE) Nru 4064/89 u (KE) Nru 139/2004 — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, tal-interessi kummerċjali, tal-pariri legali u tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess.
    Kawża C‑404/10 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:393

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    28 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

    “Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi — Regolamenti (KEE) Nru 4064/89 u (KE) Nru 139/2004 — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, tal-interessi kummerċjali, tal-pariri legali u tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess”

    Fil-Kawża C-404/10 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2010,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders kif ukoll minn O. Beynet u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn J. Gstalter, bħala aġent,

    intervenjenti fl-appell,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn O. Fréget u L. Eskenazi, avukati,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    sostnuta minn:

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn S. Juul Jørgensen u C. Vang, bħala aġenti,

    Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn K. Petkovska, bħala aġent,

    intervenjenti fl-appell,

    Lagardère SCA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn A. Winckler, F. de Bure u J.-B. Pinçon, avukati,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u G. Arestis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2011,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T-237/05, Ġabra p. II-2245, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), sa fejn din tal-aħħar annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2005) 3286, tas-7 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiċħad l-applikazzjoni ta’ Éditions Odile Jacob SAS (iktar ’il quddiem “Odile Jacob”) intiża sabiex tikseb aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni COMP/M.2978 — Lagardère/Natexis/VUP.

    2

    Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Odile Jacob titlob l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn din tal-aħħar ċaħdet it-talba tagħha intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar tirrifjuta l-aċċess sħiħ għall-parir tas-servizz legali tal-Kummissjoni, imsemmi fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata.

    3

    Din il-kawża għandha l-istess kuntest bħal dak tal-Kawża C-551/10 P kif ukoll tal-Kawżi magħquda C-553/10 P u C-554/10 P, li jikkonċernaw il-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni intiżi għall-akkwist tal-attivi tal-pubblikazzjoni fl-Ewropa minn Vivendi Universal Publishing SA (iktar ’il quddiem “VUP”).

    Il-kuntest ġuridiku

    4

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi:

    “[...]

    2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

    interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

    proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

    l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

    jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

    3.   Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

    Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

    4.   Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

    [...]

    6.   Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

    7.   L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

    5

    Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), intitolat “Segretezza professjonali”:

    “1.   Informazzjoni miksuba b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 11, 12, 13 u 18 għandha tintuża biss għall-finijiet tat-talba, investigazzjoniji jew udjenza rilevanti.

    2.   Bla ħsara għall-Artikoli 4(13) [4(3)], 18 u 20, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra m’għandhomx jikxfu l-informazzjoni li jkunu kisbu mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tat-tip koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali.

    [...]”

    6

    L-Artikolu 18(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-drittijiet ta’ difiża għandhom jiġu mħarsa waqt il-proċedimenti. Aċċess għall-inkartament għandu jkun miftuħ mill-inqas għall-partijiet direttament involuti, bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.”

    7

    L-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98, tal-1 ta’ Marzu 1998, dwar in-notifiki, perjodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 284), jispeċifika:

    “Wara li tkun indirizzat l-oġġezzjonijiet lill-partijiet li jagħmlu n-notifika, l-Kummissjoni għandha, jekk tiġi mitluba, tagħtihom aċċess għall-fajl sabiex ikunu jistgħu jeserċitaw id-drittijiet tagħhom għad-difiża.

    Il-Kummissjoni għandha, jekk tiġi mitluba, tagħti ukoll lill-partijiet l-oħra nvoluti li ġew nfurmati bl-oġġezzjonijiet aċċess għall-fajl sakemm dan huwa neċessarju sabiex dawn jippreparaw l-osservazzjonijiet tagħhom.”

    8

    L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 447/98 jipprovdi:

    “Informazzjoni, inkluż dokumenti, ma għandhomx jiġu ikkomunikati jew jiġu magħmula aċċessibbli sakemm dawn ikun fihom sigrieti tal-kummerċ ta’ xi persuna jew impriża, inkluz il-partijiet li jagħmlu n-notifika, partijiet oħra nvoluti jew ta’partijiet terzi, jew informazzjoni oħra kunfidenzali li l-iżvelar tagħha mhux meqjus neċessarju mill-Kummissjoni għall-fini tal-proċedura, jew fejn dokumenti interni ta’ l-awtoritajiet huma ikkonċernati.”

    9

    L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), intitolat “Segretezza professjonali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Informazzjoni miksuba b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskopijiet tat-talba, investigazzjoni jew seduta relevanti.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(3), l-Artikoli 18 u 20, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati membri, l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra u persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll uffiċjali u impjegati ta’ awtoritajiet oħra ta’ l-Istati Membri ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni ta’ kwalità koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali li jkunu kisbu permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    10

    L-applikazzjonijiet għal aċċess għal ċerti dokumenti ppreżentati minn Odile Jacob huma esposti fis-sentenza appellata kif ġej:

    “1

    Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2005, [Odile Jacob] talbet lill-Kummissjoni [...], skont ir-Regolament [...] Nru 1049/2001 [...] sabiex ikollha aċċess għal diversi dokumenti dwar il-proċedura amministrattiva (iktar ’il quddiem il-‘proċedura inkwistjoni’) li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KEE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ Nru COMP/M.2978 ‐ Lagardère/Natexis/VUP) (ĠU L 125, p. 54, iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni ta’ kompatibbiltà’), sabiex tużahom insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T-279/04, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà. Id-dokumenti intiżi kienu:

    a)

    id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju 2003 li tinfetaħ investigazzjoni fil-fond abbażi tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89[...], fil-proċedura inkwistjoni;

    b)

    il-verżjoni intiera tal-kuntratt ta’ ċessjoni ffirmat fit-3 ta’ Diċembru 2002 minn Natexis Banques populaires SA, minn naħa, u Segex Sarl u Ecrinvest 4 SA, min-naħa l-oħra;

    ċ)

    il-korrispondenza fl-intier tagħha bejn il-Kummissjoni u Natexis Banques Populaires minn Settembru 2002 san-notifika tal-konċentrazzjoni, li seħħet fl-14 ta’ April 2003;

    d)

    il-korrispondenza fl-intier tagħha bejn il-Kummissjoni u Lagardère SCA [iktar ’il quddiem “Lagardère”] minn Settembru 2002 sal-imsemmija notifika;

    e)

    il-kuntratt li bih Natexis Banques populaires saret proprjetarja tal-ishma u tal-assi ta’ [VUP] mingħand Vivendi Universal SA fl-20 ta’ Diċembru 2002;

    f)

    il-wegħda ta’ akkwist ta’ VUP li saret minn Lagardère mingħand Vivendi Universal fit-22 ta’ Ottubru 2002;

    g)

    in-noti interni kollha tal-Kummissjoni li jirrigwardaw, esklużivament jew le, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 għall-akkwist tal-assi ta’ VUP minn Natexis SA/Investima 10 SAS, fosthom dawk skambjati bejn id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni u d-Dipartiment Legali tal-istess direttorat;

    h)

    il-korrispondenza fl-intier tagħha bejn il-Kummissjoni u Natexis li tirrigwarda, esklużivament jew le, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 għall-akkwist tal-assi ta’ VUP minn Natexis/Investima 10.

    2

    Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni applikazzjoni ta’ aċċess għal sett ieħor ta’ dokumenti, sabiex tużahom insostenn tar-rikors tagħha fil-kawża Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T-452/04, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement SA bħala akkwirenti tal-assi ċeduti minn Lagardère, skont id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni ta’ approvazzjoni’). Id-dokumenti intiżi kienu s-segwenti:

    a)

    id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-mandatarju responsabbli sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ta’ Lagardère waqt l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni permezz tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà;

    b)

    il-mandat mogħti minn Lagardère lil Salustro Reydel Management SA biex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ta’ Lagardère waqt l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni permezz tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà;

    ċ)

    it-talbiet ta’ tibdil eventwali mill-Kummissjoni fir-rigward tal-abbozz ta’ mandat u r-risposti ta’ Lagardère dwar dan is-suġġett;

    d)

    il-mandat mogħti minn Lagardère lill-amministratur tal-elementi tal-assi separati (Hold Separate Manager), responsabbli mill-amministrazzjoni tal-assi skont id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà;

    e)

    id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-imsemmi amministratur;

    f)

    l-abbozz ta’ ftehim iffirmat fit-28 ta’ Mejju 2004 bejn Lagardère u Wendel Investissement dwar it-teħid lura tal-assi ċeduti;

    g)

    l-ittra mibgħuta minn Lagardère lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Ġunju 2004, li permezz tagħha din tal-aħħar intalbet tapprova lil Wendel Investissement bħala dik li ser tieħu lura l-assi ċeduti;

    h)

    it-talba għal informazzjoni mibgħuta lil Lagardère mill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 4064/89, tal-11 ta’ Ġunju 2004, intiża sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-kumpannija Wendel Investissement ġewx sodisfatti;

    i)

    ir-risposta ta’ Lagardère, tal-21 ta’ Ġunju 2004, għal din it-talba għall-informazzjoni;

    j)

    ir-rapport tal-mandatarju li jevalwa l-offerta ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ċeduti fir-rigward ta’ kriterji ta’ approvazzjoni, li ntbagħat lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Lulju 2004.

    3

    Permezz ta’ faks tal-15 ta’ Lulju 2005, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ ‘Kompetizzjoni’ ikkomunika lil [Odile Jacob] l-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2004, li tapprova l-ħatra tal-mandatarju u tal-amministratur tal-elementi tas-separati (dokumenti msemmija fil-punt 2(a) u (e) iktar ’il fuq), u infurmaha li d-dokumenti l-oħra ma setgħux jiġu kkomunikati lilha, peress li kienu koperti mill-eċċezzjonijiet definiti fl-ewwel sat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-ebda interess pubbliku ikbar ma seta’ jiġġustifika l-iżvelar tagħhom.

    4

    Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2005, [Odile Jacob] ippreżentat applikazzjoni konfermattiva (iktar ’il quddiem l-‘applikazzjoni ta’ aċċess’) dwar id-dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat.

    5

    Fl-14 ta’ Marzu 2005, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni informa lil [Odile Jacob] li t-terminu ta’ risposta għat-talba tiegħu kien ser jiġi estiż, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sas-7 ta’ April 2005, minħabba l-kumplessità tal-applikazzjoni ta’ aċċess u tan-numru ta’ dokumenti mitluba.”

    11

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonfermat ir-rifjut tagħha għal aċċess għad-dokumenti kkonċernati tal-15 ta’ Frar 2005.

    12

    Fl-ewwel lok, f’din id-deċiżjoni, il-Kumissjoni identifikat id-dokumenti koperti mill-applikazzjoni għal aċċess u pprovdiet lista dettaljata tagħhom, minbarra fejn jirrigwarda dawk id-dokumenti li jaqgħu taħt il-punt 1(d) tas-sentenza appellata, billi l-korrispondenza bejn Lagardère u l-Kummissjoni tikkorrispondi għal madwar għoxrin fajl u li r-redazzjoni ta’ lista dettaljata kienet tirrappreżenta piż amministrattiv sproporzjonat. Barra minn hekk, hija spjegat li ma kellhiex f’idejha d-dokument li jissemma fil-punt 1(f) tal-imsemmija sentenza, u osservat li d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1(ċ) kienu jinkludu dawk imsemmija fil-punt 1(h).

    13

    Sussegwentement, taħt it-titolu “Protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni”, il-Kummissjoni spjegat, fl-imsemmija deċiżjoni, li “id-dokumenti kollha msemmija huma koperti mill-eċċezzjoni għad-dritt għal aċċess intiża sabiex tipproteġi l-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001)”.

    14

    B’applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni, il-Kummissjoni rrifjutat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-aċċess għad-dokumenti kollha mitluba, sa fejn dawn ġew ikkomunikati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni jew redatti minnhom fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni ġdida u, konsegwentement, terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni. L-għan ta’ din l-investigazzjoni jkun ipperikolat jekk id-dokumenti redatti jew riċevuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll ikunu saru pubbliċi f’dan l-istadju. B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iżvelar ta’ informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi jikser il-klima ta’ fiduċja u ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati, indispensabbli għall-ġbir ta’ informazzjoni li hija teħtieġ.

    15

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat espressament, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan ir-rifjut kien iġġustifikat peress li “l-eċċezzjoni intiża sabiex tipproteġi l-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tapplika fir-rigward ta’ kull dokument imsemmi fl-applikazzjoni”.

    16

    Il-Kummissjoni invokat ukoll, f’din id-deċiżjoni, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali, sabiex tiġġustifika r-rifjut għal aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(b) sa (e) u (h), u fil-punt 2(b), (ċ) (parzjalment), (d), (f), (g), (i) u (j) tas-sentenza kkontestata sa fejn jinkludu informazzjoni sensittiva dwar l-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, mibgħuta minn dawn l-impriżi lill-Kummissjoni għall-finijiet biss tal-kontroll tal-konċentrazzjoni maħsuba. Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti msemmija fil-punti 1(a) u 2(ċ), fir-rigward ta’ ittra mill-Kummissjoni li ntbagħtet lil Lagardère, u (h) ta’ din is-sentenza, li kollha ġew redatti minnha, jinkludu wkoll informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar l-impriżi kkonċernati.

    17

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, sabiex tiġġustifika r-rifjut għal aċċess għal tnejn mit-tliet noti interni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata. Waħda hija talba għal opinjoni tad-DĠ “Kompetizzjoni” lis-servizz legali; u l-oħra hija nota redatta għall-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni, li tiġbor fil-qosor l-istat tal-fajl.

    18

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat, f’din id-deċiżjoni, li, “[m]inbarra l-fatt li l-iżvelar ta’ dawk id-dokumenti jkun ta’ preġudizzju għall-għan ta’ investigazzjoni, [...] il-proċess deċiżjonali nnifsu wkoll iġarrab preġudizzju serju li kieku d-deliberazzjonijiet interni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kellhom isiru pubbliċi”. Għalhekk, hija kkonfermat li d-dipartiment tagħha għandu jkollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom liberament, mingħajr ma jkun hemm ebda pressjoni esterna, sabiex il-Kummissjoni tkun informata bil-għan li tieħu deċiżjoni.

    19

    Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, sabiex tiġġustifika r-rifjut għal aċċess għal wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata. Hija enfasizzat li huwa essenzjali li l-pariri legali jkunu jistgħu jingħataw bis-sinċerità, bl-oġġettività u bl-indipendenza kollha. Hija kkunsidrat li, kieku s-servizz legali kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-pubblikazzjoni sussegwenti tal-parir tiegħu, dan ma jiġix espress b’mod għal kollox indipendenti.

    20

    Fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw minn terzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija ma kellhiex għalfejn tikkonsulta lil dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn hija kkunsidrat li waħda mill-eċċezzjonijiet invokati kienet applikabbli u għaldaqstant kien ċar li d-dokumenti kkonċernati ma kellhomx jiġu żvelati.

    21

    F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonfermat li eżaminat il-possibbiltà li tagħti lil Odile Jacob aċċess parzjali għad-dokumenti kkonċernati, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, u eskludietha minħabba l-għadd kbir ta’ dokumenti mitluba u fid-dawl tal-fatt li kważi l-kontenut kollu tagħhom kien kopert mill-eċċezzjonijiet elenkati qabel. L-identifikazzjoni tal-partijiet ta’ dawn id-dokumenti li jistgħu jiġu kkomunikati toħloq piż amministrattiv sproporzjonat għall-interessi tal-pubbliku li jaċċedi għall-partijiet frammentarji li jirriżultaw minn tali eżerċizzju.

    22

    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li ebda interess pubbliku ikbar ma jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti msemmija, peress li l-applikazzjoni għal aċċess kienet ibbażata fuq id-difiża tal-interessi ta’ Odile Jacob fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, liema difiża hija ta’ interess privat u mhux pubbliku.

    23

    Fl-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat l-eżistenza ta’ regoli speċifiċi oħra għal aċċess stabbiliti, minn naħa,bir-Regolament Nru 4064/89 u, min-naħa l-oħra, bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li jippermettu li parti, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, titlob l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jistgħu jikkonsistu f’applikazzjoni għall-produzzjoni ta’ dokumenti relatati mal-kawża pendenti.

    24

    Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-fatt li hija kkomunikat applikazzjonijiet għal informazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 4064/89 annessi mar-risposta tagħha fil-Kawża T-279/04 ma jfissirx li hija obbligata li tiżvela l-applikazzjoni għal informazzjoni mibgħuta lil Lagardère skont l-istess dispożizzjoni, imsemmija fil-punt 2(h) tas-sentenza appellata. Hija fakkret li d-dokumenti annessi man-noti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali huma kkomunikati biss għall-finijiet tal-proċeduri kkonċernati u ma humiex intiżi sabiex isiru pubbliċi, filwaqt li l-komunikazzjoni ta’ dokument skont ir-Regolament Nru 1049/2001 hija ekwivalenti għal pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument.

    25

    Wara d-deċiżjoni kkontestata, fil-5 ta’ Lulju 2005, Odile Jacob ippreżentat talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-279/04, intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti msemmija fil-punt 1(a) sa (h) tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni kkomunikat lil Odile Jacob, bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba, id-dokument imsemmi fil-punt 1(a), jiġifieri d-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2003 li tinfetaħ investigazzjoni fil-fond abbażi tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89 fil-proċedura inkwistjoni.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    26

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2005, Odile Jacob ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    27

    Insostenn tar-rikors tagħha Odile Jacob invokat erba’ motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti koperti mill-applikazzjoni għal aċċess, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt għal aċċess għall-inqas parzjali għad-dokumenti mitluba u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-nuqqas ta’ bbilanċjar tal-eċċezzjonijiet invokati mal-interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

    28

    Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Lulju 2009, skont l-Artikolu 65(b), l-Artikolu 66(1) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti mitluba fl-intier tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 1(f) iktar ’il fuq, u fil-punt 2(a) u (e) tas-sentenza appellata, filwaqt li spjegat li dawn id-dokumenti la kienu ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti u lanqas lill-intervenjenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ din it-talba u kkomunikat l-imsemmija dokumenti lill-Qorti Ġenerali.

    29

    Ħafna mid-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess minn Odile Jacob skont ir-Regolament Nru 1049/2001 intbagħtu lilha mill-Kummissjoni, fl-intier tagħhom jew parzjalment. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm iżjed lok li tingħata deċiżjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) u fil-punt 2(h) u (j) tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, Odile Jacob ma kkontestatx id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li d-dokument imsemmi fil-punt 1(f) ta’ din is-sentenza ma kienx fil-pussess tagħha.

    30

    Konsegwentement, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali speċifikat is-suġġett tal-kawża bħala li kien jirrigwarda d-dokumenti msemmija fil-punt 1(d), (e), (g) u (h) u fil-punt 2(b) sa (d), (f), (g) u (i) tas-sentenza appellata (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”).

    31

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ammissibbiltà ta’ wieħed mill-argumenti mqajma preliminarjament minn Lagardère, li l-applikazzjoni għal aċċess kellha tiġi evalwata fil-kuntest partikolari ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi. Lagardère kkunsidrat li l-aċċess għall-fajl, fil-proċeduri ta’ kontroll ta’ tali konċentrazzjonijiet, huwa suġġett għal regoli speċifiċi, previsti mill-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88). Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrilevat li t-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jkollhom bħala suġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet, u filwaqt li kkonstatat li dan l-argument ma tqajjimx minn dawn tal-aħħar, ċaħdet dan l-argument bħala inammissibbli.

    32

    Fir-rigward tal-istruttura tal-eżami tal-motivi tar-rikors, il-Qorti Ġenerali segwiet l-ordni tal-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni li jallegaw li d-dokumenti kontenzjużi kollha kienu koperti mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, u li barra minn hekk ċerti dokumenti kienu koperti totalment jew parzjalment minn eċċezzjonijiet oħra. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali evalwat, fil-punti 63 sa 97 tas-sentenza appellata, il-fondatezza tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-imsemmija attivitajiet, sussegwentement, fil-punti 109 sa 129 ta’ din is-sentenza, evalwat l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, fil-punti 136 sa 145 tal-imsemmija sentenza, evalwat l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali u, fl-aħħar, fil-punti 152 sa 163 tal-istess sentenza, evalwat l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-pariri legali.

    33

    Peress li kkunsidrat li l-ewwel u tieni motivi kienu marbuta flimkien mill-qrib, il-Qorti Ġenerali eżaminat dawn il-motivi flimkien.

    34

    Wara li fakkret il-ġurisprudenza stabbilita relatata mal-obbligu ta’ eżami konkret u individwali tal-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-istituzzjoni kkonċernata għandha teżamina, fl-ewwel lok, jekk id-dokument li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, fit-tieni lok, jekk l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudikax fil-konkret u effettivament l-interess protett u fit-tielet lok, fl-affermattiv, jekk il-bżonn ta’ protezzjoni japplikax għall-imsemmi dokument fl-intier tiegħu.

    35

    Billi qasmet din l-analiżi fi tliet fażijiet, il-Kummissjoni analizzat, fl-ewwel lok, jekk id-dokumenti kontenzjużi kinux jaqgħu taħt l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ ispezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki, previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049.

    36

    Fir-rigward tad-dokumenti kkomunikati qabel l-14 ta’ April 2003, skont il-proċedura informali, imsejħa “ta’ qabel in-notifika”, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata li dawn id-dokumenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni għall-kontroll tagħha tal-proċeduri ta’ konċentrazzjonijiet, kif kienet tindikahom l-ittra tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” tal-14 ta’ Frar 2005, li tidentifika dawn id-dokumenti bħala li jagħmlu parti mill-fajl relatat ma’ din l-investigazzjoni, kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, li tispjega li d-dokumenti kontenzjużi kollha kienu “redatti jew riċevuti fil-kuntest tal-ipproċessar [tal-proċedura inkwistjoni]”. Fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat espressament li “id-dokumenti kollha mitluba jikkonċernaw attività ta’ investigazzjoni”.

    37

    Fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-imsemmija eċċezzjoni kinitx għadha applikabbli ratione temporis.

    38

    Il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-dokumenti kontenzjużi kienu ntalbu minn Odile Jacob, meta l-investigazzjoni inkwistjoni kienet diġà wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’dan il-każ id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà u d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li dawn id-deċiżjonijiet ma kinux għadhom definittivi fid-dawl taż-żewġ rikorsi, jiġifieri l-Kawżi T-279/04 u T-452/04, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tagħhom.

    39

    Fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li jiġi aċċettat li d-dokumenti kontenzjużi jistgħu dejjem ikunu koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm id-deċiżjonijiet ta’ kompatibbiltà u ta’ approvazzjoni adottati wara l-investigazzjoni kkonċernata ma humiex definittivi, ifisser li jkun qed jiġi ssuġġettat l-aċċess għal dawn id-dokumenti għal avveniment każwali, futur u eventwalment iktar ’il bogħod. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dokumenti kontenzjużi ma jaqgħux, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

    40

    Fil-punti 78 u 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li anki jekk jiġi preżunt li l-imsemmija dokumenti setgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, mill-motivi vagi u ġenerali wisq u li ma “humiex ibbażati fuq xi prova rilevanti għal dan il-każ” tad-deċiżjoni kkontestata, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet eżami konkret u individwali tad-dokumenti kontenzjużi. Skont il-Qorti Ġenerali, l-istess raġunament jista’ japplika għad-dokumenti kollha mogħtija fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, peress li l-motivazzjoni astratta u ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għall-kontenut tad-dokumenti kontenzjużi.

    41

    Fir-rigward tal-korrispondenza fl-intier tagħha bejn il-Kummissjoni u Lagardère minn Settembru 2002 san-notifika tal-konċentrazzjoni, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrifjutat l-argumenti tal-Kummissjoni, ikkunsidrat li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni japplikaw għad-dokumenti kollha miżmuma minn din l-istituzzjoni u li d-dokumenti fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi ma humiex eżentati minn din id-dispożizzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura permezz ta’ eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument kontenzjuż li dan kien kopert manifestament mill-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx teżenta ruħha minn dan l-obbligu permezz ta’ eżami in abstracto ta’ dawn tal-aħħar.

    42

    Dwar l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 139/2004, li jistabbilixxi li “[i]nformazzjoni miksuba b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament [imsemmi] għandha tintuża biss għall-iskopijiet tat-talba [applikazzjoni], investigazzjoni jew seduta relevanti”, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata li din id-dispożizzjoni, li l-kitba tagħha hija essenzjalment simili għad-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 applikabbli għal dan il-każ, turi l-mod kif il-Kummissjoni tista’ tuża l-informazzjoni mogħtija u ma tirregolax l-aċċess għad-dokumenti protetti mir-Regolament Nru 1049/2001.

    43

    Il-Qorti Ġenerali speċifikat, fl-imsemmi punt, li din id-dispożizzjoni “ma tistax tiġi interpretata bħala li tostakola l-eżerċizzju tad-dritt għal aċċess għal dokumenti protetti mill-Artikolu 255 KE u mir-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, hija għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 139/2004, li jeskludi biss l-iżvelar tal-informazzjoni ‘koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali’. Għaldaqstant l-impriżi nnotifikati kellhom jistennew li l-informazzjoni miġbura mhux koperta mis-sigriet professjonali tiġi żvelata”.

    44

    Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “skont il-ġurisprudenza, sa fejn il-pubbliku għandu dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu ċerta informazzjoni, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija tat-tip kopert, min-natura tagħha, mill-obbligu tas-sigriet professjonali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, T-198/03, Ġabra p. II-1429, punt 74). Għaldaqstant l-obbligu tas-sigriet professjonali ma għandux portata tali li jista’ jiġġustifika rifjut ta’ aċċess ġenerali u astratt għad-dokumenti mibgħuta fil-kuntest tan-notifika ta’ konċentrazzjoni. Ċertament, la l-Artikolu 287 KE u lanqas ir-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 139/2004 ma jindikaw b’mod eżawrjenti liema informazzjoni hija koperta, min-natura tagħha, mis-sigriet professjonali. Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(2) ta’ dawn ir-regolamenti, jirriżulta li l-informazzjoni kollha miġbura mhux neċessarjament hija koperta mis-sigriet professjonali. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ bilanċ bejn, minn naħa, l-interessi leġittimi kontra l-iżvelar tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interess ġenerali li jitlob li attivitajiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji jiżvolġu fl-ikbar rispett possibbli għall-prinċipju ta’ trasparenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tribunal Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71, u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T-474/04, Ġabra p. II-4225, punti 63 sa 66)”.

    45

    Fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “fit-twettiq tal-eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni b’hekk tista’ tiżgura l-effettività tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, f’konsistenza sħiħa mar-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan isegwi li l-obbligu tas-sigriet professjonali, li jirriżulta mill-Artikolu 287 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 139/2004, ma huwiex tali li jeżenta lill-Kummissjoni mill-analiżi speċifika ta’ kull dokument inkwistjoni, kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001”.

    46

    Billi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi minħabba li kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’illegalità fuq dan il-punt.

    47

    Madankollu, l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti kontenzjużi kollha li ġie rrifjutat l-aċċess għalihom mill-Kummissjoni abbażi tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni jistgħu jibqgħu jkunu koperti wkoll mill-eċċezzjonijiet l-oħra għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

    48

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk dawn id-dokumenti setgħux ikunu koperti minn eċċezzjonijiet oħra għad-dritt ta’ aċċess previsti mill-imsemmi regolament, bħall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali jew il-protezzjoni tal-pariri legali.

    49

    Fir-rigward tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 113 sa 119 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti kontenzjużi, għalkemm jistgħu, minħabba l-għan tagħhom stess, jinkludu informazzjoni relatata ma’ strateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li min-natura tagħhom, jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni, sa fejn il-pubbliku għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiżgura ruħha, permezz ta’ eżami konkret u effettiv tal-kontenut ta’ kull dokument kontenzjuż, li dan tal-aħħar kien kopert mill-eċċezzjoni prevista mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tirrifjuta l-aċċess għalih.

    50

    Dwar il-konsultazzjoni ta’ terzi, abbażi tal-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 125 sa 127 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni tat-terzi awturi ta’ dokumenti hija konformi mar-Regolament Nru 1049/2001 biss jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmi regolament tapplika b’mod ċar għad-dokument inkwistjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan ma kienx il-każ fil-kawża inkwistjoni, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni kif ukoll mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

    51

    Dwar l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 138 sa 143 tas-sentenza appellata, li n-nota tal-10 ta’ Frar 2002 tad-DĠ “Kompetizzjoni” lis-servizz legali tal-Kummissjoni u n-nota tar-4 ta’ Novembru 2002 li jiġbru fil-qosor l-istat tal-fajl li jinkludi pariri intizi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari u, abbażi ta’ dan jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Peress li kkunsidrat li l-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni kienu ġenerali u astratti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-istituzzjoni inkwistjoni ma wrietx li l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni seta’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti kien ikollu effett sostanzjali fuq dan l-istess proċess deċiżjonali.

    52

    Fl-aħħar nett, dwar l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-pariri legali, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li l-parir tas-servizz legali tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2002 kien jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    53

    Skont il-punti 159 u 160 tas-sentenza appellata, kien jeżisti riskju raġonevolament prevedibbli u mhux purament ipotetiku li l-iżvelar tal-imsemmi parir ikun ta’ preġudizzju għax-xogħol futur tas-servizz legali tal-Kummissjoni, partikolarment waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u li, fil-futur, dan l-istess dipartiment juri trażżin u prudenza fir-redazzjoni ta’ tali pariri sabiex ma tiġix affettwata l-kapaċità tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjonijiet fl-oqsma fejn hija taġixxi bħala amministrazzjoni.

    54

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-iżvelar tal-pariri tas-servizz legali tal-Kummissjoni jagħti lok għar-riskju li jqiegħed lil din l-istituzzjoni f’sitwazzjoni delikata, li jaffettwa b’mod kunsiderevoli kemm il-libertà ta’ opinjoni tal-imsemmi dipartiment u l-kapaċità tiegħu li jiddefendi ruħu b’mod effettiv quddiem il-qorti tal-Unjoni, fuq livell ugwali mar-rappreżentanti legali l-oħra tad-diversi partijiet fil-proċess ġudizzjarju, kif ukoll li jindebbolixxi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni u l-proċess deċiżjonali intern ta’ din tal-aħħar.

    55

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Odile Jacob li l-iżvelar tal-parir tas-servizz legali, imsemmi fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata, ma jippreġudikax il-protezzjoni tal-pariri legali.

    56

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 167 sa 176 tas-sentenza appellata, it-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt ta’ aċċess għall-inqas parzjali għad-dokumenti kontenzjużi.

    57

    Skont il-Qorti Ġenerali, għandu wkoll jitwettaq eżami konkret u individwali skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata tista’ ma twettaqx tali eżami biss wara li tkun verament studjat il-possibbiltajiet l-oħra kollha u wara li tkun spjegat b’mod dettaljat ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diversi possibbiltajiet kienu jinvolvu, huma wkoll, volum ta’ xogħol irraġonevoli. Peress li l-Kummissjoni ma pproċedietx b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata wkoll għal din ir-raġuni.

    58

    Fl-aħħar nett, fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 189 sa 196 tas-sentenza appellata, eżaminat jekk kienx jeżisti interess pubbliku ikbar li jista’ jiġġustifika l-iżvelar tal-parir inkwistjoni tas-servizz legali tal-Kummissjoni skont id-dispożizzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    59

    Wara li eżaminat l-argumenti differenti ta’ Odile Jacob relatati mad-difiża tal-interessi tagħha fil-kuntest ta’ rikors, maż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-swieq tal-pubblikazzjoni fi Franza u mar-riskju ta’ evażjoni tar-regoli dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-argumenti kollha, billi kkunsidrat li ma kien jeżisti l-ebda interess ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tal-parir legali inkwistjoni.

    60

    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punt 197 tas-sentenza appellata, annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar rrifjutat l-aċċess, sħiħ u parzjali, għad-dokumenti kollha mitluba, bl-eċċezzjoni tal-parir legali msemmi fil-punt 1(g) ta’ din is-sentenza.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    61

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-appell.

    62

    Peress li kkunsidra li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli u li, konsegwentement, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza kkontestata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni tal-urġenza, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ digriet tal-31 ta’ Jannar 2011, ċaħad din it-talba għal miżuri provviżorji.

    63

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 2011, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Odile Jacob u r-Repubblika Ċeka ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    64

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2011, ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura orali.

    It-talbiet tal-partijiet

    65

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tal-aħħar annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

    tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn Odile Jacob u tagħti deċiżjoni definittiva dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell, u

    tikkundanna lil Odile Jacob għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell.

    66

    Odile Jacob titlob, fir-risposta tagħha u fl-appell inċidentali tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell tal-Kummissjoni sa fejn huwa parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat, u

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tal-aħħar ċaħdet it-talba tagħha intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar tirrifjuta l-aċċess sħiħ għall-parir tas-servizz legali tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 1(g) tal-imsemmija sentenza.

    67

    Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża jsostnu t-talbiet tal-Kummissjoni. Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jsostnu t-talbiet ta’ Odile Jacob.

    68

    Lagardère titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn din annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

    tiċħad l-appell inċidentali u r-rikors ta’ Odile Jacob ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lil Odile Jacob għall-ispejjeż kollha sostnuti fiż-żewġ istanzi.

    Fuq l-appell

    69

    Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni esponiet żewġ aggravji, li minnhom l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4064/89.

    70

    It-tieni motiv, li huwa maqsum f’ħames partijiet, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-ewwel parti tagħmel riferiment għall-obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali ta’ kull dokument imsemmi fit-talba ta’ aċċess. It-tieni parti hija marbuta ma’ interpretazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. It-tielet parti tirrigwarda interpretazzjoni żbaljata tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, li jikkonċerna l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Ir-raba’ parti hija marbuta ma’ interpretazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament, li jikkonċerna l-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali. Il-ħames parti hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, relatat mad-dritt ta’ aċċess parzjali.

    71

    Fil-bidu tal-appell tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel riferiment għad-deċiżjoni kkontestata, tfakkar l-eċċezzjonijiet li huma koperti minnhom id-dokumenti kontenzjużi u li ġġustifikaw ir-rifjut tal-applikazzjoni għal aċċess. Dawn tal-aħħar huma previsti mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, relatat mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, li japplika għad-dokumenti kontenzjużi kollha;

    l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-regolament, relatat mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, li japplika għad-dokumenti msemmija fil-punti 1(d), (e) u (h), u 2(b), (ċ), parzjalment, (d), (f), () u (i) tas-sentenza appellata;

    it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, relatat mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, għal tnejn mit-tliet noti interni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata;

    it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, relatat mal-protezzjoni tal-pariri legali, li japplika għall-parir tas-servizz legali tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata.

    L-argumenti tal-partijiet

    –Fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 1049/2001 marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4064/89

    72

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx interpretazzjoni u applikazzjoni koerenti tar-Regolament Nru 1049/2001, fatt li jwassal għal kontradizzjoni mad-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi u huwa kuntrarju għall-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan ir-regolament kien jikkostitwixxi regola ġenerali li tapplika għad-dokumenti kollha fil-pussess tal-istituzzjonijiet. Għalhekk, l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kienu ġew stabbiliti f’termini wiesa’ bil-għan li jiġu protetti l-interessi pubbliċi jew privati u li jiġu applikati fid-diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fil-prattika. Dawn l-eċċezzjonijiet għaldaqstant għandhom jiġu interpretati b’mod li jiġu protetti l-interessi leġittimi pubbliċi jew privati fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u, b’mod iktar partikolari, meta dawn l-interessi jkunu jibbenefikaw minn protezzjoni espliċita skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħar-Regolament Nru 4064/89.

    73

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tinterpreta r-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li rabtitu ma’ atti legali applikabbli oħra, fis-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C-139/07 P, Ġabra p. I-5885), u Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C-28/08 P, Ġabra p. I-6055). Issa, is-sentenza appellata ħolqot kontradizzjoni fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli minn diversi lati.

    74

    Għalhekk il-bilanċ tar-Regolament Nru 4064/89 tqiegħed fid-dubju mill-Qorti Ġenerali. L-obbligu li tingħata informazzjoni impost fuq impriżi kif ukoll is-setgħat estiżi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni huma kkumpensati mid-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni msaħħa previsti mill-imsemmi regolament u mir-Regolament Nru 802/2004 li jikkostitwixxi r-regolament ta’ implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Il-garanziji ta’ protezzjoni għandhom l-għan li jippermettu, minn naħa, il-funzjonament korrett tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi fl-interess pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw l-interessi leġittimi tal-impriżi kkonċernati b’tali mod li l-informazzjoni li huma jittrażmettu lill-Kummissjoni tintuża limitatament għall-finijiet tal-investigazzjoni u b’tali mod li l-informazzjoni kunfidenzjali ma tiġix żvelata, billi tiġi protetta mill-interferenza tal-awtorità pubblika fl-attività privata tagħha.

    75

    Skont il-Kummissjoni, l-obbligu tas-sigriet professjonali, stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE u riprodott fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 4064/89, għandu l-għan li ma jiġux ippreġudikati s-sigrieti kummerċjali u interessi kummerċjali oħra, iżda wkoll li jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (C-67/91, Ġabra p. I-4785); tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375), kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C-450/06, Ġabra p. I-581).

    76

    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-informazzjoni li ġiet prodotta lilha mill-impriżi parteċipanti fil-konċentrazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti mill-attività privata tagħhom u bħala tali suġġetta għall-osservanza tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Id-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess fil-qasam tal-konċentrazzjoni bejn impriżi huwa miftuħ biss għall-partijiet direttament ikkonċernati mill-proċedura, bl-eċċezzjoni tal-atti koperti mis-sigrieti kummerċjali, u, fejn xieraq, għal persuni fiżiċi jew legali oħra li jiġġustifikaw interess suffiċjenti, b’mod konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 4064/89. Kull applikant ieħor li ma jiġġustifikax tali interess jinċaħadlu l-aċċess għad-dokumenti tal-proċess, fuq din il-bażi biss mingħajr ebda forma oħra ta’ ġustifikazzjoni.

    77

    Għalhekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali intenzjonalment naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sistema prevista mir-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 802/2004.

    78

    Billi tat il-prevalenza lir-Regolament Nru 1049/2001 fuq kull regola legali oħra, mhux biss fuq ir-Regolament Nru 4064/89, iżda wkoll fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni.

    79

    Lagardère tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat, fil-punti 33 sa 38 tas-sentenza appellata, l-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni esklużiva tar-regoli relatati mal-aċċess għall-proċess previsti fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    80

    Insostenn tal-appell, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li l-prinċipju tal-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ma huwiex prinċipju assolut u li huwa suġġett għal ċerti limiti, bħall-osservanza tas-sigriet professjonali jew tas-sigriet kummerċjali tal-partijiet fil-proċedura. Konsegwentement, huwa neċessarju li l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu informazzjoni jkun irriżervat għal applikanti għal aċċess li jkunu affettwati sa “grad determinanti” u li jkunu wrew interess suffiċjenti fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi, il-fatt li jingħata aċċess għal dokumenti jista’ jagħti vantaġġ kunsiderevoli fuq is-suq lill-kompetituri tal-impriża, partijiet fil-proċedura.

    81

    Odile Jacob tirrileva li l-aggravju bbażat fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4064/89 ġie invokat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell u għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli. Din il-kumpannija tenfasizza li l-aġir tal-Kummissjoni f’din l-istanza huwa kontradittorju, peress li din l-istituzzjoni kienet injorat totalment kull applikabbiltà ta’ dan ir-regolament meta ddeċidiet li tipproduċi ċerti dokumenti, b’mod selettiv, quddiem il-Qorti Ġenerali jew waqt l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

    82

    Sussidjarjament, Odile Jacob tirrileva li l-ewwel aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat. Il-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sabiex issostni l-argumentazzjoni tagħha. Ix-xogħol preparatorju relatat mar-Regolament Nru 1049/2001 jikkontradixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rabta bejn dan tal-aħħar u r-regolamenti speċifiċi fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti. Il-prinċipji stabbiliti mill-imsemmi regolament jistgħu jieħdu rwol sekondarju biss fil-każ fejn regoli speċifiċi jkunu jipprovdu għal aċċess iktar wiesa’, u mhux f’każ kuntrarju. Id-dritt tal-kompetizzjoni ma huwiex sistema derogatorja intiża sabiex tillimita d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-regolamenti relatati mal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi u dawk relatati mad-dritt ta’ aċċess ma humiex kontradittorji u l-Qorti Ġenerali ġustament stabbiliet bilanċ bejniethom.

    83

    Skont Odile Jacob, għandha ssir distinzjoni, fl-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw investigazzjonijiet relatati mal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi, bejn ir-rapporti bejn il-Kummissjoni u l-impriżi msemmija mill-investigazzjoni u r-rapporti bejn il-Kummissjoni u t-terzi. F’din l-ewwel relazzjoni, ir-Regolament Nru 4064/89 jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-impriżi li jkunu ssuġġettati għal dawn l-investigazzjonijiet. Fit-tieni relazzjoni, il-Kummissjoni tkun suġġetta għall-obbligu ta’ trasparenza skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Dawn iż-żewġ obbligi jikkondividu l-istess għan, dak li jiġu żgurati l-limiti tal-legalità tal-azzjoni tal-Kummissjoni. Ma teżisti l-ebda analoġija, kif tipprova tinvoka l-Kummissjoni, bejn il-kawża odjerna u l-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, iċċitata iktar ’il fuq.

    84

    Ir-Renju tal-Isvezja jenfasizza, insostenn ta’ Odile Jacob, li l-fatt li leġiżlazzjoni speċjali tipprevedi regoli oħra ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ma jfissirx li dawn ir-regoli għandhom jipprevalu awtomatikament fuq dawk tar-Regolament Nru 1049/2001. Fid-dawl tar-regoli kollha fil-qasam tas-sigriet, tali interpretazzjoni tindebolixxi b’mod kunsiderevoli l-importanza ta’ dan ir-regolament u tmur kontra l-prinċipju tal-ikbar trasparenza possibbli tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, inkluż fl-Artikoli 1 TUE, 15 TFUE u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u xxejjen kemm l-għan kif ukoll l-effetti tal-imsemmi regolament.

    85

    Ir-Renju tal-Isvezja jirrileva li s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Asociación Española de Banca Privada et kif ukoll Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni jispeċifikaw li r-restrizzjoni tal-użu tal-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, meħuda flimkien mal-obbligu tas-sigriet professjonali, għandha l-għan li tipproteġi d-dritt tal-impriżi li jiddefendu ruħhom. Din ir-restrizzjoni tipprekludi lill-Kumissjoni milli tagħmel użu, f’kull kuntest ieħor, mill-informazzjoni mogħtija mill-impriżi fil-kuntest ta’ tali proċedura. Għall-kuntrarju, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali, din ir-restrizzjoni ma għandha l-ebda għan ieħor ħlief dak li tillimita d-dritt tal-Kummissjoni li tagħmel użu hija stess mill-informazzjoni indirizzata mill-imsemmija restrizzjoni, u ma tikkonċernax id-dritt tal-pubbliku li jikseb konjizzjoni tad-dokumenti. Ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 4064/89, waqt l-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

    86

    Barra minn hekk, skont ir-Renju tal-Isvezja, l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 4064/89, relatat mal-obbligu tal-osservanza tas-sigriet professjonali, u l-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament, li jipproteġi d-dritt tal-partijiet li jiddefendu ruħhom, lanqas ma jistgħu jinftiehmu bħala li jistgħu jagħtu lok għal interpretazzjoni iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 4 ta’ dan l-aħħar regolament fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

    – Fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001

    – Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq l-obbligu ta’ eżami individwali u konkret ta’ kull dokument ikkonċernat

    87

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti kontenzjużi kollha, stabbiliti mis-sentenza kkontestata.

    88

    Kif sostnuta minn Lagardère, hija tikkunsidra li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, li tapplika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tista’ tiġi trasposta għal proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, sa fejn din is-sentenza tistabbilixxi preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar pubbliku tad-dokumenti tal-proċess, fil-prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni.

    89

    Hija tirrileva li jeħtieġ li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li l-aċċess għad-dokumenti li ma humiex aċċessibbli għal terzi estranji għall-proċedura kkonċernata, fil-prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Tali dokumenti huma aċċessibbli biss fil-każ fejn ma jkunux koperti minn din il-preżunzjoni jew fejn ikun jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    90

    Odile Jacob, filwaqt li tibbaża ruħha fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, tikkunsidra li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata. Eżami individwali u konkret ta’ kull dokument jikkostitwixxi soluzzjoni ta’ prinċipju li għandha tapplika għall-eċċezzjonijiet kollha previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, anki fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi. Il-fatt li l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni ferm kunfidenzjali bl-ebda mod ma jeżentaha mill-obbligu ta’ dan l-eżami individwali u konkret, anki sempliċiment sabiex tiddetermina liema minn dawk id-dokumenti ma jinkludux din l-informazzjoni u jistgħu, fejn xieraq, ikunu s-suġġett ta’ aċċess totali jew parzjali.

    91

    Odile Jacob tikkunsidra li r-riferiment għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti f’kawża relatata ma’ konċentrazzjoni bejn impriżi peress li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħalma kien il-każ f’din is-sentenza, ma jeżisti fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati l-ebda dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, u dan ma huwiex il-każ fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi peress li l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 4064/89 jawtorizzaw tali aċċess. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, parti mill-għajnuna inkwistjoni kienet qiegħda tiġi eżaminata mill-Kummissjoni, b’tali mod li l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni kienet għadha tista’ tiġi invokata.

    – Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tikkonċerna l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni

    92

    Il-Kummissjoni ssostni li l-investigazzjoni li huma marbuta magħha d-dokumenti kontenzjużi ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala mitmuma, peress li l-validità tad-deċiżjonijiet ta’ kompatibbiltà u ta’ approvazzjoni ġiet ikkontestata u li, f’każ ta’ annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni jkollha tiftaħ l-investigazzjoni tagħha mill-ġdid. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti kontenzjużi ma kinux, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, tmur kontra d-dritt.

    93

    Mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-imsemmija eċċezzjoni tista’ tkompli tapplika u tiġġustifika rifjut globali ta’ aċċess għad-dokumenti, mingħajr ma jkun neċessarju li jitwettaq eżami konkret wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm din l-investigazzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza ma tiddistingwix l-istadju tal-progress tal-proċeduri bejn investigazzjonijiet pendenti u investigazzjonijiet mitmuma.

    94

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza kkontestata, fl-interpretazzjoni tagħha tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, interpretat b’mod żbaljat l-għan ta’ din id-dispożizzjoni u wasslet għal kontradizzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi. Filwaqt li l-aċċess għall-proċess jiġi rrifjutat, abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni, mingħajr ebda eżami tad-dokumenti, fir-rigward ta’ terzi li ma jurux “interess suffiċjenti” fil-proċedura, dan l-istess aċċess jista’ jiġi rrifjutat biss fir-rigward ta’ membru tal-pubbliku abbażi ta’ eżami konkret u dettaljat tal-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni akkumpanjat minn motivazzjoni dettaljata, u dan jiżnatura totalment l-istruttura tal-proċedura f’dan il-qasam.

    95

    Odile Jacob tirrileva li l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju jirriproduċu essenzjalment l-argumenti li diġà ġew żviluppati mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju.

    96

    Odile Jacob issostni li r-Regolamenti 4064/89 u 1049/2001 ma humiex kontradittorji fir-rigward tal-aċċess ta’ terzi għall-proċessi. Dawn iż-żewġ regolamenti jipprovdu li “terzi”, ikunu min ikunu, ma jistgħux la jibbenefikaw minn dritt assolut ta’ aċċess u lanqas li jbatu rifjut assolut.

    – Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jikkonċerna l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali

    97

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jikkonċerna l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Il-Kummissjoni ssostni li, min-natura tagħha, konċentrazzjoni bejn impriżi tirrikjedi t-trażmissjoni ta’ għadd kbir ta’ informazzjoni, ta’ natura ferm kunfidenzjali, li fir-rigward tagħha japplika l-obbligu tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE u fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 4064/89. Konsegwentement, f’dan il-każ, bil-għan li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tad-dokumenti kontenzjużi u l-limitazzjoni tal-użu tagħhom għal dak li huwa previst mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa neċessarju li jkun jista’ jiġi rrifjutat l-aċċess għalihom mingħajr ma jkun neċessarju li jitwettaq eżami konkret u detaljat ta’ dawn tal-aħħar. Lanqas ma huwa neċessarju li jiġu kkonsultati terzi, peress li mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta b’mod ċar li d-dokumenti kontenzjużi ma jistgħux jiġu żvelati lill-pubbliku. Barra minn hekk, il-parti li pprovdiet l-imsemmija dokumenti, jiġifieri Lagardère, dejjem sejra topponi l-iżvelar tagħhom u dan tixhdu l-parteċipazzjoni tagħha f’din l-istanza.

    98

    Odile Jacob tikkunsidra li r-regoli ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 4064/89 bl-ebda mod ma jeżentaw lill-Kummissjoni milli twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull dokument, inklużi dawk kunfidenzjali, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001, bil-għan li l-interessi inkwistjoni jiġu ttrattati b’akkurattezza u li tiġi żgurata protezzjoni adatta kemm fir-rigward tal-interessi kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni kif ukoll tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, tal-inqas parzjali, li jista’ jiġi rrifjutat biss abbażi ta’ motivazzjoni konkreta u individwali. Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ kunfidenzjalità, fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89, u ta’ protezzjoni tal-interessi kummerċjali għandhom sinjifikati ekwivalenti. Fi kwalunkwe każ, f’każ ta’ kunflitt potenzjali bejn ir-Regolament Nru 4064/89 u r-Regolament Nru 1049/2001, ma jistax jiġi sostnut li dan tal-aħħar għandu jieħu rwol sekondarju, peress li dan jirrikjedi l-konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu ta’ kull dispożizzjoni oħra fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet.

    – Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jirrigwarda l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni

    99

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jirrigwarda l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni. Il-Kummissjoni tirrileva, bħalma tagħmel fir-rigward tal-eċċezzjonijiet l-oħra, li teżisti eċċezzjoni ta’ inaċċessibbiltà għad-dokumenti interni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi, bil-għan li jiġi evitat ir-riskju li jiġi ppreġudikat b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

    100

    Odile Jacob tiċħad dan il-kunċett ta’ “preżunzjoni ta’ inaċċessibbiltà” għad-dokumenti fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi. Il-Kummissjoni kellha tipproduċi ġustifikazzjonijiet konkreti u mhux kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali. Ix-xogħlijiet preparatorji li taw lok għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ċaħdu l-prinċipju ta’ inaċċessibbiltà għan-noti interni kollha tal-istituzzjonijiet. Konsegwentement, ma jistax jiġi aċċettat li l-aċċess għan-noti interni kollha jiġi miċħud sempliċement abbażi tal-motiv li l-imsemmija nota tikkostitwixxi parir fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

    – Fuq il-ħames parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 relatat mad-dritt ta’ aċċess parzjali

    101

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aċċess għad-dokumenti kontezjużi jista’ jiġi validament irrifjutat abbażi ta’ preżunzjonijiet ġenerali u li, għalhekk, ma setax kien hemm ksur tad-dritt ta’ aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    102

    Odile Jacob tikkunsidra li l-Kummissjoni ma setgħetx, permezz ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ inaċċessibbiltà, teżenta ruħha mill-kompitu tagħha ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti kontenzjużi u kellha, b’mod partikolari, teżamina l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal dawn tal-aħħar, kif previst mill-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    103

    Peress li hemm sovrappożizzjoni qawwija bejn l-ewwel u tieni aggravji, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien.

    104

    Preliminarjament, jeħtieġ li tingħata risposta għall-argument ta’ Odile Jacob li tikkunsidra li l-kwistjoni tar-rabta bejn ir-Regolament Nru 4064/89 u r-Regolament Nru 1049/2001 hija inammissibbli fl-istadju tal-appell.

    105

    Dan l-argument ma huwiex fondat. Huwa stabbilit li, fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, bħala ġustifikazzjoni għar-rifjut ta’ żvelar tad-dokument kontenzjużi. Minkejja l-fatt li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ma ċċitatx espressament ir-Regolament Nru 4064/89, ma hemm l-ebda dubju li l-attivitajiet ta’ investigazzjoni invokati mill-Kummissjoni kienu jirrigwardaw proċedura amministrattiva ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi li taqa’ taħt dan ir-regolament. Dan jirriżulta mill-ewwel ittra tas-27 ta’ Jannar 2005 ta’ Odile Jacob li permezz tagħha l-Kummissjoni ntalbet tagħti aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw il-proċedura amministrattiva li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà. L-ewwel dokument li l-Qorti Ġenerali identifikat fil-punt 1(a) tas-sentenza appellata bħala dokument mitlub hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju 2003 li tiftaħ investigazzjoni fil-fond abbażi tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament Nru 4064/89. Barra minn hekk, fil-kontroreplika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni semmiet espliċitament dan ir-regolament.

    106

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tar-rabta bejn ir-Regolament Nru 4064/89 u r-Regolament Nru 1049/2001 ma tbiddilx is-suġġett tal-kawża u għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    107

    Permezz taż-żewġ aggravji tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa żbaljat, minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 4064/89 relatati mal-aċċess għad-dokumenti ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi ma ttieħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mill-ewwel u mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jikkonċernaw, rispettivament, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni.

    108

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u ċerti leġiżlazzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, stabbilita b’mod partikolari bis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. I-8533), dan l-aggravju huwa fondat.

    109

    Fil-fatt, dan il-każ jirrigwarda r-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u leġiżlazzjoni oħra, jiġifieri r-Regolament Nru 4064/89, li jirregola qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ regolamenti għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż li jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll tal-informazzjoni li fuqhom huma jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Għaldaqstant huwa intiż sabiex jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kif ukoll sabiex jippromwovi prassi amministrattiva tajba. It-tieni wieħed huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni bejn impriżi ta’ dimensjoni komunitarja.

    110

    F’dan il-każ, dawn iż-żewġ regolamenti ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espressament għall-prevalenza ta’ wieħed fuq l-ieħor. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u li għalhekk tkun tippermetti applikazzjoni koerenti.

    111

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt madankollu huwa suġġett, fid-dawl tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

    112

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika lil Odile Jacob id-dokumenti kontenzjużi billi invokat, fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti kollha, l-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, fit-tieni lok, għal uħud mill-imsemmija dokumenti, l-eċċezzjonijiet ibbażati, rispettivament, fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u fuq il-protezzjoni tal-pariri legali, previsti rispettivament mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

    113

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li istituzzjoni tal-Unjoni, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti miżmuma minnha, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

    114

    Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet leġitimament tibbaża ruħha fuq diversi raġunijiet b’mod kumulattiv, bil-għan li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Ir-raġunijiet ta’ rifjut kienu bbażati għad-dokumenti kollha, prinċiparjament, fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni, u sussidjarjament u speċifikatament fuq eċċezzjonijiet oħra, kif deskritti fil-punt 112 ta’ din is-sentenza.

    115

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi, huwa stabbilit li d-dokumenti inkwistjoni effettivament jaqgħu taħt attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, li jikkonsisti fil-verifika dwar jekk konċentrazzjoni tagħtix jew le lill-partijiet notifikanti setgħa fuq is-suq li tista’ taffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv, il-Kummissjoni tiġbor fil-kuntest ta’ tali proċedura informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata ma’ strateġiji kummerċjali tal-impriżi involuti, mal-ammonti tal-bejgħ tagħhom, mas-sehem tagħhom mis-suq jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti ta’ tali proċedura ta’ kontroll jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u ma’ dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni huma, f’dan il-każ, marbutin flimkien.

    116

    Ċertament, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument ikun jaqa’ taħt attività jew interess imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu. Madankollu, huwa possibbli għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    117

    Fir-rigward tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali preżunzjonijiet ġenerali jistgħu jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339), li jirregola speċifikatament il-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għal informazzjoni u għal dokumenti miksuba fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni u ta’ kontroll ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 57).

    118

    Tali preżunzjonijiet ġenerali huma applikabbli, fil-qasam ta’ proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi, minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola din il-proċedura tipprovdi wkoll għal regoli stretti dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura.

    119

    Fil-fatt, l-Artikoli 17 u 18(3) tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 447/98 li jirregolaw b’mod restrittiv l-użu mill-informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, billi jillimitaw l-aċċess għall-fajl għall-“partijiet direttament involuti” u “partijiet oħra involuti”, b’riżerva għall-interess leġittimu tal-impriżi involuti li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati, u billi jeżiġu li l-informazzjoni miġbura tintuża biss għall-għan tat-talba għal informazzjoni, tal-kontroll jew tas-seduta, u li l-informazzjoni, li min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali, ma tiġix żvelata. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew riprodotti, essenzjalment, fl-Artikoli 17 u 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 802/2004.

    120

    Ċertament, id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni simili minn punt prattiku. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-persuni kkonċernati li jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kummissjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

    121

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, aċċess iġġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti skambjati, fil-kuntest ta’ tali proċedura, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi jkun, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ta’ natura li jippreġudika l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiżgura, fir-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, bejn minn naħa l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva bil-għan li din tal-aħħar tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni ppjanata mas-suq komuni, u min-naħa l-oħra l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa marbuta, abbażi tas-sigriet professjonali jew tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni għal dan il-għan.

    122

    Li kieku l-persuni li ma jkunux awtorizzati jaċċedu għall-fajl mil-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi jew dawk li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kkonċernati, iżda li ma jkunux użaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-informazzjoni jew li dan id-dritt tagħhom ġie rrifjutat, kellhom ikunu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ tali proċedura abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni titqiegħed fid-dubju.

    123

    Konsegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tistabbilixxi li l-iżvelar tad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-impriżi matul proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi fil-prinċipju jippreġudika kemm il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni kif ukoll dik tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

    124

    Fid-dawl tan-natura tal-interessi protetti fil-kuntest ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni li tinsab fil-punt preċedenti tirriżulta indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għal aċċess tikkonċernax proċedura ta’ kontroll li ntemmet diġà jew proċedura pendenti. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni sensittiva li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi involuti tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom, indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura pendenti ta’ kontroll. Barra minn hekk, il-perspettiva ta’ tali pubblikazzjoni wara t-tmiem tal-proċedura ta’ kontroll jista’ jkollha effetti negattivi fuq id-disponibbiltà ta’ impriżi sabiex jikkollaboraw waqt li tali proċedura tkun pendenti.

    125

    Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw l-interessi kummerċjali jew id-dokumenti sensittivi jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minn dak il-perijodu jekk dan ikun neċessarju.

    126

    Il-preżunzjoni ġenerali suesposta ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

    127

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-imsemmija eċċezzjoni tqajmet mill-Kummissjoni, sabiex tirrifjuta l-aċċess għal nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” lis-servizz legali tal-Kummissjoni li titlob parir dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll għal nota indirizzata lil membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni li tiġbor fiha l-istat tal-fajl, kif imsemmija fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata.

    128

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, bħas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq (ara, b’mod partikolari, il-punti 14 u 22 ta’ dik is-sentenza), fil-kawża preżenti kien hemm pendenti proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali, meta saret l-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Fil-fatt huwa stabbilit li dawk id-dokumenti intalbu minn Odile Jacob bil-għan li jintużaw insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża T-279/04, li kien pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-mument li saret l-applikazzjoni għal aċċess.

    129

    L-istess sitwazzjoni hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni (C-506/08 P, Ġabra p. I-6237), li fiha, fil-mument meta saret l-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti interni stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata mal-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet ġiet annullata permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali li saret res judicata fin-nuqqas ta’ appell kontra l-imsemmija sentenza u li fiha l-Kummissjoni ma kinitx, wara din is-sentenza ta’ annullament, issoktat l-attivitajiet tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni ġdida relatata mal-imsemmija konċentrazzjoni. Din tiddistingwi ruħha wkoll mis-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza mogħtija fl-istess ġurnata fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, fejn l-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti interni saret meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li temmet il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni li huma marbuta magħha l-imsemmija dokumenti kienet saret definittiva fin-nuqqas ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata kontra din id-deċiżjoni.

    130

    F’sitwazzjoni bħal dik fil-każ preżenti, fejn l-istituzzjoni kkonċernata tista’, skont l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja, tkun meħtieġa li tissokta l-attivitajiet tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni ġdida relatata mal-konċentrazzjoni inkwistjoni, jeħtieġ li tiġi ammessa l-ezistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tistabbilixxi li l-obbligu impost fuq l-imsemmija istituzzjoni li tiżvela, matul din il-proċedura, noti interni bħal dawk imsemmija fil-punt 127 ta’ din is-sentenza jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni.

    131

    Tali evalwazzjoni tapplika wkoll għall-parir legali msemmi fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata, minbarra l-kunsiderazzjonijiet ġustament esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 160 tas-sentenza appellata.

    132

    Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li, fil-punti 84 u 85 tas-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li l-limitazzjonijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward tal-attività ġudizzjarja għandhom l-għan li jiġi żgurat li d-dritt ta’aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jiġu eżerċitati mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni ta’ dawn il-proċeduri timplika li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, li l-aċċess għad-dokumenti minn parti tikkawża distorsjoni fil-bilanċ indispensabbli bejn il-partijiet f’kawża, bilanċ li huwa l-bażi tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, peress li hija biss l-istituzzjoni kkonċernata minn applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti tagħha, u mhux il-partijiet kollha fil-proċedura, li hija suġġetta għall-obbligu ta’ żvelar.

    133

    Fit-tielet lok, fuq l-argument ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, relatat mad-dritt ta’ aċċess parzjali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-preżunzjonijiet ġenerali msemmija, rispettivament, fil-punt 123 kif ukoll fil-punti 130 u 131 ta’ din is-sentenza jfissru li d-dokumenti koperti minn dawn tal-aħħar ma humiex koperti mill-obbligu ta’ żvelar, sħiħ jew parzjali tal-kontenut tagħhom.

    134

    L-istess kunsiderazzjoni tapplika, b’mod partikolari, għar-rifjut ta’ aċċess parzjali għall-parir legali msemmi fil-punt 1(g) tas-sentenza kkontestata, rifjut li jissemma’ b’mod iktar speċifiku, fil-punt 197 tal-imsemmija sentenza, fost il-motivi ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    135

    Konsegwentement, jeħtieġ li jintlaqgħu l-aggravji u l-partijiet ta’ dan l-aggravji kollha invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha.

    136

    Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn din annullat id-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq l-appell inċidentali

    137

    Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Odile Jacob titlob l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn din tal-aħħar ċaħdet it-talba tagħha intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar tirrifjuta l-aċċess sħiħ għall-parir legali tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 1(g) tas-sentenza appellata.

    138

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti, b’mod partikolari, fil-punti 128 sa 134 ta’ din is-sentenza, dan l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    139

    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, f’każ li tiġi annullata s-sentenza appellata, tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Għandu jiġi osservat li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

    140

    Insostenn tar-rikors tagħha, Odile Jacob tqajjem erba’ motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti kontenzjużi, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt ta’ aċċess għall-inqas parzjali għad-dokumenti kontenzjużi u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-nuqqas ta’ bbilanċjar tal-eċċezzjonijiet imqajma mal-interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti.

    141

    Issa, fir-rigward tal-ewwel u t-tieni motivi, kif jirriżulta mill-punti 116 sa 132 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħet, f’dan il-każ, skont l-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi kollha relatati mal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet inkwistjoni msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata minn Odile Jacob abbażi ta’ dak ir-regolament, u dan mingħajr ma twettaq preliminarjament eżami konkret u individwali ta’ dawk id-dokumenti.

    142

    Fin-nuqqas ta’ elementi li jirriżultaw mir-rikors, li jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjonijiet ġenerali msemmija fil-punti 123, 130 u 131 ta’ din is-sentenza, Odile Jacob ma tistax tippretendi li l-Kummissjoni għandha twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti kontenzjużi u, għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu skartati.

    143

    Minn dak li ntqal preċedentement, kif ukoll mill-punti 133 u 134 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt ta’ aċċess għall-inqas parzjali għad-dokumenti kontenzjużi, huwa inapplikabbli.

    144

    Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta min-nuqqas ta’ bbilanċjar tal-eċċezzjonijiet imqajma mal-interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-interess invokat minn Odile Jacob kien evidentement privat u mhux pubbliku.

    145

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa biss interess pubbliku ikbar li jista’ jipprevali fuq in-neċessità li jiġu protetti l-interessi msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu.

    146

    Issa, Odile Jacob semmiet espressament fir-rikors promotur tagħha l-fatt li d-dokumenti kontenzjużi jistgħu jippermettulha li ssostni aħjar l-argumenti tagħha fil-kuntest tar-rikorsi tagħha għal annullament li hija ppreżentat kontra d-deċiżjonijiet ta’ kompatibbiltà u ta’ approvazzjoni. Għaldaqstant, Odile Jacob ma wriet l-ebda interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi u hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

    147

    Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat minn Odile Jacob quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    148

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 69 jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    149

    Peress li l-appell tal-Kummissjoni ġie milqugħ, l-appell inċidentali ta’ Odile Jacob ġie miċħud u r-rikors ta’ Odile Jacob quddiem il-Qorti Ġenerali ġie miċħud, hemm lok li Odile Jacob tiġi kkundannata minbarra għall-ispejjeż tagħha, għall-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni u minn Lagardère kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell, b’mod konformi mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

    150

    Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punti 2 sa 6 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T-237/05), huma annullati.

     

    2)

    L-appell inċidentali huwa miċħud.

     

    3)

    Ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2005) 3286, tas-7 ta’ April 2005, sa fejn din tal-aħħar tiċħad l-applikazzjoni ta’ Éditions Odile Jacob SAS intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti relatati mal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet COMP/M.2978 — Lagardère/Natexis/VUP, huwa miċħud.

     

    4)

    Éditions Odile Jacob SAS hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Lagardère SCA, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell.

     

    5)

    Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top